European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2414

16.9.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2414

tat-13 ta’ Settembru 2024

dwar l-awtorizzazzjoni taż-żejt essenzjali tal-ġnibru u tat-tintura tal-ġnibru mill-Juniperus communis L. bħala addittivi tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimal (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta’ addittivi għall-użu fin-nutrizzjoni tal-annimali u għar-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni. L-Artikolu 10(2) ta’ dak ir-Regolament jipprevedi l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-addittivi awtorizzati skont id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE (2).

(2)

Is-sustanzi, iż-żejt essenzjali tal-ġnibru u ż-żejt essenzjali tat-tintura tal-ġnibru mill-Juniperus communis L., ġew awtorizzati mingħajr limitu ta’ żmien f’konformità mad-Direttiva 70/524/KEE bħala addittivi tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali. Sussegwentement, dawk is-sustanzi ddaħħlu fir-Reġistru tal-Addittivi tal-Għalf bħala prodotti eżistenti li jagħmlu parti mill-kategorija “addittivi sensorjali” u mill-grupp funzjonali “komposti aromatizzanti”, f’konformità mal-Artikolu 10(1), il-punt (b), tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 flimkien mal-Artikolu 7 tiegħu, ġiet ippreżentata applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni taż-żejt essenzjali tal-ġnibru u tat-tintura tal-ġnibru mill-Juniperus communis L. bħala addittivi tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali, bit-talba li l-addittivi jiġu kklassifikati fil-kategorija tal-addittivi “addittivi sensorjali” u fil-grupp funzjonali “komposti aromatizzanti”. Flimkien ma’ dik l-applikazzjoni ntbagħtu d-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(4)

L-applikant talab li l-addittivi jiġu awtorizzati għall-użu wkoll fl-ilma tax-xorb. Madankollu, ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 ma jippermettix l-awtorizzazzjoni ta’ “komposti aromatizzanti” għall-użu fl-ilma tax-xorb. Għalhekk, jenħtieġ li ma jiġix permess l-użu ta’ dawn l-addittivi fl-ilma tax-xorb.

(5)

Fl-opinjoni tagħha tat-22 ta’ Marzu 2023 (3), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li, skont il-kundizzjonijiet tal-użu proposti, it-tintura tal-ġnibru mill-Juniperus communis L. hija sikura għall-ispeċijiet kollha tal-annimali u għall-konsumaturi. L-Awtorità kkonkludiet ukoll li ż-żejt essenzjali tal-ġnibru mill-Juniperus communis L. huwa sikur għall-ispeċijiet kollha tal-annimali u għall-konsumaturi f’ċerti konċentrazzjonijiet massimi speċifikati aktar għal kull speċi. Sabet ukoll li l-użu taż-żejt tal-ġnibru u tat-tintura tal-ġnibru mill-Juniperus communis L. fl-għalf tal-annimali, bil-kundizzjonijiet proposti, mhuwiex mistenni li joħloq riskju għall-ambjent. Hija kkonkludiet li ż-żejt essenzjali tal-ġnibru u t-tintura tal-ġnibru mill-Juniperus communis L. jenħtieġ li jitqiesu bħala irritanti għall-ġilda u għall-għajnejn, u bħala sensitizzaturi respiratorji u tal-ġilda. L-Awtorità kkonkludiet ukoll li peress li l-bakek tal-Juniperus communis L. u l-preparati tagħhom huma magħrufa li jagħtu t-togħma lill-ikel u l-funzjoni tagħhom fl-għalf tkun essenzjalment l-istess bħal dik fl-ikel, mhija meqjusa neċessarja l-ebda prova oħra tal-effikaċja. L-Awtorità vverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodu ta’ analiżi tal-addittivi tal-għalf fl-għalf li ġie ppreżentat mil-Laboratorju ta’ Referenza stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(6)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li ż-żejt essenzjali tal-ġnibru u t-tintura tal-ġnibru mill-Juniperus communis L. jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġi awtorizzat l-użu ta’ dawk is-sustanzi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li jenħtieġ li jittieħdu miżuri protettivi xierqa biex jiġu evitati effetti avversi fuq is-saħħa tal-utenti tal-addittiv.

(7)

Il-Kummissjoni tqis li r-raġunijiet ta’ sikurezza ma jirrikjedux l-istabbiliment ta’ kontenuti massimi għaż-żejt essenzjali tal-ġnibru u għat-tintura tal-ġnibru mill-Juniperus communis L. Sabiex ikun hemm kontroll aħjar, jenħtieġ li l-kontenut massimu rrakkomandat jiġi indikat fuq it-tikketta tal-addittivi tal-għalf. Meta jinqabeż il-kontenut massimu rrakkomandat, jenħtieġ li ċerta informazzjoni tiġi indikata fuq it-tikketta tal-premixxeli kkonċernati.

(8)

Peress li r-raġunijiet ta’ sikurezza ma jirrikjedux l-applikazzjoni immedjata tal-modifiki tal-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni għaż-żejt essenzjali tal-ġnibru u għat-tintura tal-ġnibru mill-Juniperus communis L., huwa xieraq li jiġi previst perjodu ta’ tranżizzjoni biex il-partijiet interessati jħejju ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mill-awtorizzazzjoni.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Awtorizzazzjoni

Is-sustanzi speċifikati fl-Anness, li jagħmlu parti mill-kategorija tal-addittivi “addittivi sensorjali” u l-grupp funzjonali “komposti aromatizzanti”, huma awtorizzati bħala addittivi fin-nutrizzjoni tal-annimali, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Anness.

Artikolu 2

Miżuri tranżizzjonali

1.   L-addittiv tal-ikel, iż-żejt essenzjali tal-ġnibru u t-tintura tal-ġnibru mill-Juniperus communis L., kif awtorizzat skont id-Direttiva 70/524/KEE, u l-premixxeli li fihom dawk l-addittivi, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel is-6 ta’ April 2025 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel is-6 ta’ Ottubru 2024 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet eżistenti.

2.   L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li fihom l-addittivi tal-għalf imsemmija fil-paragrafu 1, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel is-6 ta’ Ottubru 2025 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel is-6 ta’ Ottubru 2024 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet ikkonċernati jekk ikunu maħsuba għall-annimali li jipproduċu l-ikel.

3.   L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li fihom l-addittivi tal-għalf imsemmija fil-paragrafu 1, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel is-6 ta’ Ottubru 2026 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel is-6 ta’ Ottubru 2024 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet ikkonċernati jekk ikunu maħsuba għall-annimali li ma jipproduċux l-ikel.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Settembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29,ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1831/oj.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE tat-23 ta’ Novembru 1970 li tirrigwarda addittivi f’għalf għall-bhejjem (ĠU L 270, 14.12.1970, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1970/524/oj).

(3)  EFSA Journal 2023;21(4):7977.


ANNESS

Numru tal-identifikazzjoni tal-addittiv

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku.

Speċi jew kategorija tal-annimal

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħrajn

Tmiem il-perjodu tal-awtorizzazzjoni

mg ta’ sustanza attiva/kg ta’ għalf komplet b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %

Kategorija: Addittivi sensorjali. Grupp funzjonali: Komposti aromatizzanti

2b249-eo

Żejt essenzjali tal-ġnibru

Kompożizzjoni tal-addittiv

Żejt essenzjali mill-bakek tal-Juniperus communis L.

Forma likwida

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

Żejt essenzjali tal-ġnibru

Żejt essenzjali kif definit mill-Kunsill tal-Ewropa (1)miksub mill-bakek tal-Juniperus communis L. permezz tad-distillazzjoni bil-fwar u l-kondensazzjoni ulterjuri ta’ kostitwenti volatili u s-separazzjoni mill-fażi milwiema permezz tad-dikantazzjoni.

Numru CAS: 8002-68-4

Numru FEMA: 2604

Numru CoE: 249

Speċifikazzjonijiet

α-Pinen (pin-2(3)-en): 25,45 %

β-Pinen (pin-2(10)-en): 1,12 %

Sabinen (4(10)-tujen): 4,20 %

Mirċen: Massimu ta’ 3,22 %.

Metodu analitiku  (2)

Għad-determinazzjoni tal-markatur fitokimiku pin-2(3)-en fl-addittiv tal-għalf (żejt essenzjali tal-ġnibru): kromatografija b’fażi gassuża abbinata ma’ detezzjoni tal-jonizzazzjoni bi fjamma (GC-FID) (ISO 8897).

L-ispeċijiet kollha tal-annimali

-

-

-

1.

L-addittiv għandu jiġi inkorporat fl-għalf fil-forma ta’ premixxela.

2.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tal-premixxeli, għandhom jiġu indikati l-kundizzjonijiet tal-ħżin u l-istabbiltà għat-trattament bis-sħana.

3.

Fuq it-tikketta tal-addittiv, għandu jiġi indikat dan li ġej:

“Kontenut massimu rrakkomandat tas-sustanza attiva għal kull kg ta’ għalf komplet, b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %:

—

5 mg għall-ispeċijiet kollha tal-pollam għall-bajd u għat-tnissil;

—

4 mg għall-ispeċijiet kollha tal-pollam imrobbija għall-bajd jew għat-tnissil ħlief id-dundjani mrobbija għat-tnissil;

—

4 mg għat-tiġieġa tas-simna u l-ispeċijiet minuri tal-pollam tas-simna;

—

5 mg għad-dundjani tas-simna, u d-dundjani mrobbija għat-tnissil;

—

3 mg għall-għasafar ornamentali;

—

10 mg għas-Suidae kollha għar-riproduzzjoni;

—

7 mg għall-ħnienes (mhux miftuma u miftuma) tas-Suidae kollha;

—

8 mg għall-ħnieżer tas-simna;

—

7 mg għall-ħnieżer tas-simna ta’ Suidae minuri;

—

15 mg għal:

—

nagħaġ u mogħoż;

—

ruminanti u Camelidae tas-simna;

—

10 mg għar-ruminanti u għall-Camelidae l-oħra kollha;

—

15 mg għall-Equidae;

—

17 mg għas-salmonidi u l-ħut minuri bil-pinen;

—

20 mg għall-ħut ornamentali;

—

6 mg għall-fniek;

—

18 mg għall-klieb;

—

3 mg għall-qtates;

—

3 mg għal speċijiet u kategoriji oħra ta’ annimali”.

4.

Il-grupp funzjonali, in-numru tal-identifikazzjoni, l-isem u l-ammont miżjud tas-sustanza attiva għandhom jiġu indikati fuq it-tikketta tal-premixxela meta l-livell tal-użu fuq it-tikketta tal-premixxela jwassal biex jinqabeż il-livell imsemmi fil-punt 3.

5.

Għall-utenti tal-addittiv u tal-premixxeli, l-operaturi ta’ negozji tal-għalf għandhom jistabbilixxu proċeduri operazzjonali u miżuri organizzazzjonali biex jindirizzaw ir-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-użu tagħhom. Meta dawk ir-riskji ma jistgħux jiġu eliminati b’tali proċeduri u miżuri, l-addittiv u l-premixxeli għandhom jintużaw b’tagħmir protettiv personali għan-nifs, għall-għajnejn u għall-ġilda.

6.10.2034


Numru tal-identifikazzjoni tal-addittiv

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku.

Speċi jew kategorija tal-annimal

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħrajn

Tmiem il-perjodu tal-awtorizzazzjoni

mg ta’ sustanza attiva/kg ta’ għalf komplet b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %

Kategorija: Addittivi sensorjali. Grupp funzjonali: Komposti aromatizzanti

2b249-t

Tintura tal-ġnibru

Kompożizzjoni tal-addittiv

Tintura mill-bakek tal-Juniperus communis L.

Forma likwida

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

Tintura tal-ġnibru

Tintura kif definita mill-Kunsill tal-Ewropa (3)miksuba mill-bakek tal-Juniperus communis L. permezz ta’ estrazzjoni b’taħlita ta’ solvent ilma/etanol, ippressar u filtrazzjoni.

Numru CoE: 249

Speċifikazzjonijiet

Materja niexfa: massimu ta’ 1,5 %

Tannini (bħala pirogallol): massimu ta’ 0,02 %

α-Pinen: massimu ta’ 0,0064 %

Metodu analitiku  (4)

Għad-determinazzjoni tat-tannini markaturi fitokimiċi fl-addittiv tal-għalf (tintura tal-ġnibru): spettrofotometrija (Monografija 20814 tal-Farmakopea Ewropea).

L-ispeċijiet kollha tal-annimali

-

-

-

1.

L-addittiv għandu jiġi inkorporat fl-għalf fil-forma ta’ premixxela.

2.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tal-premixxeli, għandhom jiġu indikati l-kundizzjonijiet tal-ħżin u l-istabbiltà għat-trattament bis-sħana.

3.

Fuq it-tikketta tal-addittiv għandu jiġi indikat dan li ġej:

“Kontenut irrakkomandat tas-sustanza attiva għal kull kg ta’ għalf komplet, b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %: 45 mg għall-ispeċijiet kollha tal-annimali.”

4.

Il-grupp funzjonali, in-numru tal-identifikazzjoni, l-isem u l-ammont miżjud tas-sustanza attiva għandhom jiġu indikati fuq it-tikketta tal-premixxela meta l-livell tal-użu fuq it-tikketta tal-premixxela jwassal biex jinqabeż il-livell imsemmi fil-punt 3.

5.

Għall-utenti tal-addittiv u tal-premixxeli, l-operaturi tan-negozji tal-għalf għandhom jistabbilixxu proċeduri operazzjonali u miżuri organizzazzjonali biex jindirizzaw ir-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-użu tagħhom. Meta dawk ir-riskji ma jistgħux jiġu eliminati b’tali proċeduri u miżuri, l-addittiv u l-premixxeli għandhom jintużaw b’tagħmir protettiv personali għan-nifs, għall-għajnejn u għall-ġilda.

6.10.2034


(1)  Natural sources of flavourings — Rapport No. 2 (2007).

(2)  Id-dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz tal-Laboratorju ta’ Referenza li ġej: https://joint-research-centre.ec.europa.eu/eurl-fa-eurl-feed-additives/eurl-fa-authorisation/eurl-fa-evaluation-reports_mt.

(3)  Natural sources of flavourings — Rapport No. 2 (2007).

(4)  Id-dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz tal-Laboratorju ta’ Referenza li ġej: https://joint-research-centre.ec.europa.eu/eurl-fa-eurl-feed-additives/eurl-fa-authorisation/eurl-fa-evaluation-reports_mt


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2414/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)