28.7.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 267/25


P9_TA(2023)0021

Talba għall-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet ta' Helmut Geuking

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta’ Frar 2023 dwar it-talba għall-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet ta' Helmut Geuking (2022/2052(IMM))

(2023/C 267/04)

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra t-talba ta' Helmut Geuking, tal-11 ta' Mejju 2022 u mħabbra fis-seduta plenarja fit-18 ta' Mejju 2022, fid-dawl tal-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet tiegħu fil-qafas tal-proċedimenti ċivili pendenti quddiem il-Qorti Reġjonali ta' Hamburg (bir-referenza 324 O 276/20),

—

wara li sema' lil Helmut Geuking, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

—

wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011, fis-17 ta' Jannar 2013 u fid-19 ta' Diċembru 2019 (1),

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 5(2), l-Artikolu 7 u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0013/2023),

A.

billi Helmut Geuking, Membru tal-Parlament Ewropew, talab li titħares l-immunità parlamentari tiegħu fil-qafas tal-proċedimenti ċivili quddiem il-Qorti Reġjonali ta' Hamburg;

B.

billi kumpanija Ġermaniża, waħda mis-sussidjarji tagħha u espert fir-riorganizzazzjonijiet tal-kumpaniji impjegati minn dawn tal-aħħar qed iħarrku lil Helmut Geuking għal rimedju b'mandat ta' inibizzjoni, kumpens monetarju u danni, b'rabta mad-dikjarazzjonijiet li għamel kontra l-ilmentaturi mill-bini tal-Parlament Ewropew fi Brussell u f'filmat ippubblikat fuq YouTube u f'gazzetta lokali Ġermaniża f'Mejju u Ġunju 2020 rispettivament; billi f'dawk id-dikjarazzjonijiet Helmut Geuking allegatament ikkritika lill-kumpanija Ġermaniża talli applikat għall-insolvenza tal-kumpanija sussidjarja u talli tat is-sensja lil 200 impjegat mingħajr pakkett ta' terminazzjoni tal-impjieg filwaqt li fl-istess ħin sponsorja tim tal-futbol Ġermaniż għal ammont ekwivalenti għall-indennizzi li, fl-opinjoni tiegħu, kellhom jitħallsu lill-impjegati li tkeċċew;

C.

billi, sadanittant, id-dikjarazzjoni bil-vidjo tħassret minn Helmut Geuking;

D.

billi l-immunità minn proċedimenti ġudizzjarji li jgawdu l-Membri tal-Parlament Ewropew tkopri wkoll l-immunità minn proċedimenti ċivili;

E.

billi, sabiex tkun effettiva, din il-protezzjoni trid tkopri kemm l-applikazzjoni għal miżuri provviżorji kif ukoll il-kawżi prinċipali;

F.

billi l-Parlament għandu diskrezzjoni wiesgħa dwar id-direzzjoni li jixtieq jagħti lil deċiżjoni wara talba mill-Membru tiegħu għall-ħarsien tal-immunità (2);

G.

billi l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, jiddikjara li “Membri tal-Parlament Ewropew m'għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta' investigazzjoni, detenzjoni jew proċedimenti ġudizzjarji, fir-rigward ta' opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom”;

H.

billi d-dikjarazzjonijiet magħmula minn Helmut Geuking saru b'mod ċar fil-kapaċità tiegħu bħala Membru sħiħ tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tal-Parlament Ewropew, li huwa l-kumitat responsabbli għall-politika tal-impjiegi u l-aspetti kollha tal-politika soċjali inklużi l-kundizzjonijiet tax-xogħol, is-sigurtà soċjali, l-inklużjoni soċjali u l-protezzjoni soċjali u d-drittijiet tal-ħaddiema (fost l-oħrajn) u billi għalhekk jidher li dawk id-dikjarazzjonijiet saru fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-mandat tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew;

I.

billi, barra minn hekk, f'dan il-każ l-ammont ta' danni mitluba mill-ilmentaturi, inklużi l-inibizzjoni, id-danni u l-kumpens monetarju, jammontaw għal EUR 620 000 u għalhekk jidhru li jixbhu “danni punittivi”, jiġifieri l-ammont mitlub għandu jkun primarjament maħsub bħala deterrent kontra ripetizzjoni tad-dikjarazzjoni minn Helmut Geuking u biex jipprevjeni imitaturi potenzjali milli jagħmlu dikjarazzjonijiet simili; billi d-dikjarazzjoni bil-vidjo tħassret minnufih minn Helmut Geuking; billi, barra minn hekk, fiż-żmien meta saru d-dikjarazzjonijiet minn Helmut Geuking, kien diġà għaddej dibattitu pubbliku permezz ta' diversi rapporti tal-media, bir-rikorrenti fil-proċedimenti ċivili jħallu dawk ir-rapporti apparentement mingħajr tweġiba;

J.

billi l-għan tal-immunità parlamentari huwa li tipproteġi lill-Parlament u lill-Membri tiegħu minn proċedimenti ġudizzjarji relatati ma' attivitajiet imwettqa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari u li huma inseparabbli minn dawn l-attivitajiet;

K.

billi, skont l-Artikolu 5 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu fir-rigward ta' privileġġi u immunitajiet, il-Parlament għandu jaġixxi biex iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġiżlattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta' dmirijiethom;

1.   

Jiddeċiedi li jħares il-privileġġi u l-immunitajiet ta' Helmut Geuking;

2.   

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi u lil Helmut Geuking.


(1)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/06, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Diċembru 2019, Junqueras Vies, C-502/19, ECLI:EU:C:2019:1115.

(2)  Il-kawża T-42/06, Gollnisch vs il-Parlament, ikkwotata hawn fuq, il-paragrafu 101.