24.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 340/304


RIŻOLUZZJONI (UE) 2021/1606 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tad-29 ta’ April 2021

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) (qabel is-27 ta’ Ġunju 2019: L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni (ENISA)) għas-sena finanzjarja 2019

IL-PARLAMENT EWROPEW,

—

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) għas-sena finanzjarja 2019,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0085/2021),

A.

billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u tan-nefqa tagħha (1), il-baġit finali tal-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) (l-"Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2019 kien jammonta għal EUR 16 932 952, li jirrappreżenta żieda ta’ 47,58 % meta mqabbel mal-2018; billi dik iż-żieda tirriżulta l-aktar minn żieda fl-infiq fuq il-persunal, l-ICT u l-attivitajiet operattivi ewlenin, relatati mal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 (l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà) (2); billi l-baġit tal-Aġenzija ġej fil-biċċa l-kbira mill-baġit tal-Unjoni;

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2019 (ir-"rapport tal-Qorti"), stqarret li hija kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota li l-isforzi ta’ monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2019 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit ta’ 96,80 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta’ 3,18 % meta mqabbla mal-2018; jinnota li barra minn hekk, ir-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet ta’ 70,12 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta’ 18,44 % meta mqabbla mal-2018;

Prestazzjoni

2.

Jinnota li l-Aġenzija tuża ċerti indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) biex tkejjel il-valur miżjud ipprovdut mill-attivitajiet tagħha u ttejjeb il-ġestjoni tal-baġit tagħha; jinnota wkoll li l-Aġenzija implimentat KPIs kwantitattivi u kwalitattivi biex tkejjel l-impatt tal-attivitajiet b’mod aktar effiċjenti, u li ġie implimentat ukoll sett speċifiku ta’ KPIs għall-monitoraġġ tal-aspettattivi tal-partijiet ikkonċernati; jilqa’ ż-żieda ta’ KPIs speċifiċi relatati mal-mandat il-ġdid mogħti mill-Att dwar iċ-Ċibersigurtà;

3.

Jilqa’ l-fatt li l-Aġenzija ffirmat ftehim dwar il-livell ta’ servizz maċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali, biex tikseb aktar effiċjenza permezz ta’ kondiviżjoni tas-servizzi, kondiviżjoni tal-għarfien u skambju tal-aħjar prattiki, speċjalment fl-oqsma tal-għodod tal-IT, il-ġestjoni tar-riżorsi umani, l-akkwist pubbliku u l-kontinwità tal-operat;

Politika dwar il-persunal

4.

Jinnota bi tħassib li, fil-31 ta’ Diċembru 2019, 79,66 % tat-tabella tal-persunal kienet implimentata, b’47 minn total ta’ 59 aġent temporanju awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni (meta mqabbel ma’ 48 post tax-xogħol awtorizzati fl-2018); jinnota li, barra minn hekk, 26 aġent kuntrattwali u żewġ esperti nazzjonali sekondati ħadmu għall-Aġenzija fl-2019; jinnota li ż-żieda fit-tabella tal-persunal hija dovuta għall-mandat il-ġdid tal-Aġenzija li ta aktar kompetenzi u riżorsi wara l-adozzjoni tal-Att dwar iċ-Ċibersigurtà;

5.

Jinsab imħasseb ħafna dwar in-nuqqas ta’ bilanċ bejn il-ġeneri rrapportat għall-2019 għall-maniġers superjuri u l-Bord ta’ Tmexxija; jistieden lill-Aġenzija żżid l-isforzi tagħha biex tikseb bilanċ aħjar bejn il-ġeneri fil-livelli kollha; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-importanza li jiżguraw bilanċ bejn il-ġeneri meta jinnominaw lill-membri tagħhom fil-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija;

6.

Jinnota li l-Aġenzija għandha xi diffikultajiet biex timpjega, tattira u żżomm persunal bi kwalifiki xierqa, l-aktar minħabba l-koeffiċjenti tal-korrezzjoni baxxi applikati għas-salarji tal-persunal fil-Greċja u d-defiċit tal-professjonisti fis-suq tas-sigurtà tal-IT fl-Unjoni; jilqa’ l-miżuri soċjali tal-Aġenzija implimentati biex tiżdied l-attraenza u jinnota li t-tabella tal-persunal il-ġdida tal-Aġenzija tippermetti li jiġu proposti pożizzjonijiet kuntrattwali ogħla;

7.

Jinnota li r-rieżami tal-proċeduri ta’ trasferiment lill-membri l-ġodda tal-persunal jinsab għaddej; jinnota wkoll li l-proċeduri ta’ trasferiment huma meqjusa bħala inklużi fil-politika dwar karigi sensittivi; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta dwar l-iżvilupp futur u dwar l-adozzjoni tal-politika dwar karigi sensittivi;

8.

Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-Aġenzija użat ħaddiema temporanji jew interim biex iwettqu kompiti fl-Aġenzija, li dawn il-ħaddiema jirrappreżentaw 29 % tal-forza tax-xogħol totali, żieda mis-sena preċedenti, u skont il-Qorti, dak in-numru jindika ż-żieda fid-dipendenza mill-ħaddiema interim; jinnota li fl-2019 l-Aġenzija ħallset madwar EUR 923 000 għal dawk is-servizzi, ċifra li tirrappreżenta 5,60 % tal-baġit tal-Aġenzija; jinnota, barra minn hekk, li l-Qorti qagħdet lura milli tagħmel osservazzjonijiet rigward l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/104/KE (3) dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija lill-Aġenziji tal-Unjoni, peress li hemm każ pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja;

Akkwist pubbliku

9.

Jinnota bi tħassib mir-rapport tal-Qorti n-nuqqas osservat fil-proċeduri ta’ akkwist, fejn, fi tlieta minn erba’ każijiet awditjati, ġiet osservata sovrapożizzjoni bejn il-kriterji tas-selezzjoni u l-kriterji tal-għoti, u nuqqas ta’ separazzjoni li jikkostitwixxi difett proċedurali, li jesponi lill-Aġenzija għar-riskju li jiġu annullati l-proċeduri tal-offerti; jinnota wkoll li l-Aġenzija ma kinitx konformi mal-iskadenzi tar-Regolament Finanzjarju għall-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ għoti ta’ kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali;

10.

Jinnota mir-rapport tal-Qorti li fi tnejn minn erba’ kuntratti qafas ta’ servizzi awditjati, l-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għall-offerti ma pprovdewx informazzjoni preċiża dwar il-metodu biex jitqabblu l-offerti finanzjarji bbażati skont il-każ, u ma żgurawx l-aktar implimentazzjoni ekonomika; jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-Aġenzija stabbiliet somma ta’ limitu żbaljata għal tliet kuntratti meta jitqiesu l-ambitu u l-valur tal-kuntratti u li ma wettqet l-ebda valutazzjoni dwar ir-riskji relatati mal-implimentazzjoni reali u d-dipendenza finanzjarja lill-Aġenzija marbuta ma’ somma fissa offruta għall-kuntratt; jinnota r-risposta tal-Aġenzija għas-sejbiet tal-Qorti u l-miżuri meħuda mill-Aġenzija biex tipprevjeni li dawn in-nuqqasijiet jerġgħu jseħħu;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u tat-trasparenza

11.

Jinnota l-miżuri eżistenti tal-Aġenzija u l-isforzi kontinwi biex jiġu żgurati t-trasparenza, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, u jinnota li s-CVs tal-membri tal-bord ta’ tmexxija u d-dikjarazzjoni tal-kunflitti ta’ interess tagħhom qegħdin jiġu ppubblikati fuq is-sit web tagħha; jinnota li l-Aġenzija ma tippubblikax id-dikjarazzjonijiet tal-kunflitti ta’ interess u s-CVs tal-maniġment superjuri fuq is-sit web tagħha, bl-eċċezzjoni ta’ dawk tad-direttur eżekuttiv; jappella lill-Aġenzija tippubblika d-dikjarazzjonijiet ta’ kunflitti ta’ interess u s-CVs tal-maniġment superjuri u tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza bil-miżuri meħuda f’dan ir-rigward;

Kontrolli interni

12.

Jinnota li l-Aġenzija ppjanat li tadotta politika ġdida dwar karigi sensittivi fl-2020;

13.

Jinnota rigward l-awditu tas-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni dwar "l-involviment tal-Partijiet Ikkonċernati fil-ħidma biex jinkisbu riżultati tanġibbli fejn tidħol l-ENISA" li rakkomandazzjoni importanti għadha pendenti hekk kif il-proċeduri rilevanti kellhom jiġu riveduti u approvati internament;

14.

Is-servizz tal-awditjar intern ħareġ rapport dwar il-ġestjoni u l-etika tar-riżorsi umani fl-2019, b’erba’ rakkomandazzjonijiet importanti u tlieta importanti ħafna; jinnota li ġie miftiehem pjan ta’ azzjoni biex jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet miftiehma mal-IAS u jistieden lill-Aġenzija tirrapporta dwar l-istatus ta’ implimentazzjoni tagħhom;

Kummenti oħra

15.

Jinnota bi tħassib li l-Aġenzija għadha ma żviluppatx politika ta’ ġestjoni ambjentali formali u komprensiva biex tiżgura post tax-xogħol favur l-ambjent; jistieden lill-Aġenzija tieħu azzjoni f’dan ir-rigward;

16.

Jinnota li l-Aġenzija pproduċiet 55 rapport u kienet attiva fis-sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet ċibernetiċi;

17.

Jappella lill-Aġenzija tikkonċentra aktar fuq it-tixrid mal-pubbliku ġenerali tar-riżultati tar-riċerka tagħha;

18.

Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ April 2021 (4) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni fina

(1)   ĠU C 120, 29.03.2019, p. 67

(2)  Ir-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013, ĠU L 151, 7.6.2019, p. 15.

(3)  Id-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija, ĠU L 327, 5.12.2008, p. 9.

(4)  Testi adottati, P9_TA(2021)0215.