|
17.1.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 12/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/75
tal-21 ta' Novembru 2016
dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll għall-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 217, flimkien mal-Artikolu 218(5) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Att tal-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja, u b'mod partikolari, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Bosnja-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, (“l-FSA”) ġie ffirmat fis-16 ta' Ġunju 2008 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2015 (1). |
|
(2) |
Ir-Repubblika tal-Kroazja saret Stat Membru tal-Unjoni fl-1 ta' Lulju 2013. |
|
(3) |
F'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tal-Att tal-2012 dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tal-Kroazja mal-FSA għandha tiġi miftiehma permezz tal-konklużjoni ta' protokoll għall-FSA mill-Kunsill, li jaġixxi unanimament f'isem l-Istati Membri, u mill-pajjiż terz ikkonċernat. |
|
(4) |
Fl-24 ta' Settembru 2012, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni, f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika tal-Kroazja, biex tiftaħ negozjati mal-Bosnija-Ħerzegovina għall-adattament ta' ftehimiet iffirmati jew konklużi bejn l-Unjoni jew l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ma' pajjiż terz wieħed jew aktar jew ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, fid-dawl tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni. |
|
(5) |
Dawk in-negozjati tlestew b'suċċess u l-Protokoll għall-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Bożnja-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (“il-Protokoll”) ġie inizjalat fit-18 ta' Lulju 2016. |
|
(6) |
Il-Protokoll jinħtieġ li jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard. |
|
(7) |
Il-konklużjoni tal-Protokoll hija s-soġġett ta' proċedura separata fir-rigward ta' kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika. |
|
(8) |
Il-Protokoll jinħtieġ li jkun applikat fuq bażi provviżorja, sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għall-konklużjoni tiegħu, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar f'isem l-Unjoni u l-Istat Membri tagħha tal-Protokoll għall-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Bosnija-Ħerzegovina min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Protokoll.
It-test tal-Protokoll huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Protokoll f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.
Artikolu 3
Il-Protokoll għandu jiġi applikat fuq bażi provviżorja, skont l-Artikolu 8(2) tiegħu, mill-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data tal-firma tiegħu (2), sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għall-konklużjoni tiegħu.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Novembru 2016.
Għall-Kunsill
Il-President
P. PLAVČAN
(1) ĠU L 164, 30.6.2015, p. 2.
(2) Id-data li minnha għandu jiġi applikat proviżorjament il-Protokoll ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.