European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2024/2110

11.3.2024

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(C/2024/2110)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

“ISTARSKI MED / ISTRSKI MED”

Nru tal-UE: PDO-HR+SI-2833 — 14.3.2022

DOP (X) IĠP ()

1.   Isem/Ismijiet

“Istarski med / Istrski med”

2.   Stati Membri jew pajjiż terz

Ir-Repubblika tal-Kroazja u r-Repubblika tas-Slovenja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.4. Prodotti oħrajn li joriġinaw mill-annimali (bajd, għasel, diversi prodotti mill-ħalib għajr butir, eċċ.).

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

“Istarski med” / “Istrski med” huwa għasel prodott min-naħal Apis mellifera min-nektar tal-pjanti melliferi jew minn sekrezzjonijiet ta’ partijiet ħajjin ta’ pjanti jew minn eskrementi ta’ insetti li jsoffu l-pjanti fuq il-partijiet ħajjin tal-pjanti, li n-naħal jiġbruhom, jittrasformawhom billi jgħaqqduhom ma’ sustanzi speċifiċi tagħhom stess, jiddepożitawhom, jiddeitrawhom, jaħżnuhom u jħalluhom fix-xehda tal-għasel sabiex isiru u jimmaturaw.

Il-karatteristiċi fiżikokimiċi:

—

Kontenut ta’ ilma ≤ 18,6 %

—

Attività tad-dijastażi ≥ 10, ħlief għall-għasel tar-robinja, li huwa ≥ 3, fuq l-iskala Schade

—

HMF ≤ 15,0 mg/kg

Karatteristiċi tat-trab tad-dakra:

L-ispettru tat-trab tad-dakra tal-“Istarski med” / “Istrski med” irid jirrifletti l-veġetazzjoni taż-żona ddefinita fil-punt 4. Skont it-tip ta’ għasel, it-trab tad-dakra mill-ispeċijiet tal-pjanti tan-nektar tal-familji li ġejjin jammonta għal proporzjon kbir tal-ispettru: Fabaceae, Sapindaceae, Rhamnaceae, Cornaceae, Brassicaceae, Loranthaceae, Malvaceae, Liliaceae, Lamiaceae, Fagaceae, Rosaceae, Apiaceae, Salicaceae, Adoxaceae, Ericaceae, Asteraceae, Oleaceae, Araliaceae, Ranunculaceae, Asphodelaceae, Anacardiaceae. Jistgħu jkunu preżenti wkoll ammonti żgħar ta’ trab tad-dakra mill-ispeċijiet tal-pjanti tan-nektar tal-familji li ġejjin: Aquifoliaceae, Boraginaceae, Amaryllidaceae, Asparagaceae, Scrophulariaceae, Urticaceae, Campanulaceae, Fumariaceae u oħrajn.

It-trab tad-dakra mill-ispeċijiet tal-pjanti mhux tan-nektar tal-familji li ġejjin jista’ jkun preżenti wkoll fl-“Istarski med / Istrski med”: Quercus spp., Fraxinus spp., Helianthemum spp., Papaver spp., Plantago spp., Betula spp., Alnus spp., Carex spp., Pinus spp., Cistus spp., Poaceae u Pinaceae, Fragaria vesca, Cupressus sempervirens, Olea europaea, Filipendula ulmaria, Vitis vinifera , Corylus avellana, u oħrajn fi proporzjonijiet iżgħar.

Il-karatteristiċi fiżikokimiċi:

Tip ta’ għasel

Konduttività elettrika

Għasel tar-robinja

≤ 0,25 mS/cm

Għasel tas-salvja

0,20–0,55 mS/cm

Għasel tal-qastan

≥ 0,8 mS/cm

Għasel tan-nwar

≤ 0,8 mS/cm

Għasel mill-qtar tal-għasel ta’ siġar deċidwi

≥ 0,8 mS/cm

Għasel tas-sagħtrija tax-xitwa

≤ 0,8 mS/cm

Għasel tat-tilju

0,5–1,1 mS/cm

Karatteristiċi melissopalinoloġiċi:

 

Deskrizzjoni

Għasel tar-robinja

Irid ikun fih it-trab tad-dakra tar-robinja (Robinia pseudoacacia L.), u t-trab tad-dakra akkumpanjanti mill-pjanti li ġejjin: Rosaceae, Fabaceae, Cornus sanguinea, Prunus spp., Poaceae, Salix spp., Fragaria vesca, Quercus spp., Fraxinus spp., Lotus spp., Ligustrum vulgare, Helianthemum spp.

Jista’ jkun fih trab tad-dakra iżolat mill-pjanti li ġejjin: Cornus mas, Aesculus hippocastanum, Apiaceae, Loranthus europaeus, Acer spp., Pinus spp., Plantago spp. Filipendula ulmaria, Castanea sativa, Lamiaceae, Brassicaceae, Asparagus spp., Tilia spp., Taraxacum officinale, Phacelia tanacetifolia, Paliurus spina christi, Olea europea, Asteraceae (il-ġeneru Solidago).

Għasel tas-salvja

Irid ikun fih mill-inqas 15 % trab tad-dakra tas-salvja (Salvia officinalis L.).

Jista’ jkun fih trab tad-dakra akkumpanjanti mill-pjanti li ġejjin: Rosaceae, Robinia pseudoacacia, Quercus spp., Prunus spp., Paliurus spina christi, Olea europea, Ligustrum vulgare.

Jista’ jkun fih trab tad-dakra iżolat mill-pjanti li ġejjin: Poaceae, Pistacia spp., Lamiaceae, Filipendula ulmaria, Cornus sanguinea,

Għasel tal-qastan

Irid ikun fih mill-inqas 85 % trab tad-dakra tal-qastan ħelu (Castanea sativa Mill.).

Jista’ jkun fih trab tad-dakra iżolat mill-pjanti li ġejjin: Paliurus spina christi, Fabaceae, Rosaceae, Pistacia spp., Prunus spp., Salix spp.

Għasel tan-nwar

Jista’ jkun fih proporzjonijiet varjabbli ta’ trab tad-dakra mill-pjanti li ġejjin: Fabaceae, Rosaceae, Quercus spp., Prunus spp., Poaceae, Paliurus spina christi, Acer spp., spori fungali, Salix spp., Apiaceae, Robinia pseudoacacia, Fraxinus spp., Fragaria vesca, Cornus sanguinea, Lotus spp., Lamiaceae, Castanea sativa, Aesculus hippocastanum

Għasel mill-qtar tal-għasel ta’ siġar deċidwi

Il-proporzjon tal-għadd ta’ elementi tal-qtar tal-għasel (spori fungali, partijiet tal-ifa, algi ħodor) għall-frak tat-trab tad-dakra tal-ispeċi tal-pjanti tan-nektar irid ikun mill-inqas 1,5, bi proporzjonijiet varjabbli ta’ trab tad-dakra mill-pjanti li ġejjin: Fabaceae, Castanea sativa, Rosaceae, Salix spp., Paliurus spina christi, Robinia pseudoacacia, Cornus sanguinea, Prunus spp., Lotus spp., Poaceae, Quercus spp., Olea europea, Fraxinus spp., Filipendula ulmaria, Fragaria vesca, Asteraceae (il-ġenus Solidago), Apiaceae, Tilia spp., Taraxacum officinale, Pinus spp., Loranthus europaeus, Liliaceae, Ligustrum vulgare, Lamiaceae, Helianthemum spp., Cornus mas, Brassicaceae, Asteraceae (il-ġenus Taraxacum), Acer spp.

Għasel tas-sagħtrija tax-xitwa

Irid ikun fih mill-inqas 20 % trab tad-dakra tas-sagħtrija tax-xitwa (Satureja montana L.).

Jista’ jkun fih trab tad-dakra akkumpanjanti mill-pjanti li ġejjin: Hedera helix, Satureja montana, Fabaceae, Tilia spp., Rosaceae.

Jista’ jkun fih trab tad-dakra iżolat mill-pjanti li ġejjin: Castanea sativa, Echium vulgare, Filipendula ulmaria, Liliaceae, Poaceae, Asteraceae (il-ġeneru Solidago), Asteraceae (il-ġeneru Taraxacum), Centaurea jacea, Fragaria vesca.

Għasel tat-tilju

Irid ikun fih mill-inqas 25 % trab tad-dakra tat-tilju (Tilia L.).

Jista’ jkun fih trab tad-dakra akkumpanjanti mill-pjanti li ġejjin: Rosaceae, Quercus spp., Poaceae, Paliurus spina christi, Fabaceae, Castanea sativa, Fraxinus spp., Asteraceae (il-ġeneru Solidago).

Jista’ jkun fih trab tad-dakra iżolat mill-pjanti li ġejjin: Vitis vinifera, Trifolium spp., Sambucus nigra, Ranunculus spp., Phacelia tanacetifolia, Liliaceae, Helichrysum italicum, Helianthus annuus, Centaurea spp., Centaurea jacea, Carex spp., Asteraceae, Apiaceae.

Karatteristiċi organolettiċi:

 

Kulur

Riħa

Togħma

Għasel tar-robinja

isfar jgħajjat sa isfar, kważi bla kulur

ħafifa, ta’ xehda verġni, xama’ friska u fjura tar-robinja

ħelu sa ħelu ħafna, b’ħajja qasira

Għasel tas-salvja

kannella fl-aħmar, aħmar fl-oranġjo, aħmar fl-isfar, ambra, bi sfumatura ħadranija

tal-injam, pjaċevoli

kemxejn tniggeż, dejjiema, ħelwa, ftit morra

Għasel tal-qastan

kannella fl-aħmar

moderatament qawwija sa qawwija, ta’ fjura tal-qastan

qawwija, morra sa morra ħafna, dejjiema

moderatament ħelwa sa ħelwa

Għasel tan-nwar

isfar għal ambra skur

pjaċevoli, tal-fjuri, ta’ frott mgħolli, fjuri tal-mergħa, xama’ u zokkor

tista’ tkun punġenti

ħelwa sa ħelwa ħafna, ftit qarsa sa qarsa, dejjiema

Għasel mill-qtar tal-għasel ta’ siġar deċidwi

kannella jgħajjat sa kannella fl-aħmar skur

tal-injam u l-karamella, qawwija

kemxejn tniggeż, tal-injam jew tal-karamella, moderatament ħelwa

Għasel tas-sagħtrija tax-xitwa

ambra fl-aħmar

ta’ frott imqadded

ħelwa, dejjiema u ftit qarsa

Għasel tat-tilju

isfar għal ambra

prominenti, rinfreskanti, tal-fjura tat-tilju, il-mentol, il-qoxra tal-lumi u l-injam

moderatament ħelwa, kemxejn qarsa, kemxejn sa moderatament morra, rinfreskanti, dejjiema

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

—

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-passi kollha tal-produzzjoni, miż-żamma tan-naħal fil-mergħa sal-estrazzjoni, iridu jsiru fiż-żona ġeografika.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

L-imballaġġ tal-“Istarski med” / “Istrski med” isir esklussivament fiż-żona ġeografika msemmija fil-punt 4, essenzjalment biex tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-prodott u għalhekk l-oriġinalità u l-karatteristiċi speċifiċi tiegħu. Dan jgħin biex titnaqqas il-possibbiltà ta’ adulterazzjoni tal-prodott mit-taħlit ma’ prodotti simili, li huwa aktar probabbli jekk l-imballaġġ iseħħ barra miż-żona ġeografika ddefinita.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Meta l-prodott jitqiegħed fis-suq f’forma ppakkjata bil-lest, l-isem “Istarski med” jew “Istrski med” irid jiġi indikat b’ittri akbar minn kwalunkwe isem ieħor fuq l-imballaġġ minn qabel. It-tikkettar irid jinkludi wkoll timbru li jkollu numru ta’ identifikazzjoni progressiv u s-simbolu komuni (logo).

L-utenti kollha tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Istarski med” / “Istrski med” li jqiegħdu l-prodott fis-suq f’konformità mal-ispeċifikazzjoni tiegħu għandhom id-dritt li jużaw it-timbru, taħt l-istess kundizzjonijiet.

Is-simbolu komuni huwa qatra tal-għasel ikkulurita bi strixxi orizzontali griżi u suwed li jalternaw, imqiegħda fuq eżagonu isfar li juri xehda stilizzata. Taħt l-eżagonu hemm miktub, b’ittri kbar, “ISTARSKI MED” fil-varjant Kroat (Grafika 1) u “ISTRSKI MED” fil-varjant Sloven (Grafika 2).

Grafika 1

Image 1

Grafika 2

Image 2

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona tal-produzzjoni tal-“Istarski med” / “Istrski med” fil-Kroazja hija l-peniżola Istrijana u l-gżejjer tagħha fil-Kontea ta’ Istria, segwita mill-muniċipalitajiet ta’ Opatija, Lovran, Mošćenička Draga u Matulji, il-gżejjer ta’ Cres u Lošinj u l-gżejjer iżgħar tagħhom ta’ Unije, Ilovik, Susak u Vele Srakane, u għadd ta’ gżejjer ċkejknin mhux abitati. Fis-Slovenja, iż-żona tal-produzzjoni tinkludi r-reġjun tal-Istrija Slovena, li tikkonsisti mill-muniċipalitajiet ta’ Koper, Izola, Piran u Ankaran.

Fis-Slovenja, il-konfini taż-żona tal-produzzjoni jikkoinċidu mal-konfini tat-Tramuntana tal-muniċipalitajiet ta’ Ankaran u Koper, li jestendu mill-qsim tal-fruntiera ta’ Lazaret/Lazzaretto fuq il-fruntiera Slovena-Italjana sal-konfini bejn il-muniċipalitajiet ta’ Koper u Sežana ħdejn il-park naturali ta’ Dolina Glinščice/Val Rosandra. Iż-żona ġeografika tkompli tul il-fruntiera bejn il-muniċipalitajiet ta’ Koper u Sežana fin-Nofsinhar tal-villaġġ ta’ Ocizla u fit-Tramuntana tal-villaġġ ta’ Črnotiče, qabel ma tinżel għall-park naturali ta’ Slavnik u tgħaddi tul it-tarf tal-grigal tagħha sakemm tilħaq il-fruntiera mal-Kroazja….

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1   Speċifiċità taż-żona ġeografika

L-Istrija hija kkaratterizzata minn flora rikka u diversa bis-saħħa ta’ għadd ta’ ċirkostanzi favorevoli li tgawdi ż-żona. L-ewwel waħda minnhom hija l-pożizzjoni ġeografika tal-Istrija, segwita mill-klima, ir-riżalt, il-bażi petrografika u l-ħamrija tagħha.

Iż-żona ġeografika tgawdi minn kundizzjonijiet klimatiċi speċifiċi; il-klima hija eteroġena ħafna, prinċipalment minħabba li, bħala peniżola, l-Istrija hija mdawra fuq tliet naħat mill-baħar, iżda wkoll minħabba li tinsab fuq it-tarf tat-Tramuntana tal-Baħar Adrijatiku, fl-inkroċju bejn il-Mediterran u l-parti kontinentali tal-Ewrasja. Skont il-latitudni u l-karatteristiċi tar-riżalt, l-Istrija hija suddiviża fi tliet żoni klimatiċi. Il-parti kostali ċentrali u tan-Nofsinhar hija kkaratterizzata minn klima tal-Mediterran, filwaqt li l-parti tat-Tramuntana u l-parti aktar interna għandhom klima moderatament sħuna u umduża, bi sjuf sħan. Fit-Tramuntana, il-parti kontinentali, tipprevali klima sub-Mediterranja.

It-tipi differenti tal-“Istarski med” / “Istrski med” ivarjaw skont il-komunitajiet tal-pjanti, li jvarjaw imbagħad skont l-interazzjoni tal-klima, tal-ħamrija u tal-għajnuna. Ġeografikament, l-Istrija tinsab fuq il-linja tal-qasma bejn il-Baħar Mediterran u s-sriebet tal-muntanji Dinariċi u Alpini, għalhekk f’termini ta’ veġetazzjoni hija kkaratterizzata mill-flora ta’ dawk ir-reġjuni. Għalhekk hemm diversi żoni ta’ veġetazzjoni fil-peniżola Istrijana, u din il-veġetazzjoni diversa hija bażi importanti għall-produzzjoni tat-tipi differenti tal-“Istarski med” / “Istrski med”. Xifer dejjaq tul il-baħar jifforma żona ta’ foresti li dejjem iħaddru tal-ballut u tal-arbuxell, dinja ta’ pjanti li hija karatteristika dinjija tar-reġjun tal-Mediterran. Il-foresti deċidwi tal-ballut żajbri u tal-karpin Orjentali huma l-aktar forma mifruxa ta’ veġetazzjoni tal-foresti fl-Istrija, mifruxa fuq il-biċċa l-kbira tal-art kontinentali tal-Istrija, mill-faxxa tal-veġetazzjoni li dejjem tħaddar li jestendu sa ħdejha, sal-partijiet ċentrali tal-Istrija. Dan it-tip ta’ veġetazzjoni huwa ddominat mill-ballut żajbri jew mill-ballut komuni, li, flimkien mal-ballut tal-olm, huwa sors sinifikanti ta’ qtar tal-għasel. Is-siġar tal-qastan jinstabu fuq l-inklinazzjonijiet ta’ Učka, fuq Lovran, u fl-Istrija tal-Punent (Bujština), prinċipalment fil-foresti tal-karpin Orjentali u tal-ballut żajbri, minħabba l-ħamrija aċiduża fonda ffurmata fuq il-ħamrija ħamra preċedenti. Dawn il-gruppi tal-qastan ħelu jipprovdu ammonti suffiċjenti ta’ nektar, u jqiegħdu ż-żona definita f’kategorija ta’ reġjuni Kroati li għadha ppreservata sew, fejn huwa possibbli li jiġi prodott għasel tal-qastan li huwa eċċezzjonalment uniflorali. Hemm komunità mifruxa ta’ salvja mediċinali u ħaxix tal-istipa prinċipalment fil-partijiet tax-Xlokk tal-Istrija, li jintużaw bħala pjanti tal-mergħat, li jipprovdu ammonti sinifikanti ta’ nektar u jiżguraw il-produzzjoni tal-aktar tip ta’ għasel prezzjuż li huwa karatteristiku għall-klima Mediterranja: l-għasel tas-salvja. Fl-istess ħin, din iż-żona hija l-punt l-aktar fit-Tramuntana li fih is-salvja mediċinali hija mifruxa fil-forma nattiva tagħha. Iż-żona tal-ballut żajbri u tal-ħaxix tax-xagħri hija l-aktar parti diversa tal-Istrija f’termini tal-veġetazzjoni. Il-biċċa l-kbira tal-gruppi tar-robinja jinsabu fil-parti ċentrali u tat-Tramuntana, iżda xi wħud jestendu aktar fiż-żona tal-klima tal-Mediterran, fejn jingħaqdu mal-flora tal-Mediterran biex jipprovdu riżorsi tan-nektar. Dan, flimkien mal-ispeċijiet ewlenin tal-pjanti, jaffettwa l-ispeċifiċità tal-għasel tar-robinja.

F’deskrizzjoni tal-flora tal-arċipelagu ta’ Cres-Lošinj, Wallnöfer (2008) jiddikjara li mill-1 130 unità tassonomika rreġistrata, 253 ġew irrappurtati għal Cres biss, u 273 għal Lošinj biss. Fil-parti fit-Tramuntana sub-Mediterranja tal-gżira ta’ Cres, l-aktar komunitajiet sinifikanti ta’ veġetazzjoni tal-blat huma l-mergħat tas-salvja mediċinali, u l-komunità taż-żwien u tal-koeleria. Iż-żona ta’ Osoršćice tgħodd madwar 700 speċi ta’ pjanti, li jammontaw għal żewġ terzi tal-flora totali ta’ Lošinj.

Milloš Furlan (2007) jgħid dwar il-karatteristiċi tal-mergħat tan-naħal fl-Istrija Slovena li “iż-żona għandha kważi l-mergħat staġjonali tipiċi kollha, mill-bidu tar-rebbiegħa sal-mergħat ewlenin tar-robinja (akaċja) u l-mergħat tal-qastan ħelu u tal-ħarifa fuq il-veġetazzjoni tal-ħarifa, segwiti mill-feġġ tal-qtar tal-għasel fuq is-siġar, u l-possibbiltà li jinġabru sustanzi ħelwin fuq diversi frott misjur, bħat-tin, l-għeneb u l-bqija.”

5.2   Speċifiċità tal-prodott

L-ispeċifiċità tal-“Istarski med” / “Istrski med” tiġi mir-riżorsi naturali li fuqhom hija bbażata l-produzzjoni tagħha. Bħala prodott tal-ikel rari, l-għasel, minħabba l-ispeċifiċità tiegħu (il-preżenza ta’ frak tat-trab tad-dakra), jipprovdi illustrazzjoni tajba taż-żona li fiha jiġi prodott. L-Istrija, li tinsab fuq il-fruntiera bejn żewġ reġjuni bijoġeografiċi – Mediterranji u kontinentali – hija reġjun eċċezzjonali fir-rigward tal-flora.

Proporzjonijiet kbar tal-ispeċijiet tal-pjanti li ġejjin jinsabu fl-għasel tal-ħarrub iswed: Fraxinus, pjanti tal-familja Rhamnaceae, Salix, Loranthus europaeus, Cotinus coggyria, Prunus f., Vicia, Trifolium pratense gr., Coronilla/Hippocrepis, Chamaerops u Filipendula, filwaqt li diversi studji jindikaw li l-proporzjon karatteristiku tat-trab tad-dakra tar-robinja jvarja minn 7 % sa 60 %, għalhekk meta tiġi ddeterminata l-oriġini, tingħata attenzjoni għall-identifikazzjoni ta’ karatteristiċi fiżiċi jew kimiċi speċifiċi.

Aktar konferma tal-oriġini tal-kampjuni tal-għasel tar-robinja ġiet ipprovduta mill-valuri baxxi ħafna ta’ konduttività elettrika li nstabu (0,11-0,18 mS/cm), peress li dawk il-valuri huma tipiċi għall-għasel tar-robinja.

Ġie osservat ukoll nuqqas sħiħ ta’ kristallizzazzjoni tal-għasel – proprjetà li normalment hija assoċjata mal-preżenza tan-nektar taż-żerriegħa tal-kolza. Minħabba n-nuqqas ikkonfermat tal-frak tat-trab tad-dakra taż-żerriegħa tal-kolza, nistgħu nikkonkludu li din hija karatteristika speċifika tal-għasel tal-ħarrub iswed mill-peniżola Istrijana.

L-għasel tal-qastan huwa magħruf li għandu kwantità għolja ta’ trab tad-dakra, li dejjem jammonta għal aktar minn 90 % f’kampjuni mill-Istrija. Barra minn hekk, l-ispettru tat-trab tad-dakra tal-għasel tal-qastan mill-Istrija huwa differenti minn dak prodott f’pajjiżi ġirien bħal fir-reġjun tal-Alpi tal-Italja, fejn jiddomina t-trab tad-dakra tal-ispeċijiet tal-pjanti tal-veġetazzjoni tal-muntanji bħall-pjanti tal-familji Ericaceae u Tilia.

Fil-kampjuni tal-għasel tan-nwar, it-trab tad-dakra li nstab fi proporzjonijiet sinifikanti kien minn Castanea u Prunus f. u fi proporzjonijiet aktar baxxi minn Rubus f., Clematis, Castanea, Brassica f., Umbelliferae/Apiaceae, pjanti tal-familja Rhamnaceae, Trifolium repens gr., Vicia, Melilotus u Coronilla/Hippocrepis. L-ispeċifiċità tal-ispettru tat-trab tad-dakra hija appoġġjata aktar mill-preżenza ta’ trab tad-dakra mill-ispeċijiet tal-pjanti li ġejjin li tipikament jinsabu fir-reġjun: Ailanthus, Loranthus, Asparagus acutifolius, Aesculus u Cotinus coggyria.

Minbarra t-tipi ta’ għasel tan-nektar, dawk li jrabbu n-naħal fl-Istrija jipproduċu wkoll għasel milll-qtar tal-għasel deċidwu b’karatteristiċi speċifiċi. Analiżijiet tal-kampjuni tal-għasel urew li l-proporzjon tal-elementi tal-ġulepp tal-għasel għall-frak tat-trab tad-dakra mill-ispeċijiet tal-pjanti tan-nektar varja minn 2,03 sa 29,3, b’valur medjan ta’ 8,2, li huwa ferm akbar mill-valuri meħtieġa għall-klassifikazzjoni tal-għasel mill-qtar tal-għasel (> 3). Bl-istess mod, l-analiżijiet melissopalinoloġiċi kkonfermaw spettru karatteristiku tat-trab tad-dakra li fih hemm preżenti wkoll trab tad-dakra ta’ speċijiet ta’ pjanti mhux tan-nektar bħal Fraxinus, Quercus, Plantago u Gramineae/Pocaeae. Barra minn hekk, l-ispettru karatteristiku tat-trab tad-dakra tal-ispeċijiet tal-pjanti tan-nektar jinkludi pjanti tal-familja Rhamnaceae u Prunus f., li kienu preżenti f’100 % tal-kampjuni, segwiti minn Castanea, Rubus f., Compositae T, Brassica f., Asparagus acutifolius u Clematis, filwaqt li Cotinus coggyria u Aesculus instabu fi proporzjonijiet kemxejn aktar baxxi.

L-ispeċifiċità tal-għasel tas-salvja mill-Istrija hija riflessa fl-oriġini botanika tiegħu u fil-preżenza akbar ta’ trab tad-dakra minn Robinia pseudoacacia, Rosaceae, Ligustrum vulgare, Fabaceae, Ericaceae, Acer spp., Lotus spp. u Salix spp. Huwa differenti mill-għasel tas-salvja mit-Tramuntana tal-Adrijatiku, fejn il-biċċa l-kbira tat-trab tad-dakra li jinstab jiġi minn Rhamnaceae, Acer spp., Castanea sativa, Myosotis spp., Prunus spp. u Rubus spp., filwaqt li l-ispettru tat-trab tad-dakra fid-Dalmazja huwa kkaratterizzat mill-preżenza ta’ trab tad-dakra mill- Paliurus spina christi, Erica arborea, Trifolium pratense, Melilotus spp., Centaurea jacea u Apiaceae.

Fuq il-bażi tal-ispettru tat-trab tad-dakra li nstab f’kampjuni tal-għasel tas-sagħtrija tax-xitwa li ġew analizzati, proporzjon kbir tat-trab tad-dakra kien minn Hedera helix, Fabaceae, Tilia spp., Rosaceae, Castanea sativa, Echium vulgare u Liliaceae. Dan huwa differenti b’mod sinifikanti mill-kampjuni tal-għasel minn Spanja, fejn trab tad-dakra minn Diplotaxis spp., Onobrychis vicifolia, Centaurea spp., Lavandula latifolia, Thymus spp. u Apiaceae jippredominaw.

Analiżijiet tal-kampjuni tal-għasel tat-tilju wrew li proporzjon kbir tat-trab tad-dakra huwa minn Rosaceae, Paliurus spina christi, Fabaceae, Castanea sativa, Asteraceae (il-ġeneru Solidago), Liliaceae, Centaurea spp. u Asteraceae. Billi jitqabblu l-ispeċijiet tal-pjanti identifikati, huwa ovvju li huma differenti minn dawk li jinsabu fl-għasel tat-tilju mill-Italja, fejn il-biċċa l-kbira tat-trab tad-dakra li nstab kien minn Rubus spp., Trifolium repens, Robinia pseudoacacia, Ailanthus altissima, Amorpha spp. u Acer spp., filwaqt li l-ispettru tat-trab tad-dakra tal-għasel tat-tilju mir-Rumanija huwa kkaratterizzat mill-preżenza ta’ trab tad-dakra mill-Brassica napus, Helianthus annuus, Melilotus spp. u Solidago spp.

Dawn l-istudji u l-analiżijiet xjentifiċi li jidentifikaw taħlita ta’ trab tad-dakra minn speċijiet ta’ pjanti kontinentali u Mediterranji jindikaw li l-“Istarski med” / “Istrski med” huwa differenti mill-għasel prodott f’reġjuni oħra. Il-proporzjonijiet tat-trab tad-dakra ta’ diversi speċijiet tal-pjanti jikkontribwixxu wkoll għall-karatteristiċi fiżikokimiċi u organolettiċi speċifiċi (kulur, togħma, riħa) tal-“Istarski med” / “Istrski med” meta mqabbla mal-istess tipi ta’ għasel minn żoni ġeografiċi oħra. L-“Istarski med” / “Istrski med” huwa kkaratterizzat ukoll mill-freskezza tiegħu (valur massimu tal-HMF ta’ 15,0-il % mg/kg) u kontenut tal-ilma sa 18,6-il %. Biex jiġu ppreservati dawn il-proprjetajiet, l-“Istarski med” / “Istrski med” ma jgħaddix minn trattament intensiv bis-sħana, filwaqt li jiġi żgurat li l-proprjetajiet tiegħu derivati mill-flora speċifika taż-żona tal-produzzjoni jiġu ppreservati.

5.3   Rabta kawżal bejn l-ispeċifiċità taż-żona ġeografika u l-ispeċifiċità tal-prodott

L-Istrija hija żona agroekoloġika unika li hija varjata ħafna f’termini ta’ riżalt, ħamrija, ġeomorfoloġija u klima. L-interazzjoni ta’ dawn il-fatturi tirriżulta f’kompożizzjoni floristika tipika li tifforma l-bażi għall-produzzjoni ta’ varjetà ta’ tipi ta’ għasel. Il-varjetà u r-rikkezza ta’ din il-kompożizzjoni floristika jaffettwaw direttament l-ispeċifiċità tal-“Istarski med” / “Istrski med”, li hija riflessa fit-togħmiet u l-irwejjaħ speċifiċi tiegħu. It-taħlita tal-proporzjonijiet tat-trab tad-dakra li jinsab f’ċerti tipi ta’ għasel tagħtihom karatteristiċi organolettiċi speċifiċi (kulur, riħa u togħma) li huma differenti minn kampjuni tal-istess tip ta’ għasel minn żoni ġeografiċi oħra. Matul iż-żmien, dawk li jrabbu n-naħal fl-Istrija kkontribwew għall-proprjetajiet speċifiċi tal-għasel billi saru familjari mal-kompożizzjoni botanika u l-karatteristiċi klimatiċi tad-diversi mikrożoni, u b’hekk setgħu jsegwu b’mod aktar preċiż il-fażijiet fiċ-ċiklu tal-ħajja ta’ ċerti pjanti li jipproduċu l-għasel. Billi josservaw b’attenzjoni n-natura u l-klima, dawk li jrabbu n-naħal fl-Istrija jistgħu jiddeterminaw b’mod preċiż fejn u meta għandhom ipoġġu l-kaxxi tan-naħal tagħhom, jew meta jibdew l-estrazzjoni tal-għasel, sabiex jiksbu l-karattru tipiku u l-grad għoli ta’ purità tan-nektar. Dawn il-prattiki jikkontribwixxu għall-karattru uniflorali ħafna tal-għasel. L-ispeċifiċità tal-kundizzjonijiet pedoklimatiċi taż-żona tal-produzzjoni, l-esperjenza ta’ ħafna snin ta’ dawk li jrabbu n-naħal, u t-tradizzjoni tal-produzzjoni li tmur lura għall-bidu tal-aħħar seklu u mgħoddija minn ġenerazzjoni għal oħra, fl-aħħar mill-aħħar jagħmlu l-“Istarski med” / “Istrski med” prodott li jintgħaraf mill-konsumaturi.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

https://poljoprivreda.gov.hr/UserDocsImages/dokumenti/hrana/proizvodi_u_postupku_zastite-zoi-zozp-zts/Specifikacija%20Istarski%20med%2026-4-2023.doc

https://www.gov.si/assets/ministrstva/MKGP/PODROCJA/HRANA/SHEME-KAKOVOSTI/CERTIFICIRANI-PROIZVAJALCI-IZBRANA-KAKOVOST/CERTIFICIRANI-PROIZVAJALCI-ZASCITENIH-KMETIJSKIH-PRIDELKOV/Istrski_med_Istarski_med.pdf


(1)   ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1151/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2110/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)