KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI
RANTOS
ippreżentati fis‑27 ta’ Marzu 2025 ( 1 )
Kawża C‑632/23
Il‑Kummissjoni Ewropea
vs
Ir‑Repubblika tal‑Bulgarija
“Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq intern – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE – Deċiżjoni (UE) 2015/456 – Għajnuna mill-Istat mogħtija waqt skambji ta’ artijiet forestali – Obbligu ta’ rkupru – Obbligu ta’ informazzjoni – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni fit-terminu mogħti – Ħatra ta’ perit indipendenti bil-għan li jiġu ddeterminati l-ammonti ta’ għajnuna li jridu jiġu rkuprati – Nuqqas ta’ indipendenza ta’ dan il-perit”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Permezz ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ippreżentat skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma adottatx fit-terminu previst il-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni (UE) 2015/456 dwar l-iskema ta’ għajnuna implimentata mir-Repubblika tal-Bulgarija fil-kuntest tal-iskambji tal-art tal-foresta ( 2 ), hija naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, kif ukoll mill-Artikoli 4 sa 6 ta’ din id-deċiżjoni. |
|
2. |
B’mod iktar preċiż, il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika tal-Bulgarija li ma adottatx, fit-terminu ta’ tnax-il xahar mid-data tan-notifika tad-Deċiżjoni 2015/456, jiġifieri qabel il‑5 ta’ Settembru 2015, il-miżuri kollha neċessarji sabiex, minn naħa, tirkupra l-għajnuna mill-Istat kollha mogħtija lill-impriżi fil-kuntest tal-iskambju ta’ artijiet forestali pubbliċi għal artijiet forestali privati matul il-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ Jannar 2007 u s‑27 ta’ Jannar 2009, li kienet iddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq intern minn din id-deċiżjoni, u min-naħa l-oħra, tissodisfa l-obbligi ta’ informazzjoni tagħha fir-rigward tal-Kummissjoni. |
|
3. |
Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tinvoka tliet ilmenti, parzjalment sovrapposti, ibbażati, l-ewwel, fuq in-nuqqas ta’ implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2015/456 fit-terminu mogħti, it-tieni, fuq riżultat limitat ħafna fir-rigward tal-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni, u t-tielet, fuq l-assenza ta’ ċirkustanzi li jistabbilixxu l-impossibbiltà assoluta ta’ eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni. |
|
4. |
B’konformità mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jiffokaw fuq l-analiżi tal-ewwel parti tat-tieni lment tal-Kummissjoni li jirrigwarda, essenzjalment, tliet argumenti fil-konfront tar-Repubblika tal-Bulgarija, ibbażati, l-ewwel, fuq l-għażla allegatament mhux ġustifikata ta’ dan l-Istat Membru li jaħtar perit indipendenti sabiex jevalwa l-prezzijiet tas-suq taż-żoni ta’ art skambjati għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammonti tal-għajnuna li għandhom jiġu rkuprati skont il-premessa 176 tad-Deċiżjoni 2015/456, it-tieni, fuq l-allegat nuqqas ta’ indipendenza tal-perit innominat, u t-tielet, fuq allegat ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali minħabba n-nuqqas ta’ żvelar lill-Kummissjoni tal-informazzjoni li tipprovdi li l-perit innominat kien impriża pubblika. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Ir-Regolament (KE) Nru 659/1999
|
5. |
Ir-Regolament (KE) Nru 659/1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE] ( 3 ), li kien issostitwit mir-Regolament (UE) 2015/1589 ( 4 ), jibqa’ applikabbli għal din it-tilwima fid-dawl tad-data tal-fatti ta’ dan il-każ. |
|
6. |
Il-premessa 13 tar-Regolament Nru 659/1999 kienet tistabbilixxi: “Billi f’każijiet ta’ għajnuna llegali li m’hijiex kompatibbli mas-suq komuni, għandha terġa titqajjem kompetizzjoni effettiva; billi għal dan il-għan huwa meħtieġ li l-għajnuna, li tinkludi l-imgħax, għandha tinġieb lura mingħajr dewmien; billi huwa xieraq li r-radd lura jsir f’konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali; billi l-applikazzjoni ta’ dawk il-proċeduri m’għandhomx, billi jipprevjenu l-esekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, timpedixxi l-qawmien mill-ġdid tal-kompetizzjoni effettiva; billi sabiex jinkiseb dan ir-riżultat, Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jassiguraw l-effettività tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.” |
|
7. |
L-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Rkupru ta’ għajnuna”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu: “Mingħajr preġudizzju għall-ebda ordni tal-Qorti tal-Ġustizzja […] skond l-Artikolu [278 TFEU], ir-rkupru għandu jsir mingħajr dewmien u f’konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru kkonċernat, sakemm jippermettu għall-esekuzzjoni mmedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għal dan l-effett u fl-eventwalità ta’ proċedura quddiem il-qrati nazzjonali, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma disponibbli fis-sistemi legali rispettivi tagħhom, li jinkludu miżuri proviżjonali, mingħajr preġudizzju għall-liġi [tal-Unjoni].” |
|
8. |
L-Artikolu 23 tal-imsemmi regolament, intitolat “Nuqqas ta’ konformità ma’ deċiżjonijiet u sentenzi”, kien jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Fejn l-Istat Membru kkonċernat ma jikkonformax mad-deċiżjonijiet kondizzjonali jew negattivi, b’mod partikolari f’każijiet imsemmija fl-Artikolu 14, il-Kummissjoni tista’ tirreferi l-argument lill-Qorti tal-Ġustizzja […] direttament f’konformità ma’ l-Artikolu [108(2) TFUE].” |
B. Id-Deċiżjoni 2015/456
|
9. |
Skont il-premessi 44, 118 sa 121, 146, u 172 sa 177 tad-Deċiżjoni 2015/456:
[…]
[…]
[…]
|
|
10. |
L-Artikoli 1 u 4 sa 6 tad-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni huma fformulati kif ġej: “Artikolu 1 L-għajnuna mill-Istat, mogħtija lill-impriżi fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet ta’ skambju ta’ art tal-foresta pubblika għal art tal-foresta privata fil-perjodu bejn l‑1 ta’ Jannar 2007 u s‑27 ta’ Jannar 2009, li ġew implimentati mhux skont il-liġi mir-Repubblika tal-Bulgarija bi ksur tal-Artikolu 108(3) [TFUE] tat-Trattat, hija inkompatibbli mas-suq intern. […] Artikolu 4 1. Ir-Repubblika tal-Bulgarija tirkupra l-għajnuna inkompatibbli mogħtija fit-tranżazzjonijiet ta’ skambju msemmija fl-Artikolu 1 mingħand il-benefiċjarji. 2. Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, l-għajnuna inkompatibbli tista’ tiġi rkuprata mingħand il-benefiċjarji billi jitreġġgħu lura t-tranżazzjonijiet ta’ skambju, fil-każijiet fejn ma jkun għadu sar l-ebda tibdil materjali la fl-art tal-foresta pubblika u lanqas f’dik privata involuti fit-tranżazzjoni mid-data ta’ din it-tranżazzjoni. […] Artikolu 5 1. L-irkupru tal-għajnuna mogħtija fl-iskema msemmija fl-Artikolu 1 jseħħ minnufih u b’mod effettiv. 2. Ir-Repubblika tal-Bulgarija tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata bis-sħiħ fi żmien tnax-il xahar mid-data ta’ notifika ta’ din id-Deċiżjoni. Artikolu 6 […] 3. Fi żmien tnax-il xahar min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, ir-Repubblika tal-Bulgarija tissottometti dokumenti li juru li l-għajnuna kienet irkuprata kompletament mill-benefiċjarji konċernati. 4. Ir-Repubblika tal-Bulgarija, żżomm il-Kummissjoni informata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda biex timplimenta din id-Deċiżjoni sakemm tlesti l-irkupru tal-għajnuna mogħtija mit-tranżazzjonijiet ta’ skambju msemmija fl-Artikolu 1 billi tibagħtilha rapporti kull xahrejn. Fuq sempliċi talba mill-Kummissjoni, din tissottometti minnufih informazzjoni dwar il-miżuri li diġà ħadet u qed tippjana biex tkun konformi ma’ din id-Deċiżjoni. Tipprovdi wkoll informazzjoni ddettaljata dwar l-ammonti tal-għajnuna u l-imgħax fuq l-irkupru li diġà jkunu ġew irkuprati mingħand il-benefiċjarji.” |
III. Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża
A. Il-kuntest fattwali
|
11. |
Matul is-sena 1947, l-artijiet forestali tar-Repubblika tal-Bulgarija ġew nazzjonalizzati. Wara s-sena 2000, ir-Repubblika tal-Bulgarija bdiet tagħtihom lura lis-sidien privati preċedenti tagħhom. Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, wara emenda tal-Liġi dwar il-Foresti ( 5 ), li daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ Frar 2002, setgħu jsiru skambji ta’ artijiet forestali privatizzati għal artijiet forestali pubbliċi mill-fond għall-foresti tal-Istat. Il-prezzijiet tal-artijiet skambjati kienu ddeterminati abbażi ta’ kriterji stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Bulgara, li daħlet fis-seħħ fit‑18 ta’ Novembru 2003 ( 6 ). |
|
12. |
Peress li fis‑27 ta’ Jannar 2009 daħlet fis-seħħ projbizzjoni ta’ skambju ta’ artijiet forestali, il-perijodu kkunsidrat tat-tranżazzjonijiet ta’ skambju kkontestati kien dak ta’ bejn l‑1 ta’ Jannar 2007 (jiġifieri, id-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija mal-Unjoni) u s‑27 ta’ Jannar 2009 ( 7 ). |
|
13. |
Wara lment ippreżentat matul is-sena 2008, li kkonstata għajnuna mill-Istat illegali marbuta ma’ skambji ta’ artijiet, il-Kummissjoni nnotifikat, permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Ġunju 2011, lir-Repubblika tal-Bulgarija bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward tat-tranżazzjonijiet ta’ skambju kkontestati. |
|
14. |
Permezz tad-Deċiżjoni 2015/456, il-Kummissjoni kkonstatat li r-Repubblika tal-Bulgarija kienet naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skont l-Artikolu 108(3) TFUE, billi tat għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq intern lil impriżi fil-kuntest tal-iskambju ta’ mill-inqas żewġ żoni ta’ art forestali pubblika għal artijiet forestali privati matul il-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ Jannar 2007 u s‑27 ta’ Jannar 2009, li kien jirrigwarda total ta’ 132 tranżazzjoni ta’ skambju. |
|
15. |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset li t-tranżazzjonijiet ta’ skambju mwettqa mir-Repubblika tal-Bulgarija matul il-perijodu kkunsidrat kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, meta l-persuni li bbenefikaw mill-iskambji kienu impriżi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u l-valur tal-artijiet forestali ta’ dan l-Istat Membru ma kienx jirrifletti l-valur tas-suq ( 8 ), sa fejn din ma kinitx għajnuna de minimis fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 1407/2013 ( 9 ). |
|
16. |
Fil‑5 ta’ Novembru 2014, ir-Repubblika tal-Bulgarija ddeċidiet li ma tippreżentax rikors għal annullament kontra d-Deċiżjoni 2015/456. |
B. Il-proċedura prekontenzjuża
|
17. |
Wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2015/456, l-awtoritajiet Bulgari u d-dipartimenti tal-Kummissjoni skambjaw korrispondenza voluminuża dwar l-eżekuzzjoni tagħha. Għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet limitati, l-espożizzjoni segwenti ser tirrigwarda esklużivament il-korrispondenza dwar in-nomina tal-perit indipendenti. |
|
18. |
Fis‑7 ta’ Ottubru 2014, waqt l-ewwel laqgħa tagħhom mad-dipartimenti tal-Kummissjoni wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2015/456, l-awtoritajiet Bulgari informaw lil din l-istituzzjoni li kienu ddeċidew li jirkupraw l-għajnuna inkompatibbli iżda ma setgħux jużaw il-possibbiltà prevista fl-Artikolu 4(2) tad-dispożittiv u fil-premessa 177 tad-Deċiżjoni 2015/456, jiġifieri l-annullament tat-tranżazzjonijiet ta’ skambju fil-każijiet fejn ma jkun sar ebda tibdil materjali fl-artijiet forestali kkonċernati mit-tranżazzjoni wara d-data ta’ din it-tranżazzjoni. Mill-banda l-oħra huma impenjaw ruħhom li jirkupraw l-għajnuna fil-każijiet kollha fejn l-ammont tagħha kien jeċċedi l-limitu massimu de minimis. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet Bulgari indikaw li kienu ser iwettqu evalwazzjoni tal-prezzijiet tas-suq tal-artijiet skambjati, bl-assistenza ta’ perit indipendenti, b’konformità mal-premessa 176 ta’ din id-deċiżjoni. Fl-okkażjoni ta’ din il-laqgħa, il-Kummissjoni ma opponietx l-għażla tal-awtoritajiet Bulgari li jużaw tali perit indipendenti. |
|
19. |
Permezz ta’ messaġġ elettroniku tas‑17 ta’ Ottubru 2014, l-awtoritajiet Bulgari bagħtu lill-Kummissjoni lista li tidentifika 78 tranżazzjoni ta’ skambju ta’ art forestali li kienu jaqgħu taħt ir-regola de minimis. |
|
20. |
Permezz ta’ messaġġ elettroniku tat‑22 ta’ Ottubru 2014, id-dipartimenti tal-Kummissjoni informaw l-awtoritajiet Bulgari li din il-lista kienet “korrettament stabbilita”. |
|
21. |
Fis‑26 ta’ Novembru 2014, il-Ministeru Bulgara għall-Agrikoltura, għall-Ikel u għall-Foresti approva l-lista ta’ tranżazzjonijiet ta’ skambju li kienu jeċċedi l-limitu massimu de minimis u li għalihom kien neċessarju li ssir evalwazzjoni, minn perit indipendenti, tal-prezzijiet tas-suq taż-żoni tal-artijiet forestali fil-mument tat-twettiq tal-iskambju. |
|
22. |
Il-proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-finijiet tas-selezzjoni tal-perit indipendenti żvolġiet matul il-perijodu ta’ bejn is-sena 2014 u s-sena 2017, li matulu ġew imnedija diversi sejħiet għal offerti, peress li ċerti diffikultajiet ta’ natura proċedurali pprekludew is-suċċess tal-ewwel sejħiet għal offerti ( 10 ). |
|
23. |
Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Ottubru 2017, l-awtoritajiet Bulgari informaw lill-Kummissjoni bit-tmiem tal-aħħar proċedura ta’ sejħa għal offerti, billi indikaw li l-perit magħżul kienet il-kumpannija Agrolesproekt EOOD u li din kienet ser teżegwixxi l-kuntratt bil-ħatra ta’ żewġ periti kkwalifikati li kienu rreġistrati mal-Kamra ta’ Evalwaturi Indipendenti fil-Bulgarija u li kienu awtorizzati jevalwaw żoni ta’ art fiż-żoni forestali. Barra minn hekk, din l-ittra kienet tindika li, skont ir-rekwiżiti imposti fuq l-offerenti fid-dokumentazzjoni relatata mal-kuntratt pubbliku, kienet saret dikjarazzjoni fir-rigward taż-żewġ evalwaturi, li tippreċiża, b’mod partikolari, li ma kinux ipparteċipaw fil-kompożizzjoni tal-bordijiet li kkonfermaw ir-rapporti ta’ evalwazzjoni stabbiliti għall-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ Jannar 2007 u s‑27 ta’ Jannar 2009, previsti mid-Deċiżjoni 2015/456 ( 11 ). L-imsemmija ittra ma kienet tinkludi ebda informazzjoni dwar l-istruttura ta’ kontroll ta’ Agrolesproekt, u b’mod partikolari, dwar il-fatt li din kienet miżmuma 100 % mill-Istat Bulgaru. |
|
24. |
Permezz ta’ ittra tas‑26 ta’ Ottubru 2017, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Bulgara, minn naħa, li hija kienet ħadet nota tas-selezzjoni ta’ Agrolesproekt u tal-fatt li l-kuntratt kien ser jiġi implimentat miż-żewġ periti, u min-naħa l-oħra, li abbażi tal-informazzjoni disponibbli, is-selezzjoni proposta kienet tissodisfa l-kriterji li jippermettu l-ħatra ta’ periti indipendenti u suffiċjentement ikkwalifikati li ma kinux ipparteċipaw preċedentement fit-tranżazzjonijiet ta’ skambju previsti mid-Deċiżjoni 2015/456. Barra minn hekk, hija stiednet lill-awtoritajiet Bulgari jipprovdulha r-rapporti ta’ evalwazzjoni hekk kif il-periti jkunu lestewhom. |
|
25. |
Fis‑7 ta’ Novembru 2017, l-awtoritajiet Bulgari u Agrolesproekt iffirmaw kuntratt għall-provvista tas-servizz tal-kalkolu tal-prezz tas-suq tal-artijiet skambjati. |
|
26. |
Permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Ġunju 2018, bi tweġiba għall-ittra tas‑26 ta’ Ottubru 2017, ir-Repubblika tal-Bulgarija informat lill-Kummissjoni li Agrolesproekt kienet stabbilixxiet rapport dwar ix-xogħlijiet imwettqa, li kien intbagħat lill-awtorità kontraenti, li kienet approvatu, wara l-evalwazzjoni tal-parir tal-periti tal-Aġenzija Eżekuttiva Forestali, li kienet ikkonstatat, b’unanimità, li r-rapporti ta’ evalwazzjoni kienu ġew stabbiliti b’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-suq u mal-metodoloġija preskritta fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. |
|
27. |
Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika tal-Bulgarija tipprovdilha informazzjoni fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-missjoni ta’ evalwazzjoni tal-proprjetajiet forestali. |
|
28. |
Permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ Settembru 2018, l-awtoritajiet Bulgari ppreżentaw ir-rapporti tagħhom dwar l-evalwazzjoni tal-prezzijiet tas-suq tal-artijiet skambjati. Abbażi ta’ dawn ir-rapporti, kien ġie kkonstatat ammont pożittiv ta’ għajnuna fir-rigward ta’ 103 mill‑132 tranżazzjoni ta’ skambju kkonċernati mid-Deċiżjoni 2015/456 ( 12 ). |
|
29. |
Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Ottubru 2018, bi tweġiba għall-ittra tal‑4 ta’ Settembru 2018, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Bulgari li hija kienet ħadet nota tal-informazzjoni mibgħuta u kkonfermat il-konklużjoni li kien ġie identifikat vantaġġ fir-rigward tal-benefiċjarji li kienu parti mill‑103 tranżazzjoni ta’ skambju (minn total ta’ 132). |
|
30. |
Matul ix-xahar ta’ Novembru 2018, skont il-Kummissjoni, l-awtoritajiet Bulgari indikaw li l-ammonti li kellhom jiġu rkuprati kienu jammontaw għal madwar EUR 40 miljun. |
|
31. |
Matul is-sena 2020, il-Kummissjoni rċeviet ilment li jallega li l-ammont li kellu jiġi rkuprat kien jammonta għal iktar minn EUR 500 miljun u li jesprimi dubji dwar il-metodu ta’ kalkolu tal-għajnuna applikat minn dawn l-awtoritajiet fil-kuntest tal-irkupru. |
|
32. |
Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Mejju 2020, fid-dawl ta’ dawn id-dubji, il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika tal-Bulgarija sensiela ta’ preċiżazzjonijiet dwar l-attivitajiet ta’ Agrolesproekt, b’mod partikolari, dwar l-istruttura ta’ kontroll tagħha, dwar l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ indipendenza tal-perit fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti kif ukoll dwar ir-remunerazzjoni taż-żewġ periti li Agrolesproekt kienet ħatret ( 13 ). |
|
33. |
Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Lulju 2020, ir-Repubblika tal-Bulgarija wieġbet billi spjegat li Agrolesproekt kienet kumpannija miżmuma 100 % mill-Istat Bulgaru u li l-attività prinċipali tagħha kienet tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi marbuta mal-forestrija u l-użu tal-foresti, u li l-funzjonijiet ta’ ġestjoni kienu eżerċitati mill-Ministru għall-Agrikoltura, għall-Ikel u għall-Foresti. |
|
34. |
Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni billi qieset li l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Bulgari ma kinux jippermettu li jneħħu d-dubji serji espressi fir-rigward tal-implimentazzjoni sħiħa tad-deċiżjoni ta’ rkupru ( 14 ), stiednet lil dawn l-awtoritajiet jeżaminaw mill-ġdid ir-rapporti ta’ evalwazzjoni individwali kollha stabbiliti minn Agrolesproekt, sabiex jiddeterminaw il-prezzijiet tas-suq skont il-metodu t-tajjeb u jikkalkolaw mingħajr dewmien l-ammonti korretti tal-għajnuna mill-Istat li għandhom jiġu rkuprati. |
|
35. |
Permezz ta’ ittra tat‑2 ta’ Novembru 2020, l-imsemmija awtoritajiet informaw lill-Kummissjoni bil-preżentata ta’ diversi rikorsi quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-ordnijiet ta’ rkupru maħruġa u bl-assenza ta’ mekkaniżmu ġuridiku jew leġiżlattiv li jippermetti l-ftuħ mill-ġdid jew l-għeluq ta’ proċedura ġudizzjarja pendenti. |
|
36. |
Permezz ta’ ittra tad‑19 ta’ April 2021, il-Kummissjoni indikat lill-istess awtoritajiet li l-fatt li Agrolesproekt kienet “impriża pubblika” fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2006/111/KE ( 15 ), kien jipprekludi lil din l-impriża milli twettaq evalwazzjoni tal-prezzijiet tas-suq taż-żoni tal-art skambjati fil-mument tat-tranżazzjoni. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, ir-rapport tal-perizja pprovdut minn Agrolesproekt, li abbażi tiegħu l-awtoritajiet Bulgari kienu bbażaw il-miżuri adottati sabiex jimplimentaw id-deċiżjoni ta’ rkupru tal-għajnuna mill-Istat, ma kienx affidabbli għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2015/456. Għaldaqstant, il-Kummissjoni talbet lil dawn l-awtoritajiet jistudjaw il-possibbiltà li jniedu proċedura ġdida ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku għan-nomina ta’ perit indipendenti, b’konformità mal-premessa 176 ta’ din id-deċiżjoni ( 16 ). |
|
37. |
Permezz ta’ ittra tal‑11 ta’ Mejju 2021, l-imsemmija awtoritajiet wieġbu għal din l-ittra billi ddefendew l-għażla ta’ Agrolesproekt bħala perit, u enfasizzaw, b’mod partikolari, il-fatt li din l-għażla kienet saret permezz ta’ proċedura pubblika suffiċjentement trasparenti, kompetittiva, miftuħa u inkundizzjonata, b’konformità mal-premessa 176 tal-imsemmija deċiżjoni, u abbażi tal-kriterju tal-iktar offerta baxxa. Barra minn hekk, huma indikaw li din l-impriża ma kinitx tirċievi finanzjament għall-attivitajiet tagħha mill-baġit tal-Istat, tal-muniċipalitajiet jew amministrazzjonijiet delegattivi oħra, peress li d-dħul tagħha kien mill-attività prinċipali tagħha, jiġifieri l-produzzjoni ta’ pjanijiet forestali u inventarji ta’ żoni forestali fil-kuntest ta’ kuntratti konklużi wara l-parteċipazzjoni fi proċeduri miftuħa skont iż-Zakon za obshtestvenite porachki (il-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi) ( 17 ). Fl-aħħar nett, diversi proċeduri intiżi sabiex jikkontestaw l-ammont tal-għajnuna li għandu jiġi rkuprat kienu jinsabu pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, u fi wħud minn dawn il-proċeduri, periti ġudizzjarji kienu ddeterminaw prezz tas-suq simili jew inqas għal dak stabbilit mill-imsemmija impriża. |
|
38. |
Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Ġunju 2022, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali dwar l-indipendenza ta’ Agrolesproekt. Il-Kummissjoni insistiet dwar it-trasparenza li għandu jkollhom l-elementi segwenti: a) l-attività prinċipali tal-impriża, is-servizzi offruti u lista ta’ klijenti prinċipali; b) il-politika kummerċjali tagħha u l-proċeduri deċiżjonali tagħha; c) l-entitajiet l-oħra jew entitajiet interessati li jikkontrollaw jew jinfluwenzaw l-attività ta’ din l-impriża; u d) is-sorsi ta’ dħul iddettaljati u s-sehem tal-finanzjament pubbliku jew ta’ kuntratti mogħtija mill-Istat fid-dħul mill-bejgħ tal-imsemmija impriża, kif ukoll il-kontijiet ivverifikati għall-perijodu 2017‑2021. |
|
39. |
Permezz ta’ ittra tat‑12 ta’ Lulju 2022, ir-Repubblika tal-Bulgarija sostniet l-osservazzjonijiet magħmula fl-ittra tagħha tal‑11 ta’ Mejju 2021, filwaqt li indikat li, fuq total ta’ 102 każijiet li fihom kien ġie identifikat l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat, kienu nbdew 66 proċedura ġudizzjarja li jirrigwardaw l-irkupru ta’ din l-għajnuna u li, f’għaxar każijiet, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija) kienet annullat l-ordnijiet ta’ rkupru kkontestati. L-awtoritajiet Bulgari ppreċiżaw li kienu bagħtu 21 ordni ta’ rkupru, li minnhom għaxra kienu s-suġġett ta’ ħlas u ħamsa taw lok għal annullament tat-tranżazzjoni ta’ skambju. |
|
40. |
Fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra tali ordni ta’ rkupru tal-għajnuna fil-kuntest ta’ skambju ta’ artijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet adita, preliminarjament, mill-Administrativen sad Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna, il-Bulgarija), b’domandi li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “impriża” fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE kif ukoll dwar il-modalitajiet ta’ kalkolu tal-prezz tas-suq tal-artijiet skambjati ( 18 ). |
|
41. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors. |
IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
|
42. |
Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li peress li ma adottatx, fit-terminu previst, il-miżuri kollha neċessarji sabiex tirkupra mingħand il-benefiċjarji l-għajnuna mill-Istat iddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq intern permezz tad-Deċiżjoni 2015/456, ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligu imposti fuqha skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE u l-Artikoli 4 sa 6 ta’ din id-deċiżjoni, u li dan l-Istat Membru jiġi kkundannat għall-ispejjeż. |
|
43. |
Ir-Repubblika tal-Bulgarija titlob li r-rikors jiġi miċħud kollu bħala infondat u l-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż. |
|
44. |
Fis-seduta li nżammet fit‑8 ta’ Jannar 2025, il-partijiet instemgħu jagħmlu s-sottomissjonijiet orali tagħhom u wieġbu għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
V. Analiżi
|
45. |
Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tinvoka tliet ilmenti, li huma parzjalment sovrapposti, ibbażati, l-ewwel, fuq in-nuqqas ta’ implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2015/456 fit-terminu mogħti, it-tieni, fuq riżultat limitat ħafna fir-rigward tal-irkupru tal-għajnuna mill-Istat ikkonċernat, u t-tielet, fuq l-assenza ta’ ċirkustanzi li jistabbilixxu l-impossibbiltà assoluta ta’ eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni. |
|
46. |
It-tieni lment huwa kompost minn żewġ partijiet li jirrigwardaw, rispettivament, iż-żewġ kawżi prinċipali li, skont il-Kummissjoni, ipprekludew l-eżekuzzjoni effettiva tad-Deċiżjoni 2015/456, jiġifieri, minn naħa, in-nomina mhux ġustifikata ta’ perit responsabbli mid-determinazzjoni tal-ammont tal-għajnuna li għandu jiġi rkuprat li ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti ta’ indipendenza previsti fil-premessa 176 ta’ din id-deċiżjoni, u min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni, minn dan il-perit, ta’ metodu ta’ kalkolu żbaljat li ma jirriflettix il-prezz reali tas-suq. |
|
47. |
B’konformità mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jiffokaw fuq l-ewwel parti tat-tieni lment ( 19 ), li huwa marbut, essenzjalment, ma’ tliet argumenti mressqa mill-Kummissjoni, ibbażati, l-ewwel, fuq l-għażla allegatament mhux ġustifikata tar-Repubblika tal-Bulgarija li taħtar perit indipendenti (B), it-tieni, fuq l-allegat nuqqas ta’ indipendenza tal-perit innominat (C) u t-tielet, fuq allegat ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali minħabba n-nuqqas ta’ żvelar lill-Kummissjoni tal-informazzjoni li l-perit innominat kien impriża pubblika (D) ( 20 ). Madankollu, sabiex dawn l-argumenti jinftiehmu aħjar, inqis li huwa utli li jitfakkru fil-qosor il-prinċipji dwar l-obbligu ta’ rkupru ta’ għajnuna mill-Istat iddikjarata illegali (A). |
A. Fuq l-obbligu ta’ rkupru ta’ għajnuna illegali
|
48. |
Qabel kollox, hekk kif iddeċidiet diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, it-tneħħija ta’ għajnuna illegali permezz ta’ rkupru hija l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-illegalità tagħha. L-Istat Membru destinatarju ta’ deċiżjoni li tobbligah jirkupra l-għajnuna illegali huwa għalhekk marbut, skont l-Artikolu 288 TFUE, li jadotta l-miżuri kollha xierqa sabiex jiżgura l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Huwa għandu jwettaq irkupru effettiv tas-somom dovuti sabiex tiġi eliminata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-vantaġġ kompetittiv mogħti permezz tal-għajnuna illegali ( 21 ). |
|
49. |
Insegwitu, skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 659/1999 ( 22 ), li kien applikabbli fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2015/456, l-irkupru ta’ għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq intern minn deċiżjoni tal-Kummissjoni għandu, kif jirriżulta wkoll mill-premessa 13 ta’ dan ir-regolament, isir “mingħajr dewmien u f’konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru kkonċernat”, sakemm dawn tal-aħħar ikunu jippermettu l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva ta’ din id-deċiżjoni, liema kundizzjoni tirrifletti r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ effettività ( 23 ). |
|
50. |
Għalhekk, l-irkupru għandu jsir mingħajr dewmien, u b’mod iktar preċiż, fit-terminu previst mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni, adottata skont l-Artikolu 108(2) TFUE, li tordna l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat, jew jekk ikun il-każ, fit-terminu stabbilit sussegwentement mill-Kummissjoni. Irkupru tardiv, li jsir wara t-termini mogħtija, ma jistax jissodisfa r-rekwiżiti tat-Trattat FUE ( 24 ). |
|
51. |
Fl-aħħar nett, f’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, bl-eċċezzjoni ta’ każijiet li fihom deċiżjoni ta’ rkupru kienet is-suġġett ta’ annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, l-uniku motiv ta’ difiża li jista’ jiġi invokat minn Stat Membru kontra rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 108(2) TFUE, huwa dak ibbażat fuq impossibbiltà assoluta ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li tagħha huwa destinatarju ( 25 ). Madankollu, din is-sitwazzjoni hija s-suġġett ta’ analiżi restrittiva. Fil-fatt, il-kundizzjoni relatata mal-eżistenza ta’ impossibbiltà assoluta ta’ eżekuzzjoni ma hijiex issodisfatta meta l-Istat Membru konvenut jinvoka biss lill-Kummissjoni diffikultajiet ġuridiċi, politiċi jew prattiċi li tippreżenta l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, mingħajr ma jieħu passi reali għall-irkupru mingħand l-impriżi kkonċernati u mingħajr ma jipproponi lill-Kummissjoni modalitajiet alternattivi għall-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni li jippermettu li jingħelbu dawn id-diffikultajiet ( 26 ). |
|
52. |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, sabiex jiġi vverifikat jekk, minn naħa, ir-Repubblika tal-Bulgarija żguratx debitament l-irkupru tal-għajnuna fit-terminu previst mid-Deċiżjoni 2015/456 (l-ewwel u t-tieni lment), u min-naħa l-oħra, fin-negattiv, jekk dan l-Istat Membru jistax jinvoka b’mod leġittimu raġunijiet li jikkostitwixxu impossibbiltà assoluta ta’ eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni (it-tielet ilment) ( 27 ). |
B. Fuq l-għażla ta’ ħatra ta’ perit indipendenti
|
53. |
Permezz tal-ewwel argument tagħha mressaq fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni lment, il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika tal-Bulgarija li ddeċidiet li taħtar perit indipendenti sabiex iwettaq evalwazzjoni tal-prezzijiet tas-suq taż-żoni tal-art skambjati għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammonti tal-għajnuna mill-Istat li għandha tirkupra, minkejja li, kif jirriżulta mill-premessi 146 u 175 tad-Deċiżjoni 2015/456, fil-mument tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, l-awtoritajiet Bulgari diġà kellhom, b’mod partikolari, il-prezzijiet tas-suq waqt l-iskambji tal-artijiet kollha kkonċernati mit-tranżazzjonijiet. Skont il-Kummissjoni, dan il-fatt kellu jiffaċilita d-determinazzjoni tal-ammont eżatt tal-għajnuna li kellha tirkupra b’osservanza tal-metodoloġija deskritta fil-premessa 173 tal-imsemmija deċiżjoni, mingħajr ma kellha tinnomina perit. Fil-fatt, b’konformità mal-premessa 176 tal-istess deċiżjoni, il-possibbiltà li jintuża perit indipendenti kienet prevista biss jekk il-metodoloġija deskritta fil-premessa 173 tagħha ma setgħetx tkun applikata jew twassal għal ammont li ma jirriflettix b’mod xieraq l-ammont tas-somma rċevuta mill-benefiċjarju. Madankollu, ebda waħda minn dawn iż-żewġ raġunijiet li jiġġustifikaw l-użu ta’ perit indipendenti ma kienet preżenti f’dan il-każ. Għalhekk, l-għażla tal-awtoritajiet Bulgari li jwettqu kalkolu ġdid tal-prezzijiet tas-suq fir-rigward ta’ kull waħda mill‑132 tranżazzjoni ta’ skambju prevista mid-Deċiżjoni 2015/456 billi jaħtru perit indipendenti kienet wasslet għal dewmien addizzjonali kunsiderevoli u kienet ikkomplikat b’mod mhux ġustifikat il-proċess ta’ rkupru. |
|
54. |
Ir-Repubblika tal-Bulgarija twieġeb li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-premessa 176 tad-Deċiżjoni 2015/456 kienu ssodisfatti, peress li l-valuri tas-suq użati għall-finijiet tal-istabbiliment tal-għajnuna fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni ma kinux jirriflettu neċessarjament il-valuri tas-suq ġusti taż-żoni tal-art forestali kkonċernati. Fil-fatt, l-awtoritajiet Bulgari kienu rrilevaw, sa mill-fażi amministrattiva, li kienu jeżistu “xi problemi” fir-rigward tal-affidabbiltà tad-data kkomunikata, kif kien irrikonoxxut mill-Kummissjoni stess, fil-premessa 119 tal-imsemmija deċiżjoni, peress li dawn il-valuri kienu, b’mod partikolari, iddeterminati abbażi ta’ stimi fiskali mhux affidabbli. |
|
55. |
Għar-raġunijiet li ġejjin, inqis li l-Kummissjoni ma tistax tikkritika lir-Repubblika tal-Bulgarija talli ħatret perit indipendenti. |
|
56. |
Fl-ewwel lok, infakkar li l-possibbiltà li l-metodu ta’ kalkolu jiġi stabbilit abbażi ta’ perizja indipendenti kienet espressament prevista mid-Deċiżjoni 2015/456 stess. Fil-fatt, il-premessa 176 ta’ din id-deċiżjoni kienet tipprevedi l-użu ta’ perit indipendenti “f’każijiet li fihom l-awtoritajiet Bulgari jistgħu jqajmu tħassib leġittimu li [il-metodoloġija deskritta fil-premessa 173] ma tistax tiġi implimentata jew twassal għal ammont li jidher li ma jirriflettix kif xieraq l-ammont tal-għajnuna mill-Istat riċevuta mill-benefiċjarju” ( 28 ). Issa, il-fatt li din il-possibbiltà kienet espliċitament prevista minn din id-deċiżjoni jimplika neċessarjament li l-Kummissjoni kienet konxja tal-fatt li, fil-mument tal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, kienet teżisti possibbiltà li l-irkupru tal-għajnuna ma jistax jitwettaq b’mod kważi awtomatiku abbażi tal-valuri tal-prezzijiet tas-suq tal-artijiet li kienu ġew ikkomunikati waqt il-proċedura amministrattiva. Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li fil-prattika, id-determinazzjoni tal-valur tas-suq ta’ żona ta’ art jista’ jippreżenta ċerti diffikultajiet, li jistgħu jikbru minħabba n-numru żgħir ta’ tranżazzjonijiet komparabbli, u li jeżistu a priori diversi metodi possibbli għad-determinazzjoni tal-valur tas-suq ta’ art. |
|
57. |
Fit-tieni lok, in-nuqqas ta’ affidabbiltà tal-prezzijiet tas-suq taż-żoni ta’ art forestali kkomunikati mill-awtoritajiet Bulgari kien ġie debitament irrilevat minn dawn tal-aħħar, u dan ferm qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2015/456, sa mill-fażi amministrattiva, fl-osservazzjonijiet tagħhom tad‑19 ta’ Novembru 2013, kif ukoll, wara talba għal informazzjoni, taħt il-forma ta’ tabella mibgħuta permezz ta’ messaġġ elettroniku tal‑21 ta’ Jannar 2014. Dan kien espressament ikkonstatat mill-Kummissjoni fil-premessa 119 ta’ din id-deċiżjoni. Kif spjegat ir-Repubblika tal-Bulgarija fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, dan in-nuqqas ta’ affidabbiltà kien dovut, b’mod partikolari, għall-assenza ta’ numru suffiċjenti ta’ tranżazzjonijiet analogi fis-suq ristrett tal-artijiet li jinsabu fiż-żoni forestali, kif ukoll għall-partikolarità nazzjonali li l-parti l-kbira tal-atti notarili li għalihom l-awtoritajiet nazzjonali rrikorrew kienu jirriflettu l-istimi fiskali tal-proprjetajiet li ma kinux jirrappreżentaw suffiċjentement il-prezzijiet reali tas-suq. Minbarra dawn id-diffikultajiet ikkonstatati, kif jirriżulta mill-premessa 121 tal-imsemmija deċiżjoni, l-awtoritajiet Bulgari enfasizzaw li d-data pprovduta relatata mal-prezz tas-suq kienet “l-aħjar stimi li jistgħu jiksbu” ( 29 ), fid-dawl tal-fatt li: “(i) ma hemmx regoli speċifiċi fil-Bulgarija għad-determinazzjoni tal-prezzijiet tas-suq għaż-żoni ta’ art tal-foresta matul il-valutazzjoni, (ii) ikun meħtieġ ħafna żmien biex issir valutazzjoni, minn stimatur perit indipendenti, dwar il-prezzijiet tas-suq taż-żoni tal-art ikkonċernati fiż-żmien li sar l-iskambju u (iii) evalwazzjoni bħal din tkun proċess li jirrikjedi ħafna spejjeż”. Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tinjora l-fatt li l-prezzijiet ikkomunikati kienu jikkostitwixxu “stimi”, u lanqas tiddikjara b’mod assolut li dawn l-awtoritajiet kellhom, fil-mument tal-adozzjoni tal-istess deċiżjoni, id-data kollha neċessarja li tippermetti li jiġi ddeterminat l-ammont tal-irkupru tal-għajnuna. |
|
58. |
Fit-tielet lok, fid-dawl tal-preċedenti, nirrileva li l-użu ta’ perit indipendenti li għandu l-kwalifiki speċjalizzati kien, kemm permess kif ukoll neċessarju sabiex jikkumpensa għan-nuqqas ta’ affidabbiltà tad-data inizjalment ikkomunikata mir-Repubblika tal-Bulgarija lill-Kummissjoni. Fil-fatt, kif jirrileva dan l-Istat Membru, mingħajr ma jiġu stabbiliti b’mod preċiż il-prezzijiet tas-suq tal-artijiet, kien impossibbli li tiġi applikata b’mod adegwat il-metodoloġija li għaliha l-Kummissjoni tirreferi fil-premessa 173 tad-Deċiżjoni 2015/456, peress li l-prezz tas-suq tal-art kien jagħmel parti integrali mill-ekwazzjoni matematika prevista f’din il-premessa. |
|
59. |
Fir-raba’ u l-aħħar lok, dan il-fehim donnu huwa wkoll l-approċċ inizjali tal-Kummissjoni. Fil-fatt, kif ikkonfermat din l-istituzzjoni waqt is-seduta, hija aċċettat l-għażla tal-awtoritajiet Bulgari li jaħtru perit waqt il-laqgħa tagħhom tas‑7 ta’ Ottubru 2014, jiġifieri l-ewwel laqgħa ma’ dawn l-awtoritajiet wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2015/456 ( 30 ). Issa, billi aċċettat din l-għażla, il-Kummissjoni aċċettat ukoll, b’mod impliċitu, il-konsegwenzi prattiċi li jirriżultaw minnha. Fil-fatt, hija ma setgħetx ma tkunx totalment konxja li tali għażla kienet neċessarjament ser twassal għal dewmien fil-proċedura ta’ rkupru tal-għajnuna, b’mod partikolari, minħabba l-fatt li, b’konformità mal-premessa 176 ta’ din id-deċiżjoni, in-nomina tal-perit kellha ssir permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti. Madankollu, jekk il-Kummissjoni qieset li ma kinitx teżisti raġuni għall-użu tal-metodoloġija prevista f’din il-premessa, hija kellha topponiha mill-bidu, b’mod partikolari sa mill-ewwel laqgħa fuq imsemmija, u mhux għaxar snin wara, fl-okkażjoni ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 18 sa 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-miżuri kollha adottati mir-Repubblika tal-Bulgarija bejn l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2015/456 u l-produzzjoni tar-rapport tal-perit indipendenti, saru b’konsultazzjoni mad-dipartimenti tal-Kummissjoni, li qatt ma oġġezzjonaw, tal-inqas bil-miktub, għall-għażla inizjali li jinħatar dan il-perit. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet, anki wara x-xogħlijiet imwettqa mill-imsemmi perit u t-trażmissjoni tar-rapporti ta’ evalwazzjoni li jkopru l‑132 tranżazzjoni ta’ skambju kollha, il-Kummissjoni ma għamlet ebda oġġezzjoni jew proposta intiża sabiex jiġu adottati miżuri ġodda jew addizzjonali relatati mal-evalwazzjoni tal-artijiet. |
|
60. |
Fil-fehma tiegħi, mill-preċedenti jirriżulta li l-ewwel argument tal-Kummissjoni mressaq fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni lment għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
C. Fuq l-assenza ta’ indipendenza tal-perit innominat
|
61. |
Permezz tat-tieni argument tagħha mressaq fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni lment, il-Kummissjoni targumenta li l-perit innominat mir-Repubblika tal-Bulgarija, jiġifieri impriża miżmuma, fil-mument tas-selezzjoni tagħha, 100 % mill-Istat Bulgaru u li kienet imqiegħda taħt il-kontroll tal-istess awtorità bħal dik li inizjalment kienet tat l-għajnuna inkwistjoni, jiġifieri l-Ministeru għall-Agrikoltura, għall-Ikel u għall-Foresti, ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti ta’ indipendenza previsti fil-premessa 176 tad-Deċiżjoni 2015/456. B’mod iktar preċiż, wara t-talba għal informazzjoni tal‑20 ta’ Ġunju 2022 ( 31 ), u abbażi tal-elementi tat-tweġiba pprovduta mir-Repubblika tal-Bulgarija fit‑12 ta’ Lulju 2022 ( 32 ), il-Kummissjoni qieset li kienet teżisti b’mod ċar assenza ta’ indipendenza funzjonali u ekonomika bejn Agrolesproekt u dan il-ministeru li kienet ivvizzjat il-proċedura ta’ rkupru tal-għajnuna, u għalhekk, l-eżekuzzjoni effettiva tad-deċiżjoni tagħha. |
|
62. |
Minn naħa, fir-rigward tal-indipendenza funzjonali, l-istatuti, ir-rapporti ta’ attività u l-kontijiet annwali ta’ Agrolesproekt jindikaw, essenzjalment, li d-drittijiet tal-Istat Bulgaru, bħala proprjetarju esklużiv tal-kapital ta’ din l-impriża, kienu eżerċitati mill-Ministru għall-Agrikoltura, għall-Ikel u għall-Foresti, u li għalhekk kienet teżisti rabta ta’ subordinazzjoni diretta bejn l-imsemmija impriża u l-entità pubblika li kienet tat l-għajnuna ( 33 ). Waqt is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat li din ir-rabta organika kienet tikkostitwixxi problema ta’ indipendenza oġġettiva, peress li seta’ jiġi kkunsidrat li Agrolesproekt kienet taġixxi taħt it-tutela tal-Istat Bulgaru u bħala estensjoni ta’ dak li jagħti l-għajnuna. F’dan ir-rigward, skont il-Kummissjoni, il-kunflitt ta’ interess kien evidenti, peress li l-funzjonijiet ta’ ġestjoni ta’ Agrolesproekt kienu eżerċitati minn awtorità statali li kisret id-dritt tal-Unjoni; u għalhekk ikun “inutli li tiġi miċħuda l-influwenza ta’ din l-awtorità fuq il-proċess deċiżjonali tal-impriża”. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-indipendenza ekonomika, dejjem skont il-Kummissjoni, sensiela ta’ elementi kienu jsostnu l-assenza ta’ indipendenza ekonomika ta’ din l-impriża, bħal, b’mod partikolari, il-fatt li l-attività ta’ din tal-aħħar kienet tiddependi b’mod sħiħ fuq finanzjament pubbliku, peress li l-kuntratti kollha eżegwiti minn Agrolesproekt kienu mogħtija permezz ta’ sejħiet għal offerti organizzati mis-settur pubbliku. Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Bulgarija ma kinitx ipprovdiet preċiżazzjonijiet dwar l-identità ta’ entitajiet kontraenti differenti tas-settur pubbliku. |
|
63. |
Ir-Repubblika tal-Bulgarija tikkontesta dan l-argument billi targumenta, essenzjalment, li l-fatt li Agrolesproekt kienet entità pubblika ma setax jaffettwa l-indipendenza tagħha fil-missjoni li kienet ġiet fdata lilha, peress li, b’mod partikolari, sabiex tevalwa l-prezzijiet tas-suq taż-żoni ta’ art skambjati u sabiex tiddetermina l-ammonti tal-għajnuna li għandhom jiġu rkuprati, din l-impriża kienet ħatret żewġ periti rreġistrati mal-Kamra ta’ Evalwaturi Indipendenti tal-Bulgarija u awtorizzati sabiex jevalwaw żoni ta’ art f’żoni forestali, u li l-indipendenza tagħhom ma setgħetx tiġi kkontestata. |
|
64. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, qabelxejn, li d-Deċiżjoni 2015/456, u b’mod partikolari l-premessa 176 tagħha sempliċement, minn naħa, tippreċiża biss li l-awtoritajiet Bulgari jistgħu jwettqu l-evalwazzjoni tal-prezzijiet tas-suq taż-żoni ta’ art previsti minn din id-deċiżjoni “bl-użu ta’ perit indipendenti, ikkwalifikat biex iwettaq valutazzjonijiet bħal dawn, u magħżul permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti pubblika miftuħa”, u min-naħa l-oħra tistabbilixxi l-istadji differenti tal-proċedura għas-selezzjoni ta’ dan il-perit. Minkejja li din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-perit għandu jkun “indipendenti”, “ikkwalifikat” u “magħżul permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti”, madankollu hija ma tinkludi ebda indikazzjoni espliċita fir-rigward tal-istatus ġuridiku jew ta’ proprjetà ta’ dan il-perit, u b’mod partikolari, għall-fatt li ma jistax ikun impriża pubblika. |
|
65. |
Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk, minkejja l-assenza ta’ tali indikazzjoni fid-Deċiżjoni 2015/456, l-awtoritajiet Bulgari kellhomx madankollu jkunu jafu li n-nomina ta’ entità pubblika bħala perit, kienet, fiha nnifisha, inkompatibbli mar-rekwiżit ta’ indipendenza tiegħu. |
|
66. |
Għar-raġunijiet li ġejjin, inqis li dan ma kienx il-każ fil-każ inkwistjoni. |
|
67. |
Fil-fatt, fl-ewwel lok, nirrileva li tali prinċipju, li jipprovdi li l-entitajiet pubbliċi għandhom ikunu esklużi minn sejħiet għal offerti li jirrigwardaw missjonijiet ta’ perizja, ma jirriżultax la mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u lanqas minn dik iktar speċifika għall-għajnuna mill-Istat. |
|
68. |
Minn naħa, fir-rigward tar-regoli li jirrigwardaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, mill-punt 10 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24/UE ( 34 ), moqri flimkien mal-premessa 14 tagħha, jirriżulta li l-kunċett ta’ “operatur ekonomiku” għandu jingħata interpretazzjoni wiesgħa, b’mod li jinkludi mhux biss lill-persuni fiżiċi jew morali, iżda wkoll kull entità pubblika li b’mod partikolari, toffri l-provvista ta’ servizzi kkonċernati fis-suq, tkun xi tkun il-forma ġuridika li taħtha hija għażlet li topera. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li l-eventwalità ta’ pożizzjoni privileġġata ta’ operatur ekonomiku, minħabba finanzjamenti pubbliċi jew għajnuna mill-Istat, ma tistax tiġġustifika l-esklużjoni, a priori u mingħajr eżami ieħor, mill-parteċipazzjoni f’kuntratt pubbliku ( 35 ). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li wieħed mill-għanijiet tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi huwa l-ftuħ għall-kompetizzjoni l-iktar wiesgħa possibbli u li huwa fl-interess tad-dritt tal-Unjoni li tiġi żgurata l-ikbar parteċipazzjoni ta’ offerenti possibbli f’sejħa għal offerti mhux biss fir-rigward tal-interess fil-qasam tal-moviment liberu ta’ prodotti u servizzi, iżda wkoll fl-interess proprju tal-awtorità kontraenti involuta, li għaldaqstant ikollha l-ikbar għażla fir-rigward tal-offerta l-iktar vantaġġuża u l-iktar adattata għall-bżonnijiet tal-awtorità pubblika kkonċernata ( 36 ). |
|
69. |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-regoli iktar speċifiċi relatati mal-għajnuna mill-Istat, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal‑10 ta’ Lulju 1997 dwar elementi ta’ għajnuna Statali dwar bejgħ ta’ artijiet u bini ta’ awtoritajiet pubbliċi (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal‑1997”) ( 37 ), li kienet applikabbli fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2015/456 kif ukoll waqt l-ewwel tliet sejħiet għal offerti li l-awtoritajiet Bulgari nedew għas-selezzjoni tal-perit indipendenti ( 38 ), kienet tipprevedi espressament il-possibbiltà li l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tal-Istat jipparteċipaw f’perizja indipendenti. B’mod iktar preċiż, din il-komunikazzjoni kienet tistabbilixxi, fil-punt 2(a) tat-Titolu II “Prinċipji” li, jekk l-awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru jippjanaw li ma jirrikorrux għal bejgħ ta’ artijiet u ta’ bini fil-kuntest ta’ proċedura ta’ offerti inkundizzjonata ( 39 ), huma jistgħu jwettqu evalwazzjoni minn wieħed jew iktar mill-periti indipendenti responsabbli mill-evalwazzjoni tal-attiv, preliminarjament għan-negozjati ta’ qabel il-bejgħ, sabiex jiffissa l-valur tas-suq abbażi ta’ indikaturi tas-suq u ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni normalment aċċettati. Il-prezz tax-xiri minimu hekk iffissat jirrappreżenta l-prezz tax-xiri minimu li jista’ jiġi aċċettat mingħajr ma jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat. F’dan ir-rigward, din id-dispożizzjoni kienet tippreċiża, fir-raba’ paragrafu tagħha, li minbarra l-kwalitajiet professjonali ( 40 ), dan il-perit kellu jkun “indipendenti fix-xogħol tiegħu”, li kien jimplika li l-“awtoritatjiet pubbliċi ma jistgħux joħorġu ordnijiet dwar ir-riżultat tal-valutazzjoni. L-uffiċji ta’ valutazzjonijiet ta’ l-Istat u uffiċjali pubbliċi u impjegati tal-gvern għandhom jiġu meqjusa bħala indipendenti, dejjem jekk l-influwenza fuq is-sejbiet tagħhom tiġi eskuża” ( 41 ). |
|
70. |
Għandu jiġi nnotat li l-Komunikazzjoni tal‑1997 ma kinitx applikabbli għall-proċedura ta’ selezzjoni ta’ Agrolesproekt; ma kinitx tapplika ratione materiae, peress li minn naħa, din il-komunikazzjoni kienet tirrigwarda “bejgħ” ta’ artijiet u ta’ bini proprjetà tal-Istat u mhux “skambji” ( 42 ), u li min-naħa l-oħra, kienet tirrigwarda l-evalwazzjoni ta’ artijiet jew ta’ bini fil-kuntest tal-klassifikazzjoni ta’ għajnuna u mhux tal-irkupru tagħha; lanqas ma kienet tapplika ratione temporis, sa fejn din il-komunikazzjoni ma kinitx għadha fis-seħħ fil-mument li fih Agrolesproekt kienet proposta għall-approvazzjoni tad-dipartimenti tal-Kummissjoni ( 43 ). Madankollu, l-imsemmija komunikazzjoni tibqa’ rilevanti għall-finijiet ta’ din l-analiżi, b’mod partikolari sa fejn tistabbilixxi l-prinċipju li l-organi pubbliċi ta’ evalwazzjoni huma perfettament kapaċi jwettqu evalwazzjonijiet fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-regoli relatati mal-għajnuna mill-Istat, mingħajr ma jiġi preżunt li dawn ma jaġixxux b’mod indipendenti. Effettivament, għandu jiġi enfasizzat li ebda dispożizzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” msemmija fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li ssostitwixxiet il-Komunikazzjoni tal‑1997, ma teskludi l-possibbiltà li jinħatru periti indipendenti li huma organi pubbliċi, waqt li l-possibbiltà li jinħatru periti indipendenti tibqa’ valida ( 44 ). |
|
71. |
Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tal-Kummissjoni li jipprovdi li l-kuntest ta’ din il-kawża ma huwiex marbut mal-evalwazzjoni inizjali, minn perit, ta’ art intiża li tinbiegħ, li fil-kuntest tagħha l-organi pubbliċi ta’ evalwazzjoni jistgħu, b’konformità mal-Komunikazzjoni tal‑1997, iwettqu evalwazzjonijiet indipendenti, iżda mal-irkupru ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern, li jeħtieġ prekawzjonijiet partikolari. |
|
72. |
Fil-fatt, qabelxejn, jidhirli diffiċli li wieħed jaqbel ma’ fehim tal-kriterju ta’ indipendenza li jvarja skont l-istadju amministrattiv inkwistjoni. Perit indipendenti awtorizzat, kemm jekk inhu organu pubbliku jew privat, għandu jkun preżunt li jaġixxi b’indipendenza sħiħa, kemm fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-bejgħ ta’ art sabiex jevalwa l-eżistenza ta’ għajnuna (input) kif ukoll fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-valur ta’ art fid-dawl tal-irkupru ta’ għajnuna (output). Barra minn hekk, minn perspettiva teoretika, insibha diffiċli nifhem kif ir-riskju ta’ eventwali influwenza statali jinbidel skont jekk l-evalwazzjoni tikkonċernax l-eżistenza ta’ għajnuna jew l-irkupru tagħha. Pereżempju, jekk l-għan imfittex minn tali influwenza huwa li timminimizza l-ammont tal-għajnuna sabiex din tiġi kklassifikata bħala “de minimis”, ir-riskji jibqgħu l-istess kemm fl-istadju tal-klassifikazzjoni kif ukoll tal-irkupru tal-għajnuna. Dan japplika wkoll anki jekk, kif targumenta l-Kummissjoni, teżisti konverġenza bejn l-interessi tal-awtorità li tagħti l-għajnuna u dawk tal-benefiċjarji ( 45 ). Fl-aħħar nett, jidhirli li prinċipju li permezz tiegħu, essenzjalment, Stat Membru jkun preżunt li jaġixxi b’mod illegali billi jinfluwenza perit meta dan huwa impriża pubbliku jmur kontra l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE kif ukoll il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u għalhekk ma jistax ikun iġġustifikat. |
|
73. |
Fit-tieni lok, fid-dawl tal-konstatazzjoni magħmula iktar ’il fuq, li tipprovdi li abbażi tad-dritt tal-Unjoni, l-entitajiet pubbliċi ma jistgħux jiġu esklużi minn sejħiet għal offerti li jirrigwardaw evalwazzjonijiet imwettqa fil-kuntest tal-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat, jekk il-Kummissjoni qieset, f’dan il-każ, li l-iskambju ta’ artijiet kien suġġett sensittiv u li kien jeżisti riskju reali ta’ influwenza min-naħa tal-organu li ta l-għajnuna fid-dawl tal-entità li pprovdiet din il-perizja (jew li għażlet il-periti indipendenti), hija kellha tipprevedi espressament, fil-premessa 176 tad-Deċiżjoni 2015/456, li n-nomina tal-periti indipendenti kellha ssir minn “organu indipendenti” ( 46 ). Madankollu, fin-nuqqas ta’ tali indikazzjoni, ir-Repubblika tal-Bulgarija ma setgħetx tkun taf li n-nomina ta’ Agrolesproekt kienet fiha nnifisha kuntrarja għar-rekwiżiti ta’ indipendenza previsti fil-premessa 176 ta’ din id-deċiżjoni. |
|
74. |
Fit-tielet lok, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ebda prova oħra li tirriżulta mill-korrispondenza differenti bejn il-partijiet ma toħloq obbligu fuq l-awtoritajiet Bulgari (jew aspettattivi leġittimi għall-Kummissjoni) rigward il-fatt li l-perit indipendenti nominat ma għandux ikun entità pubblika. Għall-kuntrarju, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2015/456, il-Kummissjoni kienet aċċettat mingħajr oġġezzjonijiet, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna, il-prezzijiet stabbiliti minn periti li huma stess kienu jagħmlu parti mill-Ministeru għall-Agrikoltura, għall-Ikel u għall-Foresti. Bl-istess mod, kif indikat ir-Repubblika tal-Bulgarija, anki wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ma kkontestatx l-oġġettività tar-rapport dwar l-evalwazzjonijiet li jirrigwardaw it-tranżazzjonijiet “de minimis”, minkejja li dan kien sar mill-uffiċjali ta’ dan l-istess ministeru ( 47 ). Fl-aħħar nett, il-kwistjoni tal-indipendenza tal-periti kienet ukoll indirizzata espressament fl-okkażjoni ta’ korrispondenza dwar l-ewwel proċedura ta’ sejħa għal offerti, li kienet xolta, b’mod partikolari, għar-raġuni li l-evalwatur awtorizzat kien preċedentement ħa pożizzjoni dwar ir-rapporti ta’ evalwazzjoni stabbiliti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-għajnuna ( 48 ). Anki f’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ma ħaditx din l-okkażjoni sabiex tesprimi t-tħassib tagħha dwar l-allegat riskju li jirriżulta minn eventwali nomina ta’ impriża pubblika bħala perit indipendenti. |
|
75. |
Fir-raba’ u l-aħħar lok, il-Kummissjoni, fi kwalunkwe każ, ma kinitx f’pożizzjoni li turi l-eżistenza ta’ xi influwenza eżerċitata mill-awtoritajiet Bulgari fuq ir-rapport perizjali ta’ Agrolesproekt. F’dan ir-rigward, infakkar li, jekk nispiraw ruħna mill-kriterji sostnuti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-indipendenza tal-qrati, ir-rekwiżit ta’ indipendenza jinkludi żewġ aspetti distinti, l-indipendenza oġġettiva u l-indipendenza suġġettiva ( 49 ). Il-Kummissjoni targumenta li f’dan il-każ dawn iż-żewġ aspetti huma neqsin. |
|
76. |
Minn naħa, fir-rigward tal-indipendenza oġġettiva, din tippreżupponi li l-perit jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu f’awtonomija assoluta, mingħajr ma jkun suġġett għall-ebda rabta ġerarkika jew ta’ subordinazzjoni u mingħajr ma jieħu ordnijiet jew istruzzjonijiet minn kwalunkwe sors ieħor. B’hekk, il-perit huwa protett minn interventi jew pressjoni esterni li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza tar-rapport perizjali tiegħu ( 50 ). |
|
77. |
F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Kummissjoni esprimiet riżervi li jirrigwardaw kemm l-indipendenza funzjonali kif ukoll l-indipendenza ekonomika ta’ Agrolesproekt fir-rigward tal-Ministeru għall-Agrikoltura, għall-Ikel u għall-Foresti. |
|
78. |
Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-indipendenza funzjonali, inqis, qabelxejn, li l-indipendenza ta’ Agrolesproekt ma tistax tiġi kkontestata għas-sempliċi raġuni li din l-impriża kienet nominata mill-awtorità li tat l-għajnuna inkwistjoni. Għall-kuntrarju, nikkunsidra li, peress li huwa stabbilit bejn il-partijiet li ż-żewġ periti li ħatret din l-impriża kienu rreġistrati mal-Kamra ta’ Evalwaturi Indipendenti, dawn eżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f’osservanza tal-istandards etiċi u etika professjonali għolja ta’ indipendenza waqt l-iżvilupp tar-rapporti ta’ evalwazzjoni ( 51 ). F’dan is-sens, għandu jiġi preżunt li dawn igawdu minn indipendenza oġġettiva suffiċjenti. Din il-preżunzjoni hija imposta b’mod partikolari sa fejn ma huwiex evidenti li wieħed jifhem kif il-fatt li l-mandatarju tal-perizja huwa l-ministeru fuq imsemmi huwa fih innifsu rilevanti. Fil-fatt, minn naħa, kif ikkonfermat ir-Repubblika tal-Bulgarija, dawn iż-żewġ periti ma għandhom ebda relazzjoni diretta mal-Istat Bulgaru: huma ma humiex uffiċjali tal-Ministeru jew ta’ xi organu pubbliku ieħor, u lanqas ta’ Agrolesproekt, u ġew ingaġġati biss sabiex iwettqu l-funzjonijiet speċifiċi li ngħataw lilhom. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma kkontestatx il-kwalitajiet professjonali taż-żewġ periti li ġew nominati minn Agrolesproekt, u lanqas il-kapaċità tagħhom li jwettqu l-perizja fdata lilhom. Hija stess ammettiet, waqt is-seduta, li dawn iż-żewġ periti kienu ġew magħżula direttament mill-awtoritajiet Bulgari, mingħajr l-intervent ta’ Agrolesproekt, u l-kundizzjoni ta’ indipendenza, fis-sens tal-premessa 176 tad-Deċiżjoni 2015/456, kienet ġiet issodisfatta. |
|
79. |
Imbagħad, naħseb li din il-preżunzjoni ma tistax tinqaleb permezz ta’ sempliċi dikjarazzjoni li tkun ibbażata fuq il-fatt li “jkun inutli li tiġi miċħuda l-influwenza [tal-Ministeru] fuq il-proċess deċiżjonali tal-impriża”. Fil-fatt, b’konformità ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil‑kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija l-Kummissjoni li għandha l-oneru tistabbilixxi l-eżistenza tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u li għandha tipproduċi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji għall-verifika minnha tal-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mingħajr ma l-Kummissjoni ma tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni ( 52 ). Għalhekk, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-eżistenza ta’ rabta bejn in-natura statali ta’ Agrolesproekt u l-kwalità jew l-affidabbiltà tar-rapporti ta’ evalwazzjoni, sabiex turi li din l-impriża ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni li huma previsti fil-premessa 176 tad-Deċiżjoni 2015/456. Issa, kif ġie rrilevat waqt is-seduta, il-Kummissjoni ma pproduċiet ebda prova li turi struzzjonijiet li kienu mogħtija mill-awtoritajiet Bulgari lill-imsemmija impriża jew liż-żewġ periti nnominati. Bl-istess mod, ebda indizju sostantiv li jissuġġerixxi li l-periti ma kinux liberi li jwettqu l-missjoni tagħhom f’indipendenza sħiħa ma jirriżulta mir-rapporti annwali stabbiliti mill-istess impriża li għalihom tirreferi l-Kummissjoni. |
|
80. |
Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-indipendenza ekonomika, minkejja li huwa minnu li r-remunerazzjoni tal-periti jista’ effettivament ikollha rwol fl-indipendenza oġġettiva tagħhom, kif ddikjarat ir-Repubblika tal-Bulgarija, il-finanzjament ta’ Agrolesproekt tirriżulta mill-attività ekonomika li hija teżerċita. Għalhekk, id-dħul tagħha huwa mill-attività prinċipali tagħha, jiġifieri l-iżvilupp ta’ pjanijiet għall-użu tal-foresti u l-inventarju ta’ żoni forestali fil-kuntest ta’ kuntratti konklużi wara l-parteċipazzjoni tagħha fi proċeduri miftuħa. Din l-informazzjoni hija sostnuta mill-kontijiet annwali għas-snin 2018 u 2019, li huma ppubblikati fir-Reġistru tal-Kummerċ, li fihom huwa effettivament indikat li, matul il-perijodu tal-kontijiet ikkonċernat, din l-impriża għamlet id-dħul tagħha minn kuntratti fil-kuntest ta’ proċeduri miftuħa skont il-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi. |
|
81. |
Għalhekk, jidhirli li ebda prova prodotta mill-Kummissjoni ma tista’ turi li, f’dan il-każ, l-indipendenza oġġettiva ta’ Agrolesproekt jew taż-żewġ periti li hija nnominat kienet kompromessa. |
|
82. |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-indipendenza suġġettiva, infakkar li hija marbuta mal-kunċett tal-“imparzjalità” u tirreferi għall-fatt li fir-rigward tal-partijiet fil-kawża u l-interessi rispettivi tagħhom, tinżamm l-istess distanza mis-suġġett tal-kawża. Dan l-aspett jitlob li tipprevali l-oġġettività u li ma jkun hemm ebda interess ieħor fil-kontenut tal-perizja mwettqa ( 53 ). |
|
83. |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni argumentat, waqt is-seduta, li hija kellha indikazzjonijiet fis-sens li ż-żewġ periti inkwistjoni ma kinux għalkollox liberi fit-twettiq tal-missjoni tagħhom fil-kuntest stabbilit minn Agrolesproekt, li huma kienu rċevew indikazzjonijiet min-naħa tal-awtoritajiet Bulgari u li dan kien jirriżulta mir-rapporti ta’ din l-impriża stess. |
|
84. |
Madankollu, kif diġà ġie enfasizzat fil-punti 78 sa 80 ta’ dawn il-konklużjonijiet, mir-rapporti annwali ta’ Agrolesproekt donnu ma jirriżulta ebda elementi li jindika li l-periti ma kinux liberi fit-twettiq tal-missjoni tagħhom. Fil-fatt, dawn ir-rapporti jirrigwardaw proġetti ta’ organizzazzjoni tal-foresti li fihom ipparteċipaw strutturi tal-Istat Bulgaru. Madankollu, dawn ma għandhom ebda rilevanza għal dak li jirrigwarda l-missjoni ta’ Agrolesproekt fir-rigward tal-kalkolu tal-prezzijiet tal-artijiet forestali. Barra minn hekk, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rapport ta’ evalwazzjoni kif ippreżentat minn din l-impriża kien approvat mill-awtorità kontraenti, wara l-evalwazzjoni tal-bord ta’ periti tal-Aġenzija Eżekuttiva Forestali, mingħajr ebda intervent fir-rigward tal-kontenut tiegħu ( 54 ). |
|
85. |
Fid-dawl tal-preċedenti, u b’mod partikolari tal-formulazzjoni tal-premessa 176 tad-Deċiżjoni 2015/456, tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, tal-insuffiċjenza tal-preċiżazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva preċedenti u segwenti għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, u tan-nuqqas ta’ provi li jistgħu jikkontestaw l-oġġettività tar-rapport perizjali ppreżentat minn Agrolesproekt, għandu jiġi kkonstatat li ma huwiex stabbilit li r-Repubblika tal-Bulgarija kisret l-imsemmija deċiżjoni billi nnominat perit li ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti ta’ indipendenza previsti f’din il-premessa. |
|
86. |
Għalhekk, nipproponi li t-tieni argument żviluppat fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni lment għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
D. Fuq il-ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali minħabba l-assenza ta’ żvelar tal-istruttura ta’ proprjetà pubblika tal-perit innominat
|
87. |
Permezz tat-tielet u l-aħħar argument tagħha mressaq fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni lment, il-Kummissjoni tikkritika lill-awtoritajiet Bulgari li ma żvelawx fi żmien xieraq, jiġifieri, qabel l-approvazzjoni tan-nomina ta’ Agrolesproekt mill-Kummissjoni, fis‑26 ta’ Ottubru 2017 ( 55 ), l-informazzjoni li tipprovdi li din kienet impriża pubblika u li l-funzjonijiet ta’ ġestjoni tagħha kienu eżerċitati mill-Ministru għall-Ikel, għall-Agrikoltura u għall-Foresti. Din l-ommissjoni, li kienet żgwidat lid-dipartimenti tal-Kummissjoni, kienet tikkostitwixxi ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TFUE. Fil-fatt, din l-informazzjoni kienet ikkomunikata lill-Kummissjoni sentejn wara, jiġifieri fl‑10 ta’ Lulju 2020 ( 56 ). Waqt is-seduta, il-Kummissjoni spjegat li l-awtoritajiet Bulgari ma setgħux jinjoraw l-importanza u r-rilevanza li kellha din l-informazzjoni, dwar il-kontroll ta’ din l-impriża, fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ indipendenza. |
|
88. |
Ir-Repubblika tal-Bulgarija titlob li dan l-ilment jiġi miċħud bħala infondat. |
|
89. |
F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punti 67 sa 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ebda element tad-dritt tal-Unjoni jew tal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma kellha ġġiegħel lir-Repubblika tal-Bulgarija tikkomunika l-informazzjoni dwar il-fatt li ż-żewġ periti indipendenti kienu ġew innominati minn Agrolesproekt, impriża pubblika, ikkontrollata mill-Istat, u b’mod partikolari mill-Ministeru għall-Agrikoltura, għall-Ikel u għall-Foresti. |
|
90. |
Fi kwalunkwe każ, kif tosserva ġustament ir-Repubblika tal-Bulgarija, kieku l-Kummissjoni xtaqet tivverifika din l-informazzjoni, din kienet immedjatament u ferm disponibbli. Fil-fatt, l-informazzjoni dwar il-korpi ta’ tmexxija u l-kontroll tal-kapital ta’ impriża hija aċċessibbli għall-pubbliku u disponibbli fir-Reġistru tal-Kummerċ, b’tali mod li kull parti interessata jista’ jkollha aċċess għaliha malajr u mingħajr ħlas fil-każ li hija tqis li dan huwa neċessarju sabiex tieħu deċiżjoni ( 57 ). |
|
91. |
Fil-fehma tiegħi, isegwi li ma jista’ jiġi kkonstatat ebda ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali min-naħa tar-Repubblika tal-Bulgarija u li t-tielet argument imressaq fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni lment għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat. |
VI. Konklużjoni
|
92. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ li hija tqis opportun li tiddeċiedi dwar l-ewwel parti tat-tieni lment, li tiddikjara li l-Kummissjoni Ewropea ma wrietx li r-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha, b’mod partikolari, skont il-premessa 176 tad-Deċiżjoni (UE) 2015/456 tal‑5 ta’ Settembru 2014 dwar l-iskema ta’ għajnuna Nru SA.26212 (11/C) (ex 11/NN – ex CP 176/A/08) u SA.26217 (11/C) (ex 11/NN – ex CP 176/B/08) implimentata mir-Repubblika tal-Bulgarija fil-kuntest tal-iskambji tal-art tal-foresta. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Deċiżjoni tal‑5 ta’ Settembru 2014 dwar l-iskema ta’ għajnuna Nru SA.26212 (11/C) (ex 11/NN – ex CP 176/A/08) u SA.26217 (11/C) (ex 11/NN – ex CP 176/B/08) implimentata mir-Repubblika tal-Bulgarija fil-kuntest tal-iskambji tal-art tal-foresta (ĠU 2015, L 80, p. 100).
( 3 ) Regolament tal-Kunsill tat‑22 ta’ Marzu 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).
( 4 ) Regolament tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9).
( 5 ) Iż-Zakon za gorite (il-Liġi dwar il-Foresti, DV Nru 125, tad‑29 ta’ Diċembru 1997).
( 6 ) Jiġifieri r-Regolament dwar il-kalkolu tal-prezzijiet bażiċi, il-prezzijiet għall-art f’żoni esklużi u l-ħolqien tad-drittijiet tal-użu u tas-servitù fir-rigward tal-foresti u l-massa tal-art forestali, adottat mill-Kunsill tal-Ministri Nru 252, tas‑6 ta’ Novembru 2003 (DV Nru 101 tat‑18 ta’ Novembru 2003, kif emendat bid-DV Nru 1 tal‑5 ta’ Jannar 2007).
( 7 ) Fit‑3 ta’ Settembru 2009 ġie implimentat moratorju fuq il-bidla sussegwenti tal-użu deżinjat tal-artijiet skambjati.
( 8 ) Essenzjalment, jekk iż-żona ta’ art forestali pubblika rċevuta bi skambju għandha valur ogħla minn dik taż-żona ta’ art forestali privata mogħtija bi skambju. Il-Kummissjoni kkunsidrat li mill-banda l-oħra, id-deċiżjoni ta’ awtorità pubblika li tibdel, wara t-tranżazzjoni ta’ skambju, l-użu ta’ żona ta’ art partikolari, biex b’hekk l-artijiet forestali jsiru artijiet li jistgħu jinbnew, ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.
( 9 ) Regolament tal-Kummissjoni tat‑18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 [TFUE] għall-għajnuna de minimis (ĠU 2013, L 352, p. 1, rettifika fil-ĠU 2021, L 410, p. 204), li kien jistabbilixxi dawn il-kundizzjonijiet.
( 10 ) Mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mir-Repubblika tal-Bulgarija jirriżulta li, l-ewwel sejħa għal offerti, li tħabbret fit‑18 ta’ Diċembru 2014, kienet ġiet xolta għar-raġuni li ġie kkonstatat li l-uniku offerent li pparteċipa għas-sejħa, minn naħa, kien ippropona evalwatur awtorizzat li matul perijodu preċedenti, jiġifieri matul il-perijodu ta’ bejn is-sena 2003 u s-sena 2009, kien ipparteċipa fil-kwalità ta’ membru ta’ bord, u f’din il-kwalità, kien ħa pożizzjoni dwar ir-rapporti ta’ evalwazzjoni stabbiliti, u min-naħa l-oħra, kien għamel proposta teknika li ma kinitx konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tal-awtorità kontraenti; it-tieni sejħa għal offerti, li tħabbret fl‑20 ta’ Marzu 2015, kienet ġiet xolta wara tibdil materjali taċ-ċirkustanzi u minħabba l-ħtieġa ta’ eżami mill-ġdid tat-tranżazzjonijiet ta’ skambju u l-emenda tan-numru ta’ proprjetajiet immobbli li kellhom jiġu evalwati fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt sabiex jiġu eżaminati mill-ġdid il‑132 tranżazzjoni kollha; u t-tielet sejħa għal offerti, li tħabbret fl‑10 ta’ Ottubru 2016, kienet ġiet xolta fuq proposta tal-bord ta’ evalwazzjoni tal-offerti minħabba konstatazzjonijiet immotivati li jirrigwardaw iż-żewġ parteċipanti, li jipprovdu li dawn ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet preliminarjament stabbiliti fid-dokumenti ta’ sejħa għal offerti.
( 11 ) Mill-imsemmija ittra jirriżulta li ż-żewġ periti kellhom ċertifikat ta’ evalwaturi awtorizzati u masters fil-qasam tal-“foresti”, li kienu jiġġustifikaw esperjenza professjonali totali ta’ 28 u 22 sena rispettivament bħala inġiniera forestali u kienu wettqu rispettivament 722 u 53 perizja ta’ żoni ta’ artijiet forestali.
( 12 ) Fir-rigward tad‑29 tranżazzjoni ta’ skambju l-oħra, il-preżunti benefiċjarji ma kinux irċevew vantaġġ. Skont l-informazzjoni pprovduta mir-Repubblika tal-Bulgarija, Agrolesproekt kienet ippreparat 264 rapport ta’ evalwazzjoni li jinkludu evalwazzjoni tal-prezz tas-suq ta’ 2500 żona ta’ art li kienu s-suġġett tal‑132 tranżazzjoni ta’ skambju. Għal kull rapport, kienet ġiet stabbilita tabella li tindika d-differenza bejn il-prezz reali tas-suq u l-prezz amministrattiv applikat fil-kuntratti ta’ skambju tal-artijiet.
( 13 ) F’dan il-każ, dawn il-preċiżazzjonijiet kienu jikkonċernaw: l-ewwel nett, l-attività prinċipali tal-evalwatur, is-servizzi li huwa joffri u l-persuni li għalihom huma intiżi; l-istruttura ta’ kontroll tal-evalwatur, b’mod partikolari jekk huwiex miżmum mill-Istat, marbut ma’ entità pubblika, miżmum mis-settur privat jew imħallat; id-definizzjoni tal-persuni jew entitajiet li huma proprjetarji tal-evalwatur, u d-definizzjoni tal-persuni jew entitajiet li għandhom influwenza determinanti fuq l-attivitajiet tal-evalwatur; it-tieni nett, is-sorsi ta’ dħul tal-evalwatur, b’mod partikolari dwar il-kwistjoni dwar jekk u sa fejn huwa jiddependi mill-finanzjament pubbliku jew minn kuntratti mogħtija mill-Istat; u t-tielet nett, il-kriterju ta’ perit indipendenti waqt li r-riċezzjoni tal-offerta tal-evalwatur.
( 14 ) B’mod partikolari, minħabba t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ proprjetajiet immobbli analogi fis-suq bi prezzijiet baxxi ħafna (jiġifieri inqas mill-prezzijiet amministrattivi preċedentement applikati), kif ukoll prezzijiet iddikjarati biss għal skopijiet fiskali.
( 15 ) Direttiva tal-Kummissjoni tas‑16 ta’ Novembru 2006 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi (ĠU 2008, L 348M, p. 906, rettifika fil-ĠU 2009, L 84M, p. 555).
( 16 ) F’din l-istess ittra, il-Kummissjoni osservat li l-awtoritajiet Bulgari ma kinux wieġbu għall-mistoqsijiet li kienu ġew indirizzati lilhom permezz tal-ittra tal‑15 ta’ Mejju 2020 dwar is-sorsi ta’ dħul ta’ Agrolesproekt, b’mod partikolari għall-mistoqsija dwar jekk u sa fejn dawn kienu jiddependu fuq finanzjamenti pubbliċi jew kuntratti mogħtija mill-Istat.
( 17 ) DV Nru 13 tas‑16 ta’ Frar 2016 kif emendata u kkompletata diversi drabi, u fl-aħħar lok fid-DV Nru 11 tas‑6 ta’ Frar 2024.
( 18 ) Din il-kawża tat lok għas-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2023, Ministar na zemedelieto, hranite i gorite (C‑325/22, EU:C:2023:793), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari li l-Artikolu 107(1) TFUE u l-Artikolu 16(3) tar-Regolament 2015/1589 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li l-kriterji li jippermettu li jiġi ddeterminat l-ammont ta’ għajnuna mill-Istat irċevuta waqt l-akkwist ta’ artijiet, fil-kuntest ta’ skambju ta’ artijiet forestali, ikunu bbażati fuq il-prezzijiet medji tat-tranżazzjonijiet immobiljari rreġistrati li jirrigwardaw artijiet b’karatteristiċi analogi għal dawk li jkunu s-suġġett tal-evalwazzjoni u li jinsabu fil-viċinanza tagħhom, li fihom mill-inqas waħda mill-partijiet tkun negozjant, konklużi f’perijodu ta’ tnax-il xahar qabel l-evalwazzjoni, bil-kundizzjoni li l-applikazzjoni ta’ tali kriterji tkun kompatibbli mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-irkupru ta’ din l-għajnuna u li dawn il-kriterji jippermettu li jiġi ddeterminat il-valur tas-suq ta’ dawn l-artijiet fil-mument tat-tranżazzjoni ta’ skambju.
( 19 ) Minkejja li l-Kummissjoni tressaq dawn l-argumenti fil-kuntest tat-tieni lment, il-kunsiderazzjonijiet dwar l-għażla u l-indipendenza tal-perit innominat huma madankollu intrinsikament marbuta u rilevanti wkoll għall-finijiet tal-analiżi tal-ewwel u tat-tielet ilment.
( 20 ) Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tallega żewġ irregolaritajiet marbuta mal-organizzazzjoni tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti u relatati mal-għażla tal-perit indipendenti, jiġifieri, l-ewwel nett, il-fatt li l-prezz inizjalment offrut fil-kuntest tal-ewwel sejħa għal offerti kien baxx ħafna sabiex jattira l-kandidati, li kien irrikonoxxut mir-Repubblika tal-Bulgarija u wassalha sabiex iżżid il-prezz fil-kuntest tat-tieni sejħa għal offerti, u t-tieni nett, il-fatt li r-rekwiżit, previst fis-sejħa għal offerti, li jeħtieġ li l-perit għandu, minn naħa, jattwalizza l-prezz amministrattiv, u min-naħa l-oħra, jintegra prezzijiet amministrattivi fil-metodoloġija ta’ determinazzjoni tal-prezz tas-suq, seta’ jwassal għal żball, u għalhekk, jirriżulta f’eżekuzzjoni inkorretta tad-Deċiżjoni 2015/456. Il-Kummissjoni ppreżentat dawn l-ilmenti insostenn tal-pożizzjoni li hija fl-ebda każ ma tista’ tinżamm responsabbli tal-irregolaritajiet marbuta mal-organizzazzjoni tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti u mas-selezzjoni tal-perit indipendenti. Issa, peress li dawn l-allegati irregolaritajiet tqajmu għall-ewwel darba fil-kuntest tar-replika, huma ma jistgħux jitqiesu bħala lmenti awtonomi intiża sabiex jikkonstataw in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tar-Repubblika tal-Bulgarija (ara, f’dan ir-rigward l-Artikoli 120 u 121(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja).
( 21 ) Ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Mejju 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑674/13, EU:C:2015:302, punti 37 u 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑12 ta’ Mejju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Għajnuna għall-produtturi agrikoli) (C‑11/20, EU:C:2021:380, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 22 ) Dan l-obbligu jirriżulta wkoll mill-Artikolu 16(3) tar-Regolament 2015/1589, li ssostitwixxa r-Regolament Nru 659/1999 (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2025, Scai (C‑588/23, EU:C:2025:23, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata)).
( 23 ) Ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Mejju 2015, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑674/13, EU:C:2015:302, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑12 ta’ Mejju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja (Għajnuna għall-produtturi agrikoli) (C‑11/20, EU:C:2021:380, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 24 ) Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Il‑Kummissjoni vs L-Italja (C‑454/09, EU:C:2011:650, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 25 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑527/12, EU:C:2014:2193, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tat‑12 ta’ Mejju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja (Għajnuna għall-produtturi agrikoli) (C‑11/20, EU:C:2021:380, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 26 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2015, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑37/14, EU:C:2015:90, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 27 ) B’mod partikolari, il-fatt li 66 benefiċjarju minn total ta’ 102 kienu kkontestaw l-ordnijiet ta’ rkupru quddiem il-qrati nazzjonali, li wassal għal dewmien addizzjonali fl-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2015/456.
( 28 ) Din il-possibbiltà hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tipprovdi li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta, meta tordna l-ħlas lura ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern, li tiffissa l-ammont eżatt tal-għajnuna li għandha titħallas lura, sakemm id-deċiżjoni tagħha tinkludi indikazzjonijiet li jippermettu lid-destinatarju tagħha jiddetermina dan l-ammont huwa stess, mingħajr diffikultajiet eċċessivi (ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Ottubru 2000, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑480/98, EU:C:2000:559, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata); tal‑20 ta’ Marzu 2014, Rousse Industry vs Il‑Kummissjoni (C‑271/13 P, EU:C:2014:175, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata); kif ukoll tas‑6 ta’ Mejju 2015, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑674/13, EU:C:2015:302, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata)). Bħala eżempju, meta tkun affaċċjata bi skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni ġeneralment ma tkunx f’pożizzjoni li tidentifika preċiżament l-ammont ta’ għajnuna li kull wieħed mill-benefiċjarji individwali jkun irċieva u, għaldaqstant, iċ-ċirkustanzi speċifiċi għal wieħed mill-benefiċjarji ta’ skema ta’ għajnuna jistgħu jiġu evalwati biss fl-istadju tal-irkupru tal-għajnuna (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Mediaset (C‑69/13, EU:C:2014:71, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata)).
( 29 ) Korsiv miżjud minni.
( 30 ) Ara l-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 31 ) Ara l-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 32 ) Ara l-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 33 ) Il-Kummissjoni ppreċiżat, billi rreferiet għar-rapport annwali ta’ attività ta’ Agrolesproekt fir-rigward tas-sena 2020, li minn dan ir-rapport kien jirriżulta li, essenzjalment, l-implimentazzjoni ta’ proġetti differenti tal-impriża kienet ikkontrollata minn struttura amministrattiva tal-Ministeru għall-Agrikoltura, għall-Ikel u għall-Foresti.
( 34 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku [l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi] u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifiki fil-ĠU 2015, L 275, p. 68, fil-ĠU L 2023/90063 u fil-ĠU L 2025/90115).
( 35 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2009, CoNISMa (C‑305/08, EU:C:2009:807, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 36 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2009, CoNISMa (C‑305/08, EU:C:2009:807, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 37 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 143.
( 38 ) Ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 39 ) Jiġifieri, proċedura simili għal bejgħ pubbliku bil-valur tas-suq, u għalhekk ma hijiex għajnuna mill-Istat.
( 40 ) Ara t-tieni u t-tielet paragrafu tal-punt 2(a) tat-Titolu II “Prinċipji” tal-Komunikazzjoni tal‑1997.
( 41 ) Korsiv miżjud minni.
( 42 ) Fil-fatt, ir-raba’ paragrafu tat-Titolu I “Introduzzjoni” tal-Komunikazzjoni tal‑1997 jippreċiża li “[i]l-gwida tikkonċerna biss bejgħ ta’ artijiet u bini pubbliku. Il-gwida ma tikkonċernax l-akkwist pubbliku ta’ artijiet u bini jew il-kiri jew il-kera ta’ artijiet u bini minn awtoritajiet pubbliċi. Dawn l-operazzjonijiet jistgħu jinkludi elementi ta’ għajnuna Statali”.
( 43 ) Ara l-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 44 ) ĠU 2016, C 262, p. 1. Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 103 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 163, kif ukoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 133 tal-Komunikazzjoni dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, li tippreċiża biss li “l-evalwazzjonijiet ex ante għandhom jitwettqu bl-appoġġ ta’ periti b’ħiliet u esperjenza xierqa. Dawn l-evalwazzjonijiet għandhom ikunu dejjem ibbażati fuq kriterji oġġettivi u ma għandhomx jiġu affettwati minn kunsiderazzjonijiet ta’ politika”.
( 45 ) Fil-fatt, kif ġustament jargumenta r-Repubblika tal-Bulgarija, kunflitt ta’ interessi bejn il-perit indipendenti u l-Istat Membru jista’ jinħoloq biss f’sitwazzjoni fejn teżisti possibbiltà li jinsilet vantaġġ indebitu. Madankollu, f’dan il-każ, ir-Repubblika tal-Bulgarija jew Agrolesproekt ma jisiltu ebda vantaġġ mill-fatt li l-evalwazzjoni tal-prezz tas-suq kien ġustament stabbilit minn din il-kumpannija kummerċjali.
( 46 ) Ara, f’dan is-sens, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑30 ta’ April 2008 dwar l-għajnuna mill-Istat C 56/06 (ex NN 77/06) implimentata [mir-Repubblika tal-Awstrija] għall-privatizzazzjoni tal-Bank Burgenland (innotifikata taħt in-numru C(2008) 1625). F’dak il-każ, il-Kummissjoni spjegat li hija ma għandhiex l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tevalwa b’mod definittiv jekk ċerta miżura kinitx tikkostitwixxi vantaġġ, u li għalhekk, ir-Repubblika tal-Awstrija kellha “tipprovdi valutazzjoni minn perit indipendenti, appuntat minn korp indipendenti, tal-valur tas-suq ta’ l-erba’ sussidjarji tal-proprjetà immobbli tal-[Bank Burgenland]” (ara l-premessa 172 ta’ din id-deċiżjoni) (korsiv miżjud minni).
( 47 ) Ara l-punti 19 u 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 48 ) Ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 49 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Governo della Repubblica italiana (Status tal-giudici di pace Taljani) (C‑658/18, iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet fi-kawża Status tal-giudici di pace Taljani”, EU:C:2020:33, punti 42 sa 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 50 ) Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet fil-kawża Status tal-giudici di pace Taljani (punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 51 ) Skont l-Artikolu 18(6) taż-Zakon za nezavisimite otseniteli (il-Liġi dwar l-Evalwaturi Indipendenti, adottata fid-DV Nru 98 tal‑14 ta’ Novembru 2008, kif emendata u kkompletata, fl-aħħar lok, bid-DV Nru 19 tat‑8 ta’ Marzu 2011), kull evalwatur indipendenti għandu “jikkonforma mal-kodiċi ta’ etika professjonali tal-evalwaturi indipendenti”.
( 52 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑12 ta’ Frar 2015, Il‑Kummisjoni vs Franza (C‑37/14, EU:C:2015:90, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Id-Danimarka (Tul massimu ta’ parkeġġ) (C‑167/22, EU:C:2023:1020, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). Skont din il-ġurisprudenza, għall-kuntrarju, huwa l-Istat Membru inkwistjoni li għandu, meta jkun ġiet stabbilit in-nuqqas ta’ rkupru ta’ parti minn jew l-għajnuna kollha inkwistjoni, jiġġustifika r-raġunijiet li għalihom dan l-irkupru ma kienx meħtieġ għal dak li jirrigwarda ċerti benefiċjarji.
( 53 ) Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet fi-kawża Status tal-giudici di pace Taljani (punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 54 ) Ara l-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 55 ) Ara l-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 56 ) Ara l-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 57 ) Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, fil-premessa 142 tad-Deċiżjoni 2015/456, irreferiet hija stess għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-għajnuna li tirriżulta mir-Reġistru Kummerċjali Bulgaru (“[t]abilħaqq, numru ta’ benefiċjarji […] tat-tranżazzjonijiet ta’ skambju għandhom, fost affarijiet oħra, il-proprjetà immobbli, it-turiżmu, l-attivitajiet ta’ ristoranti u t-tisġir elenkati bħala s-setturi ekonomiċi li joperaw fihom fir-Reġistru Kummerċjali Bulgaru” (korsiv miżjud minni).