32001D0298



Official Journal L 102 , 12/04/2001 P. 0063 - 0068


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-30 ta’ Marzu 2001

li temenda l-Annessi tad-Direttivi tal-Kunsill 64/432/KEE, 90/426/KEE, 91/68/KEE u 92/65/KEE u tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/273/KE rigward il-protezzjoni ta’ l-annimali matul it-trasport

(innotifikata taħt dokument numru Ċ(2001) 965)

(Test b'rilevanza għall-FEE)

(2001/298/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/628/KEE tad-19 ta' Novembru 1991 dwar il-protezzjoni ta’ l-annimali matul it-trasport u li temenda d-Direttivi 90/425/KEE u 91/496/KEE [1] kif emendati l-aħħar mid-Direttiva 95/29/KE [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 6 (2) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta’ Lulju 1992 rigward li jiġu stabbiliti l-ħtiġiet tas-saħħa ta’ l-annimali li jirregolaw il-kummerċ u l-importazzjoni fil-Komunità ta' annimali, semen, bajd u embrijoni li ma jkunux suġġetti għall-ħtiġiet tas-saħħa ta’ l-annimali stabbiliti fir-regoli Komunitarji speċifiċi msemmija fl-Anness A(I) mad-Direttiva 90/425/KEE [3], kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 95/176/KE [4] u b’mod partikolari l-Artikolu 10(3)(a)(vii) tagħha,

Billi:

(1) Kif meħtieġ mill-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 91/628/KEE, il-Kummissjoni adottat fis-6 ta’ Diċembru 2000 rapport [5] dwar l-esperjenza akkwistata mill-Istati Membri minn mindu ġiet implimentata d-Direttiva tal-Kunsill 95/29/KE tad-29 ta’ Ġunju 1995 li temenda d-Direttiva 91/628/KEE rigward il-protezzjoni ta’ l-annimali matul it-trasport.

(2) Fuq il-bażi tal-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport, u b’mod partikolari sabiex tinġibed l-attenzjoni tal-veterinarji responsabbli għaċ-ċertifikazzjoni tar-responsabbiltajiet tagħhom rigward il-protezzjoni ta’ l-annimali matul it-trasport, huwa neċessarju li ċ-ċertifikati tas-saħħa previsti għal dawn l-annimali jiġu supplimentati.

(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1964 dwar il-problemi tas-saħħa ta’ l-annimali li jaffettwaw il-kummerċ intra-Komunitarju fl-annimali tal-fart u tal-majjali [6], kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjonital-Kummissjoni 2000/504/KE [7], id-Direttiva tal-Kunsill 90/426/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar il-kondizzjonijiet tas-saħħa ta’ l-annimali li jirregolaw il-moviment u l-importazzjoni minn pajjiżi li ma jkunux membri ta’ l-equidae [8], kif emendata l-aħħar mill-Att ta’ l-Adeżjoni [9], id-Direttiva tal-Kunsill 91/68/KEE tat-28 ta’ Jannar 1991 dwar il-kondizzjonijiet tas-saħħa ta’l-annimali li jirregolaw il-kummerċ intra-Komunitarju f’annimali ovini u kaprini [10], kif emendata mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/953/KE [11], id-Direttiva 92/65/KEE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/273/KE tat-18 ta’ April 1994 rigward iċ-ċertifikazzjoni veterinarja għat-tqegħid fis-suq fir-Renju Unit u l-Irlanda ta’ klieb u qtates li ma jkunux joriġinaw minn dawk il-pajjiżi [12], għandhom għalhekk jiġu emendati kif xieraq.

(4) Id-dikjarazzjoni addizzjonali introdotta fid-Deċiżjoni preżenti ma teżentax lit-trasportaturi mill-obbligazzjonijiet tagħhom skond id-disposizzjonijiet tal-Komunità fis-seħħ b’mod partikolari rigward jekk l-annimali jkunux f’qagħda tajba biex jiġu ttrasportati.

(5) Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma bi qbil ma' l-opinjoni tal-Kumitat Veterinarju Permanenti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1. L-Annessi mad-Direttivi 64/432/KEE, 90/426/KEE u 91/68/KEE qed jiġu emendati kif spjegat fl-Anness I ma’ din id-Deċiżjoni.

2. L-Anness E mad-Direttiva 92/65/KEE qed jinbidel kif spjegat fl-Anness II ma' din id-Direttiva.

3. L-Anness mad-Deċiżjoni 94/273/KEE qed jinbidel kif spjegat fl-Anness II ma' din id-Direttiva.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tgħodd għall-annimali ċċertifkati mill-31 ta’ Lulju 2001.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni qed tiġi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, it-30 ta’ Marzu 2001.

Għall-Kummissjoni

David Byrne

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 340, tal-11.12.1991, p. 17.

[2] ĠU L 148, tat-30.6.1995, p. 52.

[3] ĠU L 268, ta’ l-14.9.1992, p. 54.

[4] ĠU L 117, ta’ l-24.5.1995, p. 23.

[5] COM(2000) 809.

[6] ĠU L 121, tad-29.7.1964, p. 1977/64.

[7] ĠU L 201, tad-9.8.2000, p. 6.

[8] ĠU L 224, tat-18.8.1990, p. 42.

[9] L-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Renju tan-Norveġja, tar-Repubblika ta’ l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta’ l-Isvezja u l-aġġustamenti tat-Trattati li fuqhom l-Unjoni Ewropea hija mibnija, l-Anness I - Il-lista msemmija fl-Artikolu 29 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni - V. L-Agrikoltura - E. Il-Leġislazzjoni veterinarja u żooteknika (ĠU Ċ 241, tad- 29.8.1994, p. 132).

[10] ĠU L 46, tad-19.2.1991, p. 19.

[11] ĠU L 371, tal-31.12.1994, p. 14.

[12] ĠU L 117, tas-7.5.1994, p. 37.

--------------------------------------------------

ANNESS I

1. Id-Direttiva 64/432/KEE qed tiġi emendata kif ġej:

L-Anness F qed jiġi emendat kif ġej:

(a) fit-taqsima Ċ taċ-ċertifikat mudell 1, il-paragrafu li ġej qed jiżdied mal-lista nnumerata tal-ħtiġiet li għandhom jiġu ċċertifikati:

"6. waqt l-ispezzjoni l-annimali hawn fuq imsemmija nstabu tajba biex jiġu ttrasportati fil-vjaġġ maħsub skond id-disposizzjonijiet tad-Direttiva 91/628/KEE [12] Din id-dikjarazzjoni ma teżentax lit-trasportaturi mill-obbligazzjonijiet tagħhom skond id-disposizzjonijiet tal-Komunità fis-seħħ b’mod partikolari rigward is-saħħa ta’ l-annimali li għandhom jiġu ttrasportati.."

F’każijiet fejn id-disposizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2000/504/KE [2] jiġu applikati, il-paragrafu għandu jiġi nnumerat mill-ġdid bħala paragrafu 7;

(a) fit-taqsima Ċ taċ-ċertifikat mudell 2, il-paragrafu li ġej qed jiżdied mal-lista nnumerata tal-ħtiġiet li għandhom jiġu ċċertifikati:

"6. waqt l-ispezzjoni l-annimali hawn fuq imsemmija nstabu tajba biex jiġu ttrasportati fil-vjaġġ maħsub skond id-disposizzjonijiet tad-Direttiva 91/628/KEE [8] Din id-dikjarazzjoni ma teżentax lit-trasportaturi mill-obbligazzjonijiet tagħhom skond id-disposizzjonijiet tal-Komunità fis-seħħ b’mod partikolari rigward is-saħħa ta’ l- annimali li għandhom jiġu ttrasportati.."

2. Id-Direttiva 90/426/KEE qed tiġi emendata kif ġej:

(a) fl-Anness B, il-paragrafu li ġej qiegħed jiżdied ma’ l-attestat:

"(f) waqt l-ispezzjoni nstab tajjeb biex jiġi ttrasportat fil-vjaġġ maħsub skond id-disposizzjonijiet tad-Direttiva 91/628/KEE [e] Din id-dikjarazzjoni ma teżentax lit-trasportaturi mill-obbligazzjonijiet tagħhom skond id-disposizzjonijiet tal-Komunità fis-seħħ b’mod partikolari rigward is-saħħa ta’ l-annimali li jridu jiġu ttrasportati.."

(b) fl-Anness Ċ f’taqsima IV taċ-ċertifikat mudell il-paragrafu li ġej qed jiġi miżjud:

"6. waqt l-ispezzjoni huwa/huma kien/kienu tajjeb/tajba biex jiġi/jiġu ttrasportat(I) fil-vjaġġ maħsub bi qbil mad-disposizzjonijiet ta’ Direttiva 91/628/KEE [d] Din id-dikjarazzjoni ma teżentax lit-trasportaturi mill-obbligazzjonijiet tagħhom skond id-disposizzjonijiet tal-Komunità fis-seħħ b’mod partikolari rigward is-saħħa ta’ l-annimali li għandhom jiġu ttrasportati.."

3. Id-Direttiva 91/68/KEE qed tiġi emendata kif ġej:

L-Anness E qed jiġi emendat kif ġej:

Dan li ġej qed jiżdied bħala:

- l-punt (G) tat-taqsima V taċ-ċertifikat mudell I,

- il-punt (H) tat-taqsima V taċ-ċertifikat mudell II,

- il-punt (K) tat-taqsima V taċ-ċertifikat mudell III,

"waqt l-ispezzjoni nstabu tajba biex jiġu ttrasportati fil-vjaġġ maħsub skond id-disposizzjonijiet tad-Direttiva 91/628/KEE [5] Din id-dikjarazzjoni ma teżentax lit-trasportaturi mill-obbligazzjonijiet tagħhom skond id-disposizzjonijiet tal-Komunità fis-seħħ b’mod partikolari rigward is-saħħa ta’ l-annimali li għandhom jiġu ttrasportati.."

[2] ĠU L 201, 9.8.2000, p. 6.

--------------------------------------------------

ANNESS II

L-Anness E għad-Direttiva 92/65/KEE qed jinbidel kif ġej:

"

ANNESS E

+++++ TIFF +++++

"

--------------------------------------------------

ANNESS III

L-Anness għad-Direttiva 94/276/KE qed jinbidel kif ġej:

"

ANNESS

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

"

--------------------------------------------------