SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Id‑Disa’ Awla)
6 ta’ Ġunju 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2003/87/KE – Il-punt 5 tal-Anness I – Tniġġis atmosferiku – Sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra – Esklużjoni tal-impjanti għall-inċinerazzjoni ta’ skart perikoluż jew muniċipali – Rilevanza tal-għan ta’ inċinerazzjoni”
Fil-Kawża C‑166/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Svea hovrätt, Mark- och miljööverdomstolen (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma, Sezzjoni Art u Ambjent, l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Marzu 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Marzu 2023, fil-kawża
Naturvårdsverket
vs
Nouryon Functional Chemicals AB,
IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Id‑Disa’ Awla),
komposta minn O. Spineanu‑Matei, Presidenta tal-Awla, J.‑C. Bonichot (Relatur) u S. Rodin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Carlin, B. De Meester u G. Wils, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 5 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631), kif emendata bid-Direttiva 2018/410/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Marzu 2018 (ĠU 2018, L 76, p. 3) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/87”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn in-Naturvårdsverket (l-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent, l-Isvezja) (iktar ’il quddiem l-“Aġenzija”) u Nouryon Functional Chemicals AB (iktar ’il quddiem “Nouryon”), kumpannija Svediża, dwar deċiżjoni ta’ din l-aġenzija li tordna lil Nouryon tikkompleta l-pjan ta’ monitoraġġ tagħha fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Direttiva 2003/87
|
3 |
Il-premessa 25 tad-Direttiva 2003/87 hija fformulata kif ġej: “Il-politiki u l-miżuri għandhom jiġu implimentati fil-livell ta’ l-Istati Membri u tal-Unjoni fis-setturi kollha ta’ l-ekonomija ta’ l-Unjoni Ewropea, u mhux biss ġewwa l-industrija u s-setturi ta’ l-eneriġja, sabiex jiġi ġġenerat tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet. […]” |
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-materja tas-suġġett”, jipprovdi: “Din id-Direttiva tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti għall-emissjoniji tal-gassijiet serra ġewwa l-Unjoni (minn issa ‘l quddiem imsjħa l-“EU ETS”) sabiex tippromwovi t-tnaqqis ta’ l-emissjoni tal-gassijiet serra b’manjiera effettiva rigward spejjez u effiċjenza ekonomika.” |
|
5 |
Skont l-Artikolu 2, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, tal-imsemmija direttiva: “(1) Din id-Direttiva għandha tapplika għall-emissjonijiet mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I u għall-gassijiet serra elenkati fl-Annes II. (2) Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal kull ħtieġa skond id-[Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE ta’ l‑24 ta’ Settembru 1996 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (ĠU 1996, L 257, p. 26)]. […]” |
|
6 |
L-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87 jiddefinixxi “stallazzjoni” bħala “unità teknika stazzjonarja fejn jitwettqu attività jew iktar elenkati fl-Anness I u kull attività oħra assoċjata direttament li jkollha konnessjoni teknika ma’ l-attivitajiet imwettqa fuq is-sit u li jista’ jkollhom effett fuq l-emissjonijiet u t-tniġġiż”. |
|
7 |
L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprevedi: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mill‑1 ta’ Jannar 2005, l-ebda istallazzjoni ma twettaq xi attività mniżżla fl-Anness I li tirriżulta f’emissjonijiet speċifikati fir-rigward ta’ dik l-attività sakemm l-operaturi tagħha ma jkollhomx permess maħruġ minn awtorità kompetenti konformement mal-Artikoli 5 u 6, jew l-istallazzjoni ma tiġix eskluża mill-EU ETS taħt l-Artikolu 27. Din għandha tapplika wkoll għal istallazzjonijiet magħżula taħt l-Artikolu 24.” |
|
8 |
L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “1. L-awtorità kompetenti għandha toħroġ permess għall-emissjoni tal-gassijiet serra li jagħti awtorizzazzjoni għall-emissjoni tal-gassijiet serra dinja minn stallazzjoni fl-intier tagħha jew f’parti minnha jew tkun sodisfatta illi l-operatur huwa kapaċi li jimmonitorja u jirrapporta l-emissjonijiet. Permess għall-emissjoni tal-gassijiet serra jista’ jkopri stallazzjoni jew iktar fuq l-istess sit imħaddma mill-istess operatur. 2. Il-permessi għall-emissjoni tal-gassijiet serra għandu jkun fihom dan li ġej:
|
|
9 |
L-Artikolu 14 tal-istess direttiva jipprovdi: “1. Il-Kummissjoni [Ewropea] għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni rigward l-arranġamenti dettaljati għall-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet […] li għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji għall-monitoraġġ u r-rapportar stabbiliti fl-Anness IV ta’ din id-Direttiva u r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 2 u 5 ta’ dan l-Artikolu. […] […] 3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi kull operatur ta’ istallazzjoni […] jimmonitorja u jirrapporta l-emissjonijiet minn din l-istallazzjoni matul kull sena kalendarja, lill-awtorità kompetenti wara t-tmiem ta’ din is-sena konformement mal-atti msemmija fil-paragrafu 1. […]” |
|
10 |
Il-punt 5 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87 jipprovdi: “Meta l-limitu minimu ta’ kapacita ta’ kull attivita f’dan l-Anness jinstab li jkun inqabeż f’xi istallazzjoni, il-junits kollha li fihom jinħaraq karburanti, ħlief għall-impjanti għall-inċinerazzjoni ta’ skart perikoluż jew muniċipali, għandhom jiddaħħlu fil-permess għall-emissjoni tal-gassijiet serra.” |
|
11 |
L-Anness I tad-Direttiva 2003/87 jinkludi wkoll tabella li telenka l-kategoriji ta’ attivitajiet li għalihom tapplika din tal-aħħar. Fosthom hemm, rispettivament, l-ewwel u t-tlieta u għoxrin attività: “Kombustjoni ta’ fjuwils f’installazzjonijiet b’input termiku nominali totali li jaqbeż l-20 MW (ħlief f’installazzjonijiet għall-inċinerazzjoni ta’ skart perikoluż jew muniċipali) […] Il-produzzjoni ta’ sustanzi kimiċi organiċi kbar permezz tal-cracking, l-iffurmar mill-ġdid, l-ossidazzjoni parzjali jew sħiħa jew permezz ta’ proċessi simili b’kapaċità tal-produzzjoni li taqbeż il-100 tunnellata kuljum”. |
Ir‑Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066
|
12 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2066 tad‑19 ta’ Diċembru 2018 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 (ĠU 2018, L 334, p. 1), jipprevedi: “Il-monitoraġġ u r-rapportar għandhom ikunu kompluti u jkopru l-emissjonijiet kollha tal-proċess u l-kombustjoni mis-sorsi ta’ emissjonijiet u l-flussi mis-sorsi kollha li jagħmlu parti mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE u attivitajiet rilevanti oħrajn inklużi skont l-Artikolu 24 ta’ dik id-Direttiva, u tal-gassijiet serra kollha speċifikati b’rabta ma’ dawk l-attivitajiet waqt li jiġi evitat l-għadd doppju.” |
|
13 |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-regolament: “Kull operatur jew operatur ta’ inġenji tal-ajru għandu jimmonitorja l-emissjoniijet ta’ gassijiet serra fuq il-bażi ta’ pjan ta’ monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 12, b’kunsiderazzjoni tan-natura u l-funzjonament tal-installazzjoni jew tal-attività ta’ avjazzjoni li japplika għalihom.” |
|
14 |
L-Artikolu 14(2)(e) tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej: “L-operatur […] għandu jimmodifika l-pjan ta’ monitoraġġ, mill-inqas, fi kwalunkwe sitwazzjoni bħal dawn li gejjin: […]
|
Id‑Direttiva 96/61
|
15 |
Il-premessa 8 tad-Direttiva 96/61 tiddikjara: “Billi l-għan ta’ mod integrat li jwassal għal kontroll ta’ tniġġiż huwa l-prevenzjoni ta’ emissjonijiet fl-arja, fl-ilma u fil-ħamrija kulfejn dan ikun prattiku, waqt li jitqies l-immaniġġar ta’ l-iskart, u, meta dan ma jkunx il-każ, li jitnaqqsu biex jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni għall-ambjent kollu kemm hu”. |
|
16 |
L-Artikolu 3 tal-istess direttiva jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li jiddisponu li l-awtoritajiet kompetenti jiżguraw li l-istallazzjonijiet jitħaddmu b’mod illi: […]
[…]” |
Id‑dritt Svediż
|
17 |
L-Artikolu 1 tal-Kapitolu 3 tal-förordningen (2020: 1180) om vissa utsläpp av växthusgaser (ir-Regolament (2020: 1180) dwar Ċerti Emissjonijiet ta’ Gassijiet Serra, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Svediż”) jipprovdi: “Hija pprojbita l-emissjoni tal-gassijiet serra mingħajr permess minn installazzjonijiet fejn jitwettqu l-attivitajiet elenkati fl-Anness.” |
|
18 |
L-Artikolu 5 tal-Kapitolu 3 tar-Regolament Svediż jipprevedi: “Kull operatur li jkun jixtieq japplika għal permess għall-emissjoni ta’ gassijiet serra għandu jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu lill-[Aġenzija]. L-applikazzjoni għandha tinkludi: […] 3. pjan ta’ monitoraġġ.” |
|
19 |
L-istruzzjoni Nru 4 tal-Anness tar-Regolament Svediż tipprovdi: “Fejn installazzjoni taqbeż il-limitu minimu ta’ kapacita ta’ xi waħda mill-attivitajiet deskritti fil-punti 1 sa 28 tat-Taqsima “Deskrizzjoni tal-attivitajiet”, l-impjanti kollha li fihom jinħarqu l-karburanti, ħlief l-impjanti għall-inċinerazzjoni ta’ skart perikoluż jew muniċipali, għandhom jiddaħħlu fil-permess għall-emissjoni tal-gassijiet serra.” |
|
20 |
Fl-Artikolu 6 tal-lagen (2020: 1173) om vissa utsläpp av växthusgaser (il-Liġi (2020: 1173) dwar Ċerti Emissjonijiet ta’ Gassijiet Serra, iktar ’il quddiem il-“Liġi Svediża”), pjan ta’ monitoraġġ huwa ddefinit bħala “deskrizzjoni bil-miktub kif imsemmija fl-Artikolu 12 tar-regolament dwar il-monitoraġġ u r-rapportar”. Skont l-istess dispożizzjoni, ir-“regolament dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar” ifisser ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/2066. |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
21 |
Nouryon, li tinsab fi Stenungsund (l-Isvezja), timmanifattura prodotti kimiċi organiċi fi kwantitajiet kbar. Il-volum ta’ produzzjoni jaqbeż il‑100 tunnellata kuljum. |
|
22 |
Din l-attività hija eżerċitata taħt awtorizzazzjoni mogħtija matul l‑2004 skont il-miljöbalken (il-Kodiċi tal-Ambjent). Il-proċess ta’ produzzjoni jiġġenera skart perikoluż fil-forma ta’ ilmijiet mormija mill-proċess industrijali. |
|
23 |
Skont ordni provviżorja f’din l-awtorizzazzjoni, l-impriża għandha tittratta dawn l-ilmijiet f’inċineratur jew tittrattahom f’installazzjoni oħra awtorizzata għall-iskart perikoluż. Nouryon għażlet li tittratta l-ilmijiet mormija f’inċineratur li jinsab fl-installazzjoni ta’ Stenungsund. Din tal-aħħar hija ddisinjata b’mod li l-ilmijiet imniġġsa jiġu ttrasportati direttament mill-parti tal-installazzjoni fejn issir il-manifattura tal-prodotti kimiċi lejn l-inċineratur. |
|
24 |
L-inċineratur huwa użat, kważi b’mod esklużiv, sabiex jaħraq l-ilmijiet mormija mill-proċess industrijali, jiġifieri madwar 40000 tunnellata fis-sena. Billi l-kontenut enerġetiku tal-ilma huwa żgħir ħafna, l-inċinerazzjoni ssir billi jiżdied gass kombustibbli. L-enerġija ġġenerata mill-inċinerazzjoni tiġi rkuprata fil-forma ta’ fwar sabiex tiġi użata fil-proċess ta’ produzzjoni. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-enerġija meħtieġa għall-produzzjoni tiġi minn kaldarun industrijali. Matul l‑2017, 4289 tunnellata ta’ gass kombustibbli, jiġifieri l-ekwivalenti ta’ 245 terajoule, ġew ipprovduti lill-inċineratur, filwaqt li 182 terajoule ġew irkuprati. Fl-istess sena, il-kombustjoni ta’ gass kombustibbli fil-kaldarun industrijali kkorrispondiet għal madwar 726 terajoule (madwar 14069 tunnellata). L-inċineratur jarmi fl-atmosfera madwar 11500 tunnellata ta’ dijossidu tal-karbonju fis-sena, skont Nouryon, u 17000 tunnellata, skont l-Aġenzija. |
|
25 |
Barra minn hekk, l-installazzjoni hija awtorizzata speċifikament tarmi gassijiet serra fil-qafas tal-ETS. |
|
26 |
L-Aġenzija kkonstatat li l-inċineratur ta’ skart perikoluż ma kienx imsemmi fil-pjan ta’ monitoraġġ tal-installazzjoni ta’ Stenungsund u li, għalhekk, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn dan l-inċineratur ma kinux inklużi fl-emissjonijiet totali ta’ din l-installazzjoni. |
|
27 |
Konsegwentement, l-Aġenzija ordnat lil Nouryon tipprovdi pjan ta’ monitoraġġ supplimentari li jinkludi l-inċineratur. Hija sostniet li l-installazzjoni għandha tiġi awtorizzata għal kull impjant li jagħmel parti integrali minnha. |
|
28 |
Nouryon ippreżentat rikors kontra l-ordni tal-Aġenzija quddiem in-Nacka tingsrätt – Mark- och miljödomstolen (il-Qorti tal-Ewwel Istanza sedenti f’Nacka, Sezzjoni Art u Ambjent, l-Isvezja) u sostniet li, skont il-punt 5 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87, impjant għall-inċinerazzjoni ta’ skart perikoluż ma għandux jiġi inkluż fl-ETS, kemm jekk jagħmel parti integrali minn installazzjoni koperta minn din is-sistema kif ukoll jekk le. Dik il-qorti laqgħet dan l-argument u annullat l-ordni tal-Aġenzija. |
|
29 |
Din tal-aħħar appellat mis-sentenza tal-imsemmija qorti quddiem is-Svea hovrätt, Mark- och miljööverdomstolen (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma, Sezzjoni Art u Ambjent, l-Isvezja). Din il-qorti tal-aħħar qiegħda tistaqsi jekk l-inċineratur inkwistjoni jaqax taħt l-eċċezzjoni prevista fil-punt 5 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87. |
|
30 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Svea hovrätt Mark- och miljööverdomstolen (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma, Sezzjoni Art u Ambjent) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
|
31 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk il-punt 5 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-impjanti kollha għall-inċinerazzjoni ta’ skart perikoluż jew muniċipali huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, inkluż dawk integrati f’installazzjoni li taqa’ taħt dan il-kamp u li ma jkollhomx bħala l-għan uniku tagħhom l-inċinerazzjoni ta’ dan l-iskart. |
|
32 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2003/87 għandha l-għan li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni maħsuba sabiex tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-atmosfera għal livell li jipprevjeni kull interferenza antropoġenika perikoluża tal-klima u li l-għan finali tagħha huwa l-protezzjoni tal-ambjent (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, Apollo Tyres (Hungary),C‑575/20, EU:C:2021:1024, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
33 |
L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/87 jipprevedi li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar japplika għall-emissjonijiet li jirriżultaw mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I tagħha u għall-gassijiet serra elenkati fl-Anness II tagħha, liema anness jinkludi, b’mod partikolari, id-dijossidu tal-karbonju (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, Apollo Tyres (Hungary),C‑575/20, EU:C:2021:1024, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
34 |
Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/87, “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mill‑1 ta’ Jannar 2005, l-ebda istallazzjoni ma twettaq xi attività mniżżla fl-Anness I li tirriżulta f’emissjonijiet speċifikati fir-rigward ta’ dik l-attività sakemm l-operaturi tagħha ma jkollhomx permess maħruġ minn awtorità kompetenti konformement mal-Artikoli 5 u 6, jew l-istallazzjoni ma tiġix eskluża mill-EU ETS taħt l-Artikolu 27. […]” |
|
35 |
L-Artikolu 3(e) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi “stallazzjoni” bħala “unità teknika stazzjonarja fejn jitwettqu attività jew iktar elenkati fl-Anness I u kull attività oħra assoċjata direttament li jkollha konnessjoni teknika ma’ l-attivitajiet imwettqa fuq is-sit u li jista’ jkollhom effett fuq l-emissjonijiet u t-tniġġiż.” |
|
36 |
Fost l-attivitajiet elenkati f’dan l-Anness I, tissemma il-“produzzjoni ta’ sustanzi kimiċi organiċi kbar permezz tal-cracking, l-iffurmar mill-ġdid, l-ossidazzjoni parzjali jew sħiħa jew permezz ta’ proċessi simili b’kapaċità tal-produzzjoni li taqbeż il‑100 tunnellata kuljum”. |
|
37 |
L-installazzjoni ta’ Nouryon, li timmanifattura prodotti kimiċi organiċi fi kwantitajiet kbar, teħtieġ awtorizzazzjoni f’dan ir-rigward. |
|
38 |
Din l-installazzjoni tinkludi inċineratur maħsub sabiex jinħarqu l-ilmijiet mormija mill-proċess industrijali. Minħabba f’hekk, it-tagħmir jarmi d-dijossidu tal-karbonju. L-enerġija ġġenerata mill-inċinerazzjoni tiġi rkuprata fil-forma ta’ fwar sabiex tiġi użata fil-proċess ta’ produzzjoni. |
|
39 |
Peress li huwa marbut teknikament mal-attivitajiet imwettqa fis-sit ta’ Stenungsund u li jista’ jkollu effett fuq l-emissjonijiet, dan l-inċineratur huwa għalhekk parti mill-installazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87. |
|
40 |
Il-kawża prinċipali tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk dan l-inċineratur għandux jiġi awtorizzat bħall-bqija tal-installazzjoni skont id-Direttiva 2003/87 jew jekk ma għandux jiġi hekk awtorizzat skont l-eċċezzjoni msemmija fil-punt 5 tal-Anness I ta’ din id-direttiva. Din hija r-raġuni għaliex il-qorti tar-rinviju tqis li s-soluzzjoni ta’ din it-tilwima tiddependi mill-interpretazzjoni li għandha tingħata lil din id-dispożizzjoni. |
|
41 |
Skont il-kliem tal-punt 5 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87, “[m]eta l-limitu minimu ta’ kapacita ta’ kull attivita f’dan l-Anness jinstab li jkun inqabeż f’xi istallazzjoni, il-junits kollha li fihom jinħaraq karburanti, ħlief għall-impjanti għall-inċinerazzjoni ta’ skart perikoluż jew muniċipali, għandhom jiddaħħlu fil-permess għall-emissjoni tal-gassijiet serra”. |
|
42 |
Skont l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni fid-dokument tagħha “Linji gwida dwar l-interpretazzjoni tal-Anness I tad-Direttiva dwar l-EU ETS” tat‑18 ta’ Marzu 2010, il-fatt li l-impjant jinċenera skart perikoluż jew muniċipali ma huwiex biżżejjed sabiex jeskludih mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87. Il-Kummissjoni tqis li, barra minn hekk, huwa meħtieġ li, minn naħa, l-impjant għall-inċinerazzjoni ta’ skart perikoluż jew muniċipali ma jkunx jagħmel parti minn installazzjoni li l-attività tagħha tissemma fl-Anness I ta’ din id-direttiva u li, min-naħa l-oħra, l-inċinerazzjoni ta’ tali skart tkun l-għan essenzjali tiegħu. |
|
43 |
Din hija r-raġuni għaliex, fil-fehma tal-Kummissjoni, impjant għall-inċinerazzjoni ta’ skart perikoluż li s-sħana ġġenerata minnu tiġi rkuprata u tintuża għall-funzjonament ta’ installazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 5 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87 ma huwiex eskluż minn dan il-kamp ta’ applikazzjoni. |
|
44 |
Madankollu, tali interpretazzjoni ma hijiex ikkorroborata mill-metodi ta’ interpretazzjoni letterali, sistematiċi u teleoloġiċi li l-Qorti tal-Ġustizzja normalment tuża. |
|
45 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-interpretazzjoni letterali tal-punt 5 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87, għandu jiġi rrilevat li dan tal-aħħar jipprevedi espressament il-każ fejn installazzjoni li teħtieġ permess ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra tkun tinkludi diversi impjanti għall-kombustjoni ta’ karburanti u jipprovdi li, f’każ bħal dan, dawn l-impjanti għandhom jiġu inklużi f’dan il-permess, bl-eċċezzjoni tal-impjanti għall-inċinerazzjoni ta’ skart perikoluż jew muniċipali. |
|
46 |
Konsegwentement, il-kliem ta’ dan il-punt 5 jidher li jeskludi li l-impjant għall-inċinerazzjoni ta’ skart perikoluż għandu jiġi inkluż fil-pjan ta’ monitoraġġ tal-installazzjoni minħabba li dan jagħmel parti integrali minn din l-installazzjoni. |
|
47 |
Barra minn hekk, peress li l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett, l-eċċezzjoni msemmija fil-punt 5 għandha tkun limitata għall-impjanti verament iddedikati għall-inċinerazzjoni ta’ skart perikoluż jew muniċipali u li, konsegwentement, jinċineraw skart ieħor b’mod marġinali biss. |
|
48 |
Mill-banda l-oħra, mill-kliem tal-punt 5 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87 ma jirriżultax li l-esklużjoni tal-impjanti għall-inċinerazzjoni ta’ skart perikoluż jew muniċipali mill-permess ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra tiddependi mill-għan li għalih dan l-iskart huwa inċinerat. |
|
49 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-interpretazzjonijiet sistematiċi u teleoloġiċi tal-punt 5 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87, dawn għandhom, f’dan il-każ, jiġu eżaminati flimkien. |
|
50 |
Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 25, kif ukoll mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/87, l-għan ġenerali ta’ din tal-aħħar huwa li, bl-introduzzjoni tas-sistema ta’ allokazzjoni ta’ kwoti ta’ gassijiet serra, jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ dawn il-gassijiet. |
|
51 |
Madankollu, l-eċċezzjoni prevista fil-punt 5 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87 fir-rigward tal-impjanti għall-inċinerazzjoni ta’ skart perikoluż u muniċipali ma tfittixx dan l-għan bħala prijorità. Mill-banda l-oħra, hija tissodisfa għan sekondarju ta’ din id-direttiva, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies li l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ma għandhiex ixxekkel l-eliminazzjoni ta’ skart perikoluż u muniċipali permezz tal-inċinerazzjoni. |
|
52 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2003/87, kif proprju jirriżulta mit-titolu tagħha, temenda d-Direttiva 96/61. L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/87 jippreċiża li “[d]in id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal kull ħtieġa skond id-Direttiva [96/61].” Madankollu, id-Direttiva 96/61, li l-għan tagħha huwa usa’ minn dak tad-Direttiva 2003/87 u jikkonċerna l-prevenzjoni u t-tnaqqis integrat tat-tniġġis, tipprevedi espressament, fl-Artikolu 3(c) tagħha, l-irkupru jew l-eliminazzjoni tal-iskart. |
|
53 |
Il-premessa 8 tad-Direttiva 96/61 tiddikjara wkoll li “l-għan ta’ mod integrat li jwassal għal kontroll ta’ tniġġiż huwa l-prevenzjoni ta’ emissjonijiet fl-arja, fl-ilma u fil-ħamrija kulfejn dan ikun prattiku, waqt li jitqies l-immaniġġar ta’ l-iskart, u, meta dan ma jkunx il-każ, li jitnaqqsu biex jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni għall-ambjent kollu kemm hu”. |
|
54 |
Mill-premess jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried li jiffavorixxi l-inċinerazzjoni tal-iskart perikoluż u muniċipali billi jeżentah mill-obbligu ta’ awtorizzazzjoni taħt l-ETS. Madankollu, il-limitazzjoni tal-portata ta’ din l-eċċezzjoni mill-kunċett ta’ “għan essenzjali” ma hijiex konsistenti ma’ dan l-objettiv. |
|
55 |
Barra minn hekk, il-portata tal-eċċezzjoni għandha wkoll tiġi interpretata fid-dawl tal-għan ewlieni tad-Direttiva 2003/87. Issa, l-interpretazzjoni sostnuta mill-Kummissjoni, li impjant għall-inċinerazzjoni ta’ skart perikoluż jew muniċipali li jgħin, billi jipprovdi s-sħana, sabiex taħdem installazzjoni li taqa’ taħt l-ETS, għandu, huwa stess, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ETS, tmur kontra dan l-għan. |
|
56 |
Fil-fatt, tali interpretazzjoni twassal sabiex igawdu mid-deroga biss l-impjanti għall-inċinerazzjoni ta’ skart perikoluż u muniċipali li s-sħana ġġenerata minnhom ma tkunx irkuprata minn installazzjoni li taqa’ taħt id-Direttiva 2003/87, u dan jippromwovi l-ħela ta’ enerġija u ż-żieda fl-emissjonijiet. |
|
57 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-punt 5 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-impjanti kollha għall-inċinerazzjoni ta’ skart perikoluż jew muniċipali huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, inkluż dawk integrati f’installazzjoni li taqa’ taħt dan il-kamp u li l-għan uniku tagħhom ma jkunx l-inċinerazzjoni ta’ dan l-iskart, kemm‑il darba dawn ikunu jintużaw għall-inċinerazzjoni ta’ skart ieħor b’mod marġinali biss. |
Fuq l‑ispejjeż
|
58 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
Il-punt 5 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE, kif emendata bid-Direttiva 2018/410/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Marzu 2018, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
l-impjanti kollha għall-inċinerazzjoni ta’ skart perikoluż jew muniċipali huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, kif emendata, inkluż dawk integrati f’installazzjoni li taqa’ taħt dan il-kamp u li l-għan uniku tagħhom ma jkunx l-inċinerazzjoni ta’ dan l-iskart, kemm‑il darba dawn ikunu jintużaw għall-inċinerazzjoni ta’ skart ieħor b’mod marġinali biss. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.