31993D0540



Official Journal L 263 , 22/10/1993 P. 0051 - 0051
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 13 P. 0049
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 13 P. 0049


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tat-18 ta' Ottubru 1993

li tapprova ċerti emendi tal-Ftehim ta' koperazzjoni li jaħdem kontra t-tniġġis tal-Baħar tat-Tramuntana biż-żejt u b'sustanzi perikolużi oħra (Ftehim ta' Bonn)

(93/540/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 130s tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi bid-Deċiżjoni Nru 84/358/KEE [4] il-Kunsill approva fit-28 ta' Ġunju 1984 l-Ftehim ta' koperazzjoni li jaħdem kontra t-tniġġis tal-Baħar tat-Tramuntana biż-żejt u b'sustanzi perikolużi oħra iffirmat f'Bonn fit-13 ta' Settembru 1983;

Billi fl-ewwel laqgħa tagħhom f'Bonn mid-19 sat-22 ta' Settembru 1989 il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ftehmu dwar numru ta' emendi maħsuba biex jinkludu fil-Ftehim dispożizzjonijiet li jikkonċernaw attivitajiet ta' sorveljanza fuq it-tniġġis, sabiex jassiguraw implimentazzjoni tal-paragrafi 46 sa 50 tad-Dikjarazzjoni Ministerjali adottata fit-Tieni konferenza internazzjonali għall-protezzjoni tal-Baħar tat-Tramuntuna li saret f'Londra fl-24 u 25 ta' Novembru 1987;

Billi l-Partijiet Kontraenti ukoll iddeċidew li jemendaw iż-żona ta' demarkazzjoni ta' l-iSkagerrak, kif imniżżel fl-Artikolu 2(a) tal-Ftehim;

Billi l-emendi jistgħu jidħlu fis-seħħ biss meta jkunu ġew approvati mill-Partijiet Kontraenti kollha, skond l-Artikolu 16(2) tal-Ftehim,

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

L-emendi għall-Ftehim ta' koperazzjoni li jaħdem kontra t-tniġġis tal-Baħar tat-Tramuntana biż-żejt u b'sustanzi perikolużi oħra, (Ftehim ta' Bonn) adottat mill-Partijiet Kontraenti fl-ewwel laqgħa tagħhom li saret f'Bonn mid-19 sat-22 ta' Settembru 1989, huma hawnhekk approvati f'isem il-Komunità Ekonomika Ewropea.

It-test tad-Deċiżjoni li tikkonċerna dawn l-emendi huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, javża l-Gvern Depożitarju msemmi fl-Artikolu 16(2) tal-Ftehim bl-adozzjoni ta' l-istrument ta' approvazzjoni.

Magħmula fil-Lussemburgu, fit-18 ta' Ottubru 1993.

F'isem il-Kunsill

Il-President

A. Bourgeois

[1] ĠU C 114, tal-5.5.1992, p. 13.

[2] ĠU C 42, tal-15.2.1993, p. 36.

[3] ĠU C 287, ta' l-4.11.1992, p. 1.

[4] ĠU L 188, tas-16.7.1984, p. 7.

--------------------------------------------------