|
16.2.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 43/8 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/222
tal-15 ta' Frar 2018
li jemenda l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-monitoraġġ tal-kontaminazzjoni virali u batterjoloġika tal-molluski bivalvi
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mar-regoli dwar is-saħħa tal-annimali u l-welfare tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 32(5) u (6) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistabbilixxi l-kompiti u r-rekwiżiti ġenerali għal-laboratorji ta' referenza tal-Unjoni Ewropea (“il-laboratorji ta' referenza tal-UE”) għall-ikel u l-għalf u għas-saħħa tal-annimali. Il-laboratorji ta' referenza tal-UE maħturin qegħdin elenkati fl-Anness VII ta' dak ir-Regolament, u fosthom dak li hu responsabbli mill-monitoraġġ tal-kontaminazzjoni virali u batterjoloġika tal-molluski bivalvi. |
|
(2) |
Fil-31 ta' Diċembru 2018 se tintemm il-ħatra tal-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-monitoraġġ tal-kontaminazzjoni virali u batterjoloġika tal-molluski bivalvi, li jinsab fir-Renju Unit, minħabba n-notifika tar-Renju Unit skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. |
|
(3) |
Billi s-Salmonella, Escherichia coli u l-viruses huma r-riskji ewlenin ta' oriġini alimentari mill-molluski bivalvi, il-laboratorji ta' referenza tal-UE għall-analiżi u l-ittestjar taż-żoonożijiet (salmonella), jenħtieġ li l-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-Escherichia coli inkluża l-Verotoxigenic E. coli (VTEC) u l-laboratorju ta' referenza għall-vajrusijiet li jittieħdu mill-ikel iwettqu t-testijiet analitiċi rispettivi għas-salmonella, għall-E. coli u għall-vajrusijiet li sa issa kienu jitwettqu mil-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-monitoraġġ tal-kontaminazzjoni virali u batterjoloġika tal-molluski bivalvi. Jenħtieġ li l-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-monitoraġġ tal-bijotossini marini jassumi l-attivitajiet marbutin mal-klassifikazzjoni u l-monitoraġġ taż-żoni ta' produzzjoni ta' molluski bivalvi. Għaldaqstant ma għadux meħtieġ laboratorju ta' referenza tal-UE għall-monitoraġġ tal-kontaminazzjoni virali u batterjoloġika tal-molluski bivalvi, u jenħtieġ li dan jitħassar mil-lista li tinsab fl-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004. |
|
(4) |
Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 882/2004 jiġi emendat skont dan. |
|
(5) |
Biex ma jiġux interrotti l-attivitajiet li fil-preżent qegħdin jitwettqu mil-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-monitoraġġ tal-kontaminazzjoni virali u batterjoloġika tal-molluski bivalvi, jixraq li l-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament jibdew japplikaw mill-1 ta' Jannar 2019. |
|
(6) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fil-Parti I tal-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, jitħassar il-punt 4.
Artikolu 2
L-laboratorji ta' referenza tal-UE għall-analiżi u l-ittestjar taż-żoonożijiet (salmonella), il-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-Escherichia coli inkluża l-Verotoxigenic E. coli (VTEC) u l-laboratorju ta' referenza għall-viruses li jittieħdu mill-ikel għandhom jassumu l-attivitajiet li sa issa twettqu mil-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-monitoraġġ tal-kontaminazzjoni virali u batterjoloġika tal-molluski bivalvi fir-rigward tat-testijiet analitiċi għas-salmonella, għall-E. coli u għall-vajrusijiet, rispettivament.
L-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-monitoraġġ tal-bijotossini marini għandu jassumi l-attivitajiet marbutin mal-klassifikazzjoni u l-monitoraġġ taż-żoni ta' produzzjoni ta' molluski bivalvi.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2019.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Frar 2018.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER