Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
17 ta’ Novembru 2026 (*)
“Appell – Dritt istituzzjonali – Kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi – Regolament (UE) 2016/794 – Ipproċessar ta’ data personali mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) – Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) – Deċiżjoni tal-KEPD dwar l-ipproċessar ta’ data mill-Europol – Emenda għar-Regolament 2016/794 bir-Regolament (UE) 2022/991 – Arranġamenti transitorji rigward dawn it-trattamenti – Rikors għal annullament ippreżentat mill-KEPD sabiex jiddefendi l-indipendenza tiegħu – Ammissibbiltà – Prinċipju ta’ ekwilibriju istituzzjonali – Raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Inċidenza diretta”
Fil-Kawża C‑698/23 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fis‑16 ta’ Novembru 2023,
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD), irrappreżentat inizjalment minn A. Buchta, F. Coudert, D. Nardi u T. Zerdick, bħala aġenti, sussegwentement minn E. Chatziliasi, F. Coudert, D. Nardi u T. Zerdick, bħala aġenti,
rikorrenti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat inizjalment minn I. Liukkonen, P. López-Carceller u R. van de Westelaken, bħala aġenti, sussegwentement minn I. Liukkonen, P. López-Carceller, M. Migliorati u M. Pencheva, bħala aġenti, u fl-aħħar minn I. Liukkonen, M. Migliorati u M. Pencheva, bħala aġenti,
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat inizjalment minn J. Lotarski, R. Meyer u K. Pleśniak, bħala aġenti, sussegwentement minn J. Lotarski u K. Pleśniak, bħala aġenti,
konvenuti fl-ewwel istanza,
sostnuti minn:
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata inizjalment minn J. Möller u P.-L. Krüger, bħala aġenti, sussegwentement minn J. Möller, bħala aġent,
Ir-Repubblika Franċiża, inizjalment irrappreżentata minn R. Bénard, B. Dourthe u B. Fodda, bħala aġenti, sussegwentement minn R. Bénard, B. Dourthe, O. Duprat-Mazaré u B. Fodda, bħala aġenti, u fl-aħħar minn B. Dourthe, bħala aġent,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouchagiar, H. Leupold u F. Tomat, bħala aġenti,
intervenjenti fl-appell,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, T. von Danwitz (Relatur), Viċi President, K. Jürimäe, C. Lycourgos, I. Jarukaitis, B. Smulders, S. Gervasoni u N. Fenger, Presidenti ta’ Awla, S. Rodin, E. Regan, A. Kumin, N. Jääskinen, M. Condinanzi u F. Schalin u N. Piçarra, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑11 ta’ Marzu 2025,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Mejju 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tal-appell tiegħu, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) jitlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑6 ta’ Settembru 2023, KEPD vs Il-Parlament u l-Kunsill (T‑578/22, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2023:522), li permezz tiegħu huwa ddikjara inammissibbli r-rikors tiegħu intiż għall-annullament tal-Artikoli 74a u 74b tar-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU 2016, L 135, p. 53, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Europol inizjali”), kif emendat bir-Regolament (UE) 2022/991 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/794, fir-rigward tal-kooperazzjoni tal-Europol ma’ partijiet privati, tal-ipproċessar ta’ data personali mill-Europol b’appoġġ għal investigazzjonijiet kriminali, u tar-rwol tal-Europol fir-riċerka u fl-innovazzjoni (ĠU 2022, L 169, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Europol emendat”) (iktar ’il quddiem, meħudin flimkien, id-“dispożizzjonijiet tranżitorji kontenzjużi”).
Il‑kuntest ġuridiku
It-Trattat UE
2 L-Artikolu 13(1) TUE jipprovdi:
“L-Unjoni [Ewropeja] għandha qafas istituzzjonali maħsub sabiex jippromwovi l-valuri tagħha, isegwi l-objettivi tagħha, iservi l-interessi tagħha, dawk taċ-ċittadini tagħha u dawk ta’ l-Istati Membri, kif ukoll sabiex jassigura l-koerenza, l-effiċjenza u l-kontinwità tal-politika u ta’ l-azzjonijiet tagħha.
L-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni huma:
– il-Parlament Ewropew,
– il-Kunsill Ewropew,
– il-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea],
– il-Kummissjoni Ewropea [...]
– il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea,
– il-Bank Ċentrali Ewropew,
– il-Qorti ta’ l-Awdituri.”.
It-Trattat FUE
3 L-Artikolu 16(2) TFUE jipprovdi:
“Il-Parlament [...] u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu r-regoli li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni ta’ l-individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni, kif ukoll mill-Istati Membri meta jwettqu attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ l-Unjoni, u mal-moviment liberu ta’ din id-data. Il-ħarsien ta’ dawn ir-regoli għandu jkun suġġett għall-kontroll minn awtoritajiet indipendenti.
[...]”.
4 L-Artikolu 263 TFUE jipprovdi:
“Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea għandha teżamina l-legalità ta’ atti leġislattivi, ta’ l-atti tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-Bank Ċentrali Ewropew, minbarra ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet, u ta’ atti tal-Parlament [...] u tal-Kunsill Ewropew maħsuba li joħolqu effetti legali fir-rigward ta’ terzi. Din għandha tikkontrolla wkoll il-legalità ta’ l-atti ta’ korpi jew organi ta’ l-Unjoni maħsuba sabiex jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi.
Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq rikorsi magħmula minn Stat Membru, mill-Parlament [...], mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni, dwar in-nuqqas ta’ kompetenza, dwar ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, dwar ksur tat-Trattati jew ta’ xi regola tad-dritt relattiva għall-applikazzjoni tiegħu, jew dwar l-użu skorrett tas-setgħat tagħhom.
Il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti taħt l-istess kondizzjonijiet sabiex tiddeċiedi rikorsi mill-Qorti ta’ l-Awdituri, mill-Bank Ċentrali Ewropew u mill-Kumitat tar-Reġjuni bil-għan li jipproteġu l-prerogattivi tagħhom.
Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, tressaq appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni.
[...]”.
Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001
5 Skont l-Artikolu 41(1) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102, rettifika fil-ĠU 2013, L 298, p. 50), “[a]wtorità indipendenti ta’ superviżjoni hija b’dan imwaqqfa imsejjħa bħala il-[KEPD]”.
Ir‑Regolament (UE) 2018/1725
6 Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU 2018, L 295, p. 39), jipprovdi, fl-Artikolu 1(3) tiegħu:
“Il-[KEPD] għandu jissorvelja l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għall-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar imwettqa minn istituzzjoni jew korp tal-Unjoni.”
7 Il-Kapitolu VI ta’ dan ir-regolament huwa intitolat “Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data” u jinkludi l-Artikoli 52 sa 60 tiegħu. L-Artikolu 52 tal-imsemmi regolament, li jinkludi l-istess titolu, jipprevedi:
“1. B’dan jiġi stabbilit il-[KEPD].
2. Fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, il-[KEPD] għandu jkun responsabbli mill-iżgurar li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, u b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data, jiġu rispettati mill-istituzzjonijiet u mill-korpi tal-Unjoni.
3. Il-[KEPD] għandu jkun responsabbli għas-sorveljanza u għall-iżgurar tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u ta’ kwalunkwe att ieħor tal-Unjoni relatat mal-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali minn istituzzjoni jew minn korp tal-Unjoni, u għar-rakkomandazzjoni ta’ istituzzjonijiet u ta’ korpi tal-Unjoni u tas-suġġetti tad-data fil-materji kollha li jikkonċernaw l-ipproċessar ta’ data personali. Għal dak l-għan, il-[KEPD] għandu jissodisfa l-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 57 u jeżerċita s-setgħat mogħtijin fl-Artikolu 58.
[...]”.
8 L-Artikolu 55 , tal-istess regolament, intitolat “Indipendenza”, jinqara kif ġej:
“1. Il-[KEPD] għandu jaġixxi b’indipendenza sħiħa meta jwettaq dmirijietu u jeżerċita s-setgħat tiegħu stess skont dan ir-Regolament.
2. Il-[KEPD] għandu, fit-twettiq tal-kompiti tiegħu u fl-eżerċitar tas-setgħat tiegħu f’konformità ma’ dan ir-Regolament, jibqa’ ħieles minn influwenza esterna, sew jekk tkun diretta jew indiretta, u ma għandux ifittex u jieħu istruzzjonijiet mingħand xi ħadd.
3. Il-[KEPD] għandu jżomm lura minn kwalunkwe azzjoni inkompatibbli mad-dmirijiet tiegħu u ma għandux, matul il-mandat tiegħu, jinvolvi ruħu fi kwalunkwe okkupazzjoni oħra, sew jekk bi qligħ kif ukoll jekk le.
4. Wara l-mandat tiegħu, il-[KEPD]għandu jġib ruħu b’integrità u b’diskrezzjoni rigward l-aċċettazzjoni ta’ ħatriet u ta’ benefiċċji.”.
9 Skont l-Artikolu 57(1)(a) tar-Regolament 2018/1725, dwar “Kompiti” tal-KEPD, “il- [KEPD] […] jissorvelja u jinforza l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament minn istituzzjonijiet u minn korpi tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-ipproċessar ta’ data personali mill-Qorti tal-Ġustizzja li taġixxi fil-kapaċità ġudizzjarja tagħha”.
10 L-Artikolu 58 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Setgħat”, jipprovdi:
“[...]
2. Il-[KEPD] għandu jkollu s-setgħat korrettivi li ġejjin:
(a) li joħroġ twissijiet lil kontrollur jew proċessur li attivitajiet ta’ pproċessar intenzjonati x’aktarx jiksru dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament;
[...]
(e) li jordna lill-kontrollur jew lill-proċessur jagħmel attivitajiet ta’ pproċessar konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, meta jkun xieraq, b’mod speċifiku u f’perjodu ta’ żmien speċifiku;
[...]
4. Il-[KEPD] għandu jkollu s-setgħa li jirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea] bil-kundizzjonijiet stipulati fit-Trattati u li jintervjeni f’kawżi miftuħin quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea].
[...]”.
Ir-Regolament Europol inizjali
11 L-Artikolu 18 tar-Regolament Europol inizjali, intitolat “Għanijiet tal-attivitajiet tal-ipproċessar tal-informazzjoni”, kien jipprovdi:
“1. Sa fejn ikun meħtieġ sabiex tikseb l-objettivi tagħha kif stipulati fl-Artikolu 3, il-Europol tista’ tipproċessa informazzjoni, inkluż data personali.
2. Id-data personali tista’ tiġi pproċessata għal dawn il-finijiet biss:
[...]
(c) analiżi operattivi;
[...]
3. L-ipproċessar għall-fini ta’ analiżi operattivi kif imsemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 2 għandu jitwettaq permezz ta’ proġetti ta’ analiżi operattiva, li fir-rigward tagħhom għandhom japplikaw il-garanziji speċifiċi li ġejjin:
(a) għal kull proġett ta’ analiżi operazzjonali, id-Direttur Eżekuttiv għandu jiddefinixxi l-iskop speċifiku, il-kategoriji ta’ data personali u l-kategoriji tas-suġġetti tad-data, il-parteċipanti, it-tul ta’ żmien tal-ħażna u l-kondizzjonijiet għal aċċess, trasferiment u użu tad-data kkonċernata, u għandu jinforma lill-Bord ta’ Amministrazzjoni u lill-KEPD;
(b) id-data personali tista’ tinġabar u tiġi pproċessata biss għall-finijiet tal-proġett ta’ analiżi operazzjonali speċifikat. Fejn jibda jidher li d-data personali tista’ tkun rilevanti għal proġett ta’ analiżi operazzjonali ieħor, aktar proċessar ta’ dik id-data personali għandu jkun permess biss sakemm tali proċessar ulterjuri jkun meħtieġ u proporzjonat u d-data personali tkun kompatibbli mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-punt (a) li japplikaw għall-proġett ta’ analiżi ieħor;
(c) il-persunal awtorizzat biss jista’ jaċċessa u jipproċessa d-data fir-rigward tal-proġett rilevanti.
[...]
5. Il-kategoriji ta’ data personali u l-kategoriji ta’ suġġetti tad-data li d-data tagħhom tista' tinġabar u tiġi pproċessata għal kull skop speċifiku msemmi fil-paragrafu 2 jinsabu elenkati fl-Anness II.
6. Il-Europol tista’ temporanjament tipproċessa d-data bil-għan li tiddetermina jekk tali data hijiex rilevanti għall-kompiti tagħha u, jekk ikun hekk, għal liema mill-finijiet imsemmija fil-paragrafu 2. Il-Bord ta’ Amministrazzjoni, li jaġixxi fuq proposta mid-Direttur Eżekuttiv u wara konsultazzjoni mal-KEPD, għandu jkompli jispeċifika l-kondizzjonijiet relatati mal-ipproċessar tat-tali data, partikolarment fir-rigward tal-aċċess għad-data u l-użu tagħha, kif ukoll il-limiti ta’ żmien għall-ħażna u t-tħassir tad-data li ma jistgħux jaqbżu s-sitt xhur, wara li jittieħed kont dovut tal-prinċipji msemmijin fl-Artikolu 28.”.
12 L-Artikolu 43 tar-Regolament Europol inizjali, intitolat “Superviżjoni mill-KEPD”, kien jipprevedi:
“1. Il-KEPD għandu jkun responsabbli li jimmonitorja u jiżgura l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan irRegolament li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-Europol, u biex jagħti pariri lill-Europol u lis-suġġetti tad-data dwar il-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw l-ipproċessar tad-data personali. Għal dak il-għan, huwa għandu jwettaq id-dmirijiet stipulati fil-paragrafu 2, u jeżerċita s-setgħat stipulati fil-paragrafu 3, filwaqt li jikkoopera mill-qrib mal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali f’konformità mal-Artikolu 44
2. Il-KEPD għandu jkollu d-dmirijiet li ġejjin:
[...]
(c) jimmonitorja u jiżgura l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u kwalunkwe att ieħor tal-Unjoni li jirrelataw mal-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-Europol;
[...]
3. Il-KEPD jista’ skont dan ir-Regolament:
[...]
(e) jordna lill-Europol tagħmel ir-rettifika, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew id-distruzzjoni ta’ data personali li tkun ġiet ipproċessata bi ksur tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-ipproċessar tad-data personali u jinotifikaw tali azzjonijiet lill-partijiet terzi li lilhom tkun ġiet żvelata tali data;
[...]
(h) jirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej skont il-kondizzjonijiet previsti fit-TFEU;
[...]”.
13 L-Anness II tar-Regolament Europol inizjali jiddetermina l-kategoriji ta’ data personali kif ukoll il-kategoriji ta’ suġġetti tad-data li d-data tagħhom tista’ tinġabar u tiġi pproċessata għal kull wieħed mill-iskopijiet imsemmija fl-Artikolu 18(2) ta’ dan ir-regolament.
Ir-Regolament Europol emendat
14 Ir-Regolament Europol inizjali ġie emendat bir-Regolament Nru 2022/991, li daħal fis-seħħ fit‑28 ta’ Ġunju 2022.
15 L-Artikolu 18 ta’ dan ir-Regolament Europol emendat jipprovdi, fil-paragrafu 5 tiegħu:
“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8(4), l-Artikolu 18(2), il-punt(e), l-Artikolu 18a, u l-ipproċessar tad-data skont l-Artikolu 26(6c), fejn l-infrastruttura tal-Europol tintuża għal skambji bilaterali ta’ data personali u l-Europol ma jkollha l-ebda aċċess għall-kontenut tad-data, il-kategoriji ta’ data personali u l-kategoriji tas-suġġetti tad-data li d-data tagħhom tista’ tinġabar u tiġi pproċessata għall-finijiet tal-paragrafu 2 huma elenkati fl-Anness II.”.
16 L-Artikolu 18a tar-Regolament Europol emendat, intitolat “Ipproċessar ta’ data personali b’appoġġ għal investigazzjoni kriminali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Meta dan ikun meħtieġ għall-appoġġ ta’ investigazzjoni speċifika ta’ reat kriminali li tkun għaddejja skont il-kamp ta’ applikazzjoni tal-objettivi tal-Europol, il-Europol tista’ tipproċessa data personali li ma tirrigwardax il-kategoriji tas-suġġetti tad-data elenkati fl-Anness II meta:
(a) Stat Membru, l-UPPE jew il-Eurojust jipprovdu data investigattiva lill-Europol skont l-Artikolu 17(1), il-punt (a) jew (b), u jitolbu lill-Europol biex tappoġġa dik l-investigazzjoni:
(i) permezz ta’ analiżi operazzjonali skont l-Artikolu 18(2), il-punt (c); jew
(ii) f’każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, permezz ta’ kontroverifika skont l-Artikolu 18(2), il-punt (a);
(b) il-Europol tivvaluta li ma jkunx possibbli li titwettaq l-analiżi operazzjonali skont l-Artikolu 18(2), il-punt(c), jew il-kontroverifika skont l-Artikolu 18(2), il-punt (a), b’appoġġ għal dik l-investigazzjoni mingħajr l-ipproċessar ta’ data personali li ma tikkonformax mal-Artikolu 18(5).
Ir-riżultati tal-valutazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (b), għandhom jiġu rreġistrati u jintbagħtu lill-KEPD għal informazzjoni meta l-Europol ma tibqax tappoġġa l-investigazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu.”.
17 L-Artikolu 74a tar-Regolament Europol emendat, intitolat “Arranġamenti tranżizzjonali rigward l-ipproċessar ta’ data personali b’appoġġ għal investigazzjoni ta’ reat kriminali li tkun għaddejja”, huwa fformulat kif ġej:
“1. Meta Stat Membru, l-UPPE jew l-Eurojust ikunu pprovdew data personali li ma tirrigwardax il-kategoriji tas-suġġetti tad-data elenkati fl-Anness II lill-Europol qabel it‑28 ta’ Ġunju 2022, il-Europol tista’ tipproċessa dik id-data personali f’konformità mal-Artikolu 18a meta:
(a) l-Istat Membru kkonċernat, l-UPPE jew il-Eurojust jinformaw lill-Europol sad‑29 ta’ Settembru 2022, li hija awtorizzata tipproċessa dik id-data personali, f’konformità mar-rekwiżiti u s-salvagwardji proċedurali applikabbli skont il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali, fl-investigazzjoni ta’ reat kriminali li tkun għaddejja li għaliha jkunu talbu l-appoġġ tal-Europol meta inizjalment ikunu pprovdew id-data;
(b) dak l-Istat Membru kkonċernat, l-UPPE jew l-Eurojust jitolbu lill-Europol, sad‑29 ta’ Settembru 2022, biex tappoġġa dik l-investigazzjoni ta’ reat kriminali li tkun għaddejja msemmija fil-punt (a); kif ukoll
(c) il-Europol tivvaluta, f’konformità mal-Artikolu 18a(1)(b), li ma jkunx possibbli li tiġi appoġġata l-investigazzjoni ta’ reat kriminali li tkun għaddejja msemmija fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu mingħajr l-ipproċessar ta’ data personali li ma tikkonformax mal-Artikolu 18(5).
Il-valutazzjoni msemmija fil-punt (c) ta’ dan il-paragrafu tiġi rreġistrata u tintbagħat lill-KEPD għal informazzjoni meta l-Europol ma tibqax tappoġġa l-investigazzjoni speċifika ta’ reat kriminali relatata.
2. Fejn Stat Membru, l-UPPE jew l-Eurojust ma jikkonformawx ma wieħed jew iktar mir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 1, punti (a) u (b) ta’ dan l-Artikolu, fir-rigward tad-data personali li ma tirrigwardax il-kategoriji ta’ suġġetti tad-data elenkati fl-Anness II li huma pprovdew lill-Europol qabel it‑28 ta’ Ġunju 2022, jew fejn Stat Membru, l-UPPE jew l-Eurojust ma jikkonformawx mal-paragrafu 1, il-punt (c) ta’ dan l-Artikolu, il-Europol ma għandhiex tipproċessa dik id-data personali f’konformità mal-Artikolu 18a, iżda għandha, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 18(5) u l-Artikolu 74b, tħassar dik id-data personali sad‑29 ta’ Ottubru 2022.
3. Meta pajjiż terz imsemmi fl-Artikolu 18a(6) ikun ipprovda data personali li ma tirrigwardawx il-kategoriji tas-suġġetti tad-data elenkati fl-Anness II lill-Europol qabel it‑28 ta’ Ġunju 2022, il-Europol tista’ tipproċessa dik id-data personali f’konformità mal-Artikolu 18a(6) meta:
(a) l-pajjiż terz ikun ipprovda d-data personali b’appoġġ għal investigazzjoni speċifika ta’ reat kriminali fi Stat Membru wieħed jew aktar li l-Europol tappoġġa;
(b) il-pajjiż terz ikun kiseb id-data fil-kuntest ta’ investigazzjoni ta’ reat kriminali f’konformità mar-rekwiżiti proċedurali u s-salvagwardji applikabbli skont il-liġi kriminali nazzjonali tiegħu;
(c) il-pajjiż terz jinforma lill-Europol, sad‑29 ta’ Settembru 2022, li huwa awtorizzat jipproċessa dik id-data personali fl-investigazzjoni ta’ reat kriminali li fil-kuntest tagħha jkun kiseb id-data;
(d) il-Europol tivvaluta, f’konformità mal-Artikolu 18a(1), il-punt (b), li ma jkunx possibbli li tiġi appoġġata l-investigazzjoni speċifika ta’ reat kriminali msemmija fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu mingħajr l-ipproċessar ta’ data personali li ma tikkonformax mal-Artikolu 18(5) u dik il-valutazzjoni tiġi rreġistrata u tintbagħat lill-KEPD għal informazzjoni meta l-Europol ma tibqax tappoġġa l-investigazzjoni speċifika ta’ reat kriminali relatata; u
(e) il-Europol tivverifika, f’konformità mal-Artikolu 18a(6), li l-ammont ta’ data personali ma jkunx manifestament sproporzjonat fir-rigward tal-investigazzjoni speċifika ta’ reat kriminali msemmi fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu fi Stat Membru wieħed jew aktar li l-Europol tappoġġa.
4. Fejn pajjiż terz ma jikkonformax mar-rekwiżit stipulat fil-paragrafu 3, punt (c) ta’ dan l-Artikolu, fir-rigward ta’ data personali li ma tirrigwardax il-kategoriji ta’ suġġetti tad-data elenkati fl-Anness II li huwa pprovda lill-Europol qabel it‑28 ta’ Ġunju 2022, jew fejn kwalunkwe mir-rekwiżiti l-oħra stipulati fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu ma jkunux issodisfati, il-Europol ma għandhiex tipproċessa dik id-data personali f’konformità mal-Artikolu 18a(6), iżda għandha mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 18(5) u l-Artikolu 74b, tħassar dik id-data personali sad‑29 ta’ Ottubru 2022.
5. Fejn Stat Membru, l-UPPE jew l-Eurojust ipprovdew data personali li ma tirrigwardax il-kategoriji ta’ suġġetti tad-data elenkati fl-Anness II lill-Europol qabel it‑28 ta’ Ġunju 2022, huma jistgħu jitolbu lill-Europol, sad‑29 ta’ Settembru 2022, biex taħżen dik id-data u l-eżitu tal-ipproċessar mill-Europol ta’ dik id-data fejn dan ikun meħtieġ biex jiġu żgurati l-veraċità, l-affidabbiltà u t-traċċabbiltà tal-proċess ta’ intelligence kriminali. Il-Europol għandha żżomm data personali li ma tirrigwardax il-kategoriji tas-suġġetti tad-data elenkati fl-Anness II b’mod funzjonalment separata minn data oħra u għandha tipproċessa biss tali data għall-fini li tiżgura l-veraċità, l-affidabbiltà u t-traċċabbiltà tal-proċess ta’ intelligence kriminali, u biss sakemm il-proċedimenti ġudizzjarji li jikkonċernaw linvestigazzjoni ta’ reat kriminali li għaliha dik id-data ġiet ipprovduta, ikunu għadhom għaddejjin.
6. Fejn il-Europol irċeviet data personali li ma tirrigwardax il-kategoriji ta’ suġġetti tad-data elenkati fl-Anness II qabel it‑28 ta’ Ġunju 2022, il-Europol ma għandhiex taħżen dik id-data għall-fini li tiżgura l-veraċità, l-affidabbiltà u t-traċċabbiltà tal-proċess ta’ intelligence kriminali sakemm ma tintalabx li tagħmel dan f’konformità mal-paragrafu 5. Fl-assenza ta’ tali talba, il-Europol għandha tħassar dik id-data personali sad‑29 ta’ Ottubru 2022.”.
18 L-Artikolu 74b tar-Regolament Europol emendat, intitolat “Arranġamenti tranżizzjonali rigward l-ipproċessar ta’ data personali miżmuma mill-Europol”, jipprevedi:
“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 74a, għad-data personali li l-Europol tkun irċeviet qabel it‑28 ta’ Ġunju 2022, il-Europol tista’ tivverifika jekk dik id-data personali tirrigwardax waħda mill-kategoriji ta’ suġġetti tad-data stipulati fl-Anness II. Għal dak il-għan, il-Europol tista’ twettaq preanaliżi ta’ dik id-data personali għal perijodu ta’ mhux aktar minn 18-il xahar mid-data li fiha d-data tkun waslet għall-ewwel darba jew, f’każijiet ġustifikati u bl-awtorizzazzjoni minn qabel tal-KEPD, għal perjodu itwal.
Il-perijodu massimu ta’ pproċessar tad-data msemmija fl-ewwel subparagrafu għandu jkun ta’ tliet snin mill-jum meta l-Europol tirċievi d-data.”
Il-fatti li wasslu għall-kawża
19 Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti fil-punti 2 sa 13 tad-digriet appellat. Għall-finijiet ta’ dan l-appell, dawn jistgħu jiġu miġbura kif ġej.
Id-deċiżjoni tal-KEPD tat‑3 ta’ Jannar 2022
20 Fit‑3 ta’ Jannar 2022, il-KEPD adotta deċiżjoni fir-rigward tal-Europol, skont l-Artikolu 43(3)(e) tar-Regolament Europol inizjali (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat‑3 ta’ Jannar 2022”). Fil-punt 4.22 ta’ dik id-deċiżjoni, huwa kkonstata, minn naħa, li, “[b]illi tipprovdi għall-ħażna kontinwa ta’ settijiet ta’ data mingħajr kategorizzazzjoni, il-pjan ta’ azzjoni ppreżentat mill-Europol ma [kienx] jirrigwarda l-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni ta’ ċanfira tas‑17 ta’ Settembru 2020” u, min-naħa l-oħra, li “‘[l]-ipproċessar mill-Europol ta’ settijiet ta’ data mingħajr kategorizzazzjoni […] bl-għan biss li tinkiseb informazzjoni rilevanti skont l-Artikolu 18(3) u (5) u fl-Anness II.B tar-Regolament Europol [inizjali], kif ukoll il-prinċipji ta’ minimizzazzjoni tad-data u ta’ limitazzjoni taż-żamma tad-data ([A]rtikolu 28 (1)(c) u (e) tar-Regolament Europol [inizjali]), ma [setax] jeċċedi perijodu massimu ta’ sitt xhur mid-data tal-wasla tal-kontribuzzjoni [oriġinali] tal-Europol]”. F’dan ir-rigward, il-KEPD ippreċiża, fil-punti 4.18 u 4.19 tal-imsemmija deċiżjoni, li “[f]l-assenza ta’ dispożizzjoni legali espliċita li tistabbilixxi l-perijodu taż-żamma tad-data personali pproċessata għal dan l-għan, […] [kellha] tingħata interpretazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 18(6) tar-Regolament [Europol inizjali]” u jiġi “[applikat] b’analoġija it-terminu massimu [ta’ sitt xhur] previst f’[dan] l-Artikolu 18(6)”.
21 Permezz tad-deċiżjoni tat‑3 ta’ Jannar 2022, il-KEPD ordna lill-Europol, essenzjalment, twettaq, għal kull kontribuzzjoni rċevuta mill‑4 ta’ Jannar 2022, il-kategorizzazzjoni tal-persuni kkonċernati fis-sens tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament Europol inizjali f’terminu ta’ sitt xhur mid-data li fiha tirċievi l-kontribuzzjoni u f’terminu ta’ tnax-il xahar għas-settijiet ta’ data eżistenti fit‑3 ta’ Jannar 2022. Lil hinn minn dawn it-termini, l-Europol kienet obbligata tħassar din id-data.
L‑adozzjoni tar‑Regolament Europol emendat
22 Fid‑9 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni adottat il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/794, fir-rigward tal-kooperazzjoni tal-Europol ma’ partijiet privati, tal-ipproċessar ta’ data personali mill-Europol b’appoġġ għal investigazzjonijiet kriminali, u tar-rwol tal-Europol fir-riċerka u fl-innovazzjoni (COM(2020) 796 final).
23 Fid-dokument Nru 5370/22 tal-Kunsill tal‑24 ta’ Jannar 2022 dwar it-tħejjija għat-trilogu interistituzzjonali, huwa ppreċiżat li “[i]d-deċiżjoni reċenti tal-[KEPD,] li jista’ jkollha konsegwenzi operattivi għall-azzjoni tal-Europol, tikkonferma l-ħtieġa ta’ adozzjoni rapida tar-Regolament”, li “[i]l-Presidenza pproponiet lid-delegazzjonijiet biex jintroduċu Artikolu 74[a tar-Regolament Europol emendat] bl-għan li tiġi ċċarata iktar is-sitwazzjoni tad-data attwalment fil-pussess tal-Europol, b’mod partikolari fil-kuntest tad-[deċiżjoni tat‑3 ta’ Jannar 2022]” u li “[b]osta delegazzjonijiet laqgħu b’mod favorevoli l-prinċipji ta’ din il-proposta fil-laqgħa tad‑19 ta’ Jannar [2022,] iżda l-approvazzjoni mill-[Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti] hija neċessarja minħabba l-preżentazzjoni reċenti tiegħu u l-importanza li dan is-suġġett jirrappreżenta wara d-deċiżjoni tal-KEPD”.
24 Fl‑1 ta’ Frar 2022, wara l-aħħar negozjati fil-kuntest tat-trilogu interistituzzjonali bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, żdiedu żewġ dispożizzjonijiet ġodda mal-proposta għal regolament emendatorju, jiġifieri d-dispożizzjonijiet tranżitorji kontenzjużi, li jirrigwardaw rispettivament l-ipproċessar ta’ data personali insostenn ta’ investigazzjoni kriminali pendenti u l-ipproċessar ta’ data personali miżmuma mill-Europol.
25 Fit‑8 ta’ Ġunju 2022, il-Parlament u l-Kunsill adottaw ir-Regolament Europol emendat. Il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji kontenzjużi li jirriżultaw mit-trilogu interistituzzjonali ġiet miżmuma f’dan ir-regolament.
Skambji mibdija mill-KEPD wara l-adozzjoni tar-Regolament Europol emendat
26 Fil‑15 ta’ Ġunju 2022, il-KEPD, peress li qies li d-dispożizzjonijiet tranżitorji kontenzjużi kienu jaffettwaw il-portata tad-deċiżjoni tat‑3 ta’ Jannar 2022, talab, essenzjalment, lill-Parlament, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jipprovdulu dokumenti relatati mal-proċedura leġiżlattiva li wasslet għall-adozzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Il-Parlament u l-Kunsill wieġbu għal din it-talba permezz ta’ ittri tat‑12 u l‑25 ta’ Lulju 2022 rispettivament.
27 Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Lulju 2022, il-KEPD staqsa lill-Europol jekk, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tranżitorji kontenzjużi, id-deċiżjoni tat‑3 ta’ Jannar 2022 kinitx għadha tiġi implimentata jew jekk il-Europol kinitx tqis li dawn id-dispożizzjonijiet kienu ssostitwixxew jew emendaw il-portata ta’ din id-deċiżjoni.
28 Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Awwissu 2022, l-Europol wieġbet lill-KEPD, essenzjalment, li hija kienet kompliet timplimenta ċerti punti tad-deċiżjoni tat‑3 ta’ Jannar 2022, iżda li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tikkummenta f’dan l-istadju dwar is-sitwazzjoni mit‑3 ta’ Jannar 2023.
Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat
29 Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ Settembru 2022, il-KEPD talab l-annullament tad-dispożizzjonijiet tranżitorji kontenzjużi.
30 Insostenn tat-talba tiegħu, il-KEPD jinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur tal-indipendenza u tas-setgħat tiegħu bħala awtorità ta’ kontroll minħabba l-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività ta’ atti legali. Skont il-KEPD, id-dispożizzjonijiet tranżitorji kontenzjużi kienu jillegalizzaw retroattivament il-prattiki ta’ żamma tad-data personali inkwistjoni tal-Europol u kienu jannullaw de facto d-deċiżjoni tat‑3 ta’ Jannar 2022.
31 Fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors tiegħu, il-KEPD sostna, essenzjalment, minn naħa, li huwa kellu locus standi għal annullament sabiex jiddefendi l-prerogattivi tiegħu, b’mod partikolari l-indipendenza tiegħu, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 1990, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C-70/88, iktar ’il quddiem is- “sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill”, EU:C:1990:217), li għandha tiġi applikata f’dan il-każ b’analoġija. Min-naħa l-oħra, il-KEPD sostna, sussidjarjament, li huwa kien direttament u individwalment ikkonċernat, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, mid-dispożizzjonijiet tranżitorji kontenzjużi u li kellu interess manifest u attwali li dawn jiġu annullati.
32 Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑12 ta’ Diċembru 2022, il-Kunsill qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà taħt l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. F’dan ir-rigward, il-Kunsill sostna, minn naħa, li r-rikors kien inammissibbli minħabba li l-KEPD ma kienx imsemmi fit-tieni u fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jew ukoll skont is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill u, min-naħa l-oħra, li l-KEPD ma kienx direttament u individwalment ikkonċernat mid-dispożizzjonijiet tranżitorji kontenzjużi, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.
33 Fid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali vverifikat, preliminarjament, fil-punti 26 sa 35 ta’ dak id-digriet, jekk kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors ippreżentat mill-KEPD, fid-dawl tal-fatt li, minkejja li dan tal-aħħar ma jinsabx fost il-partijiet rikorrenti msemmija fit-tieni u fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li r-rikorsi tagħhom huma rriżervati għall-Qorti tal-Ġustizzja, hija tinvoka locus standi partikolari intiż għas-salvagwardja tal-prerogattivi tiegħu. Fil-punti 35 u 36 tal-imsemmi digriet, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-KEPD, minkejja li huwa korp tal-Unjoni li għandu status partikolari, la kien istituzzjoni u lanqas parti rikorrenti imsemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet, u għalhekk iddeċidiet li kellha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar dan ir-rikors.
34 Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill, il-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, fil-punti 41 sa 55 tad-digriet appellat, eżaminat l-argument tal-KEPD ibbażat fuq il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, li tgħid li huwa għandu locus standi sabiex jiddefendi l-prerogattivi tiegħu, indipendentement mill-kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fil-punt 56 ta’ dan id-digriet, il-Qorti Ġenerali qieset li din il-ġurisprudenza ma setgħetx tiġi applikata b’analoġija għal dan il-każ u li għalhekk il-KEPD ma setax jingħata locus standi skont l-imsemmija ġurisprudenza.
35 Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali vverifikat jekk il-KEPD kellux il-kwalità sabiex jippreżenta rikors fil-kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fil-punti 65 u 66 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-KEPD kellu, bħala “persuna ġuridika” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, locus standi għall-annullament tad-dispożizzjonijiet tranżitorji kontenzjużi, bil-kundizzjoni li jkun direttament u individwalment ikkonċernat minnhom. Wara li eżaminat l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 84 ta’ dak id-digriet, li d-dispożizzjonijiet tranżitorji kontenzjużi ma kinux jaffettwaw direttament is-sitwazzjoni legali tal-KEPD.
36 Fid-dawl tan-natura kumulattiva taż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill, mingħajr ma eżaminat l-eventwali inċidenza individwali tal-KEPD mid-dispożizzjonijiet tranżitorji kontenzjużi.
It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
37 Il-KEPD jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tannulla d-digriet appellat u tiddikjara r-rikors tiegħu ammissibbli;
– tannulla d-dispożizzjonijiet tranżitorji kontenzjużi, u
– tikkundanna lill-konvenuti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż tal-proċedura.
38 Il-Parlament u il-Kunsill jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiċħad l-appell kollu kemm hu u
– tikkundanna lill-KEPD għall-ispejjeż.
39 Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2, fis‑7 u fis‑16 ta’ Frar 2024 rispettivament, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni talbu li jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Parlament u tal-Kunsill. Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑29 ta’ Frar, tal‑4 ta’ Marzu u tal‑14 ta’ Marzu 2024 rispettivament, dawn it-talbiet intlaqgħu.
Fuq l-appell
40 Insostenn tal-appell tiegħu, il-KEPD jinvoka żewġ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill. Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, il-KEPD jinvoka żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-inċidenza diretta prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.
Fuq l-ammissibbiltà
41 Il-Kunsill jeċċepixxi l-inammissibbiltà taż-żewġ aggravji tal-appell, minħabba li l-KEPD jillimita ruħu, essenzjalment, li jirrepeti argumenti diġà mressqa fl-ewwel istanza u li jesprimi n-nuqqas ta’ qbil tiegħu mas-soluzzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali, mingħajr madankollu ma jidentifika b’mod ċar l-iżbalji ta’ liġi mwettqa minnha fid-digriet appellat. Għall-istess raġunijiet, il-Parlament isostni li l-kritika, ifformulata fil-kuntest tat-tieni aggravju kontra l-punti 72 sa 77 tad-digriet appellat, hija inammissibbli.
42 F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 256 TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, mill-Artikolu 168(1)(d) u mill-Artikolu 169 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li jkun qiegħed jintalab l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti legali mqajma speċifikament insostenn ta’ din it-talba. Skont ġurisprudenza stabbilita, dan ir-rekwiżit ma jkunx issodisfatt minn appell li, mingħajr ma jinkludi argument li speċifikament jidentifika l-iżball ta’ liġi li allegatament jivvizzja s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, sempliċement jirriproduċi l-motivi u l-argumenti li jkunu diġà tressqu quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, tali appell jikkostitwixxi fir-realtà talba intiża sabiex jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, li ma jaqax fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni, C‑131/03 P, EU:C:2006:541, punt 50, kif ukoll tal‑11 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs Deutsche Telekom, C‑221/22 P, EU:C:2024:488, punt 27).
43 Madankollu, ladarba appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jiġu diskussi mill-ġdid f’appell. Fil-fatt, jekk appellant ma jkunx jista’ jibbaża l-appell tiegħu fuq motivi u argumenti diġà użati quddiem il-Qorti Ġenerali, il-proċedura tal-appell tkun imċaħħda minn parti mis-sens tagħha (sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni, C‑131/03 P, EU:C:2006:541, punt 51, kif ukoll tal‑10 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il-Kummissjoni (Google Shopping), C‑48/22 P, EU:C:2024:726, punt 207 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
44 F’dan il-każ, l-argument imressaq mill-KEPD insostenn taż-żewġ aggravji tiegħu jidentifika bi preċiżjoni suffiċjenti l-elementi kkritikati tad-digriet appellat kif ukoll il-motivi li għalihom dan huwa, fil-fehma tiegħu, ivvizzjat bi żbalji ta’ liġi, u għalhekk ma huwiex limitat, kuntrarjament għal dak li jallegaw il-Parlament u il-Kunsill, għal sempliċi repetizzjoni jew riproduzzjoni tal-argumenti ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali.
45 Għaldaqstant, minn dan isegwi li l-appell huwa ammissibbli.
Fuq il‑mertu
Fuq l-ewwel motiv
– L-argumenti tal-partijiet
46 Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, il-KEPD isostni li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, meta ddeċidiet, fil-punti 38 sa 57 tad-digriet appellat, li huwa ma kellux, bħala awtorità ta’ kontroll indipendenti fis-sens tal-Artikolu 8(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, locus standi għall-annullament tad-dispożizzjonijiet tranżitorji kontenzjużi sabiex jipproteġi l-prerogattiva prinċipali tiegħu, relatata mal-indipendenza tiegħu, mingħajr ma jkun suġġett għall-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.
47 Fl-ewwel lok, il-KEPD jsostni li, fil-punti 42 u 43 ta’ dan id-digriet, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, b’mod żbaljat, ir-rilevanza tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill minħabba li, b’differenza mill-Parlament fil-mument tal-għoti ta’ dik is-sentenza, il-KEPD għandu personalità ġuridika u, għaldaqstant, jista’ jippreżenta rikors għal annullament fil-kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.
48 Fit-tieni lok, il-KEPD isostni, essenzjalment, li l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 48 sa 55 tal-imsemmi digriet jagħtu lid-dritt għal allegata azzjoni legali portata iktar sinjifikattiva minn dik invokata mill-KEPD quddiem il-Qorti Ġenerali.
49 Fil-fatt, fir-rikors tiegħu fl-ewwel istanza, il-KEPD bl-ebda mod ma invoka dritt għal rimedju “privileġġat” li jippermetti li tiġi kkontestata kull leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-ipproċessar tad-data personali. Bl-istess mod, huwa ma sostniex, b’mod ġenerali, li l-indipendenza tal-awtoritajiet ta’ kontroll għandha tipprevali fuq il-funzjoni leġiżlattiva. Huwa lanqas ma kkontesta l-kompetenza tal-Parlament u tal-Kunsill sabiex jiddeterminaw il-kontenut ta’ att leġiżlattiv, iżda huwa intiż biss sabiex jiġi rrikonoxxut lilu d-dritt li jiddefendi l-prerogattiva tal-indipendenza tiegħu. Il-KEPD isostni għalhekk li huwa ddefinixxa preċiżament iċ-ċirkustanzi speċifiċi li fihom il-leġiżlatur tal-Unjoni, f’dan il-każ, eżerċita influwenza indebita fuq l-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu, u dan, bl-uniku għan li jiddefendi l-prerogattivi tiegħu, jiġifieri l-protezzjoni tal-indipendenza tiegħu.
50 Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mir-Repubblika Franċiża u mill-Kumissjoni, isostnu li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.
– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
51 Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, Stat Membru, il-Parlament, il-Kunsill jew il-Kummissjoni jistgħu jippreżentaw rikors għal annullament kontra l-atti kollha intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti fir-rigward ta’ terzi, li ġew adottati mill-istituzzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu u mill-korpi jew organi tal-Unjoni, minħabba nuqqas ta’ kompetenza, ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, ksur tat-Trattati jew ta’ kull regola tad-dritt relatata mal-applikazzjoni tagħhom, jew użu ħażin ta’ poter. Barra minn hekk, skont it-tielet paragrafu tal-imsemmi artikolu, il-Qorti tal-Awdituri, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni jistgħu, taħt l-istess kundizzjonijiet, jippreżentaw rikorsi għal annullament intiżi għas-salvagwardja tal-prerogattivi tagħhom. Skont ir-raba’ paragrafu tal-istess artikolu, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, fil-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, tippreżenta rikors kontra l-atti indirizzati lilha jew li jikkonċernawha direttament u individwalment, kif ukoll kontra l-atti regolatorji li jikkonċernawha direttament u li ma jinvolvux miżuri ta’ eżekuzzjoni.
52 Kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 35 tad-digriet appellat, skont ir-raġunament magħmul fil-punti 26 sa 34 ta’ dan id-digriet, il-KEPD ma jinsabx fost il-partijiet rikorrenti msemmija fit-tieni u fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.
53 Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, minkejja din il-konstatazzjoni, mill-prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, jirriżultax li d-dritt li jiġi ppreżentat rikors għal annullament għandu, indipendentement mill-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu ta’ dan l-Artikolu 263, jiġi rrikonoxxut lill-KEPD sabiex jiddefendi l-indipendenza tiegħu, għandu jitfakkar li, fil-mument tal-għoti ta’ din is-sentenza, minkejja li l-Parlament kien jagħmel parti mill-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej, l-Artikolu 173 tat-Trattat KEE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 263 TFUE) ma kienx jagħtih id-dritt li jippreżenta tali rikors.
54 F’dan ir-rigward, kif irrilevat, essenzjalment, il-Qorti Ġenerali fil-punti 44 u 45 tad-digriet appellat, fil-punti 21 sa 25 tas-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat b’mod partikolari li l-prerogattivi tal-Parlament kienu jikkostitwixxu wieħed mill-elementi tal-ekwilibriju istituzzjonali maħluq mit-Trattati, li stabbilixxew sistema ta’ tqassim tal-kompetenzi bejn id-diversi istituzzjonijiet, li tattribwixxi lil kull waħda mill-istituzzjonijiet il-missjoni tagħha fl-istruttura istituzzjonali tal-Komunità u fit-twettiq tal-kompiti fdati lilha. Barra minn hekk, fid-dawl tal-missjoni tagħha stess li tiżgura l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li hija kellha tkun tista’ tiżgura ż-żamma tal-ekwilibriju istituzzjonali u, konsegwentement, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-prerogattivi tal-Parlament, meta tiġi adita għal dan l-għan minn dan tal-aħħar, b’mezz legali adattat għall-għan imfittex minnu.
55 F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li qieset li l-assenza, fit-Trattati fis-seħħ f’dak iż-żmien, ta’ dispożizzjoni li tipprevedi d-dritt għal rikors għal annullament favur il-Parlament ma tistax tipprevali fuq l-interess fundamentali marbut maż-żamma u mal-osservanza tal-ekwilibriju istituzzjonali ddefinit minn dawn it-trattati, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Parlament seta’ jippreżenta rikors għal annullament kontra att tal-istituzzjonijiet l-oħra intiż għas-salvagwardja tal-prerogattivi tiegħu taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk previsti mill-imsemmija trattati għar-rikors għal annullament tal-istituzzjonijiet l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, punti 26 u 27).
56 Madankollu, kif irrilevat essenzjalment il-Qorti Ġenerali fil-punti 27 u 46 tad-digriet appellat, il-KEPD ma jistax jitqies li huwa istituzzjoni tal-Unjoni.
57 Fil-fatt, il-KEPD ma jinsabx fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 13(1) TUE, filwaqt li, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, il-kunċett ta’ “istituzzjonijiet” jirreferi għal lista preċiża ta’ entitajiet li ma tinkludix il-korpi u l-organi tal-Unjoni. Id-definizzjoni ta’ dan il-kunċett kif ukoll id-distinzjoni netta bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, minn naħa, u l-korpi u l-organi tagħha, min-naħa l-oħra, imwettqa mit-Trattat UE għandhom japplikaw b’mod uniformi u trasversali f’dan tal-aħħar u fit-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, L-Italja u Comune di Milano vs Il-Kunsill u l-Parlament (Sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini), C‑106/19 u C‑232/19, EU:C:2022:568, punti 113 u 116).
58 Barra minn hekk, għalkemm il-KEPD jikkostitwixxi awtorità indipendenti fis-sens tal-Artikolu 16(2) TFUE, huwa ma ġiex stabbilit minn din id-dispożizzjoni, iżda abbażi tagħha mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Dan il-leġiżlatur ippreċiża wkoll, b’mod partikolari fl-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 2018/1725, is-setgħat ta’ kontroll tal-KEPD li jirrigwardaw, kif jirriżulta mill-Artikolu 57 ta’ dan ir-regolament, l-osservanza mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali.
59 Issa, konformement mal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, imfakkra fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju ta’ ekwilibriju istituzzjonali huwa intiż li jiżgura l-osservanza tas-sistema ta’ tqassim tal-kompetenzi bejn id-diversi istituzzjonijiet stabbilita mit-Trattati, li tagħti lil kull waħda mill-istituzzjonijiet il-missjoni tagħha fl-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni u fit-twettiq tal-kompiti fdati lilha. Għaldaqstant, dan il-prinċipju ma huwiex intiż li japplika għal korpi u organi tal-Unjoni minbarra l-istituzzjonijiet tagħha.
60 Għalhekk, il-Qorti Ġenerali, ġustament, fil-punti 42 sa 56 tad-digriet appellat, iddeċidiet li l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill ma tistax tiġi applikata b’analoġija għar-rikors ippreżentat mill-KEPD, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari li jiddistingwu s-sitwazzjoni tiegħu minn dik tal-Parlament, fid-data li fiha ngħatat dik is-sentenza.
61 Għaldaqstant, huwa wkoll mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 57 ta’ dak id-digriet, li l-KEPD kellu jitqies bħala rikorrent li għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.
62 Fir-rigward tal-argument tal-KEPD li dawn il-kundizzjonijiet jillimitaw id-dritt tiegħu għal rikors għal annullament b’mod sproporzjonat, għandu jitfakkar li l-applikazzjoni tal-imsemmija kundizzjonijiet għall-KEPD tikkostitwixxi l-konsegwenza inevitabbli tad-deċiżjoni, meħuda waqt l-adozzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona, li ma jiġux inklużi l-korpi jew l-organi kollha tal-Unjoni, bħall-KEPD, fost ir-rikorrenti li issa jistgħu jippreżentaw, indipendentement mill-imsemmija kundizzjonijiet, rikors għal annullament abbażi tat-tieni u tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.
63 Fil-fatt, bl-eċċezzjoni tal-Istati Membri u tal-Kumitat tar-Reġjuni, ir-rikorrenti kollha msemmija fit-tieni u fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jinsabu fil-lista ta’ entitajiet li, skont l-Artikolu 13(1) TUE, huma l-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Id-dritt għal azzjoni legali mogħti lilhom skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 263 TFUE ma huwiex, bħad-dritt għal azzjoni legali li minnu jibbenefikaw l-Istati Membri, b’mod partikolari, suġġett għall-prova tal-locus standi tagħhom. Dan id-dritt għal azzjoni legali jirrifletti l-importanza partikolari li għandhom ir-rwol tal-istituzzjonijiet u l-kontribut tagħhom sabiex jiddefendu l-kompetenzi u l-prerogattivi tagħhom fl-osservanza tal-prinċipju tal-ekwilibriju istituzzjonali, jew saħansitra li jippromwovu l-interess ġenerali tal-Unjoni.
64 Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-korpi jew tal-organi tal-Unjoni, għandu jiġi rrilevat li t-Trattat ta’ Lisbona, għalkemm ippreċiża li l-atti ta’ dawn l-entitajiet jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, irriżerva biss lill-Kumitat tar-Reġjuni d-dritt li jiddefendi l-prerogattivi tiegħu abbażi tat-tielet paragrafu ta’ dan l-artikolu. Il-locus standi għal annullament ta’ korpi jew organi oħra tal-Unjoni huwa għalhekk irregolat mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.
65 Dan jgħodd iktar u iktar għall-KEPD, li, kif ġie rrilevat fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, ma jistax jitqies li huwa istituzzjoni tal-Unjoni u peress li l-KEPD ġie stabbilit qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona permezz tal-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 45/2001. Għalhekk, kif qieset il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 32 tad-digriet appellat, jidher li, għalkemm l-Istati Membri, meta adottaw it-Trattat ta’ Lisbona, ħadu inkunsiderazzjoni wkoll, fil-kuntest tat-tfassil tal-Artikolu 263 TFUE, l-entitajiet li ma humiex l-istituzzjonijiet, huma għażlu li ma jinkludux lill-KEPD fil-lista tal-entitajiet awtorizzati li jiddefendu l-prerogattivi tagħhom skont it-tielet paragrafu ta’ dan l-artikolu. Kif irrileva ġustament l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, din hija għalhekk, għal dak li jikkonċerna speċifikament lill-KEPD, deċiżjoni deliberata tal-Istati Membri bħala awturi tat-Trattat ta’ Lisbona.
66 Għalhekk, il-protezzjoni ġudizzjarja tal-KEPD għandha tiġi ggarantita fil-kuntest stabbilit mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.
67 Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà previsti f’din l-aħħar dispożizzjoni għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, mingħajr madankollu ma jiġu esklużi l-kundizzjonijiet espressament previsti minn dan it-trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 98, kif ukoll tat‑28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).
68 Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument miġbur fil-qosor fil-punti 48 u 49 ta’ din is-sentenza, li jgħid li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-portata tad-dritt invokat għal azzjoni legali, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dan l-argument huwa ineffettiv. Fil-fatt, indipendentement mill-kwistjoni dwar il-portata tad-dritt għal azzjoni legali previst mill-Qorti Ġenerali fil-punti 48 sa 55 tad-digriet appellat, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament li l-KEPD jista’ jinvoka dritt għal rikors għal annullament biss jekk il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jkunu ssodisfatti.
69 F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-ewwel aggravju jiġi miċħud.
Fuq it-tieni aggravju
– L-argumenti tal-partijiet
70 Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, il-KEPD isostni li, fil-punti 67 sa 84 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li huwa ma kienx jissodisfa l-kundizzjoni dwar l-inċidenza diretta stabbilita fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u għalhekk ma kellux locus standi kontra d-dispożizzjonijiet tranżitorji kontenzjużi.
71 Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-punti 72 sa 77 ta’ dan id-digriet, il-KEDP jirrileva li l-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 76 tal-imsemmi digriet, li d-deċiżjoni tat‑3 ta’ Jannar 2022 ma jistax ikollha effett fuq atti leġiżlattivi, hija irrilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk id-dispożizzjonijiet tranżitorji kontenzjużi jikkonċernawhx direttament.
72 Barra minn hekk, il-KEPD isostni li l-emenda, mil-leġiżlatur tal-Unjoni, tar-regoli fis-seħħ kif applikati mill-KEPD tinvolvi riskju ta’ “ubbidjenza antiċipata” li hija, fil-fehma tiegħu, ta’ natura li taffettwa direttament l-indipendenza tiegħu. F’dan il-kuntest, il-KEPD jenfasizza l-partikolarità tas-sitwazzjoni kontenzjuża li kienet ikkaratterizzata mill-fatt, minn naħa, li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien adit bi proposta leġiżlattiva b’mod parallel għall-azzjoni tal-KEPD dwar din is-sitwazzjoni u, min-naħa l-oħra, li dan il-leġiżlatur kien daħħal dispożizzjonijiet ġodda li kellhom l-effett li jħassru retroattivament il-ksur mill-Europol tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Europol inizjali, kif ikkonstatat mill-KEPD fid-deċiżjoni tat‑3 ta’ Jannar 2022.
73 Fit-tieni lok, fil-punti 78 sa 83 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li d-dispożizzjonijiet tranżitorji kontenzjużi kienu jħallu ċertu marġni ta’ evalwazzjoni lid-destinatarji tagħhom. Fil-fatt, skont dawn id-dispożizzjonijiet, is-settijiet ta’ data personali fil-pussess tal-Europol jistgħu, fid-dritt, jinżammu lil hinn mid-dati limiti stabbiliti mill-KEPD skont ir-regoli preċedentement applikabbli.
74 Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li affermat il-Qorti Ġenerali fil-punt 83 ta’ dan id-digriet, l-imsemmija dispożizzjonijiet jipprekludu lill-KEPD milli jeżerċita s-setgħat tiegħu stess. Fil-fatt, għalkemm id-dispożizzjonijiet tranżitorji kontenzjużi kienu jħallu l-għażla lill-Istati Membri jew lill-Europol li jawtorizzaw jew le l-ipproċessar ta’ data personali fil-pussess tal-Europol, il-KEPD madankollu ddeċieda, fit‑3 ta’ Jannar 2022, li ma jawtorizzax iktar it-tkomplija tal-ipproċessar ta’ din l-istess data personali fl-assenza tal-kategorizzazzjoni meħtieġa. Fid-dawl tal-mod kif jemendaw il-qafas legali applikabbli għall-imsemmija data personali, id-dispożizzjonijiet tranżitorji kontenzjużi jaffettwaw is-sitwazzjoni legali tal-KEPD u/jew il-mod kif huwa eżerċita s-setgħat tiegħu. Dawn l-emendi jaffettwaw ukoll il-kapaċità tiegħu li jeżerċita s-setgħat tiegħu b’mod indipendenti fil-futur.
75 Fit-tielet lok, għalkemm il-Qorti Ġenerali llimitat l-eżami tagħha tal-ammissibbiltà tar-rikors biss għall-kundizzjoni dwar l-inċidenza diretta, il-KEPD isostni li d-dispożizzjonijiet tranżitorji kontenzjużi jikkonċernawh ukoll individwalment u li għandu interess ġuridiku kontrihom.
76 Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mir-Repubblika Franċiża u mill-Kumissjoni, isostnu li t-tieni aggravju huwa infondat.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
77 Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, li jirrigwarda l-punti 67 sa 84 tad-digriet appellat, il-KEPD isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tranżitorji kontenzjużi ma kinux jikkonċernawh direttament fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u li r-rikors tiegħu kien, konsegwentement, inammissibbli.
78 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika kontra att li tiegħu hija ma hijiex destinatarja, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, hija suġġetta b’mod partikolari għall-kundizzjoni li dan l-att jikkonċernaha direttament u individwalment (sentenza tal‑10 ta’ Frar 2026, WhatsApp Ireland vs Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, C‑97/23 P, EU:C:2026:81, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).
79 F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 58(4) tar-Regolament Nru 2018/1725 jagħti espressament lill-KEPD is-setgħa li jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kundizzjonijiet previsti mit-Trattati, kif barra minn hekk jagħmel ukoll l-Artikolu 43(3)(h) tar-Regolament Europol inizjali.
80 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm dawn id-dispożizzjonijiet, sa fejn jirreferu espressament għas-setgħa tal-KEPD li jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, jikkonfermaw il-locus standi in judicio tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni, mill-kliem tagħhom stess jirriżulta li, mill-bqija, rikors tal-KEPD għandu josserva l-kundizzjonijiet previsti mit-Trattati.
81 Għaldaqstant, kif irrilevat, essenzjalment, il-Qorti Ġenerali fil-punti 59 sa 66 tad-digriet appellat, il-KEPD għandu jiġi rrikonoxxut il-locus standi bħala “persuna ġuridika”, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE sakemm il-kundizzjonijiet l-oħra previsti minn din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti.
82 Peress li l-KEPD ma huwiex destinatarju tad-dispożizzjonijiet tranżitorji kontenzjużi, għandu jiġi vverifikat jekk huwiex direttament ikkonċernat minn dawn id-dispożizzjonijiet. F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita, kif irrilevat, essenzjalment, il-Qorti Ġenerali fil-punt 70 tad-digriet appellat, li l-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors tagħha teħtieġ li żewġ kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti kumulattivament, jiġifieri li l-miżura kkontestata, minn naħa, tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ din il-persuna u, min-naħa l-oħra, ma tħalli ebda setgħa ta’ evalwazzjoni lid-destinatarji responsabbli mill-implimentazzjoni tagħha, peress li din hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (sentenza tal‑10 ta’ Frar 2026, WhatsApp Ireland vs Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, C‑97/23 P, EU:C:2026:81, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).
83 Fir-rigward tal-osservanza tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi evalwat, kif fakkret il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 70 tad-digriet appellat, jekk l-att ikkontestat huwiex is-sors ta’ bidla sinjifikattiva tas-sitwazzjoni legali tal-persuna fiżika jew ġuridika inkwistjoni, billi wieħed jiffoka fuq is-sustanza ta’ dan l-att u billi jevalwa l-effetti tiegħu fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, bħall-kontenut tal-imsemmi att, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, tal-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar kif ukoll tas-setgħat tal-istituzzjoni, tal-korp jew tal-organu li huwa l-awtur tiegħu (sentenza tal‑10 ta’ Frar 2026, WhatsApp Ireland vs Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, C‑97/23 P, EU:C:2026:81, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).
84 B’mod partikolari, kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 72 tas-sentenza appellata, att tad-dritt tal-Unjoni li jipprekludi lil persuna ġuridika pubblika milli teżerċita kif jidhrilha l-kompetenzi tagħha stess jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ din il-persuna ġuridika, b’tali mod li din għandha titqies li hija direttament ikkonċernata minn dan l-att, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, Il-Ġermanja – Ville de Paris et vs Il-Kummissjoni, C‑177/19 P sa C‑179/19 P, EU:C:2022:10, punt 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
85 F’dan il-każ, l-ewwel nett, huwa paċifiku li d-dispożizzjonijiet tranżitorji kontenzjużi għandhom l-għan li jemendaw, mit‑28 ta’ Ġunju 2022, is-sistema legali applikabbli għas-settijiet ta’ data li, f’din id-data, kienu fil-pussess tal-Europol. Għal dan l-għan, l-Artikolu 74b tar-Regolament Europol emendat jistabbilixxi t-terminu li fih din l-aġenzija għandha tivverifika jekk din id-data tirrigwardax waħda mill-kategoriji ta’ persuni elenkati fl-Anness II ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, l-Artikolu 74a tal-imsemmi regolament jippreċiża l-kundizzjonijiet li fihom din id-data tista’ tintuża fil-kuntest ta’ investigazzjoni kriminali pendenti, fl-assenza ta’ tali kategorizzazzjoni.
86 Għalhekk, dawn tal-aħħar ma jaffettwawx in-natura jew il-portata tal-funzjonijiet mogħtija lill-KEPD mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Kif irrilevat, essenzjalment, il-Qorti Ġenerali fil-punti 74 u 75 tad-digriet appellat, id-dispożizzjonijiet tranżitorji kontenzjużi ma biddlux id-drittijiet, l-obbligi jew il-kompetenzi tal-KEPD. Fil-fatt, skont l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 2018/1725, il-KEPD huwa inkarigat mill-kontroll tal-applikazzjoni mill-istituzzjonijiet, mill-korpi jew mill-organi tal-Unjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament dwar il-protezzjoni tad-data personali. Barra minn hekk, mill-Artikolu 43(1) u (2)(c) tar-Regolament Europol inizjali jirriżulta li l-KEPD huwa inkarigat li jissorvelja u li jiggarantixxi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-aħħar regolament u ta’ kull att ieħor tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mwettaq mill-Europol. Issa, id-dispożizzjonijiet tranżitorji kontenzjużi sempliċement jemendaw is-sistema legali li l-KEPD jikkontrolla l-applikazzjoni tagħha, mingħajr ma jbiddlu l-funzjonijiet li l-KEPD għandu taħt dawn id-dispożizzjonijiet.
87 Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tranżitorji kontenzjużi ma għamlu ebda emenda għar-regoli previsti fl-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 2018/1725, li jiggarantixxu li l-KEPD jeżerċita b’indipendenza sħiħa l-kompiti u s-setgħat tiegħu konformement ma’ dan ir-regolament.
88 Kif jirriżulta mill-qari flimkien tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 86 u 87 ta’ din is-sentenza, il-missjoni ta’ kontroll mogħtija lill-KEPD b’indipendenza sħiħa tirrigwarda l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari dawk stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet huma estensjoni tal-Artikolu 16(2) TFUE, li jipprovdi li l-Parlament u l-Kunsill għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni, filwaqt li jippreċiżaw li l-osservanza ta’ dawn ir-regoli hija suġġetta għall-kontroll ta’ awtoritajiet indipendenti.
89 F’dak li jirrigwarda, it-tieni, l-allegati effetti tad-dispożizzjonijiet tranżitorji kontenzjużi fuq id-deċiżjoni tat‑3 ta’ Jannar 2022, għandu jiġi rrilevat li dawn id-dispożizzjonijiet jirregolaw, mit‑28 ta’ Ġunju 2022, l-ipproċessar tas-settijiet ta’ data personali li, f’din id-data, kienu fil-pussess tal-Europol, mingħajr ma jannullaw din id-deċiżjoni tal-KEPD.
90 Barra minn hekk, il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji kontenzjużi ma turix elementi li huma ta’ natura li jaffettwaw l-eżerċizzju indipendenti mill-KEPD tal-kompetenzi tiegħu.
91 Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament, fil-punt 77 tad-digriet appellat, li, minkejja li d-dispożizzjonijiet tranżitorji kontenzjużi jemendaw il-qafas legali applikabbli li l-KEPD huwa inkarigat li jikkontrolla l-osservanza tiegħu u li ma għandhomx l-istess portata bħar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-deċiżjoni tat‑3 ta’ Jannar 2022, dawn ma humiex ta’ natura li jaffettwaw is-sitwazzjoni legali tal-KEPD.
92 Konsegwentement, l-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt 82 ta’ din is-sentenza, dwar l-effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti, ma hijiex issodisfatta.
93 Fid-dawl tan-natura kumulattiva taż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 82 ta’ din is-sentenza, ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-kuntest tal-eżami tagħha dwar it-tieni waħda minn dawn il-kundizzjonijiet li jinsabu fil-punti 77 sa 83 tad-digriet appellat, li d-dispożizzjonijiet tranżitorji kontenzjużi jħallu marġni ta’ evalwazzjoni lid-destinatarju tagħhom.
94 Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 84 ta’ dan id-digriet, li dawn id-dispożizzjonijiet ma kinux jaffettwaw direttament is-sitwazzjoni legali tal-KEPD.
95 Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, peress li ebda aggravju invokat mill-KEPD ma ntlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.
Fuq l‑ispejjeż
96 Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.
97 Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess regoli, li huwa applikabbli wkoll għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jkunu għamlu intervent fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.
98 Peress li l-KEPD tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, dawk sostnuti mill-Parlament u mill-Kunsill relatati mal-appell, kif mitlub mill-Parlament u mill-Kunsill.
99 Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom bħala intervenjenti.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-appell huwa miċħud.
2) Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) huwa ordnat li jħallas, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk mġarrba mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
3) Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.