28.4.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 149/107


P9_TA(2022)0365

Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4 għall-baġit ġenerali 2022: aġġornament tad-dħul (riżorsi proprji) u aġġustamenti tekniċi oħra

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ottubru 2022 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2022 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2022: aġġornament tad-dħul (riżorsi proprji) u aġġustamenti tekniċi oħra (12623/2022 – C9-0317/2022 – 2022/0211(BUD))

(2023/C 149/11)

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

—

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2022, adottat b'mod definittiv fl-24 ta' Novembru 2021 (2),

—

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021-2027 (3) (“ir-Regolament dwar il-QFP”),

—

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali għall-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda (4) (“FII”),

—

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta' Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom (5),

—

wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2022, adottat mill-Kummissjoni fl-1 ta' Lulju 2022 (COM(2022)0350),

—

wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2022 adottata mill-Kunsill fl-20 ta' Settembru 2022 u mibgħuta lill-Parlament Ewropew dakinhar stess (12623/2022 – C9-0317/2022),

—

wara li kkunsidra l-Artikoli 94 u 96 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0240/2022),

A.

billi l-iskop ewlieni tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2022 huwa li jaġġorna n-naħa tad-dħul tal-baġit biex jitqiesu l-aħħar żviluppi, jiġifieri l-previżjonijiet aġġornati tar-riżorsi proprji għall-baġit tal-2022 maqbul mill-Kumitat Konsultattiv dwar ir-Riżorsi Proprji (KKRP) fit-23 ta' Mejju 2022, u li jaġġorna dħul ieħor bħall-kontribuzzjoni tar-Renju Unit, il-multi u oħrajn;

B.

billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2022 jinkludi wkoll żewġ aġġustamenti speċifiċi relatati man-nefqa, li jikkorrispondu għal aġġustament tan-nomenklatura baġitarja wara l-proposta tal-Kummissjoni għar-REPowerEU fit-18 ta' Mejju 2022 (6) u għall-estensjoni tal-mandat tal-Eurojust biex tiġbor u tippreserva evidenza ta' delitti tal-gwerra (7); billi ma ntalbux approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament addizzjonali;

C.

billi l-Parlament ikkunsidra ripetutament li abbozz ta' baġit emendatorju għandu jkollu skop wieħed biss;

1.

Jieħu nota tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2022, kif imressaq mill-Kummissjoni;

2.

Jindika b'mod partikolari ż-żieda ta' riżorsi proprji awtentiċi b'EUR3 573,9 miljun; ifakkar fil-ħtieġa li titħaffef l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda f'konformità mal-pjan direzzjonali stabbilit fil-FII, jiġifieri li d-dħul addizzjonali li jirriżulta mir-riżorsi proprji l-ġodda se jkun biżżejjed biex ikopri mill-inqas il-ħlas lura tal-ispejjeż tal-Istrument għall-Irkupru;

3.

Jissottolinja li l-Parlament għadu ma stabbiliex il-pożizzjoni tiegħu dwar il-proposta għall-Kapitolu REPowerEU tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF); jenfasizza għalhekk li l-bidla proposta fin-nomenklatura tal-baġit hija mingħajr preġudizzju għall-eżitu leġiżlattiv;

4.

Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ddeċidiet, minkejja l-insistenza tal-Parlament, li tippreżenta flimkien elementi relatati mal-aġġornament tad-dħul ma' elementi oħra relatati man-negozjati li għaddejjin; itenni li, biex tiġi rispettata aħjar il-prerogattiva tal-awtorità baġitarja, il-Kummissjoni għandha tippreżenta abbozz ta' baġit emendatorju li jkollu skop wieħed biss u tastjeni milli tikkombina diversi skopijiet f'abbozz ta' baġit emendatorju wieħed;

5.

Ifaħħar l-adozzjoni rapida tar-Regolament (UE) 2022/838 li jestendi l-mandat tal-Eurojust biex tappoġġa lill-Ukrajna fil-ġbir, il-preservazzjoni u l-analiżi ta' evidenza relatata ma' delitti tal-gwerra bħala konsegwenza tal-aggressjoni brutali u inġustifikata min-naħa tar-Russja; joġġezzjona, madankollu, għall-użu maħsub ta' riallokazzjonijiet interni fi ħdan l-istess qasam ta' politika aktar tard fis-sena biex jiġu ffinanzjati l-pożizzjonijiet proposti skont dan l-abbozz ta' baġit emendatorju; jenfasizza f'dak il-kuntest li hemm marġini suffiċjenti fl-ambitu tal-Intestatura 2b; jafferma mill-ġdid, barra minn hekk, il-pożizzjoni tiegħu, li ilu jħaddan, li ż-żieda fil-kompiti u fir-responsabbiltajiet għall-aġenziji trid tkun akkumpanjata minn livelli korrispondenti ta' riżorsi ġodda;

6.

Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2022;

7.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 4/2022 ġie adottat b'mod definittiv u biex tiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

8.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

(2)  ĠU L 45, 24.2.2022, p. 1.

(3)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11.

(4)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.

(5)  ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1.

(6)  COM(2022)0231, 18.5.2022.

(7)  Ir-Regolament (UE) 2022/838 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1727 fir-rigward tal-preservazzjoni, l-analiżi u l-ħżin fil-Eurojust ta' evidenza relatata ma' ġenoċidju, delitti kontra l-umanità, delitti tal-gwerra u reati kriminali relatati (ĠU L 148, 31.5.2022, p. 1).