21.9.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 246/47


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta’ l-20 ta’ Settembru 2007

dwar in-noninklużjoni tal-benfuracarb fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ l-awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom din is-sustanza

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 4285)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2007/615/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti (1), u b’mod partikolari r-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(2) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE jistipola li Stat Membru jista’, matul perjodu ta’ tnax-il sena min-notifika ta’ dik id-Direttiva, jawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom sustanzi attivi mhux elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva li diġà jinsabu fis-suq sentejn wara d-data tan-notifika, filwaqt li dawk is-sustanzi jkunu qegħdin jiġu eżaminati bil-mod fil-qafas ta’ programm ta’ ħidma.

(2)

Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 451/2000 (2) u (KE) Nru 703/2001 (3) jistipulaw ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tat-tieni stadju tal-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE u jistabbilixxu lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu evalwati bil-għan li jiġu possibbilment inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Din il-lista tinkludi l-benuracarb.

(3)

Għall-benfuracarb, l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent ġew eżaminati skond id-dispożizzjonijiet stipulati fir-Regolamenti (KE) Nru 451/2000 u (KE) Nru 703/2001 għal firxa ta’ użi proposti min-notifikant. Barra minn hekk, dawn ir-regolamenti jaħtru lill-Istati Membri li jaġixxu bħala Relatur li għandhom jippreżentaw ir-rapporti ta’ valutazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà ta’ l-Ikel (EFSA) skond l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 451/2000. Għall-benfuracarb, l-Istat Membru Relatur kien il-Belġju u t-tagħrif kollu rilevanti tressaq fis-2 ta’ Awwissu 2004.

(4)

Ir-rapport ta’ valutazzjoni saritlu reviżjoni inter pares mill-Istati Membri u mill-EFSA fil-Valutazzjoni tal-Grupp ta’ Ħidma tiegħu u tressaq quddiem il-Kummissjoni fit-28 ta’ Lulju 2006 fil-format tal-konklużjoni ta’ l-EFSA fir-rigward tar-reviżjoni inter pares tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva benfuracarb. Dan ir-rapport ġie rivedut mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta’ l-Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimali u ġie ffinalizzat fis-16 ta’ Marzu 2007 fil-format tar-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni għall-benfuracarb.

(5)

Matul il-valutazzjoni ta’ din is-sustanza attiva, ġie identifikat xi tħassib. Il-benfuracarb hija sustanza li l-metabolit ewlieni tagħha huwa l-carbofuran, minnu nnifsu sustanza attiva li ġiet riveduta taħt id-Direttiva 91/414. L-użu ta’ benfuracarb iwassal għall-preżenza tal-metabolit carbofuran li huwa konsiderevolment aktar tossiku mill-kompost prinċipali benfuracarb. Għar-residwi tal-carbofuran, li jirriżultaw mill-użu tal-benfuracarb, il-valutazzjoni qajmet tħassib dwar l-esponiment akut ta’ gruppi vulnerabbli ta’ konsumaturi, b’mod partikolari, t-tfal. Madankollu, l-EFSA qalet li mhuwiex possibbli li ssir valutazzjoni kompleta tar-riskju għall-konsumaturi minħabba f’nuqqas ta’ data fid-dokument imressaq min-notifikant. Barra minn hekk, id-data allokata fi ħdan il-limiti taż-żmien stipulati legalment ma kinetx biżżejjed għall-EFSA biex tippermetti valutazzjoni sħiħa tar-riskju tal-kontaminazzjoni ta’ l-ilma ta’ taħt l-art mill-metaboliti barra l-carbofuran. Fl-aħħar, abbażi tad-data disponibbli, ma ntweriex li r-riskju għall-għasafar u l-mammiferi, għall-organiżmi akwatiċi, l-organiżmi ta’ l-art, għall-ħniex u għal organizmi oħra li mhumiex fil-mira, huwa aċċettabbli. Konsegwentement, ma kienx possibbli li tintlaħaq konklużjoni fuq il-bażi tat-tagħrif disponibbli li l-benfuracarb laħaq il-kriterji għall-inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

(6)

Il-Kummissjoni stiednet lin-notifikant sabiex iressaq il-kummenti tiegħu dwar ir-riżultati tar-reviżjoni esperta u dwar jekk kienx beħsiebu jkompli jappoġġja s-sustanza. In-notifikant ressaq il-kummenti tiegħu li ġew eżaminati bir-reqqa. Madankollu, minkejja l-argumenti mressqa min-notifikant, it-tħassib imsemmi hawn fuq baqa’ ma ssolviex, u l-valutazzjonijiet li saru abbażi tat-tagħrif ippreżentat u vvalutat matul il-laqgħat esperti ta’ l-EFSA ma wrewx li wieħed jista’ jistenna li, fil-kundizzjonijiet proposti ta’ użu, prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-benfuracarb jissodisfaw b’mod ġenerali r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE.

(7)

Għalhekk, il-benfuracarb m’għandux jiġi inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

(8)

Għandhom jittieħdu miżuri sabiex ikun assigurat li awtorizzazzjonijiet mogħtija għall-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-benfuracarb jiġu rtirati f’perjodu ta’ żmien preskritt u li ma jiġġeddux, u li ma tingħata l-ebda awtorizzazzjoni ġdida lil dawn il-prodotti.

(9)

Kwalunkwe perjodu ta’ konċessjoni mogħti minn Stat Membru għar-rimi, il-ħażna, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-ħażniet eżistenti ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-benfuracarb, għandu jkun limitat għal perjodu ta’ tnax-il xahar biex jippermetti li l-ħażniet eżistenti jkunu użati fi staġun wieħed ieħor ta’ tkabbir, li jiżgura li l-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-benfuracarb jistgħu jibqgħu jinkisbu mill-bdiewa sa 18-il xahar mill-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(10)

Din id-deċiżjoni ma tippreġudikax it-tressiq ta’ applikazzjoni għall-benfuracarb skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6 (2) tad-Direttiva 91/414/KEE fid-dawl ta’ l-inklużjoni possibbli fl-Anness I tagħha.

(11)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u Saħħet l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-benfuracarb m’għandux jiġi inkluż bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

l-awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-benfuracarb ikunu rtirati sa l-20 ta’ Marzu 2008;

(b)

l-ebda awtorizzazzjoni għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-benfuracarb m’hija se tingħata jew tiġġedded mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Kull perjodu ta’ konċessjoni mogħti mill-Istati Membri skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 91/414/KEE, għandu jkun mill-iqsar possibbli u għandu jiskadi mhux aktar tard mill-20 ta’ Marzu 2009.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 20 ta’ Settembru 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/52/KE (ĠU L 214, 17.8.2007, p. 3).

(2)   ĠU L 55, 29.2.2000, p. 25. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1044/2003 (ĠU L 151, 19.6.2003, p. 32).

(3)   ĠU L 98, 7.4.2001, p. 6.