31995L0048



Official Journal L 233 , 30/09/1995 P. 0073 - 0085


Id-Direttiva tal-Kummissjoni 95/48/KE

ta’ l-20 ta’ Settembru 1995

li taddatta għal progress tekniku d-Direttiva tal-Kunsill 92/21/KEE dwar il-masses u d-dimensjonijiet ta’ vetturi bil-mutur tal-kategorija M1

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta’ Frar 1970 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom [1], kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 93/81/KEE [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 13(2) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/21/KEE tal-31 ta’ Marzu 1992 [3], u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha,

Billi d-Direttiva 92/21/KEE hija waħda mid-Direttivi separati tal-proċedura tal-approvazzjoni tat-tip tal-KEE li ġiet stabbilita bid-Direttiva 70/156/KEE; billi, konsegwentement, id-dispożizzjonijiet stipulati fid-Direttiva 70/156/KEE li jirrelataw għas-sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati tal-vetturi japplikaw għal din id-Direttiva;

Billi hija magħmula riferenza għad-Direttiva tal-Kunsill 77/649/KEE [4], kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 90/960/KEE [5], li tikkontjeni l-proċedura sabiex jiġi determinat punt ta’ riferenza għall-pożizzjonijiet tas-sedili fil-vetturi bil-mutur u, konsegwentement, m’huwiex meħtieġ li tiġi ripetuta f’din id-Direttiva; billi hija magħmula riferenza wkoll għad-Direttiva tal-Kunsill 92/23/KEE [6];

Billi, fid-dawl ta’ l-esperjenza miksuba sa issa bl-applikazzjoni prattika tad-Direttiva 92/21/KEE, huwa meħtieġ li jiġu speċifikati b’mod aktar preċiż ċerti dispożizzjonijiet li jinsabu fiha sabiex tiġi żgurata interpretazzjoni uniformi fl-Istati Membri kollha;

Billi sjkun meħtieġ fil-futur li jiġu stabbiliti ċerti kundizzjonijiet ta’ tagħbija għas-sedili li m’humiex iddisinjati għal, jew kapaċi li, jakkommodaw passiġġieri adulti; billi, iżda, id-definizzjoni ta’ dawn is-sedili u l-ispeċifikazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ tagħbija jeħtieġu aktar konsiderazzjoni; billi, għalhekk, l-emendi korrespondenti għandhom jiġu postposti għal data aktar tard;

Billi d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva huma b’mod konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat għall-Adattazzjoni għall-Progress Tekniku stabbilit bid-Direttiva 70/156/KEE;

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

1. Fl-Artikolu 1 mad-Direttiva 92/21/KEE, ‘L-Anness I mad-Direttiva 70/156/KEE’ għandu jinbidel b’ ‘L-Anness II A mad-Direttiva 70/156/KEE’.

2. L-Annessi mad-Direttiva 92/21/KEE għandhom jinbidlu bl-Annessi ma’ din id-Direttiva u lista ta’ l-Annessi għandha tiddaħħal bejn l-Artikoli u l-Anness I.

L-Artikolu 2

1 B’effett mill-1 ta’ Jannar 1996 l-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li jirrelataw mal-masses u dimensjonijiet:

- jirrifjutaw, fir-rigward ta’ vettura bil-mutur tal-kategorija M1, li jagħtu l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE jew approvazzjoni tat-tip nazzjonali, jew

- jipprojbixxu r-reġistrazzjoni, l-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta’ dawn il-vetturi,

jekk il-vetturi jikkonformaw mal-ħtiġiet tad-Direttiva 92/21/KEE, kif emendata b’din id-Direttiva.

2 B’effett mill-1 ta’ Jannar 1997 l-Istati Membri:

- m’għandhomx aktar jagħtu l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE, u

- jistgħu jirrifjutaw li jagħtu l-approvazzjoni tat-tip nazzjonali,

għal tip ta’ vettura tal-kategorija M1 għal raġunijiet li jirrelataw għall-masses u dimensjonijiet tagħha, jekk il-ħtiġiet tad-Direttiva 92/21/KEE, kif emendata b’din id-Direttiva, m’humiex sodisfatti.

L-Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel l-1 ta’ Jannar 1996 u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni minnufih b’dan.

2. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, għandhom jikkontjenu riferenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn din ir-riferenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif issir din ir-riferenza għandhom jiġu stipulati mill-Istati Membri.

3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-kamp regolat minn din id-Direttiva.

L-Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, l-20 ta’ Settembru, 1995.

Għall-Kummissjoni

Martin Bangemann

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 42, tat-23.2.1970, p. 1

[2] ĠU L 264, tat-23.10.1993, p. 49

[3] ĠU L 129, ta’ l-14.5.1992, p. 1

[4] ĠU L 267, tad-19.10.1977, p. 1

[5] ĠU L 341, tas-6.12.1990, p. 20

[6] ĠU L 129, ta’ l-14.5.1992, p. 95

--------------------------------------------------

LISTA TA’ L-ANNESSI

L-Anness I: | Dispożizzjonijiet Amministrattivi għall-approvazzjoni tat-tip Appendiċi 1Dokument ta’ informazzjoniAppendiċi 2Approvazzjoni tat-tip tal-KEE |

L-Anness II: | Kamp ta’ applikazzjoni, definizzjonijiet, ħtiġiet AppendiċiMetodu sabiex jiġu verifikati l-masses u t-tagħbijiet fuq il-fus ta’ vetturi bil-mutur tal-kategorija M1 |

--------------------------------------------------