|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/841 |
11.3.2024 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/841
tat-8 ta’ Marzu 2024
li jaċċetta talba għal trattament ta’ produttur esportatur ġdid fir-rigward tal-miżuri anti-dumping definittivi imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ roti elettriċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/73
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(5) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/73 tas-17 ta’ Jannar 2019 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ roti elettriċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, u partikolarment l-Artikolu 1, il-paragrafu 6 tiegħu (2),
Billi:
A. MIŻURI FIS-SEĦĦ
|
(1) |
Fis-17 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni imponiet dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ roti elettriċi (“il-prodott ikkonċernat”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ”) permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/73 (“ir-Regolament oriġinali”). |
|
(2) |
Fl-investigazzjoni li rriżultat fl-impożizzjoni tad-dazji anti-dumping definittiv (“l-investigazzjoni oriġinali”), il-kampjunar ġie applikat għall-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi fir-RPĊ f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2016/1036. |
|
(3) |
Il-Kummissjoni imponiet rati individwali ta’ dazju anti-dumping li jvarjaw minn 10,3 % sa 62,1 % fuq l-importazzjonijiet tar-roti elettriċi għall-produtturi esportaturi mir-RPĊ inklużi fil-kampjun. Għall-produtturi esportaturi li kkooperaw li ma kinux inklużi fil-kampjun (bl-eċċezzjoni tal-kumpaniji soġġetti għar-rata tad-dazju kumpensatorju għall-kumpaniji l-oħrajn kollha, imposta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/72 (3) fuq il-prodott ikkonċernat) ġie impost dazju medju ponderat ta’ 24,2 %. Dawn il-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun huma elenkati fl-Anness I tar-Regolament oriġinali. Ġie impost dazju medju ponderat ta’ 16,2 % fuq kumpaniji oħra li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun (u soġġetti għar-rata tad-dazju kumpensatorju għall-kumpaniji l-oħrajn kollha imposta mill-Kummissjoni – ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/72 fuq il-prodott ikkonċernat). Dawn huma elenkati fl-Anness II tar-Regolament oriġinali. Barra minn hekk, ġiet imposta rata ta’ dazju għall-pajjiż kollu ta’ 70,1 % fuq ir-roti elettriċi minn kumpaniji fir-RPĊ li ma kkooperawx fl-investigazzjoni anti-dumping, iżda kkooperaw fl-investigazzjoni antisussidji rigward l-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat (elenkati fl-Anness III tar-Regolament oriġinali). Ġiet imposta rata tad-dazju ta’ 62,1 % fuq il-kumpaniji l-oħra kollha. |
|
(4) |
Skont l-Artikolu 1, il-paragrafu 6 tar-Regolament oriġinali, il-paragrafu 2 ta’ dak l-Artikolu jista’ jiġi emendat billi jiżdied produttur esportatur ġdid fl-anness xieraq mal-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun u għalhekk soġġetti għar-rata tad-dazju anti-dumping medja ponderata xierqa, meta dak il-produttur esportatur ġdid fir-RPĊ jipprovdi biżżejjed evidenza lill-Kummissjoni li:
|
B. TALBA GĦAL TRATTAMENT TA’ PRODUTTUR ESPORTATUR ĠDID
|
(5) |
Fid-9 ta’ Ottubru 2022 il-kumpanija Zhejiang Feishen Vehicle Industry Co., Ltd (“l-applikant”) issottomettiet talba lill-Kummissjoni biex tingħata trattament ta’ produttur esportatur ġdid (“NEPT”) u għalhekk tkun soġġetta għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-kumpaniji li kkooperaw fir-RPĊ mhux inklużi fil-kampjun, soġġetti għar-rata ta’ dazju kumpensatorju parallela għall-kumpaniji l-oħra kollha, jiġifieri 16,2 %, fejn sostniet li ssodisfat it-tliet kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 1, il-paragrafu 6, tar-Regolament oriġinali. |
|
(6) |
Biex jiġi ddeterminat jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet biex jingħata trattament ta’ produttur esportatur ġdid (NEPT) kif stipulat fl-Artikolu 1, il-paragrafu 6 tar-Regolament oriġinali (“il-kundizzjonijiet NEPT”), il-Kummissjoni l-ewwel bagħtet kwestjonarju lill-applikant fejn talbet għal evidenza li turi li hu kien qed jissodisfa l-kundizzjonijiet għal NEPT. L-applikant ipprovda tweġiba għall-kwestjonarju. |
|
(7) |
Il-Kummissjoni fittxet li tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset li hi meħtieġa biex tiddetermina jekk l-applikant issodisfax il-kundizzjonijiet għal NEPT. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni analizzat l-evidenza sottomessa mill-applikant. L-applikant għandu liċenzja tan-negozju valida biex jipproduċi roti elettriċi li ġiet ivverifikata mad-data li tinsab fir-reġistru Ċiniż. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni infurmat lill-industrija tal-Unjoni dwar it-talba tal-applikant u stednitu jipprovdi kummenti, f’każ ta’ bżonn. L-industrija tal-Unjoni kkonfermat li l-applikant ma kien relatat mal-ebda produttur esportatur soġġett għad-dazju. L-industrija tal-Unjoni pprovdiet ukoll data dwar l-esportazzjoni relatata mal-applikant li tindika li setgħet diġà esportat roti elettriċi matul il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali. Madankollu, wara analiżi tad-data pprovduta, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-esportazzjonijiet ma kinux jikkonċernaw roti elettriċi iżda skuters elettriċi, li mhumiex soġġetti għall-miżuri anti-dumping. |
C. ANALIŻI TAT-TALBA
|
(8) |
Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni stabbilita fil-Artikolu 1, il-paragrafu 6 tar-Regolament oriġinali li l-applikant ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni li fuqu huma bbażati l-miżuri, jiġifieri mill-1 ta’ Ottubru 2016 sat-30 ta’ Settembru 2017, matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni stabbiliet li l-applikant ma esportax roti elettriċi lejn l-Unjoni. Ir-reġistri tal-bejgħ sottomessi mill-applikant ma wrew l-ebda bejgħ ta’ roti elettriċi lejn l-Unjoni. |
|
(9) |
Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1, il-paragrafu 6 tar-Regolament oriġinali, li l-applikant mhu relatat mal-ebda esportatur jew produttur li huwa soġġett għall-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament oriġinali, matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni stabbiliet li l-applikant mhu relatat mal-ebda wieħed mill-esportaturi u mill-produtturi fir-RPĊ li huma soġġetti għall-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament oriġinali, u li esporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali. |
|
(10) |
Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 1, il-paragrafu 6 tar-Regolament oriġinali, li l-applikant effettivament esporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli biex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni, matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni stabbiliet li abbażi tal-evidenza dokumentarja pprovduta, l-applikant kien esporta roti elettriċi lejn l-Unjoni wara l-perjodu ta’ investigazzjoni tal-investigazzjoni oriġinali. L-applikant ipprovda dokumenti tal-bejgħ relevanti għal tranżazzjoni ta’ esportazzjoni lill-Ġermanja li seħħet f’Settembru 2022. |
|
(11) |
Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikant huwa konformi mal-kundizzjoni stipulata fil-paragrafu 6 tal-Artikolu 1 tar-Regolament oriġinali. |
|
(12) |
Għaldaqstant, it-talba biex tingħata NEPT għandha tiġi aċċettata u jenħtieġ li l-applikant ikun soġġett għal dazju anti-dumping ta’ 16,2 % għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun tal-investigazzjoni oriġinali (u soġġetti għar-rata tad-dazju kumpensatorju għall-kumpaniji l-oħra kollha imposta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/72 fuq il-prodott ikkonċernat). |
D. DIVULGAZZJONI
|
(13) |
L-applikant u l-industrija tal-Unjoni kienu infurmati bil-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet skont liema tqies xieraq li tingħata r-rata tad-dazju anti-dumping applikabbli lill-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun tal-investigazzjoni oriġinali lil Zhejiang Feishen Vehicle Industry Co., Ltd. |
|
(14) |
Il-partijiet ingħataw il-possibbiltà li jibagħtu xi kummenti. Ma wasal l-ebda kumment. |
|
(15) |
Ir-Regolament huwa f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/73, il-kumpanija li ġejja tiżdied mal-lista ta’ kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun fl-investigazzjoni anti-dumping u soġġetti għar-rata tad-dazju kumpensatorju parallela għall-kumpaniji l-oħrajn kollha fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/72:
|
Isem il-Kumpanija |
Provinċja |
Kodiċi addizzjonali TARIC |
|
‘Zhejiang Feishen Vehicle Industry Co., Ltd. |
Zhejiang |
89AD’ |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Marzu 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.
(2) ĠU L 16, 18.1.2019, p. 108.
(3) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/72 tas-17 ta' Jannar 2019 li jimponi dazji kompensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta' roti elettriċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 16, 18.1.2019, p. 5).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/841/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)