European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/4

9.1.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/4

tas-17 ta’ Diċembru 2024

li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tad-diossidu tat-titanju li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Bidu

(1)

Fit-13 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) bdiet investigazzjoni anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet tad-diossidu tat-titanju (“TiO2”), li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”, “iċ-Ċina” jew “ir-RPĊ”) fuq il-bażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku. Hija ppubblikat Notifika tal-Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (“in-Notifika tal-Bidu”).

(2)

Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni wara lment imressaq fid-29 ta’ Settembru 2023 mill-Koalizzjoni Ewropea Ad Hoc tad-Diossidu tat-Titanju (“l-ilmentatur”). L-ilment sar f’isem l-industrija tal-Unjoni Ewropea (“l-Unjoni” jew “l-UE”) tat-TiO2 fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. L-ilment kien fih evidenza ta’ dumping u tad-dannu materjali li jirriżulta li kienet biżżejjed biex tiġġustifika l-bidu tal-investigazzjoni.

1.2.   Reġistrazzjoni

(3)

Il-Kummissjoni għamlet l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat soġġetti għar-reġistrazzjoni bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1617 (3) tas-6 ta’ Ġunju 2024 (“ir-Regolament dwar ir-reġistrazzjoni”).

1.3.   Miżuri proviżorji

(4)

F’konformità mal-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku, fit-13 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni pprovdiet lill-partijiet sommarju tad-dazji proposti u dettalji dwar il-kalkolu tal-marġnijiet tad-dumping u l-marġnijiet adegwati biex jitneħħa d-dannu għall-industrija tal-Unjoni. Il-partijiet interessati ġew mistiedna jikkummentaw dwar il-preċiżjoni tal-kalkoli fi żmien tliet ijiem tax-xogħol.

(5)

Tliet utenti, jiġifieri Plastika Kritis SA (“Plastika Kritis”), Munksjö Paper AB (“Munksjö”) u Felix Schoeller GmbH & Co. KG (“Felix”), għamlu kummenti li ma kinux jikkonċernaw il-preċiżjoni tal-kalkoli.

(6)

Plastika Kritis, produttur tal-masterbatch white, sostna li ma kien qed isir l-ebda dumping sa fejn kien jaf hu. Tenna wkoll l-asserzjonijiet preċedenti li d-dazji anti-dumping proposti se jkollhom konsegwenzi katastrofiċi għall-industrija tal-masterbatch tal-Unjoni.

(7)

B’mod partikolari, Plastika Kritis sostna li l-masterbatch minn pajjiżi terzi oħra se jsir ħafna aktar kompetittiv kemm fl-Unjoni kif ukoll fis-swieq ta’ esportazzjoni peress li se jkompli jkollu aċċess għal TiO2 irħis miċ-Ċina. Barra minn hekk, argumenta li minħabba l-kapaċità limitata tal-industrija tal-Unjoni, se jkun hemm provvista insuffiċjenti tat-TiO2 jekk jiġu imposti l-miżuri. Fl-aħħar nett, f’każ ta’ applikazzjoni retroattiva tad-dazji, l-utenti se jsofru telf saħansitra akbar peress li ż-żmien meħtieġ għall-konsenji miċ-Ċina żdied minħabba l-attakki fuq bastimenti kummerċjali fil-Baħar l-Aħmar fl-ewwel nofs tal-2024.

(8)

Dawn il-kummenti huma indirizzati fit-taqsimiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament fil-kuntest tal-analiżi tal-interess tal-Unjoni u l-ġbir retroattiv tad-dazji (ara t-Taqsimiet 7.3.2 u 8.3).

(9)

Munksjö u Felix, produtturi tal-karta dekorattiva, ippreżentaw kummenti, li fihom ma qablux mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tagħtix eżenzjoni tal-użu aħħari għall-importazzjonijiet ta’ TiO2 ta’ grad laminat u tennew l-asserzjonijiet preċedenti tagħhom dwar ir-raġuni li huma ssodisfati l-kundizzjonijiet għall-għoti tagħha.

(10)

Huma sostnew ukoll li mingħajr tali eżenzjoni tal-użu aħħari s-sitwazzjoni tagħhom se tkompli tmur għall-agħar anki minkejja li l-Kummissjoni bdiet investigazzjoni anti-dumping kontra l-importazzjonijiet Ċiniżi tal-karta dekorattiva fl-14 ta’ Ġunju 2024 (4). Ir-raġuni hija li l-impożizzjoni tad-dazji anti-dumping f’din l-investigazzjoni se żżid kemm il-kost tal-produzzjoni tagħhom kif ukoll tnaqqas il-prezz tat-TiO2 fis-suq domestiku Ċiniż, u b’hekk tkompli tnaqqas il-kost tal-produzzjoni għall-produtturi Ċiniżi tal-karta dekorattiva. Madankollu, l-ebda wieħed minn dawn l-iżviluppi mhuwa se jitqies meta jintlaħqu l-konklużjonijiet fil-każ tal-karta dekorattiva, peress li l-perjodu ta’ investigazzjoni ta’ dak il-każ jintemm qabel l-impożizzjoni tad-dazji f’din l-investigazzjoni.

(11)

Dawn il-kummenti huma indirizzati fit-Taqsima 7.3.4.

(12)

Fil-11 ta’ Lulju 2024, il-Kummissjoni imponiet dazji anti-dumping proviżorji fuq l-importazzjonijiet tat-TiO2 li joriġinaw miċ-Ċina bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1923 (5) (“ir-Regolament proviżorju”).

1.4.   Proċedura sussegwenti

(13)

Wara d-divulgazzjoni tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom ġie impost dazju anti-dumping proviżorju (“divulgazzjoni proviżorja”), diversi partijiet interessati ppreżentaw sottomissjonijiet bil-miktub biex jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet proviżorji sal-iskadenza prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament proviżorju. Dawn jinkludu:

(a)

l-ilmentatur;

(b)

l-utenti tal-prodott: Siegwerk Druckfarben AG & CO. KGaA (“Siegwerk”), Plastika Kritis, Munksjö, Felix, Teknos Group Oy (“Teknos”), Flint Group GmbH (“Flint”), Akzo Nobel Sourcing BV (“AkzoNobel”), PPG Industries Europe Sarl (“PPG”), Emil FreiLacke GmbH & Co KG (“Emil FreiLacke”), u Mauvilac;

(c)

assoċjazzjonijiet tal-utenti: Asociación Española de Fabricantes de Pinturas y Tintas de Imprimir (“ASEFAPI”), assoċjazzjoni ta’ produtturi Spanjoli taż-żebgħat u tal-linek tal-istampar; il-Konfederazzjoni tal-Industriji tal-Karta Ewropej (“CEPI”, Confederation of European Paper Industries), assoċjazzjoni ta’ kumpaniji li jipproduċu l-karta (karta laminata u karta b’applikazzjonijiet ta’ speċjalità); l-Assoċjazzjoni Ellenika tal-Kisi (“HCA”, Hellenic Coatings Association), assoċjazzjoni tal-manifatturi Griegi taż-żebgħat u tal-linek; u l-Kunsill Ewropew tal-Industrija taż-Żebgħa, tal-Linka tal-Istampar u tal-Kuluri tal-Artisti (“CEPE”, Conseil Européen de l’Industrie des Peintures, des Encres d’Imprimerie et des Couleurs d’Art), assoċjazzjoni tal-produtturi taż-żebgħat, tal-linek tal-istampar u tal-kuluri tal-artisti fl-Ewropa;

(d)

importaturi: AAKO B.V. (“AAKO”); u

(e)

produtturi esportaturi: LB Group (“LB”) kif ukoll l-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Industrija tal-Kisi taċ-Ċina (“CNCIA”, China National Coatings Industry Association), assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-produtturi esportaturi.

(14)

Il-partijiet li talbu li jinstemgħu ngħataw ukoll din l-opportunità. Saru seduti ta’ smigħ ma’ Munksjö, Felix, Plastika Kritis, Flint, l-ASEFAPI, Kleverkem SRL, is-CEPE, LB, Mauvilac u l-ilmentatur. Ma saret l-ebda seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali.

(15)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset bħala neċessarja għas-sejbiet definittivi tagħha. Meta waslet għas-sejbiet definittivi tagħha, il-Kummissjoni qieset il-kummenti ppreżentati mill-partijiet interessati u rrevediet il-konklużjonijiet proviżorji tagħha meta xieraq.

(16)

Il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati kollha bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien beħsiebha timponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tad-diossidu tat-titanju li joriġinaw miċ-Ċina (“divulgazzjoni finali”). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni finali.

(17)

Il-partijiet li talbu li jinstemgħu ngħataw ukoll din l-opportunità. Saru seduti ta’ smigħ mas-CEPE u LB. L-ebda parti ma talbet l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta.

1.5.   Asserzjonijiet dwar il-bidu

(18)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-premessa (6) tar-Regolament proviżorju.

1.6.   Kampjunar

(19)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (7) sa (13) tar-Regolament proviżorju.

1.7.   Eżami individwali

(20)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessa (14) tar-Regolament proviżorju.

1.8.   Tweġibiet għall-kwestjonarju u żjarat ta’ verifika

(21)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (15) sa (19) tar-Regolament proviżorju.

1.9.   Perjodu ta’ investigazzjoni u perjodu taħt kunsiderazzjoni

(22)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessa (20) tar-Regolament proviżorju.

2.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

(23)

Il-Kummissjoni ddeskriviet il-prodott taħt investigazzjoni, il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili fil-premessi (21) sa (26) tar-Regolament proviżorju. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti f’dawk il-premessi tar-Regolament proviżorju.

2.1.   Asserzjonijiet rigward l-ambitu tal-prodott

(24)

Wara s-sejbiet proviżorji, diversi partijiet ikkontestaw il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fuq talbiet relatati mal-ambitu tal-prodott. Xi partijiet ressqu wkoll asserzjonijiet ġodda dwar l-ambitu tal-prodott.

(25)

Barra minn hekk, kif iddikjarat fil-premessa (33) tar-Regolament proviżorju, peress li saru diversi asserzjonijiet dwar l-ambitu tal-prodott wara l-iskadenza għall-preżentazzjoni ta’ dawk l-asserzjonijiet, il-Kummissjoni ma setgħetx tqishom fl-istadju proviżorju. Dawn l-asserzjonijiet issa ġew ivvalutati u huma indirizzati fis-subtaqsimiet xierqa hawn taħt.

2.1.1.   Masterbatch White

(26)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment dwar l-estensjoni tal-ambitu tal-prodott għal Masterbatch White (“MW”), huma kkonfermati l-premessi (34) sa (37) tar-Regolament proviżorju.

2.1.2.   Asserzjonijiet dwar l-istruttura tal-PCN

(27)

Fil-kummenti tagħha dwar ir-Regolament proviżorju, AkzoNobel sostna li l-Kummissjoni naqset milli tindirizza l-proposta ta’ AkzoNobel biex temenda l-istruttura tal-PCN, u li jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkunsidra li tirfina l-PCN billi żżid aktar kategoriji fil-qasam “Kontenut ta’ TiO2 skont il-piż” tal-PCN.

(28)

Il-Kummissjoni analizzat l-asserzjonijiet kollha li jikkonċernaw l-emenda tal-istruttura tal-PCN u ddikjarat fil-premessa (42) tar-Regolament proviżorju li ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza li turi li s-sustanzi kimiċi fil-kisi jaffettwaw il-prezzijiet. L-istess konklużjoni tapplika għall-asserzjoni ta’ AkzoNobel miġbura fil-qosor fil-premessa (27). Ma ġiet ippreżentata l-ebda evidenza li r-raffinar tal-PCN biż-żieda ta’ aktar kategoriji mal-kontenut tat-TiO2 skont il-piż ikun meħtieġ biex jiġi żgurat tqabbil ġust tal-prezzijiet.

(29)

Barra minn hekk, kif iddikjarat fil-premessa (43) tar-Regolament proviżorju, l-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi ma oġġezzjona għall-istruttura proposta tal-PCN għar-raġuni li dan jirriżulta fi tqabbil inġust tal-prezzijiet, jew minħabba li l-PCNs ma jiddifferenzjawx il-prodotti abbażi tas-sustanzi kimiċi li jidħlu fil-kisi inkella li mhumiex granulari biżżejjed fil-qasam “Kontenut tat-TiO2 skont il-piż”. B’hekk, il-Kummissjoni ma kellha l-ebda bażi biex tikkonkludi li jkun meħtieġ li dan il-qasam isir aktar granulari sabiex jiġi żgurat tqabbil ġust tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku.

(30)

Għalhekk, il-Kummissjoni qieset din l-asserzjoni bħala infondata u ċaħdet il-proposta ta’ AkzoNobel.

(31)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe argument u evidenza ġodda għal dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet mill-premessi (38) sa (44) tar-Regolament proviżorju.

2.1.3.   Talbiet għall-esklużjoni tal-prodott

(32)

Mill-bidu nett, il-Kummissjoni fakkret li mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti jirriżulta li l-għan tad-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat f’investigazzjoni anti-dumping huwa li tgħin fit-tfassil tal-lista tal-prodotti li, jekk meħtieġ, ikunu soġġetti għall-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping. Għall-finijiet ta’ dak il-proċess, il-Kummissjoni tista’ tqis għadd ta’ fatturi, bħal, inter alia, il-karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi tal-prodotti, l-użu tagħhom, l-interkambjabbiltà, il-perċezzjoni tal-konsumatur, il-mezzi tad-distribuzzjoni, il-proċess tal-manifattura, il-kostijiet tal-produzzjoni u l-kwalità (6). Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li, fid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa (7).

(33)

L-eżami ta’ jekk prodott speċifiku kienx inkluż b’mod validu fil-lista ta’ prodotti li, jekk meħtieġ, ikunu soġġetti għall-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping irid jitwettaq fid-dawl tal-karatteristiċi tal-prodott ikkonċernat kif iddefiniti mill-Kummissjoni, mhux fid-dawl tal-karatteristiċi tal-prodotti li jinkludu l-prodott ikkonċernat jew is-subkategoriji tiegħu (8). Prodotti li mhumiex identiċi f’kull aspett jistgħu, minħabba li jikkorrispondu mal-fatturi li l-Kummissjoni qieset fid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat, jaqgħu fid-definizzjoni ta’ dak il-prodott u, f’dak il-kuntest, ikunu s-suġġett ta’ investigazzjoni anti-dumping (9).

(34)

Skont il-ġurisprudenza, asserzjoni li l-prodott ikkonċernat mhuwiex iddefinit tajjeb trid tkun ibbażata fuq argumenti li juru jew li l-Kummissjoni wettqet żball fil-valutazzjoni tagħha fir-rigward tal-fatturi li hija qieset bħala rilevanti inkella li l-applikazzjoni ta’ fatturi oħra aktar rilevanti kienet tirrikjedi li tkun ristretta d-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat (10).

(35)

Kif ġie spjegat fil-premessi (24) u (25), diversi partijiet introduċew talbiet għall-esklużjoni tal-prodott wara l-iskadenza għall-preżentazzjoni ta’ asserzjonijiet dwar l-ambitu tal-prodott jew ikkontestaw il-konklużjoni proviżorja tal-Kummissjoni dwar it-talba tagħhom. Biex teżamina dawn it-talbiet għall-esklużjoni tal-prodott, kif iddikjarat fil-premessa (45) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni eżaminat (i) il-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi ta’ dawk it-tipi ta’ prodotti, (ii) l-użu aħħari u l-interkambjabbiltà tagħhom, (iii) il-perċezzjoni tal-konsumatur aħħari. Għal raġunijiet ta’ kompletezza, il-Kummissjoni qieset ukoll elementi oħra li jistgħu potenzjalment jiġġustifikaw esklużjoni tal-prodott abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ interess tal-Unjoni bħal: (iv) l-impatt tad-dazji fuq l-utent, (v) sorsi alternattivi ta’ provvista, u (vi) l-impatt tal-eżenzjoni fuq id-dazji. L-ebda parti ma kkontestat l-elementi li l-Kummissjoni eżaminat biex tivvaluta t-talba għall-esklużjoni tal-prodott.

2.1.3.1.   Talbiet li ma ġewx ikkunsidrati fl-istadju proviżorju

2.1.3.1.1.   TiO2 mhux miksi għal pigmenti mhux bojod

(36)

Sun Chemical Ltd. (‘‘Sun Chemical’’)għamlet it-talba tagħha għall-esklużjoni tal-prodott fi preżentazzjoni tard fl-istadju proviżorju tal-investigazzjoni. Fl-istess preżentazzjoni, talbet eżenzjoni tal-użu aħħari għall-gradi ta’ TiO2 mhux miksija jekk u meta jintużaw bħala intermedji għall-produzzjoni ta’ pigmenti oħra mhux bojod li fihom il-konverżjoni tal-istruttura kristallina. B’hekk, kif ġie spjegat fil-premessa (62) tar-Regolament proviżorju u kif indikat fil-premessa (25) hawn fuq, din it-talba ma ġietx ikkunsidrata fl-istadju proviżorju tal-investigazzjoni.

(37)

Sun Chemical ipprovdiet biss xi informazzjoni dwar il-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi ta’ dan il-prodott, l-użu aħħari u l-interkambjabbiltà, l-impatt li d-dazji jkollhom fuq in-negozju tagħhom, u l-impatt tal-eżenzjoni potenzjali fuq id-dazji, iżda mhux fuq il-perċezzjoni tal-konsumatur aħħari tal-bidliet fil-prodott jew sorsi alternattivi ta’ provvista.

(38)

Barra minn hekk, Sun Chemical ma pprovdietx tweġiba għall-kwestjonarju u lanqas ma ppreżentat id-data rilevanti u verifikabbli, li tippermetti lill-Kummissjoni tivvaluta kif xieraq l-asserzjoni, f’format alternattiv. Minn dan isegwi li Sun Chemical naqset milli tissostanzja t-talba tagħha anki dwar l-ewwel tliet elementi elenkati fil-premessa (32) hawn fuq, u l-Kummissjoni ma setgħet tivverifika l-ebda mill-informazzjoni ppreżentata.

(39)

Pereżempju, il-Kummissjoni ma kellha l-ebda informazzjoni dwar is-sehem tal-importazzjonijiet miċ-Ċina fit-taħlita tal-provvista ta’ Sun Chemical. Barra minn hekk, minħabba n-nuqqas ta’ evidenza, il-Kummissjoni ma setgħetx tivverifika s-sehem sostnut ta’ TiO2 fil-kost tal-produzzjoni ta’ Sun Chemical u b’hekk ma setgħetx tasal għal konklużjoni preċiża dwar x’impatt jista’ jkollhom fuqha id-dazji.

(40)

Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma kellhiex informazzjoni verifikata dwar liema tipi ta’ TiO2 tixtri Sun Chemical u f’liema prodotti tużahom. Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħet tivverifika la l-interkambjabbiltà, l-ispeċifiċità tal-użu, u lanqas l-imminar potenzjali tal-effettività tad-dazji jekk tingħata l-esklużjoni tal-prodott jew l-eżenzjonijiet tal-użu aħħari.

(41)

Barra minn hekk, Sun Chemical sostniet li l-karatteristiċi kimiċi u fiżiċi distintivi tat-TiO2 li tixtri għall-produzzjoni ta’ pigmenti mhux bojod huma li ma għandu l-ebda kisi u jrid ikollu valur baxx ta’ metalli tqal. Madankollu, ma speċifikatx liema huwa l-livell limitu ta’ metalli tqal u kif jista’ jitkejjel mid-dwana, biex tiġi żgurata t-traċċabbiltà f’każ ta’ għoti ta’ esklużjoni tal-prodott. Barra minn hekk, l-informazzjoni fil-fajl turi li t-TiO2 mhux miksi jintuża wkoll f’industriji oħra, bħall-produzzjoni taċ-ċeramika u għall-użu fl-ikel, il-farmaċewtika, u l-prodotti kożmetiċi.

(42)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, Sun Chemical naqset milli turi li l-applikazzjoni ta’ fatturi oħra aktar rilevanti minn dawk ikkunsidrati mill-Kummissjoni meta ddefiniet il-prodott ikkonċernat kienet tirrikjedi li d-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat tiġi ristretta billi jiġi eskluż TiO2 mhux miksi għal pigmenti mhux bojod jew li kienet iġġustifikata eżenzjoni tal-użu aħħari. Barra minn hekk, it-TiO2 mhux miksi jaqa’ fid-definizzjoni tal-prodott ipprovduta fil-premessa (21) tar-Regolament proviżorju u l-partijiet interessati ma pprovdew l-ebda evidenza li turi li din is-subkategorija ta’ TiO2 importat mir-RPĊ mhijiex f’kompetizzjoni ma’ xi prodott ieħor disponibbli fis-suq tal-Unjoni. Għalhekk ġiet miċħuda t-talba.

2.1.3.1.2.   TiO2 għall-użu alimentari

(43)

Is-CEPI għamlet din it-talba għall-esklużjoni tal-prodott wara li għaddiet l-iskadenza biex isiru asserzjonijiet dwar l-ambitu tal-prodott. Din it-talba tista’ b’hekk, kif ġie spjegat fil-premessa (64) tar-Regolament proviżorju u indikat fil-premessa (25) hawn fuq, ma titqiesx fl-istadju proviżorju tal-investigazzjoni. Is-CEPI ma għamlitx asserzjonijiet addizzjonali dwar din it-talba fil-preżentazzjoni tagħha dwar ir-Regolament proviżorju. L-ilmentatur oppona din it-talba għall-esklużjoni tal-prodott.

(44)

Is-CEPI pprovdiet biss xi informazzjoni dwar il-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi ta’ dan il-prodott, l-użu aħħari u l-interkambjabbiltà, il-perċezzjoni tal-konsumatur aħħari tal-bidliet fil-prodott, u sorsi alternattivi ta’ provvista, iżda mhux dwar l-impatt tal-eżenzjoni potenzjali fuq id-dazji jew x’impatt ikollhom id-dazji fuq l-utenti.

(45)

Is-CEPI wriet li t-TiO2 għall-użu alimentari għandu karatteristika kimika speċjali, sa fejn dan irid jissodisfa l-kontenut baxx ta’ metall tqil u rekwiżiti oħra għall-addittivi tal-ikel E-171, stabbiliti bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 (11). Barra minn hekk, dawn il-livelli limiti jistgħu jiġu kkontrollati faċilment mill-awtoritajiet doganali permezz tal-metodi standard użati biex jiġu ttestjati l-addittivi tal-ikel.

(46)

Filwaqt li s-CEPI ma indirizzatx speċifikament il-kwistjoni tal-użu aħħari u tal-interkambjabbiltà, il-Kummissjoni nnotat f’dan ir-rigward li l-livell limitu tal-metalli tqal għat-TiO2 għall-użu alimentari huwa stipulat mil-liġi (12). L-ebda grad ieħor ta’ TiO2 li jaqbeż dawk il-livelli limiti ma jista’ jintuża legalment bħala addittiv tal-ikel (E-171).

(47)

Is-CEPI sostniet ukoll li żewġ jew tliet produtturi tal-Unjoni biss huma kapaċi jipprovdu TiO2 għall-użu alimentari, u f’volumi limitati biss.

(48)

L-ilmentatur ikkontesta l-kunċett li t-TiO2 għall-użu alimentari jista’ jiġi distint minn tipi oħra ta’ TiO2 abbażi tal-preżenza tal-fosforu fil-kisi jew abbażi tad-differenzi fil-proċessi tal-produzzjoni. Il-Kummissjoni nnotat li s-CEPI qatt ma għamlet tali asserzjonijiet u b’hekk ċaħdet l-argumenti tal-ilmentatur bħala irrilevanti.

(49)

Fuq il-bażi tal-evidenza disponibbli, il-Kummissjoni sabet li, anki jekk it-TiO2 għall-użu alimentari jrid jissodisfa r-rekwiżiti speċifiċi għall-addittivi E-171, ma jistax jiġi konkluż li dan ma jikkondividix l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi bħal tipi oħra ta’ TiO2. Huwa biss subtip ta’ dan tal-aħħar. Skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, huwa prodott li jirrikjedi l-istess materja prima ewlenija bħal applikazzjonijiet oħra, biss ta’ purità ogħla, u linja ta’ produzzjoni protetta aħjar mill-introduzzjoni ta’ kontaminanti matul il-proċess tal-produzzjoni sabiex jintlaħqu l-livelli limiti regolatorji meħtieġa.

(50)

Il-Kummissjoni nnotat ukoll li s-CEPI ma pprovdiet l-ebda stima ta’ x’seta’ jkun is-sehem tat-TiO2 għall-użu alimentari fid-domanda totali għat-TiO2. B’hekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tivvaluta l-impatt li din l-esklużjoni tal-prodott jista’ jkollha fuq l-effettività tad-dazji.

(51)

Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ tali stimi, għadu mhux ċar jekk iż-żewġ jew it-tliet produtturi tal-Unjoni, li s-CEPI ssostni li huma kapaċi jipproduċu TiO2 għall-użu alimentari, ikunux f’pożizzjoni li jfornu d-domanda tal-Unjoni għal dan il-grad jew le. Ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza addizzjonali f’dak ir-rigward, filwaqt li l-investigazzjoni wriet li sorsi ta’ TiO2 għall-użu alimentari jeżistu wkoll f’pajjiżi terzi oħra, bħall-Kanada.

(52)

Għalhekk, il-Kummissjoni ma sabet l-ebda raġuni biex targumenta li ma hemmx biżżejjed sorsi ta’ provvista disponibbli għal dan it-tip ta’ prodott.

(53)

Fl-aħħar nett, l-ebda utent ieħor tat-TiO2 għall-użu alimentari ma ppreżenta ruħu fl-investigazzjoni b’xi data dwar kif id-dazji anti-dumping ikollhom impatt fuq in-negozju tagħhom, u lanqas ma ġiet ipprovduta tali evidenza mis-CEPI jew minn sorsi oħra. B’hekk, il-Kummissjoni ma kellha l-ebda informazzjoni affidabbli dwar in-natura tal-impatt li d-dazji jista’ jkollhom fuq l-utenti ta’ dan it-tip ta’ TiO2.

(54)

Bil-ħsieb ta’ dan ta’ hawn fuq, is-CEPI naqset milli turi li l-applikazzjoni ta’ fatturi oħra aktar rilevanti minn dawk ikkunsidrati mill-Kummissjoni meta ddefiniet il-prodott ikkonċernat kienet tirrikjedi li d-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat tiġi ristretta billi jiġi eskluż it-TiO2 għall-użu alimentari. Barra minn hekk, it-TiO2 għall-użu alimentari jaqa’ fid-definizzjoni tal-prodott mogħtija fil-premessa (21) tar-Regolament proviżorju u l-partijiet interessati ma pprovdew l-ebda evidenza li turi li din is-subkategorija ta’ TiO2 importat mir-RPĊ mhijiex f’kompetizzjoni ma’ xi prodott ieħor disponibbli fis-suq tal-Unjoni.

(55)

B’hekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi li ġew issodisfati l-elementi għall-esklużjoni tal-prodott għat-TiO2 għall-użu alimentari u ċaħdet din it-talba.

2.1.3.1.3.   Esklużjoni tat-TiO2 prodott bl-applikazzjoni tal-proċess tal-klorur

(56)

AkzoNobel għamel talba li jenħtieġ li t-TiO2 prodott bl-applikazzjoni tal-proċess tal-klorur (“TiO2 tal-proċess tal-klorur”) jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-investigazzjoni wara li kienet diġà għaddiet l-iskadenza biex isiru asserzjonijiet dwar l-ambitu tal-prodott. Kif indikat fil-premessa (66) tar-Regolament proviżorju u fil-premessa (25) hawn fuq, it-talba b’hekk ma setgħetx titqies fl-istadju proviżorju tal-investigazzjoni.

(57)

L-ewwel nett, AkzoNobel sostna, mill-bidu nett, li mhumiex sostitwibbli t-TiO2 tal-proċess tal-klorur u t-TiO2 prodott bl-użu tal-proċess tas-sulfat (“TiO2 tal-proċess tas-sulfat”).

(58)

Biex jissostanzja din l-asserzjoni, AkzoNobel iddeskriva kif it-TiO2 tal-proċess tal-klorur fiż-żebgħat joffri reżistenza aħjar għat-temp, kulur aktar profond perċepit bħala aktar bajdani minħabba l-lewn tiegħu li jxaqleb lejn il-blu (meta mqabbel mal-lewn safrani tat-TiO2 tal-proċess tas-sulfat), u d-differenzi li jirriżultaw fl-applikazzjonijiet bejniethom it-tnejn (it-TiO2 tal-proċess tal-klorur jintuża biss għal applikazzjonijiet fuq barra, filwaqt li għal applikazzjonijiet fuq ġewwa jintużaw kemm it-TiO2 tal-proċess tal-klorur kif ukoll dak tal-proċess tas-sulfat).

(59)

AkzoNobel argumenta wkoll li, kieku t-TiO2 tal-proċess tal-klorur u t-TiO2 tal-proċess tas-sulfat kienu sostitwibbli, l-industrija taż-żebgħat u tal-kisjiet kienet diġà tkun għamlet il-bidla għat-TiO2 tas-sulfat biex tnaqqas il-kostijiet tal-produzzjoni. Il-fatt li d-domanda għat-TiO2 tal-klorur tibqa’ b’saħħitha juri li mhumiex sostitwibbli.

(60)

It-tieni, AkzoNobel sostna li jenħtieġ li l-proċess tat-TiO2 tal-klorur jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-investigazzjoni, meta jitqies li l-maġġoranza tal-produzzjoni fiċ-Ċina (kif ukoll l-importazzjonijiet minnha) huma bil-proċess tas-sulfat, filwaqt li l-maġġoranza tal-produzzjoni u tal-konsum fl-Unjoni hija tat-TiO2 tal-proċess tal-klorur.

(61)

It-tielet, AkzoNobel sostna, abbażi tad-data dwar ix-xiri tiegħu stess, li hemm differenzi fil-prezz bejn it-TiO2 tal-proċess tal-klorur Ċiniż u t-TiO2 tal-proċess tas-sulfat Ċiniż, kif ukoll it-TiO2 tal-proċess tal-klorur minn sorsi oħra.

(62)

AkzoNobel sostna li, minħabba ż-żewġ elementi ta’ hawn fuq, bilfors hija distorta l-analiżi tad-dannu u tal-kawżalità.

(63)

Fil-kummenti tiegħu dwar ir-Regolament proviżorju, AkzoNobel essenzjalment tenna l-argumenti ta’ hawn fuq.

(64)

AkzoNobel ikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni li d-distinzjoni ewlenija fis-suq hija bejn it-TiO2 anatażi u dak rutili. Għal dak l-għan, AkzoNobel indika diversi rapporti ta’ informazzjoni dwar is-suq li kien ipprovda qabel, li allegatament juru li d-distinzjoni ewlenija hija effettivament bejn it-TiO2 tal-proċess tal-klorur u dak tal-proċess tas-sulfat.

(65)

Fl-aħħar nett, AkzoNobel ma kkontestax il-konklużjoni tal-Kummissjoni mill-premessi (68) u (69) tar-Regolament proviżorju iżda sostna li anki bl-importazzjonijiet Ċiniżi li huma 66 % tat-TiO2 tal-proċess tas-sulfat, mhumiex qed jikkompetu mad-90 % tal-produzzjoni tal-UE li hija bbażata fuq il-proċess tal-klorur. B’hekk, l-analiżijiet tad-dannu u tal-kawżalità huma inevitabbilment distorti (ħlief għall-kalkoli li saru fil-livell tal-PCN) għad-detriment tal-importazzjonijiet Ċiniżi tat-TiO2.

(66)

Fl-analiżi tat-talba ta’ AkzoNobel, il-Kummissjoni nnotat li t-talba tiegħu għall-esklużjoni tal-prodott essenzjalment tistrieħ fuq l-asserzjoni li a) it-TiO2 tal-proċess tal-klorur u dak tal-proċess tas-sulfat mhumiex sostitwibbli, b) hemm differenza fil-prezz bejn it-tipi ta’ TiO2 derivati minn kull wieħed mill-proċessi, u c) li l-maġġoranza tat-TiO2 prodott u li ġej miċ-Ċina huwa tal-proċess tas-sulfat, filwaqt li l-maġġoranza tal-produzzjoni u tal-konsum fl-Unjoni hija tat-TiO2 tal-proċess tal-klorur.

(67)

Il-Kummissjoni eżaminat l-evidenza deskritta fil-premessa (64) hawn fuq u nnotat li dawk ir-rapporti sempliċiment juru kemm kapaċità taħt kull wieħed miż-żewġ proċessi tal-produzzjoni hija stmata li għandhom produtturi individwali. Il-fatt li jeżistu żewġ proċessi tal-produzzjoni differenti, u l-kapaċitajiet rispettivi tagħhom huma segwiti, mhuwiex pertinenti għall-kwistjoni dwar jekk l-atturi tas-suq jagħmlux distinzjoni ewlenija fuq dik il-bażi jew le.

(68)

Għalhekk, ma tressqet l-ebda evidenza ġdida biex tiġi kkontestata l-konklużjoni tal-Kummissjoni li s-suq ġeneralment jiddistingwi t-TiO2 bħala anatażi jew rutili. Għall-kuntrarju, produttur esportatur mhux inkluż fil-kampjun Guanxi Jinmao Titanium Co., Ltd., saħansitra għamel talba għall-esklużjoni tal-prodott għat-TiO2 anatażi, li fiha sostna differenzi sinifikanti u nuqqas ta’ sostitwibbiltà bejn it-TiO2 anatażi u dak rutili.

(69)

Fir-rigward tal-asserzjoni ta’ AkzoNobel li t-TiO2 tal-proċess tal-klorur u dak tal-proċess tas-sulfat għandhom applikazzjonijiet differenti, il-Kummissjoni l-ewwel innotat li AkzoNobel għamel dik l-asserzjoni fuq il-bażi tal-applikazzjonijiet fuq ġewwa vs fuq barra tal-prodotti tagħha stess, rilevanti biss fl-industrija taż-żebgħat u tal-kisjiet. Industriji oħra jistgħu jixtru kemm it-TiO2 tal-proċess tal-klorur kif ukoll dak tal-proċess tas-sulfat biex jużawh b’mod interkambjabbli fl-istess applikazzjonijiet (kif inhu l-każ, eż. fil-produzzjoni tal-karta dekorattiva jew tal-masterbatches). Barra minn hekk, anki AkzoNobel stess sostna fit-tweġiba tiegħu għall-kwestjonarju li għal xi applikazzjonijiet tal-prodotti tiegħu, juża kemm it-TiO2 tal-proċess tal-klorur kif ukoll dak tal-proċess tas-sulfat.

(70)

Għalhekk, anki kieku jkun hemm qasma ċara bejn l-użu tat-TiO2 tal-proċess tal-klorur biss f’xi applikazzjonijiet taż-żebgħat u tal-kisjiet u dak tal-proċess tas-sulfat biss f’oħrajn (quod non), dan ġie sostnut għal tip wieħed ta’ użu u mhuwiex neċessarjament il-każ għall-industriji l-oħra kollha. B’hekk, il-Kummissjoni ċaħdet dan l-argument.

(71)

Fil-fatt, l-investigazzjoni wriet li hemm diversi industriji downstream li jużaw prodotti tat-TiO2 li tfasslu apposta biex jaħdmu tajjeb f’applikazzjoni speċifika jew saħansitra f’diversi applikazzjonijiet.

(72)

F’kull industrija tal-utenti hemm diversi prodotti għal applikazzjonijiet differenti: żebgħat arkitettoniċi, kisjiet industrijali (fl-industriji taż-żebgħat u tal-kisjiet), karti laminati għal uċuħ differenti tal-għamara jew tal-pavimenti (l-industrija tal-karta dekorattiva), linek grafiki għat-tikketti tal-web dojoq, għall-imballaġġ flessibbli, u għall-applikazzjonijiet tal-karti u tal-kartun (l-industrija tal-linka grafika), biex jiġu elenkati biss ftit minnhom.

(73)

F’kull wieħed mis-segmenti elenkati tas-suq, u anki applikazzjonijiet individwali, l-utenti spiss ikollhom formulazzjonijiet multipli tal-prodotti tagħhom, skont l-użu aħħari speċifiku u l-ħtiġijiet tal-klijenti.

(74)

L-investigazzjoni wriet ukoll li l-utenti spiss jittestjaw gradi speċifiċi tat-TiO2 offruti mill-produtturi tat-TiO2 għall-prestazzjoni fil-formulazzjonijiet li jużaw u għaldaqstant joħolqu riċetta/formula waħda jew aktar li, għall-prodotti tagħhom, se jaħdmu b’mod speċifiku. B’hekk, tali prodott jinbiegħ għal użu speċifiku f’applikazzjoni.

(75)

Il-prestazzjoni ta’ dawk il-prodotti tiddependi, fost affarijiet oħra, fuq it-tip ta’ TiO2 li jużaw, inkluż id-daqs tal-partikoli tat-TiO2, il-morfoloġija tal-kristalli (anatażi jew rutili), jekk il-molekuli tat-TiO2 humiex miksija jew le u jekk it-TiO2 ġiex prodott permezz tal-proċess tal-klorur jew tal-proċess tas-sulfat.

(76)

L-interazzjoni ta’ dawn l-elementi kollha, fost fatturi oħra, naturalment se jkollha wkoll impatt fuq il-prezz.

(77)

B’hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma hemm l-ebda evidenza konvinċenti li tiġġustifika li jenħtieġ li t-TiO2 tal-proċess tal-klorur jitneħħa mill-ambitu tal-prodott fuq il-bażi ta’ karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi li huma differenti biżżejjed mit-TiO2 tal-proċess tas-sulfat. Kemm it-TiO2 tal-proċess tal-klorur kif ukoll dak tal-proċess tas-sulfat jintużaw fl-istess industriji, xi drabi anki fl-istess applikazzjonijiet.

(78)

Barra minn hekk, hemm ħafna sorsi alternattivi ta’ provvista peress li, kif sostna AkzoNobel stess, il-maġġoranza tal-kapaċità tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni hija bbażata fuq il-proċess tal-klorur, kif inhu l-każ fl-Amerka ta’ Fuq.

(79)

Kif diġà kkonkludiet il-Kummissjoni fil-premessa (433) tar-Regolament proviżorju u kkonfermat fit-taqsima 7.3.3 hawn taħt, AkzoNobel ma jkunx affettwat b’mod sinifikanti mid-dazji u jista’ jassorbihom. Min-naħa l-oħra, l-esklużjoni ta’ aktar minn terz tal-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni mill-ambitu tal-prodott x’aktarx li jkollha impatt sinifikanti fuq l-effettività tal-miżuri.

(80)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, AkzoNobel naqas milli juri li l-applikazzjoni ta’ fatturi oħra aktar rilevanti minn dawk ikkunsidrati mill-Kummissjoni meta ddefiniet il-prodott ikkonċernat kienet tirrikjedi li d-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat tiġi ristretta billi jiġi eskluż it-TiO2 tal-proċess tal-klorur. Barra minn hekk, it-TiO2 tal-proċess tal-klorur jaqa’ fid-definizzjoni tal-prodott mogħtija fil-premessa (21) tar-Regolament proviżorju u l-partijiet interessati ma pprovdew l-ebda evidenza li turi li din is-subkategorija ta’ TiO2 importat mir-RPĊ mhijiex f’kompetizzjoni ma’ xi prodott ieħor disponibbli fis-suq tal-Unjoni. B’hekk, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba biex jiġi eskluż it-TiO2 tal-proċess tal-klorur mill-ambitu tal-prodott.

(81)

AkzoNobel tenna wkoll l-asserzjonijiet tiegħu li jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq analiżijiet separati tad-dannu u tal-kawżalità tat-TiO2 tal-proċess tal-klorur u tal-proċess tas-sulfat, għal raġunijiet tal-argumenti ppreżentati fil-premessi (60), (61), u (65) hawn fuq.

(82)

Madankollu, AkzoNobel ma ressaqx argumenti jew provi ġodda b’appoġġ għal dik l-asserzjoni.

(83)

Il-Kummissjoni kkonfermat ukoll il-konklużjoni tagħha fil-premessa (69) tar-Regolament proviżorju li, minkejja li bħalissa l-produtturi Ċiniżi jipproduċu aktar TiO2 bl-użu tal-proċess tas-sulfat, ma jfissirx li dan se jibqa’ l-każ fil-futur. Barra minn hekk, kif ġie spjegat fil-premessa (90) tar-Regolament proviżorju, l-investigazzjoni wriet li l-industrija Ċiniża hija impenjata li taċċellera t-tranżizzjoni mill-proċess tas-sulfat għall-proċess tal-klorur għall-produzzjoni tat-TiO2.

(84)

B’hekk, il-Kummissjoni żammet il-konklużjoni tagħha fil-premessi (70) u (71) tar-Regolament proviżorju u ċaħdet din it-talba.

2.1.3.1.4.   Esklużjoni tat-TiO2 anatażi

(85)

Il-produttur esportatur mhux inkluż fil-kampjun Guanxi Jinmao Titanium Co., Ltd. (“Jinmao Titanium”) għamel talba biex it-TiO2 anatażi jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-investigazzjoni. Din it-talba saret fi stadju tard ħafna tal-investigazzjoni, wara li kien diġà ppubblikat r-Regolament proviżorju. L-ebda parti ma kkummentat dwar din it-talba.

(86)

Kif il-Kummissjoni diġà enfasizzat fil-premessa (62) tar-Regolament proviżorju, il-kummenti dwar l-ambitu tal-prodott kellhom jiġu ppreżentati fl-istadji bikrija tal-investigazzjoni, sabiex jingħata biżżejjed żmien biex jiġi vvalutat il-mertu tagħhom u tingħata l-opportunità lil partijiet interessati oħra biex jirreaġixxu għalihom.

(87)

Madankollu, il-Kummissjoni eżaminat it-talba fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli f’dan l-istadju.

(88)

It-TiO2 anatażi jista’ jiġi prodott biss permezz tal-proċess tas-sulfat, kif indikat Jinmao Titanium. Jinmao Titanium sostniet li l-kapaċità tal-produzzjoni tal-proċess tas-sulfat tal-produtturi tal-Unjoni hija ħafna aktar baxxa minn dik tal-proċess tal-klorur u mhijiex biżżejjed biex tissodisfa d-domanda tal-Unjoni għall-prodotti tal-anatażi, filwaqt li d-dinamika tas-suq u r-regolamenti tal-Unjoni jinċentivaw lill-produtturi tal-Unjoni jinvestu f’faċilitajiet tal-produzzjoni tal-klorur.

(89)

Jinmao Titanium sostniet ukoll li l-prodotti tal-anatażi jvarjaw b’mod sinifikanti minn prodotti oħra (jiġifieri, rutili) fil-metriċi kollha li ġejjin: l-ebusija, id-densità relattiva, l-indiċi rifrattiv, il-qawwa tat-tixrid, l-istabbiltà kimika, l-enerġija tal-ispazju faxxali, u l-attività fotokatalitika, filwaqt li jiġu ċċitati diversi sorsi akkademiċi għal dak l-għan. Jinmao Titanium sostna li dawn il-proprjetajiet jiffurmaw il-perċezzjonijiet tal-utenti aħħarin u jiddeterminaw l-adegwatezza tagħhom għal diversi applikazzjonijiet.

(90)

Barra minn hekk, Jinmao Titanium innotat li l-parteċipanti fis-suq komunement jiddistingwu bejn jekk prodott huwiex anatażi jew rutili u li dan għandu effett fuq il-prezz.

(91)

Barra minn hekk, sostniet li hemm sostitwibbiltà limitata bejn il-prodotti tal-anatażi u l-prodotti rutili. Filwaqt li f’xi oqsma, ir-rutili jista’ jissostitwixxi l-anatażi, din is-sostituzzjoni rarament tiġi pprattikata minħabba l-fattibbiltà ekonomika.

(92)

B’hekk, Jinmao Titanium ikkonkludiet li l-utenti u l-applikazzjonijiet tal-Unjoni li jiddependu aktar fuq il-prodotti tal-anatażi jevitaw żieda fil-kostijiet u prezzijiet ogħla għall-konsumatur jekk it-TiO2 anatażi jiġi eskluż mill-ambitu tal-prodott. Fl-istess ħin, hemm riskju limitat ta’ ċirkomvenzjoni peress li l-anatażi ma tikkompetix direttament mal-produzzjoni tal-Unjoni ta’ gradi rutili.

(93)

Il-Kummissjoni l-ewwel innotat li l-asserzjoni dwar il-kapaċitajiet insuffiċjenti fl-Unjoni biex tiġi ssodisfata d-domanda għat-TiO2 anatażi ma kienet ikkorroborata mill-ebda evidenza. Filwaqt li fil-perjodu ta’ investigazzjoni (“PI”) il-kapaċità tal-Unjoni kienet fil-fatt marġinalment aktar baxxa mid-domanda totali tal-Unjoni għat-TiO2 b’mod ġenerali, ma ntweriex li jkun hemm xi nuqqas partikolari ta’ kapaċità fir-rigward tal-prodotti tat-TiO2 anatażi. B’hekk, il-Kummissjoni ċaħdet dan l-argument bħala mhux sostanzjat.

(94)

Fir-rigward tal-argumenti dwar l-allegati differenzi bejn il-prodotti tal-anatażi u dawk rutili, is-sostitwibbiltà, l-użi aħħarin, l-ipprezzar, u l-perċezzjonijiet tal-klijenti tagħhom, il-Kummissjoni diġà kkonkludiet fil-premessi (71) sa (76) hawn fuq li dawk l-elementi kollha huma affettwati minn għadd ta’ fatturi f’kull applikazzjoni individwali ta’ prodotti li fihom it-TiO2. Skont l-applikazzjoni, id-distinzjoni bejn TiO2 rutili u anatażi tista’ tkun rilevanti sa grad akbar jew inqas.

(95)

Barra minn hekk, Jinmao Titanium stess tammetti li fil-fatt hemm grad ta’ sostitwibbiltà ta’ prodotti rutili u tal-anatażi anki fl-istess applikazzjonijiet.

(96)

B’hekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi li l-ispeċifiċitajiet potenzjali tat-TiO2 anatażi fi kwalunkwe wieħed minn dawk l-elementi jiġġustifikaw l-esklużjoni tal-prodott.

(97)

Fl-aħħar nett, ma ġiet ippreżentata l-ebda evidenza li turi li ma kintix sinifikanti l-volum tal-importazzjonijiet tat-TiO2 anatażi lejn l-Unjoni. Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, sa 30 % tal-importazzjonijiet totali fil-perjodu ta’ investigazzjoni jistgħu potenzjalment ikunu TiO2 anatażi. Minħabba li l-industrija tal-Unjoni tbigħ ukoll prodotti tal-anatażi, tali esklużjoni jista’ b’hekk ikollha impatt sinifikanti fuq l-effettività tad-dazji.

(98)

Bil-ħsieb ta’ dan ta’ hawn fuq, Jinmao Titanium naqset milli turi li l-applikazzjoni ta’ fatturi oħra aktar rilevanti minn dawk ikkunsidrati mill-Kummissjoni meta ddefiniet il-prodott ikkonċernat kienet tirrikjedi li d-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat tiġi ristretta billi jiġi eskluż it-TiO2 anatażi. Barra minn hekk, it-TiO2 anatażi jaqa’ fid-definizzjoni tal-prodott ipprovduta fil-premessa (21) tar-Regolament proviżorju u l-partijiet interessati ma pprovdew l-ebda evidenza li turi li din is-subkategorija ta’ TiO2 importat mir-RPĊ mhijiex f’kompetizzjoni ma’ xi prodott ieħor disponibbli fis-suq tal-Unjoni. Il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba.

2.1.3.1.5.   TiO2 użat fi prodotti ta’ protezzjoni kontra x-xemx

(99)

Wara li ġew imposti l-miżuri proviżorji, AAKO B.V. (“AAKO”), importatur żgħir ta’ TiO2 miksi użat fi prodotti ta’ protezzjoni kontra x-xemx, talab l-esklużjoni tal-prodott għal dan it-tip ta’ TiO2.

(100)

AAKO sostna li dan it-tip ta’ TiO2 kellu karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi speċjali, sa fejn gradi speċifiċi biss ta’ TiO2 jistgħu jintużaw fi prodotti ta’ protezzjoni kontra x-xemx. Is-sustanzi kimiċi li jistgħu jiġu inklużi fil-kisi ta’ dawk il-gradi u l-livell tagħhom huma definiti mill-Anness VI tar-Regolament dwar il-Prodotti Kożmetiċi (13).

(101)

Dan jirrikjedi li l-gradi tal-fornituri jiġu ttestjati u approvati għal formuli speċifiċi, u ma jistgħux jiġu sostitwiti liberament minn fornituri oħra.

(102)

Barra minn hekk, AAKO sostna li l-prezz tat-tipi ta’ TiO2 li jimporta huwa madwar tmien darbiet ogħla mill-gradi standard ta’ TiO2 mhux miksi, u dan jagħmel is-swieq għat-TiO2 miksi u mhux miksi prattikament inkomparabbli.

(103)

Il-Kummissjoni nnotat li t-talba ta’ hawn fuq kien fiha informazzjoni limitata u ġiet ippreżentata fi stadju tard ħafna fil-proċediment.

(104)

Il-Kummissjoni nnotat ukoll mill-bidu nett li t-TiO2 li jiddeskrivi AAKO mhuwiex l-uniku TiO2 miksi fis-suq. Għall-kuntrarju, il-maġġoranza tat-tipi ta’ TiO2 disponibbli fis-suq tal-Unjoni fihom xi forma ta’ kisi kimiku.

(105)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-kompożizzjoni tat-TiO2 użat fil-prodotti ta’ protezzjoni kontra x-xemx hija rregolata mil-liġi, u b’hekk hija r-raġuni għaliex il-bdil tal-fornituri jirrikjedi ttestjar estensiv.

(106)

Madankollu, kif uriet l-investigazzjoni, l-ittestjar tat-TiO2 qabel ma jintuża fi kwalunkwe waħda mill-formuli/applikazzjonijiet tal-utenti mhuwiex uniku għal dan is-settur. Ħafna utenti oħra wrew li r-riformulazzjonijiet tal-prodotti tagħhom tirrikjedi ttestjar minn qabel. Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi li t-TiO2 użat fi prodotti ta’ protezzjoni kontra x-xemx kellu karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi speċjali li kienu jiġġustifikaw l-esklużjoni tal-prodott.

(107)

Barra minn hekk, AAKO ma pprovda l-ebda informazzjoni jew evidenza dwar nuqqas potenzjali ta’ provvista fl-Unjoni jew sorsi alternattivi ta’ provvista.

(108)

Fl-aħħar nett, l-ebda produttur ta’ prodotti ta’ protezzjoni kontra x-xemx ma ppreżenta ruħu f’din l-investigazzjoni u oppona l-miżuri li jindikaw li d-dazji ma jkollhomx impatt kbir fuq in-negozju tagħhom.

(109)

Bil-ħsieb ta’ dan ta’ hawn fuq, AAKO naqas milli juri li l-applikazzjoni ta’ fatturi oħra aktar rilevanti minn dawk ikkunsidrati mill-Kummissjoni meta ddefiniet il-prodott ikkonċernat kienet tirrikjedi li d-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat tiġi ristretta billi jiġi eskluż it-TiO2 użati fil-prodotti ta’ protezzjoni kontra x-xemx. Barra minn hekk, it-TiO2 użat fil-prodotti ta’ protezzjoni kontra x-xemx jaqa’ fid-definizzjoni tal-prodott ipprovduta fil-premessa (21) tar-Regolament proviżorju u l-partijiet interessati ma pprovdew l-ebda evidenza li turi li din is-subkategorija ta’ TiO2 importat mir-RPĊ mhijiex f’kompetizzjoni ma’ xi prodott ieħor disponibbli fis-suq tal-Unjoni. Il-Kummissjoni ċaħdet it-talba ta’ AAKO għall-esklużjoni tal-prodott.

2.1.3.2.   Talbiet li ġew ikkunsidrati fl-istadju proviżorju

2.1.3.2.1.   TiO2 ta’ grad laminat

(110)

Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament proviżorju, saret seduta ta’ smigħ ma’ Munksjö u Felix. Huma ppreżentaw b’mod konġunt kummenti dwar is-sejbiet tal-Kummissjoni fir-Regolament proviżorju. Is-CEPI ppreżentat ukoll kummenti, li fihom talbet lill-Kummissjoni tivvaluta mill-ġdid il-konklużjonijiet tagħha dwar l-esklużjoni tat-TiO2 ta’ grad laminat.

(111)

Munksjö u Felix tennew l-asserzjonijiet tagħhom dwar l-esklużjoni tal-prodott jew b’mod ieħor l-eżenzjoni tal-użu aħħari, u pprovdew evidenza addizzjonali ġdida u argumentaw li ġew issodisfati l-kriterji kollha li l-Kummissjoni qieset għal dawn it-talbiet f’każijiet preċedenti. B’hekk, il-Kummissjoni vvalutat mill-ġdid il-konklużjonijiet tagħha fid-dawl ta’ evidenza ġdida.

(112)

L-ewwel nett, iż-żewġ utenti sostnew li l-Kummissjoni kisret l-obbligu li teżamina bid-diliġenza dovuta l-informazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tagħha, bi ksur tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet. Huma argumentaw li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod selettiv elementi mill-preżentazzjonijiet tal-ilmentatur filwaqt li injorat it-tweġibiet taż-żewġ utenti għal dawn l-asserzjonijiet.

(113)

Kif indikat fil-premessa (47) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni ma qisitx il-kummenti dwar l-ambitu tal-prodott ippreżentati mill-ilmentatur fit-2 ta’ Mejju 2024, u lanqas dawk ippreżentati b’mod konġunt minn Munksjö u Felix fit-22 ta’ Mejju 2024 u fit-30 ta’ Mejju 2024.

(114)

Il-Kummissjoni sabet li ċerti produtturi esportaturi rreklamaw it-TiO2 tal-grad ta’ laminat għall-użu fil-PVC u fil-plastiks durabbli (14). Madankollu, Munksjö u Felix sostnew li l-Kummissjoni kienet fil-fatt influwenzata mill-kummenti li l-ilmentatur għamel fit-2 ta’ Mejju 2024 f’dan ir-rigward, filwaqt li injorat il-kontroasserzjonijiet tal-utenti dwar l-istess suġġett.

(115)

Il-Kummissjoni indikat f’dak ir-rigward li d-data msemmija fil-premessa (114) hija disponibbli pubblikament online u l-Kummissjoni setgħet tirkupraha mingħajr ma tqis il-kummenti li saru mill-partijiet, inklużi l-kummenti ppreżentati tard mill-ilmentatur. Fil-fatt, fit-tweġibiet tagħhom għat-tweġibiet għall-kwestjonarju, l-utenti ddikjaraw it-tipi ta’ prodotti eżatti li xtraw mingħand fornituri individwali, li l-Kummissjoni vverifikat mal-informazzjoni disponibbli pubblikament online.

(116)

Madankollu, fl-istadju definittiv il-Kummissjoni kkunsidrat il-preżentazzjonijiet kollha, inkluż dawk li waslu tard wisq biex jiġu kkunsidrati fil-fażi proviżorja u vvalutat mill-ġdid is-sejbiet tagħha fid-dawl ta’ kwalunkwe fatt u evidenza ġodda ppreżentati fihom.

(117)

It-tieni, l-utenti sostnew li diversi konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni fir-Regolament proviżorju ma kinux appoġġati mill-evidenza disponibbli.

(118)

F’dan il-kuntest, iż-żewġ utenti l-ewwel ikkontestaw is-sejbiet tal-Kummissjoni li t-TiO2 tal-grad ta’ laminat jikkondividi l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi ma’ tipi oħra ta’ TiO2 (15).

(119)

Huma tennew l-asserzjoni tagħhom li t-TiO2 tal-grad ta’ laminat kellu karatteristiċi fiżiċi speċifiċi, li jirrispondu għall-ħtiġijiet uniċi tal-industrija tal-karta dekorattiva, jiġifieri, li jiżguraw luminożità superjuri wara s-saturazzjoni tal-karta b’reżina bbażata fuq il-melamina u jiżguraw li l-karta żżomm il-kulur tagħha wara l-imprenjazzjoni. Dan l-element huwa ta’ importanza kbira għall-użu tal-karta dekorattiva fl-industriji dekorattivi u tal-għamara.

(120)

L-utenti ssupplimentaw l-asserzjoni tagħhom li tistabbilixxi l-karatteristiċi kimiċi speċifiċi li għandu t-TiO2 tal-grad ta’ laminat, li jippermettu tali prestazzjoni. Hija l-kisja tas-superfiċje ħoxna fuq il-molekula tat-TiO2, li tikkonsisti primarjament mill-elementi kimiċi, il-pentossidu tal-fosforu (P2O5), l-ossidu tal-aluminju (Al2O3) u d-diossidu tas-siliċju (SiO2), partikolarment livelli għoljin ta’ P2O5, li jaqbżu ż-0,5 % bħala proporzjon fil-prodott xott meta mqabbla ma’ gradi oħra ta’ TiO2.

(121)

Is-CEPI ppreżentat argument simili, billi sostniet li l-fatt li t-TiO2 tal-grad ta’ laminat fih konċentrazzjoni ħafna ogħla ta’ fosfru huwa dak li jagħmlu unikament adattat għall-użu fl-applikazzjoni tal-karta laminata, kif ukoll li jista’ jiġi distint b’mod ċar minn tipi oħra ta’ TiO2.

(122)

L-utenti indikaw ukoll karatteristika teknika speċifika li biha t-TiO2 tal-grad ta’ laminat iġib ruħu b’mod differenti minn tipi oħra: għandu ċarġ elettriku tas-superfiċje li jirriżulta mill-kisi tas-superfiċje oħxon tiegħu, li jgħin lill-molekula teħel mal-fibri tal-polpa tal-injam. Dan l-istess ċarġ tas-superfiċje kif ukoll id-daqs tal-partiċelli ma jagħmluhx adattat għal applikazzjonijiet oħra, bħaż-żebgħa arkitettonika, peress li jirriżulta f’żebgħa li tidher qisha “ġibs” fuq il-ħitan.

(123)

Fl-aħħar nett, l-utenti indikaw li hemm metodi sempliċi u disponibbli b’mod wiesa’ biex jiġu identifikati l-preżenza u l-konċentrazzjoni tal-fosfru fil-kisi, b’mod partikolari permezz ta’ test tal-fluworexxenza tar-raġġi-X (XRF, x-ray fluorescence) jew test tal-plażma akkoppjata induttivament (ICP, inductively coupled plasma).

(124)

Fil-preżentazzjoni tiegħu tat-2 ta’ Mejju 2024 imsemmija fil-premessa (114), l-ilmentatur sostna u pprovda evidenza li l-preżenza tal-fosforu fil-kisi ma tistax tkun karatteristika distintiva minħabba li kważi l-prodotti kollha tat-TiO2 fihom xi livell ta’ fosforu.

(125)

Barra minn hekk, l-ilmentatur sostna li l-awtoritajiet doganali ma jkunux jistgħu jidentifikaw b’mod preċiż il-preżenza tal-fosfru fl-importazzjonijiet tat-TiO2 u, anki jekk ikunu jistgħu jagħmlu dan, ma jkunux jistgħu jiddistingwu b’mod preċiż bejn TiO2 tal-grad ta’ laminat u tipi oħra.

(126)

L-ilmentatur żied li tipi differenti ta’ trattamenti tas-superfiċje li jgħaddu minnhom il-gradi tat-TiO2 ma jirrikjedux tagħmir addizzjonali uniku jew teknoloġija speċjalizzata, u dan ikompli jsaħħaħ l-argument li jenħtieġ li t-TiO2 tal-grad ta’ laminat ma jitqiesx bħala prodott separat.

(127)

Il-Kummissjoni analizzat l-informazzjoni addizzjonali ppreżentata mill-partijiet interessati dwar il-karatteristiċi bażiċi tat-TiO2 tal-grad ta’ laminat. L-evidenza ppreżentata tikkonferma s-sejba tal-Kummissjoni stabbilita fil-premessa (51) tar-Regolament proviżorju li l-preżenza tal-fosforu hija aktar sinifikanti fit-TiO2 tal-grad ta’ laminat milli f’tipi oħra u li n-natura distintiva ta’ dik il-kisja tagħmel it-TiO2 tal-grad ta’ laminat adattat għall-produzzjoni tal-karta dekorattiva.

(128)

Fil-preżentazzjoni tagħhom wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament proviżorju, l-utenti ma qablux mal-konklużjoni tal-Kummissjoni li diversi produtturi esportaturi jirreklamaw l-istess tip ta’ TiO2 għall-użu fil-produzzjoni tal-karta dekorattiva, iżda wkoll il-PVC u l-plastiks durabbli, li jindika li dan jista’ jintuża għal diversi skopijiet.

(129)

F’dak ir-rigward, fil-preżentazzjonijiet tiegħu tat-2 ta’ Mejju 2024, l-ilmentatur sostna li ħafna produtturi tat-TiO2 joffru prodotti li huma versatili fl-użu tagħhom, jiġifieri, jistgħu jiġu kkwalifikati minn utenti differenti għal diversi applikazzjonijiet distinti (kisi, plastik, karta laminata, eċċ.). Għal dak l-għan, huma pprovdew skedi ta’ data tal-prodott għal tliet prodotti differenti tat-TiO2 manifatturati mill-produtturi tal-Unjoni u tlieta oħra manifatturati minn produtturi fiċ-Ċina.

(130)

Fil-preżentazzjoni tagħhom fit-22 ta’ Mejju 2024, Felix u Munksjö kkontestaw din l-asserzjoni u pprovdew evidenza li turi li diversi mill-gradi tat-TiO2 ta’ hawn fuq ma setgħux, fil-fatt, jintużaw fil-produzzjoni tal-karta dekorattiva, filwaqt li sostnew li gradi oħra lanqas biss huma preżenti fis-suq tal-Unjoni u b’hekk mhuwiex magħruf jekk jilħqux l-istandards meħtieġa biex jintużaw fil-produzzjoni tal-karta dekorattiva.

(131)

Xi wħud mill-prodotti msemmija fil-premessa (130) hawn fuq kienu wkoll dawk li l-utenti rrapportaw li xtraw fit-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarju, li l-Kummissjoni kkontroverikifat mad-data pubblikament disponibbli. Speċifikament, dwar LR-952, prodott tat-TiO2 tal-grad ta’ laminat prodott minn Lomon Billions, l-utenti pprovdew evidenza li, għall-kuntrarju tal-asserzjoni tal-ilmentatur u l-konklużjoni tal-Kummissjoni fir-Regolament proviżorju, dan mhuwiex adattat għall-użu fil-PVC u l-plastiks durabbli. Minn dak iż-żmien, ġie aġġornat is-sit web ta’ Lomon Billions f’dan ir-rigward.

(132)

Wara l-impożizzjoni ta’ dazji proviżorji, is-CEPI għamlet asserzjoni simili, billi argumentat li t-TiO2 tal-grad ta’ laminat ma jkunx jista’ jintuża f’applikazzjonijiet oħra, peress li ma jkunx mifrux kif xieraq f’materjali tal-plastik.

(133)

Bl-evidenza l-ġdida kollha ppreżentata, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi li xi wieħed mit-tipi ta’ prodotti tat-TiO2 sostnuti mill-ilmentatur effettivament qed jinbiegħu fis-suq tal-Unjoni kemm għall-produzzjoni tal-karta dekorattiva kif ukoll għal xi użi oħra fl-istess ħin. Għalkemm xi tipi oħra ta’ prodotti tat-TiO2 huma rreklamati (u, kif uriet l-investigazzjoni, fil-fatt inbiegħu) għal diversi għanijiet, l-istess ma ntweriex għat-TiO2 tal-grad ta’ laminat.

(134)

Filwaqt li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li ftit sorsi online jirreklamaw ċerti prodotti tat-TiO2 għall-użu kemm fil-produzzjoni tal-karta dekorattiva kif ukoll f’tipi oħra ta’ prodotti downstream, ma ntweriex li l-gradi li huma magħrufa li jintużaw għall-produzzjoni tal-karta dekorattiva jinbiegħu għal użi oħra wkoll.

(135)

Għall-kuntrarju, l-evidenza disponibbli turi li, filwaqt li jista’ jkun hemm interkambjabbiltà ma’ tipi oħra ta’ prodotti, fil-fatt hemm għadd (limitat) ta’ tipi ta’ prodotti tat-TiO2 prodotti u kkummerċjalizzati bħala TiO2 tal-grad ta’ laminat biss.

(136)

Kif ikkonkludiet il-Kummissjoni fil-premessi (71) sa (75) hawn fuq, l-applikazzjoni tal-prodott taħt investigazzjoni (bħal li jintuża fil-produzzjoni ta’ karta dekorattiva) f’użu aħħari partikolari għandha rwol fid-definizzjoni tal-kompożizzjoni kimika u/jew karatteristiċi oħra tat-TiO2, sabiex tkun imfassla apposta kif xieraq għal dik l-applikazzjoni speċifika.

(137)

Munksjö u Felix sostnew li dan huwa minnu wkoll għat-TiO2 tal-grad ta’ laminat. Kif il-Kummissjoni diġà kkonfermat fir-Regolament proviżorju, il-karatteristika kimika distintiva fit-TiO2 tal-grad ta’ laminat hija li fih konċentrazzjoni għolja ta’ fosfru fil-kisi. Evidenza ġdida wriet li l-kontenut tal-fosforu jrid ikun mill-inqas 0,5 % fuq il-piż xott tal-prodott biex ikun utli f’applikazzjonijiet tal-karta dekorattiva.

(138)

Fl-istess ħin, il-karatteristika teknika speċifika tat-TiO2 tal-grad ta’ laminat li ż-żewġ utenti sostnew li għandha (ara fil-premessa (122) hawn fuq) ma ġietx ikkonfermata mill-investigazzjoni li kienet esklużiva għat-TiO2 tal-grad ta’ laminat jew għal applikazzjoni partikolari.

(139)

Jiġifieri, anki jekk TiO2 tal-grad ta’ laminat għandu ċarġ elettriku tas-superfiċje li jirriżulta mill-kisi tas-superfiċje oħxon tiegħu, li jgħin lill-molekula teħel mal-fibri tal-polpa tal-injam, ma ntweriex li tipi oħra ta’ TiO2 ma jkollhomx karatteristiċi tekniċi simili. Filwaqt li tali ċċarġjar tas-superfiċje jista’ fil-fatt jagħmel TiO2 tal-grad ta’ laminat mhux adattat għal applikazzjonijiet taż-żebgħat u tal-kisjiet, il-Kummissjoni ma setgħetx teskludi li t-TiO2 użat fil-produzzjoni ta’ prodotti oħra (bħal tipi oħra ta’ karta) ma jkunx jirrikjedi karatteristika simili.

(140)

Madankollu, il-Kummissjoni vvalutat jekk il-kontenut tal-fosforu fil-kisi jkunx biżżejjed biex jiġġustifika l-esklużjoni tal-prodott.

(141)

Wara li analizzat l-evidenza kollha fil-fajl, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi li t-TiO2 tal-grad ta’ laminat ikollu karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi differenti biżżejjed meta mqabbla ma’ tipi oħra ta’ TiO2 biex jiġu esklużi mill-ambitu tal-prodott.

(142)

Fil-fatt, kif analizzat il-Kummissjoni hawn fuq, diversi tipi ta’ TiO2 għandhom rekwiżiti speċifiċi għal ċerti elementi tal-kompożizzjoni kimika tagħhom skont l-applikazzjoni tagħhom (bħal TiO2 jew TiO2 għall-użu alimentari użati fi prodotti ta’ protezzjoni kontra x-xemx).

(143)

B’hekk, filwaqt li r-rekwiżit li l-kontenut tal-fosforu jrid ikun mill-inqas 0,5 % fuq il-piż xott tal-prodott biex ikun utli f’applikazzjonijiet tal-karta dekorattiva, jista’ jkun uniku għall-applikazzjoni tat-TiO2 fil-produzzjoni tal-karta dekorattiva (jew, fi kliem ieħor, uniku għat-TiO2 tal-grad ta’ laminat), it-TiO2 tal-grad ta’ laminat mhuwiex uniku fir-rekwiżit ta’ kompożizzjoni kimika kemxejn aġġustata sabiex tkun tista’ tintuża fl-applikazzjoni deżinjata tiegħu. Fi kliem ieħor, din il-karatteristika partikolari mhijiex biżżejjed biex tiddistingwi t-TiO2 tal-grad ta’ laminat minn tipi oħra ta’ TiO2 u lanqas mhija unika meta mqabbla ma’ karatteristiċi partikolari oħra li applikazzjonijiet speċifiċi oħra jistgħu jirrikjedu li jistħoqqilha esklużjoni.

(144)

B’hekk, il-Kummissjoni żammet il-konklużjoni tagħha fir-Regolament proviżorju li l-partijiet interessati naqsu milli juru li l-applikazzjoni ta’ fatturi oħra aktar rilevanti minn dawk ikkunsidrati mill-Kummissjoni meta ddefiniet il-prodott ikkonċernat kienet tirrikjedi li d-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat tiġi ristretta billi jiġi eskluż it-TiO2 tal-grad ta’ laminat. Barra minn hekk, it-TiO2 tal-grad ta’ laminat jaqa’ fid-definizzjoni tal-prodott mogħti fil-premessa (21) tar-Regolament proviżorju u l-partijiet interessati ma pprovdew l-ebda evidenza li turi li din is-subkategorija ta’ TiO2 importat mir-RPĊ mhijiex f’kompetizzjoni ma’ xi prodott ieħor disponibbli fis-suq tal-Unjoni. Il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba għall-esklużjoni tal-prodott.

(145)

Wara d-divulgazzjoni finali, Felix, Munksjö, u LB għamlu kummenti li ma qablux mar-rifjut mill-Kummissjoni tat-talba għall-esklużjoni tal-prodott.

(146)

L-ewwel nett, iż-żewġ utenti sostnew li l-Kummissjoni applikat ħażin it-test għall-analiżi tal-ispeċifiċità tal-karatteristiċi tal-prodott. Fil-premessi (140) sa (142) hawn fuq, il-Kummissjoni qieset li l-karatteristiċi speċifiċi jkunu biżżejjed biss biex jiddifferenzjaw prodott jekk dak il-prodott ikun l-unika wieħed li jirrikjedi li formula kimika partikolari tkun funzjonali fl-applikazzjoni maħsuba tagħha. L-utenti sostnew li l-kwistjoni mhijiex jekk il-prodott huwiex esklużiv f’dak ir-rigward, iżda pjuttost jekk il-proprjetajiet kimiċi distinti humiex uniċi għall-prodott rilevanti.

(147)

It-tieni, iż-żewġ utenti tennew l-asserzjonijiet tagħhom dwar l-uniċità tal-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi tat-TiO2 tal-grad ta’ laminat, filwaqt li sostnew li, meħuda flimkien, jiddistingwu t-TiO2 tal-grad ta’ laminat minn prodotti oħra. LB tenna b’mod simili l-asserzjonijiet preċedenti dwar l-uniċità kimika u karatteristiċi oħra tat-TiO2 tal-grad ta’ laminat. Jiġifieri, huwa l-uniku tip ta’ TiO2 li fih il-komposti tal-fosforu jiżdiedu mal-kisja tiegħu, filwaqt li l-fatt li jrid ikollu żamma tajba fil-polpa tal-karta rrikjeda daqs kbir tal-partikola u punt iżoelettriku kkontrollat bir-reqqa.

(148)

Iż-żewġ utenti enfasizzaw li l-Kummissjoni nnifisha rrikonoxxiet li l-karatteristiċi kimiċi tiegħu jagħmlu t-TiO2 tal-grad ta’ laminat mhux adattat għall-użu f’applikazzjonijiet ġenerali oħra, bħal żebgħat u kisjiet (il-premessa (400) hawn taħt). L-utenti sostnew f’dak ir-rigward li l-Kummissjoni qieset f’każijiet preċedenti (Salamun Imrobbi min-Norveġja (16) u Ċertu fojl tal-aluminju miċ-Ċina u mir-Russja (17)) li d-differenzi fl-użu jew fl-applikazzjoni ta’ prodott huma konsegwenza immedjata tal-karatteristiċi essenzjali differenti tal-prodott.

(149)

Il-Kummissjoni tenniet f’dak ir-rigward li l-analiżi tal-esklużjoni tal-prodott hija eżerċizzju li jsir fuq bażi ta’ każ b’każ, li fih il-Kummissjoni tevalwa b’mod olistiku l-elementi kollha disponibbli biex tiddetermina jekk tip ta’ prodott huwiex fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott, kif definit, jew le. F’xi każijiet il-fatt li hemm proprjetajiet kimiċi distinti uniċi fil-fatt ikun biżżejjed biex il-prodott jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni.

(150)

Madankollu, f’dan il-każ, hemm diversi tipi ta’ TiO2 b’formuli kimiċi distinti preżenti fis-suq. Kif diġà ġie elaborat fil-premessi (71) sa (76) hawn fuq, ħafna minn dawn it-tipi/il-formuli huma mfassla apposta u kkummerċjalizzati għal użi speċifiċi (minħabba l-prestazzjoni tagħhom f’dawk l-użi bis-saħħa ta’ tali karatteristiċi meta mqabbla ma’ oħrajn). Dawk it-tipi kollha huma koperti mid-deskrizzjoni tal-prodott fil-premessa (21) tar-Regolament proviżorju.

(151)

Għalhekk, id-distintività ta’ karatteristika kimika hija karatteristika tal-prodotti tat-TiO2. F’dak il-kuntest, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi li d-distintività tal-formula kimika tat-TiO2 tal-grad ta’ laminat tkun biżżejjed biex titqies bħala barra mid-deskrizzjoni tal-prodott mogħtija fil-premessa (21) tar-Regolament proviżorju.

(152)

B’hekk, meta n-natura tal-prodott hija tali bħalma hi għat-TiO2, jiġifieri, li l-karatteristiċi kimiċi tat-TiO2 jiġu modifikati b’mod preċiż biex ikollu prestazzjoni aħjar f’ċerti applikazzjonijiet milli f’oħrajn, il-kwistjoni tal-esklużività ta’ ċerta formula kimika maħsuba għal użu speċifiku mill-inqas trid tkun parti mit-test ta’ esklużjoni tal-prodott. Barra minn hekk, il-Kummissjoni fakkret li t-TiO2 tal-grad ta’ laminat jaqa’ fid-definizzjoni tal-prodott mogħtija fil-premessa (21) tar-Regolament proviżorju u din is-subkategorija ta’ TiO2 importat miċ-Ċina hija fil-fatt f’kompetizzjoni diretta ma’ prodotti disponibbli fis-suq tal-Unjoni. Ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza addizzjonali għall-kuntrarju.

(153)

Din hija sitwazzjoni dijametrikament opposta għall-każijiet tas-Salamun Imrobbi u Ċertu fojl tal-aluminju, li l-utenti għamlu paralleli magħhom. F’dawk iż-żewġ każijiet deher ċar li l-prodotti esklużi ma kinux koperti mid-deskrizzjoni tal-prodott.

(154)

B’hekk, il-Kummissjoni żammet il-pożizzjoni tagħha u ċaħdet din it-talba għall-esklużjoni tal-prodott.

(155)

Il-Kummissjoni vvalutat l-asserzjonijiet u l-evidenza l-ġodda dwar l-eżenzjoni tal-użu aħħari tat-TiO2 tal-grad ta’ laminat fit-taqsima 7.3.4 hawn taħt.

2.1.3.2.2.   TiO2 ta’ purità ta’ 99,9 % jew aktar

(156)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessa (54) tar-Regolament proviżorju.

2.1.3.2.3.   TiO2 grafiku

(157)

Fil-preżentazzjoni tiegħu dwar ir-Regolament proviżorju u matul is-seduta ta’ smigħ, Flint ikkontesta l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar it-talba tiegħu għal eżenzjoni tal-użu aħħari għat-tip ta’ TiO2 li jintuża biss bħala pigment fil-produzzjoni tal-linek bojod fl-industrija tal-linka grafika (“TiO2 grafiku”).

(158)

Madankollu, Flint ma kkontestax il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar iċ-ċaħda tat-talba tiegħu għall-esklużjoni tal-prodott. Fl-istess ħin, la Siegwerk u lanqas Sun Chemical ma pprovdew evidenza addizzjonali għal dik li diġà ġiet ipprovduta minn Flint li tkun teħtieġ l-evalwazzjoni mill-ġdid tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad it-talba għall-esklużjoni tal-prodott.

(159)

B’hekk, il-Kummissjoni żammet il-pożizzjoni tagħha li t-TiO2 grafiku ma għandux karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi differenti meta mqabbel ma’ tipi oħra ta’ TiO2 biex jiġi eskluż mill-ambitu tal-prodott. Barra minn hekk, il-partijiet interessati naqsu milli juru li l-applikazzjoni ta’ fatturi oħra aktar rilevanti minn dawk ikkunsidrati mill-Kummissjoni meta ddefiniet il-prodott ikkonċernat kienet tirrikjedi li d-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat tiġi ristretta billi jiġi eskluż it-TiO2 grafiku. Barra minn hekk, it-TiO2 tal-grad ta’ laminat jaqa’ fid-definizzjoni tal-prodott mogħtija fil-premessa (21) tar-Regolament proviżorju u l-partijiet interessati ma pprovdew l-ebda evidenza li turi li din is-subkategorija ta’ TiO2 importat mir-RPĊ mhijiex f’kompetizzjoni ma’ xi prodott ieħor disponibbli fis-suq tal-Unjoni.

(160)

Il-Kummissjoni vvalutat l-asserzjonijiet u l-evidenza l-ġodda dwar l-eżenzjoni tal-użu aħħari tat-TiO2 grafiku fit-taqsima 7.3.5 hawn taħt.

3.   DUMPING

(161)

Wara d-divulgazzjoni proviżorja, produttur esportatur wieħed fil-kampjun, LB Group, l-ilmentatur u wieħed mill-utenti, Akzo Nobel, ikkummentaw dwar is-sejbiet proviżorji tad-dumping.

3.1.   Valur normali

(162)

Id-dettalji tal-kalkolu tal-valur normali ġew stabbiliti fil-premessi (80) sa (242) tar-Regolament proviżorju.

3.2.   Sorsi użati biex jiġu stabbiliti l-kostijiet u l-parametri referenzjarji

(163)

Wara d-divulgazzjoni proviżorja, LB qajjem kummenti dwar il-parametri referenzjarji użati għall-kostijiet lavorattivi, tal-ilmenit, tat-trab tal-ħadid, u tal-SGA.

(164)

Rigward l-ilmenit, LB innota li l-parametru referenzjarju tal-ilmenit tal-proċess tas-sulfat (“ilmenit SP”, sulphate process ilmenite) kien il-prezz CIF (cost, insurance and freight) medju kif stabbilit minn Fastmarkets. LB ikkunsidra li filwaqt li Fastmarkets jirreferi għall-prezz tal-ilmenit SP b’kontenut ta’ TiO2 bejn 47-49 %, l-ilmenit SP li LB akkwistat domestikament kellu kontenut aktar baxx ta’ TiO2. Konsegwentement, LB argumenta li ma jkunx raġonevoli li jintuża l-valur referenzjarju ta’ Fastmarkets għall-konsum tal-ilmenit SP ta’ LB.

(165)

L-ewwel nett, u kif stabbilit fil-premessa (228) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni użat il-prezzijiet irrapportati fuq TZMI (u mhux Fastmarkets) bħala bażi għall-prezzijiet mingħajr distorsjoni tal-minerali u l-konċentrati tat-titanju, inkluż l-ilmenit SP. TZMI hija pjattaforma internazzjonali tal-industrija tat-titanju rikonoxxuta b’mod wiesa’ (fatt mhux ikkontestat mill-partijiet interessati matul dawn il-proċedimenti) li tinkludi data preċiża u frammentata biżżejjed li tippermetti lill-Kummissjoni ssib parametri referenzjarji xierqa għal minerali u konċentrati tat-titanju użati fid-diversi proċessi tal-produzzjoni użati mill-esportaturi produtturi tat-TiO2. Il-parametru referenzjarju tal-ilmenit SP kif rifless fuq TZMI kopra l-ilmenit SP b’firxa estensiva tal-kontenut tat-TiO2. L-entitajiet produtturi ta’ LB li jużaw l-ilmenit SP użawh b’mod invarjabbli fil-proċess tal-produzzjoni tal-ilmenit SP b’kontenut ta’ TiO2 taħt is-47 % u għalhekk fil-limitu baxx tal-firxa tal-konċentrazzjoni tat-TiO2 stabbilita għall-ilmenit SP. Kunsiderazzjonijiet simili kienu japplikaw għall-ilmenit SP akkwistat domestikament mill-grupp Anhui Gold Star. Minħabba li l-ilmenit SP b’kontenut aktar baxx ta’ TiO2 huwa ġeneralment inqas għali mill-ilmenit tal-proċess tal-klorur (“ilmenit CP”, chloride process ilmenite) b’kontenut ogħla ta’ TiO2, kien raġonevoli li jiġi aġġustat il-parametru referenzjarju tal-ilmenit SP għall-produtturi esportaturi Ċiniżi li jużaw il-limitu baxx tal-firxa tal-prezzijiet stabbilita f’Fastmarkets għall-PI. B’riżultat ta’ dan, il-valur referenzjarju aġġustat użat għall-ilmenit SP kien ta’ CNY 2 467/tunnellata.

(166)

Fir-rigward tal-użu tal-parametru referenzjarju għat-trab tal-ħadid, LB sostna li jenħtieġ li jiġu esklużi l-importazzjonijiet Brażiljani ta’ mill-inqas it-trab tal-ħadid ta’ wieħed mill-kodiċijiet tal-komoditajiet għar-raġuni li dawn jiġu eseġerati meta mqabbla mal-kost reali mġarrab mill-entitajiet produtturi ta’ LB u għar-raġuni li jkopru tip speċjali (u għalhekk aktar għali) ta’ trab tal-ħadid mhux użat fil-proċess tal-produzzjoni ta’ LB.

(167)

Kif deskritt fit-Tieni Nota dwar is-sorsi u fil-premessa (225) tar-Regolament proviżorju, biex jiġi stabbilit il-prezz mingħajr distorsjoni tal-materja prima (inkluż it-trab tal-ħadid), intuża bħala bażi l-prezz medju ponderat tal-importazzjoni lejn il-Brażil kif irrapportat fil-GTA fid-data tal-livell tariffarju nazzjonali, li miegħu żdiedu d-dazji tal-importazzjoni u l-kostijiet tat-trasport. Biex jintlaħaq parametru referenzjarju xieraq tat-trab tal-ħadid, il-prezz medju ponderat tal-importazzjonijiet ikklassifikati skont id-diversi kodiċijiet tal-komoditajiet li jkopru t-trab tal-ħadid ġie ddeterminat biex jitnaqqas l-impatt ta’ kwalunkwe prezz potenzjalment anormali fit-tarf l-aktar baxx u ogħli tal-firxa tat-trab tal-ħadid u biex jiġi żgurat li l-prezz ta’ dan l-input jirrifletti taħlita ta’ kwalitajiet differenti, b’mod partikolari fin-nuqqas ta’ kwalunkwe informazzjoni aktar dettaljata dwar il-kompożizzjoni tal-input inkwistjoni. F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma osservat l-ebda ċirkostanza speċifika li tagħmel mhux rappreżentattiv jew mhux xieraq il-parametru referenzjarju tat-trab tal-ħadid kif użat għar-Regolament proviżorju. Jiġi nnotat ukoll li filwaqt li l-parametru referenzjarju użat għat-trab tal-ħadid jista’ jkun ogħla meta mqabbel mal-kostijiet domestiċi reali fiċ-Ċina, minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti f’konformità mal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, tali prezz domestiku ma jistax jitqies bħala affidabbli u illustrattiv ta’ dak li jenħtieġ li jkun il-valur referenzjarju. Barra minn hekk, LB ma ressaq l-ebda evidenza speċifika (la bi tweġiba għat-Tieni Nota, u lanqas bi tweġiba għad-divulgazzjoni proviżorja) rigward it-trab tal-ħadid użat mill-grupp LB, jew il-kodiċijiet speċifiċi tal-komoditajiet li dak il-prodott jaqa’ taħthom meta jitqiesu l-importazzjonijiet Brażiljani, kif rifless fil-GTA. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-asserzjoni.

(168)

Bi tweġiba għad-divulgazzjoni proviżorja, LB sostna li l-parametru referenzjarju għax-xogħol kien minfuħ minħabba kalkolu ħażin tal-imposti soċjali u l-użu mill-Kummissjoni tar-rata tal-kambju fis-seħħ matul il-PI aktar milli r-rati applikabbli fl-2021, il-perjodu li miegħu hija relatata d-data għall-parametru referenzjarju tax-xogħol. Barra minn hekk, LB argumenta li jenħtieġ li l-valur referenzjarju tal-kost lavorattiv iqis id-differenzi reġjonali fis-salarji madwar iċ-Ċina. Dawn l-argumenti kienu rripetuti wara d-divulgazzjoni finali. L-ewwel nett, huwa mfakkar li, f’konformità mal-premessi (231)-(232) tar-Regolament proviżorju, filwaqt li l-istatistika dwar il-pagi fis-settur rilevanti tal-attività għall-2021 intużat bħala bażi għall-kalkolu, il-valuri ġew indiċjati mal-PI. Għaldaqstant, ir-rata ta’ konverżjoni għall-PI ġiet applikata għall-kost lavorattiv stabbilit għall-PI. It-tieni, id-differenzi reġjonali fiċ-Ċina fir-rigward tal-kost lavorattiv ma għandhom l-ebda effett fuq id-determinazzjoni tal-valur referenzjarju tal-kost lavorattiv f’każijiet li fihom japplika l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku u meta nstabet l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti, fost oħrajn, fir-rigward tal-kost lavorattiv. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni pproċediet f’konformità mal-metodoloġija użata b’mod konsistenti fil-prattika deċiżjonali tagħha. Bil-ħsieb ta’ dan ta’ hawn fuq, ġie miċħud l-argument ta’ LB.

(169)

Wara d-divulgazzjoni proviżorja, Akzo Nobel tenniet l-argument tagħha li diġà tqajjem wara l-Ewwel u t-Tieni Nota, li l-prezz tal-GTA għall-aċidu sulfuriku ma jistax jitqies bħala rappreżentattiv. L-asserzjoni tal-utent ġiet miċħuda għar-raġunijiet deskritti fil-premessi (220) sa (223) tar-Regolament proviżorju. Barra minn hekk, huwa mfakkar li l-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi ma kkontesta r-rappreżentattività tal-parametru referenzjarju tal-aċidu sulfuriku f’dan il-proċediment.

3.2.1.   Sorsi użati biex jiġu stabbiliti l-ammonti raġonevoli u mingħajr distorsjoni għall-kostijiet SGA u għall-profitt

(170)

Minbarra l-kostijiet SGA tal-produttur rappreżentattiv (Tronox Brazil) fil-pajjiż rappreżentattiv, LB sostna li jenħtieġ li l-kostijiet tal-bejgħ ta’ Tronox Brazil, ikkunsidrati għall-kostruzzjoni tal-valur normali, jitnaqqsu bl-ammont tal-kostijiet tat-trasport, identifikabbli mir-rapport annwali awditjat ta’ Tronox Brazil. Skont LB, dan l-aġġustament jiżgura li l-prezz tal-esportazzjoni mill-fabbrika jitqabbel mal-valur normali mill-fabbrika. Wara eżami dettaljat tar-rapport annwali ta’ Tronox Brazil u t-tqassim tal-entrati individwali tal-kostijiet SGA fir-rapport, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li jkun raġonevoli li jiġi konkluż li l-kostijiet tat-trasport (Fretes / Transportes de Cargas), kif elenkati fir-rapport, kienu jikkostitwixxu parti mill-kostijiet tal-bejgħ.

(171)

Bħala konklużjoni, l-SGA ta’ Tronox Brażil, użat fil-kostruzzjoni tal-valur normali ġie aġġustat minn 5,9 % għal 4,24 %.

3.2.2.   Prezz tal-esportazzjoni

(172)

Id-dettalji tal-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni ġew stabbiliti fil-premessi (243) sa (246) tar-Regolament proviżorju.

(173)

Bi tweġiba għall-kummenti ta’ LB, il-Kummissjoni aċċettat asserzjoni dwar it-tibdil tal-bażi biex isiru aġġustamenti għall-kostijiet SGA u għall-profitt nozzjonali skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku għall-kummerċjant tar-Renju Unit (“BEL UK”) meta jġarrab kostijiet li normalment jinġarbu minn importatur.

3.2.3.   Tqabbil

(174)

Il-Kummissjoni tfakkar li l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku jirrikjedi li l-Kummissjoni tagħmel paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni fl-istess livell ta’ kummerċ u li tagħmel eċċezzjonijiet għad-differenzi fil-fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet. Fil-każ inkwistjoni, il-Kummissjoni għażlet li tqabbel il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun fil-livell tal-kummerċ mill-fabbrika. Kif imfakkar hawn taħt, meta xieraq, il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni ġew aġġustati sabiex: (i) jiġu lura netti għal-livell mill-fabbrika; u (ii) isiru eċċezzjonijiet għal differenzi fil-fatturi li ġew sostnuti, u murija, li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet.

(175)

Kif ġie spjegat fil-premessi (239)-(242) tar-Regolament proviżorju, il-valur normali ġie stabbilit fil-livell ta’ kummerċ mill-fabbrika bl-użu tal-kostijiet tal-produzzjoni flimkien mal-ammonti għall-SGA u għall-profitt, li tqiesu bħala raġonevoli għal dak il-livell ta’ kummerċ. Kif ġie spjegat fil-premessi (170)-(171), fid-dawl ta’ evidenza pożittiva li r-rata tal-kost SGA użata biex jiġi stabbilit ammont raġonevoli tal-kost SGA fil-livell ta’ kummerċ mill-fabbrika kien fiha elementi li ma jappartjenux għal dak il-livell ta’ kummerċ, ir-rata SGA ġiet aġġustata għall-elementi rilevanti. L-ebda aġġustament ieħor ma tqies li kien meħtieġ biex il-valur normali jiġi lura nett għal-livell mill-fabbrika.

(176)

Il-Kummissjoni ma sabet l-ebda raġuni biex tagħmel xi eċċezzjonijiet għall-valur normali (ħlief għall-aġġustament tal-VAT spjegat fil-premessa (249) tar-Regolament proviżorju), u lanqas ma ġew sostnuti tali eċċezzjonijiet minn xi wieħed mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun.

(177)

Sabiex il-prezz tal-esportazzjoni jiġi lura nett għal-livell ta’ kummerċ mill-fabbrika, saru aġġustamenti fuq il-kont tat-trasport, il-kostijiet tal-ħażna, l-assigurazzjoni, il-maniġġ u t-tagħbija kif ukoll id-dazji doganali. Saru eċċezzjonijiet għall-fatturi li ġejjin li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet: il-kummissjoni, il-kostijiet tal-kreditu u t-tariffi bankarji.

(178)

Rigward l-aġġustament għall-kummissjonijiet skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku, LB argumenta li aġġustament ’l isfel tal-prezz tal-esportazzjoni ta’ LB HK (meta jbigħ lil klijenti mhux relatati tal-Unjoni) u aġġustament ’l isfel doppju tal-prezz tal-esportazzjoni tal-kummerċjant relatat tar-Renju Unit (“UK”) (“BEL UK”) (anki meta jinbiegħ lil klijenti mhux relatati) huwa illegali u fi kwalunkwe każ eċċessiv.

(179)

F’aktar dettall, LB sostna li l-Kummissjoni trid turi li l-aġġustamenti li saru huma meħtieġa biex jagħmlu l-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni komparabbli (b’referenza f’dan il-kuntest għal tnaqqis ta’ ċerti kostijiet SGA tal-kummerċjanti relatati li ma jitnaqqsux mill-valur normali). Skont LB, il-Kummissjoni ma spjegatx għaliex il-fatt li l-irfigħ tar-responsabbiltà għall-proċess tal-bejgħ, l-irfigħ tar-riskji kummerċjali jew ir-riċeviment ta’ marġni kummerċjali kif stabbilit fir-Regolament proviżorju jrendi l-funzjonijiet tal-kummerċjanti ta’ LB simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq bażi ta’ kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku. Wara d-divulgazzjoni finali, LB sostna li l-Kummissjoni ma eżaminatx jekk il-kummerċjanti ta’ LB jifformawx entità ekonomika waħda mal-entitajiet tal-produzzjoni Ċiniżi jew humiex dipartimenti interni tal-kummerċ tal-esportazzjoni.

(180)

L-ewwel nett, kif stabbilit fil-premessa (252) tar-Regolament proviżorju, l-aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) huwa ġġustifikat, peress li l-kummerċjanti refgħu r-responsabbiltà għall-proċess tal-bejgħ u r-riskji kummerċjali assoċjati miegħu u rċevew marġni kummerċjali għall-bejgħ.

(181)

Jidher ċar mill-informazzjoni pprovduta minn LB u vverifikata mill-Kummissjoni li l-kummerċjanti relatati jwettqu funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq bażi ta’ kummissjonijiet. Fil-fatt, LB stess jikkonċedi li l-kummerċjanti relatati tiegħu jwettqu funzjonijiet ta’ bejgħ għall-esportazzjoni. Huma jikkummerċjalizzaw il-prodotti, jiffaċilitaw il-kuntratti, jiżguraw l-iskambju ta’ muniti u l-ġestjoni tar-riskju, jieħdu ħsieb il-kuntatti ma’ klijenti eżistenti u potenzjali, jagħmlu l-arranġamenti loġistiċi, jiġġestixxu d-dokumentazzjoni legali, jissolleċitaw, u jirċievu l-ordnijiet u jinnegozjaw il-bejgħ, joħorġu fatturi, u jassumu riskji kummerċjali korrispondenti. LB stess ikkonċeda li l-kummerċjanti relatati tiegħu jwettqu funzjonijiet ta’ bejgħ għall-esportazzjoni. Bi skambju għat-twettiq ta’ dawn il-funzjonijiet, iż-żewġ kummerċjanti rċevew marġni kummerċjali. LB naqas milli jispjega għaliex dawn il-funzjonijiet ikunu differenti minn dawk il-funzjonijiet u ma jkunux simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq bażi ta’ kummissjonijiet. Għalhekk, għall-kuntrarju tal-asserzjoni li saret minn LB wara d-divulgazzjoni definittiv, il-Kummissjoni pprovdiet indizji konsistenti li juru li l-kummerċjanti ta’ LB wettqu funzjonijiet komparabbli ma’ dawk ta’ aġent li jaħdem fuq bażi ta’ kummissjoni. Barra minn hekk, il-valutazzjoni ta’ hawn fuq tindika li l-Kummissjoni ma tqisx lill-kummerċjanti ta’ LB bħala entità ekonomika waħda mal-entitajiet tal-produzzjoni. Fi kwalunkwe każ, LB ma ressaq l-ebda evidenza biex jissostanzja tali asserzjoni u lanqas ma talab formalment qabel l-adozzjoni tal-miżuri proviżorji t-trattament ta’ entità ekonomika waħda għal xi wieħed mill-kummerċjanti ta’ LB. Il-Kummissjoni tfakkar li f’termini tal-oneru tal-provi, “meta l-Kummissjoni tkun ippreżentat indizji konsistenti sabiex tistabbilixxi li operatur tas-suq affiljat ma’ produttur iwettaq funzjonijiet komparabbli ma’ dawk ta’ aġent li jaħdem fuq bażi ta’ kummissjoni, huwa dak l-operatur tas-suq jew dak il-produttur li għandu jippreżenta evidenza li aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku mhuwiex iġġustifikat” (18). Fi kliem ieħor, hija r-responsabbiltà ta’ LB li jargumenta u jissostanzja li dawn jifformaw entità ekonomika waħda. LB naqas milli jagħmel dan.

(182)

F’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (19), l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku ma jkoprix biss ir-relazzjonijiet tal-aġenzija kummerċjali fis-sens strett tagħhom. Għall-kuntrarju, l-aġġustament skont id-dispożizzjoni msemmija huwa previst ukoll fir-rigward tal-marġni kummerċjali riċevuta anki jekk il-partijiet ma jaġixxux fuq il-bażi ta’ relazzjoni prinċipali-aġent iżda jiksbu l-istess riżultat billi jaġixxu bħala bejjiegħ u xerrej (li huwa l-każ hawnhekk). L-entitajiet produtturi ta’ LB u l-kummerċjanti relatati tagħhom jaġixxu bħala bejjiegħ u xerrej. Il-kummerċjanti jixtru l-prodott ikkonċernat u sussegwentement ibigħuh mill-ġdid, u jirċievu marġni kummerċjali. Tali marġni kummerċjali huwa rikonoxxut b’mod espliċitu mill-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku bħala forma ta’ “kummissjoni”. Dan it-trasferiment tas-sjieda lill-kummerċjanti relatati neċessarjament jimplika trasferiment ta’ riskji kummerċjali, madankollu ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku.

(183)

B’referenza għall-profitt nozzjonali ta’ 6,89 % kif iġġenerat minn importaturi mhux relatati għal prodott kimiku ieħor (PVA, polyvinyl alcohol) u użat f’din l-investigazzjoni biex jiġi stabbilit prezz tal-esportazzjoni affidabbli (ara l-premessi (246) u (252) tar-Regolament proviżorju), LB sostniet wara d-divulgazzjoni proviżorju u dik finali li LB HK ma jwettaqx funzjonijiet li huma tipiċi għal importatur. Għalhekk, LB ma jqisx li parametru referenzjarju ta’ importatur jirrifletti marġni ta’ profitt li LB HK jista’ jkun mistenni li jikseb. Skont LB, l-aktar l-aktar jista’ jsir aġġustament għall-profitt reali ta’ LB HK għall-involviment ta’ LB HK fil-bejgħ lill-Unjoni.

(184)

Akzo Nobel argumentat bl-istess mod li l-marġni ta’ profitt imnaqqas ta’ 6,89 % għal kull entità ta’ negozjar huwa eċċessiv u jenħtieġ li jkun limitat għal total ta’ 6,89 % irrispettivament minn kemm huma involuti kummerċjanti jew mill-inqas, il-Kummissjoni għandha tuża marġni ta’ profitt ta’ 5 % użat preċedentement fir-Regolamenti tal-Kummissjoni mill-2007 u l-2014 u li jikkonċerna l-industrija tal-kimika (20).

(185)

L-ewwel nett, l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku jagħti lill-Kummissjoni l-għażla bejn l-użu tal-marġni ta’ profitt reali tal-importatur relatat u l-użu ta’ marġni ta’ profitt nozzjonali, bl-uniku obbligu jkun li l-marġni jrid ikun raġonevoli. Bl-applikazzjoni tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku b’analoġija għall-Artikolu 2(10)(i), tqies xieraq li jintuża marġni ta’ profitt raġonevoli bħala bażi għat-tnaqqis skont id-dispożizzjoni msemmija, biex jiġi evitat kwalunkwe effett ta’ distorsjoni li jista’ jirriżulta minn arranġamenti interni bejn il-produttur esportatur u l-kummerċjanti relatati.

(186)

LB ma jikkontestax li kemm LB HK kif ukoll BEL UK: (i) jaġixxu bħala kummerċjanti; (ii) iġarrbu kostijiet rilevanti bħala tali; (iii) jirċievu marġni kummerċjali minħabba l-funzjonijiet li jwettqu; u (iv) jiġġeneraw profitt. Lanqas mhuwa kkontestat li ż-żewġ kummerċjanti huma relatati mal-produttur. Għalhekk, f’konformità mal-prattika konsistenti tagħha kkonfermata mill-Qorti Ġenerali, (21) il-Kummissjoni applikat l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku b’analoġija u użat il-kostijiet SGA u marġni ta’ profitt nozzjonali bbażat fuq il-profitt miksub minn kummerċjant/importatur mhux relatat.

(187)

Rigward il-kwantifikazzjoni tal-aġġustament, dak li jgħodd huwa l-impatt tar-rwol tal-kummerċjant relatat fuq il-prezz tal-esportazzjoni. Il-kwistjoni hija dwar xi jkun il-prezz reali tal-esportazzjoni abbażi ta’ relazzjoni distakkata bejn l-esportatur u l-kummerċjant (22). Mhuwiex ikkontestat li kemm LB HK kif ukoll BEL UK aġixxew bħala kummerċjanti għal LB. Minn dan isegwi li marġni tal-profitt ta’ kummerċjant/importatur mhux relatat huwa parametru referenzjarju raġonevoli għall-aġġustamenti. Fi kliem ieħor, kieku LB HK u BEL UK kienu indipendenti minn LB, u t-tranżazzjonijiet bejnhom u LB saru b’mod distakkat, huwa raġonevoli li jiġi preżunt li, minbarra li jkopru l-kostijiet SGA tagħhom, kienu jimponu fuq LB ammont ekwivalenti għal profitt nominali li kummerċjant/importatur li jaġixxi f’din l-industrija jistenna li jiġġenera. LB naqas milli jispjega għaliex dan ma kienx ikun il-każ għal LB HK, speċjalment peress li LB ma jikkontestax li LB HK taġixxi bħala kummerċjant, tiġi remunerata għal dan fil-forma ta’ marġni kummerċjali u tiġġenera profitt. L-użu tal-profitt reali ta’ LB HK, kif irrakkomandat minn LB, mhuwiex xieraq minħabba r-relazzjoni bejn il-produttur u l-kummerċjant, li taffettwa dak l-ammont ta’ profitt. Barra minn hekk, il-marġni ta’ profitt użat huwa relatat ma’ investigazzjoni relattivament reċenti, aktar milli ma’ informazzjoni li hija skaduta u li toriġina mill-2014 jew saħansitra mill-2007 (kif ippreżentata minn Akzo Nobel). Barra minn hekk, xejn fl-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli tapplika aġġustamenti suċċessivi jekk ikunu involuti kummerċjanti suċċessivi, li l-involviment tagħhom, li kieku kien ibbażat fuq tranżazzjonijiet distakkati, kien jaffettwa l-prezz tal-esportazzjoni skont dan. Għalhekk huwa meħtieġ li jsiru l-aġġustamenti sabiex jitneħħew il-fatturi li jaffettwaw il-komparabbiltà tal-prezzijiet bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni. Konsegwentement, kellu jiġi miċħud l-argument ta’ LB u ta’ Akzo Nobel.

(188)

Bi tweġiba għad-divulgazzjoni proviżorja kif ukoll għad-divulgazzjoni finali, LB argumenta li għall-involviment ta’ BEL UK fil-bejgħ lill-UE, minflok marġni ta’ profitt ta’ importatur mhux relatat stabbilit fl-investigazzjoni tal-PVA (6,89 %) jenħtieġ li tintuża bażi differenti. Jiġifieri, LB argumenta li l-aġġustament għall-“profitt raġonevoli” ta’ BEL UK rigward il-bejgħ lill-UE, jenħtieġ li jkun ibbażat fuq il-marġni medjan ta’ profitt stabbilit minn ditta professjonali ta’ parti terza fi studju ta’ valutazzjoni komparattiva li janalizza l-marġnijiet tal-profitt fuq diversi snin għal diversi kumpaniji li jwettqu funzjonijiet simili għal BEL UK. Skont il-preżentazzjoni ta’ LB wara d-divulgazzjoni finali, dak li jgħodd huma l-funzjonijiet imwettqa u mhux il-prodotti li qed jinbiegħu. LB argumenta wkoll li n-nuqqas mill-Kummissjoni li tqabbel l-attivitajiet ta’ BEL ma’ dawk tal-importatur tal-PVA u l-fatt li ntużata biss data minn sors wieħed u minn aktar minn 4 snin ilu rrendiet mhux raġonevoli l-parametru referenzjarju tal-Kummissjoni.

(189)

Kif stabbilit fil-premessa (185) hawn fuq, meta tagħmel aġġustamenti skont l-Artikolu 2(9) u l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku rispettivament, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa bejn l-għażla tal-marġni ta’ profitt reali tal-importatur relatat u marġni ta’ profitt nozzjonali, bl-uniku obbligu jkun li l-marġni jrid ikun raġonevoli għal kummerċjant/importatur li jagħmel kummerċ tal-prodott ikkonċernat jew prodotti simili. Barra minn hekk, hija prattika konsistenti tal-Kummissjoni li tuża marġni ta’ profitt ibbażat fuq il-profitt miksub minn importatur mhux relatat, kemm għall-finijiet tal-Artikolu 2(9) jew 2(10)(i) tar-Regolament bażiku. Filwaqt li l-funzjonijiet imwettqa (jiġifieri n-negozju tal-importazzjoni) huma kunsiderazzjoni ewlenija fl-għażla tal-parametru referenzjarju għal profitt raġonevoli, huwa daqstant importanti għall-Kummissjoni li tidentifika importaturi attivi fl-istess industrija (jekk mhux l-istess prodott). Barra minn hekk, id-data dwar il-profitt għall-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun tal-PVA ġiet prodotta għall-finijiet ta’ investigazzjoni tad-difiża tal-kummerċ u ġiet ivverifikata kif xieraq u vverifikata mill-Kummissjoni. Anki jekk il-profitt użat huwa minn 4 sena ilu, dan ma jagħmilx il-parametru referenzjarju mhux raġonevoli. Fi kwalunkwe każ, LB naqas milli jispjega għaliex dan ikun il-każ. Id-dokument imsemmi minn LB Group huwa rapport intern, maħruġ speċifikament għal LB, li jkopri wkoll kumpaniji minn setturi għajr is-settur kimiku u li jqis kumpaniji wkoll bi profitti negattivi, li kollha jimminaw il-prinċipju ta’ raġonevolezza applikat mill-Kummissjoni fl-għażla tal-profitt nozzjonali. Barra minn hekk, filwaqt li fittex li jbaxxi l-marġni ta’ profitt u b’hekk il-marġni tad-dumping tiegħu, LB fl-ebda punt ma spjega b’mod sostanzjat għaliex il-marġni ta’ profitt misjub f’investigazzjoni reċenti u effettivament iġġenerat minn kummerċjant ta’ prodotti kimiċi jenħtieġ li jitqies li mhux raġonevoli. Għalhekk, ġie miċħud l-argument ta’ LB Group.

(190)

Wara d-divulgazzjoni finali, LB argumenta li, qabel ma l-Kummissjoni tkun tista’ taġġusta l-marġni kummerċjali skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku, hija taħt l-obbligu li turi li l-marġni kummerċjali huwa affettwat (jiġifieri mhux distakkat) mir-relazzjoni bejn il-kummerċjanti ta’ LB minn naħa waħda u l-entitajiet tal-produzzjoni ta’ LB min-naħa l-oħra. Barra minn hekk, skont LB, jenħtieġ li kwalunkwe aġġustament għall-marġni kummerċjali jitfassal apposta għall-funzjonijiet imwettqa minn dawn l-entitajiet u, għalhekk, ikun marbut mal-ispejjeż li ġarrbu. LB sostna wkoll b’referenza għall-metodoloġija użata fil-Linji Gwida tal-OECD dwar l-Ipprezzar tat-Trasferimenti li jsir b’mod distakkat il-marġni kummerċjali ta’ LB HK u ta’ BEL.

(191)

Kif stabbilit fil-premessa (187), il-profitt reali ġġenerat mill-kummerċjanti ta’ LB huwa affettwat mir-relazzjoni mal-entitajiet produtturi ta’ LB. Fil-fatt, kif ikkonfermat f’Çolakoğlu, il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, li skontu “f’każijiet fejn jidher li l-prezz tal-esportazzjoni ma huwiex affidabbli minħabba assoċjazzjoni jew arranġament kumpensatorju bejn l-esportatur u l-importatur jew parti terza, il-prezz tal-esportazzjoni jista’ jinbena fuq il-bażi tal-prezz li bih il-prodotti importati jinbiegħu mill-ġdid għall-ewwel darba lil xerrej indipendenti” jrid ikun jista’ jiġi applikat ukoll meta jikkwantifika l-ammont ta’ kummissjoni li għandu jitnaqqas mill-prezz tal-esportazzjoni sabiex ma jiġix imċaħħad l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku mill-effett prattiku tiegħu (23). B’hekk, il-profitt reali ġġenerat ma jirriflettix ir-remunerazzjoni xierqa għas-servizz mogħti fuq bażi ta’ distakkament. Issir referenza wkoll għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni stabbilita fil-premessi (185)-(189). Rigward il-korrelazzjoni bejn l-għadd ta’ funzjonijiet imwettqa u l-aġġustament tal-marġni kummerċjali li għandu jsir, ir-Regolament bażiku ma jipprekludix lill-Kummissjoni milli tapplika l-istess aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) għall-kummerċjanti li jwettqu servizzi fi gradi li jvarjaw. il-kummerċjanti ta’ LB mhumiex meħtieġa jwettqu l-istess funzjonijiet jew firxa ta’ funzjonijiet. Il-fatt li r-rwol ta’ LB HK f’ċerti każijiet (pereżempju fil-bejgħ mill-ġdid lil BEL, aktar milli direttament lill-klijenti mhux relatati) huwa aktar limitat ma jinvalidax l-applikazzjoni tal-istess profitt nozzjonali kemm għal LB HK kif ukoll għal BEL, dment li ż-żewġ kummerċjanti jwettqu funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq bażi ta’ kummissjoni (li huwa l-każ). Fl-aħħar nett, jiġi nnotat li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni f’dan il-każ mhijiex ibbażata fuq xi linji gwida tal-OECD, użati għal finijiet ta’ tassazzjoni, aktar milli fuq l-investigazzjonijiet tad-difiża tal-kummerċ. Għalhekk, ġiet miċħuda l-asserzjoni.

(192)

Fir-rigward tal-aġġustament tal-VAT fil-kostruzzjoni tal-valur normali, LB argumenta li l-Kummissjoni ħalliet barra l-bażi legali għall-aġġustament u naqset milli tipprovdi evidenza jew spjegazzjoni dwar għaliex kien meħtieġ li tiġi żgurata l-komparabbiltà tal-prezzijiet. LB sostniet mill-ġdid wara d-divulgazzjoni finali li l-Kummissjoni naqset milli turi evidenza b’appoġġ għall-aġġustament li sar. L-ewwel nett, kif isegwi mir-Regolament proviżorju, jiġifieri t-Taqsima 3.6, l-aġġustament tal-VAT isir skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku (b’mod aktar speċifiku l-Artikolu 2(10)(k)). Il-Kummissjoni kompliet telabora dwar l-aġġustament u pprovdiet ir-raġunament tagħha fit-Taqsima 4.3.6 tal-Anness 2 (intitolata “Kalkoli tad-dumping u informazzjoni dwar il-metodoloġija użata”) tad-dokument ta’ divulgazzjoni minn qabel. L-aġġustament isir għal differenza fir-rifużjoni tal-VAT bejn il-bejgħ domestiku u dak tal-esportazzjoni (hemm fis-seħħ rifużjoni żero tal-VAT pagabbli fuq il-bejgħ tal-esportazzjoni). Għalhekk, ġie miċħud l-argument ta’ LB.

3.2.4.   Marġnijiet tad-dumping

(193)

Kif deskritt fil-premessi (164), (171) u (173), wara l-asserzjonijiet mill-partijiet interessati, il-Kummissjoni rrevediet il-marġnijiet tad-dumping.

(194)

B’segwitu għar-Regolament proviżorju, l-ilmentatur ippreżenta li billi sab marġni tad-dumping proviżorju aktar baxx għal Anhui Gold Star, dan wera li Anhui biegħ it-TiO2 bi prezzijiet konsiderevolment ogħla fis-suq domestiku meta mqabbel ma’ LB.

(195)

Jiġi nnotat li l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku japplika f’dan il-każ u li b’mod korrispondenti l-valur normali għall-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun ma jiġix ikkalkulat b’referenza għall-prezzijiet domestiċi fiċ-Ċina, iżda pjuttost fuq il-bażi tal-kostijiet tas-sostituzzjoni f’pajjiż rappreżentattiv (f’dan il-każ il-Brażil) skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

(196)

Barra minn hekk, l-ilmentatur staqsa dwar l-involviment tal-kumpaniji relatati kollha fl-investigazzjoni u jekk ir-relazzjoni bejn il-kumpaniji setax kellha impatt fuq il-kalkolu tal-marġni tad-dumping.

(197)

Hija prattika konsistenti tal-Kummissjoni li tikkunsidra u tirrifletti kif xieraq l-istruttura tal-kostijiet tal-kumpaniji esportaturi individwali inklużi fil-kampjun fid-determinazzjoni tal-bażi għall-valur normali, inkluż jekk u sa liema punt il-materja prima tiġi akkwistata minn partijiet terzi jew relatati jew manifatturata internament jew liema inputs inizjali jintużaw fil-manifattura tal-prodott ikkonċernat.

(198)

Fl-aħħar nett, l-ilmentatur fittex kjarifika dwar jekk id-dazji stabbiliti għall-Anhui Gold Star Group humiex se jiġu estiżi għal produtturi oħra tat-TiO2 ta’ grupp akbar tas-CNNC, li għalih jappartjeni Anhui. Kif stabbilit fil-premessa (199) ta’ dan ir-Regolament, id-dazju individwali ta’ 11,4 % huwa stabbilit għaż-żewġ produtturi esportaturi fil-grupp Anhui Gold Star (li huwa fil-fatt parti minn grupp korporattiv usa’ proprjetà ta’ CNNC HUA YUAN TITANIUM DIOXIDE CO., LTD), jiġifieri Anhui Gold Star Titanium Dioxide (Group) Co., Ltd. u ANHUI GOLD STAR TITANIUM DIOXIDE TRADING COMPANY LIMITED u ma jestendix għal produtturi esportaturi oħra, relatati jew le mal-imsemmija kumpaniji tal-grupp Anhui Gold Star.

(199)

Il-marġnijiet tad-dumping definittivi espressi bħala perċentwal tal-prezz fil-fruntiera tal-Unjoni tal-kost, assigurazzjoni u nol (CIF, cost, insurance and freight), bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Kumpanija

Marġni tad-dumping definittiv

il-grupp LB:

—

LB GROUP CO., LTD.

—

HENAN BILLIONS ADVANCED MATERIAL CO., LTD.

—

LB LUFENG TITANIUM INDUSTRY CO., LTD.

—

LB SICHUAN TITANIUM INDUSTRY CO., LTD.

—

LB XIANGYANG TITANIUM INDUSTRY CO., LTD.

32,3  %

il-grupp Anhui Gold Star:

—

Anhui Gold Star Titanium Dioxide (Group) Co., Ltd.

—

ANHUI GOLD STAR TITANIUM DIOXIDE TRADING COMPANY LIMITED

11,4  %

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

28,4  %

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

32,3  %

4.   DANNU

4.1.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(200)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, huma kkonfermati l-premessi (261) u (262) tar-Regolament proviżorju.

4.2.   Determinazzjoni tas-suq tal-Unjoni rilevanti

(201)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, huma kkonfermati l-premessi (263) sa (268) tar-Regolament proviżorju.

4.3.   Konsum tal-Unjoni

(202)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, huma kkonfermati l-premessi (266) sa (272) tar-Regolament proviżorju.

4.4.   Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

4.4.1.   Volum u sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

(203)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, huma kkonfermati l-premessi (273) sa (275) tar-Regolament proviżorju.

(204)

Is-CNCIA oġġezzjonat għas-sejbiet tal-Kummissjoni li t-tnaqqis fil-volumi tal-importazzjoni osservat fl-2021 kien dovut għal ċirkostanzi straordinarji relatati mat-tbaħħir internazzjonali, filwaqt li sostniet li l-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda evidenza f’dak ir-rigward. Is-CNCIA tenniet din l-asserzjoni fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali filwaqt li żiedet tgħid li f’xi investigazzjonijiet reċenti (24) l-volumi tal-importazzjoni miċ-Ċina lejn l-UE żdiedu drastikament fl-2021 u li l-volumi tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni żdiedu wkoll fl-2021.

(205)

Il-Kummissjoni fakkret li s-sena 2021 kienet affettwata minn tfixkil kbir fil-ktajjen tal-provvista internazzjonali minħabba l-għeluq tal-portijiet u n-nuqqas sussegwenti ta’ kontejners tat-tbaħħir, li żiedu wkoll il-kostijiet tat-tbaħħir fuq l-oċeani b’diversi ordnijiet ta’ kobor fl-2022, filwaqt li naqsu l-volumi tal-importazzjoni ta’ ħafna prodotti.

(206)

Il-Kummissjoni diġà waslet għal tali konklużjonijiet f’każijiet reċenti, (25) filwaqt li l-ilmentatur u Siegwerk esprimew ukoll l-istess pożizzjoni f’dan il-każ. Min-naħa l-oħra, is-CNCIA ma offriet l-ebda spjegazzjoni alternattiva għal dan it-tnaqqis fil-volum tal-importazzjonijiet, meta mqabbel mas-snin l-oħra kollha meta kienu qed jiżdiedu b’mod kostanti.

(207)

B’hekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-asserzjoni u kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha mill-premessi (276) u (277) tar-Regolament proviżorju.

4.4.2.   Prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat u twaqqigħ tal-prezz

(208)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, huma kkonfermati l-premessi (278) sa (281) tar-Regolament proviżorju.

(209)

Fil-kummenti tagħha dwar ir-Regolament proviżorju, AkzoNobel sostna li mhuwiex ċar mir-Regolament proviżorju jekk il-Kummissjoni kkonformatx mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tirrikjedi li l-Kummissjoni tikkalkula t-twaqqigħ tal-prezz u l-bejgħ taħt il-prezz fl-istess livell ta’ kummerċ (26).

(210)

F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni indikat il-premessa (283) tar-Regolament proviżorju, li fiha speċifikat li l-kalkoli saru fuq l-istess livell ta’ kummerċ kif ġie spjegat fil-premessi (247), (248) u (249) tar-Regolament proviżorju. Il-Kummissjoni wettqet ukoll sett alternattiv ta’ kalkoli, mingħajr l-aġġustament tal-SGA u tal-profitt għall-produtturi esportaturi skont l-Artikolu 2(9), u dawn urew ukoll marġnijiet sinifikanti ta’ twaqqigħ tal-prezz u ta’ bejgħ taħt il-prezz.

(211)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (282) u (283) tar-Regolament proviżorju.

(212)

AkzoNobel ma qabilx ukoll mal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-soppressjoni u t-tnaqqis tal-prezzijiet, billi sostna li l-Kummissjoni jenħtieġ li ssib li ma hemm l-ebda soppressjoni tal-prezzijiet jew tnaqqis fihom.

(213)

L-ewwel nett, AkzoNobel sostna li l-Kummissjoni kkonkludiet li hemm tnaqqis fil-prezzijiet “biss minħabba li l-prezzijiet naqsu b’4 % mill-2022 għall-[perjodu ta’ investigazzjoni]”, filwaqt li l-Kummissjoni “injorat li l-prezzijiet żdiedu b’35 % mill-2020 sal-2022, u b’31 % mill-2020 sal-[perjodu ta’ investigazzjoni].”

(214)

It-tieni, AkzoNobel jemmen li l-fatt li l-ilment ma kienx jallega l-eżistenza ta’ soppressjoni tal-prezzijiet jixħet dubju fuq il-konklużjoni tal-Kummissjoni li kien hemm soppressjoni tal-prezzijiet.

(215)

Fl-aħħar nett, AkzoNobel sostna li l-Kummissjoni fi kwalunkwe każ naqset milli tivvaluta l-forza ta’ spjegazzjoni tal-importazzjonijiet Ċiniżi għal kwalunkwe soppressjoni tal-prezzijiet, meħtieġa skont ir-regoli tad-WTO (27).

(216)

Il-Kummissjoni qieset l-asserzjonijiet ta’ hawn fuq minn AkzoNobel bħala infondati.

(217)

L-ewwel nett, sempliċement minħabba li l-ilment ma kienx jallega soppressjoni tal-prezzijiet, dan ma jfissirx li ma seħħitx tali soppressjoni tal-prezzijiet. Kif ġie spjegat fil-premessa (316) moqrija flimkien mal-premessi (308) u (285) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm soppressjoni tal-prezzijiet fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni minħabba t-trikkib ta’ diversi fatturi:

(a)

L-importazzjonijiet Ċiniżi kienu konsistentement ipprezzati taħt il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, u kienu qed jiżdiedu fil-volum f’kull sena tal-perjodu taħt kunsiderazzjoni (l-eċċezzjoni għat-tnejn li huma kienet l-2021 meta żdiedu l-kostijiet tat-tbaħħir u naqsu l-volumi tal-importazzjonijiet), li ħabat maż-żmien ta’

(b)

żieda fil-kostijiet tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni f’kull sena tal-perjodu taħt kunsiderazzjoni, filwaqt li

(c)

il-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni ma żdiedx bl-istess pass u għalhekk ma setgħux jikkumpensaw bis-sħiħ għal dawk iż-żidiet fil-kostijiet.

(218)

B’hekk, il-Kummissjoni sabet l-eżistenza ta’ suppressjoni tal-prezzijiet u vvalutat ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet Ċiniżi u s-soppressjoni tal-prezzijiet.

(219)

It-tieni, għall-kuntrarju tal-asserzjonijiet ta’ AkzoNobel, il-Kummissjoni ma kkonkludietx li kien hemm tnaqqis fil-prezzijiet fil-perjodu ta’ investigazzjoni biss minħabba li l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni naqsu bejn l-2022 u l-perjodu ta’ investigazzjoni.

(220)

Kif stabbilit fil-premessa (316) u fil-premessi (286), (308) u (309) tar-Regolament proviżorju, u fid-dawl tal-fatturi msemmija fil-premessa (217), il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm tnaqqis fil-prezzijiet minħabba li:

(a)

filwaqt li l-prezz tal-importazzjonijiet Ċiniżi żdied f’kull sena tal-perjodu taħt kunsiderazzjoni, fil-perjodu ta’ investigazzjoni l-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi naqsu f’daqqa u ġiegħlu lill-industrija tal-Unjoni tnaqqas il-prezzijiet tagħha biex iżżomm mill-inqas xi sehem mis-suq, filwaqt li

(b)

l-importazzjonijiet Ċiniżi żiedu s-sehem mis-suq.

(221)

B’hekk, il-Kummissjoni ċaħdet il-kummenti ta’ AkzoNobel bħala infondati u kkonfermat il-premessi (284) sa (286) tar-Regolament proviżorju.

4.5.   Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

4.5.1.   Kummenti ġenerali

(222)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, huma kkonfermati l-premessi (287) sa (291) tar-Regolament proviżorju.

4.5.2.   Indikaturi makroekonomiċi

4.5.2.1.   Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u użu tal-kapaċità

(223)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, huma kkonfermati l-premessi (292) sa (296) tar-Regolament proviżorju.

4.5.2.2.   Volum tal-bejgħ u sehem mis-suq

(224)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, huma kkonfermati l-premessi (297) sa (299) tar-Regolament proviżorju.

4.5.2.3.   Tkabbir

(225)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kummenti, hija kkonfermata l-premessa (300) tar-Regolament proviżorju.

4.5.2.4.   Impjiegi u produttività

(226)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, huma kkonfermati l-premessi (301) sa (303) tar-Regolament proviżorju.

4.5.2.5.   Daqs tal-marġni tad-dumping u rkupru minn dumping fil-passat

(227)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, huma kkonfermati l-premessi (304) u (305) tar-Regolament proviżorju.

4.5.3.   Indikaturi mikroekonomiċi

4.5.3.1.   Prezzijiet u fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet

(228)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, huma kkonfermati l-premessi (306) u (307) tar-Regolament proviżorju. Wara li indirizzat il-kummenti ta’ AkzoNobel dwar is-soppressjoni tal-prezzijiet u t-tnaqqis fihom fit-taqsima 4.4.2 hawn fuq, il-Kummissjoni kkonfermat il-premessi (308) u (309) tar-Regolament proviżorju.

4.5.3.2.   Kostijiet lavorattivi

(229)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, huma kkonfermati l-premessi (310) u (311) tar-Regolament proviżorju.

4.5.3.3.   Inventarji

(230)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, huma kkonfermati l-premessi (312) u (313) tar-Regolament proviżorju.

4.5.3.4.   Profittabilità, fluss ta’ flus, investimenti, redditu fuq l-investimenti u kapaċità li jiġi ġġenerat kapital

(231)

Il-Kummissjoni kkoreġiet żball klerikali fid-data rrapportata fit-Tabella 11 fir-Regolament proviżorju rigward il-fluss ta’ flus tal-industrija tal-Unjoni matul il-PI. Fil-fatt, il-fluss ta’ flus fil-PI kien ta’ EUR 42,3 miljun inqas minflok EUR 4,3 miljun inqas. Madankollu, iċ-ċifri indiċjati li juru x-xejra tal-fluss ta’ flus matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni kienu preċiżi fit-Tabella 11 tar-Regolament proviżorju.

(232)

Iċ-ċifra tal-fluss ta’ flus ikkoreġuta hija murija fit-tabella ta’ hawn taħt.

Tabella 11

Profittabbiltà, fluss ta’ flus, investimenti u redditu fuq l-investimenti

 

2020

2021

2022

Perjodu ta’ investigazzjoni

Profittabbiltà tal-bejgħ fl-Unjoni lil klijenti mhux relatati (% tal-fatturat mill-bejgħ)

7,9  %

9,8  %

5,1  %

–11,7  %

Indiċi

100

125

65

- 148

Fluss ta’ flus (EUR)

92 461 606

124 892 941

3 767 112

-42 293 138

Indiċi

100

135

4

-46

Investimenti (EUR)

37 870 922

36 314 534

39 542 712

43 030 210

Indiċi

100

96

104

114

Redditu fuq l-investimenti

53  %

41  %

2  %

-67  %

Indiċi

100

79

5

- 127

Sors:

tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun

(233)

Dan l-iżball klerikali ma għandux impatt fuq il-konklużjonijiet fit-taqsima 4.5.3.4. tar-Regolament proviżorju.

(234)

Bil-modifika ta’ hawn fuq għat-tabella 11, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet tagħha fil-premessi (314) sa (322) tar-Regolament proviżorju.

4.6.   Konklużjoni dwar id-dannu

(235)

Fil-kummenti tagħha, is-CNCIA argumentat li l-industrija tal-Unjoni ma kinitx qed issofri dannu materjali u li l-indikaturi tad-dannu stabbiliti fir-Regolament proviżorju ma kinux jagħtu stampa negattiva tal-industrija tal-Unjoni. Is-CNCIA tenniet din l-asserzjoni fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali.

(236)

F’dan ir-rigward, is-CNCIA argumentat li minkejja t-tnaqqis f’ċerti indikaturi tad-dannu bħall-produzzjoni, l-industrija tal-Unjoni kienet kapaċi żżomm il-pożizzjoni b’saħħitha tagħha fis-suq tal-Unjoni u tilfet biss ftit punti perċentwali fis-sehem mis-suq.

(237)

Is-CNCIA sostniet ukoll li t-tnaqqis fil-profittabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni fil-PI kien biss temporanju peress li kien dovut għaż-żieda qawwija fil-kostijiet tal-produzzjoni flimkien ma’ tnaqqis qawwi fid-domanda li impedixxa lill-industrija tal-Unjoni milli tgħaddi l-kostjiet miżjuda tagħha lill-konsumaturi.

(238)

Is-CNCIA indikat ukoll xi wħud mill-indikaturi tad-dannu u analizzathom separatament filwaqt li sostniet li t-tnaqqis kien limitat jew minħabba fatturi oħra għajr l-importazzjonijiet Ċiniżi.

(239)

Il-Kummissjoni tfakkar li hija analizzat l-indikaturi tad-dannu kollha separatament u b’mod ġenerali fl-analiżi tad-dannu tagħha. B’mod partikolari, il-Kummissjoni sabet twaqqigħ tal-prezz li jvarja bejn l-14 % u l-15,3 % kif stabbilit fil-premessa (283) tar-Regolament proviżorju. Il-Kummissjoni sabet ukoll li l-prezzijiet Ċiniżi ta’ wara l-kunsinna kienu saħansitra taħt il-kost medja tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni kemm fl-2020 kif ukoll fil-perjodu ta’ investigazzjoni (il-premessa (342) tar-Regolament proviżorju).

(240)

Barra minn hekk, l-indikaturi tad-dannu ewlenin kollha segwew xejra negattiva: il-profitt, il-fluss ta’ flus, ir-redditu fuq l-investiment naqqsu f’daqqa fil-PI. Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-volum tal-produzzjoni naqas b’31 %, il-volum tal-bejgħ naqas b’25 % u naqsu wkoll is-sehem mis-suq, l-impjiegi u l-produttività. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni mwettqa u deskritta fir-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.

(241)

L-ebda wieħed mill-argumenti tas-CNCIA ma qajjem dubji dwar il-konklużjoni ta’ hawn fuq. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonferma s-sejbiet tagħha fil-premessi (323) – (337) tar-Regolament proviżorju.

5.   KAWŻALITÀ

5.1.   Effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping

(242)

Il-partijiet interessati sostnew li ma kienx possibbli li ssir sejba valida dwar ir-rabta kawżali bejn il-preżenza ta’ importazzjonijiet allegatament oġġett ta’ dumping tat-TiO2 miċ-Ċina u d-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni minħabba li diversi fatturi, li ma jirriflettux ir-realtà normali tas-suq, influwenzaw il-perjodu ta’ investigazzjoni u l-perjodu kkonċernat.

(243)

Siegwerk argumenta f’dak ir-rigward li, l-ewwel nett, iċ-Ċina naqqset ħafna l-esportazzjonijiet kumplessivi tagħha matul il-pandemija tal-Covid-19 u b’hekk iż-żieda fl-importazzjonijiet tat-TiO2 Ċiniż, osservata wara tmiem il-pandemija kienet effettivament tirrappreżenta normalizzazzjoni tal-volumi tan-negozju. It-tieni, id-domanda fl-Unjoni kienet ogħla mill-medja matul il-pandemija. It-tielet, Siegwerk sostna li, bħala riżultat taż-żewġ fatturi preċedenti, il-produtturi tal-Unjoni kienu qed joperaw f’“pożizzjoni kważi monopolistika” u setgħu jagħmlu profitti straordinarji matul il-pandemija.

(244)

Il-Kummissjoni nnotat li hija analizzat dawn l-elementi fl-analiżi tagħha tal-indikaturi tad-dannu u r-rabta kawżali fir-Regolament proviżorju.

(245)

Fit-Taqsima 4.4.1, il-premessa (276) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni osservat li matul l-2021 kien hemm fil-fatt tnaqqis fil-volumi tal-importazzjonijiet miċ-Ċina. Il-Kummissjoni kkonkludiet li dan kien dovut għal tfixkil ġenerali tal-kummerċ marittimu miċ-Ċina li kien preżenti f’dik is-sena bħala konsegwenza tal-pandemija tal-Covid-19.

(246)

Bl-istess mod, il-Kummissjoni kkonkludiet fil-premessa (271) tar-Regolament proviżorju li d-domanda kienet ogħla mill-medja fl-2020 u fl-2021.

(247)

Il-Kummissjoni fakkret li, preċiżament minħabba dawk iż-żewġ fatturi flimkien, l-industrija tal-Unjoni rnexxielha żżid temporanjament is-sehem mis-suq u l-profittabbiltà tagħha fl-2021, filwaqt li l-volumi tal-importazzjonijiet taċ-Ċina u l-ishma mis-suq it-tnejn naqsu f’dik is-sena (28).

(248)

B’hekk, il-Kummissjoni stabbiliet fir-Regolament proviżorju, fil-kuntest tal-analiżi ġenerali tal-indikaturi tad-dannu kollha meħuda flimkien, li dawn iż-żewġ elementi ma jinvalidawx il-konklużjonijiet dwar id-dannu u r-rabta kawżali. B’hekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjonijiet ta’ hawn fuq.

(249)

Is-CNCIA nnotat ukoll li l-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi fl-2022 kienu biss 1,5 % aktar baxxi mill-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni, li ma jistgħux jitqiesu li jirrappreżentaw “twaqqigħ sinifikanti tal-prezz.” Min-naħa l-oħra, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-Messiku kienu 65 % aktar baxxi f’dik is-sena.

(250)

Mill-bidu nett, il-Kummissjoni nnotat li sempliċi tqabbil tal-prezzijiet ma jistax jitqies bħala twaqqigħ tal-prezz peress li jonqos milli jqis it-tipi ta’ prodotti. Il-Kummissjoni nnotat li, anki jekk il-prezzijiet 1,5 % aktar baxxi fl-2022 ma setgħux jitqiesu bħala twaqqigħ sinifikanti tal-prezz (quod non), id-differenza fil-prezz kienet ħafna ogħla fi snin oħra: 6,4 % fl-2020, u 24,2 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Għalhekk, fil-perjodu kkonċernat kien hemm differenza sinifikanti fil-prezz.

5.2.   Effetti ta’ fatturi oħrajn

(251)

Diversi partijiet ikkontestaw l-analiżi tal-kawżalità tal-Kummissjoni wara r-Regolament proviżorju.

(252)

Is-CNCIA argumentat li l-importazzjonijiet Ċiniżi ma kinux il-kawża għall-istat tal-industrija tal-Unjoni u sostna li l-Kummissjoni ma eżaminatx il-fatturi l-oħrajn li affettwaw l-industrija tal-Unjoni: l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, kostijiet tal-produzzjoni li qed jiżdiedu, it-tnaqqis fid-domanda u l-kompetizzjoni tal-industrija intra-Unjoni.

(253)

Partijiet interessati oħra sostnew b’mod simili li tnaqqis fid-domanda u l-kost tal-produzzjoni li qed jiżdied kienu l-kawża ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.

(254)

Felix, Munksjö, u AkzoNobel sostnew li l-Kummissjoni għamlet żball manifest fil-valutazzjoni billi ma rrikonoxxietx iċ-ċikliċità fis-suq tat-TiO2 bħala kawża ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.

(255)

Siegwerk elenka wkoll fatturi oħra li influwenzaw is-suq mill-aħħar tal-2023 ’il quddiem. Peress li dawn seħħew wara l-perjodu ta’ investigazzjoni, mhumiex pertinenti għall-analiżi li tħares lura tal-Kummissjoni. Fl-istess ħin, ma kinux tali li jagħmlu l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping manifestament mhux xierqa. Prinċipalment jikkonċernaw l-evoluzzjoni tad-domanda tas-suq, li l-Kummissjoni vvalutatha fit-taqsima 5.2.1 hawn taħt.

(256)

Barra minn hekk, AkzoNobel sostna li d-deċiżjonijiet ta’ investiment tal-ilmentatur effettivament ikkawżaw profittabbiltà negattiva. AkzoNobel indika ċ-ċifri tal-investiment u tal-fluss ta’ flus fil-perjodu ta’ investigazzjoni, u kkonkluda li l-investiment ta’ EUR 10 miljun maqsum matul l-2022 u l-perjodu ta’ investigazzjoni (29) kien direttament responsabbli għall-fluss ta’ flus negattiv ta’ - EUR 4,3 miljun fil-perjodu ta’ investigazzjoni.

(257)

Madankollu, kif spjegat il-Kummissjoni fil-premessi (231) u (232) hawn fuq, iċ-ċifra negattiva tal-fluss ta’ flus ta’ - EUR 4,3 miljun fil-perjodu ta’ investigazzjoni kienet żball klerikali fir-Regolament proviżorju. It-tnaqqis reali fil-fluss ta’ flus kien ħafna aktar sinifikanti: 50 punt perċentwali u l-fluss ta’ flus tal-industrija tal-Unjoni kien ta’ - EUR 42,3 miljun, kif muri fit-Tabella 11 ikkoreġuta hawn fuq.

(258)

B’hekk, dan it-tnaqqis fil-fluss ta’ flus ma jistax jiġi attribwit biss għall-investiment imsemmi hawn fuq.

(259)

Il-Kummissjoni indirizzat il-kummenti l-oħra, deskritti fil-premessi (252) sa (254), fis-subtaqsimiet rilevanti hawn taħt.

5.2.1.   Ċikliċità tas-suq tat-TiO2

(260)

Diversi partijiet interessati għamlu kummenti fir-rigward tas-sejbiet tal-Kummissjoni stabbiliti fil-premessi (349) sa (358) tar-Regolament proviżorju. Felix u Munksjö sostnew li l-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra b’mod suffiċjenti ċ-ċikliċità, li hija waħda mill-karatteristiċi kruċjali tas-suq tat-TiO2, u b’hekk kisret l-obbligu tagħha skont l-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku.

(261)

Filwaqt li l-utenti jirrikonoxxu li ċ-ċikliċità mhijiex esklużiva għas-suq tat-TiO2, isostnu li hija l-attribut vitali tagħha li taffettwa d-dinamika f’dan is-suq (l-ipprezzar u d-disponibbiltà tat-TiO2 u s-setgħa ta’ negozjar ta’ diversi partijiet) u b’hekk għandha impatt fuq il-prestazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni. Kwalunkwe tnaqqis fil-prestazzjoni finanzjarja esperjenzat matul perjodi ta’ domanda aktar baxxa jistgħu jirkuprawhom matul il-perjodi ta’ tkabbir tas-suq.

(262)

AkzoNobel ippreżenta kummenti fuq linji simili. Huwa sostna li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li mhuwiex il-każ li ċ-ċikliċità “hija unika għas-suq tat-TiO2” u b’hekk ma “jistħoqqilha” l-ebda “kunsiderazzjoni speċjali” (30) u li mhuwiex possibbli li “tiġi identifikata xejra li turi b’ċertezza assoluta meta tkun se sseħħ żieda fir-ritmu ekonomiku jew tnaqqis fir-ritmu ekonomiku” (31) biex jiġi konkluż li “seta’ jiġi mistenni li l-kontrazzjoni sseħħ fl-2023” mhumiex raġunijiet validi biex tiġi miċħuda l-asserzjoni li d-dannu lill-produtturi tal-Unjoni kienet ikkawżata minn qiegħ iċ-ċiklu.

(263)

AkzoNobel sostna li filwaqt li ċ-ċikliċità fil-fatt ma kinitx unika għall-industrija tat-TiO2, din kienet fattur magħruf fl-industrija u l-Kummissjoni kienet meħtieġa tivvaluta l-punt sa fejn ikkawżat id-dannu lill-industrija tal-Unjoni. Huwa irrilevanti li wieħed ma jistax jipprevedi b’mod preċiż meta jseħħ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, iżda, kif ikkonkludiet il-Kummissjoni stess, wara “żieda tant kbira fid-domanda” fl-2020 u l-2021, “kwalunkwe tnaqqis fil-konsum li jsegwi naturalment ikun jinħass sew ukoll.”

(264)

AkzoNobel enfasizza li dan ikkonferma l-punt tiegħu li l-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni segwiet xejra ċiklika. B’hekk, il-perjodu magħżul ikkonċernat, u l-perjodu ta’ investigazzjoni, kienu juru xejriet negattivi anki fin-nuqqas ta’ kwalunkwe importazzjoni. AkzoNobel tenna li l-ilmentatur kien għażel b’mod għaqli l-perjodu ta’ investigazzjoni b’dan il-ħsieb, sabiex jikkoinċidi mal-qiegħ ta’ ċiklu.

(265)

Ħafna partijiet sostnew, essenzjalment, li l-industrija tal-Unjoni kienet mistennija li jkollha prestazzjoni ħażina fil-perjodu ta’ investigazzjoni, filwaqt li indikaw in-natura ċiklika tas-suq u l-previżjonijiet tal-informazzjoni dwar is-suq, u li għalhekk ma kien hemm l-ebda dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet Ċiniżi.

(266)

L-ilmentatur ikkontesta dawn l-asserzjonijiet. Filwaqt li rrikonoxxew l-eżistenza taċ-ċikliċità, indikaw il-fatt li l-volumi tal-importazzjoni Ċiniża u l-ishma mis-suq żdiedu b’mod konsistenti maż-żmien, u bdew jiżdiedu b’mod sinifikanti mill-2017.

(267)

B’hekk, l-ilmentatur ikkonkluda li l-impatt taċ-ċikliċità kien negliġibbli, peress li anki minkejja x-xejriet ċikliċi, l-importazzjonijiet Ċiniżi fl-Unjoni baqgħu jiżdiedu, kemm fil-perjodu preċedenti ta’ tnaqqis fid-domanda fl-2017–2018, kif ukoll fil-perjodu ta’ investigazzjoni.

(268)

Il-Kummissjoni nnotat li hija analizzat fid-dettall jekk u sa liema punt iċ-ċikliċità setgħet taffettwa l-industrija tal-Unjoni, u kkonkludiet li, minħabba l-kunsiderazzjonijiet kollha stabbiliti fir-Regolament proviżorju, ma jistax jiġi sostnut li hija ċ-ċikliċità fis-suq li hija l-unika raġuni għad-dannu.

(269)

Fis-sejbiet proviżorji tagħha, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li s-suq tat-TiO2 huwa fil-fatt ċikliku fil-livell globali (ara pereżempju l-premessa (355) tar-Regolament proviżorju). Madankollu, il-Kummissjoni nnotat li ċ-ċikliċità mhijiex speċifika għas-suq tat-TiO2, iżda li ħafna swieq jgħaddu minn ċikli regolari ta’ kontrazzjoni u espansjoni fid-domanda (32). B’hekk, ma setax jiġi konkluż li l-fatt taċ-ċikliċità waħedha hija biżżejjed biex tnaqqas ir-rabta kawżali.

(270)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet li, meta mqabbel mal-previżjonijiet globali tal-imġiba tas-suq tat-TiO2 mill-previżjonijiet tal-informazzjoni dwar is-suq li fuqhom qagħdu l-partijiet interessati biex isostnu li ċ-ċikliċità hija l-kawża ewlenija tad-dannu għall-industrija tal-Unjoni, (33) is-suq tal-Unjoni (kif ukoll dak globali) kien effettivament affettwat minn diversi ċirkostanzi straordinarji (34). Dawn iċ-ċirkostanzi wasslu biex is-suq tal-Unjoni jiddevja mill-previżjonijiet imsemmija, (35) u b’hekk ma kienx realistiku li t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku previst, kif allegat, seħħ fl-2023 eżattament bit-tip ta’ mod li kien jirriżulta fil-livell ta’ dannu li l-industrija tal-Unjoni esperjenzat fil-perjodu ta’ investigazzjoni (36).

(271)

Minflok, dawn iċ-ċirkostanzi affettwaw l-imġiba taċ-ċiklu tas-suq fl-Unjoni. B’hekk, filwaqt li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li tnaqqis fir-ritmu ekonomiku seta’ kien mistenni li jseħħ, id-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni kien wisq evidenti biex jiġi attribwit b’mod ċar liċ-ċikliċità, u s-sitwazzjoni fis-suq tal-Unjoni kellha titqies b’mod aktar wiesa’ milli sempliċiment permezz tal-priżma taċ-ċikliċità.

(272)

Kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni fil-premessa (388) tar-Regolament proviżorju, it-tnaqqis fid-domanda fl-2022 u l-perjodu ta’ investigazzjoni (kemm jekk minħabba tnaqqis fir-ritmu ekonomiku mistenni fiċ-ċiklu kif ukoll jekk le) fil-fatt għamel diffiċli s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Madankollu, dan (jew waħdu inkella flimkien ma’ fatturi oħrajn bħaż-żieda fil-kost tal-produzzjoni) ma naqqasx ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta’ dumping u d-dannu.

(273)

Kif ġie spjegat fil-premessa (389) tar-Regolament proviżorju, l-importazzjonijiet miċ-Ċina kienu qed jiżdiedu matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Barra minn hekk, anki fis-suq li kien qed jiċkien tal-2022 u l-perjodu ta’ investigazzjoni, meta l-volumi tal-importazzjoni minn kważi l-pajjiżi terzi l-oħra kollha kienu qed jonqsu, flimkien mal-volumi tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni, il-volumi tal-importazzjonijiet Ċiniżi baqgħu jiżdiedu u jiksbu sehem akbar mis-suq. Kif diġà ġie konkluż fil-premessa (361) tar-Regolament proviżorju, dan mhuwiex mistenni f’suq li qed jiċkien.

(274)

Biex tissaħħaħ l-asserzjoni li d-dannu kien ikkawżat minn qiegħ ta’ ċiklu li kkoinċida mal-perjodu ta’ investigazzjoni, u li issa l-industrija kienet ħierġa minnu, AkzoNobel ippreżenta rapporti ta’ qligħ globali pubbliċi minn Tronox Holdings plc (“Tronox Holdings”) (37) u Kronos Worldwide, Inc. (“Kronos Worldwide”) (38) mill-ewwel trimestru tal-2024.

(275)

Dawn ir-rapporti juru li Kronos Worldwide irrapportat profitt ta’ USD 23,4 miljun fl-ewwel trimestru tal-2024 u żieda fl-użu tal-kapaċità u fil-volumi tal-bejgħ ta’ 11-il punt perċentwali u 15 %, rispettivament, fl-ewwel trimestru tal-2024 meta mqabbla mal-ewwel trimestru tal-2023. Ir-rapport ta’ Tronox Holdings wera żieda fil-volumi tal-bejgħ ta’ 18 % fl-ewwel trimestru tal-2024 meta mqabbel mar-raba’ trimestru tal-2023, filwaqt li enfasizza prestazzjoni tajba fl-Ewropa, u marġni ta’ EBITDA (39) ta’ 16,9 % fil-livell globali. AkzoNobel iċċita wkoll ir-rapport ta’ Tronox Holdings stess li jiddikjara li tali żieda fid-domanda hija indikattiva ta’ front-end ta’ rkupru.

(276)

Il-Kummissjoni nnotat mill-bidu nett li ma tiġborx data ta’ wara l-perjodu ta’ investigazzjoni dwar l-industrija tal-Unjoni f’analiżi tad-dannu materjali, filwaqt li data finanzjarja mhux ivverifikata li tinkludi attivitajiet għajr it-TiO2 (40) u kumpaniji relatati barra mill-Unjoni ma tistax titqies rilevanti għall-analiżi tal-Kummissjoni.

(277)

Madankollu, fid-dawl tal-asserzjonijiet ta’ AkzoNobel, il-Kummissjoni xorta waħda eżaminat ir-rapporti finanzjarji pubblikament disponibbli għall-ewwel nofs tal-2024 għal Tronox Holdings u Kronos Worldwide fil-livell globali. Il-Kummissjoni eżaminat ukoll ir-rapporti għall-ewwel nofs tal-2024 ta’ Grupa Azoty Zakłady Chemiczne "Police" S.A. (“Police”) u Cinkarna metalurško kemična industrija Celje, d.d. (“Cinkarna”), billi dawn il-produtturi tal-Unjoni joperaw faċilitajiet tat-TiO2 fl-Unjoni biss u kellhom rapporti finanzjarji pubblikament disponibbli.

(278)

F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat li, filwaqt li l-marġni ta’ EBITDA seta’ fil-fatt kien għoli għal Tronox Holdings fl-ewwel trimestru tal-2024, l-analiżi tal-Kummissjoni fit-Tabella 11 tħares lejn l-introjtu qabel it-taxxa biex tiddetermina l-marġni tal-profitt nett, u tagħmel lill-EBITDA paragun mhux xieraq. Madankollu, filwaqt li tiġi eżaminata l-evoluzzjoni tal-marġni ta’ EBITDA ta’ Tronox Holdings sena wara sena bejn l-2023 u l-2024, hemm tnaqqis kemm fl-ewwel trimestru kif ukoll fit-tieni trimestru. Dan mhuwiex indikattiv ta’ rkupru fl-2024 meta mqabbel mal-perjodu ta’ investigazzjoni, għall-kuntrarju tal-asserzjonijiet ta’ AkzoNobel.

(279)

Barra minn hekk, l-introjtu ta’ Tronox Holdings qabel it-taxxi kien ta’ USD 2 miljun fl-ewwel trimestru tal-2024 (41), meta mqabbel ma’ USD 34 miljun fl-ewwel trimestru tal-2023, li juri tnaqqis sinifikanti sena wara sena. Min-naħa l-oħra, fit-tieni trimestru dan żdied xi ftit, minn 53 miljun fit-tieni trimestru tal-2023, għal 55 miljun fit-tieni trimestru tal-2024. Madankollu, bħala perċentwal tal-bejgħ nett, dan jissarraf fi profitt qabel it-taxxa ta’ 0,2 % fl-ewwel trimestru tal-2024 u 6,7 % fit-tieni trimestru tal-2024, meta mqabbel ma’ 4,8 % fl-ewwel trimestru tal-2023, 6,7 % fit-tieni trimestru tal-2023. Dan juri li s-sitwazzjoni tal-profittabbiltà baqgħet l-iktar l-iktar l-istess għal Tronox Holdings fil-livell globali.

(280)

Kronos Worldwide uriet prestazzjoni aħjar. Iċ-ċifri ta’ nofs is-sena (42) juru li Kronos Worldwide ipproduċiet introjtu ta’ USD 39,6 miljun qabel it-taxxi fl-ewwel nofs tal-2024, meta mqabbel ma’ telf ta’ USD 34,4 miljun fl-ewwel nofs tal-2023. Dan jissarraf f’marġni ta’ profitt qabel it-taxxa ta’ 4 % fl-ewwel nofs tal-2024 meta mqabbel ma’ telf ta’ - 4 % fl-ewwel nofs tal-2023.

(281)

Min-naħa l-oħra, Police rrapportat telf qabel it-taxxa ta’ –10,12 % bħala perċentwal tal-fatturat fl-ewwel nofs tal-2024 (43) (saħansitra telf akbar minn -5 % mill-ewwel nofs tal-2023), filwaqt li Cinkarna rrapportat profitt nett bħala perċentwal tal-fatturat ta’ 7,38 % (44) (meta mqabbel ma’ kważi l-istess livell ta’ 7,30 % fis-sena ta’ qabel). L-ebda wieħed minn dawn mhuwa indikattiv ta’ rkupru, kif argumenta AkzoNobel.

(282)

Fir-rapporti finanzjarji tagħhom, Police rrapportat żieda ta’ 20 % fil-volumi tal-bejgħ, u Cinkarna żieda ta’ 5 %. Madankollu, dawn iż-żewġ produtturi t-tnejn huma fost l-iżgħar fl-Unjoni, u jirrappreżentaw madwar [3-8] % tal-kapaċità tal-produzzjoni tal-Unjoni kull wieħed. Tronox Holdings u Kronos Global (kumpaniji omm ta’ tnejn mill-produtturi tal-Unjoni li kienu inklużi fil-kampjun, fost raġunijiet oħra, minħabba d-daqs tagħhom) sostnew li l-volum tal-bejgħ globali tagħhom żdied bi 11 % u 15 %, rispettivament. Madankollu, il-Kummissjoni ma għandha l-ebda informazzjoni speċifika dwar l-evoluzzjoni tal-volumi tal-bejgħ ta’ Tronox u Kronos fl-Unjoni.

(283)

B’hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li d-data disponibbli ta’ wara l-perjodu ta’ investigazzjoni ma tindikax li l-produtturi tal-Unjoni waqfu jsofru dannu fl-2024, anki jekk is-suq tat-TiO2 jista’ jara żieda fid-domanda, u Kronos Worldwide kien qed ikollha prestazzjoni aħjar fil-livell globali milli kellha fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Barra minn hekk, dan ma jirrendix l-impożizzjoni tad-dazji anti-dumping proposti manifestament mhux xierqa (45).

5.2.2.   Domanda fis-suq tal-Unjoni

(284)

Peress li t-tnaqqis fid-domanda diġà kien indirizzat fit-taqsima 5.2.1 hawn fuq, fid-dawl ta’ dawk il-kunsiderazzjonijiet u n-nuqqas ta’ kummenti addizzjonali għall-kuntrarju, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (359) sa (365).

5.2.3.   Kostijiet tal-produzzjoni li qed jiżdiedu

(285)

Siegwerk sostna wkoll li l-invażjoni Russa tal-Ukrajna fi Frar 2022 ikkawżat żieda qawwija fil-kostijiet tal-enerġija fl-Unjoni, filwaqt li l-inflazzjoni li rriżultat ikkawżat tnaqqis fid-domanda għat-TiO2. L-istess fatturi wasslu wkoll għal żieda qawwija fil-kostijiet tal-produzzjoni li għamlet it-TiO2 tal-Unjoni aktar għali meta mqabbel mat-TiO2 Ċiniż.

(286)

Il-Kummissjoni qieset dawn l-elementi fl-analiżi tagħha tad-dannu u tar-rabta kawżali (46). B’hekk, il-Kummissjoni ċaħdet dawk l-asserzjonijiet.

(287)

Is-CNCIA kkontestat il-konklużjoni tal-Kummissjoni fil-premessa (383) tar-Regolament proviżorju, li ż-żieda fil-kost tal-produzzjoni kienet globali u affettwat l-atturi kollha tas-suq b’mod simili kif muri mill-prezzijiet li qed jiżdiedu tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra għajr iċ-Ċina.

(288)

Is-CNCIA argumentat li fiha l-Kummissjoni naqset milli tissepara u tiddistingwi b’mod adegwat l-effett taż-żieda fil-kost tal-produzzjoni fuq l-industrija tal-Unjoni mill-effetti tal-importazzjonijiet Ċiniżi, filwaqt li, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni kellha tikkunsidra l-gradi differenti li fihom tali żidiet fil-kostijiet setgħu affettwaw atturi differenti tas-suq.

(289)

F’dak ir-rigward il-Kummissjoni ċċarat li ż-żieda globali fil-kost tal-produzzjoni, u b’mod partikolari l-materja prima ewlenija, il-mineral ilmenit, kienet taffettwa l-atturi kollha tas-suq. Fi kliem ieħor, tali żieda fil-kostijiet ma kinitx element li kien uniku għall-industrija tal-Unjoni biss u b’hekk kapaċi jnaqqas ir-rabta kawżali.

(290)

Fl-istess ħin, la l-produtturi esportaturi u lanqas is-CNCIA ma jippreżentaw evidenza li tindika li atturi oħra tas-suq, bħall-produtturi esportaturi Ċiniżi, kienu affettwati b’mod differenti.

(291)

Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni definittiva, is-CNCIA argumentat li l-Kummissjoni ma kinitx korretta meta kkonkludiet li ċ-ċikliċità tad-domanda u ż-żieda fil-kostijiet tal-produzzjoni, li kienu fatturi mhux speċifiċi għas-suq tat-TiO2, ma naqqsux ir-rabta kawżali. F’dan ir-rigward, is-CNCIA sostniet li fattur ma kienx meħtieġ ikun uniku għall-industrija tal-Unjoni biex jinfluwenza r-rabta każwali. Il-Kummissjoni tfakkar li hija analizzat fid-dettall l-asserzjonijiet kollha relatati maċ-ċikliċità tas-suq tat-TiO2 fil-premessi (349) sa (358) tar-Regolament proviżorju u fil-premessi (260) sa (283) ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni analizzat ukoll fid-dettall l-asserzjonijiet kollha relatati mal-kostijiet tal-produzzjoni li qed jiżdiedu fil-premessi (381) sa (384) tar-Regolament proviżorju u fil-premessi (285) sa (290) f’dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni tfakkar fil-konklużjoni tagħha fil-premessa (383) li ż-żieda fil-kost tal-produzzjoni, b’mod partikolari l-prezz tal-materja prima ewlenija, il-mineral ilmenit, kienet globali u affettwat l-atturi kollha tas-suq u għalhekk ma kinitx speċifika għall-industrija tal-Unjoni. Madankollu, għall-kuntrarju tal-asserzjoni tas-CNCIA, din is-sejba ma tistax tiġi interpretata bħala konklużjoni ġenerali dwar jekk fattur huwiex meħtieġ li jkun uniku għall-industrija tal-Unjoni biex jinfluwenza r-rabta każwali.

(292)

B’hekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti ta’ hawn fuq u kkonfermat il-konklużjoni tagħha li l-kostijiet tal-produzzjoni li qed jiżdiedu ma naqqsux ir-rabta kawżali.

5.2.4.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

5.2.4.1.   Importazzjonijiet mir-Renju Unit

(293)

Fir-rigward tal-konklużjoni tal-Kummissjoni stabbilita fil-premessi (366) u (367) tar-Regolament proviżorju, Felix u Munksjö sostnew li l-fatt li l-impjanti tal-produzzjoni tat-TiO2 fir-Renju Unit huma proprjetà ta’ Tronox u Venator, ma jfissirx li mhumiex f’kompetizzjoni ma’ produtturi oħrajn tal-Unjoni.

(294)

Fir-rigward tal-istess premessi, is-CNCIA argumentat li, jekk il-produtturi tar-Renju Unit ma jkunux f’kompetizzjoni mal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni, jenħtieġ li l-importazzjonijiet mir-Renju Unit lejn l-Unjoni jitqiesu bħala “awtoimportazzjonijiet” mill-industrija tal-Unjoni u għalhekk jiġu inklużi fis-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni.

(295)

Felix u Munksjö sostnew ukoll li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li teżamina jekk “prattiki kummerċjali restrittivi ta’, u kompetizzjoni bejn, produtturi ta’ pajjiżi terzi u tal-Unjoni” setgħux kienu l-kawża ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.

(296)

Il-Kummissjoni ċċarat li l-premessi (366) sa (373) tar-Regolament proviżorju kienu jikkonċernaw l-analiżi dwar jekk l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, inklużi l-importazzjonijiet mir-Renju Unit, setgħux ikkontribwew għad-dannu tal-industrija tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-prezz medju tal-importazzjonijiet mir-Renju Unit lejn l-Unjoni kien l-ogħla mill-importazzjonijiet kollha minn pajjiżi terzi lejn l-Unjoni, konsiderevolment ogħla mill-prezzijiet Ċiniżi u saħansitra ogħla mill-prezzijiet tal-bejgħ tal-Unjoni bejn l-2021 u l-perjodu ta’ investigazzjoni u għalhekk ma kkontribwewx għad-dannu tal-industrija tal-Unjoni.

(297)

Fir-rigward tal-argumenti msemmija fil-premessa (294), il-Kummissjoni tinnota li l-kunċett ta’ “awtoimportazzjoni” mhuwiex magħruf skont ir-Regolament bażiku u l-prodotti manifatturati f’pajjiż terz ma jistgħux jitqiesu bħala manifatturati mill-produtturi tal-Unjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-argument li jenħtieġ li l-importazzjonijiet mir-Renju Unit jiżdiedu mas-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni.

(298)

F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni fakkret li kienet diġà stabbiliet fil-premessa (367) tar-Regolament proviżorju li l-prezzijiet tal-importazzjoni mir-Renju Unit kienu ogħla mill-prezzijiet tal-importazzjoni Ċiniżi. F’dak ir-rigward, il-prezzijiet tal-importazzjoni tar-Renju Unit kienu l-ogħla mill-importazzjonijiet kollha ta’ pajjiżi terzi, u saħansitra ogħla anki mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, ħlief fl-2020.

(299)

Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali, is-CNCIA tenniet l-asserzjoni tagħha li l-importazzjonijiet mir-Renju Unit twettqu mill-produtturi tal-Unjoni nfushom u jenħtieġ li jitqiesu għall-valutazzjoni tal-indikaturi tad-dannu. Is-CNCIA tenniet ukoll l-argument tagħha li l-industrija tal-Unjoni setgħet ċaqilqet il-produzzjoni tagħha lejn is-siti ta’ produzzjoni tagħha mhux tal-UE fir-Renju Unit u f’pajjiżi oħra mhux tal-UE u li din il-bidla jista’ potenzjalment ikollha impatt fuq l-indikaturi tad-dannu għall-operazzjoni tagħhom ibbażat fl-UE u tispjega t-tnaqqis fil-volum tal-produzzjoni u fl-użu tal-kapaċità. Is-CNCIA ma pprovdiet l-ebda evidenza biex issostni din l-ipoteżi.

(300)

Barra minn hekk, is-CNCIA sostniet li l-Kummissjoni qieset l-“awtoimportazzjonijiet” fl-investigazzjoni dwar vetturi elettriċi bil-batterija (47) li jiddifferenzjaw bejn l-importazzjonijiet minn “ditti Ċiniżi” u dawk mill-produtturi tal-Unjoni kif ukoll fl-investigazzjoni rigward il-polietilentereftalat (PET) miċ-Ċina (48) filwaqt li aġġustat is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni biex tqis l-importazzjonijiet li saru minn produttur tal-Unjoni. Barra minn hekk, is-CNCIA sostniet li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ukoll ir-rilevanza li jitqiesu l-importazzjonijiet mill-industrija tal-Unjoni meta tiġi ddefinita l-industrija tal-Unjoni (49).

(301)

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-Kummissjoni tfakkar li hija vvalutat l-effett tal-importazzjonijiet mir-Renju Unit u minn pajjiżi terzi oħra fil-premessi (367) sa (373) tar-Regolament proviżorju u kkonkludiet li dawn ma naqqsux ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta’ dumping u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. Fir-rigward tal-investigazzjonijiet tal-passat u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li fuqha bbażat is-CNCIA u msemmija fil-premessa (300), f’dawk il-każijiet l-importazzjonijiet li saru mill-produtturi tal-Unjoni kienu mill-pajjiż ikkonċernat mill-investigazzjoni u mhux minn pajjiżi terzi oħra u tqiesu sabiex jiġu vvalutati l-impatt u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat. F’din l-investigazzjoni dan mhuwiex il-każ, l-industrija tal-Unjoni ma timportax it-TiO2 miċ-Ċina u għalhekk mhijiex meħtieġa li ssir distinzjoni bejn l-importazzjonijiet li saru mill-industrija tal-Unjoni u l-bqija tal-importazzjonijiet.

(302)

Fir-rigward tal-ipoteżi tas-CNCIA dwar il-bidla strateġika tal-produzzjoni mill-industrija tal-Unjoni fejn din allegatament baxxiet il-produzzjoni fil-faċilitajiet tagħha tal-UE u tejbet il-produzzjoni fir-Renju Unit sabiex timporta dawn il-volumi lejn l-UE, il-Kummissjoni tinnota li l-volum tal-importazzjonijiet mir-Renju Unit lejn l-UE naqsu bi kważi nofs matul il-perjodu kkunsidrat u s-sehem mis-suq tagħhom naqas ukoll filwaqt li l-prezz medju tagħhom kien l-ogħla mill-importazzjonijiet kollha u għalhekk mhijiex sostanzjata din l-asserzjoni. Barra minn hekk, l-ipoteżi nnifisha ma kienet sostnuta mill-ebda evidenza.

(303)

B’hekk, il-Kummissjoni żammet il-konklużjoni tagħha li l-importazzjonijiet mir-Renju Unit ma naqqsux ir-rabta kawżali stabbilita bejn l-importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta’ dumping u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

5.2.4.2.   Importazzjonijiet mill-Messiku u mill-Istati Uniti tal-Amerka

(304)

Is-CNCIA argumentat li l-Kummissjoni ma vvalutatx biżżejjed l-impatt tal-importazzjonijiet mill-Messiku fuq l-istat tal-industrija tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, is-CNCIA indikat li l-prezzijiet tal-importazzjonijiet Messikani kienu ferm aktar baxxi minn dawk Ċiniżi, ħlief għall-prezzijiet fil-perjodu ta’ investigazzjoni, u kienu wkoll konsiderevolment aktar baxxi mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni u li l-importazzjonijiet mill-Messiku (u mill-Istati Uniti) ma tilfux sehem mis-suq fil-perjodu ta’ investigazzjoni meta mqabbel mal-2020. Is-CNCIA rrepetiet l-istess asserzjonijiet fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali, mingħajr ma pprovdiet evidenza ġdida biex tikkontesta l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni.

(305)

Il-Kummissjoni fakkret li l-volum tal-importazzjonijiet mill-Messiku u mill-Istati Uniti naqas matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni kif stabbilit fil-premessa (369) tar-Regolament proviżorju u s-sehem tagħhom mis-suq baqa’ stabbli matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Il-fatt li l-importazzjonijiet Messikani ma żdidux fil-volum, u żammew is-sehem mis-suq tagħhom fil-livell ta’ 8 % minkejja l-prezzijiet baxxi tagħhom matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni filwaqt li l-importazzjonijiet Ċiniżi żdiedu kemm f’termini ta’ volum kif ukoll ta’ sehem mis-suq, juri li l-importazzjonijiet Messikani mhumiex suxxettibbli li jnaqqsu r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping miċ-Ċina u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

(306)

B’hekk, mingħajr aktar asserzjonijiet jew evidenza għall-kuntrarju, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjoni tagħha mill-premessa (373) tar-Regolament proviżorju, li l-importazzjonijiet tat-TiO2 minn pajjiżi terzi ma kkawżawx dannu lill-industrija tal-Unjoni.

5.2.5.   Prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

(307)

Is-CNCIA oġġezzjonat għall-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fil-premessa (378) tar-Regolament proviżorju. Is-CNCIA nnotat li billi bbażat fuq il-bidu ta’ investigazzjoni mill-awtorità investigattiva Brażiljana, li għaliha l-livell limitu evidenzjarju huwa ħafna aktar baxx milli għas-sejba definittiva ta’ dumping dannuż, il-Kummissjoni qed tostakola d-dritt ta’ difiża tal-produtturi esportaturi.

(308)

Barra minn hekk, is-CNCIA sostniet li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-prossimità ġeografika taċ-Ċina mal-Ġappun u mat-Tajwan tfisser li l-esportazzjonijiet Ċiniżi tat-TiO2 seta’ kellhom rwol fl-għeluq tal-impjanti tat-TiO2 ta’ dawn tal-aħħar hija loġikament żbaljata. Il-prossimità ġeografika bejn il-pajjiżi mhijiex kriterju rilevanti fl-investigazzjonijiet anti-dumping.

(309)

Il-Kummissjoni ssottolinjat li l-premessa rilevanti kienet sommarju tal-asserzjonijiet tal-ilmentatur li l-prattiki kummerċjali inġusti tal-produtturi esportaturi Ċiniżi fis-swieq kollha kienu qed jagħmluha diffiċli għalihom li jikkompetu wkoll fis-swieq tal-esportazzjoni mingħajr konklużjoni dwar dawk l-asserzjonijiet.

(310)

Fil-fatt, fil-premessa (90) tar-Regolament proviżorju il-Kummissjoni kkonkludiet li, xprunati mit-13 u mill-14-il Pjan ta’ Ħames Snin, diġà kienu seħħew żidiet kbar fil-kapaċitajiet tal-produzzjoni Ċiniżi tat-TiO2 bejn l-2016 u l-2020 b’espansjoni ulterjuri tal-kapaċità mistennija, li hija diffiċli li tiġi assorbita fis-suq domestiku Ċiniż u li se tħeġġeġ lill-produtturi Ċiniżi biex jesportawha.

(311)

Fl-aħħar nett, din l-investigazzjoni sabet li l-produtturi esportaturi Ċiniżi qed jinvolvu ruħhom f’dumping dannuż fl-UE.

(312)

Fi kwalunkwe każ, anki jekk ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li l-esportaturi Ċiniżi jistgħu jkunu qed jipprattikaw dumping fi swieq oħra, din il-valutazzjoni tal-asserzjonijiet tal-ilmentatur kienet anċillari għall-konklużjoni li l-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni mhijiex il-kawża tad-dannu tagħha.

(313)

Għalhekk, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment għall-premessi (374) sa (377) u (379), il-Kummissjoni kkonfermat dawk il-premessi u, filwaqt li kkunsidrathom flimkien ma’ dan ta’ hawn fuq, żammet il-konklużjoni tagħha mill-premessa (380).

5.2.6.   Kompetizzjoni tal-industrija intra-Unjoni

(314)

Is-CNCIA ressqet argumenti ġodda fl-istadju definittiv, li fihom sostniet li l-Kummissjoni kellha teżamina l-effetti tal-kompetizzjoni tal-industrija intra-Unjoni fuq id-dannu li din setgħet ġarrbet. Is-CNICIA indikat id-dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-eżekuttivi tal-produtturi tal-Unjoni u r-rapporti annwali ppubblikati li juru li l-produtturi l-oħrajn tal-Unjoni huma l-kompetituri ewlenin tagħhom.

(315)

Il-Kummissjoni indikat f’dak ir-rigward li huwa biss naturali u mistenni li fis-suq ħieles il-membri tal-industrija tal-Unjoni jikkompetu ma’ xulxin. Madankollu, tali kompetizzjoni mhijiex xi ħaġa li kienet se tnaqqas il-prestazzjoni tal-industrija kollha tal-Unjoni – uħud kienu jmorru aħjar filwaqt li oħrajn kienu jmorru agħar.

(316)

Il-Kummissjoni fakkret ukoll li hija dejjem tinvestiga kampjun rappreżentattiv ta’ produtturi tal-Unjoni preċiżament biex tikseb fehim raġonevoli ta’ x’prestazzjoni kellha l-industrija kollha kemm hi fil-perjodu kkonċernat, biex tiġi livellata kwalunkwe anomalija. L-ebda parti ma oġġezzjonat għall-għażla tal-kampjun għar-raġuni li dan ma jkunx rappreżentattiv għas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

(317)

B’hekk, il-Kummissjoni ċaħdet dawn l-asserzjonijiet bħala infondati.

5.3.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

(318)

Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali, is-CNCIA argumentat li l-Kummissjoni naqset milli tindirizza l-asserzjonijiet tagħha dwar in-nuqqas ta’ kawżalità. F’dan ir-rigward, is-CNCIA tenniet l-asserzjonijiet tagħha li l-industrija tal-Unjoni ma kinitx qed issofri dannu materjali, u anki jekk instab dannu materjali, dan ma kienx ikkawżat mill-importazzjonijiet Ċiniżi tat-TiO2 iżda mill-impatt kumulattiv tat-tnaqqis fid-domanda u ż-żieda parallela fil-kostijiet tal-produzzjoni li kienu jipprevjenu lill-industrija tal-Unjoni milli żżid il-prezzijiet tagħha anki fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet Ċiniżi. Is-CNCIA tenniet ukoll ir-referenza tagħha għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni rigward l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-proteina tas-sojja li joriġinaw miċ-Ċina (50). Is-CNCIA tenniet ukoll il-kumment tagħha li l-importazzjonijiet Ċiniżi ma għandhomx forza ta’ spjegazzjoni għas-soppressjoni tal-prezzijiet domestiċi kif meħtieġ mill-Korp tal-Appell tad-WTO f’HP-STT (il-Ġappun) (51).

(319)

Il-Kummissjoni vvalutat l-asserzjonijiet ta’ hawn fuq fil-premessi (363) u (381) u (384) tar-Regolament proviżorju. Fir-rigward tas-soppressjoni tal-prezzijiet, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet tagħha fil-premessi (284), (285) u (316) tar-Regolament proviżorju u fil-premessa (217) ta’ dan ir-Regolament.

(320)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, u fin-nuqqas ta’ aktar kummenti għall-kuntrarju, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha mill-premessi (388) sa (394) tar-Regolament proviżorju.

6.   LIVELL TA’ MIŻURI

6.1.   Marġni tad-dannu

(321)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha mill-premessi (398) sa (415) tar-Regolament proviżorju.

6.2.   Eżami tal-marġni adegwat biex jitneħħa d-dannu lill-industrija tal-Unjoni

(322)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, huma kkonfermati l-premessi (416) sa (418) tar-Regolament proviżorju.

6.3.   Konklużjoni dwar il-livell ta’ miżuri

(323)

Wara l-valutazzjoni ta’ hawn fuq, jenħtieġ li d-dazji anti-dumping definittivi jiġu stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku. L-ammont tad-dazju definittiv huwa stabbilit fil-premessa (541) hawn taħt.

7.   INTERESS TAL-UNJONI

(324)

Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament proviżorju, diversi partijiet interessati ġodda ppreżentaw ruħhom kontra l-miżuri. Kif indikat fil-premessa (13) hawn fuq, għaxar utenti u erba’ assoċjazzjonijiet tal-utenti ppreżentaw kummenti li jopponu l-miżuri. Saru seduti ta’ smigħ ma’ sitta minn dawk l-utenti u ma’ żewġ assoċjazzjonijiet tal-utenti. Ġiet ippreżentata evidenza ġdida multipla biex turi li d-dazji jkollhom impatt mhux xieraq fuq l-utenti.

(325)

B’kollox, l-utenti li jimpjegaw madwar 30 000 persuna ppreżentaw ruħhom fl-investigazzjoni u opponew id-dazji. Barra minn hekk, is-CEPE, assoċjazzjoni fil-livell Ewropew ta’ produtturi ta’ żebgħat, linek tal-istampar u kuluri tal-artisti fl-Ewropa, sostna li l-membri li jirrappreżenta jimpjegaw sa 150 000 persuna, bil-biċċa l-kbira minnhom ikunu intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs, small and medium-sized enterprises).

(326)

F’dak ir-rigward, AkzoNobel indika li l-fatt li hemm tant partijiet interessati jenfasizza kemm se jkollhom impatt kbir id-dazji fuq l-utenti u li jenħtieġ li tingħata aktar attenzjoni lill-interessi tagħhom.

(327)

Il-Kummissjoni qieset l-asserzjonijiet kollha tagħhom u vvalutathom fid-dettall f’din it-taqsima.

7.1.   L-interess tal-produtturi tal-Unjoni

(328)

Siegwerk sostna li l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping tirriżulta f’rilokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni ta’ utenti multinazzjonali kbar tat-TiO2 barra mill-Unjoni, filwaqt li l-SMEs, li ma għandhomx tali flessibbiltà fir-rilokazzjoni tal-assi, ikunu mġiegħla jagħlqu jew irażżnu l-produzzjoni. Dan iwassal biex il-produtturi tal-Unjoni jitilfu parti kbira mill-klijenti tagħhom, u fl-aħħar mill-aħħar jaffettwa b’mod negattiv ukoll il-prestazzjoni tagħhom.

(329)

Filwaqt li tali riskju jista’ jeżisti, il-Kummissjoni qieset li r-riskju aktar imminenti mill-pressjoni tal-prezz u tal-volum tal-importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta’ dumping kien ferm akbar minn kwalunkwe riskju potenzjali għall-industrija tal-Unjoni meta mqabbel mat-tnaqqis potenzjali fid-domanda aktar il quddiem.

(330)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, u fin-nuqqas ta’ aktar asserzjonijiet, huma kkonfermati l-premessi (422) sa (424) tar-Regolament proviżorju.

7.2.   Interess ta’ importaturi u ta’ kummerċjanti mhux relatati

(331)

AAKO sostna li d-dazji fil-livell propost fir-Regolament proviżorju jkollhom impatt enormi fuq il-prezzijiet tat-TiO2 li jimporta u fuq l-industrija tal-prodotti ta’ protezzjoni kontra x-xemx, peress li dak it-tip ta’ TiO2 jista’ jiswa sa tmien darbiet aktar mill-gradi aktar komuni.

(332)

Il-Kummissjoni indirizzat l-effett tad-dazji definittivi fuq AAKO u importaturi simili, kif ukoll il-klijenti tagħhom fil-premessa (539).

(333)

Peress li l-ebda importatur jew kummerċjant ieħor ma ppreżenta ruħu u kkontesta l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-interess tal-importaturi u l-kummerċjanti, il-Kummissjoni żżomm il-konklużjoni tagħha fil-premessa (426) tar-Regolament proviżorju li l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping x’aktarx li ma jkollhiex effett negattiv fuq is-sitwazzjoni tal-importaturi u l-kummerċjanti fl-Unjoni.

7.3.   Interess tal-utenti

7.3.1.   Ġenerali

(334)

Diversi utenti u assoċjazzjonijiet tal-utenti minbarra dawk imsemmija fil-premessa (427) tar-Regolament proviżorju ppreżentaw ruħhom biex jopponu d-dazji.

(335)

Ma wasal l-ebda kumment dwar id-daqs ivvalutat tas-segmenti tas-suq downstream tat-TiO2. B’hekk, hija kkonfermata l-premessa (428) tar-Regolament proviżorju.

7.3.2.   Masterbatch White (MW)

(336)

Schulman Plastics, produttur tal-Unjoni tal-plastiks u materjali relatati li kkoopera mal-Kummissjoni fl-istadju proviżorju tal-investigazzjoni, ma pprovda l-ebda kumment fl-istadju definittiv tal-investigazzjoni. Madankollu, bil-marġnijiet tad-dumping ġodda, aktar baxxi u kkalkulati mill-ġdid (ara l-premessa (199) hawn fuq), l-impatt fuq l-impjant tiegħu li prinċipalment jipproduċi MW se jkun saħansitra inqas evidenti milli stmat fir-Regolament proviżorju.

(337)

B’hekk, il-Kummissjoni żammet il-konklużjoni tagħha fil-premessa (434) tar-Regolament proviżorju, li Schulman Plastics tkun tista’ tassorbi d-dazji u tibqa’ profittabbli, anki jekk ma tkunx tista’ tgħaddi ż-żieda fil-kostijiet lill-klijenti.

(338)

Plastika Kritis sostna li l-impożizzjoni ta’ dazji kontra t-TiO2 Ċiniż tkun ta’ detriment għall-industrija tal-MW fl-Unjoni. Plastika Kritis sostna li hemm aktar minn 300 produttur tal-MW fl-Unjoni, l-aktar SMEs, li b’kollox jimpjegaw aktar minn 15 000 persuna. Peress li l-MW huwa materjal ħafif u mhux għali, l-ordnijiet jintrebħu jew jintilfu fuq differenza ta’ ftit ċenteżmi. B’hekk, kwalunkwe żieda fil-prezz tal-materja prima ewlenija (TiO2) li tirriżulta mill-impożizzjoni tad-dazji anti-dumping se tagħmel mhux kompetittivi lill-produtturi tal-MW tal-Unjoni meta mqabbla ma’ kompetituri minn barra l-pajjiż.

(339)

B’riżultat ta’ dan, il-produtturi l-kbar tal-masterbatch ikunu mġiegħla jirrilokaw il-produzzjoni tagħhom barra mill-Ewropa filwaqt li dawk iżgħar jieqfu jipproduċu u jsiru importaturi. B’hekk, Plastika Kritis sostna li huwa ċar li hemm interess prevalenti tal-industrija tal-MW li d-dazji ma jiġux imposti, anki jekk dan iwassal għall-falliment tal-produtturi tal-Unjoni tat-TiO2, peress li l-industrija tal-MW timpjega ħafna aktar nies u tipproduċi prodotti b’valur miżjud ogħla.

(340)

Madankollu, ma ġiet ippreżentata l-ebda data lill-Kummissjoni li turi li l-produtturi tal-MW huma esposti għal kompetizzjoni qawwija minn barra l-pajjiż jew x’inhuma l-ishma mis-suq bejn il-produtturi tal-Unjoni tal-MW u dawk barranin.

(341)

Min-naħa l-oħra, l-ilmentatur ipprovda l-istimi tiegħu stess, li skonthom il-produtturi tal-Unjoni tal-MW għandhom 95 % tas-suq tal-Unjoni.

(342)

L-impatt reali huwa diffiċli li jiġi kkwantifikat peress li l-ebda wieħed mill-utenti ż-żgħar ma ppreżenta tweġiba għall-kwestjonarju. Madankollu, ma setax jiġi eskluż li, minħabba l-inċidenza għolja ħafna tal-kost tat-TiO2 fil-kostijiet totali tal-produzzjoni tal-MW, il-produtturi ta’ dan il-prodott jistgħu jiġu affettwati ħafna mill-impożizzjoni tad-dazji jekk jakkwistaw kwantitajiet mhux negliġibbli ta’ TiO2 miċ-Ċina.

(343)

Fil-fatt, l-analiżi tal-impatt tad-dazji fuq il-profittabbiltà ta’ produttur tal-MW (ibbażata fuq id-data ta’ Schulman Plastic) uriet li, bid-dazji proposti bħalissa, il-profittabbiltà ta’ produttur tal-MW tonqos b’madwar punt perċentwali għal kull 5 punti perċentwali addizzjonali ta’ TiO2 akkwistati miċ-Ċina fit-taħlita tal-provvista tagħhom. Madankollu, baqa’ mhux ċar sa liema punt il-produtturi tal-Unjoni tal-MW huma esposti għall-kompetizzjoni minn barra l-pajjiż.

(344)

Fil-kummenti tiegħu dwar id-divulgazzjoni finali, Plastika Kritis tenna l-asserzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-effett tad-dazji fuq il-produtturi tal-MW u talab eżenzjoni mid-dazji anti-dumping għat-TiO2 destinat għall-produzzjoni ta’ masterbatches. Filwaqt li l-bażi legali għat-talba għal eżenzjoni ma kinitx speċifikata, u wara li ġiet miċħuda fl-istadju proviżorju, it-talba ta’ Schulman Plastic biex jitwessa’ l-ambitu tal-prodott f’din l-investigazzjoni biex ikopri wkoll l-MW li għalih ma wasal l-ebda kumment (ara l-premessa (26) hawn fuq) min-natura u l-formulazzjoni tat-talba, il-Kummissjoni trattatha bħala talba għal eżenzjoni tal-użu aħħari skont l-Artikolu 254 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (52).

(345)

Il-Kummissjoni nnotat mill-bidu nett li din l-eżenzjoni tal-użu aħħari waslet tard ħafna fl-investigazzjoni. Kif diġà ġie enfasizzat fil-premessa (86) hawn fuq, tali asserzjonijiet kellhom jiġu ppreżentati fl-istadji bikrija tal-investigazzjoni, sabiex ikun jista’ jingħata biżżejjed żmien biex jiġi vvalutat il-mertu tagħhom u biex tingħata l-opportunità lil partijiet interessati oħrajn biex jirreaġixxu għalihom.

(346)

Madankollu, anki jekk il-Kummissjoni b’hekk ma setgħetx tivvaluta t-talba b’mod suffiċjenti, il-Kummissjoni eżaminat it-talba fid-dawl tal-evidenza li kellha disponibbli. F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni fakkret li utenti tat-TiO2 wieħed biss li pproduċa l-MW, Schulman Plastic, ippreżenta tweġibiet għall-kwestjonarju li ġiet ivverifikata.

(347)

L-ewwel nett, ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza lill-Kummissjoni li t-TiO2 użat fil-produzzjoni ta’ masterbatches huwa b’xi mod uniku meta mqabbel ma’ gradi oħra. Għall-kuntrarju, jidher li diversi gradi tat-TiO2 jistgħu jintużaw fil-produzzjoni ta’ masterbatches.

(348)

It-tieni, ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza lill-Kummissjoni li tagħti prova ta’ nuqqas ta’ provvista ta’ TiO2 għall-produtturi ta’ MW. Minħabba l-firxa wiesgħa ta’ gradi tat-TiO2 rriklamati għall-użu f’masterbatches, li jidhru wkoll li huma ta’ speċifikazzjonijiet relattivament standard, kif ukoll id-daqs tas-segment tas-suq tal-plastik, jidher improbabbli li jkun hemm nuqqas ta’ provvista tat-TiO2 għal dan l-użu.

(349)

It-tielet, fir-rigward tas-sehem tal-prodott ikkonċernat fl-istruttura tal-kostijiet u l-kapaċità tal-utent(i) li jassorbi d-dazji, kif diġà ġie ddikjarat fil-premessi (342) u (343) hawn fuq, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-produtturi ta’ MW jistgħu jkunu l-aktar affettwati mid-dazji, minħabba l-inċidenza għolja ta’ TiO2 fl-istruttura kumplessiva tal-kostijiet tagħhom (53).

(350)

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni enfasizzat mill-ġdid li setgħet tivverifika l-livelli ta’ profitt u s-sehem tat-TiO2 Ċiniż fit-taħlita tal-provvista biss għal Schulman Plastics, fuq il-bażi tat-tweġiba tiegħu għall-kwestjonarju. Il-Kummissjoni tista’ tistma b’mod adegwat l-esponiment ta’ Schulman Plastics għall-importazzjonijiet miċ-Ċina u l-impatt li d-dazji jkollhom fuq il-profittabbiltà tiegħu. B’hekk, il-Kummissjoni setgħet tikkonkludi, kif stabbilit fil-premessi (434) tar-Regolament proviżorju u (336) u (337) hawn fuq, li Schulman Plastics seta’ jassorbi d-dazji u jibqa’ profittabbli, anki jekk jiġi preżunt li ma jkunx jista’ jgħaddi ż-żidiet fil-kostijiet lill-konsumaturi.

(351)

Plastika Kritis ma ppreżentax tweġiba għall-kwestjonarju jew data verifikabbli oħra dwar il-profittabbiltà jew is-sorsi tal-provvista tiegħu. B’hekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tivvaluta u tikkonkludi kemm kienu se jiġu affettwati b’mod serju individwalment mill-impożizzjoni tad-dazji fuq l-importazzjonijiet tat-TiO2 miċ-Ċina u jekk setgħetx tiġi ssodisfata din il-kundizzjoni għall-eżenzjoni tal-użu aħħari.

(352)

Plastika Kritis tenna mill-ġdid l-asserzjoni tiegħu li l-importaturi ta’ masterbatch fl-Unjoni minn swieq fil-qrib se jsiru saħansitra aktar kompetittivi kontra l-produtturi ta’ masterbatch tal-Unjoni, peress li dawn tal-ewwel se jkun għadu jkollhom aċċess għat-TiO2 orħos Ċiniż.

(353)

Il-Kummissjoni nnotat li Plastika Kritis ma pprovda l-ebda evidenza ġdida f’dak ir-rigward. Madankollu, il-Kummissjoni indikat li jeżisti rimedju potenzjali għal tali prattiki li kieku kellhom iseħħu: kwalunkwe industrija li tesperjenza tali prattiki tista’ titlob il-bidu ta’ każ dedikat ta’ anti-dumping jew ta’ kontra ċ-ċirkomvenzjoni, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha fir-Regolament bażiku.

(354)

Fid-dawl ta’ dan u fin-nuqqas ta’ evidenza ġdida, il-Kummissjoni żammet il-konklużjonijiet tagħha dwar dan il-punt mill-premessi (342) u (343) - (339) hawn fuq.

(355)

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi li huwa ssodisfat xi wieħed mill-elementi għall-eżenzjoni tal-użu aħħari tat-TiO2 użat fil-produzzjoni ta’ masterbatches u b’hekk ċaħdet din it-talba.

7.3.3.   L-industrija taż-żebgħat u tal-kisi

(356)

Diversi utenti mill-industriji taż-żebgħa u tal-kisjiet esprimew oppożizzjoni għad-dazji għar-raġuni tal-interess tal-Unjoni wara l-impożizzjoni tad-dazji proviżorji.

(357)

Sherwin-Williams, wieħed mill-utenti li ppreżenta tweġiba għall-kwestjonarju, ma pprovda l-ebda kumment dwar ir-Regolament proviżorju. Minħabba l-marġnijiet tad-dumping il-ġodda u aktar baxxi, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-impatt fuq Sherwin-Williams se jkun saħansitra inqas evidenti milli stmat fir-Regolament proviżorju.

(358)

AkzoNobel u PPG sostnew li d-dazji fil-livell propost se jkollhom impatt kbir fuq il-kost tal-produzzjoni u l-erożjoni tal-marġni tagħhom, mhux biss minħabba TiO2 aktar għali miċ-Ċina, iżda wkoll peress li l-produtturi tal-Unjoni se jgħollu l-prezzijiet tagħhom ukoll.

(359)

L-ASEFAPI, PPG, Teknos u AkzoNobel sostnew li ma kien hemm l-ebda possibbiltà li ż-żidiet fil-kostijiet jiġu mgħoddija lill-klijenti. Tali żidiet fil-kostijiet se jagħmlu mhux kompetittivi lill-produtturi taż-żebgħa u tal-kisi u jippromwovu l-importazzjoni tal-prodotti lesti (żebgħat) fl-Unjoni. AkzoNobel sostna li kienu diġà qed jiżdiedu l-importazzjonijiet taż-żebgħat u tal-verniċi fl-Unjoni.

(360)

PPG sostna li, bil-livell attwali ta’ dazji, l-importazzjonijiet miċ-Ċina mhux se jsiru vijabbli, anki jekk kruċjali minħabba nuqqas ta’ kapaċità fl-Unjoni u l-ħtieġa li jiġu diversifikati s-sorsi tal-provvista. B’hekk, PPG sostna li l-Kummissjoni tirrevedi ’l isfel id-dazji biex jintlaħaq bilanċ aktar ġust.

(361)

Il-Kummissjoni nnotat li kienet diġà kkonkludiet li t-TiO2 jirrappreżenta ammont żgħir fil-kost tal-produzzjoni taż-żebgħat u stmat li ma kinitx se tiġi affettwata serjament il-profittabbiltà tal-produtturi taż-żebgħa. Ma tressqet l-ebda evidenza ġdida biex tiġi kkontestata dik il-konklużjoni.

(362)

B’mod simili, filwaqt li ġiet ipprovduta evidenza limitata li turi li l-produtturi taż-żebgħa joperaw taħt kuntratti itwal, li jagħmilha diffiċli li tiġi implimentata żieda istantanja fil-prezz, ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza li turi li ma setgħux iżidu l-prezzijiet fin-negozjati mal-klijenti tagħhom, u lanqas li dik il-kompetizzjoni minn barra l-pajjiż qed tiżdied u tipperikola l-pożizzjoni tagħhom fis-suq.

(363)

Produtturi iżgħar bħal Teknos sostnew ukoll li l-interess tal-industrija taż-żebgħa u tal-kisi ma kienx ikkunsidrat biżżejjed, asserzjoni mtennija wkoll mis-CEPE. Is-CEPE sostniet li l-SMEs fl-industrija tal-kisi se jsiru inqas kompetittivi u jista’ jkollhom jwaqqfu l-produzzjoni, filwaqt li produtturi akbar jistgħu jirrilokaw il-produzzjoni tagħhom barra mill-Unjoni. B’hekk, is-CEPE talbet li jittaffa l-impatt fuq l-SMEs attivi f’dan is-settur.

(364)

L-ASEFAPI sostniet b’mod simili li ż-żieda fil-prezz assoċjata mad-dazji anti-dumping tipperikola l-vijabbiltà ta’ ħafna SMEs li huma membri tal-ASEFAPI, partikolarment peress li s-suq tal-utenti tat-TiO2 huwa frammentat ħafna, u għaldaqstant hija ristretta s-saħħa fis-suq tagħhom. Uħud mill-membri tal-ASEFAPI għandhom partikolarment klijenti kbar fis-settur awtomobilistiku, li jnaqqas s-setgħa ta’ negozjar tagħhom meta jippruvaw jgħaddu ż-żidiet fil-prezzijiet.

(365)

Barra minn hekk, l-ASEFAPI pprovdiet tabella li turi kemm żieda fil-prezz tat-TiO2 bħala l-materja prima ewlenija żżid il-kost tal-produzzjoni ta’ għaxar formulazzjonijiet differenti ta’ żebgħat, enamel u linek tal-istampar.

(366)

Il-Kummissjoni nnotat li din it-tabella pprovdiet għarfien limitat dwar diversi elementi meħtieġa biex jiġi vvalutat b’mod xieraq l-impatt fuq id-dazji proposti fuq l-utenti. Dawn jinkludu: is-sehem tad-dħul iġġenerat mill-prodotti li jużaw it-TiO2 fid-dħul totali ta’ dawk il-kumpaniji; is-sehem tat-TiO2 mixtri miċ-Ċina meta mqabbel ma’ sorsi oħra; is-sehem tal-kostijiet tat-TiO2 fil-kostijiet totali tal-manifattura tal-prodott; il-profittabbiltà fuq il-bejgħ ta’ prodotti bl-użu tat-TiO2; u l-profittabbiltà tal-kumpanija totali.

(367)

Il-Kummissjoni indikat ukoll li l-ebda wieħed mill-membri tal-SMEs tal-ASEFAPI jew tas-CEPE ma ppreżenta tweġiba għall-kwestjonarju li tagħti għarfien dwar dawk l-elementi lill-Kummissjoni.

(368)

Madankollu, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li ħafna mill-membri tas-CEPE u tal-ASEFAPI huma SMEs li mhux neċessarjament ikollhom ir-riżorsi biex jimlew it-tweġibiet għall-kwestjonarju u minflok jiddependu fuq l-assoċjazzjonijiet tal-industrija tagħhom biex jirrappreżentaw l-interess tagħhom.

(369)

B’hekk, filwaqt li baqa’ mhux ċar sa liema punt il-produtturi taż-żebgħa u tal-kisi huma effettivament esposti għal pressjonijiet kompetittivi mill-importazzjonijiet fl-Unjoni u x’effett jista’ jkollhom id-dazji fuq il-profitti ta’ produtturi iżgħar, ma setax jiġi eskluż li tista’ tiġi affettwata l-kompetittività ta’ bosta SMEs. Madankollu, fuq il-bażi tal-istruttura tal-kostijiet tal-produtturi taż-żebgħa li l-Kummissjoni osservat fil-kwestjonarji ta’ AkzoNobel u Sherwin-Williams, dan l-impatt x’aktarx li jkun l-inqas evidenti mill-kategoriji kollha tal-utenti analizzati f’din it-taqsima.

(370)

Fil-kummenti tagħhom dwar id-divulgazzjoni finali, utent wieħed, Teknos, u erba’ assoċjazzjonijiet ta’ manifatturi taż-żebgħat u tal-kisjiet - l-ASEFAPI, is-CEPE, l-HCA, u Fédération des Industries des Peintures, Encres, Couleurs, Colles et adhésifs, Résines (“FIPEC”) - ikkontestaw il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-analiżi tal-interess tal-Unjoni fir-rigward ta’ dan is-settur.

(371)

L-ewwel nett, is-CEPE, l-FIPEC u Teknos sostnew li l-Kummissjoni kellha tagħti aktar attenzjoni lis-settur tal-kostruzzjoni fl-analiżi tagħha. Huma sostnew ukoll li qed jonqsu l-proġetti tal-kostruzzjoni fl-Unjoni, u li anke żieda żgħira fil-prezz ta’ materja prima (f’dan il-każ, żebgħat u kisjiet) tista’ tpoġġi f’riskju s-sopravivenza tas-settur, peress li ma għandhiex il-marġnijiet biex tassorbi ż-żidiet fil-prezzijiet.

(372)

It-tieni, l-erba’ assoċjazzjonijiet kollha ma qablux mal-konklużjoni tal-Kummissjoni mill-premessa (369) hawn fuq, li l-impatt fuq is-segment taż-żebgħa u tal-kisi tal-industrija downstream se jkun l-inqas evidenti mill-kategoriji kollha tal-utenti eżaminati f’din it-taqsima.

(373)

Għal dak l-għan, l-erba’ assoċjazzjonijiet kollha pprovdew il-kalkoli tagħhom stess taż-żidiet fil-kostijiet, abbażi tas-suppożizzjonijiet li t-TiO2 jirrappreżenta 30 % - 50 % fil-kostijiet tal-materja prima ta’ produttur taż-żebgħa. L-ASEFAPI speċifikament enfasizzat li kienet ressqet data li tispeċifika żidiet aktar sinifikanti fil-kostijiet.

(374)

Barra minn hekk, sostnew li s-sejbiet tal-Kummissjoni kienu bbażati fuq żewġ kumpaniji kbar (AkzoNobel u Sherwin Williams) u għalhekk ma kinux rappreżentattivi għall-industrija usa’, partikolarment l-SMEs. Huma tennew l-asserzjonijiet tagħhom li l-SMEs jistgħu jassorbu d-dazji sa ċertu punt, u ma jistgħux jgħadduhom lill-klijenti tagħhom peress li għandhom setgħa ta’ negozjar limitata.

(375)

It-tielet, l-assoċjazzjonijiet sostnew li pajjiżi qrib il-fruntieri tal-Unjoni, bħar-Renju Unit, it-Turkija, u oħrajn, se jkunu jistgħu jimportaw it-TiO2 miċ-Ċina mingħajr il-piż tad-dazji anti-dumping addizzjonali, li se jagħmel lill-produtturi lokali taż-żebgħat u tal-kisjiet aktar kompetittivi kontra l-produtturi taż-żebgħa tal-Unjoni. L-HCA talbet għal mekkaniżmu ta’ protezzjoni minn tali importazzjonijiet. B’mod simili, sostnew li ż-żebgħat u l-kisjiet importati miċ-Ċina jistgħu jwaqqgħu l-prezzijiet tal-manifatturi taż-żebgħa tal-Unjoni minħabba kostijiet aktar baxxi tal-produzzjoni.

(376)

Ir-raba’, l-assoċjazzjonijiet sostnew ukoll li l-esportazzjonijiet tal-Unjoni taż-żebgħat u tal-kisjiet se jsofru wkoll minn żieda fil-prezzijiet, li jagħmel lill-utenti tal-Unjoni tat-TiO2 inqas kompetittivi fis-swieq barranin ukoll.

(377)

Fl-aħħar nett, l-assoċjazzjonijiet enfasizzaw li huwa imperattiv li tinżamm il-kompetittività tal-utenti, peress li dawn il-kumpaniji huma aktar numerużi u jimpjegaw ħafna aktar nies mill-industrija tal-Unjoni li tipproduċi t-TiO2. L-assoċjazzjonijiet sostnew ukoll li d-dazji prinċipalment jibbenefikaw minnhom kumpaniji mhux tal-Unjoni, peress li l-maġġoranza tal-produtturi tal-Unjoni huma sussidjarji ta’ kumpaniji bil-kwartieri ġenerali barra mill-pajjiż. L-ASEFAPI argumentat ukoll li d-dazji ma jkollhomx impatt favorevoli fuq il-produtturi tal-Unjoni tat-TiO2 peress li dawn nieqsin mill-kapaċità tal-produzzjoni, għalhekk l-utenti jixtru t-TiO2 minn pajjizi terzi oħra u b’hekk fl-aħħar mill-aħħar id-dazji jibbenefikaw minnhom produtturi mhux tal-UE tat-TiO2.

(378)

L-HCA ssuġġeriet ukoll diversi miżuri biex jittaffa l-impatt fuq il-kompetittività tal-industriji tal-Unjoni fil-forma ta’ ħelsien mit-taxxa u appoġġ finanzjarju għall-industriji domestiċi. Madankollu, l-ebda waħda minn dawn ma taqa’ fl-ambitu ta’ investigazzjonijiet tad-difiża tal-kummerċ.

(379)

Il-Kummissjoni analizzat dawn l-asserzjonijiet u waslet għall-konklużjonijiet li ġejjin:

(380)

L-ewwel nett, kif diġà sostniet il-Kummissjoni fir-Regolament proviżorju, l-ebda kumpanija attiva fis-settur tal-kostruzzjoni ma ppreżentat ruħha fl-investigazzjoni biex topponi d-dazji. B’mod simili, l-ebda parti ma pprovdiet biżżejjed evidenza dwar is-sitwazzjoni fis-settur tal-kostruzzjoni għajr ftit asserzjonijiet ġenerali, u lanqas ma ssostanzjat b’mod sinifikanti l-impatti tad-dazji anti-dumping fir-rigward tagħha. Meta mqabbla mal-volum ta’ preżentazzjonijiet, l-evidenza, u d-data dwar l-asserzjonijiet l-oħra kollha ppreżentati u eżaminati f’din l-investigazzjoni, kienu limitati ħafna dawk dwar is-settur tal-kostruzzjoni. B’hekk, il-Kummissjoni qieset is-settur tal-kostruzzjoni sal-punt li l-Kummissjoni u l-partijiet qiesu li kien rilevanti u sa fejn l-informazzjoni kienet disponibbli.

(381)

Filwaqt li s-CEPE u Teknos, fil-preżentazzjoni tagħhom dwar id-divulgazzjoni finali, ipprovdew ċerti rapporti li jiddeskrivu s-sitwazzjoni u l-prospetti futuri tal-Unjoni, u b’mod partikolari tas-settur tal-kostruzzjoni Ġermaniż, ma pprovdewx evidenza biex jissostanzjaw l-asserzjonijiet imsemmija fil-premessa (371) hawn fuq. B’mod partikolari, la ssostanzjaw u lanqas ikkwantifikaw sa liema punt jiżdiedu l-kostijiet taż-żebgħa, u lanqas sa liema punt is-settur tal-kostruzzjoni jista’ saħansitra jiġi affettwat minn xi żieda.

(382)

Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-ebda kumpanija mis-settur tal-kostruzzjoni ma rreġistrat bħala partijiet interessati biex jopponu d-dazji jissuġġerixxi li dawn ma jistennewx li jiġu affettwati b’mod sinifikanti mid-dazji fuq it-TiO2.

(383)

It-tieni, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-ASEFAPI, fil-kummenti tagħha dwar ir-Regolament proviżorju, ipprovdiet xi data li turi s-sehem tal-kost li t-TiO2 jista’ jkollu f’ċerti formuli taż-żebgħa u x’tista’ tkun iż-żieda fil-kostijiet għal dawk il-formuli b’livelli differenti ta’ dazji. Il-Kummissjoni analizzat kif xieraq dik id-data u qisitha għad-divulgazzjoni finali, kif ġie spjegat fil-premessi (365) sa (366) hawn fuq.

(384)

Il-Kummissjoni tenniet li din id-data wriet biss stima ta’ kemm ċerta żieda fil-prezz tat-TiO2 żżid il-kost tal-produzzjoni ta’ għaxar formulazzjonijiet differenti ta’ żebgħat, enamel u linek tal-istampar. Madankollu, din id-data ma wrietx minn liema utenti waslet, kemm kienu profittabbli dawn l-utenti, kemm ipproduċew u bigħu tipi oħra ta’ prodotti, u b’liema kost, x’kienu s-sorsi ta’ provvista tagħhom, eċċ.

(385)

B’hekk, il-Kummissjoni ma setgħet tislet l-ebda konklużjoni sinifikanti minn din id-data dwar is-sehem tat-TiO2 Ċiniż fit-taħlita tal-provvista ta’ xi utenti, u lanqas dwar il-prestazzjoni u l-livelli ta’ profitt tagħhom. Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tistma b’mod adegwat x’inhu l-esponiment tagħhom għall-importazzjonijiet miċ-Ċina u, konsegwentement, x’impatt ikollhom id-dazji fuq tali utenti. Barra minn hekk, filwaqt li ma ġietx ivverifikata din id-data, l-unika konklużjoni li setgħet tinsilet minn din id-data hija li xi żebgħat fihom sehem ogħla mill-medja tat-TiO2 fil-kostijiet tal-produzzjoni tagħhom.

(386)

Min-naħa l-oħra, kif diġà ġie enfasizzat hawn fuq, AkzoNobel u Sherwin Williams ipprovdew tweġibiet għall-kwestjonarju, li ġew ivverifikati. Dawn it-tweġibiet kienu, min-natura tal-kwestjonarju, komprensivi u kien fihom l-elementi kollha ta’ hawn fuq li l-Kummissjoni tkun meħtieġa li tivvaluta, u b’hekk juru stampa sħiħa tal-prestazzjoni ta’ kull wieħed minn dawk il-produtturi: il-kostijiet tal-produzzjoni tagħhom u s-sehem tat-TiO2 fihom ġew ikkalkolati bħala medja għaż-żebgħat kollha li tipproduċi kull kumpanija, filwaqt li ġie iżolat is-sehem tal-importazzjonijiet Ċiniżi fl-istruttura tal-kostijiet totali tagħhom. Tali data tal-kwestjonarju, mimlija u vverifikata, tippermetti għarfien aktar preċiż dwar kif jista’ jiġi affettwat produttur taż-żebgħat u tal-kisi.

(387)

Fuq il-bażi ta’ tali data, il-Kummissjoni setgħet tikkonkludi li t-TiO2 jirrappreżenta sehem ħafna aktar baxx mill-kostijiet totali tal-materja prima ta’ produttur taż-żebgħa, meta tittieħed medja fil-formulazzjonijiet kollha taż-żebgħa, minn dak li jippreżentaw l-ASEFAPI, is-CEPE, l-FIPEC, u l-HCA fuq il-bażi ta’ ċerti formulazzjonijiet individwali. Is-sehem ta’ TiO2 fil-kost totali tal-produzzjoni kien saħansitra iktar baxx.

(388)

Anki fil-każ ta’ Sherwin Williams, li mela l-kwestjonarju biss fil-livell taż-żewġ impjanti l-aktar affettwati tiegħu, is-sehem tat-TiO2 fil-kostijiet totali tal-materja prima kien ħafna aktar baxx minn dak issuġġerit minn 40 % – 50 %, u aktar baxx minn dak għall-kategoriji l-oħra kollha ta’ utenti li ppreżentaw tweġibiet għall-kwestjonarju (jiġifieri karta dekorattiva, linek bojod grafiki, u produtturi ta’ MW).

(389)

Fuq dik il-bażi, kif ġie spjegat hawn fuq fil-premessa (369), il-Kummissjoni kkonkludiet li produttur taż-żebgħa, anki SME, ikun, bħala medja, inqas affettwat mid-dazji fuq it-TiO2 minħabba s-sehem relattivament baxx li t-TiO2 jirrappreżenta fl-istruttura tal-kostijiet ta’ produtturi taż-żebgħa. Mingħajr ebda evidenza ġdida mressqa biex tikkontestaha, il-Kummissjoni żammet din il-konklużjoni.

(390)

Lanqas ma tressqet evidenza ġdida fir-rigward tat-tielet asserzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni indikat li għal kwalunkwe prattika ta’ dumping allegat fuq iż-żebgħat u l-kisjiet li ġejjin miċ-Ċina, kien jeżisti rimedju legali fil-forma ta’ investigazzjoni anti-dumping dedikata. Jekk l-utenti jkollhom evidenza ta’ tali prattiki, għandhom il-possibbiltà li jressqu l-ilment tagħhom stess lill-Kummissjoni.

(391)

B’mod simili, jeżisti mekkaniżmu ta’ protezzjoni għaċ-ċirkomvenzjoni tad-dazji allegati mill-HCA. Industrija li tesperjenza prattiki ta’ ċirkomvenzjoni tista’ titlob il-bidu ta’ każ dedikat kontra ċ-ċirkomvenzjoni, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha fir-Regolament bażiku.

(392)

Bl-istess mod, ma tressqet l-ebda evidenza ġdida fir-rigward tar-raba’ asserzjoni. Filwaqt li l-istruttura kumplessiva tal-kostijiet tal-utenti downstream tista’ tiġi affettwata, ma ġiet ippreżentata l-ebda evidenza komprensiva li turi sa liema punt l-industrija taż-żebgħat u tal-kisjiet tiddependi fuq l-esportazzjonijiet, lejn liema destinazzjonijiet, u xi jkun l-effett ġenerali fuq il-prestazzjoni tagħhom f’dawk is-swieq. B’hekk, il-Kummissjoni ma kellhiex stampa komprensiva u ma setgħetx tivverifika l-veraċità ta’ din l-asserzjoni.

(393)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni indikat li, anki jekk xi wħud mill-produtturi tal-Unjoni huma parti minn konglomerati multinazzjonali li għandhom il-kwartieri ġenerali tagħhom barra mill-pajjiż, dan ma jeskludihomx mid-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 4 tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, il-kumpaniji nfushom huma stabbiliti skont il-liġijiet rilevanti tal-Istati Membri u mhumiex relatati ma’ xi esportatur jew importatur mill-pajjiż ikkonċernat.

(394)

Teknos u l-erba’ assoċjazzjonijiet għamlu asserzjonijiet addizzjonali li l-industrija taż-żebgħat hija partikolarment sensittiva għall-bidliet fil-prezzijiet, li t-tnaqqis fil-produzzjoni tal-Unjoni tat-TiO2 matul dawn l-aħħar snin diġà għamilhom aktar dipendenti fuq l-importazzjonijiet, u li l-impożizzjoni tad-dazji se taffettwa b’mod negattiv l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku tal-UE, peress li d-dazji se jwasslu għal żieda fl-importazzjonijiet taż-żebgħat lejn l-Unjoni, li tirriżulta f’emissjonijiet addizzjonali assoċjati mat-trasport tagħhom. Huma sostnew ukoll li d-dazji se jaffettwaw b’mod negattiv l-impjiegi fl-industriji downstream u l-investiment fl-Unjoni, peress li l-kostijiet ogħla tal-produzzjoni se jwasslu għal sensji u jagħmlu s-settur taż-żebgħat u tal-kisjiet inqas attraenti għal investiment ġdid. Madankollu, dawn l-asserzjonijiet ma kinux appoġġati minn evidenza verifikabbli sinifikanti, u b’hekk ġew miċħuda mill-Kummissjoni.

7.3.4.   Produtturi tal-karta dekorattiva

(395)

Fl-istadju definittiv, Felix u Munksjö żammew il-pożizzjoni tagħhom li, anki jekk il-Kummissjoni ma eskludietx it-TiO2 tal-grad ta’ laminat mill-ambitu tal-prodott, jenħtieġ li tagħti eżenzjoni tal-użu aħħari għall-użu tiegħu fil-produzzjoni tal-karta dekorattiva, filwaqt li pprovdew asserzjonijiet u evidenza ġodda f’dak ir-rigward.

(396)

L-utenti tennew l-asserzjonijiet tagħhom li ġew issodisfati l-kriterji kollha li l-Kummissjoni qieset f’każijiet preċedenti ta’ eżenzjonijiet tal-użu aħħari. Dawn jinkludu: il-partikolarità tal-prodott downstream, id-disponibbiltà tal-provvista, is-sehem tal-prodott ikkonċernat fl-istruttura tal-kostijiet, il-kapaċità tal-utent li jassorbi d-dazji, u l-impatt tal-eżenzjoni fuq l-effettività tal-miżuri.

7.3.4.1.   Partikolarità tal-prodott

(397)

L-utenti enfasizzaw mill-ġdid kif TiO2 tal-grad ta’ laminat huwa mfassal speċifikament biex jaqdi l-għanijiet tal-produzzjoni tal-karta dekorattiva, filwaqt li rripetew l-argumenti stabbiliti fil-premessi (119) sa (122) hawn fuq. L-utenti sostnew ukoll li l-proċess ta’ kwalifika għal gradi ġodda jieħu medja ta’ madwar sena.

(398)

Wara l-analiżi mit-taqsima 2.1.3.2 hawn fuq u fid-dawl tal-evidenza kollha disponibbli, il-Kummissjoni żammet il-konklużjoni tagħha li, anki jekk it-TiO2 tal-grad ta’ laminat ma għandux karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi differenti biżżejjed meta mqabbla ma’ tipi oħra ta’ TiO2 biex jiġi eskluż mill-ambitu tal-prodott, hemm partikolarità għal dan il-prodott, minħabba li huwa mfassal apposta u prinċipalment adattat għall-użu f’applikazzjoni speċifika – il-produzzjoni tal-karta dekorattiva.

(399)

Din il-partikolarità hija evidenzjata mill-preżenza sinifikanti tal-fosforu fil-kisi tal-molekula tat-TiO2. Evidenza ġdida li ppreżentaw Felix u Munksjö uriet li għandu jkun fil-livell ta’ mill-inqas 0,5 % fuq il-piż xott tal-prodott biex ikun utli f’applikazzjonijiet tal-karta dekorattiva. Fl-istess ħin, kif diġà ġie sostnut qabel, iċ-ċarġ elettriku tas-superfiċje li jirriżulta mill-kisi tas-superfiċje oħxon tiegħu jgħin lill-molekula teħel mal-fibri tal-polpa tal-injam.

(400)

Il-Kummissjoni kkonkludiet fil-premessa (139) hawn fuq li din il-karatteristika tal-aħħar tista’ tkun rilevanti wkoll għall-użu tat-TiO2 fil-produzzjoni ta’ prodotti oħrajn ibbażati fuq il-fibri tal-polpa tal-injam (bħall-karta ordinarja). Dan impedixxa lill-Kummissjoni milli tikkonkludi li din hija karatteristika teknika bażika differenti minn tipi oħra ta’ TiO2, jew mill-inqas TiO2 użat f’applikazzjonijiet oħra. Madankollu, din il-karatteristika hija fil-fatt wieħed mill-elementi li jagħmlu t-TiO2 tal-grad ta’ laminat partikolari, sa fejn dan jagħmel it-TiO2 tal-grad ta’ laminat mhux adattat għall-użu f’applikazzjonijiet ġenerali oħra, bħal żebgħat u kisjiet.

7.3.4.2.   Disponibbiltà tal-provvista

(401)

Dwar id-disponibbiltà tal-provvista, Felix, Munksjö u s-CEPI wkoll ma qablux mal-konklużjoni li, anki fin-nuqqas totali tal-importazzjonijiet tat-TiO2 miċ-Ċina, ikun hemm biżżejjed sorsi alternattivi ta’ provvista disponibbli għall-produtturi tal-karti dekorattivi, kemm fl-Unjoni kif ukoll minn pajjiżi terzi oħra (bħar-Renju Unit jew il-Messiku).

(402)

Iż-żewġ utenti sostnew li mhuwiex realistiku li jkun mistenni li l-produtturi tal-Unjoni jżidu b’mod sinifikanti l-provvista ta’ TiO2 tal-grad ta’ laminat, li barra minn hekk huwa aktar għali biex jiġi prodott mill-biċċa l-kbira tal-gradi l-oħra. Peress li t-TiO2 tal-grad ta’ laminat jammonta biss għal madwar 12 % tas-suq totali tat-TiO2 (meta mqabbel ma’ 60 % għall-kisjiet u 25 % għall-plastiks), l-enfasi fuq segmenti akbar tas-suq tippermetti ekonomiji ta’ skala u bażi akbar ta’ klijenti, li jagħmlu aktar profittabbli dawk il-gradi.

(403)

Kif għamlu fl-istadju proviżorju, iż-żewġ utenti ppreżentaw evidenza ġdida fil-forma ta’ skambji multipli u aktar reċenti mal-produtturi tal-Unjoni, li wriet li dawn tal-aħħar setgħu joffru biss kwantitajiet limitati ta’ TiO2 tal-grad ta’ laminat.

(404)

Barra minn hekk, iż-żewġ utenti għamlu asserzjoni ġdida dwar id-diskrepanza stmata fil-provvista għat-TiO2 tal-grad ta’ laminat fl-Unjoni, fuq il-bażi taċ-ċifri fir-Regolament proviżorju u s-sehem tal-impjanti li jipproduċu regolarment TiO2 tal-grad ta’ laminat fil-kapaċità tal-produzzjoni totali tal-Unjoni.

(405)

Minħabba l-firxa tal-portafoll tagħhom f’ħafna tipi ta’ TiO2 li huwa mitlub fis-suq tal-Unjoni, iż-żewġ utenti stmaw li l-produtturi tal-Unjoni setgħu jissodisfaw biss madwar terz tad-domanda totali tal-Unjoni għal TiO2 ta’ grad ta’ laminat. Dan huwa f’konformità mal-istimi li ż-żewġ utenti għamlu fil-preżentazzjonijiet preċedenti tagħhom indirizzati fil-premessa (53) tar-Regolament proviżorju.

(406)

Dwar id-disponibbiltà tal-provvista minn sorsi oħra, iż-żewġ utenti għamlu asserzjoni ġdida li minħabba li sempliċiment kisbu volumi sinifikanti minn pajjiżi oħra fil-perjodu ta’ investigazzjoni, dan ma jfissirx li dawk is-sorsi jistgħu jfornu volumi addizzjonali li jkopru l-volumi attwalment akkwistati miċ-Ċina.

(407)

Barra minn hekk, fil-preżentazzjoni tagħhom tat-30 ta’ Mejju 2024, Felix u Munksjö wrew li l-avvenimenti tat-temp fil-Messiku kkawżaw tfixkil sinifikanti fil-produzzjoni, li pperikola l-istabbiltà tal-provvista. Iż-żewġ utenti sostnew li dan jenfasizza l-importanza ta’ sorsi diversifikati ta’ provvista. Is-CEPI tenniet dan l-argument fil-kummenti tagħha dwar ir-Regolament proviżorju.

(408)

Felix u Munksjö pprovdew ukoll rapport tat-TZMI minn April 2023, li jipprevedi żieda fid-domanda fil-Kontinent Amerikan fl-2024. L-utenti sostnew li din iż-żieda fid-domanda se tnaqqas il-kapaċità ta’ Chemours li tforni s-suq tal-karta dekorattiva fl-Unjoni. Din l-istess asserzjoni ġiet imtennija wkoll mis-CEPI.

(409)

Fir-rigward tar-Renju Unit bħala sors alternattiv potenzjali ta’ provvista, Felix u Munksjö pprovdew evidenza ġdida biex jintwera li l-fornituri lokali għandhom kapaċità limitata biex ifornu kwantitajiet adegwati ta’ TiO2 tal-grad ta’ laminat lill-Unjoni.

(410)

Iż-żewġ utenti argumentaw ukoll li kemm ir-Renju Unit kif ukoll il-Messiku jipproduċu biss it-TiO2 tal-proċess tal-klorur, filwaqt li l-fornituri Ċiniżi tagħhom jipproduċuh l-aktar permezz tal-proċess tas-sulfat. Għalkemm il-bidla bejn it-tnejn hija teknikament possibbli, dan iwassal għal kostijiet addizzjonali biex jiġu riformulati l-partijiet tal-portafolli tagħhom li jużaw it-TiO2 tal-proċess tas-sulfat.

(411)

Iż-żewġ utenti ġabu wkoll evidenza ġdida li ssostni li wħud mill-ħdax-il produttur tal-Unjoni regolarment jipproduċu TiO2 tal-grad ta’ laminat.

(412)

L-ilmentatur sostna li Felix u Munksjö ma pprovdew l-ebda evidenza li tappoġġa li l-produtturi tal-Unjoni ma setgħux jissodisfaw id-domanda tal-industrija tal-karta laminata, u li l-unika ħaġa li tipprevjeni lill-produtturi tal-Unjoni milli jipproduċu kwantitajiet suffiċjenti ta’ TiO2 tal-grad ta’ laminat hija l-kompetizzjoni inġusta miċ-Ċina.

(413)

Min-naħa l-oħra, l-ilmentatur sostna li ma hemm l-ebda raġuni għaliex l-impjant ta’ Chemours fil-Messiku ma jkunx jista’ jesporta kwantitajiet suffiċjenti lejn l-Unjoni, filwaqt li ppreżenta data ta’ informazzjoni dwar is-suq ta’ TZMI biex jikkorrobora dik l-asserzjoni. Skont dik id-data u l-kapaċità nominali fil-Messiku, kien hemm total ta’ [140 000 – 180 000] tunnellata ta’ kapaċità ta’ riżerva fil-Messiku matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (54).

(414)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tinnota li, f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament bażiku, ibbażat il-valutazzjoni tagħha fuq l-informazzjoni vverifikata ppreżentata mill-utenti li kkooperaw għall-perjodu ta’ investigazzjoni. L-informazzjoni relatata ma’ perjodu sussegwenti għall-perjodu ta’ investigazzjoni ma nġabritx jew ma ġietx ivverifikata. Fir-rigward tal-akkwist tal-utenti li kkooperaw, it-tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju wrew li akkwistaw il-parti predominanti tat-TiO2 tal-grad ta’ laminat tagħhom minn pajjiżi terzi oħra matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, filwaqt li akkwistaw sehem ħafna aktar baxx (10 sa 40 %) tat-TiO2 tal-grad ta’ laminat tagħhom miċ-Ċina u l-produtturi tal-Unjoni rrappreżentaw l-aktar sehem baxx tas-sors tagħhom ta’ TiO2 tal-grad ta’ laminat. Din l-analiżi wriet li l-utenti li kkooperaw kellhom kanali ta’ provvista stabbiliti u li jiffunzjonaw tajjeb ma’ pajjiżi terzi oħra.

(415)

Fid-dawl tal-evidenza l-ġdida kollha ppreżentata, il-Kummissjoni kkonkludiet li Felix u Munksjö jistgħu fil-fatt jiffaċċjaw diffikultajiet meta jixtru l-volumi meħtieġa minn sorsi disponibbli fl-Unjoni u fir-Renju Unit, minħabba li l-produtturi jagħżlu li jipprijoritizzaw segmenti oħra akbar tas-suq.

(416)

Madankollu, il-Kummissjoni ma setgħetx teskludi li dan huwa minħabba l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping Ċiniżi li jżommu l-prezzijiet tat-TiO2 tal-grad ta’ laminat baxxi b’mod mhux kompetittiv, mhux attraenti għall-produtturi tal-Unjoni. Hemm evidenza fil-fajl li tikkorrobora dik l-asserzjoni.

(417)

Fuq il-bażi tad-data vverifikata tal-makrokwestjonarju dwar il-kapaċità tal-produzzjoni nominali għal dawk il-ħames produtturi tal-Unjoni, u skont is-suppożizzjonijiet li (i) it-TiO2 tal-grad ta’ laminat jikkostitwixxi 12 % tad-domanda totali tal-Unjoni għat-TiO2, u li (ii) l-50 % li jifdal tal-atturi fis-suq tal-karta dekorattiva għandhom l-istess sehem tal-fornituri fit-taħlita tal-provvista tagħhom bħal Felix u Munksjö meħuda flimkien, il-Kummissjoni vvalutat il-kapaċitajiet ta’ riżerva disponibbli għall-produzzjoni ta’ TiO2 tal-grad ta’ laminat fl-Unjoni.

(418)

Kif ġie stabbilit fil-premessa (270) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni stmat li l-konsum medju fl-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni kien ta’ 1,14 miljun tunnellata. B’hekk, il-Kummissjoni bbażat l-istimi tagħha fuq id-domanda għat-TiO2 tal-grad ta’ laminat fuq il-konsum annwali medju matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(419)

B’hekk, l-istima tal-Kummissjoni uriet li l-ħames produtturi tal-Unjoni msemmija hawn fuq, jekk ikunu qed jipproduċu kapaċità nominali ta’ 90 % u jiddedikaw 12 % ta’ dik il-produzzjoni għal TiO2 tal-grad ta’ laminat, jistgħu fil-fatt jissodisfaw ftit aktar minn 1/3 tad-domanda totali tal-Unjoni għat-TiO2 tal-grad ta’ laminat.

(420)

Madankollu, anki tali provvista limitata tkun biżżejjed biex tkopri madwar 90 % tal-provvista totali tat-TiO2 tal-grad ta’ laminat li l-produtturi tal-karta dekorattiva jakkwistaw miċ-Ċina, jekk jisparixxu kompletament dawk l-importazzjonijiet. Dan huwa xenarju estrem peress li l-għan tal-miżuri mhuwiex li jwaqqfu l-importazzjonijiet għal kollox iżda li jiżguraw li jidħlu fis-suq tal-Unjoni bi prezzijiet ġusti.

(421)

Minkejja l-konklużjoni fil-premessa (414) hawn fuq, il-Kummissjoni eżaminat ukoll l-informazzjoni ppreżentata mill-partijiet interessati dwar id-disponibbiltà ta’ provvista addizzjonali mill-Messiku għall-perjodu ta’ wara l-PI.

(422)

Filwaqt li teżamina d-data ppreżentata mill-ilmentatur u msemmija fil-premessa (413), il-Kummissjoni nnotat li ċ-ċifri tal-kapaċità ta’ riżerva jista’ jkun li ġew eseġerati, peress li jidhru li jassumu li l-ebda kapaċità ma kienet iddedikata għad-domanda domestika Messikana. Barra minn hekk, hemm evidenza fil-fajl li d-domanda globali kienet baxxa matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(423)

Għalhekk, jista’ jkun mistenni li tkun inqas il-kapaċità disponibbli reali fil-Messiku f’sena normali. Din il-konklużjoni hija msaħħa bi stimi oħra minn TZMI, li juru li l-kapaċità ta’ riżerva reali fl-2024 fir-reġjun kollu tal-Amerka Ċentrali u tal-Amerika t’Isfel se tkun nofs iċ-ċifra fil-premessa (413) hawn fuq.

(424)

Minkejja dan, il-Kummissjoni stmat li anki f’xenarju aktar konservattiv, jekk il-produtturi Messikani jallokaw ukoll 12 % tal-produzzjoni għal TiO2 tal-grad ta’ laminat, ikun hemm madwar erba’ darbiet aktar kapaċità disponibbli għall-produzzjoni tat-TiO2 tal-grad ta’ laminat minn dik meħtieġa għall-10 % li jifdal tal-provvista ta’ TiO2 tal-grad ta’ laminat li jiġi miċ-Ċina (ara l-premessa (419) hawn fuq), fix-xenarju improbabbli li jisparixxi kompletament dan tal-aħħar (55).

(425)

Fl-istess ħin, l-avvenimenti tat-temp li fixklu l-provvista mill-Messiku fis-sajf tal-2024 jistgħu jitqiesu bħala ċirkostanzi eċċezzjonali li ma jistgħux iwasslu għall-konklużjoni li l-Messiku ma jkunx sors adegwat ta’ provvista fil-futur.

(426)

B’hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li jeżistu kapaċitajiet ta’ riżerva disponibbli fl-Unjoni u fil-Messiku biss (lanqas biss qieset lir-Renju Unit) biex jissostitwixxu l-volumi totali ta’ TiO2 tal-grad ta’ laminat mixtrija mill-utenti li jikkooperaw miċ-Ċina, dment li jiġu stabbiliti mill-ġdid kundizzjonijiet ekwi u l-produtturi jkunu jistgħu jimpenjaw 12 % tal-kapaċità tal-produzzjoni tagħhom għal TiO2 tal-grad ta’ laminat. Għalhekk, hija ċaħdet l-asserzjonijiet magħmula mill-utenti inkwistjoni.

7.3.4.3.   L-impatt tad-dazji fuq l-utenti u l-impatt tal-eżenzjoni fuq l-effettività tad-dazji

(427)

Felix u Munksjö kkontestaw ukoll il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-impatt tad-dazji fuq in-negozju tagħhom. Speċifikament, indikaw li l-istima tal-Kummissjoni fil-premessa (430) tar-Regolament proviżorju li l-profittabbiltà tagħhom tonqos b’[2–3] punti perċentwali ma tqisx l-effetti indiretti tad-dazji.

(428)

Huma argumentaw li l-ewwel wieħed minn dawk l-effetti kien li l-utenti jkunu meħtieġa jibdlu minn gradi prodotti permezz tal-proċess tas-sulfat għall-gradi aktar għaljin prodotti permezz tal-proċess tal-klorur u jkollhom iġarrbu kostijiet addizzjonali assoċjati mar-riformulazzjoni tar-riċetti eżistenti.

(429)

L-utenti sostnew ukoll li, bħala riżultat tad-dazji anti-dumping, il-produtturi tal-Unjoni kienu mistennija jżidu b’mod sinifikanti l-prezzijiet tagħhom għall-volumi eżistenti wkoll. Wara li daħlu fis-seħħ il-miżuri proviżorji, iż-żewġ utenti pprovdew evidenza dwar in-negozjati mal-fornituri tagħhom tal-Unjoni, li tindika li dawn il-fornituri fil-fatt se jkunu qed iżidu l-prezzijiet fil-futur qrib. L-utenti addizzjonalment ipprovdew stima ta’ TZMI dwar l-evoluzzjoni tal-prezz tat-TiO2 fil-futur qrib, ippubblikata f’Ġunju 2024, li bassret b’mod simili ż-żidiet fil-prezzijiet tat-TiO2 fl-Unjoni.

(430)

Barra minn hekk, l-utenti sostnew li dawn iż-żidiet fil-kostijiet se jagħmlu lill-produtturi Ċiniżi tal-karta dekorattiva komparattivament saħansitra aktar kompetittivi, li jinċentivaw żieda ulterjuri fl-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping tal-karta dekorattiva. Dan ikompli joħnoq ukoll il-kapaċità tal-utenti li jżidu l-prezzijiet għall-klijenti tagħhom.

(431)

Barra minn hekk, l-utenti enfasizzaw li, peress li l-kostijiet tat-TiO2 jikkostitwixxu sehem daqstant kbir fil-kostijiet totali tal-produzzjoni tagħhom, mhux se jkunu jistgħu jassorbu d-dazji, li jirriżulta f’impatt ħażin fuq in-negozju tagħhom. Fl-istess ħin, il-bidla mhux ġustifikata minn gradi ta’ sulfat (attwalment akkwistati miċ-Ċina) għal gradi ta’ klorur (li huma disponibbli l-aktar fl-Unjoni u minn pajjiżi terzi oħra), se tirriżulta f’kostijiet imminenti addizzjonali.

(432)

Barra minn hekk, bl-użu tad-data ta’ TZMI u ta’ TTO, l-utenti pprovdew kalkoli dwar il-vantaġġ fil-kost stmat li l-produtturi Ċiniżi tal-karta dekorattiva kien ikollhom meta mqabbla ma’ dak tal-Unjoni. Dawn urew li, bħala riżultat ta’ żieda fil-prezzijiet tat-TiO2, il-vantaġġ fil-kost tal-produtturi Ċiniżi tal-karta dekorattiva jiżdied minn 24 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni għal 31 % fl-2025.

(433)

L-utenti sostnew li dan mhux biss se jirriżulta f’telf ta’ volumi ta’ bejgħ għall-kompetizzjoni Ċiniża, iżda wkoll fin-nuqqas ta’ kapaċità tagħhom li jaġġustaw l-ipprezzar u b’hekk iżommuhom milli jibqgħu profittabbli fis-suq.

(434)

Fl-aħħar nett, iż-żewġ utenti sostnew li l-eżenzjoni tal-użu aħħari ma jkollhiex impatt fuq l-effettività tal-miżuri.

(435)

F’dan ir-rigward, l-utenti sostnew li l-maġġoranza tal-importazzjonijiet tat-TiO2 miċ-Ċina ma jkunux affettwati mill-eżenzjoni potenzjali, b’referenza għall-konklużjoni tal-Kummissjoni mill-premessa (428) tar-Regolament proviżorju, li t-TiO2 tal-grad ta’ laminat jammonta għal madwar 12 % tad-domanda totali. Barra minn hekk, peress li l-produtturi tal-Unjoni jiffokaw prinċipalment fuq applikazzjonijiet oħra tat-TiO2, ikun limitat ukoll l-impatt tal-eżenzjoni fuq l-industrija tal-Unjoni.

(436)

Barra minn hekk, iż-żewġ utenti ppreżentaw li l-eżenzjoni tal-użu aħħari hija kemm proċedura ta’ piż għall-kumpaniji li jridu jibbenefikaw minnha, kif ukoll li l-awtoritajiet doganali għandhom superviżjoni kontinwa fuq il-merkanzija taħt il-proċedura u jistgħu jiġbru b’mod retroattiv id-dazji jekk iqisu li l-merkanzija ma tintużax għall-użu aħħari ddeżinjat, filwaqt li l-ebda utent ieħor għajr il-produtturi tal-karti dekorattiva ma jistgħu b’hekk jibbenefikaw mill-eżenzjoni.

(437)

Fir-rigward ta’ dawn l-asserzjonijiet, il-Kummissjoni l-ewwel iċċarat li l-analiżi tagħha kienet ibbażata fuq is-simulazzjoni tal-kostijiet miżjuda tat-TiO2 li dawn l-utenti bħalissa jakkwistaw miċ-Ċina, meta l-affarijiet l-oħra kollha (inklużi l-volumi, it-tipi, u s-sorsi tal-provvista) jibqgħu l-istess. Dan irriżulta fit-tnaqqis stmat ta’ [2–3] punti perċentwali fil-profittabbiltà (56). Fl-istess ħin, il-kostijiet assoċjati mar-riformulazzjoni li stmaw l-utenti, għalkemm mhux insinifikanti, ikun kost ta’ darba li barra minn hekk ikun minuri meta mqabbel mal-kostijiet tal-produzzjoni totali normali tagħhom. Fid-dawl tal-analiżi ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni żammet is-sejba tagħha fil-premessa (430) tar-Regolament proviżorju, li d-dazji x’aktarx ikollhom impatt negattiv fuq il-profittabbiltà ta’ Felix u Munksjö.

(438)

Madankollu, il-Kummissjoni nnotat li l-marġni tad-dumping li nstab fl-istadju definittiv tal-investigazzjoni huwa aktar baxx mill-marġni tad-dumping stabbilit fir-Regolament proviżorju. Għalhekk, il-Kummissjoni għamlet valutazzjoni ġdida tal-impatt tad-dazji definittivi fuq il-marġnijiet tal-profitt taż-żewġ utenti. L-analiżi wriet li l-impatt tad-dazju definittiv fil-livell tal-marġni tad-dumping aktar baxx fuq il-profittabilità ta’ dawk iż-żewġ utenti jkun b’madwar punt perċentwal inqas mill-impatt li nstab fir-Regolament proviżorju.

(439)

B’hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li, anki jekk l-industrija tal-Unjoni żżid il-prezzijiet tagħha li, fil-fatt, instabu li kienu taħt soppressjoni mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping miċ-Ċina kif spjegat fil-premessa (217), l-impatt tad-dazji definittivi fuq dawn iż-żewġ utenti x’aktarx ma jkunx aktar sinifikanti milli kif iddeterminat fir-Regolament proviżorju, minħabba s-sehem baxx tal-provvista tal-Unjoni fit-taħlita tal-provvista tagħhom.

(440)

Madankollu, fl-istess ħin, it-TiO2 tal-grad ta’ laminat jirrappreżenta madwar 12 % tad-domanda totali tal-Unjoni għat-TiO2 u [15 – 17] % tal-volumi totali tal-bejgħ tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-impatt potenzjali fuq l-effettività tad-dazji kien għoli b’mod sproporzjonat jekk tingħata din l-eżenzjoni tal-użu aħħari.

(441)

Barra minn hekk, kif stabbilit hawn fuq, l-evidenza fil-fajl turi li mill-inqas uħud mill-produtturi tal-Unjoni ma kinux qed jipproduċu kwantitajiet biżżejjed ta’ TiO2 minħabba prezzijiet mhux kompetittivi fis-suq tal-Unjoni.

(442)

B’hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li, fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping Ċiniżi, il-produzzjoni hija mistennija li tmur lura għand il-produtturi tal-Unjoni jekk jiżdiedu b’mod adegwat il-prezzijiet.

(443)

Barra minn hekk, anki jekk it-TiO2 tal-grad ta’ laminat huwa partikolari, hemm ħames produtturi fl-Unjoni li huma kapaċi jipproduċuh, kif ukoll sorsi alternattivi ta’ provvista kemm fil-Messiku kif ukoll fir-Renju Unit. Kif indikat hawn fuq, l-istimi tal-Kummissjoni jipprevedu li hemm biżżejjed kapaċità disponibbli biex tkopri l-għajbien totali, estremament improbabbli, tal-importazzjonijiet Ċiniżi, li juri disponibbiltà suffiċjenti ta’ provvista.

(444)

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-asserzjoni msemmija fil-premessa (430) hawn fuq, il-Kummissjoni tenniet li kwalunkwe allegazzjoni ta’ prattiki ta’ dumping fl-industrija tal-karta dekorattiva u tad-dannu konsegwenti tal-industrija tal-Unjoni tiġi investigata fl-investigazzjoni anti-dumping separata li tikkonċerna l-importazzjonijiet tal-karta dekorattiva li toriġina miċ-Ċina (57) u hija barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-proċediment.

(445)

Wara d-divulgazzjoni finali, Felix, Munksjö, u LB għamlu kummenti li ma qablux mas-sejbiet ta’ hawn fuq dwar l-eżenzjoni tal-użu aħħari. Iż-żewġ utenti sostnew li l-valutazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar id-disponibbiltà tal-provvista huma bbażati fuq suppożizzjonijiet ottimisti żżejjed.

(446)

L-ewwel nett, l-utenti sostnew li l-istimi tal-Kummissjoni naqsu milli jikkunsidraw iċ-ċikliċità tas-suq tat-TiO2, peress li dawk il-kalkoli kienu bbażati fuq ċifri u kapaċitajiet tal-konsum f’perjodu ta’ domanda baxxa.

(447)

It-tieni, l-utenti sostnew li s-segment tas-suq tat-TiO2 li jammonta għal 12 % effettivament jikkonsisti mill-karta dekorattiva u t-tip normali ta’ karta. Filwaqt li l-karta dekorattiva fil-fatt tagħmel il-maġġoranza ta’ dak is-sehem, mhuwiex realistiku li jkun mistenni li l-produtturi jżidu s-sehem ta’ TiO2 tal-grad ta’ laminat fit-taħlita tal-prodott tagħhom għal 12 %, jiġifieri, il-livell ogħla mis-sehem mis-suq tiegħu.

(448)

It-tielet, l-utenti sostnew li ma jkunx realistiku li jkun mistenni li l-produtturi tal-Unjoni jallokaw sehem akbar tal-kapaċità tal-produzzjoni tagħhom lit-TiO2 tal-grad ta’ laminat, peress li jibbenefikaw minn ekonomiji ta’ skala fis-segmenti l-oħra.

(449)

Ir-raba’, l-utenti sostnew li tali żieda potenzjali ipotetika fil-provvista hija invalidata mill-fatt li bosta produtturi tal-Unjoni ma kinux lesti li jżidu l-kwantitajiet fornuti tagħhom, anki wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji.

(450)

Fl-aħħar nett, LB Group sostna b’mod simili li hemm għadd limitat ħafna ta’ fornituri tat-TiO2 tal-grad ta’ laminat globalment. Huma kkontestaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni li hemm 5 impjanti fl-Unjoni li kapaċi jipproduċu t-TiO2 tal-grad ta’ laminat filwaqt li l-espansjoni tal-kapaċità tal-produzzjoni hija improbabbli peress li l-produzzjoni ta’ dan it-tip ta’ TiO2 tirrikjedi linji tal-produzzjoni dedikati biex tiġi evitata l-kontaminazzjoni ta’ gradi oħra bil-komposti fosfori.

(451)

Barra minn hekk, LB Group indika l-konklużjonijiet proviżorji fl-investigazzjoni anti-dumping li għaddejja bħalissa fil-Brażil, (58) fejn l-awtoritajiet iddeċidew li jagħtu l-eżenzjoni tal-użu aħħari għat-TiO2 użat fil-produzzjoni tal-karta dekorattiva.

(452)

Fir-rigward tal-ewwel argument tal-utenti, kif il-Kummissjoni diġà spjegat fil-premessa (418) hawn fuq, il-Kummissjoni għamlet il-valutazzjonijiet tagħha dwar id-disponibbiltà tal-provvista fuq il-bażi tad-domanda f’sena medja, u mhux il-perjodu ta’ investigazzjoni, li kien żmien ta’ domanda baxxa. Bl-istess mod, fil-premessa (419) hawn fuq, il-Kummissjoni bbażat l-istimi tagħha fuq il-livelli tal-produzzjoni ta’ 90 % tal-kapaċità nominali tal-produtturi tal-Unjoni. L-istimi tal-Kummissjoni tad-diskrepanza fil-provvista fix-xenarju (diġà improbabbli) tal-għajbien totali tal-provvista Ċiniża kienu b’hekk, mid-disinn, konservattivi, aktar milli ottimisti.

(453)

Fir-rigward tat-tieni argument tal-utenti, il-Kummissjoni nnotat li fi preżentazzjonijiet preċedenti l-utenti kienu joperaw ukoll bis-suppożizzjoni li l-karta dekorattiva waħedha tammonta għal 12 % tad-domanda totali għat-TiO2 (59) u qabel ma kinux jikkontestaw din il-valutazzjoni. Madankollu, anki jekk ikun aktar baxx is-sehem reali tad-domanda għat-TiO2 tal-grad ta’ laminat, dan ifisser li l-produtturi tat-TiO2 jkollhom jiddedikaw saħansitra sehem inqas tal-kapaċità totali tagħhom lil dan is-segment tas-suq, li jagħmel l-istimi tal-Kummissjoni saħansitra aktar konservattivi u jsaħħaħ aktar il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar il-kapaċitajiet disponibbli.

(454)

It-tielet, il-Kummissjoni qieset li ma għandiex mertu l-asserzjoni li l-produtturi tal-Unjoni ma jżidux is-sehem tat-TiO2 tal-grad ta’ laminat fil-portafoll tagħhom. L-ewwel nett, il-produtturi tal-Unjoni diġà jipproduċu tipi oħra, aktar niċċa, ta’prodotti, anki jekk dawn sa ċertu punt jibbenefikaw minn ekonomiji ta’ skala. It-tieni, il-produtturi diġà jipproduċu t-TiO2 tal-grad ta’ laminat anki fil-kwantitajiet attwali. Għaldaqstant, huwa sikur li wieħed jassumi li, jekk jibdew jipproduċu aktar, jibbenefikaw saħansitra aktar minn ekonomiji ta’ skala f’dak is-segment, u dan jagħmilha ekonomikament attraenti li jżidu l-kwantitajiet tal-produzzjoni.

(455)

Fir-rigward tar-raba’ asserzjoni tal-utenti, il-Kummissjoni diġà indirizzat dan l-argument fil-premessi (415) u (416) hawn fuq. Filwaqt li l-produtturi tal-Unjoni setgħu ma impenjawx immedjatament volumi ogħla għall-produzzjoni tat-TiO2 tal-grad ta’ laminat, huwa raġonevoli li jkun mistenni li jagħmlu dan, ladarba jiġu definittivament restawrati kundizzjonijiet ekwi.

(456)

Fl-aħħar nett, l-asserzjoni mqajma minn LB Group dwar l-għadd ta’ produtturi tal-Unjoni li kapaċi jipproduċu t-TiO2 tal-grad ta’ laminat mhijiex appoġġata minn xi evidenza. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħadet l-asserzjonijiet proprji ta’ Felix u Munksjö dwar l-għadd ta’ produtturi tal-Unjoni (kif ukoll oħrajn) li setgħu jipproduċu t-TiO2 tal-grad ta’ laminat bħala l-punt tat-tluq fil-valutazzjoni tagħha.

(457)

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-fatt li l-awtoritajiet Brażiljani taw eżenzjoni tal-użu aħħari f’dak il-każ, il-Kummissjoni indikat li din id-deċiżjoni minn awtorità investigattiva oħra ma għandha l-ebda rilevanza jew effett fuq il-każ inkwistjoni peress li tittieħed taħt qafas legali differenti u taħt ċirkostanzi fattwali u ekonomiċi differenti. Fi kwalunkwe każ, b’kuntrast mal-każ fil-Brażil, parti kbira mill-industrija tal-Unjoni tipproduċi dan il-prodott u opponiet l-eżenzjoni. Konsegwentement, ġiet miċħuda l-asserzjoni.

(458)

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba għal eżenzjoni tal-użu aħħari għat-TiO2 tal-grad ta’ laminat.

7.3.5.   Produtturi tal-linek grafiki

(459)

Tliet utenti talbu esklużjoni tal-prodott jew eżenzjoni tal-użu aħħari għat-TiO2 grafiku għall-produzzjoni tal-linek bojod: Sun Chemical, Flint Group GmbH (“Flint”), u Siegwerk.

(460)

Flint ikkontesta s-sejbiet tal-Kummissjoni dwar it-talba tiegħu għal eżenzjoni tal-użu aħħari għat-TiO2 grafiku u sostna li hemm ħames żbalji fattwali u legali fis-sejbiet proviżorji tal-Kummissjoni.

(461)

L-ewwel nett, għalkemm dan ma għandu l-ebda effett fuq it-talba tiegħu għal eżenzjoni tal-użu aħħari, Flint sostna li mhuwiex korrett li huwa jixtri ammont limitat ta’ TiO2 għal skopijiet oħra għajr il-produzzjoni ta’ linek bojod, kif konkluż fil-premessa (57) tar-Regolament proviżorju.

(462)

It-tieni, Flint ma qabilx mal-konklużjoni li t-TiO2 grafiku ma għandux karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi partikolari meta mqabbel ma’ tipi oħra ta’ TiO2. Għal dak l-għan, Flint tenna l-asserzjoni tiegħu mill-ewwel preżentazzjoni tiegħu, billi ċċita l-asserzjonijiet promozzjonali ta’ Kronos dwar it-TiO2 grafiku, li jiddikjaraw li “dan it-tip ta’ TiO2 ileqq b’mod eċċezzjonalment għoli minħabba proċess ta’ tħin ottimizzat u intensiv ħafna, opaċità massima, u brix baxx ħafna.” Barra minn hekk, “it-TiO2 grafiku għandu bjudija unika, u reżistenza kimika, li huma kritiċi għall-applikazzjonijiet tal-linka.”

(463)

Flint irrefera għas-sejbiet tal-Kummissjoni mill-premessi (57) u (58) tar-Regolament proviżorju, li hemm “għarfien prattiku speċifiku biex jiġi prodott [TiO2 grafiku,] li għandhom il-ħakma tiegħu għadd limitat biss ta’ produtturi [ta’ TiO2]” u li “Flint […] ipprovda evidenza li turi li [it-tipi ta’ TiO2 li Flint kien qed jittestja minn produtturi differenti] ġeneralment […] ma jilħqux livelli ta’ kwalità sodisfaċenti.”

(464)

Flint ikkonkluda li minn dan isegwi li t-TiO2 grafiku għandu jkollu karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi partikolari li jiddistingwuh minn tipi oħra ta’ TiO2.

(465)

It-tielet, għall-kuntrarju tas-sejba tal-Kummissjoni li t-TiO2 grafiku ma għandux użu aħħari definit sew minħabba għadd kbir ta’ riċetti tal-linek li Flint għandu għall-prodotti tiegħu, Flint sostna li, filwaqt li juża t-TiO2 f’ħafna riċetti, dawk il-prodotti kollha huma linek bojod. B’hekk, hemm użu aħħari uniku għat-TiO2 grafiku definit bħala: materjal użat għall-manifattura ta’ linek bojod.

(466)

Ir-raba’, Flint sostna li huwa irrilevanti għal eżenzjoni tal-użu aħħari jekk l-awtoritajiet doganali jkunux jistgħu jivverifikaw jekk huwiex fil-fatt TiO2 grafiku użat għall-produzzjoni ta’ linek bojod. Dak li jgħodd fl-għoti tal-eżenzjoni tal-użu aħħari huwa l-użu speċifiku tal-prodott inkwistjoni, li ma għandux għalfejn ikun differenti minn tipi oħra ta’ prodotti soġġetti għal dazji anti-dumping.

(467)

Il-ħames, Flint argumenta li fil-fatt il-profitti tiegħu se jiġu affettwati b’mod sinifikanti mid-dazji anti-dumping proposti. Flint ipprovda kalkoli dwar l-impatt fuq il-profittabilità tiegħu fis-segment tal-linek bojod tan-negozju tiegħu, li wrew li d-dazji, għall-kuntrarju tas-sejbiet proviżorji tal-Kummissjoni, kienu se jnaqqsu l-profittabbiltà tiegħu b’madwar 9 punti perċentwali, u jwassluh biex jagħmel telf.

(468)

Flint enfasizza wkoll li l-impatt tad-dazji fuq in-negozju totali ta’ Flint ma jistax ikun determinattiv għat-talba għal eżenzjoni tal-użu aħħari, peress li Flint huwa grupp diversifikat b’bosta prodotti. Dan jiddiskrimina b’mod mhux ġustifikat bejn in-negozji ta’ prodott uniku u dawk diversifikati. Minflok, jenħtieġ li jiġi vvalutat l-impatt fuq is-segment tan-negozju inkwistjoni.

(469)

Flint tenna li ġew issodisfati r-rekwiżiti l-oħra kollha għall-għoti ta’ eżenzjoni tal-użu aħħari.

(470)

L-ewwel nett, Flint sostna li l-eżenzjoni tal-użu aħħari għat-TiO2 grafiku ma tnaqqasx l-effettività tad-dazji, peress li t-TiO2 grafiku jammonta għal madwar 3 % tad-domanda totali għat-TiO2. Flint innota wkoll li l-ilmentatur ma semmiex it-TiO2 grafiku fl-ilment, u lanqas ma involva ruħu mat-talba għal eżenzjoni tal-użu aħħari ta’ Flint fl-istadju proviżorju ta’ din l-investigazzjoni. Dan ifisser li lanqas l-ilmentatur mhuwa mħasseb dwar l-effetti possibbli li din l-eżenzjoni jista’ jkollha fuq l-effettività tad-dazji.

(471)

It-tieni, Flint tenna li t-TiO2 grafiku jikkostitwixxi sehem sinifikanti ħafna tal-kost tal-produzzjoni tal-linek bojod u indika l-prattika tal-Kummissjoni fil-każ ta’ PVA, li fiha din kienet waħda mir-raġunijiet għall-għoti ta’ talba għal eżenzjoni tal-użu aħħari (60).

(472)

Fl-aħħar nett, Flint tenna li t-TiO2 grafiku huwa prodott speċifiku ħafna li għalih l-utenti ma setgħux jibdlu l-fornituri, li kienet raġuni għall-għoti tal-eżenzjoni tal-użu aħħari fil-prattika preċedenti tal-Kummissjoni (61). Flint sostna li, peress li d-dazji anti-dumping se jagħmluha ekonomikament mhux fattibbli li t-TiO2 grafiku jiġi akkwistat miċ-Ċina, id-dazji essenzjalment iħallu lil Flint b’fornitur ewlieni wieħed biss bħala sors għall-biċċa l-kbira tat-TiO2 tiegħu.

(473)

Produttur ieħor tal-linek bojod, Siegwerk, ipprovda kalkoli li juru li l-produzzjoni tal-linek bojod ma tibqax vijabbli fl-Unjoni jekk jiġu imposti l-miżuri, minħabba l-pressjoni kompetittiva mill-importazzjonijiet minn swieq terzi bħat-Turkija. B’hekk, x’aktarx li l-kapaċità tal-linek bojod tal-Unjoni tagħlaq jew tirriloka barra mill-Unjoni.

(474)

Siegwerk sostna li r-rilokazzjoni x’aktarx ikollha aktar effetti negattivi: il-produtturi tal-imballaġġ li jiddependu fuq il-produtturi tal-linek bojod x’aktarx jagħmlu l-istess ħaġa billi jirrilokaw il-produzzjoni tagħhom barra mill-UE, peress li huwa orħos u aktar sempliċi li jimportaw imballaġġ ikkulurit lill-klijenti tagħhom fl-Unjoni, aktar milli jimportaw linek bojod (peress li t-trasport tal-linek huwa inqas kosteffiċjenti u jirrikjedi aktar attenzjoni minħabba n-natura perikoluża tiegħu).

(475)

Barra minn hekk, Siegwerk ipprovda evidenza li turi li matul l-aħħar għaxar snin, 10 punti perċentwali ta’ volum ta’ linek ibbażati fuq is-solventi ġew irrilokati mill-Unjoni lejn it-Turkija. B’hekk, din ix-xejra x’aktarx li taċċellera jekk jiġu applikati l-miżuri anti-dumping.

(476)

Saru wkoll asserzjonijiet li ċerti gradi ta’ TiO2 meħtieġa għall-użu fil-linek applikati għall-ippakkjar f’użi ta’ speċjalità (mediċinali, imballaġġ tal-ikel, kożmetiċi, eċċ., li kollha jirrikjedu standards ta’ sikurezza ogħla peress li jiġu f’kuntatt ma’ prodotti għall-konsum mill-bniedem) mhumiex disponibbli fis-suq tal-Unjoni. Għalhekk, l-utenti ma għandhom l-ebda għażla ħlief li jakkwistaw tali gradi miċ-Ċina, u ż-żieda fil-kost li tirriżulta mill-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping tagħmel mhux profittabbli din il-produzzjoni.

(477)

Bi tweġiba, l-ilmentatur ma tax data dettaljata dwar il-produzzjoni grafika tat-TiO2 mill-industrija tal-Unjoni, iżda sostna li, b’mod ġenerali, kellu kapaċità suffiċjenti biex iforni s-suq jekk jiġu restawrati l-kundizzjonijiet ekwi.

(478)

Fid-dawl tal-evidenza u l-asserzjonijiet il-ġodda ppreżentati hawn fuq, il-Kummissjoni vvalutat mill-ġdid il-konklużjonijiet tagħha mir-Regolament proviżorju.

(479)

Fir-rigward tal-argumenti ta’ Flint ippreżentati fil-premessi (461) u (462) hawn fuq, il-Kummissjoni nnotat li dawn huma pertinenti biss fir-rigward tal-analiżi tal-esklużjoni tal-prodott. Peress li Flint ma għamilx talba lill-Kummissjoni biex tivvaluta mill-ġdid l-analiżi tagħha tat-talba tiegħu għall-esklużjoni tal-prodott fl-istadju definittiv, il-Kummissjoni qieset dawk l-argumenti bħala irrilevanti.

(480)

Fir-rigward tal-argument imsemmi fil-premessa (476), il-kummenti ma speċifikawx liema gradi tat-TiO2 dawn jikkonċernaw, u għaldaqstant il-Kummissjoni ma setgħetx tivverifika l-veraċità ta’ dawk l-asserzjonijiet.

(481)

Fir-rigward tal-partikolarità tat-TiO2 grafiku, il-Kummissjoni diġà kkonkludiet fil-premessa (57) tar-Regolament proviżorju li fil-fatt hemm għarfien speċifiku għall-produzzjoni tiegħu, li għandhom il-ħakma tiegħu għadd limitat biss ta’ produtturi fl-Unjoni u fiċ-Ċina. Kif ġie kkonfermat ukoll fil-każ ta’ fużjoni Huntsman/Rockwood, (62) minħabba n-natura speċifika ta’ dan il-prodott, il-produtturi tal-linek bojod għandhom possibbiltajiet limitati biex jaqilbu għal produtturi oħra.

(482)

Kif wera Flint, l-użu ta’ tipi oħra ta’ TiO2 fl-applikazzjonijiet tiegħu jirriżulta fi prestazzjoni ħafna aktar fqira tal-linek fuq l-imballaġġ, li taffettwa l-perċezzjoni tal-klijenti.

(483)

Fir-rigward tal-argument ta’ Flint mill-premessa (466) hawn fuq, il-Kummissjoni nnotat li Flint iċċara fl-istadju definittiv li, filwaqt li juża gradi oħra ta’ TiO2 f’żewġ applikazzjonijiet speċifiċi, dawn la kienu linek bojod u lanqas TiO2 grafiku għal dawk l-applikazzjonijiet. Fi kwalunkwe każ, dawn irrappreżentaw inqas minn 1 % tal-użu totali ta’ TiO2 ta’ Flint. Min-naħa l-oħra, Flint wera li aktar minn 99 % tal-konsum tiegħu ta’ TiO2 jinsab f’formulazzjonijiet għal-linek bojod.

(484)

Rigward id-disponibbiltà tal-provvista, Flint wera li jista’ jixtri biss TiO2 grafiku mingħand fornitur wieħed fl-Unjoni u żewġ fornituri fiċ-Ċina. Ma hemm l-ebda fornitur disponibbli f’pajjiżi terzi oħra. Siegwerk sostna li jixtri t-TiO2 tiegħu minn ftit fornituri oħra Ċiniżi tal-Unjoni wkoll, iżda għal aktar minn 50 % tal-formulazzjonijiet tagħhom għandhom fornitur iċċertifikat wieħed biss.

(485)

Fuq il-bażi tal-evidenza kollha disponibbli, il-Kummissjoni żammet il-konklużjoni tagħha mill-premessa (58) tar-Regolament proviżorju li hemm għadd limitat ħafna ta’ fornituri madwar id-dinja li jistgħu jipproduċu TiO2 grafiku fil-livell ta’ kwalità adegwat, u, sa fejn taf il-Kummissjoni, huma preżenti biss fl-Unjoni u fiċ-Ċina.

(486)

Fir-rigward tal-asserzjonijiet tal-ilmentatur li jista’ jforni s-suq jekk jiġu restawrati l-kundizzjonijiet ekwi, il-Kummissjoni qieset li dan kien improbabbli għas-suq tat-TiO2 grafiku. Jiġifieri, il-kapaċità tal-produzzjoni totali tal-Unjoni hija biss madwar 80 % tal-konsum tal-Unjoni f’sena normali. Bl-informazzjoni l-ġdida disponibbli fl-istadju definittiv, il-Kummissjoni stmat li d-domanda għat-TiO2 grafiku hija ta’ madwar 2,5 % tas-suq totali tat-TiO2. L-uniku fornitur tal-Unjoni magħruf li qed jipproduċi TiO2 grafiku fil-livell ta’ kwalità sodisfaċenti jkollu jiddedika madwar 7 % tal-kapaċità totali tiegħu biex iforni d-domanda għat-TiO2 grafiku fl-Unjoni u dak il-produttur ma sostniex li kien biħsiebu jagħmel dan l-impenn.

(487)

B’hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-sorsi disponibbli ta’ provvista tat-TiO2 grafiku huma limitati ħafna kemm globalment kif ukoll fl-Unjoni.

(488)

Fir-rigward tal-istimi ta’ Flint dwar l-impatt tal-miżuri fuq il-profittabbiltà tiegħu, il-Kummissjoni aċċettat l-istima tiegħu u reġġgħet lura l-konklużjonijiet tagħha. Bl-użu tal-istess metodoloġija biex jiġi stmat l-impatt tad-dazji fil-livell tal-marġni tad-dumping il-ġdid aktar baxx, il-Kummissjoni xorta sabet li l-miżuri kienu se jwasslu biex Flint jagħmel telf fis-segment tan-negozju tal-linek bojod.

(489)

Minħabba l-istruttura tal-kostijiet simili, jista’ jkun mistenni impatt simili fuq Sun Chemical u Siegwerk, għalkemm il-Kummissjoni ma tafx il-livell ta’ esponiment tagħhom għall-fornituri Ċiniżi peress li ma ppreżentawx tweġiba għall-kwestjonarju.

(490)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq u tal-evidenza l-ġdida ppreżentata minn Siegwerk dwar il-kompetittività tan-negozju tal-Unjoni tal-linek bojod, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri jkollhom impatt sinifikanti fuq il-produtturi tal-linek bojod u fuq l-impjiegi li jiġġeneraw. Flimkien ma’ dan, effetti sekondarji potenzjali ulterjuri fuq l-industrija tal-imballaġġ downstream jista’ jkollhom aktar konsegwenzi negattivi fuq l-impjiegi fl-Unjoni.

(491)

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni stmat li l-produtturi tal-linka bajda jirrappreżentaw madwar 2,5 % tas-suq totali tat-TiO2 tal-UE u dan it-tip ta’ TiO2 mhuwiex prodott mill-maġġoranza l-kbira tal-produtturi tal-Unjoni. Abbażi tad-data disponibbli għall-Kummissjoni, il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni tat-TiO2 grafiku kien jirrappreżenta madwar 0,5 % tal-bejgħ totali tagħha fil-perjodu ta’ investigazzjoni u madwar 5 % tal-importazzjonijiet totali miċ-Ċina.

(492)

Barra minn hekk, l-ilmentatur ma opponiex direttament it-talba għal eżenzjoni tal-użu aħħari għat-TiO2 grafiku. Barra minn hekk, il-produtturi tal-linek bojod jridu jiddependu fuq għadd limitat ħafna ta’ produtturi madwar id-dinja li huma kapaċi jfornu t-TiO2 grafiku fil-livell ta’ kwalità adegwat, b’tali produttur wieħed biss ikun fl-Unjoni, u l-oħrajn fiċ-Ċina.

(493)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għoti ta’ eżenzjoni tal-użu aħħari lill-produtturi tal-linek bojod ma jkollux impatt sinifikanti fuq l-effettività tal-miżuri.

(494)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li huwa fl-interess tal-Unjoni li tagħti eżenzjoni tal-użu aħħari għall-importazzjonijiet tat-TiO2 grafiku li joriġina miċ-Ċina għall-użu fil-produzzjoni ta’ linek bojod tal-istampar.

(495)

Fil-kummenti tiegħu dwar id-divulgazzjoni finali, l-ilmentatur ma qabilx ma’ din id-deċiżjoni. L-ilmentatur oppona wkoll l-użu tat-terminu “TiO2 grafiku” li, skont l-asserzjoni tiegħu, ma kienx magħruf fl-industrija tat-TiO2. Flint għamel preżentazzjoni sussegwenti li tikkontesta l-asserzjonijiet tal-ilmentatur.

(496)

Fil-kummenti tiegħu dwar id-divulgazzjoni finali, Siegwerk talab ukoll kjarifika dwar it-terminu “użu aħħari” f’dan ir-Regolament, filwaqt li nnota wkoll li t-terminu “TiO2 grafiku” mhuwiex definit fil-liġi doganali.

(497)

B’hekk, bħala punt preliminari, il-Kummissjoni indikat it-talba oriġinali għal eżenzjoni tal-użu aħħari magħmula minn Flint u deskritta fil-premessa (32). It-talba għal eżenzjoni tal-użu aħħari saret u ġiet ivvalutata fil-kuntest tal-Artikolu 254 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

(498)

Kif innotaw tajjeb il-partijiet interessati, “TiO2 grafiku” mhuwiex definit fil-leġiżlazzjoni doganali u lanqas mhija neċessarjament terminu użat b’mod uniformi fl-industrija tat-TiO2. Minflok, “TiO2, grafiku” huwa sempliċiment abbrevjazzjoni li ntużat f’diversi dokumenti f’din l-investigazzjoni (inklużi preżentazzjonijiet mill-ilmentatur) biex faċilment issir referenza għat-tipi ta’ TiO2 li jintużaw bħala pigment fil-produzzjoni tal-linek bojod fl-industrija tal-linka grafika (63).

(499)

Kif ġie spjegat f’dan ir-Regolament, il-Kummissjoni ddeċidiet li teżenta t-TiO2mid-dazji anti-dumping jekk jiġi importat għall-użu fil-produzzjoni tal-linek bojod għall-istampar, skont il-proċeduri u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. B’hekk, l-ebda definizzjoni ta’ “TiO2 grafiku” mhija meħtieġa u lanqas implikata għall-fini li taffettwa din l-eżenzjoni tal-użu aħħari, peress li topera fuq il-bażi tal-użu maħsub tal-prodott.

(500)

Il-Kummissjoni mbagħad ipproċediet biex tanalizza l-bqija tal-kummenti tal-ilmentatur dwar id-divulgazzjoni finali, u l-kontroasserzjonijiet ta’ Flint.

(501)

L-ewwel nett, l-ilmentatur sostna li l-konklużjoni tal-Kummissjoni hija bbażata fuq id-data ta’ utent wieħed (Flint), u li l-Kummissjoni kellha twettaq valutazzjoni tal-impatt tad-dazji fuq l-industrija tal-linek bojod fuq għadd aktar rappreżentattiv ta’ utenti tat-TiO2 grafiku.

(502)

It-tieni, l-ilmentatur sostna li ma kienx korrett li l-utenti setgħu jixtru t-TiO2 grafiku biss minn fornitur wieħed fl-Unjoni u żewġ fornituri fiċ-Ċina, kif allegatament ikkonkludiet il-Kummissjoni fil-premessa (484) hawn fuq.

(503)

L-ilmentatur kompla jargumenta li hemm kapaċità kbira ta’ produttur wieħed tal-Unjoni disponibbli li tista’ tiġi ddedikata għas-suq tal-Unjoni tal-linka, jekk jiġu restawrati kundizzjonijiet ekwi. Fl-istess ħin, hemm diversi fornituri fl-Unjoni li jbigħu t-TiO2 lill-industrija tal-linek bojod.

(504)

Barra minn hekk, l-ilmentatur ma qabilx mal-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-utent wieħed tal-Unjoni magħruf li qed jipproduċi t-TiO2 grafiku ma jiddedikax 7 % tal-kapaċità tal-produzzjoni totali tiegħu biex jissodisfa d-domanda fl-Unjoni.

(505)

Barra minn hekk, l-ilmentatur sostna li l-Kummissjoni ma talbet l-ebda informazzjoni mill-produtturi tal-Unjoni mhux inklużi fil-kampjun dwar il-produzzjoni tagħhom tat-TiO2 grafiku. B’hekk, il-Kummissjoni ma tistax tallega b’mod raġonevoli li hemm fornitur wieħed biss tal-Unjoni magħruf li jipproduċi t-TiO2 grafiku f’livell sodisfaċenti ta’ kwalità.

(506)

It-tielet, l-ilmentatur ikkontesta l-metodoloġija li l-Kummissjoni użat biex tivvaluta l-impatt li l-miżuri anti-dumping jista’ jkollhom fuq l-utenti, il-produtturi tal-linka bajda, meta mqabbel mal-impatt li l-eżenzjoni tal-użu aħħari jista’ jkollu fuq il-produtturi tal-Unjoni.

(507)

L-ilmentatur indika li fl-investigazzjoni antisussidji tal-2021 dwar l-importazzjonijiet ta’ fojl tal-aluminju għall-modifikazzjoni (“ACF”, aluminium converter foil) miċ-Ċina, (64) il-Kummissjoni ma tatx l-eżenzjoni tal-użu aħħari minħabba li, filwaqt li l-ACF kien rilevanti għal parti biss mill-produzzjoni totali tal-utent inkwistjoni, il-Kummissjoni ma setgħetx tiddetermina x’impatt kien ikollhom id-dazji fuq il-profittabbiltà totali tal-utent (65). L-ilmentatur ikkontesta li f’dan il-każ, peress li l-linek bojod jirrappreżentaw parti biss mill-portafoll ta’ Flint, jenħtieġ li l-Kummissjoni tasal għall-istess konklużjoni bħal fil-każ tal-ACF imsemmi hawn fuq.

(508)

B’kuntrast ma’ dan, l-ilmentatur sostna li din l-eżenzjoni tal-użu aħħari jkollha impatt negattiv serju fuq il-produtturi tal-Unjoni li jipproduċu t-TiO2, u dan kellu jiġi analizzat b’mod speċifiku. Huwa argumenta li jekk tingħata l-eżenzjoni tal-utent aħħari, il-produtturi tal-Unjoni ma jkunux għadhom kapaċi jbigħu t-TiO2 grafiku fis-suq tal-Unjoni.

(509)

Fl-aħħar nett, l-ilmentatur sostna li kien hemm riskju għoli ta’ ċirkomvenzjoni assoċjat ma’ din l-eżenzjoni. Hija tintroduċi sfidi sinifikanti fil-verifika tan-natura ta’dan il-prodott, u b’hekk it-TiO2 grafiku seta’ jiġi ddikjarat ħażin jew iddevjat lejn utenti aħħarin oħra.

(510)

Min-naħa l-oħra, Flint sostna li l-kummenti tal-ilmentatur dwar din l-eżenzjoni tal-użu aħħari ma kinux bona fide, peress li għamel kummenti li jopponu t-talba ta’ Flint biss wara d-divulgazzjoni finali, kważi sena sħiħa wara li Flint oriġinarjament għamel it-talba.

(511)

Barra minn hekk, Flint argumenta li jenħtieġ li l-Kummissjoni tiċħad l-argumenti tal-ilmentatur dwar kif l-eżenzjoni tal-użu aħħari tista’ tintuża biex timmina l-effettività tad-dazji. In-natura stess ta’ din il-proċedura doganali ma tippermetti l-ebda dikjarazzjoni ħażina filwaqt li l-proċedura tiżgura b’mod preċiż li t-TiO2 ma jiġix iddevjat għal użi aħħarin oħra.

(512)

Flint sostna wkoll li huwa irrilevanti li Flint biss ippreżenta tweġiba għall-kwestjonarju, peress li l-Kummissjoni kienet diġà tat eżenzjonijiet tal-użu aħħari fuq talba ta’ utent wieħed biss li kkoopera (66).

(513)

Fir-rigward tal-ewwel argument li sar mill-ilmentatur, il-Kummissjoni nnotat li fost it-tliet utenti li talbu l-eżenzjoni tal-użu aħħari, Flint biss ippreżenta tweġiba għall-kwestjonarju li ġiet ivverifikata. Madankollu, Sun Chemical u Siegwerk it-tnejn għamlu preżentazzjonijiet bil-miktub u saru seduti ta’ smigħ magħhom u b’hekk il-Kummissjoni setgħet tikkomplementa d-data verifikata ta’ Flint ma’ għarfien addizzjonali.

(514)

Il-Kummissjoni indikat li, min-naħa l-oħra, l-ilmentatur għamel preżentazzjoni waħda biss rigward din it-talba għal eżenzjoni tal-użu aħħari matul l-investigazzjoni, fejn barra minn hekk ikkontesta biss l-argumenti li saru minn Sun Chemical. Fl-istess ħin, filwaqt li Flint ippreżenta t-talba tiegħu għal eżenzjoni tal-użu aħħari fl-ewwel għaxart ijiem tal-investigazzjoni u għamel diversi preżentazzjonijiet sussegwenti b’appoġġ għall-asserzjonijiet tiegħu, kif indika b’mod korrett Flint, l-ilmentatur qatt ma kkontesta dawk l-argumenti.

(515)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, ġie stmat li dawn it-tliet utenti jirrappreżentaw madwar 70 % tal-produzzjoni tal-Unjoni tal-linek bojod. B’hekk, il-Kummissjoni qieset li s-sitwazzjoni tagħhom hija rappreżentattiva tal-industrija tal-linek bojod u għamlet il-konklużjonijiet tagħha abbażi tal-informazzjoni li kellha disponibbli.

(516)

It-tieni, għall-kuntrarju tal-asserzjoni tal-ilmentatur, il-Kummissjoni ma kkonkludietx fil-premessa (484) li l-industrija kollha tal-linek bojod tista’ tixtri t-TiO2 grafiku minn fornitur wieħed fl-Unjoni u żewġ fornituri fiċ-Ċina, iżda pjuttost li dan kien il-każ għal Flint. Fil-fatt, kif turi l-bqija ta’ din il-premessa, utenti oħra jistgħu jixtru wkoll it-TiO2 grafiku minn fornituri oħra wkoll, fi kwantitajiet limitati.

(517)

Fir-rigward tal-asserzjoni li l-Kummissjoni ma talbet l-ebda informazzjoni mill-produtturi tal-Unjoni mhux inklużi fil-kampjun dwar il-produzzjoni tagħhom tat-TiO2 grafiku, il-Kummissjoni kellha informazzjoni min-naħa tal-utenti li xi wħud mill-utenti qed jixtru kwantitajiet limitati minn produtturi tal-Unjoni mhux inklużi fil-kampjun. Il-Kummissjoni fakkret mill-ġdid li l-argumenti li saru mill-produtturi tal-linek bojod dwar id-disponibbiltà tal-provvista qatt ma kienu kkontestati b’mod sinifikanti.

(518)

Dan jgħodd partikolarment għall-argumenti ta’ Flint dwar l-għarfien speċifiku meħtieġ biex jiġi prodott it-TiO2 li jaħdem tajjeb fil-linek bojod, li l-eżistenza tiegħu u l-fatt li għandhom il-ħakma tiegħu għadd żgħir biss ta’ produtturi kien diġà stabbilit fil-każ ta’ fużjoni Huntsman/Rockwood. Barra minn hekk, wara din il-fużjoni, kellu jiġu żvestit l-għarfien ta’ wieħed miż-żewġ mexxejja tas-suq tal-Unjoni fit-TiO2 grafiku, u nxtara minn dak li issa huwa LB Group li kompla jforni dak il-grad tat-TiO2 lill-Unjoni.

(519)

L-ilmentatur ma ressaq l-ebda evidenza matul l-investigazzjoni li tikkontesta dan u b’hekk tinnega l-konklużjoni li d-disponibbiltà ta’ gradi tat-TiO2 grafiku li huma ta’ kwalità sodisfaċenti hija limitata ħafna globalment għal ftit produtturi biss fl-Unjoni u fiċ-Ċina. Xejn fit-tweġibiet verifikati għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun ma qajjem dubju dwar dik il-konklużjoni. B’hekk, il-Kummissjoni ma sabet l-ebda raġuni biex tikkomunika mal-produtturi tal-Unjoni mhux inklużi fil-kampjun.

(520)

Fir-rigward tal-kapaċità disponibbli ta’ produttur wieħed tal-Unjoni li jforni lis-suq, filwaqt li dan jista’ jkollu kapaċità teoretika, il-Kummissjoni diġà kkonkludiet li huwa improbabbli li jiddedika 7 % ta’ din il-kapaċità biex ifornu dak li huwa biss 2,5 % tas-suq.

(521)

L-ilmentatur ma ressaq l-ebda evidenza li tissuġġerixxi mod ieħor. Għall-kuntrarju, l-asserzjonijiet tiegħu stess mill-kummenti dwar id-divulgazzjoni finali jissuġġerixxu li ma hemm l-ebda inċentiv ekonomiku biex jagħmel dan.

(522)

It-tielet, il-Kummissjoni ma qablitx mal-asserzjoni tal-ilmentatur li l-Kummissjoni applikat metodoloġija differenti fil-każ tal-ACF. Il-Kummissjoni tivvaluta kull talba fuq bażi ta’ każ b’każ u fid-dawl tal-fatti u tal-informazzjoni kollha disponibbli. B’hekk, il-fatt li fil-każ tal-ACF l-impatt fuq il-profittabbiltà totali tal-utent ma setax jiġi stmat ma jagħmilx is-sitwazzjoni fattwali komparabbli ma’ dan il-każ. Fi kwalunkwe każ, jidher ċar mill-ġurisprudenza li l-legalità ta’ regolament li jimponi dazji antidumping trid tiġi vvalutata fid-dawl tar-regoli legali u, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku, u mhux fuq il-bażi tal-allegata prattika preċedenti tal-istituzzjonijiet tal-UE fit-teħid ta’ deċiżjonijiet (67).

(523)

Fil-fatt, kif elaborat il-Kummissjoni fil-premessi (488) sa (490), meta analizzat l-istampa ġenerali, inkluża l-inċidenza għolja ta’ TiO2 fl-istruttura tal-kostijiet tal-linek bojod u evidenza ġdida li ġabet magħha l-volatilità tan-negozju tal-linek bojod, kif ukoll l-effetti sekondarji potenzjali tal-industrija tal-imballaġġ downstream, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri jkollhom impatt sinifikanti fuq il-produtturi tal-linka bajda.

(524)

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni esprimiet dubju dwar l-asserzjonijiet tal-ilmentatur li din l-eżenzjoni tal-użu aħħari se jkollha impatt negattiv serju fuq il-produtturi tal-Unjoni. Kif diġà ġie sostnut, it-TiO2 grafiku jirrappreżenta sehem żgħir ħafna, 2,5 %, tas-suq totali, u saħansitra inqas f’termini tas-sehem tal-bejgħ tal-produttur wieħed tal-Unjoni li huwa l-aktar kompetittiv f’dan is-suq.

(525)

Barra minn hekk, l-ilmentatur ma ssostanzjax għaliex xi wieħed mill-produtturi tal-Unjoni, li qed ibigħ u kien qed ibigħ it-TiO2 grafiku lill-Unjoni fis-snin preċedenti, minkejja l-kompetizzjoni Ċiniża, issa f’daqqa waħda ma jkunx jista’ jagħmel dan.

(526)

Fl-aħħar nett, l-ilmentatur ma ssostanzjax b’mod sinifikanti l-asserzjonijiet tiegħu dwar ir-riskju ta’ ċirkomvenzjoni. L-eżenzjoni tal-użu aħħari hija proċedura doganali li permezz tagħha l-awtoritajiet doganali jivverifikaw jekk il-prodotti importati kinux fil-fatt soġġetti għal użu speċifiku. B’hekk, il-Kummissjoni ma sabet l-ebda raġuni biex temmen li t-TiO2 seta’ jiġi ddikjarat ħażin jew iddevjat lejn utenti aħħarin oħra bħala riżultat ta’ din l-eżenzjoni.

(527)

Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjonijiet tal-ilmentaturi rigward l-eżenzjoni tal-użu aħħari għall-produzzjoni ta’ linek bojod għall-istampar.

7.3.6.   Fatturi oħra

(528)

Diversi partijiet interessati għamlu wkoll asserzjonijiet dwar il-provvista insuffiċjenti tat-TiO2 fl-Unjoni. Huma sostnew li fil-passat iffaċċjaw ħafna skarsezzi fil-provvista u meta l-ekonomija tirkupra mill-ġdid, il-prezzijiet se jogħlew u lanqas se jkun hemm kwantitajiet biżżejjed ta’ TiO2 disponibbli mill-produtturi tal-Unjoni.

(529)

L-ilmentatur ikkontesta dawk l-asserzjonijiet, filwaqt li ddikjara li huwa lest li jissodisfa d-domanda tal-Unjoni ladarba jiġu restawrati l-kundizzjonijiet ekwi. Barra minn hekk, l-ilmentatur argumenta wkoll li huma ppjanati espansjonijiet multipli tal-kapaċità f’pajjiżi oħra bħar-Renju Unit, l-Arabja Sawdija u l-Istati Uniti.

(530)

Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-kapaċità totali tal-Unjoni mhijiex biżżejjed biex tissodisfa d-domanda totali tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-espansjonijiet tal-kapaċità sostnuti mill-ilmentatur ma setgħux jiġu vverifikati skont evidenza affidabbli.

(531)

Madankollu, fuq il-bażi tal-informazzjoni u l-evidenza disponibbli għall-Kummissjoni, hemm kapaċitajiet kbar tat-TiO2 disponibbli madwar id-dinja, u mill-inqas indikazzjonijiet li l-espansjoni tal-kapaċità se tkompli fis-snin li ġejjin f’reġjuni oħra għajr iċ-Ċina. Anki jekk l-importazzjonijiet miċ-Ċina jisparixxu kompletament, dawn jistgħu jikkumpensaw għad-diskrepanza potenzjali fil-provvista.

7.4.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(532)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda raġuni konvinċenti kontra l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping definittivi fuq id-diossidu tat-titanju li joriġina miċ-Ċina.

(533)

Madankollu, biex jiġi limitat kwalunkwe impatt serju possibbli fuq l-utenti li huma dipendenti ħafna fuq it-TiO2 fil-produzzjoni tagħhom u sabiex jittaffa l-effetti negattivi serji possibbli li d-dazji anti-dumping jista’ jkollhom fuq għadd kbir ta’ tali utenti, filwaqt li fl-istess ħin tiġi żgurata l-protezzjoni għall-industrija tal-Unjoni esposta għall-effetti dannużi tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping miċ-Ċina, il-Kummissjoni qieset il-modulazzjoni tad-dazji.

(534)

Fil-kummenti tagħhom dwar id-divulgazzjoni finali, diversi partijiet interessati tennew il-kummenti tagħhom li r-rata anti-dumping ta’ 32,3 % hija għolja wisq u se tagħmel in-negozji tagħhom mhux kompetittivi, u li jenħtieġ li l-Kummissjoni tnaqqas ir-rati tad-dazju.

(535)

Il-kummenti individwali u speċifiċi kollha dwar l-interess tal-Unjoni ġew indirizzati. Barra minn hekk, kif ġie spjegat fit-taqsima 8.2 hawn taħt, il-Kummissjoni biddlet il-forma tal-miżuri. Id-dazji mhux se jinġabru bħala perċentwal ta’ valur dikjarat tal-fattura, iżda pjuttost bħala ammont fiss għal kull kilogramma, irrispettivament mill-valur tal-fattura. Kif ġie spjegat fil-premessa (533) hawn fuq u fit-taqsima 8.2 hawn taħt, dan huwa mistenni li jtaffi l-impatt tad-dazji fuq l-utenti.

8.   MIŻURI ANTI-DUMPING DEFINITTIVI

8.1.   Miżuri definittivi

(536)

Bil-ħsieb tal-konklużjonijiet li ntlaħqu fir-rigward tad-dumping, tad-dannu, tal-kawżalità, tal-livell tal-miżuri u tal-interess tal-Unjoni, u f’konformità mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, jenħtieġ li jiġu imposti miżuri anti-dumping definittivi sabiex ma jiġix ikkawżat aktar dannu lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping tal-prodott ikkonċernat.

8.2.   Forma tal-miżuri

(537)

Kif ġie spjegat fil-premessa (533) hawn fuq, il-Kummissjoni qieset xieraq li timmodifika l-forma tal-miżuri. Kif sostnew diversi partijiet, il-perjodu ta’ investigazzjoni kkoinċida ma’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku fiċ-ċiklu tad-domanda għat-TiO2. Skont l-informazzjoni dwar is-suq disponibbli għall-Kummissjoni, huwa mistenni li kemm id-domanda kif ukoll il-prezzijiet jibqgħu jiżdiedu fil-futur prevedibbli, mill-inqas sa tmiem l-2025.

(538)

B’hekk, il-Kummissjoni qieset li l-impożizzjoni ta’ dazji fil-forma ta’ dazji speċifiċi se tnaqqas l-impatt tad-dazji fuq l-utenti peress li, f’suq li qed jikber, is-sehem tad-dazji fil-prezz totali tat-TiO2 Ċiniż se jkun inqas milli kieku d-dazji jiġu imposti bħala dazji ad valorem. B’mod partikolari, l-estimi tal-Kummissjoni wrew li, diġà fuq il-bażi tad-data tal-perjodu ta’ investigazzjoni miġbura mill-utenti, il-miżuri fil-forma ta’ dazji speċifiċi jtaffu l-impatt fuq il-profittabbiltà tal-perjodu ta’ investigazzjoni tal-produtturi tal-karta dekorattiva u tal-linek bojod b’bejn 0,2 u 0,5 punti perċentwali, filwaqt li l-affarijiet l-oħra kollha jibqgħu l-istess.

(539)

Barra minn hekk, l-utenti tal-gradi ta’ TiO2 speċjalizzati ħafna, bħal dawk importati minn AAKO, li l-prezz tagħhom huwa diversi ordnijiet ta’ kobor ogħla mill-gradi użati b’mod aktar komuni, b’hekk se jiġu affettwati b’mod minimu mill-miżuri.

(540)

Fl-istess ħin, il-livell tad-dazji jippermetti lill-industrija tal-Unjoni tirkupra mill-effetti tad-dumping dannuż fil-kuntest ta’ domanda u prezzijiet li qed jiżdiedu u t-tnaqqis fil-kostijiet tal-materja prima (68). B’hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li fid-dawl taċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ dan il-każ, l-impożizzjoni ta’ miżuri fil-forma ta’ dazji speċifiċi se ssib bilanċ xieraq bejn l-interess tal-utenti u l-ħtieġa tal-industrija tal-Unjoni għall-protezzjoni mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping.

(541)

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, jenħtieġ li r-rati tad-dazju anti-dumping definittiv, espressi skont il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, id-dazju doganali mhux imħallas, u bħala ammont fiss għal kull kg jenħtieġ li jkunu kif ġej:

Kumpanija

Marġni tad-dumping (%)

Marġni tad-dannu (%)

Rata tad-dazju definittiv (%)

Dazju speċifiku definittiv (EUR/kg)

Grupp LB

32,3

53,4

32,3

0,74

il-grupp Anhui Gold Star

11,4

53,0

11,4

0,25

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

28,4

53,3

28,4

0,64

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

32,3

53,4

32,3

0,74

(542)

Ir-rati tad-dazju anti-dumping tal-kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament ġew stabbiliti fuq il-bażi tas-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni. Għalhekk, jirriflettu s-sitwazzjoni li nstabet matul din l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpaniji. B’hekk, dawn ir-rati tad-dazju huma applikabbli esklużivament għall-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat u prodott mill-entitajiet legali msemmija.

(543)

Fil-kummenti tiegħu dwar id-divulgazzjoni finali, LB Group issuġġerixxa li jkun aktar xieraq li jiġu stabbiliti dazji speċifiċi separati għat-TiO2 tal-proċess tas-sulfat u għat-TiO2 tal-proċess tal-klorur, minħabba li hemm differenzi tradizzjonali fil-prezz bejniethom it-tnejn.

(544)

F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni fakkret li, kif diġà ġie elaborat fil-premessi (67) sa (71) tar-Regolament proviżorju, u kkonfermat fil-premessi (81) sa (84) hawn fuq, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba biex jitwettqu analiżijiet separati tad-dannu u tal-kawżalità għall-prodotti li ġejjin miż-żewġ proċessi tal-produzzjoni. Dan kien ikun prerekwiżit għall-kalkolu tad-dazji anti-dumping individwali għat-TiO2 tal-proċess tas-sulfat u għat-TiO2 tal-proċess tal-klorur.

(545)

Fin-nuqqas ta’ evidenza ġdida biex tikkontesta dik il-konklużjoni, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba ta’ LB Group biex jiġu stabbiliti dazji speċifiċi separati għat-TiO2 tal-proċess tas-sulfat u għat-TiO2 tal-proċess tal-klorur.

(546)

Fil-kummenti tiegħu dwar id-divulgazzjoni finali, l-ilmentatur, filwaqt li ma kkontestax id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-forma proposta tad-dazji, talab li tiddaħħal klawżola fir-Regolament finali li tippermetti reviżjoni tal-forma tad-dazju f’każ li d-dazju fiss isir fil-biċċa l-kbira ineffiċjenti biex jiġu miġġielda l-prattiki tad-dumping, biex tippermetti rieżami immedjat.

(547)

F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat li tkun żejda tali klawżola. F’każ li l-ilmentatur jew kwalunkwe parti oħra ssib li d-dazji anti-dumping isiru inadegwati biex jikkontrobattu l-prattiki tad-dumping (irrispettivament minn jekk jiġux espressi bħala dazji ad valorem jew speċifiċi), tista’ tressaq talba għal rieżami interim dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

(548)

L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat manifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija speċifikament fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija speċifikament, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-“importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina”.

(549)

Kumpanija tista’ titlob l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali jekk sussegwentement tibdel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tkun indirizzata lill-Kummissjoni (69). It-talba jrid ikun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha li tippermetti li jintwera li t-tibdil ma jaffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla fl-isem tal-kumpanija ma taffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha, jiġi ppubblikat regolament dwar il-bidla tal-isem f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(550)

Sabiex jiġu mminimizzati r-riskji ta’ ċirkomvenzjoni minħabba d-differenza fir-rati tad-dazju, huma meħtieġa miżuri speċjali biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tad-dazji anti-dumping individwali. L-applikazzjoni ta’ dazji anti-dumping individwali hija applikabbli biss mal-preżentazzjoni ta’ fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Il-fattura trid tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament. Sakemm tiġi ppreżentata tali fattura, jenħtieġ li l-importazzjonijiet ikunu soġġetti għad-dazju anti-dumping applikabbli għall-“importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina”.

(551)

Filwaqt li l-preżentazzjoni ta’ din il-fattura hija meħtieġa biex l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali fuq l-importazzjonijiet, din mhijiex l-uniku element li għandu jitqies mill-awtoritajiet doganali. Fil-fatt, anki jekk jiġu ppreżentati fattura li tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jwettqu l-verifiki tas-soltu tagħhom u jistgħu, bħal fil-każijiet l-oħra kollha, jirrikjedu dokumenti addizzjonali (dokumenti tat-tbaħħir, eċċ.) għall-fini li jivverifikaw l-akkuratezza tad-dettalji li jinsabu fid-dikjarazzjoni u jiżguraw li l-applikazzjoni sussegwenti tar-rata tad-dazju tkun ġustifikata, f’konformità mal-liġi doganali.

(552)

Jekk l-esportazzjonijiet minn waħda mill-kumpaniji li jibbenefikaw minn rati ta’ dazju individwali aktar baxxi jiżdiedu b’mod sinifikanti fil-volum, b’mod partikolari wara l-impożizzjoni tal-miżuri kkonċernati, tali żieda fil-volum tista’ titqies bħala waħda li fiha nnifisha tikkostitwixxi bidla fix-xejra tal-kummerċ minħabba l-impożizzjoni ta’ miżuri skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. F’tali ċirkostanzi, tista’ tinbeda investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet biex isir dan. Din l-investigazzjoni tista’, inter alia, teżamina l-ħtieġa għat-tneħħija ta’ rata/i tad-dazju individwali u l-impożizzjoni konsegwenti ta’ dazju fil-pajjiż kollu.

(553)

Sabiex jiġi żgurat infurzar xieraq tad-dazji anti-dumping, jenħtieġ li d-dazju anti-dumping għall-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina japplika mhux biss għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx f’din l-investigazzjoni, iżda wkoll għall-produtturi li ma kellhomx esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(554)

Jenħtieġ li l-produtturi esportaturi li ma esportawx il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni jkunu jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex ikunu soġġetti għar-rata tad-dazju anti-dumping għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tilqa’ tali talba dment li jiġu ssodisfati tliet kundizzjonijiet. Il-produttur esportatur il-ġdid ikollu juri li: (i) ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-PI; (ii) mhuwiex relatat ma’ produttur esportatur li għamel dan; u (iii) esporta l-prodott ikkonċernat wara dan jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli biex jagħmel dan fi kwantitajiet sostanzjali.

(555)

Wara d-divulgazzjoni finali, l-ilmentatur talab lill-Kummissjoni ddaħħal klawżola fir-Regolament finali. Il-klawżola mitluba tippermetti l-monitoraġġ tal-importazzjonijiet tat-TiO2 li joriġinaw minn Anhui Gold Star, li jippermetti li jitqabbel il-volum importat kull sena minn din il-kumpanija lejn l-Unjoni mal-kapaċità massima rrapportata fit-tweġiba tagħha għall-kwestjonarju. Jiġi nnotat f’dan ir-rigward li abbażi tal-kodiċi addizzjonali TARIC assenjat lill-grupp Anhui Gold Star, u bħala parti mill-attivitajiet ta’ monitoraġġ, il-Kummissjoni se tkun f’pożizzjoni li tosserva l-volumi li jidħlu fl-Unjoni minn dan l-esportatur u tivvaluta l-ħtieġa għal kwalunkwe azzjoni ta’ segwitu kif xieraq.

8.3.   Ġbir definittiv tad-dazji proviżorji

(556)

Plastika Kritis argumenta li jenħtieġ li d-dazji proviżorji ma jinġabrux f’dan il-każ. Huwa sostna li, minħabba l-attakki tal-Houtis li jfixklu r-rotot tat-tbaħħir mill-Baħar l-Aħmar, ħafna tagħbijiet ordnati fi Frar/f’Marzu u mibgħuta f’April jew f’Mejju għadhom ma waslux fil-port tad-destinazzjoni.

(557)

Fl-istess ħin, ħafna utenti tat-TiO2 ipprovdew offerti u ffirmaw kuntratti mal-klijenti tagħhom bi prezzijiet fissi u se jkollhom jassorbu t-telf kollu assoċjat mad-dazji anti-dumping. B’hekk, isostnu li jenħtieġ li ma jinġabar l-ebda dazju fuq vjaġġi ta’ TiO2 li jkunu ġew ittrasportati qabel id-data tar-reġistrazzjoni.

(558)

F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat li jenħtieġ li l-utenti kellhom ikunu konxji mill-possibbiltà li d-dazji anti-dumping jiġu imposti mill-inqas mill-mument tal-pubblikazzjoni tan-Notifika tal-Bidu.

(559)

Fid-dawl tal-marġnijiet tad-dumping li nstabu u minħabba l-livell tad-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni, jenħtieġ li l-ammonti ggarantiti permezz tad-dazji anti-dumping proviżorji, imposti bir-Regolament proviżorju, jinġabru b’mod definittiv sal-livelli stabbiliti skont dan ir-Regolament.

(560)

Fil-kummenti tiegħu dwar id-divulgazzjoni finali, Flint sostna li mhuwiex ċar mit-test tad-divulgazzjoni finali jekk l-eżenzjoni tal-użu aħħari hijiex se tapplika wkoll għad-dazji anti-dumping proviżorji imposti fir-Regolament proviżorju. Wara l-konklużjonijiet fil-premessi (459) sa (527) hawn fuq, il-Kummissjoni kkonfermat li jenħtieġ li d-diossidu tat-titanju importat għall-produzzjoni tal-linek bojod għall-istampar jinħeles mid-dazji proviżorji, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet biex ikun hemm benefiċċju mill-proċedura tal-użu aħħari.

(561)

Fil-kummenti tiegħu dwar id-divulgazzjoni finali, Plastika Kritis talab li ma jinġabar l-ebda dazju fuq it-TiO2 li tbaħħar miċ-Ċina qabel id-data tar-reġistrazzjoni f’Ġunju 2024, li d-data tat-tbaħħir tiegħu tista’ tiġi ppruvata mill-polza ta’ kargu rilevanti. Plastika Kritis sostna li l-ġbir tad-dazji li beda mit-12 ta’ Lulju 2024 qed jikkawża telf sinifikanti lill-utenti tat-TiO2 li ordnaw it-TiO2 qabel id-data tar-reġistrazzjoni, filwaqt li jsostni li f’dak il-punt fiż-żmien “ħadd ma seta’ jimmaġina li kien se jiġi implimentat dan id-dazju mhux raġonevoli.”

(562)

F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni indikat li r-Regolament bażiku ma jipprevedix il-possibbiltà li l-ġbir tad-dazji jiġi bbażat fuq id-data tat-tbaħħir tal-prodott ikkonċernat mill-pajjiż tal-investigazzjoni. Barra minn hekk, f’dan il-każ, in-Notifika tal-Bidu ġiet ippubblikata fit-13 ta’ Novembru 2023, bl-iskedi ta’ żmien tal-każ stabbiliti fiha. Minn dak il-mument ’il quddiem, l-utenti setgħu mill-inqas ikunu konxji mill-possibbiltà li jiġu adottati dazji proviżorji. B’hekk, il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba.

8.4.   Ġbir retroattiv

(563)

Kif imsemmi fit-taqsima 1.2 hawn fuq, il-Kummissjoni għamlet l-importazzjonijiet tal-prodott investigat soġġetti għal reġistrazzjoni.

(564)

Kif stabbilit fil-premessa (456) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni ma setgħetx tieħu deċiżjoni dwar applikazzjoni retroattiva possibbli tal-miżuri anti-dumping f’dak l-istadju tal-investigazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni trid tiddeċiedi, f’konformità mal-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku, jekk il-miżuri anti-dumping definittivi għandhomx jinġabru b’mod retroattiv fuq l-importazzjonijiet matul il-perjodu ta’ reġistrazzjoni.

(565)

Ħames utenti u l-ASEFAPI għamlu diversi preżentazzjonijiet li jopponu r-reġistrazzjoni mill-mument li l-ilmentatur talabha. Diversi produtturi taż-żebgħa iżgħar irreġistraw bħala partijiet interessati wara r-reġistrazzjoni, u ħamsa minnhom ippreżentaw kummenti li jopponu r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet. Il-partijiet interessati kollha li ppreżentaw kummenti wara r-Regolament proviżorju talbu kontra l-ġbir retroattiv tad-dazji. L-ilmentatur argumenta li jenħtieġ li dawn jinġabru.

(566)

Matul l-istadju definittiv tal-investigazzjoni, ġiet ivvalutata d-data miġbura fil-kuntest tar-reġistrazzjoni. Il-Kummissjoni analizzat jekk il-kriterji skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku kinux issodisfati għall-ġbir retroattiv tad-dazji definittivi.

(567)

Il-kriterji dwar jekk id-dazji jistgħux jinġabru matul il-perjodu ta’ reġistrazzjoni huma stabbiliti fl-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku.

(568)

Il-kundizzjoni fl-Artikolu 10(4)(a) tar-Regolament bażiku hija ssodisfata peress li l-importazzjonijiet ġew irreġistrati f’konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

(569)

L-importaturi ngħataw opportunità għal kummenti f’konformità mal-Artikolu 10(4)(b) tar-Regolament bażiku wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament dwar ir-reġistrazzjoni kif ukoll il-pubblikazzjoni tar-Regolament proviżorju.

(570)

Diversi partijiet interessati esprimew l-oppożizzjoni tagħhom għar-reġistrazzjoni.

(571)

Il-partijiet sostnew li, peress li l-produzzjoni tal-Unjoni tat-TiO2 mhijiex biżżejjed biex tissodisfa d-domanda tal-Unjoni, l-utenti ma għandhom l-ebda alternattiva ħlief li jimportawh.

(572)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni indikat li s-sempliċi fatt li jiġu importati prodotti mhuwiex kriterju li fuqu kienet ibbażata d-deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet. Minflok, il-Kummissjoni vvalutat jekk kienx hemm żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet li x’aktarx kienet se timmina l-effett rimedjali tad-dazju. Il-Kummissjoni vvalutat l-evoluzzjoni tal-volumi tal-importazzjoni fil-premessa (575) hawn taħt.

(573)

Skont l-Artikolu 10(4)(c) tar-Regolament bażiku, jeħtieġ li jkun hemm “storja ta’ dumping tul perjodu estiż, jew l-importatur kien konxju, jew kellu jkun konxju, tad-dumping fir-rigward tal-grad tad-dumping u d-dannu allegat jew misjub”. F’dan il-każ, il-Kummissjoni tqis li l-importaturi kienu konxji, jew kellhom ikunu konxji, tad-dumping fir-rigward tal-firxa tad-dumping u tad-dannu allegati jew misjuba mid-data tal-bidu tal-investigazzjoni, għar-raġunijiet spjegati fil-premessi (8) sa (11) tar-Regolament dwar ir-reġistrazzjoni.

(574)

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 10(4)(d) tar-Regolament bażiku, jeħtieġ li jkun hemm “żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet minbarra l-livell ta’ importazzjonijiet li jkun ikkawża dannu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni” li fid-dawl tat-twaqqit u l-volum tagħha u ċirkostanzi oħra x’aktarx li jimminaw b’mod serju l-effett rimedjali tad-dazji definittivi.

(575)

Il-Kummissjoni analizzat il-volumi u l-prezzijiet medji tal-importazzjoni ta’ kull xahar fil-perjodu ta’ investigazzjoni kollu kemm hu u qabblithom mal-volumi u l-prezzijiet medji tal-importazzjoni ta’ kull xahar wara l-bidu (il-perjodu Diċembru 2023 – Lulju 2024). Il-perjodu wara l-bidu għamel distinzjoni bejn il-perjodu sal-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, minn naħa waħda, u l-perjodu sad-dħul fis-seħħ tar-reġistrazzjoni, min-naħa l-oħra.

Tabella 1

Tqabbil mal-PI Sħiħa

Volum (kg)

Medja ta’ kull xahar

Prezz Medju (EUR/kg)

Bidla fil-Volum mill-PI

Bidla fil-Prezz unitarju Medju mill-PI

PI

209 375 100

17 447 925

2,24

–

–

Perjodu B1 (70) -

Diċ 2023 – Lulju 2024

180 743 000

22 592 875

2,18

29,5  %

–2,54  %

Perjodu B2 –

Diċ 2023 – Ġunju 2024

161 975 300

23 139 329

2,17

32,6  %

–2,83  %

Sors:

Eurostat

(576)

Meta jitqabbel wieħed mill-perjodi (B1 jew B2) mal-perjodu kollu ta’ investigazzjoni, il-volumi medji tal-importazzjoni miċ-Ċina żdiedu b’madwar 30 % filwaqt li l-prezzijiet naqsu b’madwar –2,7 %.

(577)

Madankollu, peress li hemm indikaturi b’saħħithom ta’ staġjonalità fid-domanda għat-TiO2 fis-suq (id-domanda hija l-ogħla fis-sajf u l-aktar baxxa fix-xitwa), il-Kummissjoni qieset li t-tqabbil tal-perjodi B1 u B2 mal-istess perjodi fl-investigazzjoni jirrifletti b’mod aktar preċiż is-sitwazzjoni fis-suq. Dan it-tqabbil jidher fit-tabella ta’ hawn taħt.

Tabella 2

L-istess perjodi ta’ Tqabbil

Volum (kg)

Medja ta’ kull xahar

Prezz Medju (EUR/kg)

Bidla fil-Volum mill-PI

Bidla fil-Prezz tal-unità Medja mill-PI

PI l-Istess Perjodu B1

(Diċ2022 – Lulju2023)

154 839 500

19 354 938

2,22

 

 

Perjodu B1

(Diċ2023 – Lulju2024)

180 743 000

22 592 875

2,18

17  %

–1,9  %

PI l-Istess Perjodu B2 –

(Diċ2022 – Ġunju2023)

129 414 500

18 487 786

2,25

 

 

Perjodu B2

(Diċ2023 – Ġunju2024)

161 975 300

23 139 329

2,17

25  %

–3,2  %

Sors:

Eurostat

(578)

It-tqabbil ta’ hawn fuq juri li l-importazzjonijiet medji fix-xahar miċ-Ċina żdiedu wara l-bidu tal-każ, jiġifieri bi 17 % sal-miżuri proviżorji u, aktar importanti minn hekk, b’25 % meta jitqies l-ewwel xahar sħiħ wara l-pubblikazzjoni tan-notifika tal-bidu tal-investigazzjoni u l-aħħar xahar sħiħ qabel l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji.

(579)

Madankollu, abbażi tal-istimi pprovduti mill-industrija tal-Unjoni, il-konsum fl-Unjoni żdied b’xejra simili, jiġifieri b’madwar 25 %. Konsegwentement, iż-żieda fl-importazzjonijiet kienet f’konformità max-xejra fil-konsum. Dan huwa kkorroborat ukoll mill-fatt li għadd ta’ produtturi tal-Unjoni rrapportaw żieda fil-volumi tal-bejgħ matul il-perjodu ta’ wara l-investigazzjoni.

(580)

Diversi partijiet sostnew ukoll li ma jistax jitqies li kien hemm żieda massiva fl-importazzjonijiet wara l-bidu tal-każ iżda pjuttost li kwalunkwe żieda osservata hija f’konformità max-xejriet preċedenti, jiġifieri żieda mistennija fid-domanda wara l-qiegħ fiċ-ċiklu.

(581)

Abbażi tal-analiżi ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda evidenza suffiċjenti li ż-żieda fl-importazzjonijiet qabżet iż-żieda fid-domanda matul il-perjodu ta’ wara l-investigazzjoni. L-ebda evidenza ta’ kumulazzjoni ta’ riżerva mill-importaturi ma nstabet mill-Kummissjoni jew ġiet ippreżentata lilha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li, kif muri fit-tabella 2 hawn fuq, fil-perjodu ta’ wara l-PI, naqas il-prezz medju tal-importazzjoni, irrispettivament mit-tip ta’ perjodi taħt kunsiderazzjoni, u anki meta titqies l-istaġjonalità. Madankollu, it-tnaqqis kien f’konformità mat-tnaqqis fil-kost tal-produzzjoni stmat mill-industrija tal-Unjoni għall-perjodu ta’ wara l-PI. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi li ż-żieda fl-importazzjonijiet x’aktarx tippreġudika serjament l-effett rimedjali tad-dazju anti-dumping definittiv li għandu jiġi applikat, skont it-tifsira tal-Artikolu 10(4)(d) tar-Regolament bażiku.

(582)

Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma ġewx issodisfati l-kundizzjonijiet għall-ġbir retroattiv.

9.   DISPOŻIZZJONI FINALI

(583)

Fid-dawl tal-Artikolu 109 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (71), meta ammont ikollu jiġi rimborżat wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew bħala riżultat ta’ ftehim bonarju, ir-rata tal-imgħax għandha tkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin tiegħu, kif ippubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar. Ir-rata tal-imgħax ma għandhiex tkun fin-negattiv. L-imgħax għandu jibda mid-data tal-pagament tal-ammont li għandu jiġi rimborżat sad-data li fiha jkun dovut ir-rimborż.

(584)

Il-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Bażiku ma tax opinjoni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju anti-dumping definittiv huwa impost fuq l-importazzjonijiet tad-diossidu tat-titanju, li għandu l-formula kimika TiO2, fil-forom kollha, bħala ossidi tat-titanju jew f’pigmenti u preparazzjonijiet ibbażati fuq id-diossidu tat-titanju, li fih minimu ta’ 80 % skont il-piż ta’ diossidu tat-titanju kkalkulat fuq il-materja niexfa, li għandu t-tipi kollha ta’ daqsijiet tal-partikoli, ikklassifikati taħt in-Numru tar-Reġistru tas-Servizz tat-Taqsiriet tas-Sustanzi Kimiċi (CAS RN, Chemical Abstracts Service Registry Number) 12065-65-5 u 13463-67-7, li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex 2823 00 00 u ex 3206 11 00 (il-kodiċijiet TARIC 2823 00 00 10, 2823 00 00 30, 3206 11 00 10, u 3206 11 00 30) u li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

2.   L-ammont fiss ta’ dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u manifatturati mill-kumpaniji elenkati hawn taħt, għandu jkun kif ġej:

Kumpanija

Ammont fiss ta’ dazju (EUR għal kull kg)

Kodiċi addizzjonali TARIC

il-grupp LB:

—

LB GROUP CO., LTD.

—

HENAN BILLIONS ADVANCED MATERIAL CO., LTD.

—

LB LUFENG TITANIUM INDUSTRY CO., LTD.

—

LB SICHUAN TITANIUM INDUSTRY CO., LTD.

—

LB XIANGYANG TITANIUM INDUSTRY CO., LTD.

0,74

89CB

il-grupp Anhui Gold Star:

—

Anhui Gold Star Titanium Dioxide (Group) Co., Ltd.

—

ANHUI GOLD STAR TITANIUM DIOXIDE TRADING COMPANY LIMITED

0,25

89CC

Kumpaniji oħra li kkooperaw elenkati fl-Anness

0,64

Ara l-Anness

L-importazzjonijiet l-oħra kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

0,74

8999

3.   L-applikazzjoni tar-rati tad-dazju individwali speċifikati għall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 għandha tkun bil-kundizzjoni tal-preżentazzjoni ta’ fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li fuqha għandha tidher dikjarazzjoni datata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li ħarġet tali fattura, identifikat b’ismu u l-kariga, abbozzata kif ġej: “Jiena, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li l-(volum f’unità li qed nużaw) tal-(prodott ikkonċernat) mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura ġie mmanifatturat minn (isem u indirizz tal-kumpanija) (kodiċi addizzjonali TARIC) fi [pajjiż ikkonċernat]. Jien niddikjara li l-informazzjoni pprovduta f’din il-fattura hija sħiħa u korretta.” Sakemm tiġi ppreżentata tali fattura, għandu japplika d-dazju applikabbli għall-importazzjonijiet l-oħra kollha li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

4.   F’każijiet fejn il-merkanzija tkun saritilha ħsara qabel ma tidħol fiċ-ċirkolazzjoni libera u, għalhekk, il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas jitqassam għad-determinazzjoni tal-valur doganali skont l-Artikolu 131(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (72), l-ammont tad-dazju anti-dumping, ikkalkolat fuq il-bażi tal-ammonti stabbiliti hawn fuq, għandu jitnaqqas b’perċentwal li jikkorrispondi mat-tqassim tal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas.

5.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

Il-prodott deskritt fl-Artikolu 1(1) għandu jkun eżentat mid-dazju anti-dumping definittiv jekk jiġi importat għall-użu fil-produzzjoni ta’ linek grafiki bojod tal-istampar.

Din l-eżenzjoni għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dispożizzjonijiet doganali tal-Unjoni dwar il-proċedura tal-użu aħħari, b’mod partikolari l-Artikolu 254 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (73) (il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni).

Artikolu 3

1.   L-ammonti garantiti permezz tad-dazju anti-dumping proviżorju skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1923 għandhom jinġabru b’mod definittiv. L-ammonti garantiti ogħla mir-rati definittivi tad-dazju anti-dumping għandhom jiġu rilaxxati.

2.   L-eżenzjoni skont l-Artikolu 2 għandha tapplika wkoll għad-dazju anti-dumping proviżorju skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1923.

Artikolu 4

L-Artikolu 1(2) jista’ jiġi emendat biex iżid produtturi esportaturi ġodda mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u jagħmilhom soġġetti għar-rata medja ponderata xierqa tad-dazju anti-dumping għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun. Produttur esportatur ġdid għandu jipprovdi evidenza li:

(a)

ma esportax il-merkanzija deskritta fl-Artikolu 1(1) matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (mill-1 ta’ Ottubru 2022 sat-30 ta’ Settembru 2023);

(b)

mhuwiex relatat ma’ esportatur jew produttur soġġett għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament, u li seta’ kkoopera fl-investigazzjoni oriġinali; u

(c)

effettivament esporta l-prodott ikkonċernat jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli biex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni wara t-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.

(2)  Avviż ta’ bidu ta’ proċedura anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet tad-diossidu tat-titanju (“TiO2 ”), li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C, C/2023/786, 13.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/786/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1617 tas-6 ta’ Ġunju 2024 li jagħmel importazzjonijiet ta’ diossidu tat-titanju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L, 2024/1617, 7.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1617/oj).

(4)  Notifika tal-bidu ta’ proċediment anti-dumping rigward l-importazzjonijiet ta’ karta dekorattiva li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C, C/2024/3695, 14.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3695/oj).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1923 tal-10 ta’ Lulju 2024 li jimponi dazju anti-dumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet tad-diossidu tat-titanju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L, 2024/1923, 11.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1923/oj).

(6)  Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2010, Whirlpool Europe vs Il-Kunsill, T-314/06, EU:T:2010:390, il-paragrafu 138, u tas-17 ta’ Diċembru 2010, EWRIA et vs Il-Kummissjoni, T-369/08, EU:T:2010:549, il-paragrafu 82.

(7)  Ara, għal dak l-għan, is-sentenzi tas-17 ta’ Marzu 2016, Portmeirion Group, C-232/14, EU:C:2016:180, il-paragrafi 46 u 47, u tal-10 ta’ Ottubru 2012, Gem-Year u Jinn-Well Auto-Parts (Zhejiang) vs Il-Kunsill, T-172/09, EU:T:2012:532, il-paragrafu 62.

(8)  Ara s-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2014, Photo USA Electronic Graphic vs Il-Kunsill, T-394/13, EU:T:2014:964, il-paragrafu 30.

(9)  Ara, għal dak l-għan, is-sentenzi tat-18 ta’ Novembru 2014, Photo USA Electronic Graphic vs Il-Kunsill, T-394/13, EU:T:2014:964, il-paragrafu 31, u tat-28 ta’ Frar 2017, JingAo Solar et vs Il-Kunsill, T-157/14, EU:T:2017:127, il-paragrafu 112 u l-ġurisprudenza ċċitata.

(10)  Is-sentenzi tat-28 ta’ Frar 2017, JingAo Solar et vs Il-Kunsill, T-157/14, EU:T:2017:127, il-paragrafu 100, u tat-28 ta’ Frar 2017, Canadian Solar Emea et vs Il-Kunsill, T-162/14, EU:T:2017:124, il-paragrafu 99.

(11)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 tad-9 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 83, 22.3.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/231/oj).

(12)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 tad-9 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU L 83, 22.3.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/231/oj.

(13)  Ir-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi (riformulazzjoni) (ĠU L 342, 22.12.2009, p. 59, ELI:http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1223/oj; u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2021/850 tas-26 ta’ Mejju 2021 li jemenda u jikkoreġi l-Anness II u jemenda l-Annessi III, IV u VI tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prodotti kożmetiċi (ĠU L 188, 28.5.2021, p. 44, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2021/850/oj).

(14)  Il-premessa (51) tar-Regolament proviżorju.

(15)  Il-premessa (51) tar-Regolament proviżorju.

(16)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 319/2009 tas-16 ta’ April 2009 li jiċċara l-ambitu tad-dazji anti-dumping definittivi imposti mir-Regolament (KE) Nru 85/2006 fuq importazzjonijiet ta’ salamun tat-trobbija li joriġina fin-Norveġja, ĠU L 101, 21.4.2009, p. 1–4, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/319/oj, il-premessa 18.

(17)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 950/2001 tal-14 ta’ Mejju 2001 li jimponi dazji definittivi kontra d-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti tipi ta’ fojl ta’ aluminju li ġejjin mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u r-Russja, ĠU L 134, 17.5.2001, p. 1–17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2001/950/oj, il-premessa 14.

(18)  Is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2016, PT Musim Mas vs Il-Kunsill, C-468/15 P, EU: C:2016:803, il-paragrafu 85.

(19)  Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ġunju 2015, PT Musim Mas vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kawża T-26/12, ECLI:EU:T:2015:437, il-paragrafu 84.

(20)  Il-premessa 35 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 904/2014 tal-20 ta’ Awwissu 2014 li jimponi dazju anti-dumping proviżorju fuq importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju li joriġina mill-Indoneżja (ĠU L 246, 21.8.2014, p. 1); il-premessa 47 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 390/2007 tal-11 ta’ April 2007 li jimponi dazju anti-dumping proviżorju fuq importazzjonijiet tal-perossosulfati (persulfati) li joriġinaw fl-Istati Uniti tal-Amerika, ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u t-Tajwan (ĠU L 97, 12.4.2007, p. 6).

(21)  Ara s-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2024, Çolakoğlu Metalurji u Çolakoğlu Dış Ticaret vs Il-Kummissjoni, T-630/21, EU:T:2024:304, il-paragrafu 97.

(22)  Ara s-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2024, Çolakoğlu Metalurji u Çolakoğlu Dış Ticaret vs Il-Kummissjoni, T-630/21, EU:T:2024:304, il-paragrafu 96.

(23)  Ara s-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2024, Çolakoğlu Metalurji u Çolakoğlu Dış Ticaret vs Il-Kummissjoni, T-630/21, EU:T:2024:304, il-paragrafu 95.

(24)  Is-CNCIA rreferiet għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1915 tal-11 ta’ Lulju 2024 li jimponi dazju anti-dumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ tagħmir għall-aċċess mobbli li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1866 tat-3 ta’ Lulju 2024 li jimponi dazju kumpensatorju proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ vetturi elettriċi ġodda bil-batterija ddisinjati għat-trasport ta’ persuni li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

(25)  Ara, pereżempju, il-premessi (370) u (371) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1064 tad-9 ta’ April 2024 li jimponi dazju anti-dumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti esteri tal-fosfat tal-alkil li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, ĠU L, 2024/1064, 10.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1064/oj.

(26)  Is-sentenza tal-10 ta’ April 2019, Jindal Saw vs Il-Kummissjoni, T-301/16, EU:T:2019:234, il-paragrafi 165-190; is-sentenza tas-27 ta’ April 2022, Giant vs Il-Kummissjoni, T-242/19, EU:T:2022:259, il-paragrafi 62-95, 122; is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2022, CRIA u CCCMC vs Il-Kummissjoni, T-30/19 u T-72/19, EU:T:2022:266, il-paragrafi 108, 125-154.

(27)  Ir-Rapport tal-Korp tal-Appell, China – GOES, WT/DS414/AB/R, il-paragrafi 138 u 141.

(28)  Il-premessi (298), (299), (325) u (328) tar-Regolament proviżorju.

(29)  Il-premessa (320) tar-Regolament proviżorju.

(30)  Il-premessa (355) tar-Regolament proviżorju.

(31)  Il-premessa (357) tar-Regolament proviżorju.

(32)  Il-premessa (355) tar-Regolament proviżorju.

(33)  Jiġifieri, ir-rapport tat-TZMI msemmi fil-premessa (350) tar-Regolament proviżorju.

(34)  Il-premessa (358) tar-Regolament proviżorju.

(35)  Il-premessi (351) u (356) tar-Regolament proviżorju.

(36)  Il-premessa (357) tar-Regolament proviżorju.

(37)  Kumpanija omm ta’ wieħed mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, Tronox Pigments Holland B.V. (“Tronox”).

(38)  Kumpanija omm ta’ produttur ieħor tal-Unjoni inkluż fil-kampjun, Kronos Titan GmbH (“Kronos”).

(39)  Il-marġni ta’ EBITDA huwa proporzjon ta’ profittabbiltà li jkejjel l-ammont ta’ qligħ li kumpanija qed tiġġenera qabel l-imgħax, it-taxxi, id-deprezzament, u l-amortizzament, bħala perċentwal tad-dħul.

(40)  Pereżempju, 21,8 % tad-dħul globali ta’ Tronox fl-ewwel trimestru tal-2024 ġie minn prodotti għajr it-TiO2 (ara s-sommarju ta’ riżultati finanzjarji magħżula ta’ Tronox għall-ewwel trimestru tal-2024, disponibbli fuq: https://www.tronox.com/tronox-reports-first-quarter-2024-financial-results/, l-aħħar żjara fl-24 ta’ Settembru 2024).

(41)  Ir-rapport finanzjarju ta’ Tronox għall-ewwel trimestru tal-2024, disponibbli fuq: https://www.prnewswire.com/news-releases/tronox-reports-first-quarter-2024-financial-results-302133675.html (l-aħħar żjara fl-24 ta’ Settembru 2024).

(42)  Disponibbli fuq: https://kronosworldwideinc.gcs-web.com/news-releases/news-release-details/kronos-worldwide-inc-reports-second-quarter-2024-results (l-aħħar żjara fl-24 ta’ Settembru 2024).

(43)  Ir-rapport konsolidat ta’ nofs is-sena disponibbli hawnhekk: https://zchpolice.grupaazoty.com/en/investor-relations/periodic-reports#item5903 (l-aħħar żjara fl-24 ta’ Settembru 2024).

(44)  Ir-rapport mhux awditjat disponibbli fuq: Https://seonet.ljse.si/?doc_id=90449,, l-aħħar żjara fl-24 ta’ Settembru 2024.

(45)  Ara s-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2008, HEG u Graphite India vs Il-Kunsill, T-462/04, EU:T:2008:586, il-paragrafu 67.

(46)  Ara l-premessi (307), (325), (339)

(47)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2754 tad-29 ta’ Ottubru 2024 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ vetturi elettriċi ġodda bil-batterija ddisinjati għat-trasport ta’ persuni li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L, 2024/2754, 29.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2754/oj).

(48)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2659 tas-27 ta’ Novembru 2023 li jimponi dazju anti-dumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L, 2023/2659, 28.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2659/oj).

(49)  Il-Kawżi C-260/85 u C-106/86, TEC vs il-Kunsill, ECLI:EU:C:1988 465, il-paragrafu 47.

(50)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Ġunju 2012 li ttemm il-proċediment anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-proteina tas-sojja kkonċentrata li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 168, 28.6.2012, p. 38).

(51)  Ir-Rapport tal-Korp tal-Appell, HP – STT (il-Ġappun), il-paragrafu 5.155.

(52)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1–101, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/952/oj.

(53)  Li ġiet stabbilita, fost oħrajn, fuq il-bażi tat-tweġiba vverifikata għall-kwestjonarju minn Schulman Plastics.

(54)  Filwaqt li jitqiesu, għall-finijiet ta’ din l-analiżi tal-kapaċitajiet ta’ riżerva, is-suppożizzjonijiet konservattivi li l-impjant tal-produzzjoni l-ieħor, ħafna iżgħar, fir-reġjun tal-Amerka Ċentrali u tal-Amerika t’Isfel, kien qed jopera b’kapaċità sħiħa u kien qed iservi biss is-suq domestiku tiegħu.

(55)  Skont is-suppożizzjoni li t-tali produzzjoni addizzjonali Messikana kollha tmur lejn l-Unjoni.

(56)  Filwaqt li kieku l-analiżi kienet issimulat ukoll il-kostijiet imnaqqsa assoċjati mal-bidla għal gradi oħra orħos, seta’ kien saħansitra inqas evidenti l-impatt stmat.

(57)  Notifika tal-bidu ppubblikata fl-14.6.2024, ĠU C, C/2024/3695, 14.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3695/oj.

(58)  Disponibbli fuq: https://www.in.gov.br/web/dou/-/circular-n-54-de-8-de-outubro-de-2024-589436706 (l-aħħar żjara fit-13 ta’ Novembru 2024).

(59)  Speċifikament fil-kummenti tagħhom dwar ir-Regolament proviżorju meta għamlu l-istimi tagħhom stess tad-distakk bejn il-provvista u d-domanda għat-TiO2 tal-grad ta’ laminat.

(60)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1336 tal-25 ta’ Settembru 2020 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti alkoħols tal-polivinil li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 315, 29.9.2020, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1336/oj), il-premessa (623).

(61)  Flint jirreferi għall-Artikolu 2(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1784 tat-8 ta’ Ottubru 2021 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-aluminju llaminati ċatti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 359, 11.10.2021, p. 6), moqri flimkien mal-premessa (87) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/582 tad-9 ta’ April 2021 li jimponi dazju anti-dumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-aluminju rrumblati ċatti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 124, 12.4.2021, p. 40).

(62)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10.9.2014 fil-Kawża M.7061 – HUNTSMAN CORPORATION / INTERESSI TA’ EKWITÀ MIŻMUMA MINN ROCKWOOD HOLDINGS disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/decisions/m7061_20140910_20600_4133655_EN.pdf.

(63)  U hija, bħala tali, definita fil-premessa (157) hawn fuq għall-finijiet ta’ dan id-dokument.

(64)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2287 tas-17 ta’ Diċembru 2021 li jimponi dazji kompensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ fojl tal-aluminju għall-modifikazzjoni li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2170 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ fojl tal-aluminju għall-modifikazzjoni li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 458, 22.12.2021, p. 344, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/2287/oj).

(65)   Ibid, il-premessa (738).

(66)  Bħal fir-Regolament (UE) 2020/1336, il-premessi 618-628; It-Taqsima 2.2.2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1784 tat-8 ta’ Ottubru 2021 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-aluminju llaminati ċatti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 359, 11.10.2021, p. 6).

(67)  Ara, pereżempju, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2016, Crown Equipment (Suzhou) and Crown Gabelstapler vs Il-Kunsilll, T-351/13, mhux ippubblikat, EU:T:2016:616, il-paragrafu 107.

(68)  Fuq il-bażi tad-data ta’ Fastmarkets, il-prezz tal-ilmenit, il-materja prima ewlenija għat-TiO2 naqset mill-perjodu ta’ investigazzjoni (disponibbli permezz ta’ abbonament fuq https://www.fastmarkets.com/login/metals-and-mining/), filwaqt li d-data disponibbli ta’ informazzjoni dwar is-suq tipprevedi wkoll tnaqqis fil-kostijiet fil-futur qrib meta mqabbel mal-perjodu ta’ investigazzjoni.

(69)  Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ, Directorate G, Wetstraat 170 Rue de la Loi, 1040 Brussels, il-Belġju.

(70)  Il-Kummissjoni ħadet il-perjodu B1 bħala li beda fl-ewwel xahar sħiħ wara l-bidu, u ntemm fix-xahar sħiħ meta ġie ppubblikat ir-Regolament proviżorju. Il-Kummissjoni mbagħad ħarset ukoll lejn il-perjodu B2, li beda fl-ewwel xahar sħiħ wara l-bidu, u ntemm fix-xahar qabel id-dħul fis-seħħ tal-miżuri proviżorji.

(71)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).

(72)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).

(73)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013 p. 1).


ANNESS

Produtturi esportaturi mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun

Pajjiż

Isem

Kodiċi addizzjonali TARIC

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

ANHUI ANNADA TITANIUM INDUSTRY CO., LTD.

89CO

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

CITIC Titanium Industry Co., Ltd

89CP

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Chongqing Titanium Industry Co., Ltd. tal-Pangang Group

89CQ

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Guangxi Bluestar Dahua Chemical Co., Ltd

89CR

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

GUANGXI JINMAO TITANIUM CO., LTD

89CS

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

GUANGDONG HUIYUN TITANIUM INDUSTRY CORPORATION LIMITED

89CT

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Guangxi Guangfeng Titanium Co., Ltd.

89CU

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Hebei Milson Titanium Dioxide Co.,Ltd

89CV

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Jinan Yuxing Chemical Co.,Ltd

89CW

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

KUNMING DONGHAO TITANIUM CO., LTD.

89CX

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Nanjing Titanium Dioxide Chemical Co., Ltd.

89CY

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

NINGBO XINFU TITANIUM DIOXIDE CO.,LTD

89CZ

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

PANZHIHUA DARUI TECHNOLOGY CO.,LTD.

89DA

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

PANZHIHUA DONGFANG TITANIUM INDUSTRY CO., LTD.

89DB

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

PANZHIHUA KAIHAO TECHNOLOGY CO., LTD.

89DC

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Pangang Group Titanium Industry Co., Ltd

89DD

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

SHANDONG XIANGHAI TITANIUM CO., LTD.

89DE

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

SHANDONG DAWN TITANIUM INDUSTRY CO., LTD.

89DF

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

SHANDONG DOGUIDE GROUP CO., LTD.

89DG

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

SHANDONG JINHAI TITANIUM RESOURCES TECHNOLOGY CO., LTD.

89DH

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Xuzhou Titanium Dioxide Chemical Co., Ltd.

89DI

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Yibin Tianyuan Haifeng Hetai Co., Ltd

89DJ

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

YUNNAN DAHUTONG TITANIUM INDUSTRY CO., LTD

89DK


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/4/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)