Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
17 ta’ Novembru 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 63 TFUE. – Moviment liberu tal-kapital – Tassazzjoni – Taxxa fuq id-dividendi – Taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi rċevuti minn kumpannija mhux residenti li tagħmel telf – Rimbors – Differiment tat-taxxa – Kundizzjonijiet – Rekwiżit relatat mal-kalkolu tad-dħul tal-kumpannija mhux residenti skont ir-regoli tal-Istat Membru ta’ sors tad-dividendi”
Fil-Kawża C‑241/25,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Iżvezja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Marzu 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Marzu 2025, fil-proċedura
Société Générale SA
vs
Skatteverket,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, T. von Danwitz, Viċi President, F. Biltgen, K. Jürimäe, L. Arastey Sahún, Z. Csehi u B. Smulders, Presidenti ta’ Awla, S. Rodin, E. Regan, A. Kumin (Relatur), D. Gratsias, M. Gavalec, O. Spineanu‑Matei, M. Bošnjak u A. Kornezov, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑10 ta’ Frar 2026,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Société Générale SA, minn L. Back, advokat, u O. Salenstedt, biträdande jurist,
– għall-iSkatteverket, minn K. Hjelmberg u U. Vretendahl, bħala aġenti,
– għall-Gvern Żvediż, minn H. Eklinder u R. Shahsavan Eriksson, bħala aġenti,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,
– għall-Gvern Spanjol, minn P. Pérez Zapico u A. Pérez‑Zurita Gutiérrez, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Carlin u W. Roels, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑18 ta’ Ġunju 2026,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 63 TFUE.
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Société Générale SA, kumpannija rregolata mid-dritt Franċiż, u l-iSkatteverket (l-Awtorità tat-Taxxa, l-Iżvezja), dwar ir-rifjut minn din tal-aħħar li tirrimborsa t-taxxa f’ras il-għajn miġbura fuq id-dividendi rċevuti minn din il-kumpannija matul is-sena 2012.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 L-Artikolu 63(1) TFUE jipprovdi:
“Fil-kwadru tad-dispożizzjonijiet indikati f’dan il-Kapitolu, kull restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi tkun projbita.”
4 Skont l-Artikolu 65 TFUE:
“1. Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 63 m’għandhomx jippreġudikaw id-dritt ta’ l-Istati Membri:
a) li japplikaw id-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa li mhumiex fl-istess sitwazzjoni rigward il-post ta’ residenza tagħhom jew rigward il-post fejn il-kapital tagħhom ikun investit.
[...]
3. Il-miżuri u l-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 63.
[...]”
Il-Ftehim Franko‑Żvediż
5 L-Artikolu 10 tal-Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Franċiża u l-Gvern tar-Renju tal-Iżvezja dwar ħelsien minn taxxa doppja u l-prevenzjoni tal-evitar tat-taxxa fil-qasam tat-taxxi fuq id-dħul u fuq il-ġid, iffirmat fi Stokkolma fis‑27 ta’ Novembru 1990. jipprovdi:
“1. Id-dividendi mħallsa minn kumpannija residenti fi Stat kontraenti lil resident tal-Istat kontraenti l-ieħor huma taxxabbli f’dan l-Istat tal-aħħar.
2. Dawn id-dividendi jistgħu jiġu ntaxxati wkoll fl-Istat kontraenti li fih il-kumpannija li tħallas id-dividendi hija residenti, u skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat, iżda jekk il-persuna li tirċievi d-dividendi tkun il-benefiċjarja effettiva tad-dividendi, it-taxxa hekk stabbilita ma tistax teċċedi l‑15[%] tal-ammont gross tad-dividendi. [...]
[...]”
Id-dritt Żvediż
Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw it-taxxa fuq id-dividendi
6 Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw it-taxxa fuq id-dividendi jinsabu fil-kupongskattelagen (1970:624) (il-Liġi (1970:624) dwar it-Taxxa Fuq id-Dividendi, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar it-Taxxa Fuq id-Dividendi”).
7 Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ din il-liġi, it-taxxa fuq id-dividendi għandha titħallas favur l-Istat għal kull distribuzzjoni ta’ dividendi fuq azzjonijiet ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata Żvediżi.
8 L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tal-imsemmija liġi jipprevedi li l-persuni ġuridiċi barranin li għandhom dritt għal dividendi huma suġġetti għat-taxxa jekk id-dividendi mħallsa ma jkunux relatati mad-dħul minn attività ekonomika jew kummerċjali eżerċitata permezz ta’ stabbiliment permanenti li jopera fl-Iżvezja.
9 L-Artikolu 5 tal-Liġi dwar it-Taxxa Fuq id-Dividendi jipprovdi li t-taxxa fuq id-dividendi għandha tinġabar bir-rata ta’ 30 % tad-dividendi ddistribwiti.
10 L-Artikolu 27 ta’ din il-liġi jipprovdi li jeżisti dritt għal rimbors f’ċerti sitwazzjonijiet. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tal-imsemmija liġi, jekk it-taxxa fuq id-dividendi tkun inġabret b’rata ogħla minn dik prevista minn ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, il-benefiċjarju għandu dritt għar-rimbors tal-ammont żejjed miġbur.
11 L-Artikoli 28 sa 28n tal-Liġi dwar it-Taxxa Fuq id-Dividendi, li daħlu fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2020, jipprevedu differiment tal-ħlas tat-taxxa fuq id-dividendi f’ċerti każijiet, differiment li jippermetti lil persuna ġuridika barranija stabbilita fl-Unjoni Ewropea tikseb, fuq talba, terminu għal ħlas sabiex tħallas it-taxxa fuq id-dividendi. Essenzjalment, id-differiment għandu jingħata sakemm din il-persuna ġuridika tkun irreġistrat telf, ikkalkolat skont ir-regoli tad-dritt fiskali Żvediż. Jekk il-persuna ġuridika li titlob differiment tkun tagħmel parti minn grupp ta’ impriżi li jkun suġġett għal taxxa kkonsolidata fuq id-dħul fl-Istat ta’ stabbiliment tiegħu, il-portata tad-differiment għandha tiġi kkalkolata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-impriżi kollha li jappartjenu għall-grupp.
Id-dispożizzjonijeit li jirregolaw it-taxxa fuq id-dħul
12 Il-kapitolu 6 tal-inkomstskattelagen (1999:1229) (il-Liġi 1999:1299) dwar it-Taxxa fuq id-Dħul), iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar it-Taxxa Fuq id-Dħul”) jinkludi l-Artikolu 3 u 4, li jipprovdu, bħala regola ġenerali, li l-persuni ġuridiċi Żvediżi huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul fuq id-dħul kollu tagħhom irċevut fl-Iżvezja u barra mill-pajjiż.
13 Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Kapitolu 16 ta’ din il-liġi, il-persuni ġuridiċi Żvediżi jistgħu, bħala prinċipju, inaqqsu bħala spejjeż, l-ispejjeż sostnuti sabiex jiġi akkwistat u sabiex jinżamm dħul.
14 Il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul ma tinkludix regoli dwar taxxa kkonsolidata għall-impriżi li jagħmlu parti minn grupp. Madankollu, huma jistgħu, jekk jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet, jibbilanċjaw id-dħul tagħhom fi ħdan il-grupp billi jwettqu trasferimenti fi ħdan grupp b’applikazzjoni tal-Kapitolu 35 ta’ din il-liġi. Mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ dan il-kapitolu jirriżulta li tali trasferiment jista’ jitnaqqas mill-impriża li tkun l-awtur tiegħu u li dan ikun taxxabbli għall-impriża li tkun il-benefiċjarja tiegħu.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
15 Société Générale hija kumpannija stabbilita fi Franza u tappartjeni għal grupp ta’ kumpanniji li huwa suġġett għal taxxa kkonsolidata f’dan l-Istat Membru.
16 Matul is-sena 2012, din il-kumpannija rċeviet dividendi mingħand kumpanniji Żvediżi li fuqhom it-taxxa fuq id-dividendi Żvediża ġiet miżmuma f’ras il-għajn.
17 Société Générale talbet lill-awtorità tat-taxxa Żvediża tirrimborsa t-taxxa hekk miżmuma. Insostenn tat-talba tagħha, hija sostniet li din it-taxxa kienet tikkostitwixxi restrizzjoni illegali għall-moviment liberu tal-kapital minħabba li hija kienet qiegħda tagħmel telf u minħabba li kumpannija Żvediża li tkun tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tagħha ma kinitx tkun suġġetta għal tali taxxa.
18 L-awtorità tat-taxxa ċaħdet it-talba għal rimbors ta’ Société Générale minħabba li t-telf invokat minnha ma kinx ġie kkalkolat skont ir-regoli tat-taxxa Żvediżi.
19 Société Générale sussegwentement adixxiet lill-Förvaltningsrätten i Falun (il-Qorti Amministrattiva sedenti f’Falun, l-Iżvezja), li ċaħdet ir-rikors hekk ippreżentat. F’dan ir-rigward, dik il-qorti kkonstatat li Société Générale kienet ipproduċiet formoli ta’ dikjarazzjonijiet tat-taxxa Franċiżi, kemm għaliha stess kif ukoll għall-grupp ta’ kumpanniji li hija tagħmel parti minnu, u li minn dawn il-formoli kien jirriżulta li dawn il-kumpanniji kollha kienu rreġistraw telf fiskali sinjifikattiv fi Franza matul is-sena fiskali inkwistjoni. L-imsemmija qorti ddeċidiet li, madankollu, minn dan ma kienx jirriżulta li t-telf invokat minn Société Générale kien ekwivalenti għal dak li kumpannija Żvediża kienet tagħmel f’tali sitwazzjoni. Għaldaqstant, Société Générale ma wrietx, billi kkalkolat skont ir-regoli tat-taxxa Żvediżi d-dħul tal-grupp fiskali kollu kemm hu, li hija kienet tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ kumpannija Żvediża li tagħmel telf.
20 Sussegwentement, Société Générale adixxiet lill-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Iżvezja), li hija l-qorti tar-rinviju.
21 Dik il-qorti tindika li, fis-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2018, Sofina et (C‑575/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza Sofina”, EU:C:2018:943), kif ukoll tad‑19 ta’ Diċembru 2024, Credit Suisse Securities (Europe) (C‑601/23, iktar ’il quddiem is-“sentenza Credit Suisse Securities (Europe)”, EU:C:2024:1048), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li jiġu ntaxxati permezz ta’ taxxa f’ras il-għajn id-dividendi mħallsa lil kumpannija mhux residenti li tagħmel telf, filwaqt li kumpannija residenti tevita t-taxxa sakemm hija tibqa’ tagħmel telf, imur kontra l-moviment liberu tal-kapital.
22 F’dan il-każ, kemm Société Générale kif ukoll il-grupp ta’ kumpanniji li tiegħu hija l-kumpannija omm irreġistraw telf fiskali sinjifikattiv fi Franza matul is-sena fiskali inkwistjoni. Madankollu, Société Générale ma wettqitx il-kalkolu tad-dħul tal-persuni ġuridiċi li jappartjenu għal dan il-grupp skont ir-regoli tat-taxxa Żvediżi, b’tali mod li hija kienet ġiet irrifjutata r-rimbors tat-taxxa f’ras il-għajn.
23 F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Istat Membru ta’ sors tad-dividendi jistax jeżiġi li kumpannija mhux residenti, sabiex turi li hija qiegħda tagħmel telf, tikkalkola mill-ġdid id-dħul tagħha skont ir-regoli tat-taxxa sostantivi applikabbli f’dan l-Istat Membru.
24 Barra minn hekk, tqum il-kwistjoni addizzjonali dwar jekk, meta l-kumpannija mhux residenti tkun suġġetta għal taxxa kkonsolidata, l-Istat Membru ta’ sors tad-dividendi jistax jeżiġi li d-dħul tal-grupp ta’ kumpanniji li din il-kumpannija tagħmel parti minnu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-intier tiegħu sabiex jiġi ddeterminat jekk l-imsemmija kumpannija tinsabx f’sitwazzjoni oġġettivament paragunabbli ma’ dik ta’ kumpannija Żvediża li tagħmel telf.
25 Il-qorti tar-rinviju tippreċiża, f’dan il-kuntest, li anki jekk ir-regoli inklużi fil-Liġi dwar it-Taxxa Fuq id-Dħul fil-qasam tat-trasferimenti fi ħdan grupp jagħtu, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-possibbiltà li jiġi bbilanċjat id-dħul fi ħdan grupp ta’ impriżi, il-mekkaniżmu tat-taxxa kkonsolidata li Société Générale hija suġġetta għaliha fi Franza ma jeżistix fl-Iżvezja.
26 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Huwa kompatibbli mal-Artikolu 63 TFUE l-fatt li Stat sors jirrikjedi li kumpannija barranija li hija ntaxxata fuq dividendi permezz ta’ taxxa f’ras il-għajn u li ssostni li tinsab f’sitwazzjoni oġġettivament komparabbli ma’ dik ta’ kumpannija nazzjonali li tagħmel telf, tipproduċi prova ta’ dan billi tikkalkula mill-ġdid id-dħul taxxabbli tagħha skont ir-regoli applikati mill-Istat sors sabiex jintaxxa lill-kumpanniji nazzjonali fuq id-dħul?
2) Meta l-kumpannija barranija tkun suġġetta għal tassazzjoni kkonsolidata, huwa kompatibbli mal-Artikolu 63 TFUE l-fatt li l-Istat sors jirrikjedi li l-profitt tal-grupp fiskali kollu kemm hu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet li jiġi ddeterminat jekk il-kumpannija tinsabx f’sitwazzjoni oġġettivament komparabbli ma’ dik ta’ kumpannija nazzjonali li tagħmel telf?
3) Il-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-Istat sors ma tipprevedix tassazzjoni kkonsolidata, iżda tinkludi regoli fil-qasam tat-trasferimenti fi ħdan grupp li jippermettu, taħt ċerti kundizzjonijiet, li jitwettaq ibbilanċjar tal-profitti fi ħdan il-grupp, għandu effett fuq ir-risposta għat-tieni domanda?”
Fuq id-domandi preliminari
27 Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 63 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-prattika tal-awtorità tat-taxxa ta’ Stat Membru li teżiġi li kumpannija mhux residenti li tappartjeni għal grupp ta’ kumpanniji suġġett għal taxxa kkonsolidata fl-Istat Membru ta’ residenza tagħha u li tinvoka s-sitwazzjoni ta’ telf tagħha sabiex tikseb ir-rimbors tat-taxxa f’ras il-għajn miġbura fuq id-dividendi rċevuti mingħand kumpannija residenti fl-ewwel Stat Membru tipproduċi l-prova ta’ din is-sitwazzjoni ta’ telf billi tikkalkola mill-ġdid, b’mod sistematiku, id-dħul taxxabbli tagħha konformement mar-regoli applikati minn dan l-ewwel Stat Membru sabiex jintaxxa lill-kumpanniji residenti.
28 Il-Qorti tal-Ġustizzja hija għalhekk mistiedna, fil-kuntest ta’ din il-kawża, tippreċiża t-tagħlim li jirriżulta mis-sentenzi Sofina u Credit Suisse Securities (Europe) fir-rigward tal-kunċett ta’” restrizzjoni għall-moviment tal-kapital”, fis-sens tal-Artikolu 63(1) TFUE, inkluż mill-perspettiva tal-paragunabbiltà oġġettiva ta’ sitwazzjoni transkonfinali ma’ sitwazzjoni interna, kif ukoll tal-proporzjonalità tal-prattika tal-awtorità tat-taxxa nazzjonali fil-konfront ta’ kumpannija mhux residenti, li tappartjeni għal grupp ta’ kumpanniji suġġett għal taxxa kkonsolidata fl-Istat Membru ta’ residenza tagħha.
Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital
29 Preliminarjament, għandu jitfakkar li, għalkemm it-tassazzjoni diretta taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, dawn tal-aħħar għandhom jeżerċitaw din il-kompetenza b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Frar 1995, Schumacker, C‑279/93, EU:C:1995:31, punt 21; tal‑25 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑387/11, EU:C:2012:670, punt 36; u tat‑30 ta’ Ottubru 2025, Attal u Associés, C‑321/24, EU:C:2025:836, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
30 F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li, hekk kif jirriżulta mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 26(2) TFUE, wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-Unjoni huwa li jiġi stabbilit suq intern, li jinkludi żona mingħajr fruntieri interni. Il-libertajiet fundamentali jikkostitwixxu l-pedamenti tas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Royal Football Club Seraing, C‑600/23, EU:C:2025:617, punt 89) u għandhom jiġu interpretati fid-dawl ta’ dan l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 1994, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑381/93, EU:C:1994:370, punt 17, u tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Spanja C‑678/11, EU:C:2014:2434, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
31 Għaldaqstant, fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 63(1) TFUE jipprojbixxi b’mod ġenerali r-restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2023, PrivatBank et, C‑78/21, EU:C:2023:137, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
32 Il-kunċett ta’ “restrizzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jinkludi l-miżuri Statali li huma ta’ natura diskriminatorja sa fejn dawn jistabbilixxu, direttament jew indirettament, differenza fit-trattament bejn il-moviment nazzjonali ta’ kapital u l-moviment transkonfinali ta’ kapital, li ma tikkorrispondix għal differenza oġġettiva ta’ sitwazzjonijiet, u li huma, għaldaqstant, ta’ natura li jiddisswadu lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi ta’ Stati Membri oħra jew ta’ pajjiżi terzi milli jwettqu moviment transkonfinali ta’ kapital (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2023m PrivatBank et, C‑78/21, EU:C:2023:137, punti 48 u 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
33 B’mod iktar partikolari, trattament sfavorevoli minn Stat Membru tad-dividendi mħallsa lil kumpanniji mhux residenti, meta mqabbel mat-trattament irriżervat għad-dividendi mħallsa lil kumpanniji residenti, jista’ għaldaqstant jiddisswadi lill-kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru li ma huwiex dan l-ewwel Stat Membru milli jagħmlu investimenti f’dan l-ewwel Stat Membru u jikkostitwixxi, għaldaqstant, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 63 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 2007, Amurta, C‑379/05, EU:C:2007:655, punt 28, u tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek, C‑252/14, EU:C:2016:402, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
34 F’dan ir-rigward, l-eżistenza ta’ restrizzjoni tista’ tirriżulta mhux biss minn miżuri li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet sostantivi għall-ibbenefikar minn vantaġġ fiskali, iżda wkoll minn miżuri li jipprevedu l-provi li għandhom jiġu prodotti mill-kumpanniji mhux residenti għal dan l-għan. (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2025, Santander Renta Variable España Pensiones, Fondo de Pensiones (C‑525/24, EU:C:2025:922, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
35 Għall-kuntrarju, l-iżvantaġġi li jistgħu jirriżultaw mill-eżerċizzju parallel tal-kompetenzi fiskali tad-diversi Stati Membri ma jikkostitwixxux restrizzjonijiet ipprojbiti mit-Trattat FUE, sakemm tali eżerċizzju ma jkunx diskriminatorju (sentenzi tal‑25 ta’ Frar 2021, Société Générale, C‑403/19, EU:C:2021:136, punt 28, u tat‑12 ta’ Marzu 2026, Marhaux, C‑150/25, EU:C:2026:188, punt 37) jew, tal-inqas, sakemm dawn ma jkunux ta’ natura li jipprojbixxu jew li jostakolaw iktar it-tranżazzjonijiet transkonfinali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2005, Mobistar u Belgacom Mobile, C‑544/03 u C‑545/03, EU:C:2005:518, punt 29, u tas‑17 ta’ Marzu 2022, AllianzGI-Fonds AEVN, C‑545/19, EU:C:2022:193, punt 36).
36 F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ moviment liberu tal-kapital, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Sofina, il-leġiżlatur Żvediż introduċa leġiżlazzjoni, li tinsab fl-Artikoli 28 sa 28n tal-Liġi dwar it-Taxxa Fuq id-Dividendi, li tipprevedi li kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor tista’ tikseb, fuq talba, terminu għal ħlas sabiex tħallas it-taxxa fuq id-dividendi li hija tirċievi mingħand kumpannija Żvediża. Skont din il-leġiżlazzjoni id-differiment għandu jingħata sakemm il-kumpannija mhux residenti tirreġistra telf, ikkalkolat skont ir-regoli tad-dritt fiskali Żvediż. Barra minn hekk, jekk il-kumpannija mhux residenti li titlob differiment tkun tappartjeni għal grupp ta’ kumpanniji suġġett għal taxxa kkonsolidata fuq id-dħul fl-Istat ta’ stabbiliment tiegħu, il-portata tad-differiment għandha tiġi kkalkolata billi jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul tal-kumpanniji kollha li jappartjenu għall-grupp
37 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li, għalkemm l-imsemmija leġiżlazzjoni, li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2020, ma hijiex applikabbli ratione temporis għat-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtorità tat-taxxa teżiġi li Société Générale tipproduċi l-provi ddefiniti fiha sabiex tingħata r-rimbors tat-taxxa f’ras il-għajn miġbura fuq id-dividendi li hija rċeviet. Għalhekk, Société Générale għandha tipproċedi bil-kalkolu mill-ġdid, konformement mar-regoli tad-dritt fiskali Żvediż, tad-dħul taxxabbli tagħha stess kif ukoll ta’ dak tal-grupp ta’ kumpanniji li hija tappartjeni għalih u li huwa suġġett għal taxxa kkonsolidata fi Franza, l-Istat Membru ta’ residenza tagħha.
38 Minn dan isegwi li, fl-Iżvezja, il-kumpanniji mhux residenti f’sitwazzjoni ta’ telf jistgħu jevitaw, bħall-kumpanniji residenti, it-taxxa immedjata fuq id-dividendi li huma jirċievu. Madankollu, din il-possibbiltà hija suġġetta għall-prova ta’ din is-sitwazzjoni ta’ telf permezz tal-kalkolu tad-dħul taxxabbli ta’ dawn il-kumpanniji mhux residenti konformement mir-regoli tad-dritt fiskali Żvediż.
39 Konsegwentement, sabiex jevitaw it-taxxa immedjata fuq id-dividendi li huma jirċievu jew sabiex jiksbu r-rimbors tat-taxxa f’ras il-għajn, il-kumpanniji mhux residenti, li huma meħtieġa jiddeterminaw id-dħul taxxabbli tagħhom konformement mal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza tagħhom, għandhom ukoll jikkonformaw ruħhom ma’ rekwiżit addizzjonali tal-Istat Membru sors, peress li huma għandhom, b’mod sistematiku, jikkalkolaw mill-ġdid id-dħul taxxabbli tagħhom konformement mar-regoli tad-dritt fiskali Żvediż. Dan ir-rekwiżit addizzjonali, li jirrappreżenta piż amministrattiv għall-kumpanniji mhux residenti biss, huwa ta’ natura li jostakola iktar it-tranżazzjonijiet transkonfinali u jikkostitwixxi żvantaġġ fiskali għal dawn il-kumpanniji. Barra minn hekk, l-effett restrittiv u dissważiv ta’ dan l-iżvantaġġ jimmaterjalizza ruħu fit-tilwima fil-kawża prinċipali fil-każ li l-kumpanniji mhux residenti jkunu jappartjenu għal grupp ta’ kumpanniji suġġett għal taxxa kkonsolidata fl-Istat Membru ta’ residenza.
40 Prattika ta’ Stat Membru li timponi tali piż amministrattiv addizzjonali, sabiex jinkiseb ir-rimbors tat-taxxa f’ras il-għajn, hija ta’ natura li tiddisswadi lill-kumpanniji mhux residenti milli jinvestu f’dan l-Istat Membru u għalhekk tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 63(1) TFUE.
41 Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-Artikolu 65(1)(a) u (3) TFUE, sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali li tagħti lok għal differenza fit-trattament tkun tista’ titqies bħala kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-kapital, jeħtieġ li din id-differenza fit-trattament tkun tirrigwarda sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli jew li din id-differenza tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 2004, Lenz, C‑315/02, EU:C:2004:446, punt 27, u tas‑27 ta’ April 2023, L Fund, C‑537/20, EU:C:2023:339, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
42 Għaldaqstant hemm lok li tiġi eżaminata l-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, jekk ikun il-każ, l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni bbażata fuq raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.
Fuq il-paragunabbiltà oġġettiva tas-sitwazzjonijiet
43 Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament, il-paragunabbiltà ta’ sitwazzjoni transkonfinali ma’ sitwazzjoni interna għandha tiġi eżaminata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, kif ukoll l-għan u l-kontenut ta’ dawn tal-aħħar (sentenzi tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek, C‑252/14, EU:C:2016:402, punt 48, u tas‑27 ta’ Frar 2025, Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej (Metodu ta’ ġestjoni ta’ IIK), C‑18/23, EU:C:2025:119, punt 78 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
44 Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, meta Stat Membru jqiegħed fuq l-istess livell it-taxxa fuq id-dħul f’sitwazzjoni interna u f’sitwazzjoni transkonfinali sa fejn huwa jagħżel li jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu fiż-żewġ sitwazzjonijiet, huwa jkun qiegħed jammetti li, fir-rigward tal-modalitajiet u tal-kundizzjonijiet ta’ din it-taxxa, ma teżisti ebda differenza oġġettiva bejn dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet li tista’ tiġġustifika differenza fit-trattament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Jannar 1986, Il‑Kummissjoni vs Franza, 270/83, EU:C:1986:37, punt 20, u tas‑17 ta’ Lulju 2014, Nordea Bank Danmark, C‑48/13, EU:C:2014:2087, punt 24).
45 Dan huwa għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi b’mod kostanti li, mill-mument li fih Stat Membru, b’mod unilaterali jew permezz ta’ ftehim, jissuġġetta għat-taxxa fuq id-dħul mhux biss lil kontribwenti residenti, iżda wkoll lil kontribwenti mhux residenti, għad-dividendi li huma jirċievu mingħand kumpannija residenti, is-sitwazzjoni tal-imsemmija kontribwenti mhux residenti ssir simili għal dik tal-kontribwenti residenti (ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, C‑374/04, EU:C:2006:773, punt 68; tat‑13 ta’ Novembru 2019, College Pension Plan of British Columbia, C‑641/17, EU:C:2019:960, punt 66; u tas‑16 ta’ Ġunju 2022, ACC Silicones, C‑572/20, EU:C:2022:469, punt 40).
46 F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont il-leġiżlazzjoni fiskali Żvediża applikabbli għat-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dividendi li joriġinaw minn ishma li jirrappreżentaw inqas minn 10 % tal-kapital ta’ kumpannija residenti huma, bħala prinċipju, suġġetti għat-taxxa fl-Iżvezja, kemm jekk jitħallsu lil kumpannija residenti kif ukoll jekk jitħallsu lil kumpannija mhux residenti.
47 Għalhekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 44 u 45 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li s-sitwazzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ kontribwenti huma oġġettivament paragunabbli.
48 Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti mressqa mill-Gvern Żvediż u dak Ġermaniż, sostnuti mill-Gvern Spanjol.
49 Fir-rigward, fl-ewwel lok, tar-rekwiżiti ta’ prova inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Gvern Żvediż isostni li, sabiex jiġi ddeterminat jekk kumpannija mhux residenti tinsabx f’sitwazzjoni oġġettivament paragunabbli ma’ dik ta’ kumpannija residenti mill-perspettiva ta’ telf fiskali, għandhom, bħala prinċipju, jiġu applikati l-istess regoli għad-dħul u għall-ispejjeż ta’ kull kumpannija. Skont dan il-gvern, taxxa ekwivalenti tippreżupponi paragunabbiltà materjali, fatt li jeżiġi li l-kumpanniji mhux residenti jaġġustaw il-kontabbiltà tagħhom.
50 F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat qabel kollox li l-provi mitluba mingħand kumpannija mhux residenti li tagħmel telf li tirċievi dividendi jservu sabiex jiġi vverifikat li din tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tibbenefika minn differiment tat-taxxa fuq dawn id-dividendi jew, jekk ikun il-każ, sabiex tikseb ir-rimbors tat-taxxa f’ras il-għajn diġà miġbura, għall-finijiet tal-ibbenefikar minn trattament fiskali paragunabbli ma’ dak ta’ kumpannija residenti li tagħmel telf.
51 Fir-rigward tal-għan ta’ leġiżlazzjoni li tipprovdi li d-dividendi rċevuti minn kumpannija li tagħmel telf huma effettivament intaxxati biss meta din il-kumpannija ssir benefiċjarja, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix indikazzjonijiet f’dan ir-rigward, iżda li tali dritt għad-differiment tat-taxxa jew, jekk ikun il-każ, għar-rimbors tat-taxxa f’ras il-għajn huwa ġeneralment intiż li jieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità ta’ ħlas tal-persuna taxxabbli. Fil-fatt, il-kapaċità ta’ ħlas ta’ kumpannija titnaqqas meta, fi tmiem is-sena fiskali li matulha hija tkun irċeviet dividendi, hija tirreġistra telf abbażi tad-dħul taxxabbli globali tagħha.
52 Issa, fir-rigward tal-kapaċità ta’ ħlas tagħhom, kumpannija residenti u kumpannija mhux residenti, li d-dħul taxxabbli tagħhom ikun ġie ddeterminat, kull wieħed minnhom, skont ir-regoli tad-dritt fiskali tal-Istat ta’ residenza rispettiv tagħhom, jinsabu fl-istess sitwazzjoni. Fil-fatt, hekk kif osservat il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-kapaċità ta’ ħlas ta’ kumpannija ma hijiex affettwata mill-fatt li, skont leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali oħra, hija kellha kapaċità ta’ ħlas ikbar u rreġistrat profitti. Għall-kuntrarju, kull kalkolu mill-ġdid tad-dħul taxxabbli ta’ kumpannija mhux residenti jirrigwarda sitwazzjoni ipotetika.
53 Ċertament, kif isostnu l-awtorità tat-taxxa u l-Gvern Żvediż, ċerti Stati Membri għandhom regoli iktar ġenerużi minn oħrajn fil-qasam, pereżempju, tat-tnaqqis tat-taxxa.
54 Madankollu, minn naħa, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni f’dan il-qasam, huwa kull Stat Membru li għandu jiddefinixxi, fil-kuntest tal-kompetenza fiskali tiegħu, ir-regoli dwar id-determinazzjoni tad-dħul taxxabbli tal-kumpanniji fiskalment residenti. Issa, mill-perspettiva tal-kumpannija kkonċernata, huwa dan id-dħul li jirrifletti l-kapaċità ta’ ħlas rilevanti tagħha, peress li jikkostitwixxi l-bażi tat-taxxa tagħha fl-Istat ta’ residenza tagħha.
55 Min-naħa l-oħra, għalkemm huwa minnu li, minħabba d-differenzi bejn ir-regoli tal-Istati Membri, ma jistax jiġi eskluż li d-dħul taxxabbli ta’ kumpannija, ikkalkolat skont il-leġiżlazzjoni fiskali tal-Istat ta’ residenza tagħha, ikun negattiv, filwaqt li kien ikun pożittiv li kieku ġie ddeterminat skont il-leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat ieħor, is-sitwazzjoni kuntrarja tista’ sseħħ ukoll. Il-possibbiltà li tali każijiet jeżistu hija l-konsegwenza loġika tal-assenza ta’ armonizzazzjoni f’dan il-qasam u ma tistax tikkontesta l-paragunabbiltà oġġettiva, fir-rigward tal-kapaċità ta’ ħlas tagħhom, ta’ kumpannija residenti u ta’ kumpannija mhux residenti li d-dħul taxxabbli tagħhom ġie ddeterminat, kull wieħed minnhom, skont ir-regoli tad-dritt fiskali tal-Istat ta’ residenza rispettiv tagħhom.
56 Barra minn hekk, il-kwistjoni tal-paragunabbiltà oġġettiva tas-sitwazzjonijiet għandha tiġi distinta minn dik dwar jekk kumpannija toħloqx artifiċjalment il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex tibbenefika minn differiment tat-taxxa jew, jekk ikun il-każ, sabiex tikseb ir-rimbors tat-taxxa f’ras il-għajn, fatt li għandu jiġi eżaminat fil-kuntest tal-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni kkonstatata.
57 Fit-tieni lok, il-Gvern Ġermaniż, sostnut mill-Gvern Spanjol, iqajjem oġġezzjonijiet ta’ prinċipju kontra l-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha Sofina u Credit Suisse Securities (Europe) li s-sitwazzjoni ta’ kumpannija residenti li tagħmel telf li tirċievi dividendi u dik ta’ kumpannija mhux residenti li wkoll tagħmel telf u li tirċievi dividendi huma oġġettivament paragunabbli.
58 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, l-ewwel nett, huwa abbażi tal-ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punti 44 u 45 ta’ din is-sentenza li, fis-sentenzi tagħha Sofina u Credit Suisse Securities (Europe), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset bħala oġġettivament paragunabbli s-sitwazzjoni ta’ żewġ kumpanniji, waħda residenti u l-oħra mhux residenti, li jirċievu dividendi. Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Gvern Ġermaniż u dak Spanjol, l-imsemmija ġurisprudenza ma tistax tinftiehem bħala li tirrigwarda biss it-taxxa fuq id-dividendi bħala tali, jiġifieri l-inklużjoni tad-dividendi fil-bażi taxxabbli u r-rata ta’ taxxa applikabbli, jew il-mekkaniżmi intiżi li tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li ebda limitazzjoni f’dan is-sens ma tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
59 It-tieni nett, fir-rigward tal-prinċipju ta’ territorjalità stabbilit mid-dritt fiskali internazzjonali, invokat mill-Gvern Ġermaniż, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li sistema ta’ Stat Membru li tipprovdi li, għall-kalkolu tal-bażi tat-taxxa tal-kontribwenti mhux residenti, huma biss il-profitti u t-telf li joriġinaw mill-attivitajiet tagħhom f’dan l-Istat Membru li jittieħdu inkunsiderazzjoni, hija konformi ma’ dan il-prinċipju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Mejju 1997, Futura Participations u Singer (C‑250/95, EU:C:1997:239, punti 21 u 22), kif ukoll tal‑15 ta’ Frar 2007, Centro Equestre da Lezíria Grande, C‑345/04, EU:C:2007:96, point 22).
60 Madankollu, il-kompetenzi rrikonoxxuti lill-Istati Membri skont il-prinċipju ta’ territorjalità għandhom jiġu eżerċitati b’osservanza tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑250/08, EU:C:2011:793, punt 48), li jinkludu, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Għaldaqstant, argument ibbażat fuq il-prinċipju ta’ territorjalità ma huwiex ta’ natura li jikkontesta n-natura oġġettivament paragunabbli ta’ sitwazzjoni interna u ta’ sitwazzjoni transkonfinali, iżda għandu jiġi evalwat fil-kuntest tal-eżami tal-punt dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hijiex iġġustifikata, fatt li jippreżupponi li din hija proporzjonata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer, C‑446/03, iktar ’il quddiem is-“sentenza Marks & Spencer”, EU:C:2005:763, punti 39, 40 u 53, kif ukoll tal‑31 ta’ Mejju 2018, Hornbach‑Baumarkt, C‑382/16, EU:C:2018:366, punt 40).
61 Huwa f’dan is-sens li, fis-sentenzi tagħha Sofina (punti 56 sa 64) u Credit Suisse Securities (Europe) (punti 70 sa 78), il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-ġustifikazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għal dawk is-sentenzi fid-dawl tal-preżervazzjoni tat-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri, raġuni ta’ ġustifikazzjoni li tikkostitwixxi emanazzjoni tal-prinċipju ta’ territorjalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Viva Telecom Bulgaria, C‑257/20, EU:C:2022:125, punti 110 u 111).
62 It-tielet nett, billi jibbaża ruħu fuq is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Miljoen et (C‑10/14, C‑14/14 u C‑17/14, EU:C:2015:608, punt 59), il-Gvern Ġermaniż isostni li, għall-finijiet tal-paragun tal-piż fiskali marbut mar-riċeviment ta’ dividendi bejn kumpanniji residenti u dawk mhux residenti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss l-ispejjeż marbuta direttament mar-riċeviment, fih innifsu, tad-dividendi inkwistjoni.
63 Issa, din il-ġurisprudenza ma hijiex rilevanti. Fil-fatt, din tirrigwarda l-possibbiltà li jitnaqqsu ċerti spejjeż mid-dividendi taxxabbli u, għaldaqstant, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-iffissar tal-bażi tat-taxxa fuq id-dividendi, filwaqt li din il-kawża tirrigwarda l-possibbiltà li jiġi ddifferit il-ħlas ta’ din it-taxxa.
64 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital li tirriżulta minn prattika bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda sitwazzjonijiet oġġettivament paragunabbli.
Fuq il-ġustifikazzjoni bbażata fuq raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali
65 Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital tista’ tiġi aċċettata jekk tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, jekk tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex minnha u jekk ma tkunx tmur lil hinn minn dak li jkun neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (sentenza tas‑27 ta’ April 2023, L Fund, C‑537/20, EU:C:2023:339, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).
66 Il-Gvern Żvediż isostni li, anki jekk jitqies li l-prattika inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, din hija ġġustifikata, fl-ewwel lok, min-neċessità li jiġu ppreżervati tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri u l-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali.
67 B’mod iktar speċifiku, dan il-gvern isostni li l-Iżvezja ma għandhiex il-possibbiltà li tintaxxa d-dħul fiskali kollu ta’ kumpannija mhux residenti li tirċievi dividendi ta’ oriġini Żvediża, peress li s-setgħa ta’ tassazzjoni hija limitata għall-valur maħluq fi ħdan il-kumpanniji Żvediżi u mqassam fil-forma ta’ dividendi. L-obbligu li jingħata differiment tat-taxxa lil kumpannija mhux residenti li d-dħul tagħha jkun ġie kkalkolat skont il-leġiżlazzjoni fiskali tal-Istat Membru ta’ residenza tagħha jwassal sabiex l-Iżvezja jkollha tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi li ma jaqgħux taħt is-setgħa ta’ tassazzjoni tagħha, fatt li huwa inkompatibbli mas-simetrija implikata mit-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri.
68 F’dan ir-rigward, mis-sentenzi Sofina (punti 56 sa 64) u Credit Suisse Securities (Europe) (punti 70 sa 78) jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-dividendi mħallsa lil kumpannija mhux residenti li tagħmel telf għal taxxa immedjata u definittiva, filwaqt li dawk imħallsa lil kumpannija residenti li tkun tinsab fl-istess sitwazzjoni huma effettivament intaxxati biss meta din tal-aħħar terġa’ tagħmel profitti, ma tistax tiġi ġġustifikata min-neċessità li jiġi ppreżervat it-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri. Għall-istess raġunijiet, prattika amministrattiva nazzjonali li timponi fuq il-kumpanniji mhux residenti li jixtiequ jibbenefikaw mill-vantaġġ fiskali inkwistjoni piż amministrattiv addizzjonali, li ma għandux jiġi sostnut mill-kumpanniji residenti, lanqas ma tista’ tiġi ġġustifikata minn din in-neċessità.
69 Fir-rigward tan-neċessità li tiġi ppreżervata l-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex tali argument ikun jista’ jintlaqa’, jeħtieġ li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali kkonċernat u t-tpaċija ta’ dan il-vantaġġ permezz ta’ imposta fiskali speċifika (sentenza Credit Suisse Securities (Europe), punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, f’dan il-każ, il-Gvern Żvediż ma stabbilixxiex li l-vantaġġ fiskali mogħti lill-kumpanniji residenti huwa paċut permezz ta’ imposta fiskali speċifika, b’rabta ma’ dan il-vantaġġ.
70 Fit-tieni lok, il-Gvern Żvediż jinvoka l-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa. Skont dan il-Gvern, mingħajr il-kalkolu mill-ġdid tad-dħul taxxabbli ta’ kumpannija mhux residenti li tirċievi dividendi ta’ oriġini Żvediża, imwettaq skont ir-regoli tal-leġiżlazzjoni Żvediża, it-taxxa f’ras il-għajn prevista minnha tkun tista’ tiġi evitata billi jiġu ttrasferiti ishma u, għaldaqstant, id-dritt għad-dividendi lil kumpannija li tagħmel telf akkwistat speċifikament għal dan l-għan.
71 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika restrizzjoni għall-eżerċizzju tal-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-Trattat FUE (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Staatssecretaris van Financiën (Interessi relatati ma’ self intragrupp), C‑585/22, EU:C:2024:822, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).
72 Għandu jitfakkar ukoll li l-awtoritajiet tat-taxxa ta’ Stat Membru għandhom id-dritt jeħtieġu mingħand il-kontribwent il-provi li huma jkunu jqisu neċessarji sabiex jevalwaw jekk il-kundizzjonijiet għal vantaġġ fiskali humiex issodisfatti u, konsegwentement, jekk hemmx lok jew le li jingħata dan il-vantaġġ. Il-kontenut, il-forma u l-livell ta’ preċiżjoni li l-informazzjoni ppreżentata mill-kontribwent għandha tissodisfa huma ddeterminati mill-Istat Membru li jagħti l-imsemmi vantaġġ sabiex ikun possibbli l-ġbir korrett tat-taxxa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Mejju 1997, Futura Participations u Singer, C‑250/95, EU:C:1997:239, punt 43; tat‑30 ta’ Jannar 2020, Köln‑Aktienfonds Deka, C‑156/17, EU:C:2020:51, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata; kif ukoll tas‑27 ta’ Novembru 2025, Santander Renta Variable España Pensiones, Fondo de Pensiones, C‑525/24, EU:C:2025:922, punt 52).
73 Għalhekk, fir-rigward tal-kuntest tal-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat li, minn naħa, huma l-kumpanniji mhux residenti li għandhom jipproduċu l-elementi rilevanti li jippermettu lill-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istat Membru ta’ tassazzjoni jikkonstataw li l-kundizzjonijiet sabiex dawn il-kumpanniji jibbenefikaw minn differiment ta’ taxxa jew, jekk ikun il-każ, sabiex huma jiksbu r-rimbors tat-taxxa f’ras il-għajn huma ssodisfatti u li, min-naħa l-oħra, dawn l-awtoritajiet huma f’pożizzjoni li jwettqu kontroll tal-veraċità ta’ dawn l-elementi permezz tal-mekkaniżmi ta’ assistenza reċiproka eżistenti bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri (ara s-sentenzi Sofina, punti 72 u 73, kif ukoll Credit Suisse Securities (Europe), punti 64 u 65).
74 L-imsemmija elementi jinkludu b’mod partikolari dawk li jistgħu raġonevolment jintalbu sabiex jiġi stabbilit li l-kumpannija mhux residenti kkonċernata tinsab effettivament f’sitwazzjoni ta’ telf u li l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex hija tibbenefika minn differiment tat-taxxa jew, jekk ikun il-każ, sabiex jinkiseb ir-rimbors tat-taxxa f’ras il-għajn ma nħolqux b’mod artifiċjali. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li, skont il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ projbizzjoni ta’ prattiki abbużivi, l-individwi ma jistgħux jinvokaw regoli tad-dritt tal-Unjoni b’mod frawdolenti jew abbużiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, T Danmark u Y Denmark, C‑116/16 u C‑117/16, EU:C:2019:135, punt 70 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
75 Madankollu, sabiex il-kisba ta’ vantaġġ fiskali ma ssirx impossibbli jew eċċessivament diffiċli għal kontribwent mhux residenti, ma jistax ikun meħtieġ li huwa jipproduċi dokumenti li jkunu konformi taħt kull aspett mal-forma u mal-livell ta’ preċiżjoni tad-dokumenti probatorji previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru li jagħti dan il-vantaġġ, jekk, barra minn hekk, id-dokumenti pprovduti minn dan il-kontribwent ikunu jippermettu lil dan l-Istat Membru jivverifika, b’mod ċar u preċiż, li l-kundizzjonijiet għall-kisba tal-vantaġġ fiskali inkwistjoni huma ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2020, Köln‑Aktienfonds Deka, C‑156/17, EU:C:2020:51, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑27 ta’ Novembru 2025, Santander Renta Variable España Pensiones, Fondo de Pensiones, C‑525/24, EU:C:2025:922, punt 53).
76 Issa, anki jekk l-obbligu impost fuq il-kumpanniji mhux residenti li jikkalkolaw mill-ġdid, b’mod sistematiku, id-dħul taxxabbli tagħhom jitqies li huwa adattat sabiex jipprevjeni l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, dan l-obbligu fi kwalunkwe każ imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan. Fil-fatt, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali obbligu huwa bbażat fuq prinċipju ta’ suspett ġeneralizzat ta’ evażjoni u mhux fuq indizji li jistgħu jagħtu x’jinftiehem li teżisti evażjoni jew skema artifiċjali intiża li jiġi evitat il-ħlas tat-taxxa fuq id-dividendi.
77 Barra minn hekk, minħabba l-piż amministrattiv kunsiderevoli li dan jimplika, l-obbligu ta’ kalkolu mill-ġdid tad-dħul taxxabbli huwa ta’ natura li jirrendi eċċessivament diffiċli li kumpannija mhux residenti tibbenefika minn differiment ta’ taxxa jew, jekk ikun il-każ, tikseb ir-rimbors tat-taxxa f’ras il-għajn.
78 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-prattika tal-awtorità tat-taxxa inkwistjoni, li teżiġi li d-dħul taxxabbli tal-kumpanniji mhux residenti jiġi, b’mod sistematiku, ikkalkolat mill-ġdid mingħajr ma tipprevedi l-possibbiltà li dawn il-kumpanniji jipprovdu dokumenti li jippermettu lil din l-awtorità tivverifika, b’mod ċar u preċiż, li l-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ vantaġġ fiskali huma ssodisfatti, tikkostitwixxi miżura sproporzjonata.
79 Barra minn hekk, fir-rigward tal-obbligu, impost fuq kumpannija mhux residenti li tappartjeni għal grupp ta’ kumpanniji fl-Istat Membru ta’ residenza tagħha, liema grupp huwa suġġett għal taxxa kkonsolidata f’dan l-Istat Membru, li tikkalkola mill-ġdid, b’mod sistematiku, id-dħul ta’ tali grupp kollu kemm hu, għandu jingħad ukoll li, fid-dawl tal-motivi invokati fil-punti 76 sa 78 ta’ din is-sentenza, tali obbligu għandu, a fortiori, jitqies li huwa sproporzjonat.
80 Il-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ sors tad-dividendi ma tipprevedix taxxa kkonsolidata iżda tinkludi regoli fil-qasam tat-trasferiment fi ħdan grupp li jippermettu, taħt ċerti kundizzjonijiet, li jitwettaq ibbilanċjar tad-dħul fi ħdan il-grupp, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punti 76 sa 79 ta’ din is-sentenza, dan l-Istat Membru ma jistax jeżiġi li kumpannija mhux residenti, li tappartjeni għal grupp u li hija suġġetta għal taxxa kkonsolidata fl-Istat Membru ta’ residenza tagħha, tikkalkola mill-ġdid id-dħul ikkonsolidat tagħha skont ir-regoli Żvediżi fil-qasam tat-trasferiment fi ħdan grupp.
81 Il-konklużjoni li tinsab fil-punt 78 ta’ din is-sentenza ma hijiex ikkontestata mir-riferiment tal-Gvern Ġermaniż għall-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Marks & Spencer, li minnha jirriżulta li, waqt it-tassazzjoni ta’ kumpannija fi Stat Membru, it-telf subit minnha barra mill-pajjiż għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biss b’mod eċċezzjonali, jiġifieri fil-każ ta’ telf definittiv.
82 F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, fil-punti 43 sa 51 tas-sentenza Marks & Spencer, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment marbuta ma’ limitazzjoni għad-dritt ta’ kumpannija residenti li tnaqqas it-telf ta’ sussidjarja barranija, filwaqt li din il-possibbiltà ta’ tnaqqis tingħatalha għat-telf ta’ sussidjarja residenti, hija ġġustifikata min-neċessità li jiġi ppreżervat it-tqassim ibbilanċjat tas-setgħat ta’ impożizzjoni bejn l-Istati Membri u li jiġu ostakolati r-riskji ta’ użu doppju tat-telf kif ukoll ta’ evitar tat-taxxa. Madankollu, mill-punt 55 ta’ din is-sentenza jirriżulta li tali restrizzjoni hija sproporzjonata f’sitwazzjoni fejn dan it-telf ikun ta’ natura definittiva.
83 Issa, bħall-kawżi li taw lok għas-sentenzi Sofina u Credit Suisse Securities (Europe), din il-kawża ma tirrigwardax it-tnaqqis ta’ telf barrani, iżda d-determinazzjoni tal-mument li fih l-Istat Membru ta’ sors tad-dividendi jista’ jeżerċita d-dritt tiegħu li jintaxxa dħul iġġenerat fit-territorju tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Sofina, punt 59, u Credit Suisse Securities (Europe), punt 75).
84 Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-riżervi tal-Gvern Ġermaniż espressi waqt is-seduta u bbażati fuq il-fatt li r-regoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital japplikaw ukoll għall-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi, hemm lok li jiġi nnotat li l-moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi ma huwiex inkwistjoni f’din il-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Manninen, C‑319/02, EU:C:2004:484, punt 51, u tat‑18 ta’ Diċembru 2007, A, C‑101/05, EU:C:2007:804, punt 60).
85 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-prattika tal-awtorità tat-taxxa ta’ Stat Membru li teżiġi li kumpannija mhux residenti li tappartjeni għal grupp ta’ kumpanniji suġġett għal taxxa kkonsolidata fl-Istat Membru ta’ residenza tagħha u li tinvoka s-sitwazzjoni ta’ telf tagħha sabiex tikseb ir-rimbors tat-taxxa f’ras il-għajn miġbura fuq id-dividendi rċevuti mingħand kumpannija residenti fl-ewwel Stat Membru tipproduċi l-prova ta’ din is-sitwazzjoni ta’ telf billi tikkalkola mill-ġdid, b’mod sistematiku, id-dħul taxxabbli tagħha konformement mar-regoli applikati minn dan l-ewwel Stat Membru sabiex jintaxxa lill-kumpanniji residenti.
Fuq l-ispejjeż
86 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-prattika tal-awtorità tat-taxxa ta’ Stat Membru li teżiġi li kumpannija mhux residenti li tappartjeni għal grupp ta’ kumpanniji suġġett għal taxxa kkonsolidata fl-Istat Membru ta’ residenza tagħha u li tinvoka s-sitwazzjoni ta’ telf tagħha sabiex tikseb ir-rimbors tat-taxxa f’ras il-għajn miġbura fuq id-dividendi rċevuti mingħand kumpannija residenti fl-ewwel Stat Membru tipproduċi l-prova ta’ din is-sitwazzjoni ta’ telf billi tikkalkola mill-ġdid, b’mod sistematiku, id-dħul taxxabbli tagħha konformement mar-regoli applikati minn dan l-ewwel Stat Membru sabiex jintaxxa lill-kumpanniji residenti.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Iżvediż.