|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/46 |
9.1.2026 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/46
tat-3 ta’ Diċembru 2025
li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 biex ir-Russja tiżdied mal-lista ta’ pajjiżi terzi b’riskju kbir b’nuqqasijiet strateġiċi
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 9(2) tagħha,
Billi:
|
(1) |
L-Unjoni hija obbligata li tipproteġi b’mod effettiv l-integrità u l-funzjonament xieraq tas-sistema finanzjarja tagħha u tas-suq intern mill-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Għaldaqstant, id-Direttiva (UE) 2015/849 tipprevedi li l-Kummissjoni għandha tidentifika l-ġuriżdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi li għandhom nuqqasijiet strateġiċi fir-reġimi tagħhom dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (anti-money laundering and countering financing of terrorism, AML/CFT) li joħolqu theddid serju għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni (“pajjiżi terzi b’riskju kbir”). |
|
(2) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 (2) jidentifika l-pajjiżi terzi b’riskju kbir u li għandhom nuqqasijiet strateġiċi. |
|
(3) |
Fid-dawl tal-livell għoli ta’ integrazzjoni tas-sistema finanzjarja internazzjonali, ir-rabta stretta tal-operaturi tas-suq, il-volum għoli ta’ tranżazzjonijiet transfruntiera lejn jew mill-Unjoni, u l-livell ta’ ftuħ tas-suq, kwalunkwe theddida tal-AML/CFT fuq is-sistema finanzjarja internazzjonali hija wkoll theddida għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni. |
|
(4) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/1393 (3) jirrikonoxxi li pajjiżi terzi li mhumiex identifikati pubblikament bħala soġġetti għal sejħiet għal azzjoni jew monitoraġġ akbar mit-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF) xorta jistgħu jkunu ta’ theddida għall-integrità tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni, speċjalment meta s-sħubija ta’ tali pajjiżi fl-FATF tiġi sospiża minħabba ksur serju tal-prinċipji ewlenin li fuqhom hija mibnija l-FATF. Skont l-Artikolu 1a tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/1184 (4), il-Kummissjoni għandha tikkonkludi r-rieżami ta’ tali pajjiżi terzi sal-31 ta’ Diċembru 2025, biex tivvaluta jekk temendax l-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 kif xieraq. |
|
(5) |
Is-sħubija tal-FATF fil-Federazzjoni Russa (“ir-Russja”) ġiet sospiża minħabba l-ksur serju tagħha tal-prinċipji ewlenin tal-FATF. Għalhekk, ir-Russja taqa’ fil-kriterji tal-valutazzjoni skont l-Artikolu 1a tar-Regolament Delegat (UE) 2025/1184. Meta jitqies li d-dgħufijiet fir-reġim tal-AML/CFT Russu jistgħu joħolqu theddida serja għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u mal-awtoritajiet tal-Istati Membri, lestiet valutazzjoni prima facie tar-reġim tal-AML/CFT tal-pajjiż. |
|
(6) |
Il-valutazzjoni identifikat għadd ta’ nuqqasijiet strateġiċi, b’mod partikolari relatati mal-liġijiet u l-politiki tar-Russja fil-qasam tal-indipendenza tal-Unità tal-Intelligence Finanzjarja u l-kapaċità tagħha li tikkoopera ma’ kontropartijiet f’pajjiżi oħra, il-liġijiet u l-politiki tar-Russja fil-qasam tat-trasparenza tas-sjieda benefiċjarja u d-disponibbiltà u l-preċiżjoni tal-informazzjoni, u l-liġijiet u l-politiki tar-Russja fil-qasam tal-applikazzjoni tar-regolament dwar l-AML/CFT għall-kriptoassi. Tali nuqqasijiet jesponu lis-Suq Uniku għal riskji ta’ ML/TF li jenħtieġ li jiġu mmitigati. |
|
(7) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li r-Russja għandha tiġi identifikata bħala pajjiż terz b’riskju għoli u jenħtieġ li tiżdied mal-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675. Peress li r-Russja ma taqa’ taħt l-ebda waħda mill-kategoriji ta’ pajjiżi terzi b’riskju kbir stabbiliti fl-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675, jenħtieġ li tiżdied kategorija ġdida ma’ dak l-Anness għal pajjiżi terzi b’riskju kbir li mhumiex identifikati bħala soġġetti għal sejħiet għal azzjoni jew monitoraġġ akbar mill-FATF, iżda li s-sħubija tagħhom f’dak il-korp internazzjonali li jistabbilixxi l-istandards hija sospiża. |
|
(8) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 jiġi emendat kif xieraq, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 għandu jiġi emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.
Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Diċembru 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/849/oj.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 tal-14 ta’ Lulju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidentifika pajjiżi terzi b’riskju kbir b’nuqqasijiet strateġiċi (ĠU L 254, 20.9.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2016/1675/oj).
(3) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/1393 tat-8 ta’ Lulju 2025 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2025/1184 biex jintroduċi klawżola ta’ rieżami (ĠU L, 2025/1393, 21.8.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/1393/oj).
(4) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/1184 tal-10 ta’ Ġunju 2025 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 biex l-Alġerija, l-Angola, il-Kosta tal-Avorju, il-Kenja, il-Laos, il-Libanu, Monaco, in-Namibja, in-Nepal u l-Venezwela jiżdiedu mal-lista ta’ pajjiżi terzi b’riskju għoli li pprovdew impenn politiku ta’ livell għoli bil-miktub biex jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati u żviluppaw pjan ta’ azzjoni mal-FATF, u biex Barbados, Ġibiltà, il-Ġamajka, il-Panama, il-Filippini, is-Senegal, l-Uganda u l-Emirati Għarab Magħquda jitneħħew minn dik il-lista (ĠU L, 2025/1184, 16.7.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/1184/oj).
ANNESS
Il-punt IV li ġej jiżdied mal-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675:
|
“IV. |
Pajjiżi terzi b’riskju għoli li mhumiex identifikati bħala soġġetti għal sejħiet għal azzjoni jew monitoraġġ akbar mill-FATF, iżda li s-sħubija tagħhom f’dak il-korp internazzjonali li jistabbilixxi l-istandards hija sospiża
|
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2026/46/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)