31974L0331



Official Journal L 189 , 12/07/1974 P. 0009 - 0010
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 4 P. 0028
Greek special edition: Chapter 13 Volume 2 P. 0258
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 4 P. 0028
Spanish special edition: Chapter 13 Volume 3 P. 0247
Portuguese special edition Chapter 13 Volume 3 P. 0247


Id-Direttiva tal-Kummissjoni

tat-12 ta’ Ġunju 1974

li tadotta għall-progress tekniku d-Direttiva tal-Kunsill tas-26 ta’ Lulju 1971 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ meters tal-volum tal-gass.

(74/331/KEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea;

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill Nru 71/316/KEE [1] tas-26 ta’ Lulju 1971 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ disposizzjonijiet komuni għall- istrumenti ta’ kejl u għall-metodi ta’ kontroll metroloġiku, kif emendata bl-Att anness mat-Trattat [2] dwar l-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda mal-Komunità Ekonomika Ewropea u mal-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika, iffirmat fi Brussel fit-22 ta’ Jannar 1972, u b'mod partikolari l-Artikoli 17, 18 u 19 tiegħu;

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill Nru 71/318/KEE [3] tas-26 ta’ Lulju 1971 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar il-meters tal-volum tal-gass;

Billi, l-element tat-test ta’ meter tal-volum tal-gass għandu jippermetti qari foto-elettriku tan-numru ta’ dawriet magħmul minn dak l-element, b’konsiderazzjoni ta’ l-evoluzzjoni teknika f’dan il-qasam.

Billi, il-metodu issuġġerit mir-Renju Unit għat-twettieq tal-verifika inizjali tal-KEE għal meters tal-volum ta' gass jista' jiġi meqjus li huwa simili għal dak stabbilit bid-Direttiva tal-Kunsill Nru 71/318/KEE, jekk dak il-metodu jitwettaq b’marġini ta’ ċirkolazzjoni ta’ 0.3 Qmin fl-applikazzjoni ta' l-iżball massimu permissibli ta’ 10%, waqt li tittieħed konsiderazzjoni kif jixraq tal-progress tekniku u jekk ikun hemm bżonn, tiġi emendata d-Direttiva;

Billi, il-kumplament ta’ l-emendi huma mfasslin fuq il-gwida li hija parti mill-Att imsemmi fuq;

Billi l-miżuri li għalihom hemm provdut f’din id-Direttiva huma bi qbil ma' l-Opinjoni tal-Kumitat dwar l-adattazzjoni għall-progress tekniku tad-Direttivi maħsubin għall-eliminazzjoni ta’ ostakoli tekniċi għall-kummerċ fis-settur ta' strumenti ta’ kejl,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 71/318/KEE tas-26 ta’ Lulju 1971, it-test ta’ punti 5.2.4 tal-Kapitolu I.B; 4.3, 7.2.6 u 8.1 tal-Kapitolu II, kif ukoll it-tabella ta’ punt 2.1 u punt 7.1 (b) tal-Kapitolu III huma emendati b’dawk li jidhru fl-Anness għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi mad-Direttiva fi żmien 12 il-xhar min-notifikazjoni tagħha, u għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni b'dan.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-test tad-disposizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni.

Artikolu 3

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, it-12 ta’ Ġunju 1974.

Għall-Kummissjoni

Il-President

François-Xavier Ortoli

[1] ĠU Nru L 202, 6.9.1971, p. 1.

[2] ĠU Nru L 73, 27.3.1972, p. 14.

[3] ĠU Nru L 202, 6.9.1971, p. 21

--------------------------------------------------

ANNESS

1. "Il-werrej jew il-marka ta’ referenza għandhom ikunu rqaq biżżejjed li jippermettu qari ċert u b'mod faċli.

L-element tat-test jista' jkollu marka ta’ referenza li tkun tista' titneħħa u għandu jkun ta’ daqs biżżejjed li jippermetti scanning foto-elettriku. Il-marka ta’ referenza m’għandhiex tgħatti l-gradwazzjoni; jekk meħtieġ, din tista' tissostitwixxi l-figura 0. Din ma għandhiex tinterferixxi mal-preċiżjoni tal-qari."

2. Dan li ġej għandu jiġi mdaħħal wara t-tabella fil-paragrafu 4.3 tal-Kapitolu II ta’ l-Anness: "Il-volum ta’ arja li għandu jiġi mkejjel jista' jkun mibdul bil-volum li jikkorrispondi bejn wieħed u ieħor man-numru kollu ta’ dawriet fl-element tat-test."

3. "7.2.6. Wara t-test ta’ reżistenza, il-meters (bl-eċċezzjoni, l-aktar, ta’ wieħed minnhom jekk it-testijiet huma mwettqa fuq minimu ta’ tliet meters) għandhom jissodisfaw il-ħtiġiet li ġejjin:

(a) matul il-medda ta’ ċirkolazzjoni, id-differenza bejn l-iżbalji massimi u minimi bħala funzjoni taċ-ċirkolazzjoni Q ma għandhiex tkun aktar minn valur ta’ 4% għal kull meter;

(b) il-valuri ta’ l-iżbalji ma għandhomx ikunu differenti b’aktar minn 1,5% tal-valuri korrispondenti tal-bidu;

Għar-rata Qmin dan l-iżball japplika biss għal varjazzjonijiet fis-sens negattiv;

(ċ) il-waqa' mekkanika fil-pressjoni ma għandhiex tkun żdiedet b’aktar minn 20 N/m 2 (0,2 millibars)."

4. "8.1. Testijiet tal-preċiżjoni

Meter ikun meqjus li jissodisfa l-ħtiġijiet li jikkonċernaw l-iżbalji massimi permissibli jekk dawn il-ħtiġiet jiġu sodisfatti f’dawn ir-rati ta’ ċirkolazzjoni:

(a) f'rata ta’ ċirkolazzjoni Qmin;

(b) f'rata ta’ ċirkolazzjoni fl-ordni ta’ 1/5 Qmax;

(ċ) f'rata ta’ ċirkolazzjoni ta’ Qmax.

Jekk l-eżaminazzjoni tkun imwettqa taħt kondizzjonijiet differenti, il-garanziji għandhom ikunu għallinqas ugwali għal dawk miksubin mit-testijiet imsemmija hawn fuq."

5. It-tabella tal- punt 2.1 tal-Kapitolu III, hija mibdula bit-tabella li ġejja:

G | Q max m3/h | Medda ta’ kapaċitajiet |

Żgħira | Medja | Kbira |

Qmin m2/h | Qmin m2/h | Qmin m2/h |

25 | 40 | 8 | 4 | 2 |

40 | 65 | 13 | 6 | 3 |

65 | 100 | 20 | 10 | 5 |

100 | 160 | 32 | 16 | 8 |

160 | 250 | 50 | 25 | 13 |

250 | 400 | 80 | 40 | 20 |

400 | 650 | 130 | 65 | 32 |

650 | 1000 | 200 | 100 | 50 |

1000 | 1600 | 320 | 160 | 80 |

6. "(b) għal meters tat-turbini:

Qmin - 1,5 Qmin - 2,5 Qmin - 0,25 Qmax - 0,5 Qmax u Qmax."

--------------------------------------------------