|
11.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 417/31 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2020/1845 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-14 ta’ Mejju 2020
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b'bażi Bijoloġika għas-sena finanzjarja 2018
IL-PARLAMENT EWROPEW,
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b'bażi Bijoloġika għas-sena finanzjarja 2018, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0034/2020), |
|
A. |
billi l-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b'bażi Bijoloġika (l-"Impriża Konġunta") ġiet stabbilita bħala sħubija pubblika-privata bir-Regolament (UE) Nru 560/2014 għal perjodu ta' għaxar snin bl-għan li tiġbor flimkien lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha u li tikkontribwixxi biex l-Unjoni tiġi stabbilita bħala protagonist fundamentali fir-riċerka, id-dimostrazzjoni u d-diffużjoni tal-prodotti b'bażi bijoloġika u l-bijofjuwils avvanzati; |
|
B. |
billi, skont l-Artikoli 38 u 43 tar-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta, li ġew adottati bid-deċiżjoni tal-bord ta' tmexxija tagħha fl-14 ta' Ottubru 2014, l-uffiċjal tal-kontabilità ħejja l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena 2018; |
|
C. |
billi l-membri fundaturi tal-Impriża Konġunta huma l-Unjoni, rappreżentata mill-Kummissjoni, u s-sħab industrijali, rappreżentati mill-Konsorzju tal-Industriji b'bażi Bijoloġika (il-"BIC"); |
Ġenerali
|
1. |
Jinnota li l-kontribuzzjoni massima mill-UE għall-attivitajiet tal-Impriża Konġunta hija ta' EUR 975 000 000, li għandha titħallas mill-programm Orizzont 2020; jinnota li l-membri tal-industrija tal-Impriża Konġunta għandhom jikkontribwixxu riżorsi ta' mill-inqas EUR 2 730 000 000 matul il-perjodu taċ-ċiklu tal-ħajja tal-Impriża Konġunta, li jikkonsistu f'mill-inqas EUR 182 500 000 ta' kontribuzzjonijiet in natura u fi flus kontanti għall-attivitajiet operattivi tal-Impriża Konġunta u mill-inqas EUR 1 755 000 000 ta' kontribuzzjonijiet in natura biex jimplimentaw attivitajiet addizzjonali barra mill-pjan ta' ħidma tal-Impriża Konġunta; |
|
2. |
Jinnota li 19 mill-101 proposta miżmuma mis-sejħa għal proposti tal-2018 kienu, sa tmiem l-2018, fl-istadju ta' tħejjija tal-ftehim ta' għotja; barra minn hekk, jinnota li sal-bidu tal-2018, il-programm tal-Impriża Konġunta kellu portafoll ta' 101 proġett għaddej b'total ta' 1 169 parteċipant minn 35 pajjiż b'valur ta' għotja totali ta' EUR 499 000 000; |
|
3. |
Jinnota li l-objettivi tal-Impriża Konġunta ma setgħux jiġu indirizzati bi strumenti tradizzjonali tal-Unjoni; josserva li l-Impriża Konġunta pprovdiet effett ta' strutturar, billi ġabret flimkien is-setturi u l-atturi għat-tnedija ta' katini tal-valur ġodda u mmobilizzat investimenti dejjem akbar għall-iżvilupp ta' innovazzjonijiet għall-industriji b'bażi Bijoloġika; barra minn hekk, jinnota li l-missjoni tal-Impriża Konġunta hija li timplimenta l-Aġenda Strateġika ta' Innovazzjoni u Riċerka (SIRA) żviluppata mill-BIC u approvata mill-Kummissjoni; |
|
4. |
Jinnota li komunikazzjoni effettiva hija komponent essenzjali fir-rigward ta' proġetti ffinanzjati mill-Unjoni li jirnexxu; iqis li huwa importanti li tiżdied il-viżibilità tal-kisbiet tal-Impriża Konġunta u li tinxtered informazzjoni dwar il-valur miżjud tagħhom; jappella lill-Impriża Konġunta taħdem favur politika ta' komunikazzjoni proattiva billi xxerred ir-riżultati tar-riċerka tagħha fost il-pubbliku, pereżempju permezz tal-midja soċjali jew ta' mezzi oħra tal-midja, u b'hekk tissensibilizza lill-pubbliku dwar l-impatt tal-appoġġ tal-Unjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-adozzjoni mis-suq; |
|
5. |
Jitlob lill-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti") tivvaluta r-robustezza u l-affidabbiltà tal-metodoloġija għall-kalkolu u l-ivvalwar tal-kontribuzzjonijiet in natura; jitlob li din il-valutazzjoni tevalwa d-disinn u r-robustezza tal-gwida għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta' kontribuzzjonijiet in natura sabiex tassisti fil-proċess ta' ppjanar, rapportar u ċertifikazzjoni tal-kontribuzzjonijiet in natura; |
Il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja
|
6. |
Jinnota li r-rapport tal-Qorti dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2018 (ir-"rapport tal-Qorti") sab li l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, fir-rigward tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Impriża Konġunta fil-31 ta' Diċembru 2018 u r-riżultati tal-operazzjonijiet u l-flussi ta' flus tagħha għal tmiem is-sena, skont ir-regolament finanzjarju u r-regoli tal-kontabilità tagħha adottati mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni; |
|
7. |
Jinnota li l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta jipprevedu li l-baġit finali tal-2018 għandu jkun disponibbli għall-implimentazzjoni u għandu jinkludi EUR 121 231 820 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u EUR 118 126 520 f'approprjazzjonijiet ta' pagament u, minn dawn, ir-rati ta' użu għall-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament kienu 99 % u 71 % rispettivament; |
|
8. |
Josserva li l-approprjazzjonijiet ta' pagament intużaw prinċipalment għall-prefinanzjament tal-ftehimiet ta' għotja li rriżultaw mis-sejħiet għal proposti tal-2014 u mill-pagamenti għal proġetti mis-sejħiet għal proposti preċedenti; barra minn hekk, jinnota li r-rata aktar baxxa ta' implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet dovuta għal dewmien ta' xi rapporti perjodiċi u dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż ferm inqas mill-baġit approvat fil-ftehimiet ta' għotja; |
|
9. |
Jinnota li mill-ammont massimu ta' EUR 975 000 000 f'kontribuzzjonijiet fi flus kontanti mill-Unjoni li jiġu allokati għall-Impriża Konġunta tul iċ-ċiklu ta' ħajja tagħha, sa tmiem l-2018 l-Unjoni ikkontribwiet ammont totali ta' EUR 264 600 000; |
|
10. |
Jesprimi tħassib dwar il-fatt li mill-kontribuzzjonijiet ta' EUR 757 900 000 li għandhom isiru mill-membri tal-industrija għall-attivitajiet operattivi u l-ispejjeż amministrattivi tal-Impriża Konġunta, il-membri tal-industrija rrapportaw kontribuzzjonijiet in natura ta' EUR 36 800 000 għall-attivitajiet operattivi, u l-bord ta' tmexxija vvalida kontribuzzjonijiet ta' EUR 21 200 000 (EUR 12 100 000in natura u EUR 9 100 000 fi flus kontanti) mill-membri tal-industrija għall-ispejjeż amministrattivi tal-Impriża Konġunta; |
|
11. |
Jinnota mir-rapport tal-Qorti li fl-2018 l-Impriża Konġunta wettqet rieżami sabiex taġġorna l-istatus ta' sħubija tal-entitajiet kostitwenti tagħha bħala l-bażi prinċipali għall-validazzjoni u għar-rikonoxximent tal-kontribuzzjonijiet in natura mill-membri tal-industrija għall-attivitajiet operattivi tal-Impriża Konġunta; josserva b'apprezzament li dak ir-rieżami huwa meqjus bħala prattika tajba u li r-rieżami għandu jitwettaq fuq bażi regolari; |
|
12. |
Jiddispjaċih li mill-ammont minimu ta' EUR 182 500 000 f'kontribuzzjonijiet fi flus kontanti li għandhom isiru mill-membri tal-industrija għall-ispejjeż operattivi tal-Impriża Konġunta, EUR 800 000 biss tħallsu sa tmiem l-2018 u li, b'riżultat ta' dan, fi tmiem l-2018 l-Kummissjoni ddeċidiet li tnaqqas b'EUR 140 000 000 il-Baġit 2020 tal-Impriża Konġunta li kien EUR 205 000 000; josserva bi tħassib li hemm riskju għoli li l-ammont minimu ta' kontribuzzjoni fi flus mhux ser jintlaħaq sat-tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tal-Impriża Konġunta; |
Prestazzjoni
|
13. |
Jinnota li l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni speċifiċi disponibbli tal-Impriża Konġunta nstabu li kienu sodisfaċenti; jilqa' l-fatt li l-Impriża Konġunta operat b'mod effiċjenti u li l-prestazzjoni ġenerali tagħha, fir-rigward tat-tliet indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni fi ħdan Orizzont 2020, taqbeż il-miri stabbiliti fl-2018; |
|
14. |
Jinnota bi tħassib il-valur tal-effett ta' ingranaġġ ta' 1,88 fi tmiem l-2018, li huwa inqas mill-aspettattiva; josserva bi tħassib li l-effett ta' lieva realizzat ilu jonqos mill-2015; jappella lill-Impriża Konġunta tieħu l-passi biex tissodisfa l-effett ta' ingranaġġ fil-mira ta' 2,86 fuq il-perjodu sħiħ 2014-2020; |
|
15. |
Jinnota li n-natura s-sejħiet għal proposti tal-Impriża Konġunta huma kompletament miftuħa għall-parteċipazzjoni ta' kwalunkwe parti kkonċernata; jilqa' l-isforzi kbar tal-Impriża Konġunta biex tikkomunika l-objettivi u l-kisbiet tagħha kif ukoll is-sejħiet tagħha mal-partijiet ikkonċernati fl-Unjoni permezz tal-avvenimenti, il-laqgħat u s-sit web tagħha; |
|
16. |
Jinnota li l-esperti kkonfermaw li l-Impriża Konġunta attirat livell sodisfaċenti ta' parteċipazzjoni mill-aħjar atturi tal-Unjoni fl-oqsma tal-ktajjen tal-valur magħżula; josserva li nkiseb il-bilanċ tajjeb ta' parteċipazzjoni fis-settur tal-industrija, li jirrappreżenta 61 % tal-għadd totali ta' parteċipanti; jaċċentwa l-fatt li 54 % tal-entitajiet privati bi skop ta' qligħ huma intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u li 27 % huma intrapriżi kbar; |
|
17. |
Jinnota li fl-2018 l-operazzjonijiet tal-Impriża Konġunta inkludew il-konklużjoni ta' 17-il ftehim ta' għotja, li rriżultaw mis-sejħa għal proposti tal-2017, sabiex hekk l-għadd totali tal-portafoll tal-Impriża Konġunta sa tmiem l-2018 kien 82; barra minn hekk, jinnota li fl-2018 l-Impriża Konġunta implimentat b'suċċess sejħa għal proposti; jinnota li l-proċedura nbdiet qabel tmiem l-2018 għal 19-il proposta miżmuma; |
|
18. |
Josserva li minħabba t-tfassil tas-sejħa għal proposti fl-2018 u l-ġestjoni tas-sistema ta' klassifikazzjoni għall-proposti, waħda miż-żewġ temi ewlenin tas-sejħa baqgħet mhux iffinanzjata, minkejja li rċeviet proposti eliġibbli u evalwati ħafna għaż-żewġ temi; |
|
19. |
Jinnota b'sodisfazzjon li fl-2018 l-Impriża Konġunta kisbet bilanċ raġonevoli bejn is-sessi fid-diversi korpi tagħha (kumitat xjentifiku: 60 % nisa u 40 % irġiel; Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati: 59 % nisa u 41 % irġiel; uffiċċju tal-programm: 61 % nisa u 39 % irġiel; esperti tal-evalwazzjoni (sejħa għal proposti 2018): 48 % nisa u 52 % irġiel; koordinaturi ta' proġett: 45 % nisa u 55 % irġiel), bl-eċċezzjoni tal-bord ta' tmexxija (20 % nisa u 80 % irġiel); jinnota l-osservazzjoni tal-Impriża Konġunta li hija m'għandha ebda influwenza fuq l-għamla tal-bord ta' tmexxija; jinnota b'sodisfazzjon il-bilanċ bejn is-sessi fost il-persunal involut fil-proġetti tal-Impriża Konġunta (46 % nisa u 54 % irġiel); |
Proċeduri ta' akkwist u reklutaġġ
|
20. |
Jinnota li fl-aħħar tas-sena 2018, il-persunal tal-Impriża Konġunta kien magħmul minn 23 membru, li b'hekk jilħaq l-ammont sħiħ ta' persunal skont it-tabella tal-persunal; josserva li fl-2018 tnedew żewġ proċeduri ta' reklutaġġ, waħda għal aġent kuntrattwali u oħra għal aġent temporanju; madankollu, jinnota li l-Impriża Konġunta ssaħħet permezz ta' tliet aġenti kuntrattwali addizzjonali fl-2018; barra minn hekk, jinnota li fl-aħħar tal-2018 intgħażel kandidat wieħed għal pożizzjoni temporanja u beda fl-ewwel kwart tal-2019; |
Awditu intern
|
21. |
Jinnota li f'Novembru 2017, is-servizz ta' awditjar intern (IAS) wettaq xogħol tal-awditjar fuq il-post għall-awditu "Rieżami limitat tal-implimentazzjoni tal-istandards ta' kontroll intern (ICSs) fl-Impriża Konġunta BBI"; josserva li skont ir-rapport tal-Qorti, is-sitwazzjoni fl-aħħar tal-2018 uriet li l-Impriża Konġunta kienet fil-parti l-kbira implimentat l-ICSs; |
|
22. |
Josserva li l-uffiċċju tal-programm wettaq awtovalutazzjoni tal-ICSs tiegħu biex jivvaluta l-livell kurrenti ta' implimentazzjoni tal-ICSs u biex jesplora l-kundizzjonijiet neċessarji biex iressaq il-qafas ta' kontroll intern tal-organizzazzjoni għal livell ogħla ta' maturità; jinnota li l-IAS għamel tliet rakkomandazzjonijiet sabiex jappoġġja u jikkomplementa l-isforzi eżistenti tal-Impriża Konġunta fil-qasam; josserva li l-uffiċċju tal-programm ippropona pjanijiet ta' azzjoni korrispondenti u l-IAS qieshom bħala adegwati sabiex jittaffew il-kwistjonijiet; madankollu, jinnota bi tħassib li fil-bidu tal-2018 it-tliet standards ikkunsidrati kien għad iridu jiġu kompletament implimentati; |
|
23. |
Jinnota li skont ir-rapport annwali tal-attività, jitqies li kważi l-ICSs kollha ġew implimentati jew fil-biċċa l-kbira implimentati, u li huma biss ċerti standards li għad iridu jiġu kompletament implimentati bħal ICS 8 (proċessi u proċeduri), ICS 10 (kontinwità tal-operat) u ICS 11 (ġestjoni tad-dokumenti); |
|
24. |
Jinnota li fl-2017, l-Impriża Konġunta, flimkien mas-servizz tal-awditjar komuni tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għar-Riċerka u l-Innovazzjoni nedew l-ewwel awditu ex post ta' kampjun aleatorju ta' talbiet għall-ispejjeż interim relatati mal-programm Orizzont 2020; jinnota li t-tieni sensiela ta' awditi bdiet fl-2018 iżda minħabba l-għadd baxx ta' parteċipanti awditjati, għadha ma tista' tinsilet ebda konklużjoni; |
|
25. |
Jinnota b'apprezzament s-sejba tal-Qorti li r-rata ta' żbalji residwi għall-programm Orizzont 2020 hija inqas mill-materjalità, li tammonta għal 0,01 %; |
|
26. |
Jinnota li twettqet l-evalwazzjoni interim tal-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tal-Impriża Konġunta mill-2014 sal-2016, u li tħejja pjan ta' azzjoni biex jindirizza r-rakkomandazzjonijiet li tqajmu; jinnota li skont il-pjan ta' azzjoni, il-parti l-kbira tal-azzjonijiet li għandhom jittieħdu bħala reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu implimentati fl-2018 u l-2019 u li diġà ttieħdu diversi azzjonijiet; |
Qafas ġuridiku
|
27. |
Jinnota bi tħassib li filwaqt li l-evalwazzjoni interim tal-Impriża Konġunta tlestiet f'konformità mal-iskeda ta' żmien preċiża stabbilita fil-qafas legali tagħha, madankollu, ma setgħetx tipprovdi l-aħjar valur miżjud għall-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Impriża Konġunta f'dan l-istadju bikri tal-attività tagħha; |
Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u t-trasparenza
|
28. |
Jinnota l-fatt li l-Impriża Konġunta, flimkien ma' sitt impriżi konġunti oħra, nediet sejħa għal espressjonijiet ta' interess komuni bejn l-impriżi biex tagħżel sa seba' konsulenti kunfidenzjali li jwaqqfu netwerk ta' konsulenti kunfidenzjali; jinnota li, bħala riżultat ta' dan, f'Novembru 2018 id-diretturi eżekuttivi ħatru żewġ konsulenti kunfidenzjali. |