4.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 291/2


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-3 ta’ Settembru 2011

li tistabbilixxi grupp ta' esperti tal-Kummissjoni dwar l-akkwist pubbliku magħmul minn partijiet interessati u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni 87/305/KEE li tistabbilixxi kumitat konsultattiv dwar il-liberalizzazzjoni tal-akkwist pubbliku

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2011/C 291/02

IL-KUMMISSJONI TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-istrateġija Ewropa 2020 tenfasizza li l-politika tal-akkwist pubbliku għandha tiżgura l-aktar użu effiċjenti tal-fondi pubbliċi u żżomm is-swieq tal-akkwist miftuħin għall-Unjoni kollha, speċjalment fil-kuntest ta' restrizzjonijiet baġitarji serji ħafna u diffikultajiet ekonomiċi serji ħafna f'bosta Stati Membri.

(2)

L-istrateġija Ewropa 2020 tisħaq li r-regoli dwar l-akkwist pubbliku għandhom itejbu l-ambjent tan-negozju, speċjalment fir-rigward ta' impriżi żgħar u medji innovattivi sabiex hekk tiffavorixxi t-tibdil meħtieġ għall-ksib ta' ekonomija li tuża r-riżorsi b'effiċjenza. Il-politika tal-akkwist pubbliku għandha wkoll tikkontribwixxi biex jinkisbu r-regoli komuni tas-soċjetà, inkluż il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-promozzjoni tal-innovazzjoni, li huma sfidi ġodda importanti li l-Ewropa qed taffronta.

(3)

F'dan il-kuntest, il-qafas li nħoloq permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 87/305/KEE tas-26 ta' Mejju 1987 li tistabbilixxi kumitat konsultattiv dwar il-liberalizzazzjoni tal-akkwist pubbliku (1), m'għadux xieraq sabiex jipprovdi lill-Kummissjoni bl-għarfien espert u b'informazzjoni prattika meħtieġa sabiex titfassal il-politika tal-akkwist pubbliku, liema politika tkun tissodisfa l-isfidi li dejjem jinbidlu tal-politika tal-akkwist pubbliku tal-Unjoni.

(4)

Għaldaqstant huwa meħtieġ li jitwaqqaf grupp ta' esperti dwar l-akkwist pubbliku f'qafas legali ġdid li se jippermetti, min-naħa l-waħda, li l-funzjonament tal-grupp ikun adattat għall-qafas ġdid tal-Kummissjoni għall-gruppi ta' esperti (2), u min-naħa l-oħra, li jipprovdi lill-Kummissjoni bl-għarfien espert, esperjenza u intuwizzjoni meħtieġa sabiex jintlaħqu dawn l-isfidi ġodda fil-qasam tal-akkwist pubbliku.

(5)

Għaldaqstant il-grupp għandu jgħin lill-Kummissjoni tiżviluppa dibattitu u politika tal-akkwist li jkunu ta' kwalità għolja. Il-grupp għandu, fejn xieraq, iħejji rapporti jew jippubblika opinjonijiet sabiex jgħin lill-Kummissjoni tiżviluppa u timplimenta l-politika u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-akkwist pubbliku.

(6)

Barra minn hekk, forum bħal dan għandu wkoll jippermetti lill-oqsma kkonċernati li jkunu infurmati dwar it-tfassil u l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-akkwist.

(7)

Fid-dawl ta' dan kollu, il-grupp għandu jkollu taħlita ta' membri magħżula skont il-kapaċità personali tagħhom u/jew l-interessi li jirrappreżentaw, kif ukoll membri mill-organizzazzjonijiet. Dawk il-membri għandhom ikunu ġejjin minn sfondi differenti li jinkludu, pereżempju, professjonisti legali, esperti tekniċi involuti f'kuntratti ta' akkwist, l-akkademja, organizzazzjonijiet tal-industrija jew tal-kummerċ, u assoċjazzjonijiet ta' awtoritajiet jew entitajiet kontraenti.

(8)

Kemm jista' jkun, il-grupp għandu jkun fih bilanċ kemm fir-rigward tas-sessi, kemm tal-oriġini ġeografika.

(9)

Il-membri kollha għandhom jissodisfaw standards għoljin ta' parteċipazzjoni attiva u ta' kwalità waqt il-laqgħat, u jekk meħtieġ, anke fit-tħejjija u fis-segwitu tagħhom.

(10)

Id-dejta personali għandha tiġi pproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data (dejta) personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (dejta) (3).

(11)

Għaldaqstant, id-Deċiżjoni 87/305/KEE għandha tkun irrevokata,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-grupp ta' esperti tal-Kummissjoni dwar l-akkwist pubbliku magħmul minn partijiet interessati

Bil-preżenti qed jiġi stabbilit grupp ta' esperti dwar l-akkwist pubbliku magħmul minn partijiet interessati (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Grupp”).

Dan il-grupp jissostitwixxi l-kumitat konsultattiv dwar il-liberalizzazzjoni tal-akkwist pubbliku, stabbilit permezz tad-Deċiżjoni 87/305/KEE.

Artikolu 2

Kompiti tal-grupp

Il-kompiti tal-grupp għandhom ikunu dawk li permezz tagħhom il-Kummissjoni tiġi pprovduta b'intuwizzjoni u b'għarfien espert fuq il-livell legali, ekonomiku, tekniku u/jew prattiku ta' kwalità għolja bl-għan li jgħinuha tfassal il-politika dwar l-akkwist pubbliku tal-Unjoni.

Dawk il-kompiti jistgħu jinvolvu:

(a)

il-provvediment ta' analiżi legali u ekonomika, kif ukoll kummenti dwar żviluppi importanti jew xejriet strutturali tal-akkwist pubbliku, u l-implikazzjonijiet tagħhom għall-qafas tal-politika tal-Unjoni;

(b)

il-provvediment ta' tagħrif lis-servizzi tal-Kummissjoni dwar l-isfidi u l-iżviluppi f'oqsma speċifiċi li jistgħu jeħtieġu miżuri mil-lat tal-akkwist pubbliku, u li jiġu proposti soluzzjonijiet xierqa;

(c)

il-provvediment ta' informazzjoni bil-għan li ttejjeb l-effettività tal-politika dwar l-akkwist pubbliku tal-Unjoni;

(d)

il-provvediment ta' informazzjoni fil-kuntest tax-xogħol preparatorju leġiżlattiv tal-Kummissjoni fil-qasam tal-akkwist pubbliku;

(e)

għajnuna lis-servizzi tal-Kummissjoni fl-analiżi tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

L-opinjonijiet tal-grupp ma għandhomx jorbtu lill-Kummissjoni jew lis-servizzi tagħha.

Artikolu 3

Konsultazzjoni

Il-Kummissjoni jew is-servizzi tagħha jistgħu jikkonsultaw il-grupp dwar kwalunkwe kwistjoni marbuta mal-politika, liġi u prattika tal-Unjoni fir-rigward tal-akkwist pubbliku.

Artikolu 4

Sħubija – Ħatra

1.   Il-grupp għandu jkun magħmul minn massimu ta’ 20 membru.

2.   Il-membri għandhom ikunu individwi maħtura f'kapaċità personali, individwi li jirrappreżentaw interess komuni, u/jew organizzazzjonijiet hekk kif imsemmija fir-Regola 8 tar-regoli orizzontali għall-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni.

3.   Il-membri kollha u r-rappreżentanti tagħhom għandhom jissodisfaw standards għoljin ta' parteċipazzjoni attiva u ta' kwalità waqt il-laqgħat u, jekk meħtieġ, anke fit-tħejjija u fis-segwitu tagħhom.

4.   Sejħa għall-applikazzjonijiet għandha tkun ippubblikata mis-servizzi tal-Kummissjoni bil-għan li jintgħażlu l-membri tal-grupp.

5.   Il-membri għandhom ikunu maħtura mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ Suq Intern u Servizzi. Dawk il-membri għandhom ikunu magħżula minn fost individwi u organizzazzjonijiet b'kompetenza fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 2 u l-Artikolu 3 u li jkunu wieġbu għas-sejħa għall-applikazzjonijiet.

L-organizzazzjonijiet għandhom jinnominaw ir-rappreżentanti tagħhom. Id-Direttur Ġenerali tad-DĠ Suq Intern u Servizzi jista' jirrifjuta rappreżentant propost minn organizzazzjoni jekk ir-rappreżentant ma jkunx jissodisfa l-profil mitlub fis-sejħa għall-applikazzjonijiet. F'każijiet bħal dawn, l-organizzazzjoni kkonċernata tkun mitluba taħtar rappreżentant ieħor.

6.   Il-membri huma maħtura għal tliet snin mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ MARKT. Il-mandat jista' jiġġedded għal massimu ta’ tliet snin. Id-Direttur Ġenerali tad-DĠ MARKT għandu jiddeċiedi dwar it-tiġdid ta' wieħed jew bosta membri abbażi tal-kwalità, regolarità u relevanza tal-kontribuzzjonijiet tagħhom hekk kif definit fl-Artikolu 3.

Il-membri għandhom jibqgħu fil-kariga u attivi sakemm jiġu sostitwiti.

7.   Jista' jkun hemm dispożizzjoni għall-istess numru ta' membri supplenti daqs membri li għandhom jinħatru. Il-membri supplenti għandhom jinħatru bl-istess kundizzjonijiet bħall-membri; il-membri supplenti għandhom jissostitwixxu l-membri kollha assenti jew indisposti b’mod awtomatiku.

8.   Il-membri li ma jibqgħux f’qagħda li jikkontribwixxu b’mod effettiv għall-ħidmiet tal-grupp, li jirriżenjaw jew li ma jkunux konformi mal-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, jew l-Artikolu 339 tat-Trattat, jistgħu jiġu sostitwiti għall-kumplament tal-mandat tagħhom.

9.   Individwi li jinħatru fil-kapaċità personali għandhom jaġixxu b’mod indipendenti u fl-interess pubbliku. Individwi li jinħatru sabiex jirrappreżentaw interess komuni kondiviż flimkien mal-partijiet interessati m'għandhomx jirrappreżentaw parti interessata individwali.

10.   L-ismijiet tal-individwi maħtura fil-kapaċità personali, ta' individwi li jirrappreżentaw interess komuni, u ta' organizzazzjonijiet, għandu jkun ippubblikat fir-Reġistru tal-Kummissjoni għall-gruppi ta' esperti jew entitajiet simili (“ir-Reġistru”). L-interessi rrappreżentati minn individwi għandhom ukoll ikunu ppubblikati fir-Reġistru.

L-individwi li ma jixtiqux li isimhom jintwera jistgħu japplikaw għal deroga mill-obbligu ta' pubblikazzjoni stabbilit fl-ewwel subparagrafu. Tista' biss tingħata deroga jekk il-kxif tal-isem tal-espert jista' jqiegħed fil-periklu s-sigurtà jew l-integrità tiegħu jew tagħha jew jippreġudika b'mod mhux ġust il-privatezza tiegħu jew tagħha.

11.   Id-dejta personali għandha tinġabar u tkun ipproċessata u ppubblikata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 (4).

Artikolu 5

Tħaddim

1.   Il-grupp għandu jkun ippresedut minn rappreżentant tas-servizzi tal-Kummissjoni.

2.   Il-grupp għandu jaġixxi meta jintalab jagħmel dan minn dawk is-servizzi.

3.   Is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jistabbilixxu bil-quddiem l-Aġenda tal-laqgħat. Għal dan il-għan, dawk is-servizzi jistgħu jikkunsidraw suġġerimenti mill-membri tal-grupp.

4.   Is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jiddeċiedu li l-grupp jiltaqa' kollu jew f'sottogrupp(i) li għandu/għandhom ikun(u) magħmul jew magħmulin minn dawk il-membri li l-għarfien espert u/jew l-interessi tagħhom huma ta' rilevanza speċifika għall-punti tal-aġenda tal-laqgħa speċifika.

5.   Is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu, fuq bażi ad hoc, jistiednu esperti minn barra l-grupp li jkollhom kompetenza speċifika f’suġġett li jkun fuq l-aġenda biex jieħdu sehem fil-ħidma tal-grupp. Barra minn dan, is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jagħtu status ta' osservatur lil individwi, lil organizzazzjonijiet kif iddefiniti fir-Regola 8(3) tar-regoli orizzontali dwar il-gruppi ta' esperti u lill-pajjiżi kandidati.

6.   Il-membri kollha tal-grupp u r-rappreżentanti tagħhom, kif ukoll l-esperti u l-osservaturi li jkunu mistiedna għal-laqgħa speċifika, għandhom iħarsu l-obbligi tas-segretezza professjonali stipulati fit-Trattati u fir-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll ir-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà marbutin mal-ħarsien tat-tagħrif ikklassifikat tal-UE, stipulati fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom (5). F'każ li jonqsu milli jħarsu dawn l-obbligi, id-Direttur Ġenerali tas-Suq Intern jista’ jieħu l-miżuri kollha li jkunu xierqa.

7.   Il-laqgħat tal-grupp jew is-sottogrupp(i) tiegħu għandhom isiru f'bini tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-servizzi segretarjali. L-uffiċjali l-oħra tal-Kummissjoni li jkollhom interess fil-proċeduri jistgħu jattendu l-laqgħat tal-grupp.

8.   Ir-regoli dwar il-proċedura tal-grupp għandhom ikunu r-regoli standard ta' proċedura applikabbli għall-gruppi ta' esperti, sakemm il-grupp ma jadottax regoli speċifiċi.

9.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika t-tagħrif rilevanti dwar l-attivitajiet li jwettaq il-grupp, jew billi tinkludih fir-Reġistru jew permezz ta' ħolqa mir-Reġistru li twassal għal sit tal-internet speċifiku.

Artikolu 6

Spejjeż tal-laqgħat

1.   Dawk li jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-grupp m’għandhomx jitħallsu għas-servizzi tagħhom.

2.   L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza mġarrba mill-parteċipanti fl-attivitajiet tal-grupp għandhom jiġu rimborsati mill-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fi ħdan il-Kummissjoni.

3.   Dawk l-ispejjeż għandhom jiġu rimborsati fil-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli allokati skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.

Artikolu 7

Revoka

Id-Deċiżjoni 87/305/KEE (6) hija rrevokata.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Settembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Michel BARNIER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 152, 12.6.1987, p. 32. Deċiżjoni tal-Kummissjoni 87/305/KEE tas-26 ta' Mejju 1987 li tistabbilixxi kumitat konsultattiv dwar il-liberalizzazzjoni tal-akkwist pubbliku.

(2)  SEC(2010) 1360 finali.

(3)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(4)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 3.

(5)  SEC(2007) 639 tal-25.6.2007.

(6)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 1.