2003R0452 — MT — 20.02.2014 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 452/2003

tas-6 ta’ Marzu 2003

dwar il-miżuri li l-Komunità tista’ tadotta relatati ma’ l-effett ikkombinat ta’ miżuri kontra r-rimi u kontra s-sussidju b’miżuri ta’ salvagwardjar

(ĠU L 069, 13.3.2003, p.8)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

REGOLAMENT (UE) Nru 37/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-15 ta' Jannar 2014

  L 18

1

21.1.2014




▼B

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 452/2003

tas-6 ta’ Marzu 2003

dwar il-miżuri li l-Komunità tista’ tadotta relatati ma’ l-effett ikkombinat ta’ miżuri kontra r-rimi u kontra s-sussidju b’miżuri ta’ salvagwardjar



Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 133 tiegħu,

Wara li kkunsidra il-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament (KE) Nru 384/96 ( 1 ), il-Kunsill adotta regoli komuni għall-protezzjoni kontra l-importazzjoni ta’ oġġetti għar-rimi minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità.

(2)

Permezz tar-Regolament (KE) Nru 2026/97 ( 2 ), il-Kunsill adotta regoli komuni għall-protezzjoni kontra l-importazzjoni issussidjata minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità.

(3)

Permezz tar-Regolament (KE) Nru 519/94 ( 3 ) u (KE) Nru 3285/94 ( 4 ), il-Kunsill adotta regoli komuni sabiex jadotta miżuri ta’ salvagwardjar kontra l-importazzjoni minn ċerti pajjiżi mhux membri tal-Komunità. Il-miżuri ta’ salvagwardjar jistgħu jkunu f’forma ta’ tariffi applikabbli jew għall-importazzjoni kollha jew għal dawk l-affarjiet impurtati aktar mill-kwantità pre-determinata. Miżuri ta’ salvagwardjar bħal dawn jimplikaw li l-merkanzija hija eliġibbli sabiex tidħol fis-suq tal-Komunità meta jitħallas id-dazju meħtieġ.

(4)

L-importazzjoni ta’ ċerta merkanzija tista’ tkun soġġetta għal miżuri kemm kontra r-rimi kif ukoll kontra s-sussidju fuq naħa waħda u miżuri ta’ tariffi ta’ salvagwardjar fuq in-naħa l-oħra. L-għanijiet ta’ l-ewwel huma li tirranġa xi taħwid fis-suq, magħmul minn prattiċi ta’ kummerċ mhux ġusti, u l-għanijiet ta’ l-oħra huma li taċċerta kontra importazzjonijiet miżjuda wisq.

(5)

Madankollu, it-tagħqida ta’ miżuri kontra r-rimi jew kontra s-sussidji ma’ miżuri ta’ tariffi ta’ salvagwardjar fuq wieħed u l-istess prodott jista’ jkollhom effett akbar minn dak maħsub jew mixtieq fit-termini tal-politika u ta’ l-għanijiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Komunità.

B’mod partikolari, tagħqida ta’ miżuri bħal din tista’ tkun ta’ piż kbir fuq ċerti produtturi/esportaturi li jfittxu li jesportaw lejn il-Komunità, u għalhekk jista’ jkun hemm l-effett li ma jkollhomx aċċess għas-suq tal-Komunità.

(6)

Għaldaqstant, produtturi/esportaturi li jfittxu li jesportaw lejn il-Komunità m’għandhomx ikunu soġġetti għall-piżijiet kbar u m’għandux ikompli jkollhom aċċess għas-suq tal-Komunità.

(7)

Huwa għalhekk mixtieq li l-assigurazzjoni ta’ l-għanijiet ta’ miżuri ta’ tariffi ta’ salvagwardjar u ta’ dawk kontra r-rimi jew/u kontra s-sussidju jintlaħaq mingħajr ma jiċċaħħad l-aċċess għas-suq tal-Komunità lil dawk il-produtturi/esportaturi.

(8)

Għalhekk, dispożizzjonijiet speċifiċi għandhom ikunu introdotti sabiex iħallu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, fejn huma jikkonsidraw xieraq, jieħdu azzjoni bl-għan li jassiguraw li kumbinazzjoni ta’ miżuri kontra r-rimi jew kontra s-sussidju b’miżuri ta’ tariffi ta’ salvagwardjar fuq l-istess prodott ma jkollhomx effett bħal dan.

(9)

Għalkemm id-dazju ta’ salvagwardjar u l-miżuri kontra r-rimi jew kontra s-sussidju jistgħu jkunu applikabbli b’mod simultanju fuq l-istess prodott, mhux dejjem huwa possibli li tiddetermina minn qabel f’liema punt preċiż fiż-żmien dan jista’ jseħħ. Għalhekk, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom ikunu f’pożizzjoni li jipprovdu għal sitwazzjoni bħal din b’mod li jassigura tbassir suffiċjenti u ċertezza legali għall-operaturi kollha kkonċernati.

(10)

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jistgħu jikkonsidraw xieraq li jagħmlu emendi, li jissospendu jew li jirrepellaw miżuri kontra r-rimi jew kontra s-sussidju jew li jipprovdu għal eżenzjonijiet sħaħ jew f’partijiet minn xi dazji kontra r-rimi jew li jikkontrobilanċjaw li b’mod ieħor dawn jistgħu jitħallsu, jew li jadottaw xi miżuri oħra speċifiċi. Kwalunkwe sospensjoni jew emenda, jew eżenzjoni minn miżuri kontra r-rimi jew kontra s-sussidju għandhom jingħataw biss għal perjodu limitat ta’ żmien.

(11)

Kwalunkwe miżuri meħuda taħt dan ir-Regolament għandhom ikunu applikati mid-data tad-dħul fis-seħħ, kemm-il darba ma jkunx speċifikat mod ieħor, u għalhekk m’għandhomx jipprovdu bażi sabiex jirrimborżaw dazji miġbura qabel dik id-data,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:



Artikolu 1

▼M1

1.  Fejn il-Kummissjoni tqis li kombinazzjoni ta' miżuri anti-dumping jew kontra s-sussidji flimkien ma' miżuri ta' tariffi ta' salvagwardja fuq l-istess importazzjonijiet tista' twassal għall-effetti akbar milli mixtieq f'termini tal-politika ta' difiża tal-kummerċ tal-Unjoni, din tista' tadotta xi miżuri minn dawn li ġejjin kif jidhrilha xieraq f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 2a(2):

▼B

(a) miżuri sabiex temenda, tissospendi, jew tirripella l-miżuri eżistenti kontra r-rimi u/jew kontra s-sussidju;

(b) miżuri biex teżenta importazzjonijiet sħaħ jew f’partijiet minn dazji kontra r-rimi jew li jikkontrobilanċjaw u b’mod ieħor jitħallsu;

(ċ) kwalunkwe miżura speċjali oħra kkunsidrata xierqa fiċ-ċirkostanza.

2.  Xi emendi,sospensjoni jew eżenzjoni skond paragrafu 1 għandha tkun limitata fiż-żmien u għandhom jgħoddu biss meta l-miżuri relevanti ta’ salvagwardjar huma fis-seħħ.

Artikolu 2

Kwalunkwe miżura adottata skond dan ir-Regolament għandha tgħodd mid-data tal-bidu fis-seħħ. M’għandhiex isservi bħala bażi għal rimborż ta’ dazji miġbura qabel dik id-data, kemm-il darba ma jkunx speċifikat mod ieħor.

▼M1

Artikolu 2a

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 ( 5 ). Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 6 ).

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

▼B

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fil-kumplessità tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) ĠU L 56, tas-6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 1972/2002 (ĠU L 305, tas-7.11.2002, p. 1).

( 2 ) ĠU L 288, tal-21.10.1997, p. 1. Ir-Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1973/2002 (ĠU L 305, 7.11.2002, p. 4).

( 3 ) ĠU L 67, ta’ l-10.3.1994, p. 89. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 1138/98 (ĠU L 159, tat-3.6.1998, p. 1).

( 4 ) ĠU L 349, tal-31.12.1994, p. 53. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 2474/2000 (ĠU L 286, tal-11.11.2000, p. 1).

( 5 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51).

( 6 ) Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).