8.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

938


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-27 ta' Ġunju 2006

li temenda d-Deċiżjoni 2006/148/KE dwar l-introduzzjoni ta' tilqim preventiv kontra l-influwenza tat-tjur H5N1 b'patoġeniċità għolja u dispożizzjonijiet relatati għall-movimenti fi Franza

(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 2875)

(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

(2006/438/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE ta' l-20 ta' Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll ta' l-influwenza tat-tjur u li tirrevoka d-Direttiva 92/40/KEE (1), u partikularment l-Artikolu 57(2) tagħha;

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni 2006/148/KE ta' l-24 ta' Frar 2006 dwar l-introduzzjoni ta' tilqim preventiv kontra l-influwenza tat-tjur H5N1 b'patoġeniċità għolja u dispożizzjonijiet relatati mal-movimenti fi Franza (2), il-Kummissjoni approvat il-pjan ta' tilqim preventiv kontra l-influwenza tat-tjur H5N1 b'patoġeniċità għolja, ippreżentat minn Franza lill-Kummissjoni fil-21 ta' Frar 2006 (“il-pjan ta' tilqim preventiv”) u stabbilixxiet ċerti miżuri li għandhom jiġu applikati fi Franza fejn qed jitwettaq tilqim preventiv.

(2)

Skond il-pjan ta' tilqim preventiv Franza assumiet ir-responsabbiltà li tlaqqam il-papri u l-wiżż kontra l-influwenza tat-tjur H5N1 b'patoġeniċità għolja, dan qed jiġi kkunsidrat bħala proġett pilota peress li l-esperjenza ta' tilqim preventiv fuq dawn l-ispeċi hi limitata.

(3)

Skond il-pjan ta' tilqim preventiv, hekk kif inhu approvat bid-Deċiżjoni 2006/148/KE, it-tilqim kellu jitlesta sa l-1 ta' April 2006.

(4)

Fl-20 ta' April 2006 Franza ppreżentat l-ewwel rapport mifrux tagħha dwar l-użu tat-tilqim. Barra minn dan, Franza talbet estensjoni għall-użu tat-tilqim preventiv taħt l-istess kondizzjonijiet sat-30 ta' Ġunju 2006 sabiex takkwista aktar esperjenza u tagħrif epidemjoloġiku u korrispondentement ippreżentat emenda fil-pjan ta' tilqim preventiv.

(5)

Abbażi ta' l-informazzjoni li tinstab fir-rapport ippreżentat minn Franza, il-Kummissjoni hi ta' l-opinjoni li aktar esperjenza fil-qasam hi meħtieġa fir-rigward ta' l-użu tat-tilqim kontra l-imxija ta' l-influwenza tat-tjur H5N1 b'patoġeniċità għolja fil-papri u l-wiżż. Għalhekk hu adatt li tiġi approvata l-estensjoni tat-tilqim preventiv ippreżentata minn Franza sat-30 ta' Ġunju 2006.

(6)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni jaqblu ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u Saħħet l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2006/148/KE għandha tkun emendata kif ġej: L-ewwel sottoparagrafu ta' l-Artikolu 2 (1) għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

“1.   Il-pjan ta' tilqim preventiv, li jipprovdi tilqim sat-30 ta' Ġunju 2006, kontra l-influwenza tat-tjur H5N1 b'patoġeniċità għolja, ippreżentat minn Franza lill-Kummissjoni fil-21 ta' Frar 2006, u l-emenda tiegħu ta' l-20 ta' April 2006 huwa approvat (‘il-pjan ta' tilqim preventiv’)”.

Artikolu 2

Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fi Brussell, nhar is-27 ta' Ġunju 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16.

(2)   ĠU L 55, 25.2.2006, p. 51.