21.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 125/15


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/787

tad-19 ta' Mejju 2015

li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq importazzjonijiet ta' aċesulfam tal-potassju li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina kif ukoll ta' aċesulfam tal-potassju li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina li jinsab f'ċerti tħejjijiet u/jew taħlitiet

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(4) tiegħu,

Wara li kkonsultat l-Istati Membri,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Bidu

(1)

Fl-4 ta' Settembru 2014, il-Kummissjoni Ewropea (il-Kummissjoni) bdiet investigazzjoni ta' antidumping dwar l-importazzjonijiet ta' aċesulfam tal-potassju li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat” jew “ir-RPĊ”) kif ukoll ta' aċesulfam tal-potassju li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina li jinsab f'ċerti tħejjijiet u/jew taħlitiet. Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ir-Regolament bażiku) u ppubblikat Notifika ta' Bidu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (in-Notifika ta' Bidu).

(2)

Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni wara lment ippreżentat fit-22 ta' Lulju 2014 minn Nutrinova Nutrition Specialties & Food Ingredients GmbH (l-ilmentatur) l-uniku produttur ta' aċesulfam tal-potassju (jew “Ace-K”) fl-Unjoni. L-ilmentatur b'hekk jirrappreżenta l-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' Ace-K. L-ilment kien jinkludi evidenza ta' dumping u tad-dannu materjali li jirriżulta li kienet biżżejjed biex tiġġustifika l-bidu tal-investigazzjoni.

1.2.   Partijiet interessati

(3)

Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkuntattjawha sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni speċifikament infurmat lill-ilmentatur, lill-produtturi esportaturi magħrufa u lill-awtoritajiet Ċinżi, lil importaturi, fornituri u utenti, negozjanti magħrufa, kif ukoll assoċjazzjonijiet magħrufa kkonċernati, dwar il-bidu tal-investigazzjoni, u stednithom jieħdu sehem.

(4)

Il-partijiet interessati kellhom l-opportunità li jikkummentaw dwar il-ftuħ tal-investigazzjoni u li jitolbu smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali.

1.3.   Produtturi f'pajjiż analogu

(5)

Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati li abbażi tal-informazzjoni fl-ilment, il-prodott ikkonċernat huwa magħruf li jiġi prodott biss fl-Unjoni u fir-RPĊ. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jikkummentaw dwar dan. Ma sar l-ebda kumment.

(6)

Madankollu, il-Kummissjoni kkuntattjat lid-disa' pajjiżi terzi, li għalihom l-istatistika tal-Eurostat wriet li hemm esportazzjonijiet lejn l-Unjoni ta' prodotti li jaqgħu fl-istess kodiċijiet NM bħall-prodott ikkonċernat. Il-Kummissjoni talbet għall-assistenza tagħhom fl-identifikazzjoni ta' produtturi u/jew l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi ta' Ace-K. L-ebda wieħed mill-pajjiżi terzi kkuntattjati ma seta' jidentifika l-produtturi ta' Ace-K. Għalhekk, l-ebda produzzjoni oħra għajr fl-Unjoni u fil-pajjiż ikkonċernat ma ġiet identifikata.

1.4.   Kampjunar

(7)

Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni indikat li hija tista' tieħu kampjuni mill-partijiet interessati skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

(a)   Kampjunar tal-importaturi

(8)

Biex tiddeċiedi jekk it-teħid ta' kampjuni kienx meħtieġ u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-importaturi mhux relatati biex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta' Bidu.

(9)

Minħabba l-għadd żgħir ta' tweġibiet, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-kampjunar ma kienx meħtieġ.

(b)   Il-kampjunar ta' produtturi esportaturi fir-RPĊ

(10)

Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx meħtieġ u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-produtturi esportaturi fir-RPĊ sabiex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta' Bidu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-Missjoni Permanenti tar-RPĊ għall-Unjoni sabiex tidentifika u/jew tikkuntattja lil produtturi esportaturi oħrajn, jekk hemm, li jistgħu jkunu interessati sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni.

(11)

Erba' produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat ipprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jiġu inklużi fil-kampjun. Wieħed minn dawn il-produtturi esportaturi ma kellux bejgħ lejn l-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Għalhekk, ma setax jiġi investigat u b'riżultat ta' dan, l-għadd ta' kumpaniji li kkooperaw kien ta' tlieta. Dan kien jgħodd għall-importazzjonijiet kollha lejn l-Unjoni tal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Fid-dawl tal-għadd baxx ta' partijiet involuti, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-kampjunar ma kienx neċessarju.

1.5.   Formoli ta' talba għal trattament ta' ekonomija tas-suq (TES)

(12)

Għall-finijiet tal-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni bagħtet formoli għat-talbiet għal TES lit-tliet produtturi esportaturi li kkooperaw fil-pajjiż ikkonċernat. L-ebda wieħed mit-tliet produtturi esportaturi li kkooperaw ma ressaq talba għal TES.

1.6.   Tweġibiet għall-kwestjonarju

(13)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-produttur tal-Unjoni, lit-tliet produtturi esportaturi li kkooperaw fil-pajjiż ikkonċernat, u lill-importaturi mhux relatati u l-utenti kollha li esprimew interess fl-investigazzjoni.

(14)

Waslu tweġibiet għall-kwestjonarju mingħand il-produttur tal-Unjoni, it-tliet produtturi esportaturi li kkooperaw fil-pajjiż ikkonċernat, tliet importaturi mhux relatati u utent wieħed.

1.7.   Żjarat ta' verifika

(15)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li tqieset neċessarja għal determinazzjoni provviżorja ta' dumping, id-dannu li jirriżulta u l-interess tal-Unjoni. Iż-żjarat ta' verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku saru fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

Il-produttur tal-Unjoni

—

Nutrinova Nutrition Specialties & Food Ingredients GmbH, Frankfurt, il-Ġermanja;

Importaturi

—

RFI Food Ingredients Handelsgesellschaft mbH, Düsseldorf, il-Ġermanja,

—

Brenntag Holding GmbH, Mülheim an der Ruhr, il-Ġermanja,

—

The Ingredient House Llc., Skillman, New Jersey, l-Istati Uniti;

L-utenti

—

The Wrigley Company Limited, Plymouth, ir-Renju Unit;

Il-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat

—

Anhui Jinhe Industrial Co., Ltd., Lai'an County, ir-RPĊ,

—

Suzhou Hope Technology Co., Ltd., Zhangjiagang, ir-RPĊ,

—

Anhui Vitasweet Food Ingredient Co., Ltd., Suzhou and Liyang, ir-RPĊ.

1.8.   Perjodu tal-investigazzjoni u perjodu kkunsidrat

(16)

L-investigazzjoni tad-dumping u tad-dannu kopriet il-perjodu bejn l-1 ta' Lulju 2013 u t-30 ta' Ġunju 2014 (“il-perjodu tal-investigazzjoni”). L-analiżi tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu kopriet il-perjodu bejn Jannar tal-2011 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

2.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

2.1.   Il-prodott ikkonċernat

(17)

Il-prodott ikkonċernat huwa l-aċesulfam tal-potassju (melħ tal-potassju ta' 6-metil-1,2,3-oksatijażin-4(3H)-one-2,2-diossidu; CAS RN 55589-62-3) li joriġina mir-RPĊ, kif ukoll aċesulfam tal-potassju li joriġina mir-RPĊ li jinsab f'ċerti tħejjijiet u/jew taħlitiet li jinkludu wkoll dolċifikanti oħrajn u/jew ilma (il-prodott taħt investigazzjoni), li bħalissa jaqa' taħt il-kodiċi(jiet) NM ex 2106 90 92 , ex 2106 90 98 , ex 2934 99 90 (Kodiċi TARIC 2934 99 90 21), ex 3824 90 92 , ex 3824 90 93 u ex 3824 90 96 (il-prodott ikkonċernat). L-aċesulfam tal-potassju huwa komunement magħruf bħala Aċesulfam K jew Ace-K.

(18)

Ace-K jintuża bħala sustanza li tagħti l-ħlewwa sintetika f'firxa wiesgħa ta' applikazzjonijiet, pereżempju f'ikel, xorb, u prodotti farmaċewtiċi.

2.2.   Il-prodott simili

(19)

Ace-K prodott u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni, instab li għandu l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi kif ukoll l-istess użi bażiċi bħala Ace-K prodott fil-pajjiż ikkonċernat u mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Għalhekk jitqiesu simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

3.   ID-DUMPING

3.1.   Trattament ta' ekonomija tas-suq (TES)

(20)

Skont l-Artikolu 2(7)(b) ta' dak ir-Regolament, il-Kummissjoni tiddetermina l-valur normali skont l-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament bażiku għal produtturi esportaturi fir-RPĊ li jikkonformaw mal-kriterji fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku u li għalhekk jistgħu jingħataw TES.

(21)

Madankollu, l-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi li kkooperaw ma applikaw għal TES kif intqal ukoll fil-premessa 12.

3.2.   Il-valur normali

(22)

F'konformità mal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali kellu jiġi ddeterminat abbażi tal-prezzijiet f'ekonomija tas-suq xierqa ta' pajjiż terz (il-pajjiż analogu), jew il-prezz minn tali pajjiż terz għal pajjiżi oħra, inkluża l-Unjoni, jew, fejn dan ma kienx possibbli, fuq kwalunkwe bażi oħra raġonevoli, inkluż il-prezz imħallas realment jew li għandu jitħallas fl-Unjoni għall-prodott simili, aġġustat b'mod xieraq jekk meħtieġ biex jinkludi marġni ta' profitt raġonevoli.

(23)

Fin-nuqqas tat-tielet pajjiż analogu, kif spjegat fil-premessa 6, il-valur normali kien ibbażat fuq il-prezzijiet effettivament imħallsa jew pagabbli fl-Unjoni għall-prodott simili. Kien identifikat il-bejgħ mill-produttur tal-Unjoni ta' dawk it-tipi ta' prodotti li jaqblu ma' dawk mibjugħa fis-suq tal-Unjoni minn produtturi Ċiniżi li kkooperaw waqt il-perjodu tal-investigazzjoni. Il-bejgħ tal-produttur tal-Unjoni lil klijenti indipendenti nstab li kien rappreżentattiv meta espress bħala proporzjon tal-volum totali ta' esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat kif ukoll għal kull tip ta' prodott. Il-bejgħ ta' dawn it-tipi ta' prodotti mill-produttur tal-Unjoni kien profittabbli. Il-prezzijiet medji tal-bejgħ tagħhom fl-Unjoni serva bħala l-valur normali.

3.3.   Il-prezz tal-esportazzjoni

(24)

Il-produtturi esportaturi li kkooperaw esportaw lejn l-Unjoni direttament lil klijenti indipendenti. Għalhekk, il-prezz tal-esportazzjoni kien il-prezz attwalment imħallas jew li jista' jitħallas għall-prodott ikkonċernat meta mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

3.4.   Tqabbil

(25)

Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi li kkooperaw fuq bażi ta' prezz mill-fabbrika.

(26)

Fejn dan kien iġġustifikat mill-ħtieġa li jiġi żgurat tqabbil ġust, il-Kummissjoni aġġustat il-valur normali u/jew il-prezz tal-esportazzjoni għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabilità tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku.

(27)

B'mod partikolari, il-Kummissjoni għamlet aġġustament għal differenzi fil-livell ta' kummerċ kif ġie stabbilit li l-uniku produttur tal-Unjoni biegħ prinċipalment lill-utenti filwaqt li l-produtturi Ċiniżi biegħu l-iktar lil negozjanti. It-tieni, abbażi ta' bosta sottomissjonijiet, sar aġġustament għad-differenza fil-kwalità u l-perċezzjoni tas-suq ta' din id-differenza bejn il-produttur Ċiniż tal-Ace-K u l-produttur tal-Unjoni tal-Ace-K. Barra minn hekk, il-valur normali kien aġġustat għal ċerta riċerka u żvilupp eċċezzjonali (R&Ż) kif ukoll spejjeż ta' kummerċjalizzazzjoni sostnuti mill-produttur tal-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Dawn l-ispejjeż huma diskussi f'aktar dettall fil-premessa 67.

3.5.   Marġinijiet tad-dumping

(28)

Għal kull wieħed mill-produtturi esportaturi li kkooperaw, il-Kummissjoni qabblet il-prezzijiet medji peżati għal kull tip ta' prodott esportat mal-valur normali medju peżat, skont l-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku.

(29)

Fuq din il-bażi, il-marġnijiet ta' dumping medju peżat provviżorju, espress bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Il-kumpanija

Marġini provviżorju tad-dumping

Anhui Jinhe Industrial Co., Ltd.

97,8 %

Suzhou Hope Technology Co., Ltd.

89,1 %

Anhui Vitasweet Food Ingredient Co., Ltd.

37,4 %

(30)

Għall-produtturi esportaturi kollha l-oħrajn fil-pajjiż ikkonċernat, il-Kummissjoni stabbiliet il-marġini tad-dumping fuq il-bażi tal-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni ddeterminat il-livell ta' kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi. Il-livell ta' kooperazzjoni huwa l-volum ta' esportazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw lejn l-Unjoni espress bħala proporzjon tal-volum totali ta' esportazzjoni — kif irrapportat fl-istatistika tal-importazzjonijiet tal-Eurostat — mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni.

(31)

Il-livell ta' kooperazzjoni f'dan il-każ huwa għoli minħabba li l-esportazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw lejn l-Unjoni kienu jikkostitwixxu l-esportazzjonijiet totali lejn l-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibbaża l-marġni ta' sussidju residwali fil-livell tal-kumpanija li kkooperat fil-kampjun mal-ogħla marġni ta' sussidju.

(32)

Il-marġni provviżorju tad-dumping mogħti bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huwa għalhekk 97,8 %.

Il-kumpanija

Marġini provviżorju tad-dumping

Anhui Jinhe Industrial Co., Ltd.

97,8 %

Suzhou Hope Technology Co., Ltd.

89,1 %

Anhui Vitasweet Food Ingredient Co., Ltd.

37,4 %

Il-kumpaniji l-oħra kollha

97,8 %

4.   DANNU

4.1.   Kumment preliminari

(33)

L-analiżi tikkonċerna kumpanija waћda biss. Għalhekk, għal raġunijiet ta' kunfidenzjalità l-biċċa l-kbira tal-indikaturi huma mogħtija f'forma ta' indiċi jew firxiet.

4.2.   Id-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(34)

Il-prodott simili kien manifatturat minn produttur tal-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni, li jikkostitwixxi l-industrija tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku.

4.3.   Konsum tal-Unjoni

(35)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-konsum tal-Unjoni fuq il-bażi tad-dejta pprovduta mill-industrija tal-Unjoni, l-istatistika tal-esportazzjoni Ċiniża u d-dejta tal-produtturi esportaturi Ċiniżi. Id-dejta tal-Eurostat ma kinitx adattata għal dan l-għan minħabba li l-prodott ikkonċernat huwa importat taħt bosta kodiċijiet tan-NM, flimkien ma' ħafna prodotti oħra. Fin-nuqqas ta' produzzjoni Ace-K fi kwalunkwe pajjiż terz, l-importazzjonijiet kollha lejn l-Unjoni kienu mir-RPĊ.

(36)

Il-konsum tal-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 1

Il-konsum tal-Unjoni (f'tunnellati metriċi)

 

2011

2012

2013

Il-perjodu tal-investigazzjoni

L-Indiċi tal-Konsum Totali fl-Unjoni

100

104

110

104

Sors: Dejta pprovduta mill-industrija tal-Unjoni, produtturi Ċiniżi li kkooperaw u l-istatistika tal-esportazzjoni Ċiniża

(37)

Il-konsum Ace-K fl-Unjoni żdied b'madwar 4 % matul il-perjodu kkunsidrat, allegatament minħabba żieda fid-domanda ta' prodotti mingħajr zokkor fl-Unjoni. Fl-aħħar sena tal-perjodu kkunsidrat kien hemm tnaqqis fil-konsum minħabba żieda fil-kompetizzjoni kkawżata minn sustanzi oħrajn (ġodda) li jagħtu l-ħlewwa. Madankollu, dan it-tnaqqis jidher li huwa ta' natura temporanja u ma kien hemm l-ebda indikazzjoni ċara fil-fajl li d-domanda għal Ace-K se tkompli tonqos fis-snin li ġejjin.

4.4.   Importazzjonijiet mir-RPĊ

4.4.1.   Volum u sehem tas-suq tal-importazzjonijiet

(38)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-volum tal-importazzjonijiet Ċiniżi fuq il-bażi tal-istatistika tal-esportazzjoni Ċiniża kontraverifikata mad-dejta pprovduta mit-tliet produtturi esportaturi mir-RPĊ li jirrappreżentaw il-volum totali tal-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu ta' investigazzjoni.

(39)

Importazzjonijiet lejn l-Unjoni u s-sehem mis-suq mir-RPĊ żviluppaw kif ġej:

Tabella 2

Volum ta' importazzjoni (f'tunnellati metriċi) u s-sehem mis-suq

 

2011

2012

2013

Il-perjodu tal-investigazzjoni

Il-volum tal-importazzjonijiet mir-RPĊ

1 612

1 816

2 051

1 831

Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mir-RPĊ — Indiċi

100

108

115

110

Sors: Dejta pprovduta minn produtturi Ċiniżi li kkooperaw u l-istatistika tal-esportazzjoni Ċiniża

(40)

Il-livell tal-importazzjonijiet minn dawn il-pajjiżi żdied b'14 % matul il-perjodu kkunsidrat. Matul l-istess perjodu, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi żdied ukoll, b'10 % biex laħaq 65 % — 80 % matul il-perjodu ta' investigazzjoni.

4.4.2.   Prezzijiet tal-importazzjonijiet mir-RPĊ u t-twaqqigħ tal-prezz

(41)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-prezzijiet tal-importazzjonijiet fuq il-bażi tad-dejta miksuba mill-produtturi li kkooperaw mir-RPĊ. Il-prezz medju peżat CIF f'Euro għal kull kilo ta' importazzjonijiet lejn l-Unjoni mir-RPĊ żviluppa hekk:

Tabella 3

Prezzijiet tal-importazzjoni CIF mir-RPĊ (EUR/kg)

 

2011

2012

2013

Il-perjodu tal-investigazzjoni

Il-medja ponderata tal-prezzijiet ta' importazzjoni

5,71

5,11

4,30

3,99

Indiċi

100

90

75

70

Sors: Dejta pprovduta minn produtturi Ċiniżi li kkooperaw u l-istatistika tal-esportazzjoni Ċiniża

(42)

Il-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet mir-RPĊ naqsu b'mod konsistenti matul il-perjodu meqjus bi 30 %.

(43)

Il-Kummissjoni ddeterminat it-twaqqigħ tal-prezz matul il-perjodu tal-investigazzjoni billi qabblet:

(a)

il-prezzijiet medji ponderati tal-bejgħ tal-produttur uniku tal-Unjoni imposti fuq il-klijenti mhux relatati fis-suq tal-Unjoni għal tipi ta' prodotti esportati lejn l-Unjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi, aġġustati għal livell ta' prezzijiet tal-fabbrika, u

(b)

il-prezzijiet medji ponderati korrispondenti għal kull tip ta' importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi li kkooperaw lejn l-ewwel klijent indipendenti fis-suq tal-Unjoni, stabbiliti fuq bażi ta' spiża, assikurazzjoni, merkanzija (CIF), b'aġġustamenti xierqa għad-dazji doganali (6,5 %) u għall-ispejjeż ta' wara l-importazzjoni.

(44)

Il-medja ponderata tal-prezz tal-industrija tal-Unjoni tqabbel mal-prezzijiet medji ponderati korrispondenti għal kull tip ta' prodott tal-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi li kkooperaw għal tranżazzjonijiet fl-istess livell ta' kummerċ, wara tnaqqis ta' ribassi u skontijiet kif ukoll wara l-aġġustamenti tal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni għad-differenza fil-kwalità u perċezzjoni tas-suq tiegħu u R&Ż u spejjeż ta' kummerċjalizzazzjoni għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-premessa 27 hawn fuq. Ir-riżultat tat-tqabbil ingħata bħala perċentwal tal-fatturat tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Il-Kummissjoni sabet medja tat-twaqqigħ tal-prezzijiet b'medja ponderata bejn 18 % u 45 % mill-importazzjonijiet mir-RPĊ fis-suq tal-Unjoni.

4.5.   Il-qagħda ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

4.5.1.   Rimarki ġenerali

(45)

Skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, l-eżaminazzjoni tal-impatt tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping fl-industrija tal-Unjoni kienet tinkludi evalwazzjoni tal-indikaturi ekonomiċi kollha li influwenzaw l-istat tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat. Għad-determinazzjoni tad-dannu, il-Kummissjoni ma għamlitx distinzjoni bejn l-indikaturi tad-dannu makroekonomiċi u dawk mikroekonomiċi peress li l-uniku produttur tal-Unjoni kien jikkostitwixxi l-industrija tal-Unjoni fit-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi ekonomiċi fuq il-bażi tad-dejta relatata mal-produttur tal-Unjoni uniku. Id-dejta nstabet li tirrappreżenta s-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.

(46)

L-indikaturi ekonomiċi huma: il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-utilizzazzjoni tal-kapaċità, il-volum tal-bejgħ, is-sehem mis-suq, it-tkabbir, l-impjiegi, il-produttività, il-kobor tal-marġni ta' dumping u l-irkupru minn dumping tal-passat, il-prezzijiet medji ta' unità, il-kost unitarju, il-kostijiet tal-manodopera, l-inventarji, il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-abbiltà li jiġi ġġenerat il-kapital. Dawn huma analizzati kif ġej.

4.5.2.   L-indikaturi tad-dannu

4.5.2.1.   Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

(47)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità żviluppaw matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni kif ġej:

Tabella 4

Il-produzzjoni, il-kapaċità produttiva u l-użu tal-kapaċità

 

2011

2012

2013

Il-perjodu tal-investigazzjoni

Volum ta' produzzjoni — Indiċi

100

81

70

69

Kapaċità ta' produzzjoni — Indiċi

100

100

100

100

Użu ta' kapaċità —Indiċi

100

81

70

69

Sors: Dejta pprovduta mill-industrija tal-Unjoni

(48)

Il-volum ta' produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni naqas b'mod konsistenti, b'31 %. Fil-fatt, matul il-perjodu kkunsidrat, il-produttur tal-Unjoni wettaq dejjem aktar għeluq tal-faċilitajiet ta' produzzjoni sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż. Matul il-perjodu ta' investigazzjoni, il-fabbrika, għal dik ir-raġuni, ingħalqet għal erba' xhur sħaħ.

(49)

Il-kapaċità tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni baqgħet l-istess matul il-perjodu kkunsidrat, peress li ħafna mill-ispejjeż huma fissi, indipendentement mill-kapaċità. Konsegwentement, l-użu tal-kapaċità naqas b'konformità mal-volum tal-produzzjoni.

4.5.2.2.   Volum tal-bejgħ u sehem mis-suq

(50)

Il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fl-Unjoni lil klijenti mhux relatati u s-sehem mis-suq żviluppaw b'mod negattiv matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 5

Volum tal-bejgħ u sehem mis-suq

 

2011

2012

2013

Il-perjodu tal-investigazzjoni

Il-volum ta' bejgħ fis-suq tal-Unjoni — Indiċi

100

89

82

87

Is-Sehem mis-Suq -Indiċi

100

86

74

84

Sors: Dejta pprovduta mill-industrija tal-Unjoni

(51)

Matul il-perjodu ikkunsidrat, il-volum ta' bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni naqas b'mod ġenerali bi 13 %, għalkemm il-konsum żdied matul dak il-perjodu. Din ix-xejra negattiva tinkludi perjodu ta' rkupru ta' volum żgħir mill-2013 sal-perjodu ta' investigazzjoni li jista' jinkiseb biss permezz ta' kuntratti ma' prezzijiet tal-bejgħ li xekkel ulterjorment il-vijabbiltà tal-industrija tal-Unjoni.

(52)

Is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni wkoll naqas, b'16 %, matul il-perjodu kkunsidrat, kemm minħabba klijenti li bidlu fornitur u lill-klijenti bi provvista doppja li żdied is-sehem ta' xiri mir-RPĊ.

4.5.2.3.   It-tkabbir

(53)

Huwa ċar li t-tkabbir tal-industrija tal-Unjoni kien negattiv meta wieħed iżomm f'moħħu t-tnaqqis imsemmi qabel fis-sehem tas-suq u ż-żieda fil-konsum imsemmija fil-premessa 37.

4.5.2.4.   L-impjiegi

(54)

L-impjiegi u l-produttività żviluppaw kif ġej tul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 6

L-Impjiegi u l-Produttività

 

2011

2012

2013

Il-perjodu tal-investigazzjoni

In-numru ta' impjegati -Indiċi

100

103

82

82

Produzzjoni f'tunnellati metriċi għal kull impjegat — Indiċi

100

87

100

106

Sors: Dejta pprovduta mill-industrija tal-Unjoni

(55)

Mill-2011 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni, l-industrija tal-Unjoni naqqset il-persunal tagħha bi kważi wieħed minn kull ħamsa biex tlaħħaq ma' tnaqqis fil-produzzjoni u skont l-għeluq temporanju. Il-produttività żdiedet b'6 % matul l-istess perjodu bħala konsegwenza tat-tnaqqis fl-għadd ta' impjegati.

4.5.2.5.   Kostijiet tal-manodopera

(56)

L-ispejjeż medji tal-manodopera tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 7

Spejjeż medji tal-manodopera għal kull impjegat

 

2011

2012

2013

Il-perjodu tal-investigazzjoni

Spejjeż medji tal-manodopera għal kull impjegat — Indiċi

100

103

111

115

Sors: Dejta pprovduta mill-industrija tal-Unjoni

(57)

L-ispejjeż tal-manodopera medji tal-industrija tal-Unjoni għal kull impjegat żdiedu bi 15 % matul il-perjodu kkunsidrat minħabba li kienu dovuti ħlasijiet għal terminazzjonijiet bħala riżultat tat-tnaqqis fil-persunal (ara l-premessa 54). Barra minn hekk, allegatament rati ġodda ta' pagi kienu applikabbli fis-settur tal-kimiċi.

4.5.2.6.   Id-daqs tal-marġini tad-dumping u l-irkupru minn dumping fl-imgħoddi

(58)

Il-marġnijiet kollha tad-dumping kienu sinifikanti (ara l-premessa 29 hawn fuq). L-impatt tad-daqs tal-marġnijiet attwali tad-dumping fuq l-industrija tal-Unjoni kien sostanzjali, meta jitqies il-volum u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mir-RPĊ.

(59)

Din hi l-ewwel investigazzjoni antidumping dwar il-prodott ikkonċernat. Għalhekk, ma kienx hemm dejta disponibbli biex tevalwa l-effetti possibbli ta' dumping fil-passat.

4.5.2.7.   Prezzijiet u fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet

(60)

Il-prezzijiet medji ponderati tal-bejgħ ta' unità tal-produtturi tal-Unjoni lill-klijenti mhux relatati fl-Unjoni żviluppaw kif ġej:

Tabella 8

Prezzijiet tal-bejgħ fl-Unjoni

 

2011

2012

2013

Il-perjodu tal-investigazzjoni

Prezz medju tal-bejgħ fl-Unjoni — Indiċi

100

94

94

88

Spiża tal-produzzjoni ta' unità — Indiċi

100

106

117

119

Sors: Dejta pprovduta mill-industrija tal-Unjoni

(61)

Il-prezz tal-bejgħ medju tal-industrija tal-Unjoni tal-prodott simili naqas bi 12 % fil-perjodu meqjus, parzjalment wara xejra negattiva ħafna tal-prezzijiet medji tal-importazzjoni mir-RPĊ (ara l-premessa 42).

(62)

L-ispiża medja tal-industrija tal-Unjoni tal-produzzjoni żdiedet b'19 %. Dan kien ikkawżat prinċipalment mill-impatt miżjud tal-ispejjeż fissi fuq it-tnaqqis fil-volum ta' produzzjoni u bejgħ u b'żieda fil-prezz tal-materja prima.

4.5.2.8.   Inventarji

(63)

Il-livelli tal-istokk tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw matul il-perjodu kkunsidrat kif ġej:

Tabella 9

Inventarji

 

2011

2012

2013

Il-perjodu tal-investigazzjoni

Stokkijiet tal-għeluq — Indiċi

100

98

89

94

Il-ħażniet tal-għeluq bħala perċentwal tal-produzzjoni —Indiċi

100

121

126

135

Sors: Dejta pprovduta mill-industrija tal-Unjoni

(64)

Għalkemm l-istokks tal-għeluq naqsu fil-perjodu kkunsidrat minħabba għeluq temporanju ta' faċilitajiet ta' produzzjoni biex jitnaqqsu l-ispejjeż (ara l-premessa 48), bħala perċentwal tal-produzzjoni, il-ħażniet żdiedu.

4.5.2.9.   Il-profittabbiltà, il-fluss ta' flus, l-investiment, ir-redditu fuq l-investimenti u l-kapaċità li jiżdied il-kapital

(65)

Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti tal-produtturi tal-Unjoni żviluppaw matul il-perjodu kkunsidrat kif ġej:

Tabella 10

Profittabbiltà, fluss tal-flus, investimenti u redittu fuq l-investimenti

 

2011

2012

2013

Il-perjodu tal-investigazzjoni

Profittabilità tal-bejgħ fl-Unjoni lil klijenti mhux relatati — Indiċi

100

74

48

26

Fluss tal-flus — Indiċi

100

85

75

78

L-investimenti — Indiċi

100

51

48

34

Redditu fuq l-investimenti — Indiċi

100

68

44

25

Sors: Dejta pprovduta mill-industrija tal-Unjoni

(66)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-profittabilità tal-industrija tal-Unjoni billi l-profitt nett qabel it-taxxa tal-bejgħ tal-prodott simili lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni ġie espress bħala perċentwal tal-fatturat ta' dak il-bejgħ. Fil-kalkolu tal-profittabilità, il-Kummissjoni naqqset mill-ispejjeż rapportati l-ispejjeż kollha ta' R&Ż u ta' kummerċjalizzazzjoni li hija qieset li kienu ta' natura eċċezzjonali, kif issemma wkoll fil-premessa 27 hawn fuq. Mingħajr dan it-tnaqqis, l-industrija tal-Unjoni tkun laħqet sitwazzjoni ta' telf matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Bħala riżultat tat-tnaqqis tal-profittabilità, il-fluss tal-flus nett, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti naqas ukoll.

(67)

L-industrija tal-Unjoni sostniet li l-ispejjeż ta' R&Ż u ta' kummerċjalizzazzjoni li tnaqqsu kienu normali, spejjeż rikorrenti relatati mal-prodott ikkonċernat. Madankollu, l-investigazzjoni kkonkludiet li dawn l-ispejjeż huma relatati ma' prodott ġdid, għalkemm prodott li jaqa' fl-ambitu tal-prodott ta' din l-investigazzjoni. Dawn l-ispejjeż eċċezzjonali u għoljin ma jseħħux b'mod normali jew f'sena rappreżentattiva għall-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, dawn l-ispejjeż jikkonċernaw ir-R&Ż u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodott li ma ġiex mibjugħ f'volumi sinifikanti fis-suq tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat.

(68)

Anke b'esklużjoni tal-ispejjeż imsemmija hawn fuq, il-profittabilità tal-produtturi tal-Unjoni naqset f'daqqa u b'mod konsistenti matul il-perjodu kkunsidrat. Il-Kummissjoni kkunsidrat il-livell ta' profittabilità matul il-perjodu ta' investigazzjoni u x-xejra ta' profittabilità li jkun ta' dannu minħabba t-tnaqqis ċar u sostanzjali deskritt hawn fuq.

(69)

It-tnaqqis qawwi fil-profittabilità kien prinċipalment minħabba l-allokazzjoni ta' żieda fl-ispejjeż fissi b'mod kostanti għal kull tunnellata metrika, meta mqabbla ma' tnaqqis fil-volum ta' produzzjoni u bejgħ. Barra minn hekk, kien hemm tnaqqis ċar fil-prezzijiet medji, li wasslu għan-nuqqas ta' ħila tal-industrija tal-Unjoni li żżomm il-livelli tal-profitti u b'riżultat ta' dan, il-profitabbilità naqset b'mod drammatiku. Kif muri fit-Tabella 10 hawn fuq, l-indikaturi l-oħra ta' prestazzjoni segwew xejra simili għal redditu fuq id-dħul.

(70)

Il-fluss tal-flus nett huwa l-ħila tal-produtturi tal-Unjoni li jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom huma stess. Espressi bħala indiċi, ix-xejra tal-fluss tal-flus nett żviluppat b'mod negattiv matul il-perjodu kkunsidrat, naqset b'22 % bħala konsegwenza tat-tnaqqis fil-profittabilità.

(71)

L-investimenti tal-industrija tal-Unjoni naqsu b'mod aktar sinifikanti. Il-volum ta' investimenti matul il-perjodu ta' investigazzjoni kien biss madwar terz tal-volum ta' investimenti fl-2011. Fir-rigward tal-profittabilità, l-investimenti f'prodott ġdid ma ttieħdux inkonsiderazzjoni għal dan il-kalkolu.

(72)

Ir-redditu fuq l-investimenti huwa l-profitt f'perċentwal tal-valur nett skont il-kotba tal-investimenti. Dan naqas b'mod qawwi u b'mod konsistenti mill-2011 sal-perjodu ta' investigazzjoni, bi tnaqqis ta' madwar 75 %.

(73)

Minħabba li huwa parti minn grupp internazzjonali kbir, l-uniku produttur tal-Unjoni ma ddikjarax li l-abbiltà tiegħu li jiġġenera kapital kien s'issa ġie affettwat mill-iżviluppi ta' hawn fuq. Madnakollu, l-industrija tal-Unjoni għamlitha ċara matul il-proċedura li s-sitwazzjoni attwali ma kinitx sostenibbli.

4.5.3.   Konklużjoni dwar id-dannu

(74)

Ġew osservati xejriet negattivi sinifikanti f'dawn l-indikaturi ekonomiċi li ġejjin: il-produzzjoni, l-utilizzazzjoni tal-kapaċità, is-sehem tas-suq, l-impjiegi, il-volum tal-bejgħ u l-prezzijiet tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni. Il-ħażniet (bħala perċentwal tal-produzzjoni) żdiedu għalkemm dawn naqsu f'termini assoluti. L-impatt ta' prezzijiet tal-bejgħ li jonqsu b'mod konsistenti flimkien ma' tnaqqis fil-volum tal-bejgħ ġenerali kien sostanzjali, li jwassal għal tnaqqis konsiderevoli b'sehem tas-suq, profitt, ritorn fuq investiment u fluss ta' flus kontanti.

(75)

Il-fatt li s-suq tal-Unjoni huwa ddominat minn atturi kbar fis-settur tal-ikel u x-xorb u li dan il-kummerċ isir permezz ta' kuntratti annwali jfisser li f'dan is-settur l-industrija tal-Unjoni hija partikolarment sensittiva għal tnaqqis fil-volumi tal-bejgħ u prezzijiet saħansitra jekk dan it-tnaqqis jikkonċerna numru żgħir ta' klijenti.

(76)

Il-produttività min-naħa l-oħra tjiebet. Madankollu, l-iżvilupp kien konsegwenza ta' tnaqqis fin-numru ta' impjegati minħabba t-tnaqqis fid-domanda u, konsegwentement, il-produzzjoni, li wasslet għas-sensja ta' ħaddiema. Għalhekk, taħt dawn iċ-ċirkustanzi, iż-żieda fil-produttività ma tistax tiġi kkunsidrata bħala element pożittiv.

(77)

Il-konsum fl-Unjoni żdied ukoll. Madankollu, l-industrija tal-Unjoni ma kinitx kapaċi tibbenefika minnu minħabba t-tnaqqis kemm fil-volum tal-bejgħ kif ukoll fil-prezzijiet tal-bejgħ imsemmija hawn fuq.

(78)

Parti interessata kkontestat l-eżistenza ta' dannu. Din il-parti argumentat li s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni kienet normali. Din iddikjarat li l-industrija tal-Unjoni kienet tilfet il-protezzjoni tal-privattivi u sussegwentement il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq. Għalhekk, issa għandha taċċetta profitti u volumi tal-bejgħ aktar baxxi.

(79)

Dan l-argument ma kellux bażi. Il-privattiva prinċipali tal-produzzjoni skadiet fl-2005 (żewġ privattivi iżgħar skadew qabel u wara dik id-data). Wara l-iskadenza tal-privattiva tal-produzzjoni fl-2005, u ferm qabel il-perjodu kkunsidrat, atturi ġodda daħlu fis-suq, jiġifieri l-produtturi esportaturi Ċiniżi, u l-preżenza tagħhom żdiedet b'mod gradwali minn dak iż-żmien 'l hawn. Fl-2009, ferm qabel il-bidu tal-perjodu kkunsidrat, is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni niżel mill-pożizzjoni attwali dominanti tiegħu għal inqas minn 50 %. Sal-2011, fil-bidu tal-perjodu kkunsidrat, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi fis-suq tal-Unjoni diġà kien qabeż sew is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, tabilħaqq l-iskadenza ta' protezzjoni tal-privattiva fl-2005 wasslet għal suq ta' aktar minn attur wieħed.

(80)

Barra minn hekk, il-qagħda ta' dannu ġiet analizzata matul il-perjodu kkunsidrat, jiġifieri minn 2011 sa 2014 jew sa sitt snin wara l-iskadenza tal-privattiva ta' produzzjoni. L-iżvilupp tal-maġġoranza tal-indikaturi tad-dannu matul dak il-perjodu (2011 — il-perjodu ta' investigazzjoni) kien estremament negattiv għall-industrija tal-Unjoni. B'mod aktar speċifiku, hija kienet tilfet sehem mis-suq, naqqset il-prezzijiet tal-bejgħ tagħha, esperjenzat tnaqqis qawwi fil-profittabilità u fil-bqija tal-indikaturi finanzjarji eżaminati iktar 'il fuq, naqset il-produttività, sar neċessarju li jingħalqu postijiet tal-produzzjoni sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż u ma rriżultaw ebda benefiċċji minn żieda fil-konsum kif spjegat fil-premessa 74 hawn fuq. Tali sitwazzjoni ekonomika ma tistax tiġi sempliċement spjegata mill-possibbiltà għal atturi ġodda li jidħlu fis-suq, li hija riżultat tal-iskadenza ta' protezzjoni tal-privattiva. Fi kwalunkwe każ, din is-sitwazzjoni ma tistax titqies normali f'dan is-sens ta' sitwazzjoni sostenibbli u pożittiva. L-ewwel nett, il-privattiva ta' produzzjoni skadiet ferm qabel il-perjodu kkunsidrat u għalhekk kien hemm żmien biżżejjed għall-industrija tal-Unjoni biex tirreaġixxi għan-nuqqas ta' protezzjoni. It-tieni nett, anki jekk l-iskadenza ta' protezzjoni tal-privattiva tista' tkun immarkata b'ċertu tnaqqis fil-prestazzjoni, il-livelli ta' indikaturi ta' dannu matul il-perjodu ta' investigazzjoni stess huma konsiderevolment baxxi għal industrija sostenibbli u pożittiva. Barra minn hekk, minkejja dan it-telf ta' protezzjoni tal-privattiva, l-industrija tal-Unjoni żammet is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja b'saħħitha sal-2011.

(81)

Fuq din il-bażi, l-argument li l-industrija tal-Unjoni ma ġarrbitx dannu għandha tiġi miċħuda. L-iskadenza ta' protezzjoni tal-privattiva, madankollu, qed tkompli tiġi analizzata bħala fattur li jikkontribwixxi għad-dannu li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni.

(82)

Fuq il-bażi ta' dak li ntqal aktar 'il fuq, il-Kummissjoni f'dan l-istadju kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni sofriet dannu materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.

5.   KAWŻALITÀ

(83)

Skont l-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping mill-pajjiż ikkonċernat ikkawżawx dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk fatturi oħrajn magħrufa setgħux fl-istess ħin ikunu ta' dannu lill-industrija tal-Unjoni. Il-Kummissjoni żgurat li kwalunkwe dannu possibbli kkawżat minn fatturi oħra għajr l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping mill-pajjiż ikkonċernat ma kienx attribwit lill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping. Dawn il-fatturi huma: (a) il-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni fuq is-swieq tal-esportazzjoni, (b) it-telf ta' protezzjoni tal-privattivi u (c) l-istrateġija tan-negozju tal-industrija tal-Unjoni.

5.1.   Effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping

(84)

Id-deterjorament tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat ħabat maż-żieda fl-importazzjonijiet bi prezzijiet li huma l-oġġett ta' dumping li joriġinaw mir-RPĊ. Matul il-perjodu kkunsidrat il-volumi tal-importazzjoni żdiedu b'14 % u l-prezzijiet tagħhom waqgħu b'30 %. Dan irriżulta f'żieda ta' 10 % fis-sehem tas-suq għall-esportaturi Ċiniżi. Fl-istess ħin, l-industrija tal-Unjoni tilfet sehem mis-suq, il-prezzijiet tal-bejgħ tagħha kienu mmexxija 'l isfel u l-volumi tal-bejgħ żviluppaw ukoll b'mod negattiv.

(85)

B'mod partikolari, il-marġnijiet ta' twaqqigħ kbir fil-prezzijiet ta' bejn 18 u 45 % huma indikaturi ulterjuri li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping mill-pajjiżi kkonċernati eżerċitaw pressjoni sinifikanti fuq il-prezzijiet tal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni.

(86)

It-tnaqqis fil-volumi tal-bejgħ naqqas il-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni li tassorbi l-ispejjeż fissi. L-importazzjonijiet bi prezzijiet baxxi mill-pajjiż ikkonċernat wasslu bie l-industrija tal-Unjoni ma tkunx tista' iżżomm il-livelli tal-profitt u b'riżultat ta' dan, il-profitabbilità naqset b'mod drammatiku (ara t-Tabella 10).

(87)

L-industrija tal-Unjoni u partijiet interessati oħra allegaw li l-akbar żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi kienu involuti fi“gwerra tal-prezzijiet” matul il-perjodu kkunsidrat u li kien hemm tentattiv ta' akkwiżizzjoni. Fil-fatt, kmieni fl-2015, ftit wara l-perjodu ta' investigazzjoni, wieħed minn dawn il-produtturi esportaturi li kkooperaw, Suzhou Hope Technology Co., Ltd, applika għal protezzjoni minn falliment skont il-liġi Ċiniża. Żvilupp ta' tnaqqis konsistenti u kontinwu tal-prezzijiet tal-akbar żewġ esportaturi Ċiniżi wassal fir-realtà għal prezzijiet tal-bejgħ f'livelli mhux sostenibbli. Dawn il-prezzijiet naqqsu sew il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni u b'risultat is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni iddeterjorat ukoll. Jiġifieri f'termini ta' produzzjoni, l-utilizzazzjoni tal-kapaċità, is-sehem tas-suq, l-impjiegi, il-volum tal-bejgħ u l-prezzijiet tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni.

(88)

Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li d-deterjorament tal-istat tal-industrija tal-Unjoni ħabat maż-żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet bi prezzijiet dumped u li dawn l-importazzjonijiet kellhom rwol determinanti fid-dannu materjali li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni. Il-prezzijiet tal-bejgħ tal-produtturi esportaturi naqsu bi 30 % matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Billi kontinwament naqqsu l-prezz tal-bejgħ tal-unità matul il-perjodu kkunsidrat, il-produtturi mill-pajjiżi kkonċernati rnexxielhom iżidu s-sehem mis-suq tagħhom. Minħabba l-koinċidenza stabbilita b'mod ċar fiż-żmien bejn, fuq naħa waħda, il-livell ta' importazzjonijiet oġġett ta' dumping bi prezzijiet jonqsu kontinwament u, min-naħa l-oħra, it-telf ta' volum ta' bejgħ u d-depressjoni tal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, wieħed jikkonkludi li l-importazzjonijiet dumped kienu responsabbli għas-sitwazzjoni dannuża tal-industrija tal-Unjoni.

5.2.   L-effetti ta' fatturi oħra

5.2.1.   Il-prestazzjoni tal-esportazzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni

(89)

Il-volum u l-medja tal-prezzijiet tal-esportazzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni żviluppat kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

It-Tabella 11

Il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

 

2011

2012

2013

Il-perjodu tal-investigazzjoni

Il-volum tal-esportazzjonijiet

Indiċi

100

87

75

72

Prezz medju

Indiċi

100

112

108

98

Sors: Dejta pprovduta mill-industrija tal-Unjoni

(90)

Il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni kienet simili għall-bejgħ tagħha fis-suq tal-Unjoni f'termini ta' volum, għalkemm il-prezzijiet inżammu f'livelli ogħla meta espressi f'euro. Id-differenza fl-iżvilupp tal-prezzijiet jista' jiġi parzjalment attribwit għall-iżvilupp tar-rata tal-kambju bejn l-Euro u d-Dollaru Amerikan fil-perjodu kkunsidrat. Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li minkejja li l-prestazzjoni tal-esportazzjoni kienet ukoll negattiva, din ma tispjegax id-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni.

5.2.2.   Telf ta' Protezzjoni tal-Privattivi

(91)

Uħud mill-partijiet interessati qalu li d-dannu li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni tista' tiġi spjegata minn nuqqas tal-protezzjoni tal-privattivi tan-negozju Ace-K mill-uniku produttur tal-Unjoni. Dan l-argument ma għandux bażi. Kif spjegat fil-premessa 79 hawn fuq, b'mod partikulari wara l-iskadenza tal-privattiva ta' produzzjoni fl-2005, atturi ġodda daħlu fis-suq, jiġifieri l-produtturi esportaturi Ċiniżi, u l-preżenza tagħhom żdiedet b'mod gradwali minn dak iż-żmien 'l hawn. Fl-2009, ferm qabel il-bidu tal-perjodu kkunsidrat, is-sehem tas-suq tal-industrija tal-Unjoni kien waqa' minn pożizzjoni dominanti mogħtija bi protezzjoni tal-privattivi għal inqas minn 50 %. Sal-2011, fil-bidu tal-perjodu kkunsidrat, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi fis-suq tal-Unjoni fil-biċċa l-kbira qabeż is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, tabilħaqq l-iskadenza tal-protezzjoni tal-privattivi wasslet għal suq ta' aktar minn attur wieħed.

(92)

Madankollu, l-investigazzjoni stabbiliet l-eżistenza ta' dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni. Minħabba l-konklużjonijiet ta' dannu, huwa meqjus li l-industrija tal-Unjoni żammet is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja b'saħħitha sal-2011 u bdiet tiddeterjora wara. Jiġifieri sitt snin wara l-iskadenza tal-produzzjoni tal-privattiva jew wara perjodu ta' żmien twil biżżejjed għall-industrija tal-Unjoni biex tirreaġixxi. Għalhekk, ma ma hemmx raġunti valida li s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ddeterjorat minħabba li kien hemm aktar atturi fis-suq. Is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni pjuttost marret għall-agħar minħabba strateġiji l-ipprezzar li applikaw dawk l-atturi l-ġodda li wasslu għaż-żieda fil-volum ta' importazzjoni bi prezz baxx insostenibbli u t-twaqqigħ sostanzjali fil-prezz.

(93)

Għalhekk, il-Kummissjoni f'dan l-istadju kkonkludiet li t-telf tal-protezzjonijiet tal-privattivi ma kkontribwiex għad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

5.2.3.   Strateġija Kummerċjali

5.2.3.1.   L-istrateġija tal-ipprezzar tal-industrija tal-Unjoni

(94)

Parti interessata ddikjarat li d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni kien spjegat bid-deċiżjoni tagħha li żżomm il-pożizzjoni tagħha fis-suq tal-Unjoni bħala manifattur ta' prodotti ta' kwalità għolja. Għall-kuntrarju, l-investigazzjoni kkonkludiet li din l-istrateġija żgurat is-sopravivenza tagħha. Li tipprova tikkompeti biss fuq il-prezz kien iwassal għall-għeluq tan-negozju tal-Ace-K minħabba li l-prezzijiet tal-importazzjoni oġġett ta' dumping naqsu għal livelli insostenibbli. Il-livell insostenibbli tal-prezzijiet ta' importazzjoni hu sostnut mill-fatt li t-tieni l-akbar produttur esportatur, li għalih Ace-K jirrappreżenta parti dominanti tal-fatturat totali tiegħu, applika għal protezzjoni minn falliment skont il-liġi Ċiniża kmieni fl-2015.

5.2.3.2.   R&Ż sinifikanti u l-ispejjeż tal-kummerċjalizzazzjoni fis-suq imġarrba mill-industrija tal-Unjoni

(95)

Ġie allegat minn parti interessata li d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni kien spjegat b'nefqa fuq prodott ġdid matul il-perjodu kkunsidrat. Għandu jiġi nnutat li din in-nefqa hi relatata ma' R&Ż u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodott ġdid li jkun fih Ace-K. Madankollu, kif spjegat fil-premessa 66, l-ispejjeż ta' din l-innovazzjoni ma tqisux fl-analiżi tad-dannu u għalhekk il-konklużjoni ta' dannu materjali ma setgħetx tiġi affettwata minn din in-nefqa.

(96)

Huwa għalhekk konkluż li l-istrateġija tan-negozju adottata mill-industrija tal-Unjoni ma kkontribwitx għad-dannu materjali li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni.

5.3.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

(97)

Id-dannu f'din l-investigazzjoni hija ċara u b'firxa wiesgħa madwar il-biċċa l-kbira tal-indikaturi kif deskritt hawn fuq. Id-dannu huwa ċar kemm fl-aspetti tiegħu tal-volum (b'mod partikolari, is-sehem tas-suq, il-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-volum ta' bejgħ fis-suq tal-Unjoni u l-impjiegi) u fl-aspetti dwar il-prezzijiet (il-prezzijiet medji tal-bejgħ), kif ukoll fl-indikaturi tal-prestazzjoni (il-profittabilità, ir-redditu fuq l-investiment, l-investimenti u l-fluss ta' flus). Kien hemm koinċidenza ċara fiż-żmien bejn iż-żieda fil-volum u s-sehem tas-suq tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping bi prezz baxx bi żvilupp negattiv fis-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni. Filwaqt li l-aspetti tal-volum huma aktar evidenti, hemm korrelazzjoni ċara bejn deterjorament qawwi ta' volumi ta' bejgħ u ta' produzzjoni u d-deterjorament sussegwenti ta' indikaturi finanzjarji.

(98)

Il-Kummissjoni ddistingwiet u sseparat l-effetti tal-fatturi magħrufa kollha dwar is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni mill-effetti dannużi tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping. Il-Kummissjoni ma identifikat l-ebda fatturi oħra li setgħu kkontribwew għad-dannu.

(99)

Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping ikkawżaw id-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni u li ma kienx hemm fatturi oħra li jistgħu jkissru l-konnessjoni kawżali.

6.   L-INTERESS TAL-UNJONI

(100)

B'konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni analizzat jekk, minkejja l-konklużjoni dwar dumping dannuż, huwiex fl-interess tal-Unjoni li jiġu adottati miżuri f'dan il-każ. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq l-apprezzament ta' kull wieħed mill-bosta interessi involuti, inklużi dawk tal-industrija tal-Unjoni, tal-importaturi u tal-utenti.

6.1.   L-interess tal-industrija tal-Unjoni

(101)

L-investigazzjoni stabbiliet li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali kkawżat mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping mir-RPĊ. Kważi l-indikaturi kollha tad-dannu wrew xejriet negattivi matul il-perjodu kkunsidrat, b'mod partikolari l-volum ta' produzzjoni, il-volum tal-bejgħ, il-prezzijiet tal-bejgħ, l-impjiegi, is-sehem tas-suq u l-profittabilità. Ix-xejra 'l isfel ġiet stabbilita wkoll għal indikaturi oħra relatati mal-prestazzjoni finanzjarja bħalma huma l-fluss tal-flus u r-redditu fuq l-investimenti.

(102)

Huwa mistenni li wara l-impożizzjoni ta' miżuri, il-prezzijiet tal-importazzjoni se jiżdiedu u l-industrija tal-Unjoni se tkun parzjalment meħlusa mill-pressjoni tal-prezzijiet attwalment eżerċitata mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping. Fin-nuqqas ta' miżuri, is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni x'aktarx li tkompli tiddeterjora. Aktar telf fil-volum tal-bejgћ u fis-sehem mis-suq huwa ferm probabbli li jdum, minħabba li l-pressjoni tal-prezzijiet mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping se tkompli u l-industrija tal-Unjoni se tkun imġiegħla tikkompeti mal-livelli tal-prezzijiet baxxi fl-Unjoni. Min-naħa l-oħra, ma hemm l-ebda raġunijiet biex jiġi stabbilit li l-pressjoni tal-prezzijiet tinbidel fin-nuqqas ta' miżuri u ma ssegwix it-tendenzi osservati tul il-perjodu kkunsidrat. Mhuwiex eskluż li, minħabba n-nuqqas ta' miżuri, l-industrija tal-Unjoni se tkun imġiegħla twaqqaf il-produzzjoni Ace-K għal kollox fuq it-terminu medju, bil-konsegwenza ta' telf ta' impjiegi fl-Unjoni. Dan ukoll irendi lill-Unjoni kompletament dipendenti fuq l-importazzjoni mir-RPĊ.

(103)

Għaldaqstant, f'dan l-istadju ġie konkluż li l-impożizzjoni ta' dazji ta' antidumping tkun fl-interess tal-industrija tal-Unjoni.

6.2.   L-interess ta' importaturi mhux relatati

(104)

Minn 25 li ġew ikkuntattjati, kienu biss tliet importaturi li ppreżentaw tweġibiet għall-kwestjonarju. It-tweġibiet tagħhom jirrappreżentaw madwar 13 % tal-importazzjonijiet totali tal-Ace-K mir-RPĊ. Dawn il-kumpaniji kienu suġġetti għal verifiki fuq il-post.

(105)

L-importazzjonijiet ta' Ace-K mir-RPĊ jirrappreżentaw inqas minn 10 % tal-fatturat totali ta' dawn l-importaturi fil-perjodu ta' investigazzjoni (għal tnejn minnhom, anki inqas minn 1 %).

(106)

It-tliet importaturi li kkooperaw kollha allegaw li d-dazji kien ikollhom impatt negattiv fuq l-attivitajiet tagħhom hekk kif huma inevitabbilment iwasslu għal prezzijiet ogħla. Importatur wieħed enfasizza l-importanza ta' sorsi doppji għall-klijenti tiegħu.

(107)

Importatur ieħor qal li l-Ace-K ma kinitx sostitwita faċilment għal prodotti li fihom l-Ace-K, li kienu diġà fis-suq. Se jiġu żviluppati prodotti ġodda b'sustanzi li jagħtu ħlewwa alternattivi aktar milli l-prodott ikkonċernat.

(108)

Il-Kummissjoni stabbiliet li l-importaturi jistgħu tabilħaqq jiġu affettwati b'mod negattiv bil-miżuri iżda sa punt limitat ħafna. Ace-K hu parti żgħira biss tan-negozju għall-importaturi, li għandhom portafoll pjutost wiesa' tal-prodotti. Barra minn hekk, peress li miżuri jirrestawraw biss kompetizzjoni ġusta fis-suq tal-Unjoni, huwa kkunsidrat li l-miżuri antidumping ma jżommux lill-importaturi milli jbiegħu l-prodott ikkonċernat fl-Unjoni.

(109)

Fl-istess linja, billi l-importaturi u l-utenti aħħarin enfasizzaw il-ħtieġa ta' żewġ sorsi ta' forniment, il-miżuri aktarx li jsaħħu l-possibbiltà ta' provvista doppja minflok il-prevenzjoni tagħha. Dan huwa minħabba l-fatt li mingħajr miżuri l-industrija tal-Unjoni wisq probabbli tkun eskluża mis-suq.

(110)

Għalhekk, mill-informazzjoni disponibbli, huwa ċar li l-impożizzjoni tal-miżuri fuq l-importaturi jkollha impatt limitat ħafna, jekk xejn, u dan l-impatt għandu jkun superat b'mod ċar mill-benefiċċji li l-miżuri jistgħu jġibu magħhom lill-industrija tal-Unjoni.

6.3.   L-interess tal-utenti

(111)

Il-Kummissjoni kkuntattjat madwar 80 utent tal-Ace-K mat-tnedija. Utent wieħed biss bagħat tweġiba għall-kwestjonarju. L-utenti ewlenin jiffurmaw parti minn segment imnaqqas ta' mingħajr zokkor jew b'inqas zokkor tas-settur tal-ikel u tax-xorb. Bejgħ ieħor ta' Ace-K hu kkonsmat fis-settur farmaċewtiku biex jagħmel il-mediċini b'togħma aktar tajba.

(112)

Għall-utent li kkoopera, għalkemm Ace-K jintuża fil-biċċa l-kbira tal-prodotti tiegħu, ix-xiri tal-Ace-K hu żgħir ħafna meta mqabbel mal-produzzjoni globali u l-ispejjeż tal-bejgħ.

(113)

L-utent li kkoopera sostna li l-prodott ikkonċernat huwa komponent ewlieni għal parti konsiderevoli tal-prodotti lesti tiegħu u estremament diffiċli li jiġi sostitwit mingħajr ma jkun hemm impatt negattiv fuq l-istandards ta' kwalità tiegħu u l-kompetittività.

(114)

Tliet utenti oħra, li jirrappreżentaw kemm il-produtturi multinazzjonali kbar tal-ikel u x-xorb u l-kumpaniji farmaċewtiċi speċjalizzati iżgħar, ma mlewx il-kwestjonarju iżda taw il-kummenti tagħhom fi preżentazzjonijiet bil-miktub. Huma sostnew li, suġġett għal determinazzjoni ta' dumping, l-industrija tal-Unjoni għandha tinżamm bħala kompetitur vijabbli u sors affidabbli ta' provvista ta' kwalità għolja.

(115)

L-investigazzjoni kkonkludiet li, f'termini ta' spejjeż, l-importanza ta' Ace-K f'prodotti lesti huwa minimu. Madankollu, hekk kif sostnut mill-utent li kkoopera, l-użu ta' Ace-K hu essenzjali għal prodotti li diġà jinsabu fis-suq. Prodotti ġodda jistgħu jiġu żviluppati ma' sustanzi li jagħtu l-ħlewwa alternattivi iżda biex tinbidel il-formulazzjoni ta' prodotti stabbiliti hija riskjuża u għalja. Għalhekk, l-aċċess tal-utenti għal sorsi alternattivi ta' Ace-K hu importanti ħafna.

(116)

Dan l-argument tressaq ukoll minn tliet utenti li ppreżentaw kummenti. Huma enfasizzaw li ma jixtiqux ikunu jiddependu esklussivament fuq Ace-K Ċiniż b'riskju ta' prezzijiet ta' monopolju minħabba l-possibbiltà ta' konċentrazzjoni tas-settur fir-RPĊ.

(117)

Kif imsemmi fil-premessa 108 hawn fuq, il-miżuri antidumping proposti għandhom l-għan li jerġgħu jintroduċu kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni li għandhom jippermettu kemm produtturi tal-Unjoni kif ukoll Ċiniżi biex jibqgħu fis-suq bħala kompetituri vijabbli. Il-bżonn tal-utenti għal provvista doppja imbagħad jiġi indirizzat aħjar bl-impożizzjoni ta' miżuri milli mingħajrhom.

6.4.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(118)

L-impożizzjoni ta' miżuri antidumping x'aktarx mistennija li tippermetti lill-industrija tal-Unjoni li tibqa' fis-suq u wara ttejjeb is-sitwazzjoni tagħha. Jeżisti riskju għoli li jekk il-miżuri ma jiġux imposti, l-industrija tal-Unjoni jkollha tikkunsidra li tirtira min-negozju Ace-K fit-terminu medju, bir-riżultat ta' telf inevitabbli ta' impjiegi. Dan joħloq monopolju għall-produtturi esportaturi Ċiniżi, li n-numru tagħhom x'aktarx ukoll jonqos. Filwaqt li jkun hemm possibbiltà ta' impatt żgħir fuq l-importaturi, dan ikun ta' detriment għall-utenti aħħarin ta' Ace-K, fejn xi wħud saħqu fuq l-importanza li jinżamm sors ta' provvista fl-Unjoni.

(119)

Fuq il-bażi ta' hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm raġunijiet persważivi li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li timponi miżuri fuq importazzjonijiet tal-Ace-K li joriġinaw fir-RPĊ f'dan l-istadju tla-investigazzjoni.

7.   MIŻURI PROVVIŻORJI ANTIDUMPING

(120)

Fuq il-bażi tal-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni fir-rigward tad-dumping, id-dannu, il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni, għandhom jiġu imposti miżuri antidumping provviżorji sabiex ma jippermettux li jsir aktar dannu lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet oġġett ta' dumping.

7.1.   Livell ta' eliminazzjoni tad-dannu (marġini tad-dannu)

(121)

Sabiex jiġi ddeterminat il-livell ta' dawn il-miżuri, il-Kummissjoni l-ewwel stabbiliet l-ammont ta' dazju neċessarju sabiex jiġi eliminat id-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. Il-miżuri għandhom ikunu stabbiliti f'livell suffiċjenti għar-restawr tas-sitwazzjoni ta' kompetizzjoni ġusta bejn l-industrija tal-Unjoni u l-produtturi esportaturi fir-RPĊ.

(122)

Id-dannu jiġi eliminat jekk l-industrija tal-Unjoni tkun kapaċi tkopri l-ispejjeż tal-produzzjoni tagħha u tagħmel profitt qabel it-taxxa mill-bejgħ tal-prodott simili fis-suq tal-Unjoni li jista' jinkiseb b'mod raġonevoli f'kundizzjonijiet normali ta' kompetizzjoni minn industrija ta' dan it-tip fis-settur, jiġifieri fin-nuqqas ta' importazzjonijiet oġġett ta' dumping.

(123)

Għal dak l-għan, il-prezz tal-industrija tal-Unjoni stabbilit għall-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezzijiet fil-premessi 43 u 44 kien ikkunsidrat bħala prezz mhux ta' dannu u użat fil-kalkoli tal-marġni ta' dannu. Iċ-ċirkustanzi partikolari ta' dan il-każ żvelaw li peress li minħabba l-esklużjoni ta' darba u eċċezzjonali ta' R&Ż u spejjeż ta' kummerċjalizzazzjoni waslu għal profitt attwali fil-bejgħ tal-prodott simili matul il-perjodu ta' investigazzjoni, il-livell ta' eliminazzjoni tad-dannu għandu jinkiseb b'tali prezz reali.

(124)

Għalhekk, il-Kummissjoni mbagħad iddeterminat il-livell ta' eliminazzjoni tad-dannu fuq il-bażi ta' tqabbil bejn il-prezz medju ponderat CIF tal-importazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw, kif stabbilit għall-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz, bil-medja aġġustata ponderata tal-prezz tal-fabbrika tat-tali prodott mibjugħ mill-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni, kif stabbilit għall-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz. Kwalunkwe differenza li tirriżulta minn dan it-tqabbil ingħatat bħala perċentwal tal-valur CIF medju peżat tal-importazzjoni.

7.2.   Miżuri provviżorji

(125)

Għandhom ikunu imposti miżuri antidumping provviżorji fuq l-importazzjonijiet tal-aċesulfam tal-potassju li joriġinaw mir-RPĊ kif ukoll aċesulfam tal-potassju li joriġina fir-RPĊ li għandhom ċerti preparamenti u/jew taħlitiet, skont ir-regola ta' inqas dazju tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni qabblet il-marġnijiet tad-dannu u l-marġnijiet tad-dumping. L-ammont ta' dazji għandu jkun stabbilit fil-livell il-baxx tal-marġini ta' dumping u dak tad-dannu.

(126)

Fuq il-bażi ta' dan li ntqal hawn fuq, ir-rati ta' dazju antidumping provviżorji, mogħtija skont il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazji doganali mhux imħallsa, għandhom ikunu kif ġej:

Il-kumpanija

Marġini tad-dumping

Marġini tad-dannu

Id-dazju antidumping provviżorju

Anhui Jinhe Industrial Co., Ltd.

97,8 %

87,7 %

87,7 %

Suzhou Hope Technology Co., Ltd.

89,1 %

76,6 %

76,6 %

Anhui Vitasweet Food Ingredient Co., Ltd.

37,4 %

23,1 %

23,1 %

Il-kumpaniji l-oħra kollha

97,8 %

87,7 %

87,7 %

(127)

Madankollu, peress li d-dazju antidumping għandu japplika wkoll għal kwalunkwe tħejjijiet u/jew taħlitiet li jinkludu Ace-K, huwa aktar xieraq għall-implimentazzjoni tad-dazju mill-awtoritajiet doganali tal-Unjoni, li d-dazju jiġi espress bħala ammont fiss f'Euro għal kull kg nett u dan japplika għal Ace-K pur importat, jew il-proporzjon ta' Ace-K imħejji u/jew prodott imħallat.

(128)

Ir-rati tad-dazju antidumping ta' kumpaniji individwali speċifikati f'dan ir-Regolament ġew stabbiliti fuq il-bażi tal-konklużjonijiet ta' din l-investigazzoni. Gћaldaqstant, dawn jirriflettu l-qagħda li nstabet matul din l-investigazzjoni fir-rigward ta' dawn il-kumpaniji. Dawn ir-rati ta' dazju (għall-kuntrarju tad-dazju applikabbli fil-pajjiż kollu għall-“kumpaniji l-oħra kollha”) għaldaqstant huma esklużivament applikabbli għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat u manifatturat mill-entitajiet legali msemmija. L-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat prodott minn kull kumpanija oħra mhux imsemmija b'mod speċifiku fil-parti operattiva ta' dan ir-Regolament, inklużi entitajiet relatati ma' dawk imsemmija b'mod speċifiku, għandhom ikunu soġġetti għar-rata ta' dazju applikabbli għall-“kumpaniji kollha l-oħrajn”. Ma għandhomx ikunu soġġetti għal xi rata individwali ta' dazju antidumping.

(129)

Kumpanija tista' titlob l-applikazzjoni ta' dawn ir-rati tad-dazju antidumping individwali jekk imbagħad tibdel l-isem tal-entità tagħha. It-talba għandha tkun indirizzata lill-Kummissjoni (3). It-talba għandha tinkludi l-informazzjoni kollha rilevanti li turi li l-bidla ma taffettwax lid-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla fl-isem tal-kumpanija ma taffettwax lid-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata ta' dazju li tapplika għaliha, tiġi ppubblikata notifika ta' informazzjoni dwar il-bidla tal-isem f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(130)

Sabiex jiġu minimizzati r-riskji ta' ċirkomvenzjoni minħabba d-differenza għolja fir-rati tad-dazju, huma meħtieġa miżuri speċjali biex tkun żgurata l-applikazzjoni ta' dazji antidumping individwali. Kumpaniji b'dazji individwali tal-antidumping għandhomu jippreżentaw fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Il-fattura għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness I. L-importazzjonijiet mhux akkumpanjati minn dik il-fattura għandhom ikunu suġġetti għad-dazju antidumping applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”.

(131)

Biex ikun żgurat infurzar xieraq ta' dazji antidumping, ir-rata tad-dazju antidumping għall-“kumpaniji kollha l-oħrajn” għandha tkun applikata mhux biss għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx f'din l-investigazzjoni, imma anki għall-produtturi li ma kellhomx esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni.

8.   DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

(132)

Fl-interessi ta' amministrazzjoni tajba, il-partijiet interessati jissottomettu kummenti bil-miktub u/jew jitolbu seduta mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċeduri kummerċjali bi skadenza fissa.

(133)

Il-konklużjonijiet li jikkonċernaw l-impożizzjoni ta' dazji provviżorji huma provviżorji u jistgħu jiġu emendati fl-istadju definittiv tal-investigazzjoni.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju provviżorju ta' antidumping huwa hawnhekk impost fuq l-importazzjonijiet ta' aċesulfam tal-potassju (melħ tal-potassju ta' 6-metil-1,2,3-oksatijażin-4(3H)-wieħed-2,2-diossidu; CAS RN 55589-62-3) li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina kif ukoll aċesulfam tal-potassju li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina li jinsab f'ċerti tħejjijiet u/jew taħlitiet, li attwalment jaqgħu fil-kodiċijiet NM ex 2106 90 92 , ex 2106 90 98 , ex 2934 99 90 (Kodiċi TARIC 2934 99 90 21), ex 3824 90 92 , ex 3824 90 93 u ex 3824 90 96 .

2.   Ir-rati tad-dazju antidumping provviżorji applikabbli għall-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u manifatturat mill-kumpaniji elenkati hawn taħt, ikunu kif ġej:

Il-kumpanija

Ir-rata tad-dazju provviżorju — Euro għal kull kg nett

kodiċi addizzjonali TARIC

Anhui Jinhe Industrial Co., Ltd.

3,19

C046

Suzhou Hope Technology Co., Ltd.

3,15

C047

Anhui Vitasweet Food Ingredient Co., Ltd.

1,23

C048

Il-kumpaniji l-oħra kollha

3,19

C999

Il-kumpaniji kollha ddikjaraw li t-tħejjijiet u/jew taħlitiet ma fihomx l-aċesulfam tal-potassju li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

0

C045

3.   Id-dazju antidumping fuq aċesulfam tal-potassju li jinsab f'ċerti tħejjijiet u/jew taħlitiet għandu jkun applikabbli proporzjonalment fit-tħejjijiet u/jew fit-taħlita, bil-piż, tal-kontenut totali ta' aċesulfam tal-potassju.

4.   L-applikazzjoni tar-rati tad-dazju individwali speċifikati għall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 għandha tkun kondizzjonali mill-preżentazzjoni lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri ta' fattura kummerċjali valida, li għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness I. Jekk ma tiġi ppreżentata l-ebda fattura, japplika d-dazju applikabbli lill-kumpaniji l-oħrajn kollha.

5.   Ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni, tal-prodott imsemmi fil-paragrafu 1, huwa soġġett għall-forniment ta' depożitu ta' garanzija ekwivalenti għall-ammont tad-dazju provviżorju.

6.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti fis-seħħ rigward id-dazji doganali.

Artikolu 2

Mal-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni tad-dwana għar-rilaxx f'ċirkulazzjoni ħielsa lill-awtorità tad-dwana tal-Istat Membru, f'każijiet fejn l-aċesulfam tal-potassju joriġina f'pajjiż għajr il-pajjiż tal-oriġini tat-tħejjijiet u/jew taħlitiet li fih jinsab, l-importatur għandu jitfa' dikjarazzjoni tal-oriġini maħruġa mill-produttur finali tat-tħejjijiet u/jew taħlitiet f'konformità mar-rekwiżiti fl-Anness II.

Artikolu 3

1.   Fi żmien 25 jum kalendarju mid-data li fiha jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, il-partijiet interessati jistgħu:

(a)

Jitolbu l-iżvelar tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom ġie adottat dan ir-Regolament;

(b)

Jippreżentaw il-kummenti tagħhom bil-miktub lill-Kummissjoni; kif ukoll

(c)

Jitobu smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali.

2.   Fi żmien 25 jum kalendarju mid-data li fiha jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, il-partijiet imsemmijin fl-Artikolu 21(4) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 jistgħu jikkummentaw fuq l-applikazzjoni tal-miżuri provviżorji.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1 japplika għal perjodu ta' sitt xhur.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Mejju 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)   ĠU C 297, 4.9.2014, p. 2.

(3)   European Commission, Directorate-General for Trade, Directorate H, Rue de la Loi 170/Wetstraat 170, 1040 Brussels, Belgium.


ANNESS I

Il-fattura kummerċjali valida msemmija fl-Artikolu 1(4) trid tinħareġ u turi dan li ġej:

(1)

L-isem u l-funzjoni tal-uffiċjal tal-entità li toħroġ il-fattura kummerċjali.

(2)

Id-dikjarazzjoni li ġejja: “Jiena, is-sottoskritt, niċċertifika illi l-aċesulfam tal-potassju mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea kopert b'din il-fattura, ġie maħdum mill-kumpanija (isem u indirizz tal-kumpanija) (il-kodiċi TARIC addizjonali) fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Jiena niddikjara li l-informazzjoni mogħtija f'din il-fattura hija sħiħa u korretta.”

(3)

Id-data u l-firma tal-uffiċjal tal-entità li joħroġ il-fattura kummerċjali.


ANNESS II

Dikjarazzjoni tal-oriġini

Bejjiegħ: [daħħal l-isem sħiħ u l-indirizz tal-bejjiegħ tal-preparazzjonijiet u/jew taħlitiet li fihom aċesulfam tal-potassju]

In-numru u d-data tal-fattura kummerċjali:

Nru tal-Ippakkjar

Deskrizzjoni tal-prodott tal-preparazzjoni u/jew taħlita li fiha aċesulfam tal-potassju

Kwantità f'kg ta' aċesulfam tal-potassju li jinsabu fil-prodott

Pajjiż ta' oriġini tal-aċesulfam tal-potassju

(1)

(2)

(3)

(4)

 

 

 

 

 

 

 

 

Produttur: [daħħal l-isem u l-indirizz sħiħ tal-produttur finali tħejjijiet u/jew taħlitiet li fihom aċesulfam tal-potassju jekk il-produttur ma jkunx identiku għal bejjiegħ]

Il-produttur ta' dawn il-prodotti b'dan jiddikjara:

—

li l-oriġini dikjarata fil-kolonna 4 għall-oġġetti deskritti fil-kolonna 2 ta' din id-dikjarazzjoni ġiet iddeterminata minnu skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (1),

—

ir-rieda tal-produttur li jikkoopera bis-sħiħ mal-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea, jew l-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru ta' importazzjoni meta jivverifikaw l-eżattezza ta' din id-dikjarazzjoni.

Data

 

(Firma)

 

(Timbru tal-Kumpanija Produċenti firmatarja)

(Isem u funzjoni ta' firmatarju awtorizzat)

 

 

 


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).