European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1647

1.7.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/1647

tat-30 ta’ Mejju 2024

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Kenja, Membru tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(6), il-punt (a)(v), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea (1),

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (2),

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ Ġunju 2002, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati f’isem l-Unjoni għal Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (FSE) mal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku.

(2)

In-negozjati bejn l-Unjoni u l-Istati Sħab tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant (EAC) (ir-Repubblika tal-Burundi, ir-Repubblika tal-Kenja, ir-Repubblika tar-Rwanda, ir-Repubblika Unita tat-Tanzanija u r-Repubblika tal-Uganda) għal FSE bejn l-UE u l--EAC ġew konklużi fl-14 ta’ Ottubru 2014 u l-FSE bejn l-UE u l-EAC ġie inizjalat fis-16 ta’ Ottubru 2014.

(3)

Il-Repubblika tal-Kenja (“Kenja”)t iffirmat u rratifikat l-FSE bejn l-UE u l-EAC fl-1 u t-28 ta’ Settembru 2016, rispettivament. Biex l-FSE bejn l-UE u l-EAC jidħol fis-seħħ, il-membri kollha tal-EAC jeħtieġ li jiffirmawh u jirratifikawh. Sa din id-data, il-firam u r-ratifika tal-membri l-oħra tal-EAC għadhom pendenti, u dan jipprevjeni li l-FSE bejn l-UE u l-EAC jidħol fis-seħħ.

(4)

Fid-19 ta’ Diċembru 2019, il-Kunsill aġġorna d-direttivi ta’ negozjar tal-Kummissjoni tal-2002 billi inkluda l-konklużjoni ta’ kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli fl-FSE.

(5)

Fis-27 ta’ Frar 2021, is-Summit tal-EAC awtorizzat lill-membri individwali tal-EAC jipproċedu bl-implimentazzjoni bilaterali tal-FSE bejn l-UE u l-EAC skont il-prinċipju ta’ “ġeometrija varjabbli”. Fl-4 ta’ Mejju 2021, il-Kenja nnotifikat lill-Kummissjoni bit-talba tagħha biex timxi ’l quddiem f’dak is-sens.

(6)

Fis-17 ta’ Frar 2022, l-Unjoni u l-Kenja iffirmaw Dikjarazzjoni Konġunta fil-marġini tas-Summit bejn l-UE u l-Unjoni Afrikana fejn qablu li javvanzaw in-negozjati dwar FSE bejn l-Unjoni u l-Kenja (“il-Ftehim”), li għandu jibqa’ miftuħ għal għall-adeżjoni minn Stati bi Sħab oħra tal-EAC.

(7)

Fl-24 ta’ Mejju 2023, in-negozjati għall-Ftehim ġew konklużi b’suċċess.

(8)

F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/2853 (3), il-Ftehim ġie ffirmat fit-18 ta’ Diċembru 2023, suġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data iktar tard.

(9)

Il-Ftehim jenħtieġ li jkun approvat f’isem l-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Kenja, Membru tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, min-naħa l-oħra (4) (“il-Ftehim”), huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 139(3) tal-Ftehim (5).

Artikolu 3

Il-Ftehim ma għandux jiġi interpretat fis-sens li jagħti xi drittijiet jew jimponi xi obbligi li jistgħu jiġu invokati direttament quddiem il-qrati jew tribunali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Mejju 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)  Għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  Il-Parlament Ewropew ta l-approvazzjoni tiegħu fid-29 ta’ Frar 2024.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/2853 tat-12 ta’ Diċembru 2023 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Kenja, Membru tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, min-naħa l-oħra (ĠU L, 2023/2853, 19.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2853/oj).

(4)  It-test tal-Ftehim huwa ppubblikat fil-ĠU L, 2024/1648, 1.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2024/1648/oj.

(5)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1647/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)