Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 98/49/KE tad- 29 ta’ Ġunju 1998 dwar il-ħarsien tad-drittijiet ta’ pensjoni supplementari ta’ persuni impjegati u persuni li jaħdmu għal rashom li jiċċaqalqu fi ħdan il-Komunità {SEG(2006) 82} /* KUMM/2006/0022 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 26.01.2006 KUMM(2006) 22 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-Implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 98/49/KE tad- 29 ta’ Ġunju 1998 dwar il-ħarsien tad-drittijiet ta’ pensjoni supplementari ta’ persuni impjegati u persuni li jaħdmu għal rashom li jiċċaqalqu fi ħdan il-Komunità{SEG(2006) 82} WERREJ I. DAĦLA 3 II. FIRXA TA’ APPLIKAZZJONI 4 III. MIŻURI GĦAT-TĦARIS TAD-DRITTIJIET TAL-PENSJONI TA’ ĦADDIEMA LI JIĊĊAQALQU FIL-KOMUNITÀ 5 1. Trattament indaqs fir-rigward tal-preżervazzjoni tad-drittijiet 5 2. Garanzija ta’ ħlasijiet li jaqsmu l-fruntieri 6 3. Sħubija li taqsam il-fruntieri ta’ ħaddiema assenjati 7 a) Miżuri adottati biex jippermettu l-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet minn u għan-nom ta’ ħaddiema assenjati,l-Artikolu 6 (1) 7 b) Eżenzjoni mill-kontribuzzjonijiet, l-Artikolu 6 (2) 8 4. Informazzjoni mogħtija lill-membri ta’ skema 9 IV. KONKLUŻJONI U ŻVILUPP 10 I. DAĦLA L-iskemi ta’ pensjoni supplementari żviluppaw b’mod eteroġenu ħafna madwar l-Istati Membri. Issa li l-Unjoni Ewropea għandha 25 Stat Membru, ix-xenarju tal-pensjonijiet fl-Unjoni Ewropea sar saħansitra aktar divers. Dan japplika mhux biss għal skemi ta’ pensjoni statutarji imma wkoll għal skemi ta’ pensjoni supplementari, u dan jagħmilha diffiċli li wieħed jikklassifika l-iskemi skond it-tassonomija tradizzjonali ta’ tliet pilastri[1]. L-implimentazzjoni tal-prinċipju fundamentali tal-moviment ħieles ta’ ħaddiema, minqux fit-Trattat tal-KE, jimplika l-ħarsien tad-drittijiet ta’ pensjoni, kemm jekk statutarja u kemm jekk supplementari, ta’ ħaddiema li jiċċaqalqu fl-Unjoni Ewropea. Filwaqt li l-koordinazzjoni ta’ l-iskemi tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali tippermetti lill-ħaddiema emigranti li jippreżervaw kompletament id-drittijiet statutorji akkumulati tal-pensjoni tagħhom, il-miżuri li jtejbu l-ħarsien tad-drittijiet tal-pensjoni supplementari għadhom fl-istadju bikri tagħhom. Huwa ġeneralment rikonoxxut li s-sistema ta’ koordinazzjoni prevista fir-regolament 1408/71/KEE, u b’mod partikolari r-regoli ta’ aggregazzjoni għall-iskemi statutorji tal-pensjoni, huma fil-priċipju skemi ta’ pensjoni supplementari li mhumiex adattati. Id-diversità estrema ta’ dawn it-tipi ta’ skemi fi ħdan l-Istati Membri u bejniethom u l-fatt li skemi ta’ pensjoni supplementari spiss ma joħorġux mil-leġiżlazzjoni iżda mill-inizjattiva fis-settur privat, jagħmluha diffiċli li jiġu applikati regoli simili. Għalhekk ir-Regolament 1408/71/KEE ma jestendix għal biċċa l-kbira ta’ l-iskemi ta’ pensjoni supplementari. Minflok, id-Direttiva fil-qasam tal-provvista ta’ pensjoni supplimentari kienet titqies bħala strument legali sabiex iħares id-drittijiet tal-pensjoni supplementari ta’ persuni li jiċċaqilqu fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Fid-29 ta’ Ġunju 1998 il-Kunsill adotta d-Direttiva 98/49/KE ("id-Direttiva") dwar il-ħarsien tad-drittijiet ta’ pensjoni supplementari ta’ persuni impjegati u persuni li jaħdmu għal rashom li jiċċaqalqu fi ħdan il-Komunità[2]. Hi kellha tiġi implimentata fl-Istati Membri ta’ l-UE ta’ 15 sal-25 ta’ Lulju 2001 u fl-Istati Membri ġodda sa l-1 ta’ Mejju 2004. Il-miżuri li għandhom jiġu adottati skond din id-Direttiva jikkunsidraw in-natura u l-karatteristiċi speċjali ta’ l-iskemi ta’ pensjoni supplementari. Billi tistipula ċerti drittijiet għall-membri fi skemi bħal dawn, hi tillimita l-ostakli għall-moviment ħieles ikkawżati mit-telf tad-drittijiet ta’ pensjoni supplimentari kollha jew ta’ wħud minnhom bħala riżultat ta’ ċaqliq għal Stat Membru ieħor minħabba xogħol. Dawn id-drittijiet huma spjegati fid0dettall fil-parti III. F’konformità ma’ l-Artikolu 10 (3) tad-Direttiva, dan ir-rapport għandu jittratta dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva u, fejn hu xieraq, għandu jipproponi kwalunkwe emendi li jistgħu jirriżultaw meħtieġa. Sabiex tinkiseb stampa ġenerali sħiħa kemm jista’ jkun, intbagħat kwestjonarju lill-gvernijiet ta’ l-Istati Membri u ta’ l-EFTA[3]. Il-Kummissjoni kkonsultat ukoll il-membri tal-Forum dwar il-Pensjonijiet[4]. Dan ir-rapport hu bbażat prinċipalment fuq l-informazzjoni mogħtija minn dawk li wieġbu. Għandu jiġi nnutat li l-informazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni kienet tvarja konsiderevolment f’dawk li huma kontenut u dettall. Il-kontenut tar-rapport jirrifletti l-qagħda ta’ l-Istati Membri f’Settembru ta’ l-2005. II. FIRXA TA’ APPLIKAZZJONI Fit-tifsir tad-Direttiva, skema ta’ pensjoni supplementari tirreferi għal kwalunkwe skema ta’ pensjoni okkupazzjonali stabbilita f’konformità mal-leġiżlazzjoni u prassi nazzjonali jew ftehim kollettiv jew ftehim komparabbli ieħor, maħsuba biex tipprovdi pensjoni supplementari għal persuni impjegati jew għal persuni li jaħdmu għal rashom, irrispettivament minn jekk skemi bħal dawn humiex obbligatorji jew volontarji. Id-Direttiva teskludi mill-firxa ta’ applikazzjoni tagħha dawk l-iskemi koperti mit-terminu “leġiżlazzjoni” kif definit mill-ewwel sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 1 (j) tar-Regolament 1408/71, jew li dwarhom Stat Membru jagħmel dikjarazzjoni taħt dak l-artikolu. It-Tabella 1 "Firxa ta’ applikazzjoni materjali" fl-Anness 1 fid-Dokument ta’ Ħidma ta’ l-Istaff tal-Kummissjoni annessa mar-Rapport fuq l-Implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 98/49/KE tad-29 ta’ Ġunju 1998 dwar li jiġu salvagwardjati id-drittijiet ta’ pensjoni supplementari ta’ persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom li jiċċaqalqu fi ħdan il-Komunità, tipprovdi ħarsa ġenerali fil-qosor tad-dispożizzjoni dwar pensjoni supplementari fl-Istati Membri li taqa’ taħt il-firxa ta’ applikazzjoni tad-Direttiva preżenti. Jekk hemm skemi ta’ pensjoni supplementari koperti eċċezzjonalment mir-Regolament 1408/71/KEE, dan hu indikat fit-tabella. Kull informazzjoni oħra mogħtija f’dan ir-rapport dwar il-miżuri implimentattivi ta’ l-Istati Membri tirreferi għas- sistemi ta’ pensjoni supplementari indikati f’din it-tabella. Ta’ min jinnota li din it-tabella ma tistax tkun eżawrjenti meta titqies il-komplessità u d-diversità kbira ta’ skemi ta’ pensjoni supplementari. Id-Direttiva tapplika irrispettivament minn jekk l-iskema ta’ pensjoni supplementari hijiex ibbażata fuq fondi, skemi ta’ ridistribuzzjoni mid-dħul rikorrenti ( pay as you go) jew riżervi fil-kotba. Il-parti l-kbira ta’ l-iskemi ta’ pensjoni supplementari joperaw fuq bażi ta’ fondi – fi kliem eħfef, dan ifisser li "fondi" li jeżistu separatament minn min iħaddem jirċievu kontribuzzjonijiet, jinvestuhom u jħallsu l-benefiċċji. Imma jeżistu sistemi oħra ffinanzjati mid-dħul rikorrenti jew magħquda ma’ strateġija bbażata fuq fondi u wkoll riżervi fil-kotba. Skond it-tweġibiet tal-kwestjonarju, skemi ta’ pensjoni supplementari bbażati fuq l-aħħar forma ta’ finanzjament, jiġifieri, it-twarrib ta’ riżervi fil-kotba biex isostnu wegħdiet ta’ pensjoni, jistgħu jinsabu fi kważi nofs l-Istati Membri, u dawn huma: l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Portugall, Spanja, l-Iżvezja u r-Renju Unit u n-Norveġja. Barra dan, id-Direttiva ma tapplikax biss għal pensjonijiet ta’ l-irtirar imma wkoll, fejn huwa previst, għal benefiċċji ta’ l-invalidità u tas-superstiti. Fl-Istati Membri kollha fejn is-sopravivenza hija riskju bijometriku li jista’ jiġi kopert, il-konjuġi u t-tfal jistgħu jkunu superstiti. Dan jinkiseb jew permezz ta’ referenza espliċita jew bl-użu ta’ termini aktar wiesa’, per eżempju, eredi legali jew benefiċjarju, li taħthom jistgħu jiġu ddefiniti wkoll il-konjuġi u t-tfal. III. MIŻURI GĦAT-TĦARIS TAD-DRITTIJIET TAL-PENSJONI TA’ ĦADDIEMA LI JIĊĊAQALQU FIL-KOMUNITÀ 1. Trattament indaqs fir-rigward tal-preżervazzjoni tad-drittijiet L-Artikolu 4 tad-Direttiva jistipula li fejn ħaddiem li jkun kiseb drittijiet akkwiżiti taħt skema ta’ pensjoni supplementari fi Stat Membru jiċċaqlaq għal Stat Membru ieħor, dawk id-drittijiet għandhom jiġu ppreservati għallanqas bl-istess mod bħal dawk ta’ ħaddiema li jħallu l-impjieg imma jibqgħu fl-Istat Membru relattiv. L-għan ta’ dan l-Artikolu hu li jiżgura li persuni li jiċċaqalqu lejn Stat Membru ieħor m’għandhomx ikunu f’pożizzjoni agħar minn dawk li jħallu l-impjieg imma jibqgħu fl-istess Stat Membru. Permezz ta’ dan il-prinċipju, l-Artikolu 4 jiżgura, bħala standard minimu,trattament indaqs ta’ każijiet domestiċi u li jaqsmu l-fruntieri safejn għandha x’taqsam il-preżervazzjoni ta’ drittijiet miksuba diġà. Skond ċerti Stati Membri, ma kienx hemm bżonn li jadottaw miżuri speċifiċi biex jikkonformaw ma’ dan l-Artikolu. Bħala raġuni għal dan il-gvernijiet ta’ Stati Membri spiss indikaw li l-oqsfa legali jew ftehimiet kollettivi li jirregolaw il-preżervazzjoni tad-drittijiet akkwiżiti ma jagħmlu l-ebda distinzjoni bejn ħaddiema li jibqgħu fl-Istat Membru u dawk li jiċċaqalqu lejn Stat Membru ieħor. Numru ta’ Stati Membri, minkejja dan, introduċew regolament speċifiku bl-għan li jiżguraw li l-istess prinċipji ta’ preżervazzjoni ta’ drittijiet ta’ pensjoni akkwiżiti japplikaw indaqs fejn membru ta’ skema jmur jgħix fi Stat Membru ieħor. Din it-tip ta’ dispożizzjoni speċifika tista’ tinsab fil-leġiżlazzjoni ta’ Franza, tal-Ġermanja, tal-Greċja[5], ta’ l-Irlanda, tal-Latvja, tal-Lussemburgu, ta’ l-Olanda, tal-Polonja, tal-Portugall, tar-Renju Unit u tan-Norveġja. Fost dawn l-Istati Membri ntużaw żewġ modi ta’ tekniki legali: filwaqt li Franza, l-Irlanda u r-Renju Unit iddeċidew li jimplimentaw projbizzjoni fuq regoli li jvarjaw, l-Istati Membri l-oħra msemmija hawn fuq ippreferew regola pożittiva biex jiżguraw trattament indaqs[6]. Skond l-awtoritajiet ta’ l-Estonja, l-Estonja applikat id-Direttiva 98/49/KE fir-rigward ta’ l-iskema mandatorja ta’ pensjoni sostnuta b’fondi, u implimentat id-Direttiva permezz ta’ l-Att dwar Pensjonijiet Sostnuti b’Fondi.[7] L-impatt tad-Direttiva fuq dan il-punt f’sens li jwassal għal bidla attwali fil-prattika jidher li kien limitat, billi Stati Membri indikaw li non-diskriminazzjoni f’dan il-kuntest kienet diġà koperta b’ dispożizzjonijiet minn qabel din id-Direttiva. Għar-referenzi korrispondenti ara l-Anness 1 – It-Tabella 2 "Preżervazzjoni ugwali", fid-Dokument ta’ Ħidma ta’ l-Istaff tal-Kummissjoni anness mar-Rapport fuq l-Implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 98/49/KE tad-29 ta’ Ġunju 1998 dwar il-ħarsien ta’ drittijiet ta’ pensjoni supplementari ta’ persuni impjegati u persuni li jaħdmu għal rashom li jiċċaqalqu fi ħdan il-Komunità. 2. Garanzija ta’ ħlasijiet li jaqsmu l-fruntieri Skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-benefiċċji ta’ skemi ta’ pensjoni supplementari jitħallsu lill-membri u membri preċedenti, u wkoll lil oħrajn li huma intitolati taħt skemi bħal dawn, fl-Istati Membri kollha, ħielsa minn kull taxxa u spejjeż ta’ tranżazzjoni li jistgħu jkunu applikabbli. Il-ħlas ta’ benefiċċji madwar l-Ewropa kollha hu prerekwiżit essenzjali biex jikkompleta ż-żewġ prinċipji ta’ moviment ħieles ta’ ħaddiema u ta’ moviment ħieles ta’ kapital. Għadd ta’ Stati Membri (il-Finlandja, Franza, il-Greċja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, Malta, l-Olanda, il-Portugall, is-Slovenja u r-Renju Unit) u n-Norveġja implimentaw dispożizzjoni speċifikata fil-leġiżlazzjoni tagħhom li tistipula li l-ħlasijiet ta’ benefiċċji għandhom jitħallsu lill-persuni intitolati li jkunu ċċaqalqu lejn Stat Membru ieħor[8]. Din id-dispożizzjoni – għal kuntrarju ta’ l-oħrajn imsemmija hawn fuq – kienet diġà adottata minn qabel id-Direttiva. Ċipru u Spanja ma adottawx dispożizzjoni speċifika għall-fini ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva biss, imma leġiżlazzjoni aktar ġenerali li tistipula li l-moviment ta’ kapital u ħlasijiet bejn residenti ta’ l-oriġini u residenti ta’ Stati Membri għandhom isiru mingħajr ebda restrizzjoni. Fejn ma ttieħdu ebda miżuri legali, l-Istati Membri rispettivi ddikjaraw li d-dispożizzjonijiet legali jew ftehimiet kollettivi tagħhom kienu konformi mal-ħtiġijiet ta’ l-Artikolu 5. Dan jirriżulta – skond il-parti l-kbira ta’ dawn l-Istati Membri – mill-fatt li l-leġiżlazzjoni eżistenti tagħhom ma kienet tagħmel ebda distinzjoni, fejn jidħol il-ħlas, bejn membri li jibqgħu fil-pajjiż u dawk li jiċċaqalqu lejn Stat Membru ieħor. Stati Membri oħra ddikjaraw li ma kienx hemm bżonn ta’ adozzjoni ta’ miżuri espliċiti minħabba li l-leġiżlazzjoni tagħhom ma kienx fiha dispożizzjonijiet li jimpedixxu l-moviment ħieles ta’ kapital f’dawk li huma ħlasijiet li jaqsmu l-fruntieri magħmula fir-rigward ta’ skemi ta’ pensjoni supplementari. Bħall-Artikolu 4, dan l-Artikolu ma jidhirx li wassal għal xi bidla sinifikanti fil-prattika ta’ l-Istati Membri. Anki l-Istati Membri li adottaw dispożizzjoni speċifika ma rrappurtawx li qabel l-adozzjoni tagħha kien hemm xi prattika differenti fl-użu. Dan jidher li jindika li l-garanzija tal-ħlas ta’ benefiċċji mingħajr restrizzjonijiet lil membri (preċedenti) ta’ skema li joqogħdu fi Stat Membru ieħor kienet faċli li tingħata fi kważi t-tipi ta’ skemi kollha. Għar-referenzi korrispondenti fid-dispożizzjonijiet nazzjonali ara l-Anness 1 – It-Tabella 3 "Ħlasijiet li jaqsmu l-fruntieri" fid-Dokument ta’ Ħidma ta’ l-Istaff tal-Kummissjoni anness mar-Rapport fuq l-Implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 98/49/KE tad-29 ta’ Ġunju 1998 dwar il-ħarsien ta’ drittijiet ta’ pensjoni supplementari ta’ persuni impjegati u persuni li jaħdmu għal rashom li jiċċaqalqu fi ħdan il-Komunità. 3. Sħubija li taqsam il-fruntieri ta’ ħaddiema assenjati L-Artikolu 6 jittratta dwar il-ħaddiema assenjati fit-tifsir tar-Regolament 1408/71/KEE. Assenjazzjoni bħal din hija sitwazzjoni fejn ħaddiem jintbagħat minn min iħaddmu fi Stat Membru li mhux dak li normalment hu impjegat fih. Il-perjodu massimu għall-assenjazzjoni hu 12-il xahar; f’każijiet eċċezzjonali jista’ jiġi mtawwal sa 24 xahar. Matul il-perjodu kollu ta’ assenjazzjoni teżisti relazzjoni diretta bejn l-assenjazzjoni li tkun saret u l-ħaddiem assenjat. Ħaddiem li jkun lest li jaħdem barra temporanjament għal min iħaddmu għandu l-istennija leġittima li ma jkunx se jsofri xi żvantaġġi ekonomiċi fir-rigward tad-drittijiet ta’ pensjoni supplementari tiegħu. Dawn il-problemi jistgħu jiġu evitati permezz ta’ sħubija li taqsam il-fruntieri li tfisser li jibqa’ fl-iskema ta’ l-oriġini matul il-perjodu ta’ assenjazzjoni. L-Artikolu 6 għalhekk jippermetti sħubija li taqsam il-fruntieri billi jistipula li impjegati u ħaddiema assenjati għandhom jitħallew ikomplu jħallsu l-kontribuzzjonijiet ta’ l-iskema supplementari stabbilita fl-Istat Membru ta’ l-oriġini matul il-perjodu ta’ assenjazzjoni fi Stat Membru ieħor. Fejn il-kontribuzzjonijiet jibqgħu jitħallsu, l-Istati Membri huma meħtieġa li jiżguraw li ħaddiema assenjati u min iħaddimhom ikunu eżentati minn kull obbligu li jħallsu kontribuzzjonijiet fi Stat Membru ieħor. a) Miżuri adottati biex jippermettu l-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet minn u għan-nom ta’ ħaddiema assenjati,l-Artikolu 6 (1) Ċerti Stati Membri rrappurtaw li ma kienx hemm bżonn li jadottaw miżuri speċifiċi li jippermettu t-tkomplija tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet matul l-assenjazzjoni. Bħala regola, ir-raġuni mogħtija mill-Istati Membri hi li, fil-każ ta’ assenjazzjoni, il-kuntratti u l-ftehimiet kollettivi relatati mad-dispożizzjoni ta’ pensjoni supplementari fl-Istat Membru ta’ l-oriġini jibqgħu applikabbli għall-partijiet. Għalhekk – skond dawn l-Istati Membri – il-kontribuzzjonijiet minn u f’isem ħaddiema assenjati jitħallsu b’mod normali f’konformità mad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet. Barra dan, intqal li l-konformità ma’ l-Artikolu 6 (1) toħroġ min-nuqqas ta’ eżistenza ta’ regolamenti li jipprojbixxu l-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet fi skemi ta’ pensjoni supplementari waqt assenjazzjoni. Minkejja dan, xi Stati Membri adottaw dispożizzjonijiet espliċiti biex jiżguraw it-tkomplija tal-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet matul assenjazzjoni. Tali dispożizzjonijiet ġew implimentati fi Franza, il-Greċja, il-Lussemburgu, Malta, l-Olanda, il-Portugall, l-Iżvezja r-Renju Unit u n-Norveġja. Waqt li fil-Greċja d-dritt li tkompli tħallas il-kontribuzzjonijiet irid jiġi affermat sa żmien tletin jum minn mindu l-ħaddiem jirċievi n-notifika ta’ assenjazzjoni, fil-pajjiżi l-oħra msemmija hawn fuq m’hemm ebda limitazzjonijiet speċifiċi għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt. Id-dispożizzjonijiet tal-Lussemburgu u ta’ l-Iżvezja jistipulaw li l-ħlas mhux talli jista’ jitkompla, imma jrid jitkompla matul il-perjodu ta’ l-assenjazzjoni. b) Eżenzjoni mill-kontribuzzjonijiet, l-Artikolu 6 (2) Dan ir-rekwiżit hu rilevanti għal Stati Membri li għandhom skemi ta’ pensjoni supplementari li huma obbligatorji. Bl-istess mod bħal skema ta’ pensjoni supplementari obbligatorja b’mod ġenerali jew sħubija obbligatorja għal xi settur partikolari, skemi bħal dawn jistgħu jikkostitwixxu ostaklu għall-prinċipju ta’ eżenzjoni minn ħlas ta’ kontribuzzjonijiet fi skemi ta’ pensjoni supplementari fi Stat Membru ieħor. B’hekk f’dawn il-każijiet l-Istat Membru li jilqa’ jrid jiżgura li ħaddiema assenjati u min iħaddimhom ma jkunux koperti mill-iskema obbligatorja. Ċerti Stati Membri iddikjaraw li ma kellhomx bżonn dispożizzjoni espliċita biex jimplimentaw l-Artikolu 6 (2). Bi spjegazzjoni għal dan, ġeneralment intqal minn dawn l-Istati Membri li b’mod ġenerali m’hemmx skemi ta’ pensjoni supplementari obbligatorji u li m’hemmx leġiżlazzjoni li tagħmel is-sħubija fi skema obbligatorja. Stati Membri oħra, madankollu, illeġiżlaw dispożizzjonijiet speċifiċi. Il-liġi Olandiża, per eżempju, tistipula li fejn, matul assenjazzjoni fl-Olanda, il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet jitkompla fi Stat Membru ieħor, l-impjegat assenjat fl-Olanda u min iħaddmu huma eżentati mill-obbligu li jħallsu kontribuzzjonijiet fl-Olanda. Il-Belġju, id-Danimarka, Franza, l-Iżvezja (din ta’ l-aħħar parzjalment biss) u n-Norveġja għandhom dispożizzjonijiet simili. Il-Greċja, il-Lussemburgu, Malta u l-Portugall implimentaw ukoll dispożizzjonijiet speċifiċi dwar dan is-suġġett, imma minn angolu differenti. Per eżempju, il-liġi Griega tistipula li ħaddiem assenjat u, fejn japplika, min iħaddmu, huma eżentati minn kull obbligu li jħallsu kontribuzzjonijiet fi skema ta’ pensjoni supplementari fi Stat Membru ieħor. Il-Lussemburgu, Malta u l-Portugall adottaw kważi l-istess dispożizzjoni. Is-servizzi tal-Kummissjoni jqisu li din it-tip ta’ dispożizzjoni tista’ ma tikkontribwixxix għall-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 6 (2), peress li hu dubjuż kemm din id-dispożizzjoni tista’ tiġi infurzata legalment fl-Istati Membri li fihom ikun assenjat il-ħaddiem. Jekk ħaddiem ikun sejjer jaħdem barra għal min iħaddmu għal żmien qasir, ikun jeħtieġlu jkun jaf x’isir mid-drittijiet tiegħu ta’ pensjoni supplementari matul dan iż-żmien. Kemm il-ħaddiem kif ukoll min iħaddmu huma interessati fi proċedura sempliċi mingħajr ma jidħlu fi spejjeż addizzjonali u arranġamenti amministrattivi kumplessi. Permezz ta’ sħubija li taqsam il-fruntieri huma għandhom strument li jagħmel dan possibbli. B’mod partikolari, impjegati ta’ kumpaniji multinazzjonali li tul il-karriera tagħhom jista’ jkollhom numru ta’ assenjazzjonijiet bħal dawn, jibbenefikaw minn dan l-istrument. Fejn ma kienx hemm dritt legali għal sħubija li taqsam il-fruntieri kien jiddependi mill-kontenut tal-kuntratti rispettivi jekk it-tkomplija tal-kontribuzzjonijiet titħalliex jew le. Bil-kodifikazzjoni ta’ dan id-dritt, il-ħaddiem u min iħaddem akkwistaw ċertezza legali fuq dan l-aspett li hu essenzjali għall-ippjanar ta’ l-assenjazzjonijiet. Għar-referenzi korrispondenti fid-dispożizzjonijiet nazzjonali ara l-Anness 1 – It-Tabella 4 "Sħubija li taqsam il-fruntieri" fid-Dokument ta’ Ħidma ta’ l-Istaff tal-Kummissjoni anness mar-Rapport fuq l-Implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 98/49/KE tad-29 ta’ Ġunju 1998 dwar il-ħarsien ta’ drittijiet ta’ pensjoni supplementari ta’ persuni impjegati u persuni li jaħdmu għal rashom li jiċċaqalqu fi ħdan il-Komunità. 4. Informazzjoni mogħtija lill-membri ta’ skema Skond l-Artikolu 7 tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li min iħaddem, depożitarji u oħrajn responsabbli mill-amministrazzjoni ta’ skemi ta’ pensjoni supplementari jagħtu lill-ħaddiema mobbli informazzjoni adegwata dwar id-drittijiet ta’ pensjoni tagħhom u dwar l-għażliet miftuħa għalihom meta jiċċaqalqu lejn Stat Membru ieħor. Tali informazzjoni għandha minn ta’ l-inqas tikkorrispondi ma’ l-informazzjoni mogħtija lil membri ta’ skema li jkunu waqfu milli jsirulhom kontribuzzjonijiet imma li jkunu baqgħu fl-istess Stat Membru. Hu għalhekk naturali li persuni li jkunu bi ħsiebhom jaħdmu fi Stat Membru ieħor ikunu jridu li jkollhom idea ċara ta’ x’inhuma l-konsegwenzi għad-drittijiet miksuba ta’ pensjoni tagħhom qabel jieħdu deċiżjoni finali. Ċerti Stati Membri rreferew għal dan ir-rekwiżit li għadu kif issemma u ddikjaraw li ebda miżuri speċifiċi fir-rigward ta’ l-informazzjoni li għandha tingħata lil membri ta’ skema ma ġew adottati. F’dan il-kuntest inġieb l-argument li l-medda ta’ informazzjoni hi armonizzata mal-kontenut tad-Direttiva u hi identika għall-membri kollha ta’ l-iskemi irrispettivament minn jekk jibqgħux fl-Istat Membru ta’ l-oriġini jew jiċċaqalqux lejn Stat Membru ieħor. Madankollu, tmien Stati (Il-Greċja, il-Portugall, Malta, l-Olanda, l-Irlanda, il-Latvja, il-Lussemburgu u n-Norveġja) adottaw regoli espliċiti f’dan ir-rigward. Hu importanti ħafna li l-ħaddiema jirċievu informazzjoni adegwata, partikolarment fir-rigward ta’ l-għażliet u l-alternattivi miftuħa għalihom qabel jitilqu jaħdmu fi Stat Membru ieħor. F’xi Stati Membri d-Direttiva ġabet estensjoni tad-drittijiet ta’ informazzjoni f’dan ir-rigward. Imma l-parti l-kbira tal-pajjiżi irreferew għall-ħtiġijiet ta’ informazzjoni tagħhom li kienu diġà eżistenti minn qabel id-Direttiva Għar-referenzi korrispondenti fid-dispożizzjonijiet nazzjonali ara l-Anness 1 – It-Tabella 5 "Informazzjoni mogħtija lill-membri ta’ l-iskema" fid-Dokument ta’ Ħidma ta’ l-Istaff tal-Kummissjoni anness mar-Rapport fuq l-Implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 98/49/KE tad-29 ta’ Ġunju 1998 dwar il-ħarsien ta’ drittijiet ta’ pensjoni supplementari ta’ persuni impjegati u persuni li jaħdmu għal rashom li jiċċaqalqu fi ħdan il-Komunità IV. KONKLUŻJONI U ŻVILUPP Safejn għandhom x’jaqsmu l-ewwel żewġ miżuri għat-tħaris tad-drittijiet ta’ pensjoni – preservazzjoni indaqs u ħlasijiet li jaqsmu l-fruntieri – l-analiżi tat-tweġibiet ta’ l-Istati Membri turi li skond ċerti Stati Membri dawn id-drittijiet kienu diġà ggarantiti biżżejjed f’dawn l-Istati Membri qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva. Madankollu, il-kodifikazzjoni ta’ dawn id-drittijiet permezz tad-Direttiva se tagħti aktar ċertezza legali, waqt li tgħin il-ħaddiema li jkunu qed jikkunsidraw jekk jiċċaqalqux barra mill-pajjiż. Barra dan, bit-tnaqqix ta’ dawn il-prinċipji fil-leġiżlazzjoni ta’ l-UE hemm garanzija li l-ħaddiem mobbli mhuwiex se jkun iffaċċjat minn sitwazzjoni li taqa’ lura mill-istandards iffissati fil-livell ta’ l-UE. Id-drittijiet stipulati fl-Artikolu 6 ma jservux biss biex iżidu ċ-ċertezza legali, imma jipprovdu wkoll proċedura sempliċi li biha membru jista’ jkompli jibni l-intitolamenti tiegħu għal pensjoni supplementari matul il-perjodu ta’ assenjazzjoni. Għalhekk, l-Artikolu 6 li jippermetti sħubija li taqsam il-fruntieri, iservi biex jipprovdi protezzjoni adegwata lill-ħaddiema li huma temporanjament assenjati fi Stat Membru ieħor. Hu daqstant ieħor importanti li din is-sħubija li taqsam il-fruntieri ma ssirx inqas attraenti minħabba li min iħaddem jew il-ħaddiem tiegħu jkollu jħallas kontribuzzjonijiet dovuti għal skema ta’ pensjoni obbligatorja stabbilita fl-Istati Membri li fihom ikun assenjat il-ħaddiem. Bl-istess mod, l-iffaċilitar ta’ sħubija li taqsam il-fruntieri ta’ ħaddiema assenjati tista’ titqies pass importanti lejn l-iffaċilitar ta’ mobilità ta’ ħaddiema fil-qasam ta’ l-assenjazzjoni għal perjodi qsar fit-tifsir tar-Regolament 1408/71/KEE. Fir-rigward ta’ l-informazzjoni mogħtija lill-membri ta’ skema, l-impatt tad-Direttiva fuq ir-regolamenti dwar l-informazzjoni ta’ l-Istati Membri kien importanti, anki jekk il-maġġoranza tar-regoli eżistenti kienu diġà jeħtieġu l-għoti ta’ l-informazzjoni fil-livell minimu stipulat fl-Artikolu 7. L-iskemi ta’ pensjoni supplementari għadhom ma żviluppawx bħala komponent sinifikanti tas-sistemi nazzjonali tal-pensjonijiet fl-Istati Membri kollha. Madankollu, kif wera r-rapport konġunt dwar pensjonijiet adegwati u sostenibbli[9], ħafna Stati Membri reċentement għamlu riformi strutturali tal-pensjonijiet li jħallu effett fuq it-tifsil ta’ l-iskemi ta’ pensjoni supplementari tagħhom. Dawn ir-riformi spiss jirriżultaw fi rwol akbar tad-dispożizzjoni tal-pensjoni supplementari biex ikun żgurat ħarsien adegwat tad-dħul, fiż-żmien tax-xjuħija taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea. Hu għalhekk ta’ importanza kbira li d-drittijiet ta’ pensjoni supplementari ta’ ħaddiem fl-eżerċizzju tad-dritt tiegħu li jgħix u jaħdem fi Stat Membru ieħor ikunu mħarsa b’mod adegwat. Wara l-adozzjoni tad-Direttiva preżenti, azzjonijiet legali ulterjuri fil-livell ta’ l-UE ikkontribwew biex itejbu l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment ħieles ta’ ħaddiema: Ħlasijiet li jaqsmu l-fruntieri L-ewwel azzjoni tirrigwarda l-garanzija ta’ ħlasijiet li jaqsmu l-fruntieri, ħielsa mit-taxxi u spejjeż tat-tranżazzjoni li jistgħu jkunu applikabbli. Mhux biss in-nuqqas ta’ ħlas, imma wkoll it-tnaqqis ta’ spejjeż tat-tranżazzjoni għoljin qabel ma jsir ħlas lil pajjiż ieħor, jista’ jaffettwa l-mobilità tal-ħaddiema. Regolament (KE) Nru 2560/2001 tad-19 ta’ Diċembru 2001 dwar ħlasijiet li jaqsmu l-fruntieri f’euro tgħin biex tnaqqas spejjeż bħal dawn. Sħubija Li Taqsam il-Fruntieri Fil-qasam ta’ sħubija li taqsam il-fruntieri l-adozzjoni tad-Direttiva 2003/41/KE tat-3 ta’ Ġunju 2003 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet li jipprovdu għal irtirar okkupazzjonali ( “Id-Direttiva IORP”, magħrufa wkoll bħala "Id-Direttiva dwar il-Fondi tal-Pensjoni") tikkostitwixxi azzjoni legali ulterjuri fil-livell ta’ l-UE. L-għarfien reċiproku ta’ superviżjoni ta’ istituzzjonijiet li jipprovdu għall-irtirar okkupazzjonali (l-IORPs), introdott mid-Direttiva, kien kondizzjoni bażika li kienet tippermetti attività li taqsam il-fruntieri ta’ dawn l-istituzzjonijiet, u bħala konsegwenza fetħet possibilitajiet għal sħubija li taqsam il-fruntieri. Is-sħubija li taqsam il-fruntieri għandha l-vantaġġ li l-ħaddiem jista’ jibqa’ fl-istess skema waqt li jiċċaqlaq għall-impjieg fi Stat Membru ieħor, biex b’hekk ma jkun hemm ebda bidla ta’ skema. L-inizjattiva tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ tassazzjoni ta’ pensjonijiet biex telimina r-regoli ta’ taxxa kollha li jiddiskriminaw kontra fondi ta’ pensjoni mhux domestiċi, għandha l-għan li tiffaċilita is-sħubija li taqsam il-fruntieri. Permezz tal-komunikazzjoni (KUMM (2001) 214), il-Kummissjoni ħabbret li se timmonitorja r-regoli nazzjonali tat-taxxa li jimpedixxu parteċipazzjoni li taqsam il-fruntieri fi skemi ta’ pensjoni u tieħu l-passi neċessarji biex tiżgura konformità effettiva mat-Trattat. Bħala riżultat, il-Kummissjoni bdiet proċeduri ta’ ksur taħt l-Artikolu 226 tat-Trattat tal-KE kontra xi Stati Membri[10]. Rekwiżiti ta’ informazzjoni Fil-qasam ta’ l-informazzjoni ittieħdet azzjoni ulterjuri fil-qafas tad-Direttiva ta’ l-IORP. Hi għamlet pass ’il quddiem billi ħtieġet lill-istituzzjonijiet li jipprovdu għall-irtirar okkupazzjonali biex jagħtu lil membri u benefiċjarji ta’ l-iskema tagħhom medda ta’ informazzjoni dwar ħwejjeġ li jaffetwaw il-benefiċċji tagħhom. Madankollu, billi l-firxa ta’ applikazzjoni tad-Direttiva ta’ l-IORP m’hix identika għad-Direttiva preżenti, dawn id-dispożizzjonijiet ma jirrigwardawx lil dawk kollha li jipprovdu pensjoni supplementari. Perspettivi L-ebda wieħed mill-gvernijiet ma rrapporta li kienet għadha teżisti diskriminazzjoni f’każi domestiċi u ta’ bejn il-fruntieri, jew li l-eżerċizzju tad-drittijiet relatati ma’ l-assenjazzjoni ta’ ħaddiema fl-Istati Membri hi mfixkla fil-prattika. Dan hu l-każ, kważi mingħajr eċċezzjoni, tar-risposti tal-membri tal-Forum dwar il-Pensjonijiet. Membru wieħed biss stqarr li kien hemm problemi fir-rigward ta’ l-applikazzjoni prattika tad-Direttiva. Per eżempju, il-membru indika li kien hemm diffikultajiet fl-eżerċizzju tad-dritt li jibqgħu jsiru kontribuzzjonijiet fl-iskema ta’ l-oriġini matul il-perjodu ta’ assenjazzjoni. Jekk kien hemm rapporti ta’ żvantaġġi ffaċċjati mill-ħaddiema f’dan il-kuntest, il-gvernijiet u l-membri tal-Forum tal-Pensjonijiet b’mod l-aktar frekwenti irreferew għal problemi li jirriżultaw minn sistemi fiskali differenti u minn regoli differenti tal-kisba tad-drittijiet. Dawn ta’ l-aħħar jirreferu għal dik li spiss tissejjaħ “portabilità” tad-drittijiet ta’ pensjoni supplementari, jiġifieri, il-possibbiltà li jinkisbu u jinżammu intitolamenti ta’ pensjoni fil-każ ta’ mobilità professjonali. F’każijiet oħra jista’ jkun hemm, mhux il-problema ta’ l-akkwist imma l-problema tat-teħid fil-prattika tad-drittijiet. Madankollu, id-Direttiva preżenti ma tindirizzax l-ostakli għall-mobilità. B’hekk, l-ostakli għaċ-ċaqliq ħieles ta’ ħaddiema fil-qasam ta’ pensjonijiet supplementari għadhom jeżistu. Id-Direttiva nnifisha tesprimi din il-veduta billi tgħid li d-Direttiva tikkostitwixxi biss l-ewwel miżura (ara reċitazzjoni 4) u sempliċiment "tikkontribwixxi" għat-tneħħija ta’ l-ostakoli għall-moviment ħieles (ara reċitazzjoni (7) u Artikolu 1). Il-Kummissjoni għarfet li portabilità insuffiċjenti tad-drittijiet ta’ pensjoni supplementari tista’ toħloq ostakli importanti għall-mobilità tal-ħaddiema, u għalhekk għal moviment ħieles tal-ħaddiema li hu wieħed mid-drittijiet bażiċi minquxa fit-Trattat. Il-Kummissjoni kkonsultat is-sħab soċjali f’żewġ okkażjonijiet, l-aħħar minnhom f'Settembru 2003 (SEC(2003)916). B’din il-komunikazzjoni hi tat bidu għat-tieni stadju ta’ konsultazzjoni tas-sħab soċjali dwar miżuri biex itejbu il-portabilità tad-drittijiet ta’ pensjoni okkupazzjonali u ssuġġeriet li għandu jiġi nnegozjat qafas Ewropew kollettiv f’dan il-qasam. Peress li s-sħab soċjali għandhom opinjonijiet diverġenti dwar il-ħtieġa li jinbdew in-negozjati, il-Kummissjoni fl-20 ta’ Ottubru 2005 ppreżentat proposta għal direttiva li ttejjeb il-portabilità ta’ drittijiet tal-pensjoni supplementari[11]. [1] Deskritta inter alia fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Mejju 1999 "Lejn suq uniku ta’ pensjonijiet supplimentari – Riżultati tal-konsultazzjoni dwar il- Green Paper dwar pensjonijiet supplimentari fis-suq uniku" (COM(99) 134 finali). [2] ĠU L 209, tal-25.7.1998, p.46. [3] In-Norveġja biss wieġbet. [4] Il-Forum dwar il-Pensjonijiet hu Kumitat fil-qasam tal-pensjonijiet supplimentari li jinvolvi Stati Membri, sħab soċjali u federazzjonijiet Ewropej relevanti. Hu ġie stabbilit uffiċjalment bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2001) 1775 tad-9 ta’ Lulju 2001. Waslu tweġibiet mill-organizzazzjonijiet interessati li ġejjin: AIM, EAPSPI u EFRP. Xi organizzazzjonijiet nazzjonali wieġbu l-kwestjonarju individwalment. [5] Il-leġiżlazzjoni Griega ġiet finalment adottata fit-3 ta’ Novembru 2004 (Proklama Presidenzjali 227/2004 ppublikata fil-ĠU 212 tal-5 ta’ Novembru 2004. [6] Eżempju hi l-leġiżlazzjoni implimentattiva Portugiża li taqra hekk: "Ħaddiema li huma membri ta’ skema ta’ pensjoni supplimentari u li għalihom il-kontribuzzjonijiet jieqfu milli jitħallsu f’din l-iskema minħabba li jkunu ċċaqalqu minn Stat Membru għal ieħor għandhom jippreservaw drittijiet ta’ pensjoni akkwiżiti f’dawn l-iskemi, taħt l-istess kundizzjonijiet applikabbli għall-membri li waqfu jagħmlu l-kontribuzzjonijiet imma li baqgħu fit-territorju nazzjonali. 2.1 Id-dispożizzjonijiet ta’ (1) għandhom japplikaw ukoll għal persuni oħra li huma intitolati taħt l-iskema supplimentari relattiva." [7] Risposta ta’ l-awtoritajiet Estonjani ta’ l-1.8.2005. Is-servizzi tal-Kummissjoni qegħdin fil-proċess ta’ evalwazzjoni ta’ l-iskema Estonjana ta’ Pensjoni Sostnuta b’Fondi. [8] Id-diċitura li ġejja ta’ l-Att Finlandiż tal-Fondi ta’ l-Assigurazzjoni huwa eżempju ta’ dispożizzjoni speċifika ta’ dan it-tip:"Benefiċċji supplementari għal membri ta’ fond, jew persuni oħra assigurati li huma jew kienu koperti bis-sistema ta’ benefiċċji supplementari, se jitħallsu wkoll lil pajjiżi membri oħra taż-Żona Ekonomika Ewropea taħt l-istess kondizzjonijiet bħall-Finlandja. Sakemm mhux stipulat mod ieħor fl-istatuti tal-fond, il-benefiċċji supplementari jistgħu jitħallsu lil pajjiżi li huma barra miż-Żona Ekonomika Ewropea." [9] Rapport konġunt mill-Kummissjoni u l-Kunsill dwar pensjonijiet adegwati u sostenibbli, kif imħaddan mill-Kunsill fis-6 ta’ Marzu (Impjieg, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur) u fis-7 ta’ Marzu 2003 (Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji) bħala kontribut lill-Kunsill Ewropew fl-20-21 ta’ Marzu 2003, il-paġni 8-9, Ref. tal-Kunsill 6527/2/03/REV 2. [10] Aktar informazzjoni tinsab f’:http://europa.eu.int/comm/taxation_customs/taxation/personal_tax/pensions/index_en.htm [11] (COM(2005) 507 finali ta’ l-20.10.2005). Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titjib tal-portabilità tad-drittijiet tal-pensjoni supplimentari