|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1713 |
14.6.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/1713
tat-13 ta’ Ġunju 2024
dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa lill-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Moldova b’tagħmir militari mfassal biex iwassal forza letali
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 41(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (1) tistabbilixxi l-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) għall-finanzjament mill-Istati Membri ta’ azzjonijiet tal-Unjoni fil-qafas tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni biex tinżamm il-paċi, jiġu prevenuti l-konflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skont l-Artikolu 21(2), il-punt (c), tat-Trattat. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, jenħtieġ li l-EPF tintuża għall-finanzjament ta’ miżuri ta’ assistenza bħal azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali relatati ma’ kwistjonijiet militari u ta’ difiża. |
|
(2) |
L-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea tal-2016 tistabbilixxi l-objettivi tat-tisħiħ tas-sigurtà u d-difiża, l-investiment fir-reżiljenza tal-Istati u s-soċjetajiet fil-Lvant tal-Unjoni, l-iżvilupp ta’ approċċ integrat għall-konflitti u l-kriżijiet, il-promozzjoni u l-appoġġ ta’ ordnijiet reġjonali kooperattivi, u t-tisħiħ ta’ governanza globali bbażata fuq id-dritt internazzjonali, inkluż id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali. |
|
(3) |
Fil-21 ta’ Marzu 2022, l-Unjoni approvat il-Boxxla Strateġika, bl-objettiv li ssir fornitur tas-sigurtà aktar b’saħħtu u aktar kapaċi, inkluż permezz ta’ użu akbar tal-EPF b’appoġġ għall-kapaċitajiet ta’ difiża tas-sħab. |
|
(4) |
L-Unjoni hija impenjata lejn relazzjoni mill-qrib mar-Repubblika tal-Moldova, ibbażata fuq il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova min-naħa l-oħra (2) (“il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”), inkluż iż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva, b’appoġġ għal Repubblika tal-Moldova b’saħħitha, indipendenti u prospera, u għall-promozzjoni tal-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika filwaqt li tappoġġa bis-sħiħ is-sovranità u l-integrità territorjali tar-Repubblika tal-Moldova fil-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment. Skont l-Artikolu 5 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, l-Unjoni u r-Repubblika tal-Moldova għandhom ikomplu jintensifikaw id-djalogu u l-kooperazzjoni tagħhom u jippromwovu l-konverġenza gradwali fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà, inkluż il-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (PSDK), u għandhom jindirizzaw b’mod partikolari kwistjonijiet ta’ prevenzjoni tal-konflitti, ir-riżoluzzjoni paċifika tal-konflitti u l-ġestjoni tal-kriżijiet, l-istabbiltà reġjonali, id-diżarm, in-nonproliferazzjoni, il-kontroll tal-armi u l-kontroll tal-esportazzjoni. |
|
(5) |
L-Unjoni tirrikonoxxi l-kontribut importanti tar-Repubblika tal-Moldova għall-PSDK tal-Unjoni. |
|
(6) |
Din id-Deċiżjoni tibni fuq id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (PESK) 2021/2136 (3), (PESK) 2022/1093 (4), (PESK) 2023/921 (5) u (PESK) 2024/1049 (6) rigward l-impenn tal-Unjoni li tibqa’ tappoġġa t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Moldova f’oqsma ta’ ħtiġijiet prijoritarji. |
|
(7) |
Fil-5 ta’ Frar 2024, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà irċieva talba mir-Repubblika tal-Moldova biex l-Unjoni tassisti lill-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Moldova fl-akkwist ta’ tagħmir ewlieni biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-unitajiet tagħha tal-mobbiltà, il-gwerra elettronika u l-loġistika. |
|
(8) |
Il-miżuri ta’ assistenza għandhom jiġu implimentati b’kont meħud tal-prinċipji u r-rekwiżiti stabbiliti fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, b’mod partikolari tal-konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (7), u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt il-EPF. |
|
(9) |
Il-Kunsill jirriafferma d-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jiggarantixxi d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi u li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, f’konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Stabbiliment, objettivi, kamp ta’ applikazzjoni u durata
1. Hija b’dan stabbilita miżura ta’ assistenza li tibbenefika minnha r-Repubblika tal-Moldova (il-“benefiċjarju”) li għandha tiġi ffinanzjata mill-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) (il-“miżura ta’ assistenza”).
2. L-objettivi tal-miżura ta’ assistenza huma dawn li ġejjin:
|
(a) |
li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Moldova sabiex jissaħħu s-sigurtà, l-istabbiltà u r-reżiljenza nazzjonali fis-settur tad-difiża, f’konformità mal-politika ġenerali tal-Unjoni dwar ir-Repubblika tal-Moldova; |
|
(b) |
filwaqt li tibni fuq l-appoġġ preċedenti tal-EPF, li tippermetti lill-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Moldova jtejbu l-effikaċja operazzjonali, jaċċelleraw il-konformità mal-istandards u l-interoperabbiltà tal-Unjoni, u b’hekk jipproteġu aħjar lill-persuni ċivili fi kriżijiet u emerġenzi; |
|
(c) |
li jissaħħu l-kapaċitajiet tar-Repubblika tal-Moldova fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha f’missjonijiet u operazzjonijiet militari tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni tal-Unjoni. |
3. Sabiex jintlaħaq l-objettiv stipulat fil-paragrafu 2, il-miżura ta’ assistenza għandha tiffinanzja tagħmir għad-difiża tal-ajru fuq medda qasira maħsub biex iwassal forza letali.
Il-miżura ta’ assistenza għandha tiffinanzja wkoll provvisti u servizzi relatati, inkluż it-taħriġ tekniku, fejn meħtieġ.
4. Il-miżura ta’ assistenza għandha ddum 42 xahar mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Arranġamenti finanzjarji
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa marbuta mal-miżura ta’ assistenza għandu jkun ta’ EUR 9 000 000.
2. In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjata taħt l-EPF.
Artikolu 3
Arranġamenti mal-benefiċjarju
1. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) għandu jagħmel l-arranġamenti neċessarji mal-benefiċjarju biex jiżgura l-konformità tal-benefiċjarju mar-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet stabbiliti permezz ta’ din id-Deċiżjoni bħala kundizzjoni għall-għoti ta’ appoġġ taħt il-miżura ta’ assistenza.
2. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju jiżgura:
|
(a) |
konformità tal-unitajiet tal-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Moldova appoġġati taħt il-miżura ta’ assistenza mad-dritt internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali; |
|
(b) |
użu xieraq u effiċjenti tal-assi kollha pprovduti taħt il-miżura ta’ assistenza għall-finijiet li għalihom ikunu ġew ipprovduti; |
|
(c) |
manutenzjoni suffiċjenti tal-assi kollha pprovduti taħt il-miżura ta’ assistenza biex tiġi żgurata l-użabbilità tagħhom u d-disponibbiltà operazzjonali tagħhom matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom; |
|
(d) |
li l-assi kollha pprovduti taħt il-miżura ta’ assistenza ma jintilfux, jew jiġu ttrasferiti mingħajr il-kunsens tal-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 lil persuni jew entitajiet oħra għajr dawk identifikati f’dawk l-arranġamenti, fi tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom. |
3. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ taħt il-miżura ta’ assistenza f’każ li l-benefiċjarju jinstab li jkun kiser l-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 2.
Artikolu 4
Implimentazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt il-EPF u mal-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta’ assistenza taħt il-EPF.
2. L-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) għandhom jitwettqu miċ-Ċentru Estonjan għall-Investimenti fid-Difiża.
Artikolu 5
Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jimmonitorja l-konformità tal-benefiċjarju mal-obbligi stipulati fl-Artikolu 3. Dak il-monitoraġġ għandu jintuża biex jipprovdi għarfien tal-kuntest u r-riskji tal-ksur tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 3, u biex jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ tali ksur, inkluż ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-unitajiet tal-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Moldova appoġġati taħt il-miżura ta’ assistenza.
2. Il-kontroll ta’ wara t-trasportazzjoni tat-tagħmir u l-provvisti għandu jiġi organizzat kif ġej:
|
(a) |
verifika tal-konsenja, fejn iċ-ċertifikati tal-konsenja tal-EPF iridu jiġu ffirmati mill-forzi tal-utent finali mat-trasferiment tas-sjieda; |
|
(b) |
rappurtar dwar l-inventarju, fejn il-benefiċjarju jrid jirrapporta kull sena dwar l-inventarju ta’ oġġetti partikolari sakemm dan ir-rappurtar ma jibqax jitqies neċessarju mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS); |
|
(c) |
żjarat fuq il-post, fejn il-benefiċjarju jrid jagħti lir-Rappreżentant Għoli u l-awdituri tal-EPF l-aċċess biex iwettqu verifiki fuq il-post u awditi tal-EPF, meta jintalab jagħmel dan. |
3. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jwettaq evalwazzjoni finali fi tmiem il-miżura ta’ assistenza biex jiġi vvalutat jekk il-miżura ta’ assistenza tkunx ikkontribwiet biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1(2).
Artikolu 6
Rappurtar
Matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni, ir-Rappreżentant Għoli għandu jipprovdi lill-KPS rapporti kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza, f’konformità mal-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. L-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza għandu jinforma regolarment lill-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa f’konformità mal-Artikolu 38 ta’ dik id-Deċiżjoni, inkluż billi jipprovdi informazzjoni dwar il-fornituri u s-sottokuntratturi involuti.
Artikolu 7
Sospensjoni u terminazzjoni
1. Il-KPS jista’ jiddeċiedi li jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza f’konformità mal-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.
2. Il-KPS jista’ jirrakkomanda li l-Kunsill itemm il-miżura ta’ assistenza.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, it-13 ta’ Ġunju 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
N. DE MOOR
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14).
(2) ĠU L 260, 30.8.2014, p. 4.
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/2136 tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar Miżura ta’ Assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa l-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Moldova (ĠU L 432, 3.12.2021, p. 63).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1093 tat-30 ta’ Ġunju 2022 dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi b’appoġġ għall-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Moldova (ĠU L 176, 1.7.2022, p. 22).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/921 tal-4 ta’ Mejju 2023 dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi b’appoġġ għall-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Moldova (ĠU L 119, 5.5.2023, p. 173).
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/1049 tal-4 ta’ April 2024 dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi b’appoġġ għall-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Moldova (ĠU L, 2024/1049, 5.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1049/oj).
(7) Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1713/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)