|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/3673 |
26.6.2024 |
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni – Id-Difiża tad-Demokrazija
(C/2024/3673)
|
RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR),
Kummenti ġenerali
|
1. |
isostni li l-istabilità, is-sigurtà u l-prosperità tal-UE jiddependu mir-rispett sħiħ tal-prinċipji, il-valuri u l-istituzzjonijiet demokratiċi fil-livelli kollha; jinnota li l-prerekwiżiti esterni biex dawn il-valuri jinżammu jinkludu l-paċi u s-sigurtà internazzjonali, kif ukoll is-sostenn tar-relazzjonijiet ekonomiċi u politiċi normali fuq il-pjaneta tagħna. Ma hemm l-ebda demokrazija f’kundizzjonijiet ta’ żmien ta’ gwerra, ma hemm l-ebda demokrazija fil-faqar jew fl-inċertezza, ma hemm l-ebda demokrazija meta n-nies jibżgħu mill-futur. Madankollu, dan jimponi responsabbiltà speċjali fuq it-tmexxija tal-Unjoni Ewropea, inklużi l-Kummissjoni Ewropea u l-gvernijiet tal-Istati Membri tagħha; |
|
2. |
jiddefendi l-istat tad-dritt, l-ugwaljanza quddiem il-liġi u s-separazzjoni tas-setgħat, li huma l-bażi tad-demokrazija u jirfdu l-acquis communautaire li fuqu hija mibnija l-UE; |
|
3. |
jilqa’ l-fatt li l-ħidma fuq il-miżuri mressqa mill-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea miexja tajjeb, u dan jgħin biex tissaħħaħ ir-reżiljenza demokratika billi tiġi promossa l-integrità tal-elezzjonijiet, jiġu protetti l-libertà u l-pluraliżmu tal-media, u tissaħħaħ il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-interferenza minn barranin; |
|
4. |
jemmen li sistemi u proċessi elettorali robusti, bi tfixkil minimu, huma prerekwiżiti bażiċi għad-demokraziji, u li ċ-ċittadini jistennew standards għoljin ta’ integrità min-naħa tal-uffiċjali pubbliċi. Iwissi li l-każijiet ta’ korruzzjoni fil-livell tal-UE jimminaw serjament il-fiduċja tal-pubbliku fl-istituzzjonijiet tal-UE; |
|
5. |
jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi kollha biex titrawwem, tiġi protetta u tissaħħaħ id-demokrazija Ewropea, u biex is-soċjetajiet u l-awtoritajiet pubbliċi jiġu attrezzati aħjar bil-mezzi biex jirrispondu għal theddid estern komuni għall-proċess demokratiku; |
|
6. |
Iqis li s-separazzjoni tas-setgħat hija fundamentali għall-funzjonament tad-demokrazija. Daqstant ieħor kritiku huwa l-imperattiv li r-rappreżentanti pubbliċi jagħtu eżempju ta’ tmexxija billi jaġixxu b’dinjità u integrità. F’dan l-ispirtu, il-Kumitat jenfasizza l-importanza li tali rappreżentanti jrawmu b’mod attiv l-involviment u jaqdu b’mod diliġenti l-ġid pubbliku, kif ukoll li jallinjaw l-isforzi tagħhom mal-aspirazzjonijiet u l-ħtiġijiet taċ-ċittadini li huma jaqdu; |
|
7. |
jinnota li fl-ambjent tas-sigurtà attwali li qed jinbidel malajr, għandhom jittieħdu miżuri speċifiċi biex jiġu indirizzati l-isfidi għall-valuri u l-istituzzjonijiet demokratiċi, inklużi l-polarizzazzjoni, l-influwenza moħbija u interferenza oħra, il-vjolenza u d-diskors ta’ mibegħda kontra rappreżentanti eletti, fil-ħin u b’mod effettiv; |
|
8. |
jemmen li ċ-ċittadini għandhom id-dritt li ma jaqblux u li jbiddlu l-gvernijiet permezz tal-elezzjonijiet, mingħajr indħil, kemm barrani kif ukoll domestiku; |
|
9. |
jinnota li l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa kienet eżerċizzju demokratiku importanti, iżda li l-konklużjonijiet tagħha għad iridu jiġu implimentati; |
|
10. |
jappoġġja bil-qawwa l-iskambju ta’ esperjenzi u t-tixrid ta’ prattiki tajba biex tissaħħaħ id-demokrazija fl-UE; |
|
11. |
jindika li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom għarfien speċifiku biex jidentifikaw theddid potenzjali għall-integrità tal-proċessi demokratiċi u biex jikkonsolidaw prattiki demokratiċi fil-prattika, u li dawn jgħinu biex tissaħħaħ id-demokrazija Ewropea billi jippromovu u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja pubblika u b’hekk fl-elezzjonijiet Ewropej, nazzjonali u lokali. Huwa diżappuntat li l-inizjattivi li għandhom l-għan li jsaħħu d-demokrazija Ewropea ppreżentati fil-livell tal-UE ma tantx jirrikonoxxu dan; |
|
12. |
itenni t-talba tiegħu li jiġi stabbilit mekkaniżmu bbażat fuq il-post għad-djalogu maċ-ċittadini, appoġġjat mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, li ser jiżgura komunikazzjoni bidirezzjonali bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet tal-UE; |
Il-promozzjoni ta’ proċessi elettorali inklużivi u reżiljenti
|
13. |
jirrakkomanda li l-proċessi elettorali inklużivi u reżiljenti fl-UE għandhom isegwu l-ogħla standards demokratiċi, u jippromovi inizjattivi biex jiżdiedu l-aċċessibilità elettorali u l-involviment politiku ferm qabel l-elezzjoni nnifisha, bil-għan li l-akbar numru ta’ votanti jitħeġġu jivvutaw; |
|
14. |
jappoġġja l-isforzi kollha biex ikomplu jissaħħu n-natura Ewropea u t-tmexxija effiċjenti tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, biex iċ-ċittadini kollha jiġu involuti fl-elezzjonijiet, u biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-drittijiet elettorali relatati; |
|
15. |
jemmen li huwa ta’ importanza kbira li l-liġijiet elettorali jiżguraw parteċipazzjoni u rappreżentanza akbar fil-livell lokali; |
|
16. |
jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol ewlieni fit-trawwim ta’ elezzjonijiet ħielsa, ġusti u reżiljenti fl-Istati Membri tal-UE; |
|
17. |
jitlob li tissaħħaħ aktar ir-reżiljenza tal-proċessi elettorali, f’konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali u l-valuri demokratiċi minquxa fl-istandards tal-UE u dawk internazzjonali; |
|
18. |
jirrikonoxxi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ukoll responsabbiltà speċifika biex jipproteġu l-kuntest informattiv tal-elezzjonijiet billi jiżguraw li l-votanti jirċievu informazzjoni korretta fil-ħin, b’mod aċċessibbli u intelliġibbli, u billi jindirizzaw il-manipulazzjoni tal-informazzjoni, l-interferenza u d-diżinformazzjoni relatati mal-elezzjonijiet, f’kollaborazzjoni ma’ partijiet ikkonċernati oħra; |
|
19. |
jenfasizza l-importanza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jipprovdu lill-gruppi kollha taċ-ċittadini, inklużi ż-żgħażagħ u ċittadini li jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, bħall-persuni b’diżabilità u persuni li jitkellmu l-lingwi minoritarji, b’informazzjoni dwar ir-regoli bażiċi u l-arranġamenti prattiċi relatati mal-eżerċizzju tad-drittijiet elettorali tagħhom, u jiżguraw li l-metodi ta’ votazzjoni tradizzjonali jibqgħu disponibbli f’pajjiżhom; |
|
20. |
jirrikonoxxi r-rwol kritiku tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fit-tisħiħ tar-reżiljenza demokratika, u l-promozzjoni ta’ inizjattivi li jappoġġjaw il-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa fil-proċess elettorali, kemm bħala votanti kif ukoll bħala kandidati, u jenfasizza l-importanza ta’ politiki li jindirizzaw l-ostakli għall-involviment politiku tan-nisa; |
|
21. |
jilqa’ l-isforzi biex jissaħħu l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-qasam tar-reżiljenza demokratika u elettorali fil-livell Ewropew, inkluż fil-kuntest tan-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet; jinnota b’dispjaċir, madankollu, li d-dimensjoni lokali u reġjonali ma ġietx inkorporata biżżejjed f’din il-kooperazzjoni minkejja l-għan tan-network li jipproteġi l-elezzjonijiet fil-livelli kollha; għalhekk jitlob li sessjoni tan-Network tkun iddedikata għall-protezzjoni tal-elezzjonijiet lokali u reġjonali; |
|
22. |
huwa tal-fehma li għandha tingħata attenzjoni speċjali meta tintbagħat informazzjoni liċ-ċittadini nazzjonali jew naturalizzati tal-Unjoni Ewropea li huma residenti f’pajjiżi terzi sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod adegwat fl-elezzjonijiet li jsiru fl-Ewropa; |
Il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-tfassil tal-politika pubblika
|
23. |
jippromovi l-involviment inklużiv u effettiv taċ-ċittadini, tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-proċessi tat-tfassil tal-politika pubblika; |
|
24. |
jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol ewlieni biex irawmu parteċipazzjoni demokratika wiesgħa u inklużiva, u biex jiżguraw ambjent ta’ appoġġ u inklużiv li jipprovdi opportunitajiet għaċ-ċittadini biex jipparteċipaw b’mod effettiv; |
|
25. |
jirrikonoxxi l-importanza ta’ soluzzjonijiet diġitali biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni pubblika, u fl-istess ħin jirrikonoxxi li hemm bżonn li tkompli tiġi permessa l-parteċipazzjoni bi preżenza fiżika fejn rilevanti; |
|
26. |
jinnota l-importanza li tissaħħaħ il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika tal-UE u jindika r-rakkomandazzjonijiet konġunti tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u tal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ inklużi fil-Karta dwar iż-Żgħażagħ u d-Demokrazija; jenfasizza r-rwol tal-kunsilli lokali taż-żgħażagħ bħala pjattaformi essenzjali għall-involviment taż-żgħażagħ fil-governanza demokratika u fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, ifakkar fl-istedina tiegħu lill-Istati Membri biex jikkunsidraw serjament li jbaxxu l-età tal-vot għal 16-il sena għall-elezzjonijiet lokali u reġjonali kollha fl-Ewropa, u jappella sabiex tiġi ġġenerata data u biex isir skambju tal-għarfien dwar l-impatt tal-arranġamenti istituzzjonali fuq il-parteċipazzjoni politika taż-żgħażagħ, pereżempju dwar l-età minima biex jivvutaw u joħorġu għal elezzjoni (1); |
|
27. |
iqishom ta’ importanza partikolari l-proċessi ta’ involviment taċ-ċittadini li fihom il-membri tal-komunità jiddeċiedu kif jonfqu parti minn baġit pubbliku billi jidentifikaw u jipprijoritizzaw proġetti ta’ nfiq pubbliku. L-ibbaġitjar parteċipattiv japprofondixxi d-demokrazija, jibni komunitajiet aktar b’saħħithom u joħloq distribuzzjoni aktar ekwa tar-riżorsi pubbliċi; |
|
28. |
jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma pilastri essenzjali ta’ demokrazija li tiffunzjona, peress li jħeġġu u jawtonomizzaw liċ-ċittadini biex jipparteċipaw b’mod attiv fil-proċessi tat-tfassil tal-politika pubblika b’modi differenti, bħal permezz ta’ panels taċ-ċittadini, djalogi jew assemblej online jew offline; |
|
29. |
jirrikonoxxi li l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huwa aspett wieħed tar-rispett għall-istat tad-dritt, u li l-parteċipazzjoni effettiva u inklużiva hija garantita meta jkunu jistgħu jaħdmu f’ambjent sikur fejn jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali tagħhom u dawk tal-membri tagħhom; |
|
30. |
jenfasizza li s-sensibilizzazzjoni dwar eżempji ta’ suċċess tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini f’oqsma li huma l-aktar importanti għalihom hija kruċjali biex jitħeġġeġ involviment akbar taċ-ċittadini fl-iżvilupp tal-politika. Fid-dawl ta’ dan, jinnota l-eżempju tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE), li jagħmlu parti minnha l-UE, fi ħdan il-mandat tagħha, u l-Istati Membri kollha, li tiggarantixxi d-drittijiet proċedurali tal-membri tal-pubbliku, inkluża l-parteċipazzjoni pubblika fil-proċeduri tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ambjentali, u b’hekk iċ-ċittadini jingħataw leħen fil-proċess biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; |
|
31. |
jenfasizza l-importanza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkollhom riżorsi adegwati, u li jkun hemm finanzjament pubbliku u privat tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jilqa’ l-fatt li l-Unjoni Ewropea tipprovdi opportunitajiet ta’ finanzjament għall-awtoritajiet lokali u reġjonali u għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jimplimentaw proġetti li jgħinu jitrawmu l-valuri tal-UE, waqt li tiġi enfasizzata l-importanza tal-istrateġiji tal-UE dwar l-Unjoni ta’ Ugwaljanza; |
|
32. |
jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jsaħħu l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll tal-organizzazzjonijiet umbrella Ewropej u nazzjonali tagħhom, u jikkonsolidaw l-involviment tagħhom; |
|
33. |
jibqa’ impenjat li jsaħħaħ il-komunikazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, il-komunitajiet lokali u ċ-ċittadini permezz tan-Network tiegħu ta’ Kunsilliera Reġjonali u Lokali, f’sinerġija mal-proġett tal-Kummissjoni Ewropea “Nibnu l-Ewropa flimkien mal-Kunsillieri Lokali”, l-organizzazzjoni ta’ djalogi lokali u l-involviment tal-Politiċi Eletti Żgħażagħ fl-attivitajiet tal-KtR; |
|
34. |
jappella biex iċ-ċittadini jaqdu rwol biex jiddefinixxu u/jew jibdlu l-politiki pubbliċi Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali. Il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini f’dan il-proċess hija essenzjali biex dawn il-politiki jiġu aċċettati. Mingħajr involviment minn qabel, iċ-ċittadini jistgħu jirrifjutaw dawn il-politiki; |
It-tisħiħ tat-trasparenza tal-attivitajiet ta’ rappreżentanza tal-interessi li jsiru f’isem pajjiżi terzi
|
35. |
iħeġġeġ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-UE jivvalutaw bir-reqqa d-Direttiva proposta u jipproponu l-emendi meħtieġa b’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali u l-valuri demokratiċi; |
|
36. |
jinnota li d-definizzjoni ta’ attività ta’ rappreżentanza tal-interessi mhijiex ċara. Għalhekk iridu jiġu applikati l-aktar approċċi komprensivi, ġenerali, ideoloġikament newtrali u prattiċi sabiex jiġi żgurat li r-rappreżentazzjonijiet tal-interessi jkunu identifikati b’mod ċar u trasparenti. Huwa evidenti li kull min jidħol fl-ispazju pubbliku jrid jidentifika lilu nnifsu u jkun trasparenti; |
|
37. |
iwissi li l-Proposta inkwistjoni tistabbilixxi differenza bejn it-trattament ta’ attivitajiet ekonomiċi ta’ rappreżentanza tal-interessi mwettqa f’isem entitajiet ta’ pajjiżi terzi u attivitajiet ekonomiċi ta’ rappreżentanza tal-interessi mwettqa f’isem entitajiet ta’ organizzazzjoni multilaterali, li l-potenzjal politiku u ekonomiku u r-rappreżentanza tal-interessi tagħhom għandhom ikunu fil-biċċa l-kbira barra mill-Unjoni Ewropea; |
|
38. |
jesprimi tħassib dwar l-impatt possibbli tad-Direttiva proposta, li jista’ jirriżulta f’konsegwenzi mhux intenzjonati u sproporzjonati (għal entitajiet iffinanzjati minn barra l-pajjiż) filwaqt li ma jinqabadx b’mod effiċjenti t-theddid reali għad-demokrazija; |
|
39. |
iwissi li huwa kritiku li jiġu applikati standards ta’ trasparenza ġustifikabbli u proporzjonali għal kulħadd, u jeħtieġ li tingħata attenzjoni fid-dawl tal-effetti valanga potenzjali tad-Direttiva proposta f’partijiet oħra tad-dinja; |
|
40. |
jikkundanna kwalunkwe limitazzjoni bla bżonn fuq il-libertajiet fundamentali u r-restrizzjonijiet fuq l-ispazju ċiviku u politiku bi ksur tal-liġi dwar id-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-hekk imsejħa “liġijiet dwar l-aġenti barranin”; |
|
41. |
iqis li xi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu, minħabba l-għanijiet li jsegwu u l-mezzi għad-dispożizzjoni tagħhom, ikollhom influwenza sinifikanti fuq il-ħajja pubblika u d-dibattitu pubbliku, u f’dan il-każ l-objettiv li tiżdied it-trasparenza fir-rigward tal-appoġġ finanzjarju mogħti lil tali organizzazzjonijiet jista’ jikkostitwixxi raġuni prevalenti fl-interess pubbliku. Madankollu, ir-restrizzjonijiet għandhom jiġu imposti biss għal għanijiet leġittimi, bħal fl-interess tas-sigurtà nazzjonali, is-sikurezza pubblika jew l-ordni pubbliku, u għandhom ikunu proporzjonati mal-għan tal-protezzjoni ta’ dawn l-interessi. Għandhom jiġu adottati l-mezzi l-inqas intrużivi biex jintlaħaq l-objettiv mixtieq (2); |
Konklużjoni
|
42. |
jilqa’ l-Proposti tal-Kummissjoni biex tinvolvi liċ-ċittadini fil-proċess elettorali u ttejjeb il-fiduċja pubblika fl-elezzjonijiet, u biex issegwi politiki li jsaħħu l-pożizzjoni tal-korpi lokali u reġjonali u lill-organizzazzjonijiet taċ-ċittadini biex jipparteċipaw fid-dibattitu pubbliku u fit-tfassil tal-politika; |
|
43. |
jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol ċentrali fid-difiża tad-demokrazija Ewropea u huma element essenzjali fl-istruttura demokratika Ewropea, fejn id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadin, kif speċifikat fl-Artikolu 10(3) tat-TUE; |
|
44. |
jappella lill-Kummissjoni Ewropea tagħti prijorità lill-kollaborazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex tissalvagwardja b’mod effettiv id-demokrazija fl-UE, u fl-istess ħin tirrispetta u tippromovi l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-istat tad-dritt. |
Brussell, is-17 ta' April 2024
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Vasco ALVES CORDEIRO
(1) Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Il-Futur tal-Politika dwar iż-Żgħażagħ fl-UE. Riflessjoni dwar il-politika dwar iż-żgħażagħ u l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fil-kuntest tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022” (ĠU C 79, 2.3.2023, p. 30).
(2) Pereżempju, ara C-78/18.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3673/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)