KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fis‑6 ta’ Frar 2025 ( 1 )

Kawża C‑514/23

Tiberis Holding Srl

vs

Gestore dei servizi energetici (GSE) SpA,

Ministero dello Sviluppo Economico,

Ministero dell’ambiente e della sicurezza energetica,

fil‑preżenza ta’:

Conza Energia Srl

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Promozzjoni tal-użu tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli – Direttiva 2009/28/KE – Artikolu 3 – Direttiva (UE) 2018/2001 – Artikolu 4 – Miżuri nazzjonali ta’ inċentiv għall-produzzjoni ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli – Bejgħ tal-enerġija fis-suq ħieles – Skema ta’ għajnuna – Modalitajiet ta’ għajnuna differenti skont il-kobor tal-installazzjoni ta’ produzzjoni – Aċċess għall-mekkaniżmu ta’ inċentiv permezz ta’ sistema ta’ reġistrazzjoni – Rimbors ta’ somom ogħla mill-valur tal-inċentiv fil-każ ta’ żieda tal-prezz tas-suq tal-enerġija (mekkaniżmu msejjaħ ta’ ‘inċentiv negattiv’) – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet – Kompatibbiltà ma’ dawn id-direttivi – Ammissibbiltà”

I. Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/28/KE u tal-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 ( 2 ), dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, li jipprevedu kemm waħda kif ukoll l-oħra li l-Istati Membri jistgħu jimplimentaw, b’mod partikolari, skemi ta’ għajnuna, bla ħsara għall-osservanza ta’ ċerti prinċipji, sabiex jilħqu l-miri tagħhom fil-qasam ta’ produzzjoni ta’ enerġija elettrika minn sorsi rinnovabbli.

2.

Din it-talba toriġina minn tilwima dwar modalità speċifika ta’ implimentazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat adottata mill-Italja intiża sabiex tippromwovi l-enerġija elettrika prodotta minn sorsi rinnovabbli, bejn minn naħa, Tiberis Holding Srl (iktar ’il quddiem “Tiberis”), u min-naħa l-oħra, Gestore dei servizi energetici (GSE) SpA (l-Amministratur ta’ Servizzi tal-Enerġija, l-Italja, iktar ’il quddiem “GSE”), il-Ministero dello Sviluppo Economico (il-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku, l-Italja) u l-Ministero dell’ambiente e della sicurezza energetica (il-Ministeru għall-Ambjent u s-Sigurtà tal-Enerġija, l-Italja).

3.

B’mod iktar preċiż, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) jistaqsi dwar il-kompatibbiltà mad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq ta’ modalità ta’ applikazzjoni ta’ skema ta’ inċentiv għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika minn sorsi rinnovabbli li tipprevedi, għall-produtturi li jbigħu l-enerġija fis-suq ħieles, tariffa ta’ inċentiv li tiggarantixxi prezz minimu, li huwa wkoll prezz massimu skont mekkaniżmu ta’ rkupru ta’ somom li jaqbżu l-ammont tat-tariffa ta’ inċentiv fejn il-prezz tas-suq huwa ogħla minnu (mekkaniżmu msejjaħ ta’ “inċentiv negattiv”) (iktar ’il quddiem il-“mekkaniżmu ta’ inċentiv negattiv” jew il-“mekkaniżmu ta’ aġġustament”). Il-mekkaniżmu ta’ inċentiv negattiv japplika, barra minn hekk, biss għall-produtturi li jbigħu l-enerġija fis-suq ħieles li jibbenefikaw mill-inċentiv permezz tar-reġistrazzjoni tagħhom f’reġistru, iżda mhux għal dawk li jibbenefikaw mill-inċentiv billi jipparteċipaw fi proċedura ta’ rkant.

4.

Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiddeċiedi dwar ir-rabta bejn deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tawtorizza skema ta’ għajnuna għall-produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli, l-obbligi li jirriżultaw mill-miżuri ta’ inċentiv li l-Istati Membri għandhom jimplimentaw skont id-Direttiva 2009/28 u d-Direttiva 2018/2001, li ssostitwixxietha, iżda li tinkludi dispożizzjonijiet simili, kif ukoll il-portata tas-setgħat tal-qrati nazzjonali meta dawn jiġu aditi b’kontestazzjonijiet dwar il-konformità ma’ dawn id-direttivi ta’ ċerti modalitajiet ta’ implimentazzjoni ta’ skemi ta’ għajnuna mill-Istat awtorizzati preċedentement mill-Kummissjoni.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

1. Id‑Direttiva 2009/28

5.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/28, intitolat “Definizzjonijiet”, kien jiddefinixxi, fil-punt (k) tat-tieni paragrafu tiegħu, il-kunċett ta’ “skema ta’ għajnuna” bħala “kull strument, skema jew mekkaniżmu applikat minn Stat Membru jew grupp ta’ Stati Membri, li jippromwovu l-użu ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli billi titnaqqas l-ispiża ta’ dik l-enerġija, b’żieda tal-prezz li bih tista’ tinbiegħ, jew b’żieda, permezz ta’ obbligu ta’ enerġija rinnovabbli jew b’mod ieħor, tal-volum ta’ din l-enerġija mixtrija […]”.

6.

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva ( 3 ), intitolat “Miri u miżuri globali nazzjonali mandatorji għall-użu ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli”, kien jistabbilixxi:

“1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li s-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli, […] fil-konsum finali gross ta’ enerġija fl‑2020 jkun mill-inqas il-mira globali nazzjonali tiegħu għas-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli f’dik is-sena […].

2.   L-Istati Membri għandhom jintroduċu miżuri mfassla b’mod effikaċi biex jiżguraw li s-sehem ta’ enerġija mis-sorsi rinnovabbli tkun ugwali għal jew taqbeż dawk murija fit-trajettorja indikattiva stabbilita fil-Parti B tal-Anness I.

3.   Sabiex jintlaħqu l-miri mniżżla fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, japplikaw il-miżuri li ġejjin:

a) skemi ta’ sostenn;

[…]”

7.

L-imsemmija direttiva, kif emendata bid-Direttiva 2015/1513, ġiet imħassra u ssostitwita bid-Direttiva 2018/2001, b’effett mill‑1 ta’ Lulju 2021, skont l-Artikolu 37 ta’ din tal-aħħar.

2. Id‑Direttiva 2018/2001

8.

Skont il-premessi 16, 18 u 19 tad-Direttiva 2018/2001:

“(16)

[…] Jekk u meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jimplimentaw l-iskemi ta’ appoġġ, dan l-appoġġ jenħtieġ li jkun ipprovdut f’forma li tkun kemm jista’ jkun mhux ta’ distorsjoni għall-funzjonament tas-swieq tal-elettriku. Għal dak l-għan, għadd dejjem jiżdied ta’ Stati Membri jallokaw l-appoġġ f’forma permezz ta’ liema appoġġ jingħata flimkien ma’ dħul mis-suq u jintroduċu sistemi bbażati fuq is-suq ikun biex jiddeterminaw il-livell ta’ appoġġ meħtieġ. Flimkien ma’ passi li bihom is-suq isir tajjeb biex jiżdiedu l-ishma ta’ enerġija rinnovabbli, appoġġ bħal dan huwa element ewlieni taż-żieda tal-integrazzjoni fis-suq tal-elettriku rinnovabbli, filwaqt li jitqiesu l-kapaċitajiet differenti tal-produtturi żgħar u kbar li jwieġbu għas-sinjali tas-suq.

[…]

(18)

Skont l-Artikolu 108 TFUE, il-Kummissjoni għandha kompetenza esklużiva li tivvaluta l-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern, li l-Istati Membri jistgħu jimplimentaw biex tintuża l-enerġija minn sorsi rinnovabbli. Dik il-valutazzjoni ssir abbażi tal-Artikolu 107(3) TFUEu skont dispożizzjonijiet rilevanti u l-linji gwida li l-Kummissjoni tista’ tadotta għal dak il-għan. Din id-Direttiva hija bla preġudizzju għall-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni mogħtija mit-TFUE.

(19)

[…] Filwaqt li l-Istati Membri jiżviluppaw l-iskemi ta’ appoġġ tagħhom huma jistgħu jillimitaw il-proċeduri għas-sejħa għal offerti għal teknoloġiji speċifiċi fejn dan ikun meħtieġ biex jiġu evitati riżultati mhux ideali fir-rigward ta’ restrizzjonijiet tan-netwerk u l-istabbiltà tal-grilja, l-ispejjeż tal-integrazzjonitas-sistema, il-ħtieġa li tinkiseb id-diversifikazzjoni tat-taħlita tal-enerġija u l-potenzjal fuq terminu twil tat-teknoloġiji.”

9.

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jirriproduċi fil-punt 5 tat-tieni paragrafu tiegħu, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “skema ta’ għajnuna” li kienet tinsab fil-punt (k) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/28.

10.

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2018/2001, intitolat “Appoġġ finanzjarju għall-elettriku minn sorsi rinnovabbli”, jistabbilixxi:

“1.   Sabiex tintlaħaq jew tinqabeż il-mira tal-Unjoni stabbilita fl-Artikolu 3(1), u l-kontribuzzjoni ta’ kull Stat Membru lejn dik il-mira fil-livell nazzjonali għall-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, l-Istati Membri jistgħu japplikaw skemi ta’ appoġġ.

2.   L-iskemi ta’ appoġġ għall-elettriku minn sorsi rinnovabbli għandhom jipprovdu inċentivi għall-integrazzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-suq tal-elettriku b’mod ibbażat fuq is-suq u li jirreaġixxi għas-suq, filwaqt li jevitaw distorsjonijiet bla bżonn fis-swieq tal-elettriku kif ukoll iqisu l-ispejjeż possibbli tal-integrazzjoni tas-sistema u l-istabbiltà tal-grilja.

3.   L-appoġġ għall-elettriku minn sorsi rinnovabbli għandu jitfassal b’mod li tiġi massimizzata l-integrazzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli fis-suq tal-elettriku u jiżgura li l-produtturi tal-enerġija rinnovabbli qed iwieġbu għas-sinjali tal-prezz tas-suq u jimmassimizzaw l-introjti tagħhom mis-suq.

[…]

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-appoġġ għall-elettriku minn sorsi rinnovabbli jingħata b’mod miftuħ, trasparenti, kompetittiv, mhux diskriminatorju u kosteffiċjenti.

L-Istati Membri jistgħu jeżentaw installazzjonijiet u proġetti ta’ dimostrazzjoni fuq skala żgħira minn proċeduri ta’ sejħa għal offerti.

[…]

5.   L-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-proċeduri għas-sejħa għal offerti għal teknoloġiji speċifiċi fejn il-ftuħ għall-skemi ta’ appoġġ tal-produtturi kollha ta’ elettriku minn sorsi rinnovabbli jwassal għal riżultat subottimali, fid-dawl ta’:

a)

il-potenzjal fit-tul ta’ teknoloġija partikolari;

b)

il-ħtieġa li tinkiseb id-diversifikazzjoni;

c)

l-ispejjeż għall-integrazzjoni tal-grilja;

d)

il-limitazzjonijiet tan-netwerk u l-istabbilità tal-grilja;

[…]

9.   Dan l-Artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 107 u 108 TFUE.”

11.

L-Artikolu 6 ta’ din id-Direttiva, intitolat “L-istabbiltà tal-appoġġ finanzjarju”, jipprevedi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-adattazzjonijiet meħtieġa għall-konformità mal-Artikoli 107 u 108 TFUE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-livell ta’, u l-kundizzjonijiet marbuta mal-appoġġ mogħti għal proġetti tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli ma jiġux riveduti b’ebda mod li jkollhom effetti negattivi fuq id-drittijiet konferiti hemmhekk u li jimmina l-vijabilità ekonomika ta’ proġetti li jibbenefikaw diġà mill-appoġġ.

2.   L-Istati Membri jistgħu jaġġustaw il-livell ta’ appoġġ skont il-kriterji oġġettivi, dment li tali kriterji jiġu stabbiliti fid-disinn oriġinali tal-iskema ta’ appoġġ.

[…]”

3. Ir-Regolament (UE) 2015/1589

12.

L-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2015/1589 ( 4 ), intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi, fil-punti (b) u (c) tiegħu:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

b) ‘għajnuna eżistenti’:

[…]

ii)

għajnuna awtorizzata, li tfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni [Ewropea] jew mill-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea];

[…]

c)

‘għajnuna ġdida’ tfisser kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li ma jkunux għajnuna eżistenti, inkluż tibdil fl-għajnuna eżistenti;

[…]”

13.

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Klawsola ta’ sospensjoni”, jistabbilixxi:

“Għajnuna notifikabbli skont l-Artikolu 2(1) m’għandhiex tidħol fis-seħħ qabel ma l-Kummissjoni tkun ħadet, jew jitqies li tkun ħadet, deċiżjoni li tawtorizza dik l-għajnuna.”

4. Il-Linji Gwida 2014-2020

14.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, intitolata “Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014‑2020” (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida 2014‑2020”) ( 5 ), tinkludi l-Parti 3 intitolata “Kompatibbiltà tal-valutazzjoni skont l-Artikolu 107(3)C [TFUE]”, li tipprovdi:

“3.2.5. Proporzjonalità tal-għajnuna

3.2.5.1. Kundizzjonijiet ġenerali

(69) L-għajnuna ambjentali u għall-enerġija tkun meqjusa bħala proporzjonata jekk l-ammont ta’ għajnuna għal kull benefiċjarju jkun limitat għall-minimu meħtieġ sabiex jinkiseb il-ħarsien ambjentali jew l-objettiv tal-enerġija li jinsab fil-mira.

[…]”

15.

It-Taqsima 3.3 ta’ dawn il-Linji Gwida, intitolata “Għajnuna għal enerġija minn sorsi rinnovabbli”, tistabbilixxi:

“3.3.1. Kundizzjonijiet ġenerali għall-għajnuna ta’ investiment u dik operattiva għal enerġija minn sorsi rinnovabbli

(109) Strumenti tas-suq, bħal proċess ta’ offerti b’irkant jew kompetittiv miftuħ għal ġeneraturi kollha li jipproduċu l-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli li jikkompetu b’mod ugwali fuq livell taż-ŻEE, normalment għandhom jiżguraw li s-sussidji jitnaqqsu għal minimu fid-dawl tat-tneħħija kompleta gradwali tagħhom.

[…]

(111) Eċċezzjonijiet speċifiċi huma inklużi għall-istallazzjonijiet ta’ ċertu daqs, li għalihom ma jistax jiġi preżunt li proċess ta’ offerti huwa xieraq […]

[…]

3.3.2 Għajnuna operatorja mogħtija għal enerġija minn sorsi rinnovabbli

3.3.2.1. Għajnuna għall-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli

(124) Sabiex tiġi inċentivata l-integrazzjoni fis-suq ta’ elettriku minn sorsi rinnovabbli, huwa importanti li l-benefiċjarji jbiegħu l-elettriku tagħhom direttament fis-suq u jkunu soġġetti għal obbligi tas-suq. […]

(125) Il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu (124) ma japplikawx għal stallazzjonijiet b’kapaċità stallata ta’ elettriku ta’ anqas minn 500 kW […]

[…]

(128) Fin-nuqqas ta’ proċess kompetittiv tal-offerti, japplikaw il-kundizzjonijiet fil-paragrafi (124) u (125) u l-kundizzjonijiet għal għajnuna operatorja għal enerġija minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għajr l-elettriku kif stipulat fil-paragrafu (131).

[…]

3.3.2.2. Għajnuna għal enerġija minn sorsi rinnovabbli oħra għajr l-elettriku

(131) Għal enerġija minn sorsi rinnovabbli oħra għajr l-elettriku, l-għajnuna operatorja se titqies kompatibbli mas-suq intern jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

(a)

l-għajnuna għal kull unità ta’ enerġija ma tiżboqx id-differenza bejn it-total tal-kostijiet livellati tal-produzzjoni tal-enerġija (‘LCOE’) mit-teknoloġija partikolari in kwistjoni u l-prezz tas-suq tal-forma tal-enerġija kkonċernata;

(b)

l-LCOE tista’ tinkludi rendiment normali fuq il-kapital. L-għajnuna għall-investiment hija mnaqqsa mit-total tal-investiment fl-ammont fil-kalkolu tal-LCOE;

c)

il-kostijiet tal-produzzjoni huma aġġornati regolarment, mill-inqas kull sena; u

d)

l-għajnuna tingħata biss sakemm l-impjant ikun żvalutat għal kollox skont ir-regoli normali ta’ kontabbiltà sabiex jiġi evitat li l-għajnuna operatorja bbażata fuq l-LCOE taqbeż id-deprezzament tal-investiment.

[…]”

16.

L-imsemmija linji gwida kienu ssostitwiti bil-“Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-klima, għall-ħarsien tal-ambjent u għall-enerġija 2022” (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida 2022”) ( 6 ), li l-Parti 7 tagħhom, intitolata “Applikabbiltà”, hija fformulata kif ġej:

“(466) Il-Kummissjoni se tapplika dawn il-linji gwida biex tivvaluta l-kompatibbiltà tal-għajnuna notifikabbli kollha għall-klima, għall-ħarsien tal-ambjent u għall-enerġija li tingħata jew maħsuba li tingħata, mis‑27 ta’ Jannar 2022. L-għajnuna illegali se tiġi vvalutata f’konformità mar-regoli applikabbli fid-data li fiha ngħatat l-għajnuna.

(467) Dawn il-linji gwida jissostitwixxu l-[Linji Gwida 2014‑2020].

(468) Il-Kummissjoni tipproponi l-miżuri xierqa li ġejjin lill-Istati Membri skont l-Artikolu 108(1) [TFUE]:

a)

L-Istati Membri jemendaw, fejn meħtieġ, l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti ta’ ħarsien tal-ambjent u tal-enerġija biex iġibuhom konformi ma’ dawn il-linji gwida sa mhux aktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2023;

[…]”

5. Id-Deċiżjoni C(2016) 2726 final

17.

Permezz tad-Deċiżjoni C(2016) 2726 final tat‑28 ta’ April 2016 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.43756 (2015/N) – Italja, Sostenn għall-enerġija elettrika prodotta fl-Italja minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ( 7 ) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni”), il-Kummissjoni ma qajmitx oġġezzjonijiet għall-iskema ta’ għajnuna li kienet ġiet innotifikata lilha mill-Italja, taħt il-forma ta’ abbozz ta’ digriet ministerjali, intiża sabiex tippromwovi l-produzzjoni ta’ enerġija elettrika minn sorsi rinnovabbli, għar-raġuni li din hija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

18.

Fil-Parti 2.2 ta’ din id-deċiżjoni, li tikkonċerna d-deskrizzjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, il-premessa 7, li tinsab taħt it-Titolu “Produtturi ġodda ta’ kobor medju u riabilitazzjoni”, tippreċiża:

“L-installazzjonijiet ġodda iżgħar minn 5 MW jistgħu jaċċedu għal listi ta’ prijorità speċifiċi għal kull teknoloġija. […] Il-proġetti inklużi fil-listi jibbenefikaw minn sostenn taħt il-forma ta’ primjum varjabbli li jiżdied mal-prezz ta’ referenza tas-suq tal-enerġija elettrika. Il-primjum varjabbli huwa stabbilit f’livell suffiċjenti sabiex jikkumpensa d-differenza bejn l-ispejjeż livellati tal-enerġija elettrika (LCOE [levelised costs of electricity]) tat-teknoloġija kkonċernata u l-prezz ta’ referenza tas-suq tal-enerġija elettrika. […]”.

19.

Il-premessa 22 tal-imsemmija deċiżjoni, li tinsab fil-Parti 2.4 ta’ din tal-aħħar, intitolata “Finanzjament, baġit u tul”, tipprovdi li sostenn ser jingħata lil proġetti partikolari għal perijodu ugwali għat-tul tal-ħajja medja tal-proġett indikat fit-Tabella 1 tal-istess deċiżjoni u li dan il-perijodu ma jaqbiżx il-perijodu ta’ deprezzament ta’ proġetti kif iddefinit fil-leġiżlazzjoni Taljana. Il-premessa 21 tippreċiża li “[l]-iskema għandha tiġi nnotifikata sal‑31 ta’ Diċembru 2016”.

20.

Fil-Parti 3 tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna nnotifikata, il-Kummissjoni tindika, fil-premessi 31 u 32, li peress li hija intiża sabiex tappoġġja l-enerġija elettrika prodotta minn sorsi rinnovabbli, din l-iskema taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Linji Gwida 2014‑2020 u għalhekk huwa abbażi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tagħhom, jiġifieri dawk li jinsabu fit-Taqsimiet 3.2, 3.3.1 u 3.3.2 tagħhom, li hija tevalwa l-kompatibbiltà ta’ din l-iskema mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Din il-Parti 3 tinkludi wkoll, taħt it-Taqsima 3.3.3, intitolata “Proporzjonalità”, il-premessi li ġejjin:

“(47)

Kif ippreċiżat fil-punt 128 tal-[Linji Gwida 2014‑2020], fl-assenza ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti, il-Kummissjoni tevalwa l-proporzjonalità tal-għajnuna fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-punt 131 [tagħhom].

(48)

Għal dak li jirrigwarda l-proġetti inklużi fil-listi ta’ prijorità li jibbenefikaw minn tariffa ggarantita, l-Italja wriet li l-għajnuna għal kull unità ta’ enerġija ma taqbiżx il-LCOE għat-teknoloġija inkwistjoni […].

[…]

(50)

Għall-proġetti inklużi fil-listi ta’ prijorità, fejn il-prezz tas-suq tal-enerġija elettrika jaqbeż il-LCOE estimat, id-differenza tkun irkuprata billi jitnaqqas il-primjum waqt pagamenti sussegwenti. Dan jippermetti li jiġu evitati benefiċċji eċċezzjonali fejn il-prezzijiet tal-enerġija elettrika ogħla mil-LCOE jiġġeneraw dħul addizzjonali għall-proġett […]. Għall-proġetti li jipparteċipaw f’sejħiet għal offerti, huwa preżunt li l-parteċipanti ser jieħdu inkunsiderazzjoni r-riskji u l-opportunitajiet marbuta mal-varjazzjoni tal-prezzijiet tas-suq tal-enerġija waqt is-sottomissjoni tal-offerti tagħhom. […]

(51)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li r-remunerazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-punt 131 tal-[Linji Gwida 2014‑2020] u għalhekk hija proporzjonata.”

B.   Id-dritt Taljan

21.

Id-Decreto del Ministero dello Sviluppo Economico – Incentivazione dell’energia elettrica prodotta da fonti rinnovabili diverse dal fotovoltaico (id-Digriet tal-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku dwar il-Promozzjoni tal-Enerġija Elettrika Prodotta minn Sorsi Rinnovabbli Minbarra dawk Fotovoltajċi) tat‑23 ta’ Ġunju 2016 ( 8 ) (iktar ’il quddiem id-“digriet tat‑23 ta’ Ġunju 2016”), ġie adottat b’mod partikolari bħala parti mid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni.

22.

L-Artikolu 4 ta’ dan id-digriet jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu, il-proċeduri differenti ta’ aċċess għall-mekkaniżmi ta’ inċentiv li huwa jipprevedi, jiġifieri, rispettivament, wara reġistrazzjoni fir-reġistru rilevanti, stabbilit skont is-sors ta’ enerġija u t-tip ta’ installazzjoni, jew wara parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ rkant bi skont jew b’mod dirett. Din id-dispożizzjoni tippreċiża, għal kull tip ta’ proċedura, il-kategoriji ta’ installazzjonijiet eliġibbli, stabbiliti, essenzjalment, skont il-kapaċità ta’ produzzjoni tal-impjant ikkonċernat.

23.

L-Artikolu 7 tal-imsemmi digriet jirrigwarda l-istabbiliment tat-tariffi ggarantiti u tal-inċentivi. Il-paragrafu 4 tiegħu jipprevedi li, għall-installazzjonijiet ta’ kapaċità ta’ inqas minn jew ugwali għal 500 kW, GSE jipproċedi, jekk ikun il-każ, bl-akkwist tal-enerġija elettrika injettata fin-network, billi jħallas fuq il-produzzjoni netta injettata fin-network tariffa ta’ inċentiv globali, stabbilita abbażi tal-Anness 1 tal-istess digriet ( 9 ). Il-paragrafu 6 jindika li, fil-każ fejn l-operatur ta’ tali installazzjoni jagħżel li jżomm l-enerġija fil-pussess tiegħu u jbigħha fis-suq ħieles, GSE jipproċedi b’ “irtirar ta’ somma fissa”, u l-bdil minn modalità ta’ ħlas tal-inċentiv għall-oħra ma huwiex awtorizzat iktar minn darbtejn matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tal-miżura ta’ inċentiv. Il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu 7 jipprovdi li, għall-installazzjonijiet ta’ potenza nominali ogħla minn 500 kW li jipparteċipaw fi proċeduri ta’ rkant bi skont, GSE jħallas, fir-rigward tal-produzzjoni netta injettata fin-network, l-inċentiv stabbilit b’applikazzjoni tal-istess digriet, u l-enerġija prodotta minn dawn l-installazzjonijiet tibqa’ għad-dispożizzjoni tal-produttur.

III. Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

24.

Tiberis hija kumpannija li topera impjant idroelettriku ta’ potenza ta’ 2.747 MW fuq it-Tibre, fil-komun ta’ Fiano Romano (l-Italja).

25.

Fit‑8 ta’ Settembru 2017, GSE, kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata miżmuma mill-awtoritajiet Taljani, responsabbli b’mod partikolari għall-promozzjoni u għall-iżvilupp ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u għall-effiċjenza enerġetika, laqgħet it-talba ta’ Tiberis, imressqa fit‑22 ta’ Diċembru 2016, li tibbenefika mill-mekkaniżmu ta’ inċentiv għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika previst mid-digriet tat‑23 ta’ Ġunju 2016. Fil‑5 ta’ Ottubru 2017, Tiberis ikkonkludiet ma’ GSE kuntratt li jirregola l-kundizzjonijiet ta’ għoti ta’ inċentivi dovuti lil din il-kumpannija konformità ma’ dan il-mekkaniżmu. Skont il-miżuri ta’ inċentiv previsti, l-imsemmija kumpannija rċeviet total ta’ EUR 4044 340.75 f’għajnuna fuq ħames snin, jiġifieri mis-sena 2017 sas-sena 2021.

26.

Permezz ta’ tliet fatturi, l-ewwel tnejn b’data tal‑4 ta’ April 2022 u l-aħħar waħda b’data tat‑2 ta’ Mejju 2022, GSE talab lill-istess kumpannija r-restituzzjoni ta’ parti mill-għajnuna allokata, għal ammont totali ta’ EUR 1224 210.86.

27.

Tiberis ippreżentat rikors quddiem it-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja), intiż għall-annullament ta’ dawn it-talbiet kif ukoll ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali u regolatorji li kienu bbażati fuqhom. Insostenn tar-rikors tagħha, Tiberis invokat, b’mod partikolari, ksur tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/28 u tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2018/2001.

28.

Din il-qorti ddeċidiet li dan ir-rikors huwa infondat. F’dan ir-rigward, hija rrilevat, essenzjalment, li l-miżura inkwistjoni kienet tiggarantixxi lill-benefiċjarju tal-inċentiv remunerazzjoni globali stabbilita għall-enerġija prodotta, li tippermetti r-remunerazzjoni tal-investiment imwettaq għall-kostruzzjoni tal-impjant, filwaqt li tipproteġi l-imprenditur mill-varjazzjonijiet tal-prezz tas-suq matul iż-żmien, peress li t-tariffa fissa ggarantita lilu tiżgura li jiġbor lura l-ammont investit fil-kostruzzjoni tal-installazzjoni. L-imsemmija qorti rrilevat ukoll li, f’din is-sistema, eventwali żieda tal-prezz tas-suq ma kienx rifless f’żieda ta’ dħul tal-benefiċjarju tal-inċentiv, iżda f’“inċentiv negattiv”, jiġifieri tnaqqis favur GSE, li kienet tikkostitwixxi l-korrispettiv, imprevedibbli u każwali, tal-garanzija ta’ tariffa stabbilita li, fi kwalunkwe każ, irrendiet l-investiment inizjali vijabbli meta l-prezz tas-suq kien inqas mit-tariffa ggarantita minn GSE. Minn dan iddeduċiet li l-oġġezzjonijiet ta’ Tiberis relatati mal-impossibbiltà li tagħmel profitti addizzjonali li jirriżultaw mill-varjazzjonijiet tas-suq ma kinux fondati u li, billi ressqet talba intiża sabiex tikseb l-inċentivi kkonċernati u billi kkonkludiet il-kuntratt relattiv fil‑5 ta’ Ottubru 2017, din il-kumpannija kienet aċċettat ir-riskju kummerċjali li kien jirriżulta minnhom.

29.

Barra minn hekk, l-istess qorti qieset li dan it-tip ta’ mekkaniżmu ta’ inċentiv kien konformi ma’ dak previst mill-Kummissjoni fil-Linji Gwida 2014‑2020 u ddeċidiet li ma jistax jitqies li huwa diskriminatorju għas-sempliċi raġuni li l-operaturi li kisbu l-inċentivi wara proċeduri ta’ rkant setgħu, bid-differenza għal dawk li kisbu l-inċentivi bil-proċedura ta’ reġistrazzjoni fir-reġistru, jirċievu l-prezz tas-suq kollu, peress li s-sitwazzjonijiet tagħhom kienu differenti sa fejn l-operaturi li jipparteċipaw fi rkanti bi skont kienu jibbenefikaw minn tariffa globali inqas minn dik tal-operaturi li jaċċedu għar-reġistrazzjoni fir-reġistru u setgħu għalhekk, inkambju, jibbenefikaw minn eventwali żidiet tas-suq. Għalhekk, il-mekkaniżmu ta’ inċentiv inkwistjoni, meħud fl-intier tiegħu, ma kienx imur kontra d-dritt tal-Unjoni.

30.

Tiberis appellat minn din is-sentenza quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), il-qorti tar-rinviju. Insostenn tal-appell tagħha, intiż sabiex jibdel l-imsemmija sentenza, din il-kumpannija, tenniet essenzjalment il-motiv tagħha ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/28 u tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2018/2001.

31.

Skont il-qorti tar-rinviju, prima facie, il-punt 2 tal-Anness 1 tad-digriet tat‑23 ta’ Ġunju 2016 donnu jmur kontra l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/28 kif ukoll l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2018/2001. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet jelenkaw ħames kriterji kumulattivi sabiex l-inċentivi jkunu legali, jiġifieri jkunu bbażati fuq is-suq; jippermettu lill-benefiċjarji jirreaġixxu għas-sinjali tas-suq; jevitaw kwalunkwe distorsjoni inutli fis-swieq; jiggarantixxu li l-produtturi jirrispondu għas-sinjali tal-prezz tas-suq u jiggarantixxu li l-produtturi jimmassimizzaw id-dħul li jagħmlu mis-suq. Dawn l-inċentivi għandhom, barra minn hekk, jingħataw b’mod miftuħ, trasparenti, kompetittiv, nondiskriminatorju u kosteffiċjenti.

32.

Madankollu, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jkollha l-effett li ġġiegħel lill-produtturi jirrinunzjaw għall-inċentiv, li skont din il-qorti, imur kontra l-għan imfittex mill-mekkaniżmu ta’ inċentiv. F’dan ir-rigward, hija tindika li l-Artikolu 4 tad-Digriet tat‑23 ta’ Ġunju 2016 jipprevedi li l-aċċess għall-mekkaniżmu ta’ inċentiv huwa miftuħ abbażi ta’ tliet proċeduri differenti, filwaqt li tippreċiża li l-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni f’waħda minn dawn ma hijiex volontarja, iżda tiddependi esklużivament mill-kapaċità ta’ produzzjoni tal-impjant ikkonċernat. Għalhekk, Tiberis ma setgħetx tiddeċiedi liberament jekk titlobx ir-reġistrazzjoni tagħha fir-reġistru jew jekk tipparteċipax fil-proċedura ta’ rkant peress li dawn huma żewġ kategoriji distinti stabbiliti minn qabel abbażi tat-tip u tal-kapaċità massima tal-installazzjoni inkwistjoni. Madankollu, il-produtturi li jibbenefikaw mill-inċentiv permezz tar-reġistrazzjoni tagħhom fir-reġistru għandhom iħallsu lura lill-GSE d-differenza bejn il-prezz tas-suq u l-inċentiv, jekk il-prezz tas-suq ikun ogħla mill-inċentiv, għall-kuntrarju tal-produtturi li għandhom installazzjonijiet kbar, li jibbenefikaw mill-inċentiv permezz tal-proċedura ta’ rkant, u min-naħa tagħhom, jistgħu jiġbru l-prezz tas-suq kollu.

33.

Barra minn hekk, skont l-imsemmija qorti, il-miżura intiża li twettaq “aġġustament” favur GSE meta l-prezz tas-suq ikun ogħla mill-ammont tal-inċentiv donnha tikkontradixxi d-Direttivi 2009/28 u 2018/2001, sa fejn dawn id-direttivi jobbligaw lill-Istati Membri jippermettu lill-operaturi jirreaġixxu għad-dinamika tas-suq sabiex jevitaw id-distorsjonijiet li jirriżultaw mill-eliminazzjoni tar-reattività tal-produtturi għad-domanda, peress li, fid-dawl tal-inċentiv negattiv, il-produtturi benefiċjarji tal-inċentiv permezz tar-reġistrazzjoni tagħhom fir-reġistru ma jkollhom ebda interess li jirreaġixxu għal din id-dinamika tas-suq.

34.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċedura u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 3 tad-Direttiva [2009/28] u 4 tad-Direttiva [2018/2001] jipprekludu jew ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li fil-kuntest ta’ skema ta’ inċentivi nazzjonali tipprevedi, b’riferiment għal każijiet fejn il-produtturi jbigħu l-enerġija fis-suq ħieles, tariffa ta’ inċentiv li tiggarantixxi prezz minimu, li fl-istess ħin ikun ukoll prezz massimu, bis-saħħa ta’ mekkaniżmu ta’ aġġustament/rimbors ta’ somom li jaqbżu l-valur tal-inċentiv fejn il-prezz tas-suq huwa ogħla minn dan tal-aħħar (l-hekk imsejjaħ inċentiv negattiv), fejn barra minn hekk il-mekkaniżmu ta’ aġġustament japplika biss fejn il-produttur li jbigħ l-enerġija fis-suq ħieles jaċċessa l-inċentiv billi jirreġistra fir-reġistru rilevanti u mhux ukoll fejn jaċċessah permezz ta’ parteċipazzjoni fi proċedura ta’ rkant?”

35.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Tiberis, GSE, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni Ewropea, li kollha pparteċipaw fis-seduta għas-sottomissjonijiet orali li nżammet fis‑7 ta’ Novembru 2024.

IV. Analiżi

A.   Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

36.

Qabel ma nipproċedi bl-analiżi tad-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandha tingħata deċiżjoni dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma minn GSE u mill-Gvern Taljan.

37.

Minn naħa, GSE jsostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli abbażi tal-fatt li r-rekwiżiti tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma humiex osservati, peress li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’mod utli għad-domanda magħmula ( 10 ).

38.

Min-naħa l-oħra, il-Gvern Taljan jikkunsidra li d-domanda preliminari hija inammissibbli għar-raġuni li l-miżura kkontestata fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi għajnuna eżistenti li kienet preliminarjament awtorizzata mill-Kummissjoni permezz tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tagħha. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tinsab f’impossibbiltà li tintervjeni dwar l-intensità tal-għajnuna inkwistjoni, mingħajr ma twassal għal klassifikazzjoni mill-ġdid tagħha bħala “għajnuna ġdida”, u konsegwentement tikser l-Artikolu 108(3) TFUE, li jipprojbixxi l-għoti ta’ għajnuna ġdida li ma kinitx innotifikata minn qabel lill-Kummissjoni u awtorizzata minnha. Minn dawn l-elementi jirriżulta li d-domanda magħmula hija nieqsa minn kwalunkwe rabta reali mal-kawża prinċipali u hija purament ipotetika peress li, irrispettivament mir-risposta li tingħata lil din tal-aħħar, it-talba ta’ Tiberis ma tistax, fi kwalunkwe każ, tintlaqa’, għaliex l-Artikolu 108 TFUE jipprekludi dan.

39.

Preliminarjament, fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ talbiet għal deċiżjonijet preliminari, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, dawn jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza u l-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni ( 11 ). Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbi biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex quddiemha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha ( 12 ). Dwar dan il-punt tal-aħħar, in-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi, kif enfasizzat mill-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li din tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, minn tal-inqas, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi ( 13 ). Madankollu, minħabba l-ispirtu ta’ kooperazzjoni li jeżisti fir-relazzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, l-assenza ta’ ċerti konstatazzjonijiet magħmula minn qabel mill-qorti tar-rinviju ma twassalx neċessarjament għall-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari jekk, minkejja dawn in-nuqqasijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-elementi li jirriżultaw mill-proċess, tqis li tkun f’pożizzjoni li tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju ( 14 ).

40.

F’dan il-każ, l-argumenti mressqa minn GSE fir-rigward tal-inammissibbità tat-talba għal deċiżjoni preliminari jistgħu jiġu esklużi mingħajr diffikultà kbira abbażi tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, anki jekk jiġi preżunt li l-allegati ommissjonijiet fil-kuntest fattwali u leġiżlattiv seħħew, dan ma huwiex ta’ natura li jipprekludi lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tirrispondi għad-domanda magħmula ( 15 ).

41.

Għall-kuntrarju, il-kwistjoni mqajma mill-Gvern Taljan dwar l-eventwali rilevanza tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni għall-finijiet tal-kawża prinċipali teħtieġ riflessjoni iktar dettaljata, b’mod partikolari, fid-dawl tal-fatt li ma huwiex eskluż li din id-deċiżjoni tista’ tostakola l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari (jew tal-inqas, ikollha effett fuq l-interpretazzjoni mitluba).

42.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li minkejja li l-qorti tar-rinviju mkien ma semmiet id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, dan il-fatt waħdu ma huwiex suffiċjenti sabiex ineħħi kull rilevanza ta’ din id-deċiżjoni u jippermetti li jiġu esklużi ex officio l-oġġezzjonijiet magħmula mill-Gvern Taljan fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ din il-kawża. Fil-fatt, il-preżunzjoni ta’ rilevanza li minnha tibbenefika d-deskrizzjoni tal-kuntest fattwali u legali mwettqa mill-qorti tar-rinviju ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tastratta tali deċiżjoni, b’mod iktar partikolari meta din tirriżulta rilevanti fil-kuntest tas-soluzzjoni ta’ kawża miġjuba quddiemha, b’mod partikolari sabiex tingħata risposta utli għad-domanda magħmula minn din il-qorti tar-rinviju. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li f’dan il-każ ma huwiex ikkontestat, minn naħa, li l-iskema ta’ għajnuna Taljana inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija koperta mid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, u min-naħa l-oħra, li Tiberis kienet effettivament waħda mill-impriżi benefiċjarji ta’ din l-iskema ta’ għajnuna.

43.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal u minkejja li ma jistax jiġi eskluż li din it-talba għal deċiżjoni preliminari titqies inammissibbli ( 16 ), nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju, tirriformula d-domanda preliminari fis-sens li, permezz tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikoli 107 u 108 TFUE għandhomx jiġi interpretati fis-sens li jipprekludu li qorti nazzjonali twettaq evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-mekkanizmu ta’ inċentiv negattiv mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/28 u mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2018/2001, meta dan il-mekkaniżmu ikun jagħmel parti minn skema ta’ għajnuna mill-Istat awtorizzata minn qabel mill-Kummissjoni.

B.   Fuq il‑ġurisdizzjoni tal‑qorti tar‑rinviju li tevalwa l‑kompatibbiltà tal‑mekkaniżmu ta’ inċentiv negattiv fid-dawl tad‑Direttivi 2009/28 u 2018/2001

44.

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat hija bbażata fuq obbligu ta’ kooperazzjoni leali bejn, minn naħa, il-qrati nazzjonali, u min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni u l-qrati tal-Unjoni, li fil-kuntest tiegħu kull waħda minnhom taġixxi skont ir-rwol mogħti lilha mit-Trattat. Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, kif jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE, il-qrati nazzjonali għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u jastjenaw milli jieħdu miżuri li jistgħu jqiegħdu f’perikolu l-kisba tal-għanijiet tat-Trattat, billi jastjenu milli jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ( 17 ).

45.

Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-qrati nazzjonali u l-Kummissjoni għandhom rwoli komplementari iżda distinti, fis-sistema ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat stabbilita mit-Trattat ( 18 ). Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ miżuri ta’ għajnuna mas-suq intern taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, li hija suġġetta għall-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni ( 19 ), filwaqt li l-qrati nazzjonali għandhom jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-individwi fil-każ ta’ ksur tal-obbligu ta’ notifika minn qabel tal-għajnuna mill-Istat lill-Kummissjoni previst fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE ( 20 ).

46.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li jekk qorti nazzjonali tkun tista’, fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat li l-Kummissjoni kkonstatat il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, tiddeċiedi min-naħa tagħha fuq il-kompatibbiltà ta’ tali skema mas-suq intern, ikun ifisser essenzjalment li din il-qorti tiġi attribwita s-setgħa li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik magħmula mill-Kummissjoni, u għalhekk, li tidħol fuq il-kompetenzi esklużivi riservati lill-Kummissjoni għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq intern ( 21 ).

47.

Fit-tieni lok, għandu jiġi ppreċiżat li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li qorti nazzjonali għandha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-konformità tal-modalitajiet ta’ skema ta’ għajnuna mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat b’effett dirett, minbarra dawk dwar l-għajnuna mill-Istat, biss jekk dawn il-modalitajiet ikunu jistgħu jiġu evalwati b’mod iżolat u li, minkejja li jagħmlu parti mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, ma jkunux neċessarji għat-twettiq tal-għan tagħha jew għall-funzjonament tagħha ( 22 ). Min-naħa l-oħra, il-modalitajiet ta’ għajnuna jistgħu jkunu tant indissoċjabbilment marbutin mal-għan stess tal-għajnuna li ma jkunx possibbli li dawn jiġu evalwati b’mod iżolat, b’tali mod li l-effett tagħhom fuq il-kompatibbiltà jew l-inkompatibbiltà tal-għajnuna fl-intier tagħha għandu mbagħad jiġi neċessarjament evalwat skont il-proċedura tal-Artikolu 108 TFUE ( 23 ).

48.

Għalhekk, billi kkonstatat, fil-kawża reċenti li tat lok għas-sentenza A-Fonds ( 24 ), li waħda mill-kundizzjonijiet previsti mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni f’dik il-kawża (jiġifieri l-kundizzjoni relatata mar-residenza) kienet indissoċjabbilment marbuta mal-iskema ta’ għajnuna peress li kienet neċessarja għat-twettiq tal-għan jew tal-funzjonament ta’ din tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi li qorti nazzjonali tista’ tevalwa l-konformità ta’ tali kundizzjoni mal-moviment liberu tal-kapital u tali qorti nazzjonali ma tistax a fortiori tislet il-konsegwenzi ta’ ksur eventwali tal-moviment liberu tal-kapital. Għalhekk, minn dan hija ddeduċiet li ma kienx neċessarju li tingħata risposta għad-domanda li kienet magħmula lilha ( 25 ).

49.

F’dan il-każ, nirrileva li l-qorti tar-rinviju għandha quddiemha kwistjoni simili għal dik indirizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza ċċitata iktar ’il fuq, minkejja li din ingħatat f’kuntest differenti. Fil-fatt, għall-kuntrarju tal-kawża li tat lok għas-sentenza A‑Fonds, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà tal-mekkaniżmu inkwistjoni mhux mas-suq intern fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat jew ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt primarju, iżda ma’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju, jiġifieri d-Direttivi 2009/28 u 2018/2001, u dan mingħajr ma ssemmi d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni adottata minn qabel mill-Kummissjoni.

50.

Madankollu, indipendentement minn dawn id-differenzi, jiena tal-opinjoni li r-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-kawża msemmija hawn fuq, għandu jiġi traspost, u konsegwentement, jiġi konkluż fis-sens li l-qorti tar-rinviju ma għandhiex ġurisdizzjoni tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tal-mekkaniżmu ta’ inċentiv negattiv mad-Direttivi 2009/28 u 2018/2001 għar-raġunijiet li ser jiġu esposti iktar ’il quddiem.

51.

L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-mekkaniżmu ta’ inċentiv negattiv, ikkontestat minn Tiberis, jagħmel parti integrali mill-iskema ta’ għajnuna mill-Istat adottata mill-Gvern Taljan u li l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern kienet eżaminata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tagħha.

52.

Fil-fatt, minn din id-deċiżjoni jirriżulta li, b’konformità mal-Linji Gwida 2014‑2020, li fid-dawl tagħhom kienet evalwata l-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, il-Kummissjoni evalwat preċiżament jekk il-miżura nnotifikata kellhiex effett ta’ inċentiv konkret fir-rigward tal-għan ta’ interess komuni intiż sabiex jippromwovi l-produzzjoni ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli, partikolarment għal dak li jirrigwarda proprjetarji ta’ installazzjonijiet ta’ produzzjoni li jibbenefikaw mill-inċentiv permezz tar-reġistrazzjoni tagħhom f’reġistri ( 26 ). Barra minn hekk, l-imsemmija deċiżjoni kkonfermat il-proporzjonalità tal-miżuri previsti mill-awtoritajiet Taljani li jinkludu l-mekkaniżmu ta’ inċentiv negattiv, peress li dan tal-aħħar kien limitat għal dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent imfittex ( 27 ).

53.

It-tieni nett, għandu jiġi nnotat li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punti 47 u 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jirriżulta li meta l-kwistjoni tikkonċerna kundizzjonijiet jew elementi li huma neċessarji għat-twettiq tal-għan jew tal-funzjonament tal-iskema ta’ għajnuna, it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-qrati nazzjonali fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat jipprekludi li dawn tal-aħħar jevalwaw il-kompatibbiltà ta’ dawn il-kundizzjonijiet fir-rigward ta’ regoli oħra minbarra dawk kontenuti fl-Artikolu 107 TFUE.

54.

F’dan il-każ, il-kwistjoni dwar jekk il-qorti tar-rinviju tistax tevalwa l-mekkaniżmu ta’ inċentiv negattiv fir-rigward tad-Direttivi 2009/28 u 2018/2001 tiddependi, konsegwentement, minn dik dwar jekk din il-modalità tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tistax tiġi evalwata b’mod iżolat, peress li ma hijiex neċessarja għat-twettiq tal-għan jew tal-funzjonament tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li modalità hija neċessarja għat-twettiq tal-għan jew tal-funzjonament ta’ għajnuna meta din tkun element kostituttiv jew essenzjali tal-għajnuna, b’mod li l-inapplikabbiltà tagħha twassal sabiex tbiddel il-portata jew il-karatteristiċi prinċipali tal-għajnuna ( 28 ).

55.

Fil-fehma tiegħi, ma hemmx dubju dwar il-fatt li l-mekkaniżmu ta’ inċentiv negattiv jissodisfa l-kriterji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet, peress li, anki jekk ma jistax jiġi kkunsidrat bħala kundizzjoni kostituttiva tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni f’din il-kawża, huwa xorta jibqa’ element essenzjali u indissoċjabbli tagħha. Fil-fatt, kif kien espost fil-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan il-mekkaniżmu jirrigwarda mhux biss waħda mill-modalitajiet stess tal-għoti tal-għajnuna iżda huwa wkoll indissoċjabbilment marbut mal-intensità u mal-proporzjonalità tal-għajnuna kkonċernata, li jikkostitwixxu fihom infushom elementi ewlenin tal-analiżi tal-kompatibbiltà tal-għajnuna li taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni skont il-proċedura prevista fl-Artikoli 107 u 108 TFUE.

56.

Peress li ma jidhirx li huwa possibbli li tiġi iżolata tali modalità li tidher neċessarja għat-twettiq tal-għan u tal-funzjonament tal-iskema ta’ għajnuna awtorizzata mill-Kummissjoni, huwa diffiċli li wieħed jara b’liema mod qorti nazzjonali tista’ tislet il-konsegwenzi ta’ eventwali konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà tal-mekkaniżmu inkwistjoni mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttivi 2009/28 u 2018/2001 mingħajr ma tibdel, anki b’mod limitat biss, din l-iskema ta’ għajnuna u mingħajr ma tippreġudika d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, u għalhekk, il-validità tagħha (jew anki jekk din ma timpinġix fuq il-kompetenzi tal-Kummissjoni, u b’hekk tippreġudika t-tqassim tal-kompetenzi bejn din l-istituzzjoni u l-qrati nazzjonali, soluzzjoni li ma tistax tiġi sostnuta fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punti 44 sa 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

57.

Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li permezz tar-rikors tagħha ppreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju, Tiberis tfittex, fir-realtà, li tibdel l-iskema ta’ għajnuna preċedentement approvata mill-Kummissjoni, jew tal-inqas, ċerti aspetti ta’ din tal-aħħar.

58.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li fil-kuntest tas-sistema ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat, stabbilita mill-Artikoli 107 u 108 TFUE, il-proċedura tvarja skont jekk l-għajnuna tkunx eżistenti jew ġdida ( 29 ). Filwaqt li l-għajnuna eżistenti tista’, b’konformità mal-Artikolu 108(1) TFUE, tiġi implimentata b’mod regolari sakemm il-Kummissjoni ma tkunx ikkonstatat l-inkompatibbiltà tagħha, l-Artikolu 108(3) TFUE jipprekludi l-għoti ta’ għajnuna ġdida jew t-tibdil ta’ għajnuna eżistenti li ma kinitx ġiet innotifikata minn qabel lill-Kummissjoni u awtorizzata minnha ( 30 ). F’dan il-kuntest, l-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament 2015/1589 jipprovdi li “għajnuna eżistenti” tkopri kull għajnuna awtorizzata, jiġifieri l-iskemi ta’ għajnuna u l-għajnuna individwali awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill. L-Artikolu 1(c) ta’ dan ir-regolament, jipprevedi, min-naħa tiegħu, li “għajnuna ġdida” hija kull skema ta’ għajnuna jew kull għajnuna individwali, li ma tikkostitwixxix għajnuna eżistenti, inkluż kull tibdil ta’ għajnuna eżistenti.

59.

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, minkejja li t-tibdil magħmul lill-għajnuna eżistenti ma jwassalx awtomatikament għall-klassifikazzjoni mill-ġdid tagħha bħala għajnuna ġdida, dan ikun il-każ meta dan it-tibdil ma jkunx ta’ natura purament formali jew amministrattiva, iżda jista’ jinfluwenza l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna mas-suq intern ( 31 ). Issa, kif ġie stabbilit fil-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-mekkaniżmu ta’ inċentiv negattiv jikkostitwixxi element essenzjali tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni li abbażi tiegħu l-Kummissjoni analizzat il-kompatibbiltà ta’ din l-iskema mas-suq intern. Konsegwentement, tibdil tal-imsemmija skema ta’ għajnuna, kif imfassal minn Tiberis, ikollu l-effett li jwassal għall-klassifikazzjoni mill-ġdid tagħha bħala għajnuna ġdida u illegali.

60.

Huwa minnu li fil-kawżi reċenti li taw lok għas-sentenza DOBELE HES (C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li qorti nazzjonali tista’ tilqa’ talba intiża għall-ħlas ta’ somma li tikkorrispondi għal għajnuna ġdida mhux innotifikata lill-Kummissjoni, bil-kundizzjoni li din l-għajnuna tkun debitament innotifikata minn qabel mill-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati lil din l-istituzzjoni u li din tal-aħħar tagħti, jew titqies li tkun tat, il-kunsens tagħha f’dan ir-rigward ( 32 ). Madankollu, tali sitwazzjoni jidher ipotetika f’dan il-każ, fid-dawl tal-fatt li, minn naħa, it-tibdil tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ma jidhirx li huwa previst mill-Gvern Taljan, u min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju ma tistaqsix dwar tali eventwalità ( 33 ).

61.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għad-domanda preliminari, kif irriformulata, għandha tkun li l-Artikoli 107 u 108 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li qorti nazzjonali twettaq evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-mekkaniżmu ta’ inċentiv negattiv ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti u awtorizzata minn qabel mill-Kummissjoni mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/28 u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2018/2001, fil-każ fejn dan il-mekkaniżmu jkun indissoċjabbilment marbut mal-iskema ta’ għajnuna peress li jkun neċessarju għat-twettiq tal-għan jew għall-funzjonament ta’ din tal-aħħar.

C.   Fuq il‑kwistjoni tal‑kompatibbiltà tal‑mekkaniżmu ta’ inċentiv negattiv inkwistjoni fil‑kawża prinċipali mal‑Artikolu 3 tad‑Direttiva 2009/28 u mal‑Artikolu 4 tad‑Direttiva 2018/2001

62.

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-analiżi tiegħi u tqis li l-qorti tar-rinviju għandha ġurisdizzjoni tevalwa l-kompatibbiltà tal-mekkaniżmu ta’ inċentiv negattiv inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/28 u mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2018/2001, ser nanalizza, sussidjarjament, fil-punti li ġejjin, il-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jipprekludux dan il-mekkaniżmu.

63.

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar l-interpretazzjoni tad-Direttivi 2009/28 u 2018/2001 sabiex hija tkun tista’ tevalwa l-kompatibbiltà magħhom modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-iskema Taljana ta’ inċentiv għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika minn sorsi rinnovabbli li tibbenefika minnha Tiberis. Din il-qorti tistaqsi, b’mod iktar preċiż, jekk l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/28, fis-seħħ waqt l-istabbiliment tal-iskema ta’ għajnuna u waqt il-konklużjoni tal-kuntratt bejn Tiberis u GSE, u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2018/2001, li ssostitwixxiet din l-ewwel direttiva sa mill‑1 ta’ Lulju 2021, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-mekkaniżmu ta’ inċentiv negattiv inkluż fil-kuntest ta’ din l-iskema ta’ għajnuna.

64.

Fil-fehma tiegħi, din id-domanda tkopri, fir-realtà, żewġ kwistjonijiet li jistgħu jiġu deskritti bil-mod segwenti. L-ewwel waħda tirrigwarda l-punt dwar jekk il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna Taljana, u b’mod partikolari, il-mekkaniżmu ta’ inċentiv negattiv, imorrux kontra d-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq ta’ dawn iż-żewġ direttivi għar-raġuni li ma jidhrux li huma “bbażati fuq is-suq” u li dan il-mekkaniżmu ta’ aġġustament jista’ għalhekk iwassal lil ċerti benefiċjarji jirrinunzjaw għall-inċentiv, li skont il-qorti tar-rinviju, imur kontra l-għanijiet imfittxija mill-imsemmija direttivi. It-tieni tirrigwarda l-eżistenza ta’ eventwali diskriminazzjoni li tirriżulta mill-fatt li l-modalitajiet ta’ aċċess għall-għajnuna mill-Istat ma humiex l-istess għall-produtturi kollha ta’ enerġija rinnovabbli peress li dawk irreġistrati fir-reġistru biss huma suġġetti għall-mekkaniżmu ta’ aġġustament ( 34 ).

1. Osservazzjonijiet preliminari

65.

Huwa utli li jitfakkar, l-ewwel nett, li l-iskema ta’ għajnuna stabbilita mid-digriet tat‑23 ta’ Ġunju 2016 kienet tipprevedi tliet modalitajiet ta’ għajnuna differenti, ibbażati fuq mekkaniżmi ta’ inċentiv distinti, li kienu ddeterminati skont il-kapaċità ta’ produzzjoni tal-impjant ikkonċernat. B’mod iktar preċiż, dawn it-tliet modalitajiet ta’ għajnuna kienu s-segwenti:

–

l-ewwel modalità ta’ għajnuna kienet ibbażata fuq il-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ rkant bi skont li kien aċċessibbli mill-installazzjonijiet kbar li l-kapaċità ta’ produzzjoni tagħhom kienet ogħla minn 5 MW. L-għajnuna kienet titħallas lill-benefiċjarji biss meta l-prezz kull siegħa kull żona kien jaqa’ taħt il-prezz tal-irkant sabiex tipi koperta tkori d-differenza bejn iż-żewġ prezzijiet. It-tariffa ta’ inċentiv għall-installazzjonijiet kbar kienet, barra minn hekk, ta’ ammont inqas minn dak għal installazzjonijiet żgħar jew ta’ kobor medju;

–

it-tieni modalità ta’ għajnuna, li bbenefikat minnha Tiberis, kienet tapplika għall-installazzjonijiet ta’ kobor medju li kellhom kapaċità ta’ produzzjoni bejn 1 u 5 MW u kienet tippreżupponi reġistrazzjoni tal-installazzjoni fir-reġistru. Dan il-mekkaniżmu kien ibbażat fuq tariffa proporzjonata għall-ispejjeż tal-proġett ippreżentati minn din l-impriża fil-mument tal-iffirmar tal-kuntratt inizjali ma’ GSE, u jiggarantixxi għalhekk lill-benefiċjarju remunerazzjoni globali stabbilita għall-enerġija prodotta li kienet tippermetti r-remunerazzjoni tal-investimenti mwettqa għall-kostruzzjoni tal-impjant. Dan il-mekkaniżmu kien jipprevedi, b’mod iktar partikolari, l-għoti ta’ għajnuna meta l-prezz kull siegħa għal kull żona kien jaqa’ taħt il-prezz tat-tariffa ffissata minn digriet, sabiex jikkumpensa b’mod partikolari d-differenza bejn iż-żewġ prezzijiet. Madankollu, jekk il-prezz tas-suq kien ogħla mit-tariffa fissa, l-impriża kkonċernata kellha tħallas id-differenza lil GSE permezz tal-mekkaniżmu ta’ inċentiv negattiv;

–

it-tielet modalità ta’ għajnuna kienet aċċessibbli biss mill-installazzjonijiet żgħar b’kapaċità ta’ produzzjoni inqas minn 1 MW u kienet tipprovdi l-għoti ta’ għajnuna diretta.

66.

Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li operatur bħal Tiberis kien, sa mill-bidu, liberu li ma jikkonkludix kuntratt ma’ GSE, u għalhekk, li jirrifjuta li jissuġġetta ruħu għall-modalitajiet ta’ għajnuna li jikkorrispondu għall-kapaċità ta’ produzzjoni tiegħu. Barra minn hekk, din il-kumpannija kellha l-possibbiltà, fil-każ li tikkonkludi kuntratt ma’ GSE, li xxolji, f’kull mument, dan il-kuntratt u toħroġ mill-iskema ta’ inċentiv li minnha tkun ibbenefikat sa dakinhar, sabiex tbigħ l-enerġija prodotta liberament fis-suq, u tkun esposta b’hekk għall-varjazzjonijiet tas-suq.

67.

It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, għal dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae taż-żewġ direttivi msemmija mid-deċiżjoni tar-rinviju, ma huwiex ikkontestat li l-għajnuna li bbenefikat minnha Tiberis skont id-digriet tat‑23 ta’ Ġunju 2016 taqa’ taħt il-kunċett ta’ “skema ta’ għajnuna”, iddefinit b’mod identiku fl-Artikolu 2(k) tad-Direttiva 2009/28 u fil-punt 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2018/2001. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li dawn iż-żewġ direttivi jippermettu lill-Istati Membri jintroduċu skemi ta’ għajnuna mill-Istat favur il-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, iżda din l-għażla hija madankollu suġġetta għall-kundizzjoni li dawn l-iskemi jkunu kompatibbli mar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, dan ir-rekwiżit jirriżulta espressament kemm mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/28 kif ukoll mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2018/2001 li jipprevedu li dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw mingħajr preġudizzju għall-kompetenza esklużiva mogħtija lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 108 TFUE ( 35 ).

68.

It-tielet nett, għal dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ dawn iż-żewġ direttivi, għandu jiġi kkonstatat li ladarba d-digriet tat‑23 ta’ Ġunju 2016 kien ġie adottat u fil-mument li fih Tiberis ikkonkludiet il-kuntratt ma’ GSE skont l-iskema ta’ għajnuna prevista minn dan id-digriet, huma biss id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/28 li kienu applikabbli, peress li dawk tad-Direttiva 2018/2001 ma daħlux fis-seħħ qabel l‑1 ta’ Lulju 2021, b’tali mod li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tista’ tiġi evalwata fid-dawl ta’ din l-aħħar direttiva sa minn din id-data biss, bla ħsara għall-osservazzjonijiet esposti fil-punti 77 sa 79 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

2. Fuq il‑kompatibbiltà tal‑mekkaniżmu ta’ inċentiv negattiv mad‑Direttiva 2009/28

69.

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/28 jipprevedi, essenzjalment, fil-paragrafu 1 tiegħu, li kull Stat Membru għandu jiżgura li s-sehem ta’ enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli, fil-konsum finali ta’ enerġija tal‑2020 tiegħu, jikkorrispondi bħala minimu għall-mira nazzjonali globali tiegħu kif ppreċiżata minn din id-direttiva, u fil-paragrafu 2 tiegħu, li l-Istati Membri jistabbilixxu miżuri maħsuba b’mod effettiv sabiex jiggarantixxu li s-sehem tagħhom ta’ enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli jkun tal-inqas ugwali għal dak previst fit-trajettorja indikattiva ppreċiżata fl-imsemmija direttiva. Barra minn hekk, il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jippreċiża li, sabiex jintlaħqu l-miri stabbiliti f’dawn il-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri “jistgħu” b’mod partikolari japplikaw skemi ta’ għajnuna.

70.

Għandu jiġi kkonstatat li mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/28 ma jirriżulta ebda obbligu li l-Istati Membri jadottaw skemi ta’ għajnuna mill-Istat sabiex jippromwovu l-enerġija rinnovabbli, peress li l-adozzjoni ta’ tali skemi hija biss fakultattiva, u lanqas a fortiori, indikazzjonijiet għal dawn l-Istati dwar il-mod li bih għandhom ifasslu l-eventwali skemi ta’ għajnuna tagħhom. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-miżuri li għandhom jadottaw sabiex jilħqu l-miri mandatorji nazzjonali fil-qasam ta’ enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli ( 36 ), bil-kundizzjoni li josservaw ir-regoli tal-Unjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat ( 37 ).

71.

Għandu jiġi rrilevat li, fi kwalunkwe każ, abbażi tal-elementi ppreżentati fid-deċiżjoni tar-rinviju, ebda element ma jindika li l-mekkaniżmu ta’ aġġustament jipperikola b’mod konkret l-investimenti fis-settur ta’ enerġija rinnovabbli, b’tali mod li jqajjem dubju dwar il-konformità tiegħu mal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2009/28 ( 38 ).

72.

Minn dan isegwi li d-Direttiva 2009/28, inkluż l-Artikolu 3 tagħha, ma tipprekludix mekkaniżmu ta’ aġġustament bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

3. Fuq il‑kompatibbiltà tal‑mekkaniżmu ta’ inċentiv negattiv mad‑Direttiva 2018/2001

73.

Qabelxejn, għandu jiġi osservat li, minkejja li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-mekkaniżmu ta’ inċentiv negattiv mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2018/2001, għad hemm lok li jiġi stabbilit jekk din id-dispożizzjoni tapplikax għal skema ta’ għajnuna mill-Istat bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċpali, li kienet diġà stabbilita fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva jew jekk pjuttost hemmx lok li tiġi analizzata l-kompatibbiltà ta’ dan il-mekkaniżmu fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva li, anki jekk il-qorti tar-rinviju ma tirreferix għalih espressament, huwa intiż sabiex jiggarantixxi l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji ta’ għajnuna taħt skemi eżistenti minn qabel.

74.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, bħala prinċipju, dispożizzjoni legali ġdida tapplika mid-data ta’ dħul fis-seħħ tal-att li joħloqha u li, għalkemm hija ma tapplikax għas-sitwazzjonijiet legali li nħolqu u ġew definittivament konklużi taħt il-liġi l-qadima, hija tapplika għall-effetti futuri tagħhom kif ukoll għas-sitwazzjonijiet legali ġodda. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività ta’ atti legali, ikun mod ieħor biss jekk ir-regola l-ġdida tkun akkumpanjata b’dispożizzjonijiet speċifiċi li jiddeterminaw b’mod speċjali l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ratione temporis tagħha ( 39 ).

75.

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod iktar preċiż li b’kuntrast mar-regoli proċedurali li ġeneralment huma meqjusa li japplikaw fid-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom, ir-regoli tal-Unjoni dwar dritt sostantiv għandhom jiġu interpretati, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, fis-sens li japplikaw għal sitwazzjonijiet eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom biss sa fejn mill-kliem, mill-għanijiet jew mill-istruttura tagħhom jirriżulta b’mod ċar li dawn għandhom jingħataw tali effett ( 40 ).

76.

Għal dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, id-direttivi, bħala regola ġenerali, huma biss is-sitwazzjonijiet legali li nħolqu wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva li jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ din id-direttiva. L-istess jgħodd ukoll, a fortiori, għal sitwazzjonijiet legali li jinħolqu taħt ir-regola l-qadima li jkomplu jipproduċu l-effetti tagħhom wara d-dħul fis-seħħ tal-atti nazzjonali meħuda għat-traspożizzjoni ta’ direttiva wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha ( 41 ).

77.

Madankollu, għalkemm huwa minnu li, f’dan il-każ, minkejja li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2018/2001 jipprevedi l-possibbiltà li l-Istati Membri jadottaw skemi ta’ għajnuna sabiex jilħqu l-miri fil-qasam ta’ produzzjoni ta’ enerġija elettrika minn sorsi rinnovabbli, din id-direttiva ma tippreċiżax jekk din id-dispożizzjoni hijiex intiża li tapplika biss għal-iskemi ta’ għajnuna ġodda adottati wara d-data ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva jew jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jkoprix ukoll l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti li ġew stabbiliti qabel din id-data ( 42 ). Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li bħala dispożizzjoni li tistabbilixxi kriterji għal għoti tal-għajuna għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, l-Artikolu 4 jikkostitwixxi regola sostantiva, b’tali mod li din id-dispożizzjoni tista’ teoretikament tapplika għall-iskemi ta’ għajnuna eżistenti għal dak li jirrigwarda biss l-effetti tagħhom sussegwenti għad-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 75 u 76 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

78.

Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2018/2001 jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li mingħajr preġudizzju għall-addattamenti neċessarji għall-osservanza tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reviżjoni tal-livell u tal-kundizzjonijiet tal-għajnuna mogħtija għall-proġetti fil-qasam ta’ enerġija rinnovabbli la jkollha effett negattiv fuq id-drittijiet mogħtija u lanqas tikkomprometti l-vijabilità ekonomika ta’ proġetti li jibbenefikaw diġà mill-għajnuna. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 6 jżid li l-Istati Membri jistgħu jaġġustaw il-livell ta’ għajnuna skont kriterji oġġettivi, dment li tali kriterji jkunu ġew stabbiliti fit-tfassil oriġinali tal-iskema ta’ għajnuna.

79.

Minn dan isegwi li, minkejja li ma jirriżulta ebda obbligu li l-Istati Membri jirrevedu l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti tagħhom sabiex ikunu konformi mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2018/2001, peress li din id-direttiva hija muta f’dan ir-rigward, huma liberi li jagħmlu tali tibdil, bil-kundizzjoni, madankollu, li josservaw, minbarra ir-regoli relatati mal-għajnuna mill-Istat, l-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva li jipprojbixxi r-reviżjoni tal-iskema ta’ għajnuna mogħtija għall-proġetti li diġà jibbenefikaw minn għajnuna b’mod li jkollha effett negattiv fuq id-drittijiet mogħtija u li jikkomprometti l-vijabilità ekonomika tal-imsemmija proġetti ( 43 ).

80.

Wara li saru dawn il-preċiżazzjonijiet, l-analiżi li ġejja ser teżamina, sussidjarjament, il-kompatibbiltà tal-mekkaniżmu ta’ inċentiv negattiv mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2018/2001, fil-każ li din id-dispożizzjoni tkun intiża li tapplika bħalma donnha ssostni l-qorti tar-rinviju.

81.

Bħall-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/28, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2018/2001 jistabbilixxi wkoll il-possibbiltà li l-Istati Membri jadottaw skemi ta’ għajnuna sabiex jilħqu l-miri fil-qasam ta’ produzzjoni ta’ enerġija elettrika minn sorsi rinnovabbli. Madankollu, għad-differenza tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/28, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2018/2001 jipprevedi qafas u regoli iktar restrittivi għall-Istati Membri fl-iżvilupp tal-iskemi ta’ għajnuna mill-Istat għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli ( 44 ).

82.

Kif sostnut fil-punti 29 sa 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet, mill-motivi tad-deċiżjoni tagħha jirriżulta, b’mod iktar preċiż, li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel nett, jekk il-mekkaniżmu ta’ aġġustament jipprovdix inċentivi li b’konformità mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2018/2001, huma “ibbażat[i] fuq is-suq u [jirreaġixxu] għas-suq”.

83.

Għandu jiġi osservat li, prima facie, minkejja l-fatt li l-qorti tar-rinviju esponiet b’mod dettaljat il-funzjonament tal-mekkaniżmu ta’ aġġustament inkwistjoni fil-kawża prinċipali, xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-elementi kollha neċessarji sabiex twettaq evalwazzjoni kompleta ta’ dan il-mekkaniżmu, li fi kwalunkwe każ, hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha ġurisdizzjoni li twettaq.

84.

Għandu jiġi rrilevat ukoll li, minkejja li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2018/2001 jistabbilixxi fil-fatt rabta bejn l-iskemi ta’ għajnuna introdotti mill-Istati Membri u l-kundizzjonijiet reali tas-suq, fis-sens li l-ammont tal-għanjuna mogħtija għandu, bħala prinċipju, jiġi ddeterminat skont kundizzjonijiet li jipprevalixxu fis-suq, huwa ma jipprekludix li din id-direttiva tirrikonoxxi wkoll espressament li l-kapaċità ta’ produtturi differenti sabiex iwieġbu għas-sinjali tas-suq tvarja u tiddependi mid-daqs tagħhom ( 45 ). Għalhekk, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà mhux biss li jagħżlu tipi u modalitajiet differenti ta’ għajnuna, iżda wkoll li jillimitaw il-proċeduri ta’ kompetizzjoni jew ta’ sejħiet għal offerti għal ċerti teknoloġiji fejn dan ikun meħtieġ sabiex jiġu evitati riżultati mhux ideali fir-rigward ta’ restrizzjonijiet u ta’ spejjeż ta’ integrazzjoni fis-sistema, tal-ħtieġa li tinkiseb id-diversifikazzjoni tat-taħlita tal-enerġija u tal-potenzjal tat-teknoloġiji fuq żmien twil ( 46 ). Dwar dan il-punt, għandu jiġi kkonstatat li fil-kuntest tal-iżvilupp tal-iskemi ta’ għajnuna tagħhom, indipendentement mit-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi u tad-dinamika tas-suq, l-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu inkunsiderazzjoni għanijiet oħra elenkati fid-Direttiva 2018/2001, inkluż fl-Artikolu 4 tagħha, sabiex, b’mod partikolari, jiġu evitati distorsjonijiet fis-swieq tal-enerġija elettrika, tiġi żgurata l-integrazzjoni massima tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fis-suq tal-enerġija elettrika kif ukoll tiġi żgurata l-istabbilità tan-networks.

85.

Mill-motivi tad-deċiżjoni tagħha jirriżulta li l-qorti tar-rinviju donnha tistaqsi, it-tieni nett, dwar l-eżistenza ta’ eventwali diskriminazzjoni li tirriżulta mill-fatt li l-installazzjonijiet li l-kapaċità tagħhom hija ogħla minn 5 MW u li jbigħu l-enerġija elettrika prodotta fis-suq ħieles jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna mingħajr mekkaniżmu ta’ aġġustament, filwaqt li din l-għażla ma hijiex disponibbli għall-produtturi, bħal Tiberis, li huma rreġistrati fir-reġistru u li l-kapaċità tal-installazzjoni tagħhom hija bejn 1 MW u 5 MW.

86.

F’dan ir-rigward, jidher neċessarju li jitfakkar li l-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni jeħtieġ li sitwazzjonijiet simili ma jiġux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati bl-istess mod ( 47 ).

87.

Issa, kif deskritt fil-punt 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-iskema ta’ għajnuna Taljana stabbilita bid-digriet tat‑23 ta’ Ġunju 2016 kienet tipprevedi tliet modalitajiet ta’ għajnuna differenti skont il-kapaċità (massima) tal-installazzjoni kkonċernata li kienu bbażati fuq karatteristiċi u mekkaniżmi ta’ inċentiv distinti ( 48 ). Minn dan isegwi li t-trattament differenzjat tad-diversi produtturi ta’ enerġija rinnovabbli kien jirriżulta preċiżament mill-fatt innifsu li dawn il-produtturi ma kinux f’sitwazzjonijiet komparabbli. B’mod iktar preċiż, fir-rigward tad-distinzjoni tal-inċentiv stabbilita bejn l-installazzjonijiet ta’ produzzjoni li pparteċipaw fil-proċedura ta’ rkant u dawk li ma pparteċipawx, għandu jiġi rrilevat li l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat li minnha bbenefikat Tiberis kienet ibbażata fuq garanzija ta’ tariffa fissa intiża sabiex tipproteġi l-impriżi ta’ kobor medju minn varjazzjonijiet tal-prezz tas-suq tal-enerġija, u tippermettilhom b’hekk jirkupraw l-ammont investit fil-kostruzzjoni tal-installazzjoni filwaqt li tiġi żgurata l-vijabilità ekonomika tal-investimenti tagħhom ( 49 ). Għall-kuntrarju, l-iskema ta’ parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ rkant li kienu suġġetti għaliha l-operaturi li għandhom installazzjoni (ta’ produzzjoni) kbira ma tiggarantixxi ebda għajnuna lil dawn l-operaturi, peress li r-remunerazzjoni tagħhom hija, bħala prinċipju, ibbażata fuq id-dħul mill-bejgħ fis-suq ħieles ( 50 ).

88.

Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 78 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-mekkaniżmu ta’ aġġustament mad-Direttiva 2018/2001, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva li jipprojbixxi r-reviżjoni tal-iskemi ta’ għajnuna mogħtija lill-proġetti fil-qasam ta’ enerġija rinnovabbli b’mod li jkollha effett negattiv fuq id-drittijiet mogħtija u li jikkomprometti l-vijabilità ekonomika tal-imsemmija proġetti. Madankollu, fi kwalunkwe każ, f’dan il-każ, il-fatt li l-mekkaniżmu ta’ aġġustament inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien previst sa mill-oriġini tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jimplika li ma jistax jitqies li jmur kontra, b’mod partikolari, il-paragrafu 1 tiegħu.

89.

Fid-dawl tal-analiżi preċedenti, ebda element ma jindika li l-mekkaniżmu inkwistjoni f’din il-kawża ma huwiex konformi mad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tad-Direttiva 2018/2001.

V. Konklużjoni

90.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), kif ġej:

L-Artikoli 107 u 108 TFUE

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu li qorti nazzjonali twettaq evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-mekkaniżmu ta’ inċentiv negattiv ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti mal-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE u mal-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, fil-każ fejn dan il-mekkaniżmu jkun indissoċjabbilment marbut mal-iskema ta’ għajnuna awtorizzata minn qabel mill-Kummissjoni Ewropea, sa fejn ikun neċessarju għat-twettiq tal-għan jew għall-funzjonament ta’ din tal-aħħar.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU 2009, L 140, p. 16). Din id-direttiva ġiet imħassra u ssostitwita bid-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU 2018, L 328, p. 82, rettifiki fil-ĠU 2020, L 311, p. 11, fil-ĠU 2021, L 224, p. 42 u fil-ĠU 2022, L 41, p. 37). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti inkwistjoni, id-Direttiva 2009/28 tapplika ratione temporis għall-kawża prinċipali.

( 3 ) Dan l-Artikolu 3 kien emendat bid-Direttiva (UE) 2015/1513 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Settembru 2015 li temenda d-Direttiva 98/70/KE dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU 2015, L 239, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 234, p. 26), li t-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha kien jiskadi fl‑10 ta’ Settembru 2017. Peress li l-emendi magħmula lill-imsemmi Artikolu 3 ma humiex rilevanti għall-kawża prinċipali, dawn ma humiex riprodotti fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 4 ) Regolament tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9).

( 5 ) ĠU 2014, C 200, p. 1.

( 6 ) ĠU 2022, C 80, p. 1.

( 7 ) ĠU 2016, C 258, p. 8. Din id-deċiżjoni hija disponibbli fis-sit internet tal-Kummissjoni (bl-Ingliż) fl-indirizz segwenti: https://ec.europa.eu/competition/state_aid/cases/261615/261615_1761694_150_2.pdf

( 8 ) GURI Nru 150, tad‑29 ta’ Ġunju 2016, p. 8.

( 9 ) Il-punt 1 ta’ dan l-anness jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ kalkolu tal-inċentiv għall-installazzjonijiet ta’ kapaċità ta’ inqas minn jew ugwali għal 500 kW permezz ta’ tariffa fissa. Il-punt 2 tal-imsemmi anness jiddetermina l-modalitajiet ta’ kalkolu tal-inċentiv għall-installazzjonijiet l-oħra, jiġifieri dawk li ma jaqgħux taħt l-applikazzjoni tat-tariffa fissa. It-tariffi bażiċi indikati f’din it-Tabella 1 jiddependu fuq is-sors, it-tip ta’ installazzjoni u l-potenza prodotta. Dawn it-tariffi huma orħos għall-installazzjonijiet kbar milli għall-installazzjonijiet ta’ kobor medju.

( 10 ) Fir-rigward tal-kuntest fattwali, GSE jargumenta li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tippermettix li wieħed jifhem kif Tiberis tilfet żieda tad-dħul tagħha, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ppermettitilha tirrendi vijabbli l-investiment tagħha u tbigħ l-enerġija fis-suq ħieles. Il-qorti tar-rinviju naqset ukoll milli tippreċiża li Tiberis kellha l-possibbiltà li xxolji f’kull mument il-kuntratt konkluż ma’ GSE, permezz ta’ preavviż ta’ 60 jum, mingħajr rimbors tal-inċentiv li tkun irċeviet sa dik id-data, kif ukoll milli ssemmi li, għall-installazzjonijiet inklużi fir-reġistru, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi inċentivi ikbar għall-installazzjonijiet irreġistrati fir-reġistru, li jipproteġuhom mill-varjazzjonijiet tas-suq. Barra minn hekk, id-deċiżjoni tar-rinviju fiha lakuni fl-espożizzjoni tal-kuntest ġuridiku ta’ din it-talba, peress li ma tipprovdix lill-Qorti tal-Ġustizzja qafas preċiż tad-dritt nazzjonali applikabbli, b’tali mod li ma tistabbilixxix l-eżistenza effettiva ta’ eventwali ksur tad-dritt tal-Unjoni.

( 11 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2024, Kolin Inşaat Turizm Sanayi ve Ticaret (C‑652/22, EU:C:2024:910, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 12 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2024, INSS (Leave ta’ omm ta’ familja b’ġenitur wieħed) (C‑673/22, EU:C:2024:407, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 13 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Prestige and Limousine (C‑50/21, EU:C:2023:448, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2023, Tüke Busz (C‑391/22, EU:C:2023:892, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 15 ) F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li minkejja li l-qorti tar-rinviju naqset milli tirreferi għad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni, GSE jinvokaha espressament fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu mhux insostenn tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiegħu, iżda sabiex jargumenta li fil-każ li t-talba għal deċiżjoni preliminari titqies li hija ammissibbli, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ma tmurx kontra d-dritt tal-Unjoni, peress li din kienet approvata mill-Kummissjoni minn qabel.

( 16 ) F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, billi qieset li fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2024, Kolin Inşaat Turizm Sanayi ve Ticaret (C‑652/22, EU:C:2024:910), l-interpretazzjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju ta’ dispożizzjonijiet ta’ direttiva ma kienet, bl-ebda mod, rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali (abbażi tal-fatt li, peress li l-operaturi ekonomiċi ta’ pajjiż terz ma kinux ikkonkludew ftehim internazzjonali mal-Unjoni fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi, huma ma setgħux igawdu mill-ugwaljanza fit-trattament f’dan il-qasam), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li t-talba għal deċiżjoni preliminari kienet inammissibbli). Ara, b’mod partikolari, il-punti 67 sa 69 ta’ din is-sentenza.

( 17 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, PGE (C‑574/14, EU:C:2016:686, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 18 ) Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2019, A‑Fonds (C‑598/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza A‑Fonds”, EU:C:2019:352, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 19 ) Madankollu, evalwazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw impliċitament minn deċiżjoni ta’ din l-istituzzjoni dwar għajnuna mill-Istat ma jistgħux, bħala prinċipju, ikunu vinkolanti fuq il-qrati nazzjonali f’tilwima, bħal dik fil-kawża prinċipali, li ma hijiex relatata mal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2024, NFŠ,C‑28/23, EU:C:2024:893, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Residex Capital IV (C‑275/10, EU:C:2011:814, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ksur tal-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 108(3) TFUE, meta jiġi invokat mill-individwi u kkonstatat mill-qrati nazzjonali, għandu jwassal lil dawn tal-aħħar jisiltu l-konsegwenzi kollha, b’konformità mad-dritt nazzjonali tagħhom, mingħajr ma d-deċiżjonijiet tagħhom jimplikaw madankollu evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern, li taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2002, Nygård,C‑234/99, EU:C:2002:244, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 21 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, PGE (C‑574/14, EU:C:2016:686, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 22 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 1977, Iannelli & Volpi (74/76, EU:C:1977:51, punt 14) u tat‑23 ta’ April 2002, Nygård (C‑234/99, EU:C:2002:244, punt 57).

( 23 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza A-Fonds (punti 47 u 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, id-digriet tal‑24 ta’ Lulju 2003, Sicilcassa et (C‑297/01, EU:C:2003:416, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata) li jikkonkludi l-inammissibbiltà ta’ domanda li permezz tagħha qorti nazzjonali staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ għajnuna mill-Istat jew ta’ skema ta’ għajnuna.

( 24 ) F’dik il-kawża, il-qorti tar-rinviju staqsiet dwar il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni li jirrigwardaw il-moviment liberu tal-kapital ma’ dawk dwar l-għajnuna mill-Istat fid-dawl ta’ deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat. B’mod iktar preċiż, kien hemm inkwistjoni il-possibbiltà li qorti nazzjonali tilqa’ talba għal rimbors tat-taxxa fuq id-dividendi ta’ kumpanniji stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi minkejja li din it-taxxa kienet koperta minn deċiżjoni tal-Kummissjoni.

( 25 ) Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju kienet li l-Artikoli 107 u 108 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti nazzjonali ma tistax tevalwa l-konformità ta’ tali kundizzjoni ta’ residenza mal-Artikolu 63(1) TFUE, fil-każ fejn l-iskema ta’ rimbors tat-taxxa fuq id-dividendi kkonċernati tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna. Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza A-Fonds (punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll il-punti 49 sa 54).

( 26 ) Ara t-Taqsima 3.3.2 tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, u b’mod iktar partikolari, il-premessi 39 u 42 li fihom il-Kummissjoni ppreċiżat li mingħajr l-għajnuna u fil-kundizzjonijiet normali tas-suq, il-proġetti li jibbenefikaw mill-iskema ta’ għajnuna ma jkunux profittabbli u jkollhom valur nett negattiv, b’tali mod li l-għajnuna “tippermetti għalhekk lill-benefiċjarji li jbiddlu l-aġir tagħhom u jinvestu fl-enerġiji rinnovabbli” u tipproduċi “l-effett ta’ inċentiv neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess komuni”.

( 27 ) Fil-fatt, mill-premessa 50 tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni jirriżulta li l-mekkaniżmu ta’ aġġustament kien meqjus adegwat fil-każ fejn il-prezz tas-suq tal-enerġija elettrika jaqbeż il-kalkoli tal-Linji Gwida, sabiex jiġu evitati l-“profitti eċċezzjonali” u d-“dħul eċċezzjonali tal-proġett”, jiġifieri d-dħul li jaqbeż dak meħud inkunsiderazzjoni fl-istima tal-profittabbiltà tal-proġett.

( 28 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża A‑Fonds (C‑598/17, EU:C:2018:1037, punt 81).

( 29 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 1(b)(ii) u (c) tar-Regolament 2015/1589.

( 30 ) Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Eco Fox et (C‑915/19 sa C‑917/19, EU:C:2021:887, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 31 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Eco Fox et (C‑915/19 sa C‑917/19, EU:C:2021:887, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 32 ) Sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES (C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1, punt 123).

( 33 ) F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li fil-kuntest tal-ħdax-il domanda magħmula fil-kawżi li taw lok għas-sentenza DOBELES HES (C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1, punti 117 sa 123 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), il-qorti tar-rinviju staqsiet preċiżament dwar jekk l-Artikolu 108(3) TFUE, l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3 tar-Regolament 2015/1589 kellhomx jiġu interpretati fis-sens li qorti nazzjonali setgħet tilqa’ talba intiża għall-ħlas ta’ somma li tikkorrispondi għal għajnuna ġdida mhux innotifikata mill-Kummissjoni bil-kundizzjoni li din l-għajnuna tkun debitament innotifikata minn qabel mill-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati lill-Kummissjoni u li din tal-aħħar tagħti, jew titqies li tkun tat, il-kunsens tagħha f’dan ir-rigward.

( 34 ) Ara l-punti 32 u 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 35 ) Ara l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2009/28 u l-Artikolu 4(9) tad-Direttiva 2018/2001 kif ukoll il-premessa 18 ta’ din l-aħħar direttiva.

( 36 ) F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li skont l-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li ma ġietx ikkontestata minn Tiberis, ir-Repubblika Taljana qabżet il-mira mandatorja ta’ provvista ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli li hija kellha tilħaq skont din id-direttiva. Għalhekk, ma jistax jiġi sostnut, minn perspettiva purament fattwali, li l-iskema Taljana ta’ għajnuna għall-enerġija elettrika prodotta minn sorsi rinnovabbli kienet ipprekludiet lil dan l-Istat Membru milli jilħaq il-mira tiegħu.

( 37 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Ġunju 2024, Gestore dei Servizi Energetici (C‑148/23, EU:C:2024:555, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 38 ) Ara l-analiżi magħmula fil-punti 83 sa 87 ta’ dawn il-konklużjonijiet li japplikaw mutatis mutandis fir-rigward tad-Direttiva 2009/28.

( 39 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2022, Volvo u DAF Trucks (C‑267/20, EU:C:2022:494, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 40 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2022, Volvo u DAF Trucks (C‑267/20, EU:C:2022:494, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 41 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2022, Volvo u DAF Trucks (C‑267/20, EU:C:2022:494, punti 33 u 34).

( 42 ) F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-premessi 16 sa 19 tad-Direttiva 2018/2001 ma jinkludu ebda indikazzjoni fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva.

( 43 ) Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata wkoll mill-premessa 466 tal-Linji Gwida tal‑2022 li tipprevedi li dawn ser jiġu applikati mill-Kummissjoni sabiex tevalwa l-kompatibbiltà ta’ għajnuna ġdida li ser tiġi nnotifikata lilha wara d-dħul fis-seħħ ta’ dawn il-linji gwida. Il-premessa 468 tal-imsemmija linji gwida tipprevedi biss, min-naħa tagħha, is-sempliċi possibbiltà li l-Istati Membri jibdlu, jekk iqisu neċessarju, l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti sabiex jiġu konformi mal-Linji Gwida tal‑2022, madankollu mingħajr ma dan jikkostitwixxi obbligu.

( 44 ) B’mod partikolari, minn naħa, il-paragrafu 3 ta’dan l-Aritkolu 4 jippreċiża li l-iskemi ta’ għajnuna mogħtija għall-enerġija elettrika prodotta minn sorsi rinnovabbli għandhom jitfasslu b’mod li tiġi massimizzata l-integrazzjoni ta’ dan it-tip ta’ elettriku fis-suq tal-elettriku u jiġi żgurat li l-produtturi tal-enerġija elettrika rinnovabbli jwieġbu għas-sinjali tal-prezz tas-suq u jimmassimizzaw id-dħul tagħhom mis-suq. Min-naħa l-oħra, il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu 4 iżid li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-għajnuna għall-enerġija elettrika minn sorsi rinnovabbli tingħata b’mod miftuħ, trasparenti, kompetittiv, mhux diskriminatorju u kosteffiċjenti. Barra minn hekk, ċerti preċiżazzjonijiet u possibbiltajiet ta’ eżenzjoni huma previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll fil-paragrafi 5 u 6 ta’ dan l-istess artikolu.

( 45 ) Ara l-premessa 16 tad-Direttiva 2018/2001.

( 46 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 4(4) u (5) tad-Direttiva 2018/2001, kif ukoll il-premessa 19 ta’ din id-direttiva.

( 47 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ April 2005, AEM u AEM Torino (C‑128/03 u C‑129/03, EU:C:2005:224, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 48 ) Id-distinzjoni tal-mekkaniżmi ta’ inċentiv skont il-potenza tal-installazzjoni hija barra minn hekk espressament prevista kemm mid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kif ukoll mit-Taqsima 3.3.2.1 tal-Linji Gwida 2014-2020.

( 49 ) Kif ġie espost fil-punt 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-mekkaniżmu ta’ inċentiv permezz tas-“sistema ta’ reġistrazzjoni” li bbenefikat minnha Tiberis hija intiża sabiex tippreżerva s-sigurtà tal-investimenti billi tiżgura tariffa ta’ inċentiv proporzjonali għall-ispejjeż tal-proġett ippreżentati mill-applikant għall-għajnuna.

( 50 ) Kif ġie ppreċiżat fil-punt 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-għajnuna kkonċernata kienet titħallas lill-produtturi l-kbar biss jekk il-prezz kull siegħa għal kull żona kien jaqa’ taħt il-prezz tal-irkant sabiex tiġi koperta d-differenza bejn iż-żewġ prezzijiet. Barra minn hekk, it-tariffa ta’ inċentiv kienet inqas minn dik tal-operaturi li jibbenfikaw mir-reġistrazzjoni fir-reġistru.