31.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 281/21


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2093

tal-25 ta’ Ottubru 2022

li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 3417/88 dwar il-klassifika ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3417/88 (2), proċessur elettromekkaniku tal-ikel li jiżen total ta’ 9 kg, bi dħul ta’ kurrent ta’ 1 kW u bi skutella li tesa’ 3,5 l, ġie kklassifikat bil-kodiċi NM 8438 80 99 (“makkinarju għall-preparazzjoni jew manifattura industrijali ta’ ikel jew xorb, għajr makkinarju għall-estrazzjoni jew preparazzjoni ta’ xaħmijiet jew żjut ta’ annimali, veġetali jew mikrobiċi fissi”).

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 3417/88 kien jikkonċerna wkoll il-klassifikazzjoni ta’ oġġett ieħor, jiġifieri sistema elettronika għall-istampar minn data diġitali, iżda dik il-parti ta’ dak ir-Regolament tħassret bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 936/1999 (3).

(3)

Fil-kolonna “Raġunijiet” tal-Anness tar-Regolament (KEE) Nru 3417/88, il-klassifikazzjoni tal-proċessur tal-ikel taħt l-intestatura 8509 bħala apparat elettromekkaniku domestiku b’mutur elettriku inkorporat ġiet eskluża għar-raġuni li “minħabba l-potenza u l-kapaċità tagħha din il-magna mhijiex tat-tip normalment użati fid-djar u ma’ tikkonformax mat-test tal-kodiċi 8509 tan-NM”.

(4)

L-intestatura 8509 jew in-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata (NSSA) għal dik l-intestatura ma jirreferu għall-ebda limitu eżatt ta’ potenza jew kapaċità. In-NSSA għall-intestatura 8509 jiddikjaraw dan li ġej: It-terminu “apparat domestiku” f’din l-intestatura jfisser apparat li normalment jintuża fid-dar. Dan l-apparat huwa identifikabbli, skont it-tip, minn karatteristika waħda jew aktar bħad-dimensjonijiet ġenerali, id-disinn, il-kapaċità, il-volum. Il-kejl biex jiġu ġġudikati dawn il-karatteristiċi huwa li l-apparat in kwistjoni ma għandux jopera f’livell li jisboq il-bżonnijiet domestiċi. Tali kriterji huma dinamiċi u jevolvu mal-progress teknoloġiku.

(5)

Bħalissa, bl-evoluzzjoni teknika, hemm ħafna proċessuri tal-ikel b’potenza u kapaċità komparabbli ma’ dawk tal-proċessur tal-ikel ikklassifikat mir-Regolament (KEE) Nru 3417/88, li fil-fatt huma essenzjalment iddisinjati għall-użu domestiku. Fil-waqt tal-adozzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 3417/88, tali magni għall-użu domestiku ma kinux jeżistu.

(6)

Il-proċessur tal-ikel deskritt fir-Regolament (KEE) Nru 3417/88 illum jintuża tipikament fid-dar u mhux (prinċipalment) għal skopijiet industrijali jew kummerċjali. Għalhekk, il-klassifikazzjoni tiegħu bħala makkinarju għall-preparazzjoni jew għall-manifattura industrijali tal-ikel jew tax-xorb ma għadhiex valida. Għalhekk, ir-Regolament (KEE) Nru 3417/88 jenħtieġ li jitħassar.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KEE) Nru 3417/88 huwa mħassar.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Ottubru 2022.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President,

Gerassimos THOMAS

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni


(1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3417/88 tas-31 ta’ Ottubru 1988 li jikkonċerna l-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU L 301, 4.11.1988, p. 8).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) nru 936/1999 tas-27 ta’ April 1999 li jemenda jew jirrevoka ċerti regolamenti dwar il-klassifika ta’ merkanzija fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU L 117, 5.5.1999, p. 9).