European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2461

3.12.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2461

tad-29 ta’ Settembru 2025

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2095 fir-rigward tal-miżuri għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni, l-istabbiliment u t-tixrid fit-territorju tal-Unjoni ta’ Anoplophora chinensis (Forster)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1) u (2) u l-Artikolu 41(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2095 (2) jistabbilixxi miżuri għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni, l-istabbiliment u t-tixrid fit-territorju tal-Unjoni ta’ Anoplophora chinensis (Forster) (“il-pest speċifikat”).

(2)

Mill-2022, il-pest speċifikat sar stabbilit f’ċerti żoni tal-Italja, fejn il-qerda tiegħu ma għadhiex possibbli. Għal din ir-raġuni, jenħtieġ li dawk iż-żoni jiġu elenkati bħala żoni demarkati għat-trażżin tal-pest speċifikat, fejn jenħtieġ li jiġu applikati miżuri speċifiċi għal dak l-għan.

(3)

Għaċ-ċertezza legali, huwa xieraq li mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2095 jitneħħew ir-rekwiżiti kollha dwar l-introduzzjoni u l-moviment fl-Unjoni tal-pjanti li jistgħu jospitaw il-pest speċifikat, peress li dawk ir-rekwiżiti ġew inklużi fl-Annessi VII u VIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 (3), skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1953 (4).

(4)

Fir-rigward tal-ġeneru Aesculus, il-lista ta’ pjanti speċifikati, kif definita fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2095, tinkludi biss l-ispeċijiet tal-Aesculus hippocastanum bħala pjanta ospitanti li fuqha għandhom jittieħdu miżuri ta’ qerda u trażżin. Madankollu, wara s-sejba tal-pest speċifikat fuq speċijiet oħra ta’ Aesculus fl-Unjoni, jenħtieġ li dik il-lista tiġi estiża għall-ġeneru Aesculus kollu.

(5)

L-Artikolu 6(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2095 jippermetti deroga mill-istabbiliment ta’ żoni demarkati taħt ċerti kundizzjonijiet. Meta l-awtorità kompetenti tuża dik id-deroga, hija għandha tistabbilixxi għadd ta’ miżuri, inkluża sorveljanza intensiva f’raġġ ta’ mill-inqas 1 km madwar is-sejba. Madankollu, f’każijiet speċifiċi ħafna, fejn il-feġġ u l-preżenza tal-pest speċifikat jistgħu jiġu esklużi b’mod inekwivoku wara l-valutazzjoni mill-awtorità kompetenti u r-riskju rispettiv jitqies negliġibbli, tali sorveljanza mhijiex ġustifikata u għalhekk jenħtieġ li ma tkunx meħtieġa.

(6)

F’konformità mal-Artikolu 8(1), ir-raba’ subparagrafu, u l-Artikolu 9(1), il-ħames subparagrafu, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2095, l-istħarriġiet fiż-żona ta’ lqugħ għandhom ikunu bbażati fuq il-Linji Gwida Ġenerali tal-Awtorità għal stħarriġiet statistikament sodi u bbażati fuq ir-riskju għall-pesti tal-pjanti, filwaqt li d-disinn tal-istħarriġ u l-iskema ta’ kampjunar użati fiha għandhom ikunu jistgħu jidentifikaw b’mill-inqas 95 % ta’ fiduċja, livell ta’ preżenza ta’ pjanti infestati ta’ 1 %.

(7)

Mill-2022, l-esperjenza bl-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni wriet il-ħtieġa li jissaħħaħ il-livell ta’ fiduċja tad-disinn tal-istħarriġ u tal-iskema tal-kampjunar qrib il-postijiet tal-produzzjoni li jinsabu fiż-żoni demarkati. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi previst li, fil-wisa’ ta’ mill-inqas 1 km madwar il-postijiet tal-produzzjoni tal-pjanti ospitanti, jenħtieġ li d-disinn tal-istħarriġiet u l-iskemi ta’ kampjunar ikunu jistgħu jidentifikaw b’livell ta’ fiduċja ta’ mill-inqas 99 %, livell ta’ preżenza ta’ pjanti infestati ta’ 1 %. Dan huwa meħtieġ sabiex tiġi ggarantita d-detezzjoni bikrija tal-pest speċifikat u jiġi evitat il-moviment potenzjali ta’ materjal infestat fit-territorju tal-Unjoni.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2095

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2095 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, il-punt (2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(2)

“pjanti speċifikati” tfisser pjanti għat-tħawwil, li għandhom dijametru ta’ zokk jew tal-għonq tal-għerq ta’ 1 cm jew aktar fl-eħxen punt tagħhom, ta’ Acer spp., Aesculus spp., Alnus spp., Betula spp., Carpinus spp., Citrus spp., Cornus spp., Corylus spp., Cotoneaster spp., Crataegus spp., Fagus spp., Lagerstroemia spp., Malus spp., Melia spp., Ostrya spp., Photinia spp., Platanus spp., Populus spp., Prunus laurocerasus, Pyrus spp., Rosa spp., Salix spp., Ulmus spp. u Vaccinium corymbosum; ” ;

(2)

fl-Artikolu 2, il-punt (4) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(4)

“pjanti ospitanti” tfisser pjanti għat-tħawwil, li għandhom dijametru ta’ zokk jew tal-għonq tal-għerq ta’ 1 cm jew aktar fl-eħxen punt tagħhom, ta’ Acer spp., Aesculus spp., Alnus spp., Betula spp., Carpinus spp., Chaenomeles spp., Citrus spp., Cornus spp., Corylus spp., Cotoneaster spp., Crataegus spp., Cryptomeria spp., Fagus spp., Ficus spp., Hibiscus spp., Lagerstroemia spp., Malus spp., Melia spp., Morus spp., Ostrya spp., Parrotia spp., Photinia spp., Platanus spp., Populus spp., Prunus laurocerasus, Pyrus spp., Rosa spp., Salix spp., Ulmus spp. u Vaccinium corymbosum;”;

(3)

fl-Artikolu 2, jiżdied il-punt li ġej:

“(6)

“żona demarkata għat-trażżin” tfisser żona, fejn il-pest speċifikat ma jistax jinqered, elenkata fl-Anness II.”;

(4)

fl-Artikolu 6(2), il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

matul mill-inqas ċiklu wieħed tal-ħajja tal-pest speċifikat flimkien ma’ sena addizzjonali, u mill-inqas 4 snin konsekuttivi, tissorvelja wisa’ ta’ mill-inqas kilometru wieħed madwar il-pjanti infestati jew il-post fejn instab il-pest speċifikat, regolarment u b’mod intensiv mill-inqas matul l-ewwel sena u f’konformità mal-Artikolu 3; madankollu, dik is-sorveljanza ma tistax isseħħ fil-każijiet fejn il-preżenza jew il-feġġ ta’ adulti tal-pest speċifikat fil-pjanta, fl-injam jew fil-materjal għall-imballaġġ tal-injam jistgħu jiġu esklużi b’mod inekwivoku u fejn ir-raġunijiet għal din il-konklużjoni jkunu ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni bil-miktub;”;

(5)

fl-Artikolu 8(1), ir-raba’ subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-istħarriġiet fiż-żona ta’ lqugħ għandhom ikunu bbażati fuq il-Linji Gwida Ġenerali tal-Awtorità għal stħarriġiet statistikament sodi u bbażati fuq ir-riskju għall-pesti tal-pjanti u d-disinn tal-istħarriġ u l-iskema ta’ kampjunar użati fiż-żona ta’ lqugħ għandhom ikunu jistgħu jidentifikaw b’mill-inqas 95 % ta’ fiduċja, livell ta’ preżenza ta’ pjanti infestati ta’ 1 %. Madankollu, fil-wisa’ ta’ mill-inqas 1 km madwar il-postijiet tal-produzzjoni tal-pjanti ospitanti, id-disinn tal-istħarriġ u l-iskema ta’ kampjunar użati għandhom ikunu jistgħu jidentifikaw b’livell ta’ fiduċja ta’ mill-inqas 99 %, livell ta’ preżenza ta’ pjanti infestati ta’ 1 %.”;

(6)

fl-Artikolu 9(1), il-ħames subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-istħarriġiet fiż-żona ta’ lqugħ għandhom ikunu bbażati fuq il-Linji Gwida Ġenerali tal-Awtorità għal stħarriġiet statistikament sodi u bbażati fuq ir-riskju għall-pesti tal-pjanti u d-disinn tal-istħarriġ u l-iskema ta’ kampjunar użati fiż-żona ta’ lqugħ għandhom ikunu jistgħu jidentifikaw b’mill-inqas 95 % ta’ fiduċja, livell ta’ preżenza ta’ pjanti infestati ta’ 1 %. Madankollu, fil-wisa’ ta’ mill-inqas 1 km madwar il-postijiet tal-produzzjoni tal-pjanti ospitanti, għandhom ikunu jistgħu jidentifikaw b’livell ta’ fiduċja ta’ mill-inqas 99 %, livell ta’ preżenza ta’ pjanti infestati ta’ 1 %.”;

(7)

L-Artikoli 10, 11 u 12 jitħassru;

(8)

L-Anness II huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Settembru 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4; ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/2031/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2095 tat-28 ta’ Ottubru 2022 li jistabbilixxi miżuri għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni, l-istabbiliment u t-tixrid fit-territorju tal-Unjoni ta’ Anoplophora chinensis (Forster) u li jħassar id-Deċiżjoni 2012/138/UE (ĠU L 281, 31.10.2022, p. 53; ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/2095/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/2072/oj).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1953 tad-29 ta’ Settembru 2025 li jemenda l-Annessi VII, VIII, XI u XIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 fir-rigward ta’ miżuri kontra d-dħul u l-preżenza fit-territorju tal-Unjoni ta’ Anoplophora glabripennis (Motschulsky) u Anoplophora chinensis (Forster) (ĠU L, 2025/1953, 3.12.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1953/oj).


ANNESS

“ANNESS II

Żoni demarkati għat-trażżin

L-Italja

Numru tat-tifqigħa tal-Europhyt taż-żona demarkata (ŻD)

Żona taż-ŻD

Reġjun

Muniċipalitajiet jew delimitazzjonijiet amministrattivi/ġeografiċi oħrajn

Il-Lombardia

Tifqigħa -1246

(Milan)

Żona infestata

Il-Lombardia

—

It-territorju kollu tal-muniċipalitajiet li ġejjin:

Assago (MI), Buccinasco (MI), Canegrate (MI), Cerro Maggiore (MI), Lainate (MI), Nerviano (MI), Parabiago (MI), Pogliano Milanese (MI), Pregnana Milanese (MI), San Giorgio Su Legnano (MI), San Vittore Olona (MI), Vanzago (MI), Zibido San Giacomo (MI).

—

u parti mit-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin:

Arese (MI), Arluno (MI), Basiglio (MI), Caronno (VA), Cesano Boscone (MI), Cornaredo (MI), Gaggiano (MI), Garbagnate Milanese (MI), Legnano (MI), Milano, Noviglio (MI), Origgio (VA), Rescaldina (MI), Rho (MI), Rozzano (MI), Settimo Milanese (MI), Uboldo (VA), Trezzano sul Naviglio (MI).

Żona ta’ lqugħ

Il-Lombardia

—

It-territorju kollu tal-muniċipalitajiet li ġejjin:

Bareggio (MI), Bollate (MI), Busto Garolfo (MI), Casorezzo (MI), Castellanza (VA), Cesate (MI), Corsico (MI), Gerenzano (VA), Lacchiarella (MI), Pero (MI), Pieve Emanuele (MI), Sedriano (MI), Villa Cortese (MI).

”

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2461/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)