KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
M. CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA
ippreżentati fit-22 ta’ Novembru 2017 ( 1 )
Kawża C‑531/16
Šiaulių regiono atliekų tvarkymo centras,
“Ecoservice projektai” UAB, li kienet “Specializuotas transportas” UAB
bl-intervent ta’:
“VSA Vilnius” UAB,
“Švarinta” UAB,
“Specialus autotransportas” UAB,
“Ecoservice” UAB
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (qorti suprema, il-Litwanja)]
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2004/18/KE — Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi — Ugwaljanza fit-trattament — Trasparenza — Kompetizzjoni effettiva bejn l-offerenti — Rabtiet bejn offerenti li jippreżentaw offerti awtonomi fl-istess proċedura — Dmir ta’ informazzjoni tal-offerenti marbuta — Obbligi tal-awtorità kontraenti u tal-qorti nazzjonali”
|
1. |
Meta żewġ offerenti jew iktar b’ċerti rabtiet bejniethom jippreżentaw l-offerti tagħhom fil-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, jista’ jqum is-suspett li dawn jaġixxu b’mod ikkoordinat (jew, saħansitra, kollużiv) għad-detriment tat-trasparenza u ta’ regoli jew prinċipji oħrajn tad-dritt tal-Unjoni li għandhom jirregolaw dawk il-proċeduri. |
|
2. |
Dan huwa l-kuntest li jaqgħu fih id-domandi preliminari magħmulin mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (qorti suprema, il-Litwanja), fid-dawl ta’ sitwazzjoni fejn żewġ sussidjarji ta’ kumpannija terza aspiraw, b’mod partikolari, li jirbħu l-kuntratt ta’ ġbir u trasport tal-iskart f’muniċipalità ta’ dak il-pajjiż. |
|
3. |
Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, finalment, jekk dawk l-offerenti humiex obbligati, anki fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva speċifika, li jinformaw lill-awtorità kontraenti dwar ir-relazzjonijiet li jgħaqqduhom u kif għandha taġixxi dik l-awtorità kontraenti meta tkun taf dwar l-eżistenza ta’ tali relazzjonijiet. |
|
4. |
Il-domanda preliminari, għalhekk, tagħti l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkompleta l-każistika tagħha dwar il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza fil-proċeduri rregolati mid-Direttiva 2004/18/KE ( 2 ), meta dawk involuti f’dawn il-proċeduri jkunu jappartjenu lill-istess grupp ta’ impriżi. |
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Id-Direttiva 2004/18
|
5. |
Il-premessa 46 tiddikjara: “Kuntratti għandhom jiġu assenjati fuq il-bażi ta’ kriterja oġġettiva li tassigura konformità mal-prinċipji ta’ trasparenza, bla diskriminazzjoni u trattament ugwali u li tiggarantixxi illi l-offerti huma assessjati fuq il-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva […]”. |
|
6. |
Skont l-Artikolu 2: “L-awtoritajiet kuntrattwali se jistmaw l-operaturi ekonomiċi ugwali u bla diskriminazzjoni u se jaġixxu b’mod trasparenti.” |
|
7. |
Skont l-Artikolu 45(2): “Kull operatur ekonomiku jista’ jkun eskluż minn parteċipazzjoni f’kuntratt fejn dak l-operatur eknomiku:
|
2. Id-Direttiva 89/665/KEE ( 3 )
|
8. |
It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(1) jipprovdi li: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fir-rigward ta’ kuntratti li jaqgħu taħt id-Direttiva 2004/18/KE, id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f ta’ din id-Direttiva, għar-raġuni li dawn id-deċiżjonijiet ikunu kisru l-liġi Komunitarja fil-qasam tal-appalti pubbliċi jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dik il-liġi.” |
|
9. |
L-Artikolu 2(1)(b) jistabbilixxi li: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda fir-rigward tal-proċeduri ta’ reviżjoni speċifikati fl-Artikolu 1 ikunu jinkludu dispożizzjoni għas-setgħat li: […]
|
B. Id-dritt nazzjonali
1. Lietuvos Respublikos viešųjų pirkimų įstatymas (liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar il-kuntratti pubbliċi) ( 4 )
|
10. |
Skont l-Artikolu 3(1): “L-awtorità kontraenti għandha tiżgura li, matul il-proċeduri ta’ sejħa għal offerti u l-attribuzzjoni ta’ kuntratti, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ rikonoxximent reċiproku, ta’ proporzjonalità u ta’ trasparenza jiġu osservati.” |
2. Lietuvos Respublikos konkurencijos įstatymas (liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar il-kompetizzjoni) ( 5 )
|
11. |
Skont l-Artikolu 3(14): “‘Grupp ta’ operaturi ekonomiċi marbuta’ [tfisser] żewġ operaturi ekonomiċi jew iktar li, peress li huma fil-kontroll jew fil-pussess ta’ xulxin u huma f’pożizzjoni li jistabbilixxu azzjonijiet miftiehma, huma meqjusa li jiffurmaw operatur ekonomiku wieħed għall-finijiet tal-kalkolu tad-dħul gross u s-sehem tas-suq tagħhom. Sakemm ma tingħatax prova kuntrarja, kull operatur ekonomiku involut jitqies li jifforma grupp ta’ operaturi ekonomiċi marbuta u […]
[…]”. |
|
12. |
L-Artikolu 5(1) jistabbilixxi: “1. Il-ftehimiet intiżi sabiex jillimitaw il-kompetizzjoni jew li għandhom l-għan li jillimitawha jew jistgħu jillimitawha huma pprojbiti u nulli minn meta jiġu konklużi, b’mod partikolari:
[…]”. |
II. Fatti
|
13. |
Fid-9 ta’ Lulju 2015, il-Viešoji įstaiga Šiaulių regiono atliekų tvarkymo centras (ċentru għall-ġestjoni tal-iskart fir-reġjun ta’ Šiauliai, il-Litwanja; iktar ’il quddiem, “ċentru ta’ ġestjoni”) ħareġ sejħa għal offerti għall-provvista ta’ servizzi muniċipali ta’ ġbir u trasport ta’ skart fil-muniċipalità ta’ Šiauliai. |
|
14. |
Skont l-informazzjoni li tinsab fid-digriet tar-rinviju, is-sejħa għal offerti kienet tipprojbixxi li l-offerenti jippreżentaw varjanti tal-offerti tagħhom ( 6 ). |
|
15. |
Erba’ offerenti ssottomettew offerta:
|
|
16. |
L-offerenti A u B huma sussidjarji tal-kumpannija Ecoservice UAB (iktar ’il quddiem, “Ecoservice”) ( 7 ). |
|
17. |
Flimkien mal-offerta tiegħu ( 8 ), l-offerent B hemeż, b’mod spontanju, dikjarazzjoni ġuramentata fejn indika li kien qiegħed jipparteċipa fis-sejħa għal offerti b’mod awtonomu u indipendenti minn kwalunkwe operaturi ekonomiċi oħra li jistgħu jkunu marbuta miegħu u talab liċ-ċentru ta’ ġestjoni sabiex jittratta lill-persuni l-oħra bħala kompetituri. Huwa pprovda wkoll li kien qiegħed jintrabat li jipprovdi, jekk jiġi mitlub hekk, lista ta’ operaturi marbuta miegħu. |
|
18. |
Iċ-ċentru ta’ ġestjoni ċaħad l-offerta tal-offerent A, minħabba li ma kinitx konformi ma’ waħda mill-kundizzjonijiet tas-sejħa ( 9 ), liema deċiżjoni ma ġietx ikkontestata ( 10 ). |
|
19. |
Il-kuntratt finalment ingħata lill-offerent B. |
|
20. |
VSA Vilnius ressaq ilment, fejn allega li l-offerti tal-offerenti A u B ma kinux ġew ivvalutati b’mod xieraq u li kienu ġew miksura l-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament quddiem il-liġi. |
|
21. |
Wara li l-ilment tiegħu ġie miċħud, VSA Vilnius ressaq appell ( 11 ) li ġie milqugħ, essenzjalment, mis-Šiaulių apygardos teismas (qorti reġjonali ta’ Šiauliai, il-Litwanja) fis-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2016, ikkonfermata mil-Lietuvos apeliacinis teismas (qorti tal-appell, il-Litwanja) f’digriet tal-5 ta’ April 2016. |
|
22. |
Iċ-ċentru ta’ ġestjoni u l-offerent B appellaw quddiem il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (qorti suprema), li tagħmel din id-domanda preliminari. |
III. Id-domandi preliminari
|
23. |
Hija tgħid:
|
IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-pożizzjoni tal-partijiet
|
24. |
Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Ottubru 2016. |
|
25. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub miċ-ċentru ta’ ġestjoni, VSA Vilnius, Ecoservice projektai UAB (li kien l-offerent B), il-Gvern Litwan u l-Gvern Ċek, kif ukoll mill-Kummissjoni. Ma kienx ikkunsidrat neċessarju li ssir seduta. |
|
26. |
Iċ-ċentru ta’ ġestjoni ma ħax deċiżjoni speċifika dwar kull waħda mill-ħames domandi tal-qorti tar-rinviju, iżda qal biss li kien jaf dwar rabtiet eżistenti bejn l-offerenti, minħabba li kienu ta’ għarfien pubbliku, u li f’ebda mument ma kien żgwidat fit-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu. |
|
27. |
Skont iċ-ċentru ta’ ġestjoni, lil hinn mill-konnessjoni bejn l-offerenti, li waħedha din ma timplikax nuqqas ta’ kompetizzjoni, fil-każ inkwistjoni kien hemm sensiela ta’ elementi oġġettivi li ppermettew li ssir il-konklużjoni li dawn ikkompetew bejniethom. |
|
28. |
Rigward l-ewwel domanda, il-partijiet kollha, ħlief VSA Vilnius, ipproponew li tingħata risposta negattiva. L-argument tagħhom, fil-qosor, kien li la t-TFUE u lanqas id-Direttiva 2004/18 ma jipprojbixxu s-sottomissjoni ta’ offerti minn kumpanniji relatati, u lanqas ma jeskludu li offerent jista’ jissottometti diversi offerti. Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni lanqas ma tipprovdi proċedura sabiex l-operaturi jkunu infurmati dwar l-identità tal-offerenti l-oħra, li jippermettilhom jivverifikaw xi rabtiet bejniethom u javżaw lill-awtorità kontraenti dwar dak il-fatt. Fir-rigward tal-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, dawn ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li l-offerenti huma obbligati li jiddikjaraw minn jeddhom ir-rabtiet bejniethom, mingħajr preġudizzju għall-fatt li għandhom jipprovdu l-informazzjoni li tista’ tintalab mingħandhom mill-awtorità kontraenti |
|
29. |
VSA Vilnius jipproponi, għall-kuntrarju, li tingħata risposta affermattiva għall-ewwel domanda, li jwasslu sabiex jittratta l-ewwel suppożizzjoni li saret fit-tieni waħda. Fil-fehma tiegħu, ikun sproporzjonat li l-offerenti ma jkunux jistgħu jirribattu l-preżunzjoni ta’ azzjoni miftiehma bbażata fuq il-fatt li ma ġewx iddikjarati l-konnessjonijiet bejniethom. Madankollu, il-passività jew in-nuqqas ta’ informazzjoni tagħhom f’dan ir-rigward jistgħu jiġu interpretati, flimkien ma’ indikazzjonijiet oħra jew testijiet addizzjonali oħra, bħala li juru mġiba mhux kompetittiva. |
|
30. |
Rigward it-tieni ipoteżi tat-tieni domanda, Ecoservice projektai u l-Gvern Litwan huma inklinati lejn risposta affermattiva, b’enfasi fuq l-obbligu tal-awtorità kontraenti li tiżgura rispett materjali u mhux strettament formali tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18. |
|
31. |
VSA Vilnius jargumenta li l-awtorità kontraenti għandha tieħu biss ir-riskju tal-parteċipazzjoni ta’ offerenti marbuta jekk, bl-għarfien permezz ta’ mezzi oħra dwar l-eżistenza ta’ tali rabta, ma tadottax miżuri sabiex tivverifika ċ-ċirkustanzi tal-parteċipazzjoni ta’ dawn offerenti. |
|
32. |
Il-Kummissjoni tqis li jekk l-awtorità kontraenti ma tagħtix prova tat-twettiq ta’ kondotta ħażina professjonali serja minn offerent, ma tistax timpedixxi li dan jintervjeni fil-proċedura. |
|
33. |
Il-partijiet eżaminaw it-tielet, ir-raba’ u l-ħames domanda b’mod konġunt. |
|
34. |
Ecoservice projektai jallega li l-awtorità kontraenti għandha titlob informazzjoni biss mill-offerenti jekk ikollha raġuni sabiex tiddubita jekk ikunux qegħdin jipparteċipaw fil-proċedura b’mod kompetittiv, mingħajr ma ċ-ċirkustanzi li tirreferi għalihom ir-raba’ domanda ma jkunu biżżejjed sabiex tiġi ddikjarata l-illegalità tal-imġiba tal-awtorità kontraenti. Fil-fehma tiegħu, l-Artikolu 101 TFUE ma jiġġustifikax l-eżami tal-atti tal-offerenti marbuta li huma involuti fil-proċedura separatament. |
|
35. |
VSA Vilnius għandu idea opposta. B’mod partikolari, huwa jsostni li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-awtoritajiet kontraenti għandu jkollhom rwol attiv fl-applikazzjoni tal-prinċipji li jirregolaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Dan id-dmir jinvolvi li l-offerenti marbuta jiġu mistoqsija dwar il-mod li bih qegħdin jipparteċipaw fil-proċedura, peress li, altrimenti, l-oneru tal-prova tal-imġiba żleali tagħhom jaqa’ b’mod mhux ġustifikat fuq l-offerenti l-oħra. Fil-fehma tiegħu, l-obbligu li tintwera r-realtà ta’ kompetizzjoni effettiva huwa tal-offerenti marbuta, mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-awtorità kontraenti li titlobhom jiċċaraw xi dubji dwar in-natura tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċedura. |
|
36. |
Il-Gvern Litwan iqis li l-awtorità kontraenti għandha l-obbligu li tivverifika b’mod attiv jekk il-proċedura ssirx b’mod trasparenti. Fil-każ ta’ offerenti marbuta, hija għandha tivverifika jekk tali rabta taffettwax il-kontenut tal-offerti rispettivi tagħhom. Jekk ikun hemm elementi oġġettivi li jistgħu jqajmu dubji rigward it-trasparenza tal-proċedura, l-awtorità kontraenti għandha tanalizza ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u, meta jkun hemm bżonn, titlob informazzjoni mill-partijiet. |
|
37. |
Dan il-gvern jemmen ukoll li, jekk ma jitteħdux miżuri sabiex tiġi żgurata t-trasparenza, l-imġiba tal-awtorità kontraenti tkun illegali f’żewġ każijiet: jekk, waqt li kienet taf, jew setgħet tkun taf, li setgħu pparteċipaw żewġ offerenti marbuta, ma ħaditx passi sabiex tiżgura n-natura awtonoma tal-offerti rispettivi tagħhom u jekk, minkejja li tkun ħadet dawn il-miżuri, issib li l-azzjoni tagħha ma kinitx biżżejjed. |
|
38. |
Finalment, il-Gvern Litwan isostni li ċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni jindikaw li l-offerenti marbuta jikkostitwixxu “unità ekonomika”, u għalhekk l-Artikolu 101 TFUE ma huwiex applikabbli għalihom. |
|
39. |
Għall-Gvern Ċek, is-sempliċi eżistenza ta’ rabtiet bejn l-offerenti ma hijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika l-esklużjoni tagħhom mill-proċedura. Il-fattur determinanti huwa jekk ir-rabtiet jistgħux jaffettwaw ir-riżultat tal-proċedura, li jobbliga lill-awtorità kontraenti teżamina s-sitwazzjoni speċifika tal-offerenti. Minħabba li l-protezzjoni tal-kompetizzjoni hija żgurata fil-kuntest tal-kuntratti pubbliċi permezz ta’ leġiżlazzjoni sekondarja, ma huwiex meħtieġ li jsir riferiment għall-Artikolu 101 TFUE. |
|
40. |
Il-Kummissjoni tiddikjara li fost l-informazzjoni li, skont id-Direttiva 2004/18, l-awtorità kontraenti tista’ titlob mill-offerenti ma hemmx id-dikjarazzjoni tar-rabtiet tagħhom ma’ offerenti oħra, għalkemm hija meħtieġa tivverifika jekk ikunx hemm raġunijiet sabiex issir esklużjoni. Fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata mill-qorti tar-rinviju fit-tielet u r-raba’ domandi tagħha, il-Kummissjoni tqis li din il-ġurisprudenza ma hijiex rilevanti sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula. |
|
41. |
Fir-rigward tal-Artikolu 101 TFUE, il-Kummissjoni ssostni li dan ma japplikax għal ftehimiet jew prattiċi miftiehma bejn kumpannija omm u s-sussidjarja tagħha, jew bejn sussidjarji tal-istess grupp, u lanqas ma japplika għall-kumpannija omm li jkollha influwenza deċiżiva fuq is-sussidjarji tagħha. Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, bla ħsara għad-deċiżjoni tal-ġurisdizzjoni tar-rinviju, l-offerenti A u B jikkostitwixxu unità ekonomika, u għalhekk hija eskluża l-applikazzjoni ta’ dak l-artikolu. |
V. L-evalwazzjoni
|
42. |
Id-domandi tal-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (qorti suprema) jistgħu jinġabru skont it-termini li semmejt fil-bidu ta’ dawn il-konklużjonijiet:
|
A. Dwar l-obbligu tal-offerenti li jikkomunikaw lill-awtorità kontraenti r-rabta tagħhom ma’ offerenti oħra (l-ewwel u t-tieni domandi)
|
43. |
Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, l-ewwel nett, jekk l-offerenti marbuta bejniethom li huma involuti fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku humiex obbligati jikkomunikaw dak il-fatt, “kemm jekk tali obbligu jkunx previst jew le mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, jiddikjaraw ir-rabtiet tagħhom lill-awtorità kontraenti, anki jekk din ma tagħmlilhomx mistoqsijiet speċifikament fuq dan is-suġġett” ( 12 ). |
|
44. |
Naturalment, is-suppożizzjoni impliċita fid-domanda —u, b’mod ġenerali, fis-sottomissjonijiet tal-partijiet— hija li ma għandhiex issir sempliċi projbizzjoni li l-offerenti marbuta bejniethom jissottomettu l-offerti tagħhom fi proċedura ta’ dan it-tip. Dan ġie ddikjarat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Assitur ( 13 ), mingħajr ma ssir diskussjoni dwar din is-suppożizzjoni. |
|
45. |
Fuq il-bażi ta’ din il-premessa, l-obbligu li jiġu kkomunikati dawn ir-rabtiet ma jidhirx fid-Direttiva 2004/18 (u lanqas fil-liġi Litwana dwar il-kuntratti pubbliċi), kif jaqblu l-partijiet kollha wkoll. |
|
46. |
VSA Vilnius biss isostni li dan l-obbligu huwa impost, indirettament jew b’mod impliċitu, minħabba l-ħtieġa li titneħħa l-preżunzjoni li r-rabtiet bejn l-offerenti, minħabba n-nuqqas ta’ awtonomija tagħhom, jistgħu jheddu t-trasparenza tal-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u jwasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni. |
|
47. |
L-argument ta’ VSA Vilnius diġà qiegħed jaffaċċja ostakolu serju, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, b’mod speċifiku, “l-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament li jirregolaw il-proċeduri kollha ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi jeżiġu li l-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali dwar il-parteċipazzjoni f’kuntratt ikunu ddefiniti b’mod ċar minn qabel u magħmula pubbliċi, b’mod partikolari l-obbligi tal-offerenti, sabiex dawn ikunu jafu eżattament ir-restrizzjonijiet tal-proċedura u jkunu żguri mill-fatt li l-istess rekwiżiti japplikaw għall-kompetituri kollha” ( 14 ). |
|
48. |
Obbligu (l-allegat obbligu li jiġu ddikjarati r-rabtiet korporattivi) li ma jinsabx fl-ispeċifikazzjonijiet, ma huwiex ipprovdut fil-liġi nazzjonali u lanqas fid-Direttiva 2004/18 ma jgħaddix mit-test ta’ trasparenza msemmi mill-Qorti tal-Ġustizzja. Ir-risposta għall-ewwel domanda għalhekk għandha tkun li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni legali espliċita (tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali), l-offerenti marbuta ma humiex obbligati jinfurmaw lill-awtorità kontraenti dwar il-konnessjonijiet ta’ bejniethom. |
|
49. |
Huwa possibbli li wieħed jargumenta, kif sostnut minn VSA Vilnius ( 15 ), li dak l-obbligu, għalkemm ma huwiex espliċitu, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi? |
|
50. |
Ma naħsibx, peress li din il-ġurisprudenza rrikonoxxiet li l-impriżi li jiffurmaw parti minn gruppi ta’ kumpanniji jistgħu jgawdu “ċertu awtonomija fit-tmexxija tal-politika kummerċjali u fl-attivitajiet ekonomiċi tagħhom, b’mod partikolari fil-qasam tal-parteċipazzjoni fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi” u jkunu “rregolati minn dispożizzjonijiet partikolari, pereżempju ta’ għamla kuntrattwali li jistgħu jiggarantixxu kemm l-indipendenza kif ukoll il-kunfidenzjalità matul it-tfassil tal-offerti li jkunu ser isiru simultanjament […] fil-kuntest tal-istess sejħa għal offerti” ( 16 ). |
|
51. |
Fil-fehma tiegħi, minn dawn l-affermazzjonijiet jirriżulta li, fin-nuqqas ta’ regola espressa li teħtieġ hekk, meta l-impriżi marbuta jqisu li l-offerti tagħhom huma awtonomi, ma għandhomx neċessarjament jinfurmaw lill-awtorità kontraenti dwar ir-rabtiet soċjali tagħhom. |
|
52. |
Barra minn hekk, jekk, —bħala ipoteżi— jiġi aċċettat l-argument ta’ VSA Vilnius, l-obbligu ma jkunx dovut għall-inklużjoni fl-ispeċifikazzjonijiet ta’ “rekwiżit definit b’mod ċar”, li huwa meħtieġ mill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dak il-każ, dan huwa dmir li huwa deduċibbli mill-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, għalhekk, ta’ għarfien skużabbli għall-parti l-kbira tal-operaturi ekonomiċi ( 17 ). |
|
53. |
Il-problema tista’, forsi, tiġi indirizzata minn angolu ieħor, fid-dawl tal-fatt li l-ispeċifikazzjonijiet pprojbixxew f’dan il-każ, b’mod speċifiku ( 18 ), is-sottomissjoni ta’ offerti alternattivi jew “varjanti” mill-istess offerent ( 19 ). |
|
54. |
Jista’ jiġi dedott minn din il-projbizzjoni li l-offerenti A u B kellhom jinfurmaw lill-awtorità kontraenti dwar ir-rabtiet bejniethom? Barra minn hekk, kellhom jagħtu prova li, minkejja r-rabta bejniethom, iż-żewġ offerti kienu awtonomi u ma setgħux jitqiesu bħala alternattivi? ( 20 ) |
|
55. |
Fir-realtà, din il-klawżola fl-ispeċifikazzjonijiet hija konformi mal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/18, li tapplika għall-kuntratti pubbliċi għal servizzi, skont liema “[a]wtoritajiet [kontraenti] għandhom jindikaw fl-avviż tal-kuntratt jekk jawtorizzawx jew le xi varjanti: varjanti m’għandhomx ikunu awtorizzati mingħajr din l-indikazzjoni” ( 21 ). Għalhekk, għandu jiġi mifhum li l-offerti alternattivi jew varjanti huma esklużi, fil-prinċipju ( 22 ), sakemm, f’ċerti kuntratti, l-awtorità kontraenti ma tippermettihomx. |
|
56. |
Madankollu, insibha diffiċli li naċċetta li l-projbizzjoni tal-varjanti, kemm jekk imniżżla fl-ispeċifikazzjonijiet (bħal f’dan il-każ) kif ukoll jekk le, tista’ timplika obbligu impliċitu fuq l-offerenti sabiex jinfurmaw neċessarjament lill-awtorità kontraenti dwar ir-rabtiet soċjali tagħhom. |
|
57. |
L-iktar li tista’ tagħmel dik il-projbizzjoni huwa li tobbliga lill-offerenti marbuta jiddikjaraw li l-offerta tagħhom ma kinitx sempliċi varjant jew alternattiva għal dik ta’ kompetitur ieħor. Għalhekk, din ma hijiex kwistjoni ta’ obbligu ġenerali li jiġi kkomunikat l-istatus tagħhom bħala kumpanniji marbuta, peress li ma hemm ebda obbligu ta’ dak it-tip fid-dritt tal-Unjoni. Id-Direttiva 2004/18 ma tipprojbix, bħala prinċipju, lill-operaturi ekonomiċi marbuta milli jipparteċipaw fl-istess proċedura ta’ sejħa għal offerti, iżda biss fejn hemm “riskju reali ta’ prattiki li jistgħu jippreġudikaw it-trasparenza u li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-offerenti” ( 23 ). |
|
58. |
Fuq il-bażi ta’ dan ir-raġunament, il-klawżola ta’ projbizzjoni tal-varjanti stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet tinvolvi biss f’dawk il-każijiet il-ħtieġa li l-offerenti jikkomunikaw lill-awtorità kontraenti r-relazzjonijiet li jorbtuhom, sabiex dak ir-riskju jiġi eliminat. |
|
59. |
Madankollu, jirriżulta li, minn din l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/18, jistgħu jirriżultaw biss ftit konsegwenzi prattiċi sabiex jiġi deċiż il-każ, għal żewġ raġunijiet. |
|
60. |
L-ewwel nett, fid-dikjarazzjoni ġuramentata spontanja tiegħu, l-offerent B żgura li huwa pparteċipa b’mod awtonomu u indipendenti minn kull operatur ekonomiku ieħor li jista’ jkun marbut miegħu, filwaqt li talab liċ-ċentru ta’ ġestjoni sabiex jittratta lill-offerenti l-oħra kollha bħala kompetituri. Il-fatt li dik id-dikjarazzjoni ma rreferietx b’mod espliċitu għall-offerent A huwa irrilevanti, għall-każ tagħna, peress li, skont iċ-ċentru ta’ ġestjoni ( 24 ), ir-rabta bejn iż-żewġ kumpanniji kienet magħrufa (sewwa) pubblikament. Fl-opinjoni tiegħi, l-importanti huwa li, billi wera l-awtonomija tal-proposta tiegħu, jista’ jinftiehem li l-offerent B kien ikkonforma mal-klawżola fl-ispeċifikazzjonijiet li eskludiet is-sottomissjoni ta’ offerti alternattivi. |
|
61. |
It-tieni nett, il-komunikazzjoni liċ-ċentru ta’ ġestjoni għandha l-għan li dan isir jaf dwar ir-rabtiet korporattivi bejn l-offerenti, sabiex ikun jista’ jeżamina fid-dettall il-proposti tagħhom iktar mill-qrib u jidentifika mġiba miftiehma possibbli bejniethom. Jekk, kif diġà ntqal, iċ-ċentru ta’ ġestjoni stess jammetti li, f’dan il-każ, kien jaf dwar dawk ir-rabtiet, minħabba li huma magħrufa, u ddeċieda mingħajr diffikultà li, permezz tal-offerti tagħhom (differenti fir-rigward tal-kontenut tagħhom), iż-żewġ operaturi kienu tassew kompetituri ( 25 ), il-komunikazzjoni kienet superfluwa. |
|
62. |
Lil hinn minn dawn iċ-ċirkustanzi speċifiċi, marbuta mill-qrib mal-fatti, nemmen li, għall-finijiet ta’ dan il-każ, din l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/18 hija kemxejn kumplessa, sakemm ma tkunx konformi maċ-ċarezza meħtieġa mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-definizzjoni tar-rekwiżiti sostantivi u proċedurali relatati mal-parteċipazzjoni fil-proċeduri tas-sejħiet għal offerti ( 26 ). |
|
63. |
Għalhekk, nissuġġerixxi li r-risposta għall-ewwel domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 45 TFUE u 56 TFUE u l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fin-nuqqas ta’ regola espliċita jew ta’ dispożizzjoni speċifika fil-klawżoli li jirregolaw il-proċedura, l-offerenti marbuta li jippreżentaw offerti separati ma humiex obbligati jinfurmaw lill-awtorità kontraenti dwar ir-rabtiet tagħhom. |
|
64. |
Fir-rigward tat-tieni domanda, ir-risposta tirriżulta mill-ewwel waħda. Fl-istess ipoteżi (nuqqas ta’ dispożizzjoni espliċita jew dispożizzjoni speċifika fil-klawżoli li jirregolaw il-proċedura tal-offerti), hija l-awtorità kontraenti stess li, kif tiddikjara l-qorti tar-rinviju stess, “għandha tassumi r-riskju maħluq mill-parteċipazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi marbuta u r-riskju tal-konsegwenzi ta’ din.” |
|
65. |
Madankollu, jiena ma nirreferix għal teħid ta’ riskju mill-awtorità kontraenti, iżda għall-obbligu tagħha li tiżgura l-ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti u t-trasparenza tal-proċedura. Sabiex twettaq dan id-dmir hija għandha timpedixxi li l-parteċipazzjoni tal-offerenti marbuta tippreġudika lil oħrajn, filwaqt li twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni meħtieġa bejn kulħadd. Dan huwa, kif ipprovdiet hi stess, dak li ġara f’dan il-każ. |
B. Dwar l-obbligi tal-awtorità kontraenti rigward ir-rabta bejn l-offerenti (it-tielet, ir-raba’ u l-ħames domandi)
|
66. |
Naqbel mal-Kummissjoni li t-tielet, ir-raba’ u l-ħames domanda jistgħu jingħataw risposta waħda, għalkemm ir-riformulazzjoni li nipproponi jien ma hijiex eżattament bħal dik tagħha ( 27 ). |
|
67. |
Fil-fehma tiegħi, permezz ta’ dawn id-domandi l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, l-awtorità kontraenti hijiex obbligata li titlob lill-offerenti marbuta jagħtu prova li s-sitwazzjoni tagħhom ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ kompetizzjoni. Id-dubju jikkonċerna l-fatt jekk ikunx biżżejjed in-nuqqas ta’ azzjoni tal-awtorità kontraenti sabiex l-aġir tagħha fil-proċedura jiġi ddikjarat illegali. |
|
68. |
Ma hemmx dubju, kif diġà ntqal, mhux biss li l-offerenti A u B kienu operaturi legali marbuta bejniethom, iżda wkoll li, għaċ-ċentru ta’ ġestjoni, din ir-rabta kienet magħrufa sewwa pubblikament (għal din ir-raġuni ma kkunsidratx li kien meħtieġ li titlobhom jipprovdu dikjarazzjoni dwar dan il-fatt). |
|
69. |
Barra minn hekk, kollox jidher li jindika li ż-żewġ offerenti, A u B, jifformaw unità ekonomika minħabba l-istatus tagħhom bħala sussidjarji tal-istess kumpannija omm, f’ċirkustanzi li fihom jista’ jiġi preżunt li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq it-tnejn li huma ( 28 ). Jekk dan ikun il-każ, huwa biżżejjed, kif osservaw il-maġġoranza tal-partijiet, sabiex jiġi konkluż li l-Artikolu 101 TFUE ma huwiex applikabbli għal dan il-każ. |
|
70. |
Fil-fatt, huwa magħruf li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-artikolu ma japplikax meta l-ftehimiet jew il-prattiċi projbiti jitwettqu minn impriżi li jikkostitwixxu unità ekonomika ( 29 ). |
|
71. |
Il-kompetizzjoni li għandha tiġi protetta fil-proċeduri tas-sejħiet għal offerti ma hijiex tant dik (ġenerali) tas-suq intern bejn operaturi ekonomiċi indipendenti iżda pjuttost dik (iktar speċifika) li għandha tirregola l-kompetizzjonijiet għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ( 30 ). Minn din l-aħħar perspettiva, dak li huwa verament importanti huwa l-awtonomija u d-differenzi reali tal-offerti rispettivi (li jwasslu lill-awtorità kontraenti li tagħżel l-iktar waħda favorevoli għall-interess pubbliku), kemm jekk l-operaturi ekonomiċi involuti jkunu indipendenti u kemm jekk ikollhom rabtiet bejniethom. Għalhekk, kif jirrimarka l-Gvern Ċek ( 31 ), il-protezzjoni tal-kompetizzjoni fil-kuntest tal-proċeduri tas-sejħa għal offerti għandha titfittex l-ewwel fil-leġiżlazzjoni sekondarja; f’dan il-każ, fid-Direttiva 2004/18 ( 32 ). |
|
72. |
L-inapplikabbiltà tal-Artikolu 101 TFUE għal dan il-każ ma tfissirx, madankollu, li l-ġurisprudenza invokata mill-qorti tar-rinviju fit-tielet u r-raba’ domanda tagħha ma hijiex rilevanti. |
|
73. |
Fil-fatt, għalkemm il-kawża eVigilo ( 33 ) rreferiet għal kunflitt ta’ interessi bejn l-awtorità kontraenti u l-esperti li evalwaw l-offerti sottomessi, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet dikjarazzjoni ta’ prinċipju li jista’ japplika għaliha. Hija ddikjarat li, fid-dawl ta’ elementi oġġettivi li poġġew f’dubju l-imparzjalità ta’ espert, “hija din l-awtorità kontraenti li għandha jkollha teżamina ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-għoti tal-kuntratt sabiex tipprevjeni u tindividwa l-kunflitti ta’ interessi u tirrimedja għalihom, inkluż, jekk ikun il-każ, billi titlob lill-partijiet sabiex jipprovdu ċertu informazzjoni u provi” ( 34 ). |
|
74. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li dak l-obbligu huwa konsegwenza tar-“rwol attiv” li jingħata lill-awtorità kontraenti sabiex tapplika l-prinċipji tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi, preċiżament minħabba d-dmir li tipprovdi ugwaljanza fit-trattament u li taġixxi b’mod trasparenti, kif mitlub mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18 ( 35 ). Dan id-dmir —skont il-Qorti tal-Ġustizzja— “jikkorrispondi għall-essenza stess tad-direttivi dwar il-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi (ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Michaniki, C‑213/07, EU:C:2008:731, punt 45)” ( 36 ). |
|
75. |
F’dak li jirrigwarda s-sentenzi Eturas et ( 37 ) u VM Remonts et ( 38 ), dawn jikkonċernaw, kif tipprovdi sew il-Kummissjoni ( 39 ), ftehim tal-prezzijiet bejn impriżi indipendenti u r-responsabbiltà ta’ offerent għall-atti ta’ fornitur indipendenti li kien jipprovdi servizzi lilu. Minkejja dan, xi wħud mid-dikjarazzjonijiet ta’ dawk is-sentenzi, relatati mal-prova ta’ kondotta kollużiva, jistgħu jkunu utli f’dan il-każ. |
|
76. |
Pereżempju, fl-ewwel waħda huwa pprovdut li “[l]-prinċipju ta’ effettività jeħtieġ li l-prova ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni tkun tista’ tinġieb mhux biss permezz ta’ provi diretti, iżda wkoll permezz ta’ indizji, dejjem sakemm dawn ikunu oġġettivi u konkordanti” ( 40 ). U fit-tieni waħda, li, fin-nuqqas ta’ regoli tal-Unjoni dwar il-provi, “ir-regoli dwar l-evalwazzjoni tal-provi u dwar il-livell ta’ provi meħtieġ jaqgħu […] taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri” ( 41 ). |
|
77. |
Permezz tat-trasferiment ta’ din il-każistika għaċ-ċirkustanzi kkontestati fil-proċedura inkwistjoni, jekk l-awtorità kontraenti tara li fil-proċedura jipparteċipaw operaturi marbuta, ir-“rwol attiv” li huwa mistenni minnha, bħala garanti ta’ kompetizzjoni effettiva bejn l-offerenti, għandu jwassalha, normalment, sabiex tiżgura l-awtonomija tal-offerti tagħhom ( 42 ). |
|
78. |
Tali prevenzjoni, fil-qosor, hija biss waħda mill-miżuri mmirati sabiex “teżamina ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha […] sabiex tipprevjeni u tindividwa l-kunflitti ta’ interessi u tirrimedja għalihom, inkluż, jekk ikun il-każ, billi titlob lill-partijiet sabiex jipprovdu ċertu informazzjoni u provi” ( 43 ). |
|
79. |
L-awtorità kontraenti tista’, madankollu, f’każijiet bħal dan, tgħaddi mingħajr komunikazzjoni mill-offerenti marbuta, sabiex, fit-termini tad-domanda tal-qorti tar-rinviju, “[tippreċiża] jekk u kif is-sitwazzjoni personali tagħhom hija kompatibbli mal-kompetizzjoni libera u leali tal-offerenti”. Li titlob “jekk ikun il-każ […] lill-partijiet sabiex jipprovdu ċertu informazzjoni u provi” jista’, ovvjament, ikun rilevanti jekk l-informazzjoni u l-provi li jkollha l-awtorità kontraenti ma jkunux biżżejjed sabiex din tieħu deċiżjoni dwar ir-riskju li l-offerti ma għandhomx awtonomija u jwasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni. |
|
80. |
Dak li huwa importanti, allura, ma huwiex tant li l-awtorità kontraenti tindirizza lill-offerenti marbuta, u titlobhom informazzjoni dwar ir-relazzjonijiet tagħhom u tistaqsihom għall-opinjoni tagħhom dwar il-konformità mal-prinċipju tal-kompetizzjoni fost l-offerenti. Il-fattur deċiżiv huwa, pjuttost, li l-awtorità kontraenti tkun tista’ teskludi li l-preżenza simultanja ta’ dawn l-operaturi marbuta tinvolvi riskju għall-kompetizzjoni. Hija tista’ tasal għal din il-konklużjoni, naturalment, billi titlob dik l-informazzjoni jew dik l-opinjoni minn għandhom, iżda wkoll billi tqis l-informazzjoni diġà disponibbli fil-proċedura u, għalhekk, mingħajr ma tindirizza lill-offerenti. |
|
81. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi wkoll fil-każistika tagħha li “il-kwistjoni ta’ jekk ir-relazzjoni ta’ kontroll inkwistjoni eżerċitatx influwenza fuq il-kontenut rispettiv tal-offerti magħmula mill-impriżi kkonċernati, fil-kuntest tal-istess proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, teżiġi eżami u evalwazzjoni tal-fatti li, fil-fatt, huwa kompetenza tal-awtoritajiet kontraenti” ( 44 ). |
|
82. |
Madankollu, kif iddikjara ċ-ċentru ta’ ġestjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-eżaminazzjoni u l-evalwazzjoni tal-fatti li wettaq iwassluh sabiex jiddikjara li, peress li huwa magħruf, sewwa, li hemm rabta bejn l-offerenti A u B, huwa seta’ jeskludi li l-offerti rispettivi tagħhom ma kinux kompetittivi fuq il-bażi ta’ sensiela ta’ elementi oġġettivi:
|
|
83. |
Permezz tal-informazzjoni fil-pussess tiegħu, iċ-ċentru ta’ ġestjoni qies li ma kienx hemm riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-offerenti A u B. Huwa żied li, kieku nnota li dawn “aġixxew b’mod li wera li ma ridux jiksbu l-għoti tal-kuntratt”, dik iċ-ċirkustanza “setgħet tipprovdi indikazzjoni li twasslu sabiex jieħu azzjoni u jinvestiga r-rabtiet tagħhom u jikkunsidra l-imġiba tagħhom matul il-proċedura tas-sejħa għall-offerti bħala li possibbilment tikkostitwixxi prattika miftiehma” ( 46 ). |
|
84. |
Jista’ jiġi diskuss jekk l-informazzjoni miżmuma miċ-ċentru ta’ ġestjoni kinitx suffiċjenti sabiex jiġi eskluż ir-riskju potenzjali għall-kompetizzjoni bejn l-offerenti, iżda din l-evalwazzjoni, fi kwalunkwe każ, taqa’ taħt l-istħarriġ ulterjuri tal-qorti nazzjonali li hija responsabbli sabiex tirrevedi, jekk tintalab tagħmel hekk, id-deċiżjonijiet tagħha. |
|
85. |
Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tipparteċipa fit-tilwima dwar jekk hemmx valur probatorju ikbar jew iżgħar li għandu jingħata lill-provi elenkati mill-qorti tar-rinviju fil-punti (a) u (b) tar-raba’ domanda tagħha. Din hija sentenza dwar ċirkustanzi fattwali u dwar l-evalwazzjoni tal-elementi ta’ kundanna involuti fi proċedura li għandha tiġi deċiża, esklużivament, mill-qorti tar-rinviju skont ir-regoli ta’ kritika soda u permezz tal-applikazzjoni tar-regoli interni tagħha dwar il-provi ( 47 ). |
|
86. |
Jekk nerġgħu nduru, għalhekk, lejn id-domanda dwar jekk l-awtorità kontraenti hijiex obbligata, b’mod mandatorju, tindirizza, bil-mod stabbilit hawn fuq, lill-operaturi marbuta, jiena naħseb li din għandha tingħata risposta negattiva, kemm f’termini ġenerali kif ukoll f’dan il-każ partikolari. Kollox jiddependi fuq is-suffiċjenza jew l-insuffiċjenza tal-prova disponibbli u, għalhekk, fuq il-konsistenza oġġettiva tad-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li tippermetti aċċess għall-kompetizzjoni tal-offerenti marbuta, li l-qorti nazzjonali jkollha setgħa tieħu deċiżjoni finali. |
VI. Konklużjoni
|
87. |
Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (qorti suprema tal-Litwanja) kif ġej: “L-Artikoli 45 TFUE u 56 TFUE u l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).
( 3 ) Direttiva tal-Kunsill, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246), kif emendata permezz tad-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2007, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/665/KEE u 92/13/KEE fir-rigward tat-titjib fl-effettività ta’ proċeduri ta’ reviżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (ĠU 2007, L 335, p. 31).
( 4 ) Liġi tat-13 ta’ Awwissu 1996 (Žin., 1996, Nru 84-2000).
( 5 ) Liġi tat-23 ta’ Marzu 1999 (Žin., 1999, Nru 30-856).
( 6 ) Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-offerent B (punt 34) ġiet riprodotta l-klawżola 39 tal-ispeċifikazzjonijiet, li kienet tinkludi dik il-projbizzjoni.
( 7 ) Skont id-digriet tar-rinviju (punt 10 tal-verżjoni bil-Franċiż), il-kumpannija omm għandha, rispettivament, 100 % u 98.12 % tal-azzjonijiet tal-offerenti A u B, li l-bordijiet ta’ ġestjoni tagħhom huma magħmulin mill-istess persuni.
( 8 ) Fiha, l-offerent B irrefera għal sottokuntrattur li huwa wkoll sussidjarju ta’ Ecoservice u li fil-bord ta’ ġestjoni tiegħu hemm ukoll l-istess persuni fiżiċi bħal dawk li jiffurmaw dawk tal-offerenti A u B.
( 9 ) B’mod partikolari, minħabba li ma jiġix issodisfatt ir-rekwiżit li, għall-provvista tas-servizz, jintużaw vetturi speċjali li l-magni tagħhom jirrispettaw, mill-inqas, l-istandard Euro 5.
( 10 ) Madankollu, iktar ’il quddiem, meta l-qorti tal-prim’istanza laqgħet rikors magħmul minn offerent indipendenti, l-offerent A appella minn dik id-deċiżjoni tal-qorti.
( 11 ) Fih argumenta li, bħala sussidjarji ta’ Ecoservice, l-offerenti A u B kellhom jiġu kkunsidrati bħala impriżi marbuta fis-sens tal-Artikolu 3(14), tal-Liġi dwar il-Kompetizzjoni u li l-offerti tagħhom kellhom jitqiesu bħala alternattivi. Huwa żied li dawn l-impriżi ma pparteċipawx fil-proċedura tas-sejħa għal offerti taħt kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva u kienu daħlu fi ftehim. Peress li, skont il-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti, il-varjanti kienu pprojbiti, huwa sostna li l-offerti ta’ A u B kellhom jiġu miċħuda.
( 12 ) L-ewwel domanda, it-tieni paragrafu, in fine.
( 13 ) Sentenza tad-19 ta’ Mejju 2009, C‑538/07, EU:C:2009:317, punt 28: “l-esklużjoni sistematika tal-impriżi affiljati mid-dritt ta’ parteċipazzjoni fl-istess proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi tmur kontra l-applikazzjoni effettiva tad-dritt Komunitarju. Fil-fatt, tali soluzzjoni tnaqqas kunsiderevolment il-kompetizzjoni fuq livell Komunitarju”.
( 14 ) Sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Pizzo (C‑27/15, EU:C:2016:404, punt 37).
( 15 ) Punt 18 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.
( 16 ) Sentenza tad-19 ta’ Mejju 2009, Assitur (C‑538/07, EU:C:2009:317, punt 31).
( 17 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-kriterju tal-offerent raġonevolment infurmat li jaġixxi b’diliġenza normali, pereżempju, fis-sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2003, EVN u Wienstrom (C‑448/01, EU:C:2003:651, punt 57).
( 18 ) Ara l-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Il-qorti tar-rinviju tirreferi għal din il-projbizzjoni fil-paragrafu 18 tad-digriet tar-rinviju (skont il-verżjoni bil-Franċiż ta’ dan id-dokument).
( 19 ) Dwar l-offerti alternattivi jew varjanti, ara, għal kollha, Arrowsmith, S.: The Law of Public Utilities Procurement, vol. 1, Sweet & Maxwell, Londra, it-tielet ed., 2014, 7-246 sa 7-251.
( 20 ) Kif isostni Sánchez Graells, A.: Public Procurement and the EU Competition Rules, Hart, Oxford, it-tieni ed., 2015, p. 341, ir-regola bażika f’dan il-qasam hija l-projbizzjoni ta’ proposti multipli minn entità waħda. Korollarju ta’ dik ir-regola jkun li dik il-projbizzjoni testendi għal entitajiet li jappartjenu għall-istess grupp.
( 21 ) Skont il-paragrafu 1 tal-istess artikolu, il-varjanti jistgħu jseħħu biss meta l-kriterju għall-għoti tal-kuntratt ikun dak tal-offerta ekonomikament l-iktar vantaġġjuża.
( 22 ) Ara Arrowsmith, S.: The Law of Public Utilities Procurement, cit. 7-247.
( 23 ) Sentenza tad-19 ta’ Mejju 2009, Assitur (C‑538/07, EU:C:2009:317, punt 30).
( 24 ) It-tieni paragrafu tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu.
( 25 ) Ir-raba’ paragrafu tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu.
( 26 ) Nirreferi, għal darba oħra, għas-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Pizzo (C‑27/15, EU:C:2016:404, punt 37).
( 27 ) Il-Kummissjoni tirrakkomanda li t-tliet domandi jiġu fformulati mill-ġdid fis-sens li “il-qorti nazzjonali tixtieq tiddetermina jekk l-Artikolu 101 TFUE japplikax għal dan il-każ u jekk l-Artikolu 101 TFUE (jekk japplika), id-disposizzjonijiet tad-Direttivi 89/665/KE u 2004/18/KE u l-ġurisprudenza, b’mod speċifiku s-sentenzi eVigilo, Eturas u VM Remonts, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità kontraenti għandha tkompli teżamina l-eżistenza ta’ rabtiet bejn żewġ offerenti fil-każ tal-każ evalwat mill-qorti nazzjonali” (punt 42 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni).
( 28 ) Ara, għal kollha, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2016, Evonik Degussa u AlzChem vs il-Kummissjoni (C‑155/14 P, EU:C:2016:446, punt 28).
( 29 ) F’dan ir-rigward, ara s-sentenzi tal-4 ta’ Mejju 1989, Bodson (30/87, EU:C:1988:225, punt 19), u tal-11 ta’ April 1989, Saeed Flugreisen u Silver Line Reisebüro (66/86, EU:C:1989:140, punt 35).
( 30 ) Naturalment, jista’ jkun hemm mġiba ta’ kollużjoni bejn impriżi li ma humiex marbuta li għandhom tendenza, speċifika, li jgħawġu l-kompetizzjoni fil-proċeduri ta’ akkwist pubbliku, fejn jiftiehmu sabiex ma jippreżentawx lilhom infushom jew sabiex jagħmlu dan fuq il-bażi ta’ ftehim b’mod illeċitu bejniethom.
( 31 ) Punt 10 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu.
( 32 ) Direttiva, li, kif diġà pprovdejt, ma tipprekludix, fil-prinċipju, il-parteċipazzjoni tal-offerenti marbuta.
( 33 ) Sentenza tat-12 ta’ Marzu 2015, C‑538/13, EU:C:2015:166.
( 34 ) Sentenza tat-12 ta’ Marzu 2015, eVigilio (C‑538/13, EU:C:2015:166, punt 44).
( 35 ) Ibidem, punt 42.
( 36 ) Ibidem, punt 43.
( 37 ) Sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, C‑74/14, EU:C:2016:42.
( 38 ) Sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, C‑542/14, EU:C:2016:578.
( 39 ) Punti 46 u 47 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.
( 40 ) Sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Eturas et (C‑74/14, EU:C:2016:42, punt 37).
( 41 ) Sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, VM Remonts et (C‑542/14, EU:C:2016:578, punt 21).
( 42 ) Id-diversità tal-offerti għandha tendenza li żżid il-pressjoni kompetittiva bejn l-offerenti, b’tali mod li kull waħda minnhom tkun verament “tista’ tiġi kkontestata” (sabiex nuża espressjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni) mill-oħrajn u l-kuntratt jingħata lil min jistħoqqlu l-iktar fuq il-merti tiegħu stess.
( 43 ) Sentenza tat-12 ta’ Marzu 2015, eVigilo (C‑538/13, EU:C:2015:166, punt 44).
( 44 ) Sentenza tad-19 ta’ Mejju 2009, Assitur (C‑538/07, EU:C:2009:317, punt 32).
( 45 ) Ir-raba’ paragrafu tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-bord ta’ ġestjoni.
( 46 ) Is-sitt paragrafu tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-awtorità kontraenti. F’dan l-istess paragrafu hija żżid li l-prattiċi miftiehma ma humiex possibbli biss bejn operaturi marbuta iżda wkoll bejn dawk li jikkompetu formalment imma jidħlu fi ftehim bejniethom kif ipprojbit mid-dritt tal-kompetizzjoni.
( 47 ) Nirreferi għas-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, VM Remonts et (C‑542/14, EU:C:2016:578), traskritta fil-punt 76.