European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/169

31.1.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/169

tat-30 ta’ Jannar 2025

dwar l-awtorizzazzjoni ta’ preparat ta’ Saccharomyces cerevisiae DBVPG 48 SF bħala addittiv tal-għalf għar-ruminanti għajr dawk tal-ħalib (detentur tal-awtorizzazzjoni: Mazzoleni S.p.A.)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta’ addittivi għall-użu fin-nutrizzjoni tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, tressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ preparat ta’ Saccharomyces cerevisiae DBVPG 48 SF bħala addittiv tal-għalf. Flimkien ma’ dik l-applikazzjoni ntbagħtu d-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(3)

L-applikazzjoni tikkonċerna l-awtorizzazzjoni ta’ preparat ta’ Saccharomyces cerevisiae DBVPG 48 SF bħala addittiv tal-għalf għaż-żwiemel, għar-ruminanti u għall-ħnieżer kollha, bit-talba li l-addittiv jiġi kklassifikat fil-kategorija “addittivi żootekniċi” u fil-grupp funzjonali “sustanzi li jsaħħu d-diġestibbiltà” fir-rigward taż-żwiemel, u fil-grupp funzjonali “addittivi żootekniċi oħra” fir-rigward tar-ruminanti u l-ħnieżer.

(4)

Il-preparat ta’ Saccharomyces cerevisiae DBVPG 48 SF ġie awtorizzat għal 10 snin bħala addittiv tal-għalf għaż-żwiemel, għar-ruminanti tal-ħalib u għall-ħnieżer bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2734 (2).

(5)

Fl-opinjonijiet tagħha tat-23 ta’ Marzu 2023 (3) u tat-13 ta’ Marzu 2024 (4), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li, fil-kundizzjonijiet proposti tal-użu, il-preparat ta’ Saccharomyces cerevisiae DBVPG 48 SF huwa sikur għall-ispeċijiet fil-mira, għall-konsumaturi u għall-ambjent. Ikkonkludiet ukoll li l-preparat ta’ Saccharomyces cerevisiae DBVPG 48 SF mhux irritanti għall-għajnejn u għall-ġilda iżda jenħtieġ li jitqies bħala sensitizzatur respiratorju, filwaqt li ma setgħetx tikkonkludi dwar il-potenzjal ta’ sensitizzazzjoni tal-ġilda tal-preparat. L-awtorità kkonkludiet ukoll li l-preparat ta’ Saccharomyces cerevisiae DBVPG 48 SF għandu l-potenzjal li jkun effikaċi għar-ruminanti kollha fil-kundizzjoni tal-użu proposta. Ma kinitx tal-fehma li hemm ħtieġa għal rekwiżiti speċifiċi ta’ monitoraġġ ta’ wara l-introduzzjoni fis-suq. L-Awtorità vverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodi ta’ analiżi tal-addittiv tal-għalf fl-għalf li ġie ppreżentat mil-Laboratorju ta’ Referenza stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(6)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-preparat ta’ Saccharomyces cerevisiae DBVPG 48 SF jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 għar-ruminanti għajr dawk tal-ħalib. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-użu ta’ dak il-preparat jiġi awtorizzat għar-ruminanti għajr dawk tal-ħalib. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li jenħtieġ li jittieħdu miżuri protettivi xierqa biex jiġu evitati effetti avversi fuq is-saħħa tal-utenti tal-addittiv.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Awtorizzazzjoni

Il-preparat speċifikat fl-Anness, li jaqa’ fil-kategorija ta’ addittivi “addittivi żootekniċi” u fil-grupp funzjonali “addittivi żootekniċi oħra”, huwa awtorizzat bħala addittiv fin-nutrizzjoni tal-annimali, soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f’dak l-Anness.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Jannar 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1831/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2734 tas-7 ta’ Diċembru 2023 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ preparat ta’ Saccharomyces cerevisiae DBVPG 48 SF bħala addittiv tal-għalf għaż-żwiemel, għar-ruminanti tal-ħalib u għall-ħnieżer (detentur tal-awtorizzazzjoni: Mazzoleni S.p.A.) (ĠU L, 2023/2734, 8.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2734/oj).

(3)   EFSA Journal 2023;21(4):7971.

(4)   EFSA Journal 2024;22:e8728.


ANNESS

Numru ta’ identifikazzjoni tal-addittiv tal-għalf

Isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku

Speċi jew kategorija tal-annimal

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħrajn

Tmiem il-perjodu ta’ awtorizzazzjoni

CFU/kg ta’ għalf komplet b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %

Kategorija tal-addittivi żootekniċi. Grupp funzjonali: addittivi żootekniċi oħra (titjib fil-parametri tal-prestazzjoni)

4d24

Mazzoleni S.p.A.

Saccharomyces cerevisiae DBVPG 48 SF

Kompożizzjoni tal-addittiv

Preparat ta’ Saccharomyces cerevisiae DBVPG 48 SF b’konċentrazzjoni minima ta’:

1 × 109 CFU/g ta’ addittiv.

Forom solidi.

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

Ċelloli vijabbli ta’ Saccharomyces cerevisiae DBVPG 48 SF.

Metodu analitiku  (1)

—

Identifikazzjoni: metodu tar-reazzjoni katina bil-polimerażi (PCR) — CEN/TS 15790

—

Enumerazzjoni fl-addittiv tal-għalf, fil-premixxeli u fl-għalf kompost: metodu tat-tferrigħ jew tat-tifrix (EN 15789)

Ruminanti, għajr baqar tal-ħalib u ruminanti minuri tal-ħalib

—

4 × 109

—

1.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel, għandhom jiġu indikati l-kundizzjonijiet tal-ħżin u tal-istabbiltà waqt it-trattament bis-sħana.

2.

Għall-utenti tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel, l-operaturi tan-negozji tal-għalf għandhom jistabbilixxu proċeduri operattivi u miżuri organizzattivi sabiex jindirizzaw ir-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-użu tagħhom. Meta dawn ir-riskji ma jkunux jistgħu jiġu eliminati bi proċeduri u miżuri ta’ dan it-tip, l-addittiv u l-premixxeli għandhom jintużaw b’tagħmir personali tal-protezzjoni għan-nifs u għall-ġilda.

L-20 ta’ Frar 2035.


(1)  Id-dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz tal-Laboratorju ta’ Referenza li ġej: https://joint-research-centre.ec.europa.eu/eurl-fa-eurl-feed-additives/eurl-fa-authorisation/eurl-fa-evaluation-reports_en


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/169/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)