9.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 172/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/963

tas-6 ta' Lulju 2018

dwar l-allokazzjoni lil Spanja ta' jiem addizzjonali fuq il-baħar fid-diviżjonijiet 8c u 9a tal-ICES għajr il-Golf ta' Cádiz

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/120 tat-23 ta' Jannar 2018 li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2018 għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta' stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f'ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni, u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/127 (1), u b'mod partikolari l-punt 8 tal-Anness IIB tiegħu,

Billi:

(1)

It-Tabella I tal-Anness IIB tar-Regolament (UE) 2018/120 tispeċifika l-għadd massimu ta' jiem li fihom bastimenti tal-Unjoni b'tul totali ta' 10 metri jew iżjed, li jġorru abbord jew li jużaw xbieki tat-tkarkir, tartaruni Daniżi u rkapti simili b'daqs tal-malji ta' 32 mm jew ikbar, għeżula b'daqs tal-malji ta' 60 mm jew ikbar u konzijiet tal-qiegħ, jistgħu jkunu preżenti fid-diviżjonijiet 8c u 9a tal-ICES, għajr fil-Golf ta' Cádiz, mill-1 ta' Frar 2018 sal-31 ta' Jannar 2019.

(2)

Skont il-punt 8.5 tal-Anness IIB tar-Regolament (UE) 2018/120, il-Kummissjoni, abbażi ta' waqfien permanenti tal-attivitajiet tas-sajd li seħħ bejn l-1 ta' Frar 2017 u l-31 ta' Jannar 2018, tista' talloka għadd addizzjonali ta' jiem fuq il-baħar li fihom bastiment jista' jiġi awtorizzat mill-Istat Membru tal-bandiera tiegħu li jkun preżenti fiż-żona rilevanti meta jkollu abbord irkaptu rregolat.

(3)

Fis-26 ta' Marzu 2018, b'konformità mal-ewwel sentenza tal-punt 8.1 tal-Anness IIB tar-Regolament (UE) 2018/120, Spanja ppreżentat talba għal jiem addizzjonali fuq il-baħar abbażi tal-waqfien permanenti tal-attivitajiet tas-sajd. Spanja kkonfermat li disa' bastimenti waqqfu l-attivitajiet tas-sajd bejn l-1 ta' Frar 2017 u l-31 ta' Jannar 2018.

(4)

Fid-dawl tad-data mogħtija lill-Kummissjoni u wara li ġie kkunsidrat il-metodu ta' kalkolu stabbilit fil-punt 8.2 tal-Anness IIB tar-Regolament (UE) 2018/120, jenħtieġ li Spanja tiġi allokata tlett ijiem addizzjonali fuq il-baħar għall-bastimenti msemmija fil-punt 1 ta' dak l-Anness, għall-perjodu mill-1 ta' Frar 2018 sal-31 ta' Jannar 2019.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-għadd massimu ta' jiem fuq il-baħar li għalihom Spanja tista' tawtorizza li fil-perjodu mill-1 ta' Frar 2018 sal-31 ta' Jannar 2019 bastiment li jtajjar il-bandiera tagħha jkun preżenti fid-diviżjonijiet 8c u 9a tal-ICES, għajr il-Golf ta' Cádiz, li jkollu abbord jew li juża rkaptu rregolat u mhux soġġett għal kundizzjonijiet speċjali, kif stabbilit fit-Tabella I tal-Anness IIB tar-Regolament (UE) 2018/120, għandu jiżdied għal 129 jum.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Lulju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 27, 31.1.2018, p. 27.