SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)
22 ta’ Jannar 2025 ( *1 )
“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Remunerazzjoni – Allowance ta’ espatrijazzjoni – Rifjut ta’ għoti tal-allowance ta’ espatrijazzjoni – Kalkolu tal-perijodu ta’ riferiment ta’ ħames snin – Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal – Responsabbiltà”
Fil-Kawża T‑1093/23,
AH, irrappreżentat minn A. Guillerme, T. Bontinck u L. Bouchet, avocats,
rikorrent,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Bohr u L. Hohenecker, bħala aġenti,
konvenuta,
IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),
komposta minn R. da Silva Passos, President, N. Półtorak (Relatriċi), I. Reine, P. Nihoul u T. Pynnä, Imħallfin,
Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari l-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal‑11 ta’ Lulju 2024 u r-risposta tal-Kummissjoni ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑25 ta’ Lulju 2024,
wara s-seduta tal‑25 ta’ Settembru 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE, ir-rikorrent, AH, jitlob, l-ewwel nett, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju “Amministrazzjoni u Ħlas tal-Intitolamenti Individwali” (PMO) tal-Kummissjoni Ewropea tad‑9 ta’ Frar 2023 li tirrifjuta li tagħtih il-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-tieni nett, ir-“rikonoxximent” tad-dritt tiegħu għall-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni mill‑1 ta’ Frar 2023 u, it-tielet nett, il-kumpens għad-dannu morali li huwa allegatament ġarrab minħabba d-deċiżjoni kkontestata. |
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
|
2 |
Ir-rikorrent huwa ċittadin Taljan residenti fi Brussell (il-Belġju) mis‑16 ta’ Mejju 2017. |
|
3 |
Fl‑1 ta’ Ottubru 2022, ir-rikorrent ġie impjegat bħala membru tal-persunal bil-kuntratt GF 1 mal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mill‑1 ta’ Ottubru 2022 sat‑30 ta’ Settembru 2023. Billi stabbilixxa d-drittijiet pekunjarji tiegħu mad-dħul tiegħu fis-servizz mal-Kumitat tar-Reġjuni, dan tal-aħħar ta lir-rikorrent l-allowance tal-espatrijazzjoni msemmija fl-Artikolu 69 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), ikkalkolata konformement mal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal. |
|
4 |
Wara li ġie rreklutat għall-pożizzjoni ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt GF 1 mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (SĠK), ir-rikorrent temm il-kariga tiegħu mal-Kumitat tar-Reġjuni fil‑31 ta’ Jannar 2023. Huwa beda l-kariga mas-SĠK l-għada. |
|
5 |
Fid‑9 ta’ Frar 2023, il-PMO kkomunika d-deċiżjoni kkontestata, li tistabbilixxi d-drittijiet pekunjarji tiegħu mad-dħul tiegħu fis-servizz mas-SĠK. |
|
6 |
Malli rċieva d-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrent bagħat posta elettronika lill-membru tal-persunal tal-PMO, fejn talab li jiġi spjegat lilu għal liema raġuni huwa ma kienx ser jibbenefika mill-allowance tal-espatrijazzjoni abbażi tal-impjieg tiegħu mas-SĠK, meta huwa kien intitolat għal din l-allowance matul l-impjieg tiegħu fil-Kumitat tar-Reġjuni, qabel id-dħul tiegħu fis-servizz mas-SĠK. |
|
7 |
Permezz ta’ posta elettronika tas‑6 u tas‑7 ta’ Marzu 2023, il-membru tal-persunal tal-PMO wieġeb lir-rikorrent li, minn naħa, ir-reklutaġġ tiegħu fi ħdan is-SĠK kien jikkostitwixxi dħul ġdid fis-servizz, minkejja l-fatt li l-kuntratt tiegħu mas-SĠK kien isegwi l-impjieg tiegħu mal-Kumitat tar-Reġjuni mingħajr interruzzjoni. Min-naħa l-oħra, peress li huwa kien ħadem u rrisjeda fil-Belġju matul il-perijodu ta’ riferiment kollu previst fl-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri bejn l‑1 ta’ Awwissu 2017 u l‑31 ta’ Lulju 2022, huwa ma kellux dritt għall-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni. |
|
8 |
Fit‑28 ta’ April 2023, ir-rikorrent ressaq ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
9 |
Fil‑11 ta’ Awwissu 2023, fil-kwalità tagħha ta’ awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti (iktar ’il quddiem l-“ASTK”), il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tiċħad l-ilment, innotifikata lir-rikorrent fl-istess jum. |
It‑talbiet tal‑partijiet
|
10 |
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
11 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id‑dritt
Fuq it‑talba għal annullament
|
12 |
Insostenn tat-talbiet għal annullament tiegħu, ir-rikorrent iqajjem żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u żball ta’ liġi fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
|
13 |
Fil-kuntest tal-ewwel motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li, fid-dawl tal-kontinwità funzjonali tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu mal-Unjoni Ewropea u tal-għan tal-allowance tal-espatrijazzjoni, l-ASTK wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u żball ta’ liġi fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, billi stabbilixxiet mill-ġdid il-perijodu ta’ riferiment mid-dħul tiegħu fis-servizz mas-SĠK. |
|
14 |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li l-assenza ta’ interruzzjoni ratione temporis bejn iż-żewġ kuntratti ta’ impjieg tiegħu, konklużi mal-Kumitat tar-Reġjuni u mas-SĠK rispettivament, turi l-eżistenza ta’ “kontinwità funzjonali” tar-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu mal-amministrazzjoni tal-Unjoni, li hija ta’ natura li twassal għall-estensjoni awtomatika tad-dritt għall-allowance tal-espatrijazzjoni mogħtija mad-dħul tiegħu fis-servizz mal-Kumitat tar-Reġjuni. |
|
15 |
Skont ir-rikorrent, minn naħa, mis-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2022, Picard vs Il-Kummissjoni (C‑366/21 P, EU:C:2022:984), jirriżulta li r-relazzjoni ta’ xogħol ta’ membru tal-persunal mal-“amministrazzjoni tal-Unjoni” għandha tiġi evalwata fl-intier tagħha, mingħajr kunsiderazzjoni tal-istituzzjonijiet jew tal-organi li jimpjegaw. Min-naħa l-oħra, kemm minn dik is-sentenza kif ukoll mis-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2018, Torné vs Il-Kummissjoni (T‑128/17, EU:T:2018:969), jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal dwar ir-relazzjoni ta’ xogħol bejn membru tal-persunal u l-amministrazzjoni tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati b’mod li tiġi ppreżervata l-“kontinwità funzjonali” tagħha. |
|
16 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li mill-ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-għan tal-allowance tal-espatrijazzjoni, kif stabbilit mill-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa li jiġu kkumpensati l-piżijiet u l-iżvantaġġi partikolari li jirriżultaw mid-dħul fis-servizz mal-Unjoni għall-membri tal-persunal li huma għalhekk obbligati jittrasferixxu r-residenza tagħhom mill-Istat tad-domiċilju tagħhom għall-Istat tal-impjieg u li jintegraw ruħhom f’ambjent ġdid (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021, KO vs Il-Kummissjoni, T‑389/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:436, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata), mingħajr ma ssir distinzjoni dwar jekk dan huwiex id-dħul fis-servizz fi ħdan istituzzjoni jew organu partikolari. Konsegwentement, fil-każ fejn membru tal-persunal li inizjalment ikun ittrasferixxa r-residenza tiegħu fl-Istat tal-impjieg jibdel l-impjieg tiegħu fi ħdan l-Unjoni, mingħajr ma jbiddel l-Istat tal-impjieg tiegħu u mingħajr interruzzjoni bejn iż-żewġ kuntratti ta’ impjieg, il-kontinwità funzjonali tar-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu mal-Unjoni tiġi ppreżervata. Fil-fatt, tali bidla jkollha natura purament formali, mingħajr effett fuq in-natura u fuq il-livell tal-vantaġġi u tal-piżijiet li jirriżultaw għal membru tal-persunal mid-dħul fis-servizz fi ħdan l-Unjoni. |
|
17 |
Ir-rikorrent iżid jgħid li l-interpretazzjoni kuntrarja, li tippreżupponi li l-kalkolu tad-dritt għall-allowance tal-espatrijazzjoni għandu jsir fil-mument ta’ kull dħul fis-servizz fil-każ ta’ impjiegi suċċessivi fl-istituzzjonijiet u fl-organi tal-Unjoni li jinsabu fit-territorju tal-istess Stat Membru, ikollha l-effett li tiddiskrimina kontra l-membri tal-persunal, li għalihom ma jeżisti ebda mekkaniżmu ta’ mobbiltà, meta mqabbla, b’mod partikolari, mal-uffiċjali u mal-membri tal-persunal imsemmija fl-Artikolu 2(f) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-Impjieg”) li għalihom ġew stabbiliti mekkaniżmi ta’ mobbiltà bejn l-aġenziji. |
|
18 |
Fit-tielet lok, ir-rikorrent isostni li l-ASTK wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta rrifjutatlu l-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni skont is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2012, Grazyte vs Il-Kummissjoni (F‑76/11, mhux ippubblikata, EU:F:2012:173). Fil-fatt, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza kienet differenti minn dik tar-rikorrent, peress li hija kienet impjegata suċċessivament fi ħdan l-aġenziji tal-Unjoni stabbiliti fi Stati Membri differenti. |
|
19 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent. |
|
20 |
Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni, minn naħa, li s-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 2022, Picard vs Il-Kummissjoni (C‑366/21 P, EU:C:2022:984), u tal‑14 ta’ Diċembru 2018, Torné vs Il-Kummissjoni (T‑128/17, EU:T:2018:969), jinkludu interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “dħul fis-servizz” li huwa speċifiku għas-sitwazzjoni partikolari tal-kontribuzzjonijiet għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni. Fil-fatt, peress li teżisti biss sistema waħda ta’ pensjoni li għaliha l-uffiċjali u l-membri tal-persunal kollha jikkontribwixxu matul is-servizz tagħhom fi ħdan id-diversi istituzzjonijiet u organi tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali interpretaw dan il-kunċett fid-dawl tal-kontinwità funzjonali tar-relazzjoni ta’ xogħol tal-membri tal-persunal. |
|
21 |
Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni li ma huwiex neċessarju li jsir riferiment għas-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 2022, Picard vs Il-Kummissjoni (C‑366/21 P, EU:C:2022:984), u tal‑14 ta’ Diċembru 2018, Torné vs Il-Kummissjoni (T‑128/17, EU:T:2018:969), peress li teżisti ġurisprudenza speċifika dwar il-kunċett ta’ “dħul fis-servizz” imsemmi fl-Artikolu 4(1)(a) u (b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal dwar l-allowance tal-espatrijazzjoni. |
|
22 |
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 16 iktar ’il fuq jirriżulta li d-determinazzjoni tal-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni għandha ssir ma’ kull dħul fis-servizz ma’ persuna li timpjega ġdida. Għaldaqstant, minkejja li ma kienx hemm interruzzjoni bejn il-kuntratti tar-rikorrent, dawn ġew konklużi ma’ żewġ persuni li jimpjegaw differenti, li għandhom personalità ġuridika proprja. |
|
23 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-uffiċjali u l-membri tal-persunal ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-membri tal-persunal bil-kuntratt jew temporanji ma għandhomx dritt għall-mobbiltà, sa fejn il-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ma jipprevedux l-assenjazzjoni mill-ġdid, kuntrarjament għar-regoli applikabbli għall-uffiċjali. |
|
24 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tas-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2012, Grazyte vs Il‑Kummissjoni (F‑76/11, mhux ippubblikata, EU:F:2012:173), il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li l-bidla fl-impjieg ma għandhiex bħala konsegwenza l-bidla tal-Istat tal-impjieg ma jikkontestax l-applikazzjoni ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, billi bbażat ruħha fuqha, fis-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2018, Quadri di Cardano vs Il‑Kummissjoni (T‑273/17, EU:T:2018:480), il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li ma kienx hemm kontinwità fir-rigward tad-diversi kuntratti bejn ir-rikorrent u d-diversi istituzzjonijiet u organi tal-Unjoni stabbiliti fl-istess Stat Membru. |
|
25 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 92 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, li taħtu jaqa’ r-rikorrent bħala membru tal-persunal bil-kuntratt, jipprevedi, permezz ta’ riferimenti suċċessivi għall-Artikoli 20 u 21 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, li l-membri tal-persunal bil-kuntratt jistgħu jibbenefikaw mill-allowance tal-espatrijazzjoni stabbilita fl-Artikolu 69 tar-Regolamenti tal-Persunal, li l-modalitajiet ta’ għoti tagħha huma stabbiliti fl-Artikolu 4 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
26 |
Skont l-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, l-allowance tal-espatrijazzjoni, li tammonta għal 16 % tal-ammont totali tas-salarju bażiku kif ukoll tal-benefiċċju tal-familja u tal-benefiċċju tat-tfal dipendenti mħallsa lill-uffiċjal, tingħata lill-uffiċjal li jissodisfa b’mod kumulattiv żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri:
|
|
27 |
Mid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment jirriżulta li l-perijodu ta’ riferiment ta’ ħames snin previst fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal ġie stabbilit mill‑1 ta’ Awwissu 2017 sal‑31 ta’ Lulju 2022, jiġifieri ħames snin li jiskadu sitt xhur qabel l‑1 ta’ Frar 2023, id-data tar-reklutaġġ tar-rikorrent mis-SĠK. |
|
28 |
L-ASTK għaldaqstant qieset li r-reklutaġġ tar-rikorrent fi ħdan is-SĠK kien jikkostitwixxi “dħul fis-servizz” ġdid, billi bbażat ruħha fuq is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2012, Grazyte vs Il-Kummissjoni (F‑76/11, mhux ippubblikata, EU:F:2012:173). Fil-fatt, fil-punt 20 tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, l-ASTK irreferiet għal din is-sentenza billi spjegat li “uffiċjal jew membru tal-persunal li kien impjegat suċċessivament minn istituzzjonijiet jew organi tal-Unjoni differenti, li għandhom personalitajiet ġuridiċi proprji, ma jistax jinvoka l-kontinwità bejn id-diversi kuntratti” u li “kuntratt ġdid konkluż ma’ persuna li timpjega oħra jippreżupponi n-nuqqas ta’ kontinwità tar-rabta ta’ impjieg” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
29 |
Peress li r-rikorrent indika fil-formola tad-dħul fis-servizz li huwa wasal fil-Belġju fis‑16 ta’ Mejju 2017, l-ASTK ikkonstatat, fil-punti 26 u 27 tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, li huwa kien stabbilixxa r-residenza abitwali tiegħu fi Brussell matul il-perijodu ta’ riferiment kollu u, għaldaqstant, li huwa ma kellux dritt għall-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni. |
|
30 |
Ir-rikorrent jikkontesta din il-konklużjoni, billi jqis li l-perijodu ta’ riferiment sabiex jiġi ddeterminat id-dritt għal allowance tal-espatrijazzjoni għandu jiġi kkalkolat mid-dħul fis-servizz inizjali tiegħu mal-Unjoni, li seħħ fl‑1 ta’ Ottubru 2022, fi ħdan il-Kumitat tar-Reġjuni. Għaldaqstant, peress li wasal fil-Belġju fis‑16 ta’ Mejju 2017, huwa ma kienx jirrisjedi hemmhekk b’mod abitwali matul il-perijodu kollu kif stabbilit (jiġifieri mill‑1 ta’ April 2017 sal‑31 ta’ Marzu 2022) u, korrelattivament, il-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni li ngħatalu mad-dħul tiegħu fis-servizz mal-Kumitat tar-Reġjuni kellu jiġi awtomatikament estiż. |
|
31 |
Ir-rikorrent isostni li, fid-dawl tal-għan tal-allowance tal-espatrijazzjoni, u fl-assenza ta’ interruzzjoni bejn iż-żewġ kuntratti ta’ impjieg tiegħu, il-bidla tal-persuna li timpjega fi ħdan l-Unjoni, li ma kellhiex bħala konsegwenza bidla fl-Istat ta’ impjieg, għandha natura purament formali, mingħajr effett fuq in-natura u fuq il-livell tal-piżijiet u tal-iżvantaġġi li jirriżultaw għalih mid-dħul fis-servizz mal-Unjoni. |
|
32 |
F’dan ir-rigward, bħalma ġustament isostni r-rikorrent, l-allowance tal-espatrijazzjoni għandha l-għan li tikkumpensa l-ispejjeż u l-iżvantaġġi partikolari li jirriżultaw mad-dħul fis-servizz fi ħdan l-Unjoni tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal li, minħabba f’dan, huma obbligati jittrasferixxu r-residenza tagħhom mill-Istat ta’ domiċilju tagħhom għall-Istat ta’ impjieg u li jintegraw ruħhom f’ambjent ġdid (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021, KO vs Il-KummissjoniT‑389/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:436, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
33 |
Ċertament, fid-dawl ta’ dan l-għan, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal kellhom jiġu interpretati fis-sens li, meta persuna li titlob li tibbenefika mill-allowance tal-espatrijazzjoni tkun ħadmet għal diversi aġenziji distinti, id-data li fiha jiskadi l-perijodu ta’ riferiment hija dik tad-dħul fis-servizz ta’ din il-persuna mal-aġenzija kkonċernata, kif prevista mill-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju li abbażi tiegħu jintalab il-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2012, Grazyte vs Il-Kummissjoni,F‑76/11, EU:F:2012:173, punt 46). |
|
34 |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat li s-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2012, Grazyte vs Il-Kummissjoni (F‑76/11, EU:F:2012:173), kienet differenti minn dik tar-rikorrent fil-każ ineżami. Kif isostni r-rikorrent, fil-kawża inkwistjoni, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-ġdid fis-servizz kien iġġustifikat minn ċirkustanzi speċifiċi, jiġifieri l-fatt li l-konklużjoni ta’ kuntratt ġdid wasslet għal bidla fl-Istat ta’ impjieg tar-rikorrent. Fil-fatt, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li kien stabbilit li persuna rreklutata minn aġenzija, wara li tkun ħadmet għal aġenzija oħra fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, tkun f’sitwazzjoni li tiġi “espatrijata”, peress li hija jkollha tintegra ruħha f’ambjent ġdid (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2012, Grazyte vs Il‑Kummissjoni, F‑76/11, EU:F:2012:173, punt 46). |
|
35 |
Il-Kummissjoni ssostni li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal adottata fis-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2012, Grazyte vs Il-Kummissjoni (F‑76/11, EU:F:2012:173), ġiet segwita mill-Qorti Ġenerali fil-ġurisprudenza sussegwenti tagħha, li minnha jirriżulta li d-determinazzjoni tad-drittijiet pekunjarji, inkluż il-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni, għandha ssir f’kull dħul fis-servizz ma’ persuna li timpjega ġdida. |
|
36 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fis-sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 2021, KO vs Il-Kummissjoni (T‑389/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:436, punt 45), u tal‑15 ta’ Settembru 2021, LF vs Il-Kummissjoni (T‑466/20, EU:T:2021:574, punt 113), kif ukoll tat‑13 ta’ Lulju 2018, Quadri di Cardano vs Il-Kummissjoni (T‑273/17, EU:T:2018:480, punt 112), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, essenzjalment, li fl-assenza ta’ kontinwità tad-diversi kuntratti konklużi bejn membru tal-persunal u l-istituzzjonijiet u l-organi tal-Unjoni li jimpjegawh suċċessivament, id-determinazzjoni tad-drittijiet pekunjarji tal-persuna kkonċernata, inkluż tal-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni, kellha titwettaq f’kull dħul fis-servizz ma’ persuna li timpjega ġdida. Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li, konsegwentement, il-perijodu ta’ riferiment kif ukoll il-fatti rilevanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-eżami tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal kienu differenti għal kull kuntratt u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, mad-dħul fis-servizz tagħha ma’ istituzzjoni, il-persuna kkonċernata ma tistax tinvoka d-deċiżjonijiet preċedenti li jikkonċernaw l-għoti tal-allowance tal-espatrijazzjoni. |
|
37 |
Kif issostni l-Kummissjoni, fl-ebda waħda mill-kawżi ċċitati fil-punt 36 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ma rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ kontinwità bejn id-diversi kuntratti konklużi bejn il-membru tal-persunal u l-istituzzjonijiet u l-organi tal-Unjoni li tiġġustifika li l-istituzzjoni jew l-aġenzija l-ġdida ma tistabbilixxix mill-ġdid il-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni, fid-dawl tal-konklużjoni ta’ kuntratt ġdid mal-persuna li timpjega l-ġdida. |
|
38 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjonijiet tar-rikorrenti inkwistjoni f’dawn il-kawżi kienu differenti mis-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-każ ineżami. |
|
39 |
Għal dak li jikkonċerna l-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021, KO vs Il-Kummissjoni (T‑389/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:436), kien hemm interruzzjoni ta’ iktar minn sena bejn żewġ kuntratti konklużi mal-Kummissjoni (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021, KO vs Il-Kummissjoni, T‑389/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:436, punt 5). Barra minn hekk, ir-rifjut tal-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni kien iġġustifikat mill-fatt li, f’din il-kawża, ir-rikorrenti kienet stabbilixxiet iċ-ċentru abitwali tal-interessi tagħha fl-Istat tal-impjieg tagħha, jiġifieri fil-Belġju, ferm qabel il-bidu tal-perijodu ta’ riferiment (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021, KO vs Il-Kummissjoni, T‑389/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:436, punti 30 sa 32). |
|
40 |
Fir-rigward tal-kawża li wasslet għas-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2021, LF vs Il‑Kummissjoni (T‑466/20, EU:T:2021:574), anki jekk il-kuntratti tar-rikorrent f’dik il-kawża ma wasslux għal bidla fl-Istat ta’ impjieg, dawn ġew konklużi ma’ żewġ persuni li jimpjegaw differenti u kienu separati b’perijodu ta’ erba’ xhur li matulu r-rikorrent kien irreġistrat bħala persuna li qed tfittex impjieg (sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2021, LF vs Il-Kummissjoni,T‑466/20, EU:T:2021:574, punt 113). |
|
41 |
Għal dak li jirrigwarda l-kawża li wasslet għas-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2018, Quadri di Cardano vs Il-Kummissjoni (T‑273/17, EU:T:2018:480), minkejja li r-rikorrent kien ikkonkluda diversi kuntratti ma’ aġenziji u istituzzjonijiet stabbiliti fl-istess Stat Membru, kien hemm interruzzjoni bejn uħud minn dawn il-kuntratti (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2018, Quadri di Cardano vs Il-Kummissjoni,T‑273/17, EU:T:2018:480, punt 112). Madankollu, minn dik is-sentenza jirriżulta li ma kienx hemm interruzzjoni ratione temporis bejn l-aħħar żewġ kuntratti konklużi bejn ir-rikorrent u l-aġenziji kkonċernati u li, barra minn hekk, ir-rikorrent kien ibbenefika b’mod żbaljat mill-allowance tal-espatrijazzjoni matul l-ewwel wieħed minn dawn iż-żewġ kuntratti (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2018, Quadri di Cardano vs Il-Kummissjoni,T‑273/17, EU:T:2018:480, punti 24 sa 26 u 29). |
|
42 |
Għaldaqstant, fil-kawżi eżaminati iktar ’il fuq, seħħet interruzzjoni ratione temporis bejn il-kuntratti konklużi mill-membri tal-persunal mal-istituzzjonijiet u mal-aġenziji tal-Unjoni. Issa, din iċ-ċirkustanza hija nieqsa f’dan il-każ, sa fejn ir-rikorrent beda jaħdem għas-SĠK l-għada li skada l-kuntratt tiegħu mal-Kumitat tar-Reġjuni. |
|
43 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li mit-tweġiba tal-Kummissjoni għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal‑25 ta’ Lulju 2024 jirriżulta li l-approċċ adottat mill-PMO fil-każ ineżami ma kienx neċessarjament segwit minn istituzzjonijiet u aġenziji oħra tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, minn dan jirriżulta li, għal ċerti istituzzjonijiet tal-Unjoni, bil-kundizzjoni li ma jkunx hemm interruzzjoni ratione temporis bejn il-kuntratti u li l-Istat ta’ impjieg ma jinbidilx, il-bidla tal-persuna li timpjega fi ħdan l-Unjoni ma għandhiex effett fuq id-dritt għall-allowance tal-espatrijazzjoni. F’dan il-każ, ma hemmx lok li ssir determinazzjoni ġdida tad-dritt għal allowance tal-espatrijazzjoni, iżda għandu jiġġedded id-dritt stabbilit mill-persuna li kienet timpjega preċedentement, sakemm din ma tkunx wettqet żball evidenti fid-determinazzjoni tal-imsemmi dritt. |
|
44 |
Fil-każ ineżami, huwa stabbilit bejn il-partijiet li r-rikorrent temm il-funzjonijiet tiegħu fil-Kumitat tar-Reġjuni wara li ġie rreklutat mis-SĠK (ara l-punt 4 iktar ’il fuq) u li għalhekk ma kienx hemm interruzzjoni rationae temporis bejn il-kuntratt konkluż mal-Kumitat tar-Reġjuni u dak konkluż mas-SĠK. Barra minn hekk, peress li l-Kumitat tar-Reġjuni u s-SĠK jinsabu fil-Belġju, il-bidla fl-impjieg ma wasslitx għal bidla fl-Istat tal-impjieg. |
|
45 |
Fid-dawl tal-għan tal-allowance tal-espatrijazzjoni, imfakkar fil-punt 32 iktar ’il fuq, għandu jiġi osservat li s-sitwazzjoni tar-rikorrent, kif stabbilita fil-mument tad-dħul fis-servizz tiegħu mal-Kumitat tar-Reġjuni, ma nbidlitx fil-mument tad-dħul fil-kariga tiegħu mas-SĠK. L-istess japplika għal dak li jikkonċerna l-piżijiet u l-iżvantaġġi li l-allowance tal-espatrijazzjoni hija intiża li tikkumpensa. |
|
46 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li, fil-każ ineżami, l-assenza ta’ interruzzjoni ratione temporis bejn il-kuntratti konklużi mir-rikorrent suċċessivament mal-Kumitat tar-Reġjuni u s-SĠK, kif ukoll il-fatt li huwa ma bidilx l-Istat tal-impjieg, jippermettu li jiġi konkluż li, minkejja l-bidla tal-persuna li timpjega, f’dan il-każ kienet teżisti kontinwità bejn il-kuntratti tar-rikorrent li tiġġustifika t-tiġdid tad-dritt tiegħu għall-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni ddeterminata meta daħal fis-servizz mal-Kumitat tar-Reġjuni. |
|
47 |
Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-PMO wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni u żball ta’ liġi fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, meta rrifjuta lir-rikorrent id-dritt għall-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni meta ġie impjegat fi ħdan is-SĠK. |
|
48 |
Minn dan isegwi li l-ewwel motiv għandu jintlaqa’ u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra u t-tieni motiv imressqa mir-rikorrent. |
Fuq it‑talba intiża sabiex jiġi rrikonoxxut id‑dritt tar‑rikorrent li jirċievi l‑allowance tal-espatrijazzjoni
|
49 |
Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex tirrikonoxxi l-eżistenza tad-dritt tiegħu li jirċievi l-allowance tal-espatrijazzjoni mill‑1 ta’ Frar 2023. |
|
50 |
Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-qorti tal-Unjoni ma tistax, mingħajr ma tinterferixxi fil-prerogattivi tal-awtorità amministrattiva, tordna lil istituzzjoni tal-Unjoni tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tannulla deċiżjoni (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2011, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑236/02, mhux ippubblikata, EU:T:2011:465, punt 163 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
51 |
Madankollu, fil-kawżi ta’ natura pekunjarja, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sħiħa, konformement mat-tieni sentenza tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li tagħtiha l-missjoni li tagħti soluzzjoni sħiħa għat-tilwim li jitressaq quddiemha, jiġifieri li tiddeċiedi dwar id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-membru tal-persunal, ħlief li tirrinvija lill-istituzzjoni inkwistjoni, u taħt l-istħarriġ tagħha, l-eżekuzzjoni ta’ tali parti mis-sentenza fil-kundizzjonijiet preċiżi li hija tistabbilixxi (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Weißenfels vs Il‑Parlament, C‑135/06 P, EU:C:2007:812, punt 67). |
|
52 |
“[K]wistjonijiet ta’ natura pekunjarja” skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal ma humiex biss l-azzjonijiet għal responsabbiltà mressqa mill-uffiċjali kontra istituzzjoni, iżda wkoll dawk l-azzjonijiet kollha li huma intiżi għall-ħlas minn naħa ta’ istituzzjoni lil membru tal-persunal ta’ somma li huwa jqis li hija dovuta lilu skont ir-Regolamenti tal-Persunal jew skont att ieħor li jirregola r-relazzjonijiet ta’ xogħol tagħhom. Hija għaldaqstant il-qorti tal-Unjoni li għandha tiddeċiedi, jekk ikun il-każ, kundanna fil-konfront ta’ istituzzjoni għall-ħlas ta’ somma li għaliha r-rikorrent ikollu dritt bis-saħħa tar-Regolamenti tal-Persunal jew ta’ att ġuridiku ieħor (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Weißenfels vs Il-Parlament,C‑135/06 P, EU:C:2007:812, punti 65 u 68), jew li tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ dritt għall-benefiċċju ta’ allowances (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2007, Asturias Cuerno vs Il‑Kummissjoni, T‑473/04, EU:T:2007:184, punt 23u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
53 |
Fil-każ ineżami, mill-punt 47 iktar ’il fuq jirriżulta li l-PMO rrifjuta lir-rikorrent, b’mod żbaljat, id-dritt għall-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni meta ġie impjegat fi ħdan is-SĠK u li, għaldaqstant, ir-rikorrent għandu dritt għall-benefiċċju tal-imsemmija allowance mill‑1 ta’ Frar 2023 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2007, Asturias Cuerno vs Il-Kummissjoni,T‑473/04, EU:T:2007:184, punt 77). |
Fuq it‑talbiet għad‑danni
|
54 |
Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata kkawżatlu dannu morali li huwa jevalwa għal EUR 5000. |
|
55 |
Il-Kummissjoni titlob li t-talbiet għad-danni jiġu miċħuda. |
|
56 |
Fil-kuntest ta’ talba għad-danni ppreżentata minn uffiċjal jew minn membru tal-persunal, l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni jippreżupponi li jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri l-illegalità tal-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu allegat u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir illegali u d-dannu invokat (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2023, QN vs eu-LISA, T‑484/22, EU:T:2023:741, punt 198 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
57 |
Madankollu, l-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità jista’ jikkostitwixxi fih innifsu s-soluzzjoni adegwata u, bħala prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li dan l-att seta’ kkawża, sakemm ir-rikorrent ma jurix li ġarrab dannu morali li ma jistax jiġi indirizzat kollu kemm hu permezz ta’ dan l-annullament (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2023, QN vs eu-LISA, T‑484/22, EU:T:2023:741, punt 199 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
58 |
Fil-każ ineżami, ir-rikorrent jattribwixxi l-allegat dannu morali għal nuqqas ta’ qbil u għal demotivazzjoni li huwa kellu quddiem l-aġir illegali tal-PMO, kif ukoll it-telf ta’ ħin li rriżulta mill-passi li huwa ħa sabiex jinvoka d-drittijiet tiegħu. |
|
59 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li s-sens ta’ inġustizzja u t-turmenti kkawżati mill-fatt, għal persuna, li jkollha tibda proċedura prekontenzjuża, u wara kontenzjuża, sabiex tikseb ir-rikonoxximent tad-drittijiet tagħha jikkostitwixxu dannu li jista’ jiġi dedott mis-sempliċi fatt li l-amministrazzjoni wettqet illegalitajiet. Dan id-dannu jista’ jiġi kkumpensat meta ma jkunx ikkumpensat mis-sodisfazzjon li jirriżulta mill-annullament tal-att inkwistjoni (sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Cerafogli vs BĊE, T‑483/16 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2020:225, punt 448). |
|
60 |
Fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, peress li r-rikorrent invoka, abbażi tal-illegalitajiet li jivvizzjaw id-deċiżjoni kkontestata, żball manifest ta’ evalwazzjoni u żball ta’ liġi fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, adottati mill-Qorti Ġenerali sabiex tannulla din id-deċiżjoni, għandu jitqies li d-dannu morali invokat huwa kkumpensat b’mod adegwat u suffiċjenti permezz tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
61 |
Minn dan isegwi li t-talbiet għad-danni tar-rikorrent għandhom jiġu miċħuda. |
Fuq l‑ispejjeż
|
62 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
63 |
Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrent, kif mitlub minn dan tal-aħħar. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
da Silva Passos Półtorak Reine Nihoul Pynnä Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑22 ta’ Jannar 2025. Ir-Reġistratur V. Di Bucci Il-President |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.