11.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 417/197


RIŻOLUZZJONI (UE) 2020/1896 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-14 ta’ Mejju 2020

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) (li issa saret ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà)) għas-sena finanzjarja 2018

IL-PARLAMENT EWROPEW,

—

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) għas-sena finanzjarja 2018,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0039/2020),

A.

billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha (1), il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (l-“Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2018 kien ta’ EUR 11 473 788, li jfisser żieda ta’ 2,67 % meta mqabbla mal-2017; billi l-baġit tal-Aġenzija huwa derivat fil-parti l-kbira mill-baġit tal-Unjoni (2);

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri (“il-Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2018 (“ir-rapport tal-Qorti”), stqarret li kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota b’sodisfazzjon li l-isforzi ta’ monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2018 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit ta’ 99,98 %, li meta mqabbla mal-2017 tirrappreżenta tnaqqis ta’ 0,01 %; jirrimarka, barra minn hekk, li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet ta’ 88,56 %, li tirrappreżenta żieda żgħira ta’ 0,37 % meta mqabbla mar-rata tal-2017;

Prestazzjoni

2.

Jinnota li l-Aġenzija tuża ċerti indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex tkejjel il-valur miżjud ipprovdut mill-attivitajiet tagħha u biex issaħħaħ il-ġestjoni baġitarja tagħha, filwaqt li tiffoka aktar indikaturi kwalitattivi għall-valutazzjoni tal-kisba tal-għanijiet operattivi tagħha u aktar fuq indikaturi kwantitattivi għall-għanijiet amministrattivi tagħha; jinnota li sabiex tissodisfa aħjar l-aspettattivi tal-partijiet ikkonċernati tagħha, l-Aġenzija qed issaħħaħ il-pakkett ta’ rapportar tagħha billi tadatta indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni kwalitattivi u kwantitattivi tagħha biex tkejjel l-impatt tal-attività tagħha b’mod aktar effiċjenti;

3.

Jistieden lill-Aġenzija żżid l-azzjoni tagħha biex tittratta l-vulnerabbiltajiet fis-sigurtà tal-5G u tqassam kemm jista’ jkun informazzjoni dwar is-suġġett sabiex tiżgura li s-soluzzjonijiet tekniċi eżistenti jiġu adottati mill-industrija;

4.

Jiddispjaċih li, wara l-istudju dwar l-evalwazzjoni esterna tal-prestazzjoni tal-Aġenzija matul il-perjodu 2013-2016 imwettaq f’isem il-Kummissjoni fl-2017, ma ġie fformalizzat l-ebda pjan ta’ azzjoni; madankollu, jinnota li r-rakkomandazzjonijiet rilevanti ġew implimentati u li awditu intern imwettaq mis-servizz tal-awditjar intern tal-Kummissjoni għamel rakkomandazzjonijiet li jikkoinċidu, li għalihom intlaħaq qbil dwar pjan ta’ azzjoni formali ta’ rimedju;

5.

Iħeġġeġ lill-Aġenzija tkompli bid-diġitalizzazzjoni tas-servizzi tagħha;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni twettaq Studju ta’ Fattibbiltà sabiex tivvaluta l-possibiltà li tistabbilixxi sinerġiji kondiviżi mas-Cedefop li għandu l-kwartieri f’Tessaloniki; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa ż-żewġ xenarji, jiġifieri t-trasferiment tal-Aġenzija lejn is-sede tas-Cedefop f’Tessaloniki, u t-trasferiment tas-sede tal-Aġenzija għas-sede ta’ Heraklion; josserva li t-trasferiment tal-Aġenzija lejn is-sede tas-Cedefop ikun jinvolvi l-kondiviżjoni tas-servizzi korporattivi u ta’ appoġġ u l-ġestjoni tal-bini komuni, kif ukoll il-kondiviżjoni tal-infrastrutturi tal-ICT, it-telekomunikazzjonijiet u dawk ibbażati fuq l-Internet, u għaldaqstant l-iffrankar ta’ ammont sinifikanti ta’ flus, li jkun jista’ jintuża għall-finanzjament ulterjuri taż-żewġ aġenziji;

Politika dwar il-persunal

7.

Jinnota bi tħassib li fil-31 ta’ Diċembru 2018, it-tabella tal-persunal kienet eżegwita biss sal-livell ta’ 93,62 %, b’44 aġent temporanju maħtura mis-47 aġent temporanju awtorizzati taħt il-baġit tal-Unjoni (imqabbel mat-48 post tax-xogħol awtorizzati fl-2017); jinnota li, barra minn hekk, 27 aġent kuntrattwali u tliet esperti nazzjonali sekondati kienu qed jaħdmu għall-Aġenzija fl-2018;

8.

Jinnota li fl-2015, l-Aġenzija ppjanat li tirriloka l-persunal involut fl-amministrazzjoni tagħha lejn Ateni meta r-Regolament (UE) Nru 526/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jipprevedi li tali membri tal-persunal għandhom ikunu bbażati f’Heraklion, u li huwa probabbli li l-ispejjeż jistgħu jitnaqqsu aktar jekk il-membri kollha tal-persunal ikunu ċentralizzati f’post wieħed; jinnota li fil-preżent huma biss seba’ mill-membri tal-persunal li qed jaħdmu fil-bini ta’ Heraklion; jinnota li l-Aġenzija se tkompli tistudja r-rilevanza tal-faċilitajiet skont il-ftehim attwali dwar is-sede attwali u l-programmi żviluppati f’dawk il-faċilitajiet;

9.

Jinnota bi tħassib li l-Aġenzija ssibha diffiċli li tirrekluta, tattira u żżomm persunal ikkwalifikat kif jixraq, prinċipalment minħabba t-tipi ta’ postijiet tax-xogħol li qed tirriklama, jiġifieri postijiet tax-xogħol ta’ aġenti kuntrattwali, u minħabba l-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni baxxi li japplikaw għas-salarji tal-membri tal-persunal tal-Aġenzija fil-Greċja; jinnota b’sodisfazzjon, madankollu, li l-Aġenzija implimentat għadd ta’ miżuri soċjali sabiex issir aktar attraenti;

10.

Jinnota li l-Aġenzija m’għandhiex l-approprjazzjonijiet meħtieġa biex tirreklama l-postijiet vakanti kollha fil-lingwi kollha tal-UE, kif mitlub mill-EPSO; jinnota, madankollu, li l-Aġenzija, bħal aġenziji deċentralizzati oħra tal-Unjoni, tippubblika l-avviżi ta’ postijiet battala fuq diversi siti web, f’pubblikazzjonijiet fl-Unjoni kollha u fuq is-sit web tan-Netwerk tal-Aġenziji tal-UE;

11.

Jinnota li l-proċess ta’ trasferiment għall-membri ġodda tal-persunal bħalissa qed jiġi rieżaminat sabiex ikun hemm trasferiment aħjar tal-għarfien lill-persunal ġdid fil-futur, u li dan il-proċess huwa meqjus li huwa inkluż fil-politika dwar postijiet sensittivi; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza meta jkun ġie konkluż ir-rieżami;

12.

Jinnota bi tħassib in-nuqqas ta’ bilanċ bejn il-ġeneri fl-2018 fost il-maniġers superjuri (8 irġiel u 2 nisa) u fost il-membri tal-bord ta’ tmexxija (25 raġel u 5 nisa);

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u t-trasparenza

13.

Jinnota l-miżuri eżistenti tal-Aġenzija u l-isforzi kontinwi biex jiġu żgurati t-trasparenza u l-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, u jinnota li s-CVs tal-membri tal-bord tat-tmexxija u d-dikjarazzjoni tal-kunflitti ta’ interess tagħhom issa ġew ippubblikati fuq is-sit web tal-Aġenzija; ifakkar li l-Aġenzija ma tippubblikax id-dikjarazzjoni tal-kunflitti ta’ interess tal-membri tal-maniġment superjuri fuq is-sit web tagħha; itenni t-talba tiegħu lill-Aġenzija biex tippubblika s-CVs tal-membri kollha tal-bord tat-tmexxija u d-dikjarazzjonijiet tal-kunflitti ta’ interess tal-maniġment superjuri tagħha u biex tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-miżuri meħuda f’dak ir-rigward;

Il-kontrolli interni

14.

Jinnota bi tħassib lir-rapport tal-Qorti ssib li l-Aġenzija m’għandhiex politika dwar karigi sensittivi għal fini tal-identifikazzjoni ta’ funzjonijiet sensittivi, biex iżżommhom aġġornati u biex tistabbilixxi miżuri xierqa biex timmitiga r-riskji ta’ interessi personali; jistieden lill-Aġenzija tadotta u timplimenta politika ta’ dan it-tip mingħajr dewmien;

15.

Jinnota li fl-2018, is-servizz tal-awditjar intern tal-Kummissjoni ħareġ rapport tal-awditjar dwar l-involviment tal-partijiet ikkonċernati fil-produzzjoni ta’ riżultati tanġibbli fl-ENISA, u li l-Aġenzija qed tħejji pjan ta’ azzjoni biex tindirizza kwalunkwe qasam fejn jista’ jsir titjib;

Kummenti oħrajn

16.

Jinnota li l-impatt tad-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni fuq l-operazzjonijiet u l-amministrazzjoni tal-Aġenzija hu limitat ħafna; jinnota, madankollu, li l-Aġenzija għamlet rieżami tal-proċessi interni tagħha biex ittaffi kwalunkwe riskju marbut mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, u li l-ebda wieħed minn dawn ir-riskji ma hu meqjus kritiku, iżda li huma pjuttost meqjusa bħala baxxi ħafna;

17.

Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Aġenzija għadha ma fformalizzat l-ebda strateġija biex tiżgura post tax-xogħol li jagħmel l-inqas ħsara possibbli lill-ambjent; jistieden lill-Aġenzija tagħmel dan b’mod urġenti;

18.

Jistieden lill-Aġenzija tiffoka fuq it-tixrid tar-riżultati tar-riċerka tagħha mal-pubbliku, u tikkomunika mal-pubbliku permezz tal-midja soċjali u mezzi oħra tal-midja;

19.

Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta’ natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Mejju 2020 (4) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)   ĠU C 120, 29.3.2019, p. 205.

(2)   ĠU C 120, 29.3.2019, p. 206.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 460/2004 (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 41).

(4)  Testi adottati, P9_TA(2020)0121.