Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RIMVYDAS NORKUS

ippreżentati fid‑9 ta’ Lulju 2026 (1)

Kawża C‑435/25

Verband Sozialer Wettbewerb eV

vs

GUT GEKAUFT Reformhäuser GmbH,

fil-preżenza ta’:

M.E.G. Gottlieb Diaderman-Haus GmbH & Co. KG,

Korea Ginseng Vertriebs GmbH (KGV)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Regolament (KE) Nru 1223/2009 – Prodotti kożmetiċi – Obbligi tad-distributuri – Portata – Projbizzjoni ta’ allegazzjonijiet qarrieqa – Prattiċi kummerċjali żleali – Direttiva 2005/29/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Distributur ta’ prodott kosmetiku li juża allegazzjoni ta’ reklamar qarrieqa mill-manifattur”






I.      Introduzzjoni

1.        Distributur ta’ prodott kożmetiku li jirriproduċi, sabiex ixandarhom, l-allegazzjonijiet ta’ reklamar trażmessi mill-manifattur ta’ dan il-prodott mingħajr ma jemendahom jista’ jinżamm responsabbli għan-nuqqas ta’ konformità tagħhom mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 dwar il-prodotti kożmetiċi (2)?

2.        Din hija d-domanda li l-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tirrispondi f’din il-kawża, li ser twassalha sabiex tinterpreta kemm id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament kif ukoll ir-relazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiċi kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi fis-suq intern (3).

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Ir-Regolament Nru 1223/2009

3.        Il-premessi 4, 11, 13 u 51 tar-Regolament Nru 1223/2009 jiddikjaraw:

“(4)      Dan ir-Regolament jarmonizza b’mod komprensiv ir-regoli [fl-Unjoni Ewropea] sabiex jinkiseb suq intern għall-prodotti kożmetiċi filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

[…]

(11)      Sabiex jiġu stabbiliti responsabbiltajiet ċari, kull prodott kożmetiċi għandu jkun marbut ma’ persuna responsabbli li tkun stabbilita [fl-Unjoni].

[…]

(13)      Huwa meħtieġ li jiġi stabbilit taħt liema kundizzjonijiet distributur għandu jiġi kkunsidrat bħala l-persuna responsabbli.

[…]

(51)      Il-konsumatur għandu jkun imħares minn stqarrijiet qarrieqa dwar l-effikaċja u karatteristiċi oħra tal-prodotti kożmetiċi. B'mod partikolari d-[Direttiva 2005/29] hija applikabbli […]”

4.        Konformement mal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”:

“1.      Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(d)      ‘manifattur’ tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li timmanifattura prodott kożmetiku jew li f’ismu jew bit-trejdmark tiegħu jiġi ddisinjat jew immanifatturat, u jikkummerċjalizza l-prodott kożmetiku;

(e)      ‘distributur’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika fil-katina tal-fornimnent, minbarra l-manifattur jew l-importatur, li jpoġġi l-prodott kożmetiku disponibbli fis-suq [tal-Unjoni];

[…]”

5.        L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Persuna responsabbli”, jipprevedi:

“[…]

3.      Għal prodott kożmetiku mmanifatturat [fl-Unjoni], u mhux sussegwentement esportat u importat lura [fl-Unjoni], il-manifattur stabbilit [fl-Unjoni] għandu jkun il-persuna responsabbli.

[…]

6.        Id-distributur għandu jkun il-persuna responsabbli fejn hu jqiegħed prodott fis-suq taħt ismu jew trademark tiegħu jew jimmodifika prodott li diġà tqiegħed fis-suq b’tali mod li l-konformità mar-rekwiżiti applikabbli jistgħu jiġu affettwati.

[…]”

7.        L-Artikolu 5 tal-istess regolament, intitolat “Obbligi tal-persuni responsabbli”, jipprovdi:

“1.      Il-persuni responsabbli għandhom jiżguraw il-konformità […] [mal‑]Artikolu 20 […]

[…]”

8.        L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1223/2009, intitolat “Obbligi tad-distributuri”, jipprovdi:

“1.      Fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom, meta jagħmlu prodott kożmetiku disponibbli fis-suq, is-distributuri għandhom jaġixxu b’attenzjoni kif imiss fir-rigward tal-ħtiġijiet applikabbli.

2.      Qabel ma jagħmlu prodott kożmetiku disponibbli fis-suq, id-distributuri għandhom jivverifikaw li:

–        l-informazzjoni tal-ittikkettjar li hemm dispożizzjoni għaliha fl-Artikolu 19 (1)(a), (e) u (g) u l-Artikolu 19(3) u (4) hija preżenti,

–        ir-rekwiżiti tal-lingwi pprovduti mill-Artikolu 19(5) huma ssodisfatti,

–        id-data tad-durabilità minima speċifikata, meta applikabbli taħt l-Artikolu 19(1) ma tkunx għaddiet.

3.      Meta d-distributuri jqisu jew jkollhom raġuni biex jemmnu li:

–        prodott kożmetiku ma jkunx konformi mar-rekwiżiti provduti minn dan ir-Regolament, m’għandhomx jagħmlu l-prodott disponibbli fis-suq sakemm dan ikun sar konformi mal-ħtiġijiet applikabbli,

[…]

4.      Id-distributuri għandhom jiżguraw li waqt li prodott ikun taħt ir-responsabbiltà tagħhom, il-ħażna jew il-kundizzjonijiet tat-trasport ma jippreġudikawx il-konformità tiegħu mar-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament.

[…]”

9.        Skont l-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Klejms tal-prodotti”:

“1.      Fl-ittikkettjar, meta jsir disponibbli fis-suq u jsir reklamar tal-prodotti kożmetiċi, it-testi, l-ismijiet, it-trejdmarks, l-istampi u s-sinjali figurattivi jew sinjali oħrajn ma għandhomx jintużaw biex jimplikaw li dawn il-prodotti għandhom karatteristiċi jew funzjonijiet li ma għandhomx.

[…]”

2.      Id-Direttiva 2005/29

10.      Il-premessi 7, 10 u 14 tad-Direttiva 2005/29 jipprovdu:

“(7)      Din id-Direttiva tindirizza prattiċi kummerċjali konnessi direttament ma’ l-influwenza fuq id-deċiżjonijiet transazzjonali tal-konsumaturi fir-rigward ta’ prodotti […]

[…]

(10)      Hu meħtieġ li tiġi żgurata l-koerenza tar-relazzjoni bejn din id-Direttiva u l-liġi [tal-Unjoni] eżistenti, b’mod partikolari fejn dispożizzjonijiet dettaljati dwar prattiċi kummerċjali żleali japplikaw għal setturi speċifiċi. […] Din id-Direttiva b’hekk tapplika biss safejn m’hemmx dispożizzjonijiet ta’ liġi [tal-Unjoni] speċifiċi li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiċi kummerċjali żleali, bħal rekwiżiti dwar tagħrif u regoli dwar kif it-tagħrif ikun preżentat lill-konsumatur. Hija tipprovdi ħarsien għall-konsumaturi fejn m’hemmx leġiżlazzjoni speċifika settorali fil-livell [tal-Unjoni] u tipprojbixxi lill-kummerċjanti milli joħolqu impressjoni falza tan-natura ta’ prodotti. […] Din id-Direttiva konsegwentement tikkomplimenta l-acquis tal-Komunità, li huwa applikabbli għal prattiċi ta’ kummerċ li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi.

[…]

(14)      Il-prattiċi kummerċjali li jqarrqu għandhom ikopru dawk il-prattiċi, inkluż ir-reklamar qarrieqi, li billi jqarrqu bil-konsumatur, iżommuh milli jagħmel għażla informata u b’hekk effiċjenti. […] Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-liġi [tal-Unjoni] eżistenti li tagħti espressament lill-Istati Membri l-għażla bejn bosta mezzi regulatorji għall-ħarsien tal-konsumaturi fil-qasam ta’ prattiċi kummerċjali […]”

11.      L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

d)      ‘prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur’ (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘prattiċi kummerċjali’) tfisser kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi;

[…]”

12.      L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Ambitu ta’ applikazzjoni”, jistabbilixxi:

“1.      Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott.

[…]

4.      Fil-każ ta’ konflitt bejn id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u regoli [tal-Unjoni] oħra li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiċi kummerċjali żleali, dawn ta’ l-aħħar għandhom jipprevalixxu u japplikaw għal dawk l-aspetti speċifiċi.

[…]”

13.      L-Artikolu 5 tal-istess direttiva, intitolat “Projbizzjoni ta’ prattiċi kummerċjali żleali”, jipprevedi:

“1.      Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti.

[…]

4.      B’mod partikolari, ikunu żleali dawk il-prattiċi kummerċjali li

a)      jqarrqu kif stabbilit fl-Artikoli 6 u 7,

[…]”

14.      L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/29, intitolat “Azzjonijiet qarrieqa”, jipprovdi:

“1.      Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqajekk tikkontjeni tagħrif falz u li għalhekk ma tikkorrispondix għall-verità jew li b’xi mod, anki bil-preżentazzjoni totali tagħha, tqarraq jew x’aktarx tqarraq bil-konsumatur medju, anke jekk it-tagħrif ikun korrett fattwalment, fir-rigward ta’ wieħed jew iktar mill-elementi li ġejjin, u li f’kull każ iġġiegħlu jew x’aktarx iġġiegħlu jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra:

[…]

b)      il-karatteristiċi ewlenin tal-prodott, bħad-disponibbiltà, il-benefiċċji, ir-riskji, l-eżekuzzjoni, il-kompożizzjoni, l-aċċessorji, l-assistenza ta’ wara l-bejgħ għall-konsumatur u t-trattament ta’ ilmenti, il-metodi u d-data ta’ manifattura jew tal-provvista, il-kunsinna, l-idoneità għall-għan, l-użu, il-kwantità, l-ispeċifikazzjoni, l-oriġini ġeografika jew kummerċjali jew ir-riżultati li wieħed jistenna mill-użu tiegħu, jew ir-riżultati u l-karatteristiċi importanti ta’ eżamijiet jew kontrolli magħmula tal-prodott;

[…]”

B.      Id-dritt Ġermaniż

15.      Skont l-Artikolu 3(1) tal-Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb (il-Liġi kontra l-Kompetizzjoni Żleali) tat‑3 ta’ Lulju 2004, fil-verżjoni tagħha ppubblikata fit‑3 ta’ Marzu 2010 (BGBl. 2010 I, p. 254), kif emendata l-aħħar bil-liġi tas‑6 ta’ Mejju 2024 (BGBl. 2024 I, Nru 149) (iktar ’il quddiem l-“UWG”), li jistabbilixxi l-“projbizzjoni ta’ prattiki kummerċjali żleali”, il-prattiki kummerċjali żleali huma illegali.

16.      Skont l-Artikolu 3 tal-UWG, intitolat “Ksur tad-dritt”, iwettaq att ta’ kompetizzjoni żleali kull min jikser dispożizzjoni legali intiża, b’mod partikolari, li tirregola l-aġir fis-suq fl-interess tal-operaturi, meta l-ksur ikun jista’ jippreġudika b’mod sinjifikattiv l-interessi tal-konsumaturi, tal-operaturi l-oħra tas-suq jew tal-kompetituri.

17.      Skont l-Artikolu 3(1), l-Artikolu 5(1) u l-punt 1 tal-Artikolu 5(2) tal-UWG, li jittrasponu l-Artikolu 5(1), l-Artikolu 5(4)(a) u l-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 2005/29, ir-reklamar ta’ distributur li jinkludi indikazzjoni qarrieqa fir-rigward tal-vantaġġi ta’ prodott huwa prattika kummerċjali żleali min-naħa tad-distributur, ipprojbita bħala tali, anki jekk huwa jkun irriproduċa r-reklamar tal-manifattur.

18.      Konformement mat-tieni għażla tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(1) tal-UWG, kull min iwettaq prattika kummerċjali illegali fis-sens tal-Artikolu 3 ta’ din il-liġi jista’ jkun is-suġġett ta’ azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni fil-każ ta’ riskju ta’ reċidiva.

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19.      GUT GEKAUFT Reformhäuser GmbH (iktar ’il quddiem “GUT GEKAUFT”) topera ħanut speċjalizzat fil-bejgħ ta’ prodotti dijetetiċi u naturali.

20.      Fil-fuljett ta’ reklamar tagħha ta’ Novembru 2020, din il-kumpannija ppromoviet krema għall-wiċċ billi allegat ċerti effetti ta’ benefiċċju tal-estratt tal-ġinseng li jinsab f’dan il-prodott.

21.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li huwa l-manifattur tal-imsemmi prodott kożmetiku li ttrażmetta lil GUT GEKAUFT din l-allegazzjoni ta’ reklamar, li tidher ukoll fuq l-imballaġġ tal-prodott inkwistjoni, u li huwa wkoll il-manifattur li approva r-reklam qabel il-pubblikazzjoni tiegħu.

22.      Peress li l-effikaċja tal-estratt tal-ġinseng fil-kuntest ta’ użu estern ma ġietx ipprovata xjentifikament, il-Verband Sozialer Wettbewerb eV (iktar ’il quddiem il-“VSW”) tqis li l-allegazzjoni ta’ reklamar inkwistjoni tikser l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1223/2009 u għalhekk hija żleali.

23.      Wara intimazzjoni mingħajr suċċess tas‑17 ta’ Novembru 2020, il-VSW ressqet azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni kontra GUT GEKAUFT quddiem il-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), b’mod partikolari sabiex GUT GEKAUFT tiġi pprojbita milli tagħmel tali reklamar, liema qorti laqgħet din l-azzjoni.

24.      L-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), adita fl-appell, bidlet is-sentenza tal-ewwel istanza u ċaħdet it-talba tal-VSW, minħabba li GUT GEKAUFT ma kinitx responsabbli għall-ksur tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1223/2009. Peress li rriproduċiet mingħajr tibdil u użat għar-reklamar tagħha stess l-allegazzjoni ta’ reklamar tal-manifattur, li kien il-persuna responsabbli fis-sens ta’ dan ir-regolament, GUT GEKAUFT ma kinitx obbligata tiżgura l-osservanza tar-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni.

25.      Permezz tal-appell għal reviżjoni tagħha quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju, il-VSW titlob l-istabbiliment mill-ġdid tas-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza.

26.      Dik il-qorti titlaq mill-premessa li l-promozzjoni tal-prodott inkwistjoni bl-allegazzjoni kkontestata tikser l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1223/2009.

27.      Hija tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk GUT GEKAUFT għandhiex twieġeb, skont l-Artikolu 6(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1223/2009, bħala distributur tal-prodotti inkwistjoni, għal tali ksur tal-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament, peress li din il-kumpannija użat fil-fuljett ta’ reklamar tagħha intiż għall-kummerċjalizzazzjoni tal-krema għall-wiċċ, mingħajr ma vverifikatu, messaġġ ta’ reklamar qarrieqi mqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha mill-manifattur.

28.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-obbligi tad-distributur li jirriżultaw mill-Artikolu 6(1) u mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-imsemmi regolament jinkludux ukoll dawk relatati mal-promozzjoni tal-prodotti li jirriżultaw mill-Artikolu 20(1) tal-istess regolament u jekk tali distributur għandux iwieġeb għall-messaġġ ta’ reklamar li ma huwiex konformi ma’ din it-tieni dispożizzjoni, li jimplika li huwa obbligat jikkontrolla l-messaġġ ta’ reklamar riprodott, mingħajr tibdil, mill-manifattur, u jivverifika li l-prodott ikkummerċjalizzat fil-fatt għandu l-funzjonijiet li qegħdin jiġu promossi.

29.      Fit-tieni lok, dik il-qorti tistaqsi jekk, fil-każ fejn id-distributur ma kellux iwieġeb, skont l-Artikolu 6(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1223/2009, għar-reklamar tal-prodott kożmetiku li jikser l-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament, dan id-distributur għandux xorta waħda jinżamm responsabbli għal tali reklamar qarrieqi skont ir-regoli applikabbli fil-qasam tal-prattiki kummerċjali żleali li jirriżultaw mid-Direttiva 2005/29.

30.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li d-dispożizzjonijiet ta’ armonizzazzjoni tal-imsemmi regolament jirregolaw b’mod eżawrjenti r-responsabbiltà tad-distributur ta’ prodott kożmetiku. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(6) u tal-Artikolu 6 tal-istess regolament, bħala lex specialis, ma jistgħux, konformement mar-regola ta’ kunflitt prevista fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29, jiġu nnewtralizzati permezz tal-użu tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-kompetizzjoni, fil-każ ta’ kunflitt magħhom, fir-rigward ta’ prattika kummerċjali żleali tad-distributur.

31.      Skont il-qorti tar-rinviju, is-sitwazzjoni tista’ tkun differenti jekk ir-responsabbiltà tad-distributur ta’ prodott kożmetiku ma kinitx irregolata b’mod eżawrjenti mir-Regolament Nru 1223/2009, li ma jkunx ikopri, b’mod partikolari, il-każ fejn id-distributur sempliċement jirriproduċi fir-reklamar tiegħu, mingħajr ma jibdlu, il-messaġġ tal-manifattur.

32.      Is-suċċess tal-appell għal reviżjoni jiddependi għalhekk mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1223/2009 kif ukoll tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29.

33.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejjin:

“1)      Distributur li ma huwiex persuna responsabbli fis-sens tal-Artikolu 4(6) tar-[Regolament Nru 1223/2009] għandu, skont l-Artikolu 6(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-imsemmi regolament, raġuni għalfejn jaħseb li r-reklamar magħmul minn manifattur ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 20(1) tal-istess regolament meta huwa juża r-reklamar imqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu mill-manifattur għal finijiet kummerċjali tiegħu stess, mingħajr ma jivverifika jekk il-funzjonijiet tal-prodott kożmetiku li huwa s-suġġett tar-reklamar humiex issostanzjati b’mod suffiċjenti? Jew id-distributur għandu biss taħt ċerti kundizzjonijiet – u fl-affermattiv, taħt liema – raġuni għalfejn jaħseb, skont l-Artikolu 6(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) [tar-Regolament Nru 1223/2009], li r-reklamar tal-manifattur li huwa juża ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament, u għandu jivverifika jekk il-funzjonijiet tal-prodott kożmetiku li huwa s-suġġett tar-reklamar humiex suffiċjentement issostanzjati?

2)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(6) kif ukoll tal-Artikolu 6(1) u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1223/2009 jipprekludu [li, skont l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29, i]r-reklamar ta’ distributur li fih allegazzjoni qarrieqa magħmula mill-manifattur fir-rigward tal-funzjonijiet ta’ prodott kożmetiku jitqies bħala prattika kummerċjali żleali fis-sens tal-Artikolu 5(1) u (4)(a) kif ukoll tal-Artikolu 6(1)(b) tad-[Direttiva 2005/29]?”

34.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet minn GUT GEKAUFT, mill-Gvern Elleniku u mill-Kummissjoni Ewropea.

35.      Dawn il-partijiet instemgħu fis-seduta tad‑29 ta’ April 2026.

IV.    Analiżi

A.      Fuq l-ewwel domanda preliminari

36.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1223/2009 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li distributur, li jqiegħed prodott kożmetiku fis-suq taħt l-isem jew it-trade mark tal-manifattur, mingħajr ma jibdlu, huwa obbligat jivverifika li dan il-prodott għandu l-funzjonijiet attribwiti lilu fl-allegazzjonijiet ta’ reklamar li jinsabu fil-fuljetti ta’ reklamar ta’ dan id-distributur, meta dawn l-allegazzjonijiet ikunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-imsemmi distributur mill-manifattur tal-prodott, jinsabu wkoll fuq l-imballaġġ tal-prodott u huma riprodotti bħala tali mill-istess distributur.

37.      Minn naħa, l-Artikolu 6(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1223/2009 jistabbilixxu sensiela ta’ obbligi imposti fuq id-distributuri ta’ prodotti kożmetiċi. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi b’mod partikolari li għar-reklamar tal-prodotti kożmetiċi, it-test, l-ismijiet, l-istampi jew sinjali figurattivi oħra ma jistgħux jintużaw sabiex jagħtu lil dawn il-prodotti karatteristiċi jew funzjonijiet li ma għandhomx. Il-qorti tar-rinviju tirrileva f’dan ir-rigward li dan huwa l-każ tar-reklamar inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

38.      Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk din il-projbizzjoni tapplikax u, b’mod iktar partikolari, jekk jeżistix obbligu fuq id-distributur li jiggarantixxi l-osservanza ta’ din id-dispożizzjoni, meta huwa sempliċement jirriproduċi l-allegazzjonijiet ta’ reklamar tal-manifattur mingħajr ma jibdilhom.

1.      Id-determinazzjoni tal-persuna responsabbli għall-konformità mal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1223/2009

39.      Ir-Regolament Nru 1223/2009 huwa intiż, konformement mal-Artikolu 1 tiegħu, sabiex “jistabbilixxi r-regoli li kull prodott kożmetiku disponibbli fis-suq għandu jkun konformi magħhom, sabiex is-suq intern jaħdem tajjeb u jkun hemm livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem”.

40.      Sabiex isir dan, ir-Regolament Nru 1223/2009 jipprevedi li kull prodott kożmetiku għandu jkun assoċjat ma’ persuna responsabbli u li hija din il-persuna responsabbli li għandha tiggarantixxi, għal kull prodott kożmetiku mqiegħed fis-suq, il-konformità mal-obbligi applikabbli stabbiliti f’dan ir-regolament (4). Barra minn hekk, mill-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament jirriżulta mingħajr ekwivoku li l-persuni responsabbli għandhom jiggarantixxu l-konformità mal-Artikolu 20 tiegħu.

41.      L-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1223/2009 jindika l-manifattur stabbilit fl-Unjoni bħala l-persuna responsabbli għal prodott kożmetiku mmanifatturat fl-Unjoni li ma huwiex, sussegwentement, esportat u mbagħad importat mill-ġdid. Id-distributur, min-naħa tiegħu, jitqies li huwa l-persuna responsabbli biss meta jqiegħed prodott fis-suq taħt ismu jew it-trademark tiegħu, jew jimmodifika prodott li diġà tqiegħed fis-suq b’tali mod li jista’ jaffettwa l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti applikabbli (5). Kif tesponi l-qorti tar-rinviju, dan ma huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

42.      Għalhekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn id-distributur jirriproduċi mingħand il-manifattur l-allegazzjonijiet ta’ reklamar dwar il-prodott imqiegħed fis-suq mingħajr ma jibdilhom, huwa tabilħaqq il-manifattur, u mhux id-distributur, li għandu jitqies bħala l-persuna responsabbli li fuqha hija imposta l-projbizzjoni li jiġu attribwiti, fir-reklamar ta’ prodotti kożmetiċi, proprjetajiet li dawn tal-aħħar ma għandhomx.

2.      Il-portata tal-obbligi tad-distributur

43.      Madankollu, tqum il-kwistjoni dwar jekk huwiex eskluż li l-projbizzjoni li jiġu attribwiti lil prodotti kożmetiċi, f’reklami, proprjetajiet li ma għandhomx tkun imposta wkoll fuq id-distributur. Dan tal-aħħar, minkejja li ma huwiex il-persuna responsabbli, iqiegħed prodott kożmetiku fis-suq taħt l-isem jew it-trade mark tal-manifattur, mingħajr ma jibdlu, u jirriproduċi l-allegazzjonijiet ta’ reklamar tal-manifattur, u għalhekk huwa marbut b’obbligu li jivverifika l-veraċità ta’ dawn tal-aħħar.

44.      Fil-fatt, kif jirrilevaw il-partijiet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1223/2009 jistabbilixxi sensiela ta’ obbligi għad-distributuri, b’tali mod li għandu jiġi ddeterminat jekk fost dawn l-obbligi hemmx l-obbligu li tiġi żgurata l-osservanza tal-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament.

45.      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, ser nipproċedi għall-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet billi nieħu inkunsiderazzjoni kemm il-formulazzjoni tagħhom kif ukoll il-kuntest tagħhom u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha jagħmlu parti (6).

a)      Interpretazzjoni letterali

46.      Qabelxejn, nirrileva li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1223/2009 jimponi fuq id-distributuri, fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom, meta jqiegħdu prodott kożmetiku fis-suq, li jaġixxu “b’attenzjoni kif imiss fir-rigward tal-ħtiġijiet applikabbli”. Barra minn hekk, l-Artikolu 6(3) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li meta d-distributuri jqisu jew ikollhom raġuni sabiex jemmnu li prodott kożmetiku ma jkunx konformi mar-rekwiżiti previsti mill-imsemmi regolament, huma jistgħu jqiegħdu dan il-prodott fis-suq biss wara li dan il-prodott ikun sar konformi mar-rekwiżiti applikabbli.

47.      Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet japplikaw għax-xandir, mid-distributur, ta’ reklamar relatat ma’ prodott kożmetiku. Fil-fatt, ir-reklamar ta’ prodott kożmetiku li d-distributur iqiegħed fis-suq għandu jitqies li jaqa’ fil-kuntest tal-attivitajiet tiegħu, sa fejn jikkostitwixxi attività ordinarja għad-distributur. Barra minn hekk, huwa minnu li r-rekwiżiti relatati mal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1223/2009 jagħmlu parti mir-“rekwiżiti applikabbli” li għalihom jirreferu d-dispożizzjonijiet dwar l-obbligi tad-distributuri.

48.      Madankollu, kif issostni l-Kummissjoni, il-formulazzjoni tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1223/2009 bl-ebda mod ma timponi fuq id-distributuri obbligu ġenerali li jivverifikaw jekk l-allegazzjonijiet ta’ reklamar tal-manifattur jattribwixxux lill-prodott inkwistjoni proprjetajiet li huwa għandu.

49.      Għall-kuntrarju, l-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1223/2009 jillimita espressament dan l-obbligu għas-sitwazzjonijiet li fihom id-distributuri jqisu jew ikollhom raġuni sabiex jemmnu li l-prodott ma jkunx konformi mar-rekwiżiti previsti minn dan ir-regolament. Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali Spielmann fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Dürr Dental (7) f’sitwazzjoni analoga (8), u kif sussegwentement iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja (9), mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li d-distributur ma huwiex obbligat li jiżgura l-konformità mal-Artikolu 20(1) tal-imsemmi regolament u għalhekk, li jivverifika l-allegazzjonijiet ta’ reklamar tal-manifattur li huwa jirriproduċi f’ismu, ħlief jekk ikun konxju ta’ problema fir-rigward tal-konformità tal-prodott ma’ din id-dispożizzjoni (10).

50.      Bl-istess mod, l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 1223/2009 jipprevedi obbligu, għad-distributuri, li jwettqu ċerti verifiki qabel ma l-prodott kożmetiku jitqiegħed fis-suq. Dawn il-verifiki huma elenkati b’mod eżawrjenti u jirrigwardaw il-karatteristiċi preċiżi tal-prodott (l-ittikkettjar, ir-rekwiżiti lingwistiċi u d-data ta’ durabbiltà tal-prodott). Għalhekk, din hija data teknika, li hija faċilment verifikabbli. Din id-data bl-ebda mod ma tikkonċerna l-eżattezza tal-allegazzjonijiet ta’ reklamar tal-manifattur, li l-verifika tagħhom tippreżumi min-naħa tad-distributur ċertu livell ta’ riċerka u ta’ perizja, li mhux neċessarjament ikollu (11).

51.      Huwa għalhekk biss meta jkunu jeżistu ċirkustanzi konkreti li jistgħu jwasslu lid-distributur sabiex iqis jew ikollu raġuni sabiex jemmen li l-allegazzjoni ta’ reklamar hija ineżatta li dan tal-aħħar għandu jkun obbligat li jivverifika dawn iċ-ċirkustanzi sabiex jiżgura l-konformità tal-prodott imqiegħed fis-suq mar-rekwiżiti tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1223/2009.

52.      Tali interpretazzjoni hija, fil-fehma tiegħi, ikkorroborata mill-interpretazzjoni kuntestwali u teleoloġika ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

b)      Interpretazzjoni kuntestwali

53.      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali Spielmann fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Dürr Dental (C‑10/24, EU:C:2025:697), jista’ jkun rilevanti li jsir riferiment għall-“Gwida Blu” dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-prodotti tal-UE tal‑2022 (12) sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-obbligi tad-distributuri. Fil-fatt, għalkemm dan l-istrument ma huwiex ta’ natura legalment vinkolanti, huwa jipprovdi elementi utli għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni (13) u jikkostitwixxi, b’dan il-mod, dokument ta’ gwida.

54.      Il-Gwida Blu b’hekk tispjega li d-diliġenza tirreferi “għal-livell ta’ ġudizzju, ta’ attenzjoni, ta’ prudenza, ta’ determinazzjoni, u ta’ attività li persuna tkun raġonevolment mistennija li tagħmel f’ċirkostanzi partikolari” (14). Il-portata tal-obbligu ta’ diliġenza ta’ distributur kif previst fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1223/2009 hija għalhekk imkejla, kif issostni l-Kummissjoni, fid-dawl ta’ dak li jista’ raġonevolment ikun mistenni minn distributur f’ċirkustanzi partikolari.

55.      Għalhekk, kif qies l-Avukat Ġenerali Spielmann fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Dürr Dental, jiena tal-fehma li l-obbligu ta’ diliġenza previst fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1223/2009, moqri fid-dawl tal-Artikolu 6(3) tiegħu, iwassal sabiex ċerta viġilanza tkun meħtieġa mid-distributuri qabel it-tqegħid fis-suq ta’ prodott kożmetiku.

56.      Fi kliem ieħor, l-obbligu impost fuq dawn tal-aħħar huwa ta’ natura differenti minn dak tal-persuna responsabbli. Id-distributuri ma humiex obbligati jagħmlu riċerka b’mod attiv dwar jekk prodott kożmetiku huwiex konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1223/2009 u għalhekk, bl-istess mod, dwar jekk allegazzjoni ta’ reklamar hijiex konformi mal-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament. Madankollu, huma ma jistgħux jinjoraw in-nuqqas ta’ konformità possibbli ta’ ċerti allegazzjonijiet ta’ reklamar ma’ din id-dispożizzjoni meta ċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ iwassluhom sabiex iqisu jew ikollhom raġuni sabiex jemmnu li dawn l-allegazzjonijiet huma ineżatti.

57.      B’dan il-mod, jidhirli li tali interpretazzjoni hija konformi mat-tqassim ċar tar-responsabbiltajiet stabbilit mir-Regolament Nru 1223/2009. Għalhekk, hija dejjem il-persuna responsabbli li għandha tiżgura l-konformità tal-prodotti mar-rekwiżiti ta’ dan ir-regolament u għalhekk li għandha tiggarantixxi li l-allegazzjonijiet ta’ reklamar ma jmorrux kontra l-Artikolu 20(1) tiegħu. Tali responsabbiltà ma hijiex imposta fuq id-distributur, li għandu biss juri viġilanza waqt it-tqegħid fis-suq ta’ prodott kożmetiku, sabiex jastjeni milli jqiegħed fis-suq dawk il-prodotti kożmetiċi, li huwa jqis jew għandu raġuni sabiex jemmen li ma humiex konformi, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ.

c)      Interpretazzjoni teleoloġika

58.      L-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1223/2009 jikkonfermaw, fil-fehma tiegħi, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) u (3) tiegħu, li skontha huwa biss meta jkunu jeżistu ċirkustanzi konkreti li jistgħu jwasslu lid-distributur iqis jew ikollu raġuni sabiex jemmen li l-allegazzjonijiet ta’ reklamar huma ineżatti li dan tal-aħħar għandu jkun obbligat li jivverifika dawn l-allegazzjonijiet sabiex jiżgura l-konformità tal-prodott imqiegħed fis-suq mar-rekwiżiti tal-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament.

59.      L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1223/2009 jistabbilixxi ż-żewġ għanijiet ta’ dan ir-regolament: kemm li jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq intern kif ukoll li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

60.      It-tqassim ċar tar-responsabbiltajiet bejn id-diversi operaturi, u għalhekk bejn il-manifatturi u d-distributuri, jidhirli li jista’ jissodisfa mhux biss l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem iżda wkoll dak tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Fil-fatt, kif isostnu GUT GEKAUFT u l-Kummissjoni, ikun illoġiku li d-distributuri jinżammu sistematikament responsabbli għall-konformità tal-allegazzjonijiet ta’ reklamar mar-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1223/2009 b’mod parallel mal-manifatturi.

61.      Minn naħa, l-manifatturi jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiżguraw il-konformità tal-prodotti kożmetiċi minħabba l-għarfien tagħhom ta’ dawn il-prodotti, u għalhekk sabiex jiggarantixxu li l-allegazzjonijiet ta’ reklamar li huma jittrażmettu lid-distributuri jikkorrispondu mal-proprjetajiet tal-prodott, b’tali mod li jinformaw b’mod preċiż lill-konsumaturi dwar l-effetti tagħhom.

62.      Min-naħa l-oħra, l-isforz involut f’obbligu sistematiku ta’ verifika tal-konformità tal-allegazzjonijiet ta’ reklamar riprodotti mill-manifatturi huwa sproporzjonat, kemm għad-distributuri ż-żgħar, li ma għandhomx il-mezzi neċessarji, kif ukoll għad-distributuri l-kbar li jikkummerċjalizzaw numru kbir ta’ prodotti. Barra minn hekk, dan iwassal sabiex l-istess verifika ssir b’mod parallel numru kbir ta’ drabi, fejn il-manifattur ikun diġà wettaq din il-verifika.

63.      Madankollu, għalkemm l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jeżiġi li l-manifatturi biss jinżammu responsabbli, b’mod sistematiku, għall-osservanza tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1223/2009, dan l-għan jimponi wkoll li d-distributuri li jirriproduċu l-allegazzjonijiet ta’ reklamar tal-manifattur ikunu jistgħu jwieġbu, sa ċertu punt u skont iċ-ċirkustanzi konkreti, għall-konformità ta’ dawn l-allegazzjonijiet mar-rekwiżiti ta’ dan ir-regolament. Fil-fehma tiegħi, ikun kuntrarju għal dan l-għan li distributur jitħalla jqiegħed fis-suq prodott kożmetiku billi jirriproduċi l-allegazzjonijiet ta’ reklamar qarrieqa tal-manifattur minkejja li, minħabba ċirkustanzi konkreti, huwa qies jew kellu raġuni sabiex jemmen li dawn l-allegazzjonijiet ma kinux konformi ma’ din id-dispożizzjoni.

64.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-fehma li l-Artikolu 6(1) u (3) tar-Regolament Nru 1223/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 20(1) tiegħu, għandhom jiġu interpretati fis-sens li distributur li jqiegħed prodott kożmetiku fis-suq taħt l-isem jew it-trade mark tal-manifattur mingħajr ma jibdlu huwa obbligat jivverifika li dan il-prodott għandu l-funzjonijiet attribwiti lilu fl-allegazzjonijiet ta’ reklamar li jinsabu fil-fuljetti ta’ reklamar ta’ dan id-distributur, minkejja li dawn l-allegazzjonijiet tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-imsemmi distributur mill-manifattur tal-prodott, jidhru wkoll fuq l-imballaġġ tal-prodott u huma riprodotti bħala tali mill-istess distributur, meta, minħabba ċirkustanzi konkreti, huwa jqis jew ikollu raġuni sabiex jemmen li dawn l-allegazzjonijiet ma humiex konformi mar-rekwiżiti ta’ dan ir-regolament.

65.      Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi ppreċiżat ukoll liema ċirkustanzi għandhom jitqiesu li jistgħu jwasslu lid-distributur sabiex iqis jew ikollu raġuni sabiex jemmen li l-allegazzjonijiet ta’ reklamar trażmessi mill-manifattur ma jkunux konformi, u għalhekk li jagħtu lok għall-obbligu ta’ verifika tad-distributur.

3.      L-iskattar tal-obbligu ta’ verifika tad-distributur

66.      Skont l-Artikolu 6(1) u (3) tar-Regolament Nru 1223/2009, id-distributur huwa obbligat jivverifika l-veraċità tal-allegazzjonijiet ta’ reklamar biss meta jqis jew ikollu raġuni sabiex jemmen li dawn ma humiex konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament. Kif enfasizzajt fil-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kif għamel ukoll l-Avukat Ġenerali Spielmann, dan l-obbligu jippreżumi li d-distributur ikun konxju minn problema fir-rigward tal-konformità tar-reklamar inkwistjoni mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament.

67.      La l-formulazzjoni u lanqas il-kuntest tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1223/2009 ma jippreċiżaw liema huwa l-livell ta’ għarfien mistenni minn distributur li jista’ jiskatta l-obbligu tiegħu ta’ verifika tal-konformità tal-allegazzjonijiet ta’ reklamar li huwa jirriproduċi mingħand il-manifattur. Fil-fatt, mill-formulazzjoni jirriżulta biss li dan il-manifattur għandu “[jqis] jew [ikollu] raġuni biex jemm[en]” li dawn l-allegazzjonijiet ma jkunux konformi sabiex ikun obbligat iwettaq din il-verifika.

68.      Huwa minnu li dawn it-termini iktar jissuġġerixxu element suġġettiv min-naħa tad-distributur. Madankollu, ir-riferiment għan-neċessità li d-distributur “[iqis] jew [ikollu] raġuni biex jemm[en]”, bħal f’dan il-każ, li l-allegazzjonijiet ta’ reklamar ma humiex konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1223/2009 jippermetti fuq kollox, fil-fehma tiegħi, li dan id-distributur ikun obbligat iwettaq il-verifika tagħhom kemm meta jkollu għarfien effettiv tal-assenza ta’ konformità (meta huwa “jqis”) kif ukoll meta jkun jidher ovvju li distributur raġonevolment attent ma jkunx jista’ jinjoraha (“ikollu raġuni” sabiex jemmen dan).

69.      Fil-fatt, jidhirli li huwa ovvju li l-għarfien, essenzjalment suġġettiv, tad-distributur ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1223/2009 jirriżulta dejjem mill-eżistenza ta’ elementi oġġettivi. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, l-obbligu ta’ verifika tad-distributur huwa suġġett għall-eżistenza ta’ indizji konkreti li jistgħu jwasslu lid-distributur sabiex iqis jew ikollu raġuni sabiex jemmen li l-allegazzjonijiet ta’ reklamar trażmessi mill-manifattur huma ineżatti.

70.      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-Gwida Blu tipprovdi għal darba oħra xi linji gwida. Fir-rigward tal-obbligu ta’ diliġenza tad-distributur, din il-gwida tesponi li d-distributur “għandu jkun kapaċi jidentifika prodotti li evidentement ma jkunux konformi” (15). Fil-fatt, għalkemm ma huwiex il-kompitu tad-distributur li jagħmel riċerka b’mod attiv dwar jekk l-allegazzjonijiet ta’ reklamar trażmessi mill-manifattur humiex konformi mal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1223/2009, jidhirli li huwa għandu madankollu jkun obbligat iwettaq dawn il-verifiki meta jidher b’mod ċar li dan jista’ ma jkunx il-każ (16).

71.      Għalhekk, dikjarazzjonijiet frivoli jew mingħajr dubju improbabbli fir-rigward tal-proprjetajiet ta’ prodott kożmetiku għandhom, fil-fehma tiegħi, iwasslu lid-distributur sabiex jivverifika jekk l-allegazzjonijiet li huwa jirriproduċi mill-manifattur josservawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1223/2009.

72.      Sussegwentement, fil-fehma tiegħi, distributur għandu jkun obbligat jivverifika l-veraċità tal-allegazzjonijiet ta’ reklamar li huwa jirriproduċi mill-manifattur meta jkollu quddiemu elementi tanġibbli li juru li l-prodott inkwistjoni ma għandux il-proprjetajiet allegati. Dan għandu jkun il-każ, b’mod partikolari, meta numru sinjifikattiv ta’ konsumaturi jirrapportawlu, wara l-użu tal-prodott kożmetiku inkwistjoni, l-assenza tal-effett antiċipat.

73.      Fl-aħħar nett, tqum il-kwistjoni dwar jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-intimazzjoni tad-distributur li jwaqqaf it-tixrid tal-allegazzjonijiet ta’ reklamar qarrieqa hijiex element li jista’ jwassal lil dan id-distributur sabiex iqis jew ikollu raġuni sabiex jemmen li dawn l-allegazzjonijiet huma ineżatti.

74.      Fil-fehma tiegħi, dan għandu jkun il-każ, bil-kundizzjoni li l-intimazzjoni tesponi r-raġunijiet li għalihom l-allegazzjonijiet ta’ reklamar riprodotti mid-distributur għandhom jitqiesu li ma humiex konformi mal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1223/2009 (17) u li, barra minn hekk, dawn ir-raġunijiet ma jidhrux, prima facie, infondati. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, tinġieb għall-attenzjoni tad-distributur inkompatibbiltà possibbli tal-allegazzjonijiet ta’ reklamar mar-rekwiżiti ta’ dan ir-regolament, li dan id-distributur ma jistax validament jinjora peress li l-intimazzjoni toħloq, f’moħħ distributur marbut b’obbligu ta’ diliġenza, dubju dwar il-konformità tagħhom.

75.      Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni, li għandha tiddetermina jekk id-distributur kellux aċċess għal elementi li setgħu jwassluh sabiex iqis jew li jkollu raġuni sabiex jemmen li l-allegazzjonijiet ta’ reklamar li huwa jirriproduċi mingħand il-manifattur ma humiex konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1223/2009.

B.      Fuq it-tieni domanda preliminari

76.      Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-Artikolu 6(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1223/2009 jipprekludu li r-reklamar ta’ prodott kożmetiku mxandar mid-distributur, riprodott mill-manifattur mingħajr tibdil, li jinkludi indikazzjonijiet qarrieqa fir-rigward tal-proprjetajiet ta’ komponent ta’ dan il-prodott, jitqies bħala prattika kummerċjali żleali, fis-sens tal-Artikolu 5(1) u (4)(a) u tal-Artikolu 6(1)(b) ta’ din id-direttiva.

77.      Fi kliem ieħor, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(6), l-Artikolu 6(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1223/2009, li jirregolaw l-obbligi tad-distributuri ta’ prodotti kożmetiċi, jeskludux, bħala lex specialis, l-applikazzjoni għal dawn id-distributuri tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29 dwar il-projbizzjoni ta’ prattiki kummerċjali qarrieqa.

78.      Id-Direttiva 2005/29 hija intiża li tistabbilixxi regoli uniformi dwar il-prattiki kummerċjali żleali min-naħa tal-impriżi fir-rigward tal-konsumaturi, sabiex tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u sabiex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi (18).

79.      Għalhekk, din id-direttiva tistabbilixxi projbizzjoni ġenerali waħda għal dawk il-prattiċi kummerċjali żleali li joħolqu distorsjoni fl-aġir ekonomiku tal-konsumaturi (19). Hija kkaratterizzata minn kamp ta’ applikazzjoni wiesa’, peress li l-kunċett ta’ “prattiċi kummerċjali” huwa ddefinit permezz ta’ deskrizzjoni partikolarment wiesgħa, minħabba li l-prattiki hekk kif previsti għandhom ikunu, minn naħa, ta’ natura kummerċjali, jiġifieri ġejjin minn professjonisti, u, min-naħa l-oħra, ikunu f’rabta diretta mal-promozzjoni, mal-bejgħ jew mal-provvista tal-prodotti tagħhom lill-konsumaturi (20).

80.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa minnu li l-fatt li distributur ftaħar, f’fuljett ta’ reklamar, bil-proprjetajiet ta’ prodott kożmetiku jikkostitwixxi prattika kummerċjali fis-sens tad-Direttiva 2005/29. Barra minn hekk, minn dan jirriżulta li din id-direttiva tipprevedi għad-distributuri obbligu li ma jwettqux prattika kummerċjali qarrieqa, mingħajr ma jkun hemm kundizzjoni li d-distributuri għandhom “iqisu” jew “ikollhom raġuni sabiex jemmnu” li l-allegazzjonijiet ta’ reklamar imxerrda huma qarrieqa, bħal dik prevista fl-Artikolu 6(1) u (3) tar-Regolament Nru 1223/2009.

81.      Fi kliem ieħor, il-fatt li distributur jirriproduċi mingħand il-manifattur l-allegazzjonijiet ta’ reklamar mingħajr ma jibdilhom jista’, meta dawn l-allegazzjonijiet jattribwixxu lill-prodotti proprjetajiet li huma ma għandhomx, jaqa’ taħt il-projbizzjoni ta’ prattiki kummerċjali qarrieqa kif previsti fl-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 2005/29, minkejja li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(1) u (3) tar-Regolament Nru 1223/2009 ma jkunux issodisfatti.

82.      Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29 u tar-Regolament Nru 1223/2009 jistgħux jiġu applikati b’mod parallel.

83.      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2005/29 jipprevedi li din id-direttiva tapplika bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà tal-prodotti, filwaqt li l-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi “klawżola ta’ esklużjoni” (21), li tipprovdi li “[f]il-każ ta’ konflitt bejn id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u regoli [tal-Unjoni] oħra li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiċi kummerċjali żleali, dawn ta’ l-aħħar għandhom jipprevalixxu u japplikaw għal dawk l-aspetti speċifiċi” (22). Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja f’kuntest analogu, huwa għalhekk biss bil-kundizzjoni doppja, minn naħa, li r-Regolament Nru 1223/2009 jirregola aspetti speċifiċi tal-prattiki kummerċjali żleali u, min-naħa l-oħra, li jkun hemm kunflitt bejn dan ir-regolament u d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva li dawn l-aspetti speċifiċi jaqgħu esklużivament taħt id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament (23).

84.      Fil-fehma tiegħi, u kif issostni l-Kummissjoni, ir-Regolament Nru 1223/2009 mhux biss jirrigwarda s-saħħa u s-sigurtà tal-prodotti, iżda d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar l-obbligi tad-distributuri jikkostitwixxu wkoll regoli li jirregolaw aspetti speċifiċi tal-prattiki kummerċjali żleali. B’mod iktar preċiż, l-Artikolu 6(1) u (3) kif ukoll l-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedu l-portata tal-obbligi li għandhom id-distributuri fil-qasam tar-reklamar ta’ prodotti kożmetiċi, u għalhekk għandhom jitqiesu, f’dan ir-rigward, bħala regola speċjali meta mqabbla mar-regoli ġenerali dwar il-prattiki kummerċjali qarrieqa li jinsabu fid-Direttiva 2005/29.

85.      Għalhekk, għad irid jiġi stabbilit jekk, skont l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29, jeżistix kunflitt bejn dawn id-dispożizzjonijiet b’tali mod li r-Regolament Nru 1223/2009 għandu jipprevali.

86.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li jiġi preżunt kunflitt fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29 biss jekk teżisti relazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet ikkonċernati li tmur lil hinn minn sempliċi disparità jew sempliċi differenza, relazzjoni li turi diverġenza li ma tistax tingħeleb permezz ta’ formula inklużiva li tagħmel possibbli l-koeżistenza taż-żewġ sitwazzjonijiet, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tiżnaturahom (24). Għaldaqstant, tali kunflitt jeżisti biss meta dispożizzjonijiet barranin għal din tal-aħħar li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiki kummerċjali żleali jimponu fuq il-professjonisti, mingħajr ebda marġni għal manuvra, obbligi inkompatibbli ma’ dawk stabbiliti minn din id-direttiva (25).

87.      Nirrileva li d-Direttiva 2005/29 għandha l-għan li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u, għal dan l-għan, li tiggarantixxi li l-prattiki kummerċjali żleali jiġu miġġielda b’mod effikaċi fl-interess tagħhom (26). L-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva huwa intiż preċiżament sabiex jiggarantixxi protezzjoni xierqa tal-konsumaturi fir-rigward tal-informazzjoni trażmessa lil dawn tal-aħħar permezz tar-reklamar ta’ prodott. Bl-istess mod, l-għan tar-Regolament Nru 1223/2009 huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem billi jipprekludi, b’mod partikolari, li l-konsumaturi jiġu mqarrqa bl-informazzjoni dwar il-prodotti kożmetiċi li tingħatalhom (27).

88.      Kif issostni l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, id-Direttiva 2005/29 u r-Regolament Nru 1223/2009 għandhom għalhekk għan komuni li jikkonsisti f’li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi kontra informazzjoni qarrieqa.

89.      Madankollu, tali konstatazzjoni ma jidhirlix li hija suffiċjenti sabiex teskludi b’mod sistematiku l-eżistenza ta’ kunflitt bejn l-obbligi imposti fuq id-distributur fir-rigward tal-allegazzjonijiet ta’ reklamar marbuta ma’ prodott kożmetiku abbażi, minn naħa, tad-Direttiva 2005/29 u, min-naħa l-oħra, tar-Regolament Nru 1223/2009.

90.      Fil-fehma tiegħi, l-obbligi imposti fuq id-distributuri fil-qasam tar-reklamar, minn naħa, mir-Regolament Nru 1223/2009 u, min-naħa l-oħra, mid-Direttiva 2005/29 jimplikaw preċiżament diverġenza li huwa impossibbli li tingħeleb permezz ta’ formula inklużiva, u l-applikazzjoni parallela tagħhom twassal sabiex tneħħi l-effett utli tal-Artikolu 6(1) u (3) u tal-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament, meta d-distributur ikun aġixxa konformement ma’ dawn l-aħħar dispożizzjonijiet.

91.      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-analiżi tiegħi tal-ewwel domanda preliminari, ir-Regolament Nru 1223/2009 jiddefinixxi preċiżament l-obbligi tad-distributuri fil-qasam tar-reklamar, u jistabbilixxi li dawn tal-aħħar jinżammu responsabbli għax-xandir ta’ reklamar li jmur kontra l-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament biss fis-sitwazzjoni fejn huma jqisu jew ikollhom raġuni sabiex jemmnu li l-allegazzjonijiet ta’ reklamar riprodotti mill-manifattur ma humiex konformi (28). B’dan il-mod, il-leġiżlatur għażel li jillimita l-portata tal-obbligi tad-distributuri f’dan il-qasam, billi jiddistingwihom mill-obbligi tal-manifatturi, responsabbli prinċipalment għall-ksur tal-Artikolu 20(1) tal-imsemmi regolament.

92.      Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29, min-naħa tagħhom, jimponu fuq id-distributuri projbizzjoni mingħajr kundizzjoni fir-rigward tal-użu ta’ reklami qarrieqa riprodotti mill-manifatturi.

93.      Fi kliem ieħor, minħabba l-portata differenti tal-obbligi tad-distributuri previsti mir-Regolament Nru 1223/2009 u mid-Direttiva 2005/29, il-prattika ta’ distributur tista’, fil-każ ta’ applikazzjoni parallela ta’ dan ir-regolament u ta’ din id-direttiva, titqies li tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva minkejja li tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament.

94.      Tali applikazzjoni simultanja neċessarjament twassal sabiex iċċaħħad mill-effett utli d-delimitazzjoni tal-obbligi tad-distributuri mixtieqa mil-leġiżlatur skont ir-Regolament Nru 1223/2009, u twassal għan-newtralizzazzjoni tagħhom, minkejja li dan ir-regolament jirregola aspetti speċifiċi tal-prattiki kummerċjali żleali.

95.      Għalhekk, jiena tal-fehma li meta distributur li jirriproduċi l-allegazzjonijiet ta’ reklamar ta’ manifattur jaġixxi konformement mar-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1223/2009, ikun jeżisti kunflitt bejn, minn naħa, l-Artikolu 6(1) u (3), kif ukoll l-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament u, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29. Mill-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva jirriżulta b’mod ċar li, f’tali sitwazzjoni, ir-regoli tal-imsemmi regolament għandhom jipprevalu.

96.      Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li mill-premessa 4 tar-Regolament Nru 1223/2009 jirriżulta li dan ir-regolament jarmonizza b’mod eżawrjenti r-regoli fis-seħħ fl-Unjoni, u li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod repetut li, minn qari tad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari tal-Artikolu 1 tiegħu, moqrija fid-dawl tal-premessi 3 u 4 tiegħu, jirriżulta li l-imsemmi regolament huwa intiż li jarmonizza b’mod eżawrjenti r-regoli fis-seħħ fl-Unjoni sabiex jiġi stabbilit suq intern tal-prodotti kożmetiċi, filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem (29).

97.      Madankollu, is-sitwazzjoni tkun differenti fil-każ meta d-distributur, li jirriproduċi l-allegazzjonijiet ta’ reklamar tal-manifattur mingħajr ma jkun ivverifikahom, jaġixxi bi ksur tar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) u (3) tar-Regolament Nru 1223/2009 sa fejn, skont iċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ, huwa jqis jew għandu raġuni sabiex jemmen li dawn ma humiex konformi mal-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament.

98.      Fil-fatt, l-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 2005/29 jipprojbixxi l-aġir qarrieqi tal-operaturi ekonomiċi fil-qasam tar-reklamar, li jinkludi neċessarjament il-prattiki msemmija fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1223/2009, li d-distributur jista’ jkun obbligat jivverifika l-osservanza tagħhom skont l-Artikolu 6(1) u (3) ta’ dan ir-regolament. B’dan il-mod, il-prattika ta’ distributur li tmur kontra l-Artikolu 6(1) u (3) ta’ dan ir-regolament ukoll, fil-fehma tiegħi, tmur kontra l-Artikolu 6(1)(b) ta’ din id-direttiva. Fi kliem ieħor, kif sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta, ir-riproduzzjoni, mid-distributur, tal-allegazzjonijiet ta’ reklamar tal-manifattur mingħajr ma jivverifikahom tista’ tikkostitwixxi kemm ksur tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament kif ukoll ta’ dawk tal-imsemmija direttiva.

99.      F’tali sitwazzjoni, il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ kunflitt bejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29 u dawk tar-Regolament Nru 1223/2009 ma hijiex issodisfatta, b’tali mod li jistgħu, fil-fehma tiegħi, ikunu s-suġġett ta’ applikazzjoni parallela.

100. Dan huwa wkoll il-każ meta d-distributur ta’ prodott kożmetiku jwettaq prattika li tmur kontra d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29 iżda li ma hijiex koperta mir-Regolament Nru 1223/2009. Fil-fatt, għalkemm huwa stabbilit li dan ir-regolament jarmonizza b’mod eżawrjenti r-regoli fis-seħħ fl-Unjoni dwar il-prodotti kożmetiċi, il-portata ta’ din l-armonizzazzjoni tkopri biss l-aġir tal-operaturi ekonomiċi fil-mira ta’ dan ir-regolament. Fi kliem ieħor, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament ma jeżawrixxux l-obbligi tad-distributuri li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u li jistgħu jiġu imposti abbażi ta’ strumenti oħra tad-dritt tal-Unjoni.

101. Għaldaqstant, l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        jipprekludi li l-prattika ta’ distributur li jxandar reklamar ta’ prodott kożmetiku riprodott mill-manifattur mingħajr tibdil u li huwa konformi mal-Artikolu 6(1) u (3) u mal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1223/2009 tista’ tiġi kklassifikata bħala “prattika kummerċjali żleali”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) u (4)(a) kif ukoll tal-Artikolu 6(1)(b) ta’ din id-direttiva, u

–        ma jipprekludix li l-prattika ta’ distributur li jxandar reklamar ta’ prodott kożmetiku riprodott mill-manifattur mingħajr tibdil bi ksur tal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-Artikolu 6(1) u (3) u mill-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament tista’ tiġi kklassifikata bħala “prattika kummerċjali żleali” fis-sens tal-Artikolu 5(1) u (4)(a) kif ukoll tal-Artikolu 6(1)(b) tal-imsemmija direttiva.

V.      Konklużjoni

102. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja):

1)      L-Artikolu 6(1) u (3) u l-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

distributur li jqiegħed prodott kożmetiku fis-suq taħt l-isem jew it-trade mark tal-manifattur mingħajr ma jibdlu huwa obbligat jivverifika li dan il-prodott għandu l-funzjonijiet attribwiti lilu fl-allegazzjonijiet ta’ reklamar li jinsabu fil-fuljetti ta’ reklamar ta’ dan id-distributur, minkejja li dawn l-allegazzjonijiet ikunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-imsemmi distributur mill-manifattur tal-prodott, jidhru wkoll fuq l-imballaġġ tal-prodott u huma riprodotti bħala tali mill-istess distributur, meta, minħabba ċirkustanzi konkreti, huwa jqis jew ikollu raġuni sabiex jemmen li dawn l-allegazzjonijiet ma humiex konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1223/2009, li hija ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

2)      L-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali)

għandu jiġi interpretata fis-sens li:

–        jipprekludi li l-prattika ta’ distributur li jxandar reklamar ta’ prodott kożmetiku riprodott mill-manifattur mingħajr tibdil u li huwa konformi mal-Artikolu 6(1) u (3) u mal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1223/2009 tista’ tiġi kklassifikata bħala “prattika kummerċjali żleali” fis-sens tal-Artikolu 5(1) u (4)(a) kif ukoll tal-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 2005/29, u

–        ma jipprekludix li l-prattika ta’ distributur li jxandar reklamar ta’ prodott kożmetiku riprodott mill-manifattur mingħajr tibdil bi ksur tal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-Artikolu 6(1) u (3) u mill-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament tista’ tiġi kklassifikata bħala “prattika kummerċjali żleali” fis-sens tal-Artikolu 5(1) u (4)(a) kif ukoll tal-Artikolu 6(1)(b) ta’ din id-direttiva.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 342, p. 59, rettifiki fil-ĠU 2017, L 191, p. 12, fil-ĠU 2021, L 129, p. 162 u fil-ĠU 2021, L 224, p. 43).


3      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86).


4      Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1223/2009.


5      Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1223/2009.


6      Sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck (292/82, EU:C:1983:335, punt 12); tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Sambre & Biesme u Commune de Farciennes (C‑383/21 u C‑384/21, EU:C:2022:1022, punt 54); tal‑15 ta’ Jannar 2026, AVR-Afvalverwerking (C‑692/23, EU:C:2026:4, punt 37) u Ambito territorale di caccia Ancona 2 (C‑615/24, EU:C:2026:10, punt 23).


7      C‑10/24, EU:C:2025:697.


8      F’dik il-kawża, il-kwistjoni kienet li tiġi ddeterminata l-portata tal-obbligi tad-distributur skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) 2017/745 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2017 dwar apparati mediċi, li jemenda d-Direttiva 2001/83/KE, ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 u r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 90/385/KEE u 93/42/KEE (ĠU 2017, L 117, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2019, L 117, p. 9 u fil-ĠU 2019, L 334, p. 165), li jipprevedi li “[f]ejn distributur iqis jew ikollu raġuni jemmen li apparat ma jkunx konformi mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, ma għandux jagħmel l-apparat disponibbli fis-suq sakemm dan ma jkunx inġieb f’konformità”. B’mod partikolari, ġie eżaminat jekk distributur huwiex obbligat jivverifika jekk apparat li huwa jqiegħed fis-suq għandux jitqies bħala apparat mediku meta l-manifattur ikun ikklassifika dan l-apparat fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Mejju 2006 dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (ĠU 2006, L 157, p. 24, rettifika fil-ĠU 2007, L 174, p. 18) u mhux f’dak tar-Regolament 2017/745.


9      Sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2026, Dürr Dental (C‑10/24, EU:C:2026:443, punt 34).


10      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Spielmann fil-kawża Dürr Dental (C‑10/24, EU:C:2025:697, punt 53).


11      Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 61 u 62 u ta’ dawn il-konklużjonijiet.


12      Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (ĠU 2022, C 247, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Gwida Blu”).


13      Sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2025, Cassella-med u MCM Klosterfrau (C‑589/23, EU:C:2025:173, punt 40).


14      Gwida Blu (p. 41).


15      Gwida Blu, Anness 5 (p. 151).


16      Dan jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Dürr Dental, dwar il-klassifikazzjoni ta’ prodott mill-manifattur, li fiha hija ddeċidiet li “il-ksur tal-obbligu ta’ diliġenza jista’ jiġi kkonstatat biss meta l-iżball fil-klassifikazzjoni jkun ċar”. Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2026, Dürr Dental (C‑10/24, EU:C:2026:443, punt 39).


17      Ara, dwar dan il-punt, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2026, Dürr Dental (C‑10/24, EU:C:2026:443, punt 70).


18      Sentenzi tas‑26 ta’ Ottubru 2016, Canal Digital Danmark (C‑611/14, EU:C:2016:800, punt 25), u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Dyson (C‑632/16, EU:C:2018:599, punt 28).


19      Premessa 11 tad-Direttiva 2005/29.


20      Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Dyson (C‑632/16, EU:C:2018:599, punt 30).


21      Sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, A et (Kuntratti ta’ assigurazzjoni għal poloz marbuta ma’ unitajiet) (C‑143/20 u C‑213/20, EU:C:2022:118, punt 136).


22      Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29.


23      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2026, Lidl Italia (Prattiki kummerċjali żleali li għandhom x’jaqsmu mal-prodotti tal-ikel) (C‑301/25, iktar ’il quddiem is-“sentenza Lidl Italia”, EU:C:2026:357, punt 28).


24      Sentenzi Lidl Italia (punt 33) u tat‑13 ta’ Settembru 2018, Wind Tre u Vodafone Italia (C‑54/17 u C‑55/17, EU:C:2018:710, punt 60).


25      Sentenzi Lidl Italia (punt 33) u tat‑13 ta’ Settembru 2018, Wind Tre u Vodafone Italia (C‑54/17 u C‑55/17, EU:C:2018:710, punt 61).


26      Sentenzi Lidl Italia (punt 34) u tat‑30 ta’ Jannar 2025, Trenitalia (C‑510/23, EU:C:2025:41, punt 33).


27      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lidl Italia (punt 35).


28      Sakemm id-distributuri ma jkunux jistgħu jitqiesu bħala l-“persuna responsabbli” abbażi tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1223/2009. Ara, dwar dan il-punt, il-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


29      Sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2020, A.M. (Ittikkettjar ta’ prodotti kożmetiċi) (C‑667/19, EU:C:2020:1039, punt 27), u tal‑15 ta’ Settembru 2022, Fédération des entreprises de la beauté (C‑4/21, EU:C:2022:681, punti 33, 53, 61 u 66).