52010PC0396

Proposta għal DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lir-Repubblika Taljana biex tapplika miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud /* KUMM/2010/0396 finali - NLE 2010/0213 */


[pic] | KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 23.7.2010

KUMM(2010)396 finali

2010/0213 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lir-Repubblika Taljana biex tapplika miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA |

Ir-raġunijiet u l-għanijiet tal-proposta Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (minn hawn 'il quddiem 'id-Direttiva dwar il-VAT'), il-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru li japplika miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijet ta' dik id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jippreveni ċerti tipi ta' evażjoni jew evitar tat-taxxa. B'ittra rreġistrata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fil-10 ta' Diċembru 2009 ir-Repubblika Taljana talbet awtorizzazzjoni biex tissokta li teżenta persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhux aktar minn EUR 30 000. B'konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra b’ittra ddatata l-11 ta’ Jannar 2010 bit-talba li saret mir-Repubblika Taljana. Permezz ta' ittra ddatata t-12 ta' Jannar 2010, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika Taljana li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba. |

Il-Kuntest ġenerali Il-Kapitolu 1 tat-Titolu XII tad-Direttiva dwar il-VAT jippermetti l-possibbiltà li l-Istati Membri japplikaw skemi speċjali għall-impriżi żgħar, inkluża l-possibbiltà li jkunu eżentati persuni taxxabbli b'inqas minn ċertu fatturat annwali. Din l-eżenzjoni timplika li persuna taxxabbli ma għandhiex għalfejn iżżomm il-VAT fuq il-provvisti tagħha u, konsegwentement, ma tistax tnaqqas il-VAT minn fuq l-elementi produttivi tagħha. Din il-miżura ġiet introdotta għall-ewwel skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE. Madankollu, dawk l-Istati Membri li ma għamlux użu mill-fakultà prevista minn dik id-dispożizzjoni, jistgħu sussegwentement - skont l-Artikolu 24(2)(b) tad-Direttiva 77/388/KEE issa mfassal mill-ġdid bħala l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 285 tad-Direttiva dwar il-VAT - jeżentaw biss mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhux aktar minn EUR 5 000. Ir-Repubblika Taljana ma għamlitx użu mill-fakultà prevista bl-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE. Minħabba numru sinifikattiv ta' persuni taxxabbli b'fatturat annwali baxx ħafna, ir-Repubblika Taljana talbet deroga fl-2007 sabiex tissemplifika l-obbligi tal-VAT għan-negozjanti żgħar u sabiex tirrilassa l-ġbir tat-taxxa għall-amministrazzjoni tat-taxxa nazzjonali. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/737/KE (ĠU L 249, 18.9.2008, p. 13) awtorizzat lir-Repubblika Taljana li teżenta, sal-31 ta' Diċembru 2010, persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhux aktar minn EUR 30 000 bil-possibbiltà li jogħla l-limitu biex jinżamm il-valur f'termini reali. Ir-Repubblika Taljana issa talbet estensjoni ta' dik il-miżura li hija għażla li għandhom il-persuni taxxabbli. Il-Kummissjoni inkludiet fil-proposta tagħha tad-Direttiva maħsuba biex tissemplifika l-obbligi dwar il-VAT tad-29 ta' Ottubru 2004 (COM(2004) 728 finali), dispożizzjonijiet maħsuba biex jippermettu lill-Istati Membri biex jeżentaw il-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom am jkunx aktar minn EUR 100 000 bil-possibbiltà li dan l-ammont ikun aġġornat kull sena. Madankollu, il-Kunsill f'dan l-istadju, għadu ma laħaqx ftehim fuq dik il-proposta. Minn informazzjoni mogħtija mir-Repubblika Taljana, jidher li l-applikazzjoni tal-miżura wasslet għal tnaqqis stmat fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju finali tal-konsum ta' inqas minn 0,2%, li huwa konformi mal-istimi li kienu saru fiż-żmien meta kienet ġiet konċessa d-deroga. Qed jiġi għalhekk propost li tiġi estiża d-deroga għal perjodu ieħor sal-31 ta' Diċembru 2013 l-iktar kmieni jew sa meta tidħol fis-seħħ Direttiva dwar il-limitu tal-fatturat annwali li inqas minnu persuna taxxabbli tista' tkun eżentata mill-VAT. |

Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Fl-2004, il-Kummissjoni għamlet proposta biex jiżdied għal EUR 100 000 l-limitu tal-fatturat annwali disponibbli għall-Istati Membri (COM(2004) 728 finali) għall-eżenzjoni mill-VAT tal-persuni taxxabbli. |

Il-konsistenza mal-bqija tal-politiki u l-għanijiet tal-Unjoni Mhux applikabbli. |

IL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT |

Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati |

Mhux rilevanti. |

Il-ġbir u l-użu tal-kompetenzi |

Ma kienx hemm bżonn ta’ kompetenza esterna. |

Stima tal-impatt Id-deċiżjoni għandha l-għan li tissokta miżura ta' simplifikazzjoni li tneħħi ħafna mill-obbligi tal-VAT għan-negozji li jaħdmu b’fatturat annwali li mhux aktar minn EUR 30 000, u għalhekk għandha potenzjal għal impatt pożittiv. Minħabba l-ambitu strett tad-deroga u l-applikazzjoni limitata fiż-żmien, l-impatt ikun limitat fi kwalunkwe każ. |

L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA |

Is-sinteżi tal-azzjoni proposta Awtorizzazzjoni lir-Repubblika Taljana biex tissokta tapplika miżura ta' deroga mid-Direttiva 2006/112/KE dwar l-introduzzjoni ta' miżura ta' simplifikazzjoni għan-negozji b’fatturat annwali ta' mhux aktar minn EUR 30 000. |

Il-bażi legali L-Artikolu 395 tad-Direttiva dwar il-VAT 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud. |

Il-Prinċipju tas-sussidjarjetà Il-proposta hija fil-kompetenza esklużiva tal-Komunità. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà għaldaqstant ma jgħoddx. |

Il-Prinċipju tal-proporzjonalità Il-proposta hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità għar-raġuni(jiet) li ġejja(in). |

Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru wara talba li għamel hu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu. |

Minħabba l-ambitu limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan mixtieq. |

L-għażla tal-istrumenti |

L-istrumenti proposti: Id-Deċiżjoni. |

Mezzi oħra ma jkunux xierqa għar-raġuni(jiet) ta’ hawn taħt. Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva dwar il-VAT, deroga mir-regoli komuni tal-VAT hija possibbli biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill waqt li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni. Deċiżjoni tal-Kunsill hija l-iktar strument adattat ladarba tista' tiġi indirizzata lill-Istati Membri individwali. |

L-IMPLIKAZZJONI BAġITARJA |

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni. |

TAGħRIF ADDIZZJONALI |

Klawżola ta’ analiżi/reviżjoni/terminazzjoni awtomatika |

Il-proposta tinkludi klawżola ta' estinzjoni |

2010/0213 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

ta’ […]

li tawtorizza lir-Repubblika Taljana biex tapplika miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

1. B'ittra rreġistrata mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni tal-10 ta' Diċembru 2009 l-Italja talbet awtorizzazzjoni għal miżura ta' deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE sabiex tkompli teżenta ċerti persuni taxxabbli. Permezz ta' dik il-miżura, dawk il-persuni taxxabbli se jkomplu jkunu eżenti minn ċerti obbligi jew mill-obbligi kollha fir-rigward it-taxxa tal-valur miżjud (VAT) imsemmija fil-Kapitoli 2 sa 6 tat-Titolu XI tad-Direttiva 2006/112/KE.

2. Permezz tal-ittra datata l-11 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba magħmula mill-Italja. Permezz ta' ittra ddatata t-12 ta' Jannar 2010, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Italja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

3. L-Istati Membri diġà għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom skema speċjali għall-impriżi ż-żgħar taħt it-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE. Il-miżura estiża tagħti deroga mill-Artikolu 285 ta' dik id-Direttiva fl-applikazzjoni tagħha għall-Italja biss sakemm il-limitu tal-fatturat annwali tal-iskema huwa ogħla mil-limitu ta' EUR 5 000.

4. Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/737/KE tal-15 ta' Settembru 2008 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana biex tapplika miżura biex tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud[2], l-Italja ġiet awtorizzata, bħala miżura li tidderoga, biex teżenta lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex aktar minn EUR 30 000 sal-31 ta' Diċembru 2010. Peress li dan il-limitu iktar għoli rriżulta f'obbligi tal-VAT imnaqqsa għan-negozji ż-żgħar, filwaqt li l-persuni taxxabbli għadhom jistgħu jagħżlu s-sistema normali tal-VAT, l-Italja għandha tiġi awtorizzata li tapplika l-miżura għal perjodu limitat ieħor.

5. Fil-proposta tagħha għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 77/388/KEE bl-għan li tissemplifika l-obbligi tat-taxxa tal-valur miżjud tad-29 ta' Ottubru 2004[3], il-Kummissjoni inkludiet dispożizzjonijiet immirati li jippermettu lill-Istati Membri biex jiffissaw limitu annwali ta' fatturat għall-iskema ta' eżenzjoni tal-VAT sa EUR 100 000 jew l-ekwivalenti fil-valuta nazzjonali, bil-possibbiltà li jiġi aġġornat l-ammont kull sena. It-talba għall-estensjoni ppreżentata mill-Italja hija kompatibbli mal-proposta li dwarha l-Kunsill għadu ma laħaqx ftehim.

6. Mill-informazzjoni provduta mill-Italja, il-miżura diġà wasslet għat-tnaqqis stmat tal-ammont globali tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju finali tal-konsum ta' inqas minn 0,2%.

7. Id-deroga ma għandha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-ġbir tat-taxxa fuq il-valur miżjud,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Italja hija awtorizzata li teżenta mill-VAT persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 30 000.

L-Italja tista' żżid l-ogħla limitu sabiex iżżomm il-valur tal-eżenzjoni f'termini reali.

Artikolu 2

L-iskema msemmija fl-Artikolu 1 għandha tkun fakultattiva għall-persuni taxxabbli.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2011 sad-data tad-dħul fis-seħħ ta' Direttiva li temenda l-ammonti tal-limiti tal-fatturat annwali li taħtu l-persuni taxxabbli jistgħu jikkwalifikaw għal eżenzjoni mill-VAT, jew sal-l-31 ta' Diċembru 2013, jiddependi liema data tkun l-ewwel.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

[2] ĠU L 249, 18.9.2008, p. 13.

[3] COM(2004) 728 final.