|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/1797 |
21.7.2026 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1797
tas-16 ta’ Lulju 2026
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/1108 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza relatati mal-ġidri tan-nagħaġ u mal-ġidri tal-mogħoż fir-Rumanija
(notifikata bid-dokument C(2026) 2516)
(It-test Rumen biss huwa awtentiku)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 259(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Il-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż huma mard virali infettiv li jolqot lill-annimali kaprini u ovini u li jista’ jħalli impatt serju fuq il-popolazzjoni tal-annimali kkonċernati u fuq il-profittabbiltà tat-trobbija tal-annimali, billi jikkawża tfixkil fil-movimenti tal-kunsinni ta’ dawk l-annimali u tal-prodotti tagħhom fl-Unjoni u fl-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi terzi. F’każ ta’ tifqigħa tal-ġidri tan-nagħaġ u tal-ġidri tal-mogħoż fl-annimali kaprini jew ovini, hemm riskju serju li dak il-mard jinxtered lejn stabbilimenti oħra li jżommu l-annimali kaprini jew ovini. |
|
(2) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 (2) jissupplimenta r-regoli għall-kontroll tal-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1), il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2016/429, u definit bħala mard tal-kategoriji A, B u C fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (3). B’mod partikolari, l-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 jipprevedu l-istabbiliment ta’ żona ristretta f’każ ta’ tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A, inkluż il-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż, kif ukoll ċerti miżuri li jridu jiġu applikati fiha. Barra minn hekk, l-Artikolu 21(1) ta’ dak ir-Regolament Delegat jipprevedi li ż-żona ristretta trid tkun tinkludi żona ta’ protezzjoni, żona ta’ sorveljanza u, jekk ikun meħtieġ, żona ristretta ulterjuri madwar jew maġenb iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza. |
|
(3) |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/1108 (4) ġiet adottata fil-qafas tar-Regolament (UE) 2016/429 u tistabbilixxi ċerti miżuri ta’ emerġenza relatati mal-infezzjoni bil-ġidri tan-nagħaġ u bil-ġidri tal-mogħoż fir-Rumanija. |
|
(4) |
B’mod aktar partikolari, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/1108 jipprevedi li ż-żona ristretta, li tinkludi żoni ta’ protezzjoni, żoni ta’ sorveljanza u żoni ristretti ulterjuri, li trid tiġi stabbilita mir-Rumanija, f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, trid tkun tinkludi mqar iż-żoni elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni, u l-miżuri li jeħtieġ jiġu applikati fiż-żoni ta’ protezzjoni u fiż-żoni ta’ sorveljanza jridu jiġu applikati mqar sad-dati elenkati fl-Anness I. |
|
(5) |
Minn dakinhar li saret l-aħħar emenda tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/1108 (5) ’l hawn, ir-Rumanija nnotifikat lill-Kummissjoni, fid-29 ta’ Ġunju 2026, dwar tifqigħa addizzjonali tal-ġidri tan-nagħaġ u tal-ġidri tal-mogħoż fi stabbiliment fejn jinżammu l-annimali ovini u kaprini, li jinsab fil-kontea ta’ Buzău barra miż-żoni ta’ protezzjoni u miż-żoni ta’ sorveljanza elenkati fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/1108. |
|
(6) |
Għalhekk, iż-żona ristretta, li tinkludi żoni ta’ protezzjoni, żoni ta’ sorveljanza u żoni ristretti ulterjuri, kif stipulat fl-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/1108, jenħtieġ li tiġi aġġustata, kemm fl-ispazju kif ukoll fiż-żmien, biex jiġi evitat li l-mard ikompli jinxtered fit-territorju tar-Rumanija jew fil-bqija tal-Unjoni. |
|
(7) |
Id-daqs taż-żoni ta’ protezzjoni, taż-żoni ta’ sorveljanza u taż-żoni ristretti ulterjuri, u d-durata tal-miżuri li jridu jiġu applikati fihom, huma bbażati fuq il-kriterji stipulati fl-Artikolu 64(1) tar-Regolament (UE) 2016/429, kif ukoll fuq ir-regoli stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687. Il-kriterji applikati għall-għażla tad-daqs taż-żoni ta’ protezzjoni, taż-żoni ta’ sorveljanza u taż-żoni ristretti ulterjuri, kif ukoll tad-durata tal-miżuri li jridu jiġu applikati fihom, ma jqisux biss is-sitwazzjoni epidemjoloġika fir-rigward tal-ġidri tan-nagħaġ u tal-ġidri tal-mogħoż fiż-żoni milquta minn dak il-mard, iżda anki s-sitwazzjoni epidemjoloġika kumplessiva tal-ġidri tan-nagħaġ u tal-ġidri tal-mogħoż fit-territorju kollu tar-Rumanija, kif ukoll il-livell tar-riskju li l-mard ikompli jinxtered. Barra minn hekk, id-durata tal-miżuri previsti b’din id-Deċiżjoni ġiet iddeterminata f’konformità mal-istandards internazzjonali stipulati fil-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (WOAH) (6). |
|
(8) |
Barra minn hekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/1108 tistabbilixxi ż-żoni fit-territorju tar-Rumanija, elenkati fl-Anness II, fejn iridu jiġu applikati miżuri ulterjuri, bħal dawk applikabbli għaż-żoni ristretti ulterjuri, kif previst fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687, u fejn għal ċertu perjodu ta’ żmien, wara l-iskadenza tal-perjodi previsti għall-miżuri applikabbli fiż-żoni ta’ protezzjoni u fiż-żoni ta’ sorveljanza, iridu jiġu pprojbiti l-movimenti tal-annimali ovini u kaprini barra l-perimetri esterni ta’ dawk iż-żoni. Fl-Anness II jeħtieġ tiġi indikata d-durata tal-miżuri applikabbli f’dawk iż-żoni. |
|
(9) |
Barra minn hekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/1108 tipprojbixxi l-movimenti tal-annimali kaprini u ovini mit-territorju kollu tar-Rumanija lejn destinazzjoni li tinsab fi Stat Membru ieħor, jew minn Stat Membru ieħor, sal-31 ta’ Lulju 2026. |
|
(10) |
Skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtorità kompetenti tar-Rumanija, din hija rikorrenza tal-ġidri tan-nagħaġ u tal-ġidri tal-mogħoż f’żona li qatt ma ntlaqtet qabel, aktar minn xahar wara r-rapport tal-aħħar tifqigħa fir-Rumanija bi ftit li xejn informazzjoni dwar l-oriġini tat-tifqigħa. Għalhekk, hemm riskju għoli li l-mard ikompli jinxtered, mhux biss fir-Rumanija u fil-bqija tal-Unjoni, iżda wkoll f’pajjiżi terzi. |
|
(11) |
Għalhekk, jeħtieġ tiġi estiża, sal-31 ta’ Diċembru 2026, il-projbizzjoni fuq il-movimenti tal-annimali ovini u kaprini mit-territorju kollu tar-Rumanija lejn kwalunkwe destinazzjoni li tinsab fi Stat Membru ieħor, jew minn Stat Membru ieħor, u jeħtieġ ukoll li dik il-projbizzjoni tiġi estiża għal kwalunkwe destinazzjoni li tinsab f’pajjiżi terzi. |
|
(12) |
Għalhekk, iż-żoni identifikati bħala żoni ta’ protezzjoni, żoni ta’ sorveljanza u żoni ristretti ulterjuri fir-Rumanija jenħtieġ li jiġu stipulati fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni kif xieraq, u jenħtieġ li tiġi stabbilita d-durata ta’ dik ir-reġjonalizzazzjoni. Id-durata ta’ dik ir-reġjonalizzazzjoni tqis il-perjodi minimi biex il-miżuri jiġu applikati fiż-żoni ta’ protezzjoni u fiż-żoni ta’ sorveljanza f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687. |
|
(13) |
Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Unjoni fir-rigward tat-tixrid tal-ġidri tan-nagħaġ u tal-ġidri tal-mogħoż, u l-ħtieġa tal-evitar tat-tixrid ulterjuri tal-mard mill-istabbilimenti milquta fir-Rumanija lejn partijiet oħra ta’ dak l-Istat Membru jew lejn xi Stati Membri oħra, il-miżuri ta’ emerġenza stabbiliti f’din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni jenħtieġ li jibdew japplikaw mill-aktar fis. |
|
(14) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/1108 hija emendata kif ġej:
|
1. |
L-Artikolu 1c huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 1c Ir-Rumanija għandha tipprojbixxi l-movimenti tal-annimali kaprini u ovini mit-territorju kollu tar-Rumanija lejn destinazzjoni li tinsab fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz, jew minn Stat Membru ieħor jew pajjiż terz, sal-31 ta’ Diċembru 2026.” |
|
2. |
L-Annessi huma sostitwiti bit-test stipulat fl-Annessi ta’ din id-Deċiżjoni. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Lulju 2026.
Għall-Kummissjoni
Olivér VÁRHELYI
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/687/oj).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1882/oj).
(4) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/1108 tat-13 ta’ Mejju 2026 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza relatati mal-ġidri tan-nagħaġ u mal-ġidri tal-mogħoż fir-Rumanija u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/1015 u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/2415 (ĠU L, 2026/1108, 20.5.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/1108/oj).
(5) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/1217 tat-2 ta’ Ġunju 2026 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/1108 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza relatati mal-ġidri tan-nagħaġ u mal-ġidri tal-mogħoż fir-Rumanija (ĠU L, 2026/1217, 5.6.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/1217/oj).
(6) https://www.woah.org/en/what-we-do/standards/codes-and-manuals/.
ANNESS
“ANNESS I
Parti A: Żoni ta’ protezzjoni u żoni ta’ sorveljanza stabbiliti madwar it-tifqigħa kkonfermata
|
Reġjun u numru ta’ referenza tal-ADIS tat-tifqigħa |
Żoni stabbiliti bħala żoni ta’ protezzjoni u żoni ta’ sorveljanza, parti miż-żona ristretta fir-Rumanija msemmija fl-Artikolu 1 |
Data sa meta applikabbli |
|
Mureș County RO-CAPRIPOX-2026-00001 RO-CAPRIPOX-2026-00002 RO-CAPRIPOX-2026-00003 RO-CAPRIPOX-2026-00004 RO-CAPRIPOX-2026-00005 |
Protection zone: Those parts of Mureș and Buzău Counties, contained within a circle of a radius of 5 kilometres, centred on UTM 30, ETRS89 coordinates Lat. 46.713, Long. 24.563 (2026/1); Lat. 46.959, Long. 24.829 (2026/2); Lat. 496.583, Long. 24.193 (2026/3); Lat. 46.842, Long. 24.704 (2026/4); Lat. 44.916, Long. 27.118 (2026/5). |
10.8.2026 |
|
Surveillance zone: Those parts of Mureș, Bistrița-Năsăud, Cluj, Buzău, Ialomiţa and Brăila Counties, contained within a circle of a radius of 20 kilometres, centred on UTM 30 ETRS89 coordinates excluding the areas included in any protection zone Lat. 46.713, Long. 24.563 (2026/1); Lat. 46.959, Long. 24.829 (2026/2); Lat. 496.583, Long. 24.193 (2026/3); Lat. 46.842, Long. 24.704 (2026/4); Lat. 44.916, Long. 27.118 (2026/5)., excluding the areas contained in the protection zone. |
28.8.2026 |
|
|
Surveillance zone: Those parts of Mureș, Bistrița-Năsăud, Cluj, Buzău, Ialomiţa and Brăila contained within a circle of a radius of 20 kilometres, centred on UTM 30, ETRS89 coordinates Lat. 46.713, Long. 24.563 (2026/1); Lat. 46.959, Long. 24.829 (2026/2); Lat. 496.583, Long. 24.193 (2026/3); Lat. 46.842, Long. 24.704 (2026/4); Lat. 44.916, Long. 27.118 (2026/5). |
11.8.2026-28.8.2026 |
Parti B: Żoni ristretti ulterjuri
|
Żona ristretta ulterjuri |
Reġjun |
Żoni inklużi fiż-żoni ristretti ulterjuri stabbiliti fir-Rumanija kif imsemmi fl-Artikolu 1 |
Data sa meta applikabbli |
|
Further restricted zones |
Mureș County |
The entire Mureș, Cluj, Bistrița-Năsăud, Ialomiţa, Buzău and Brăila counties, excluding the areas included in any protection or surveillance zone |
28.8.2026 |
|
Cluj County |
|||
|
Bistrița-Năsăud County |
|||
|
Ialomiţa County |
|||
|
Buzău County |
|||
|
Brăila County |
ANNESS II
|
Żona |
Reġjun |
Żoni msemmijin fl-Artikolu 1b |
Data sa meta applikabbli |
|
Zones |
Mureș County |
The entire Mureș, Cluj, Bistrița-Năsăud, Ialomiţa, Buzău and Brăila counties. |
29.8.2026 - 27.9.2026.” |
|
Cluj County |
|||
|
Bistrița-Năsăud County |
|||
|
Ialomiţa County |
|||
|
Buzău County |
|||
|
Brăila County |
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/1797/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)