|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1365 |
17.5.2024 |
|
IL-PARLAMENT EWROPEW |
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA |
IL-KUMMISSJONI EWROPEA |
|
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA TAL-UNJONI EWROPEA |
IL-BANK ĊENTRALI EWROPEW |
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI |
|
IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW |
|
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI |
Ftehim bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, li jistabbilixxi korp interistituzzjonali għall-istandards etiċi tal-membri tal-istituzzjonijiet u l-korpi konsultattivi msemmija fl-Artikolu 13 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea
IL-PARLAMENT EWROPEW,
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA TAL-UNJONI EWROPEA,
IL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI,
IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW,
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI
Billi:
|
(1) |
L-etika, l-integrità u t-trasparenza huma essenzjali biex iċ-ċittadini jibqgħu jafdaw lill-Unjoni fil-ħidma politika, leġiżlattiva u amministrattiva tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. L-atturi tal-Unjoni ser jagħmlu ħilithom biex irawmu l-konverġenza lejn kultura komuni bbażata fuq dawn il-valuri, f’konformità mat-Trattati. |
|
(2) |
Il-membri tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-korpi konsultattivi tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 13 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea għandhom ir-responsabbiltà partikolari li jħarsu u jinkorporaw il-prinċipji u l-obbligi etiċi stabbiliti fit-Trattati kif ukoll ir-regoli li kull istituzzjoni u korp konsultattiv ikunu dderivaw minnhom. |
|
(3) |
Huwa importanti li l-istituzzjonijiet u l-korpi konsultattivi tal-Unjoni jkollhom u japplikaw regoli ċari u trasparenti f’dak ir-rigward. Jenħtieġ li jkollhom ukoll qafas komuni ta’ standards minimi ta’ integrità u indipendenza għall-membri tagħhom u jkollhom mekkaniżmi biex jiżguraw il-konformità mar-regoli etiċi li huma applikabbli għall-membri tagħhom. |
|
(4) |
L-għan ta’ dan il-Ftehim huwa li jistabbilixxi qafas interistituzzjonali għall-kooperazzjoni dwar standards etiċi għall-membri tal-partijiet, li jistabbilixxi korp interistituzzjonali għall-istandards etiċi (il-“Korp”). Fuq talba tiegħu, il-Bank Ewropew tal-Investiment jista’ wkoll isir Parti għal dan il-Ftehim wara li jidħol fis-seħħ. |
|
(5) |
Sabiex tiġi garantita l-indipendenza tal-ġudikatura, ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest ta’ dan il-Ftehim jenħtieġ li jkun limitat għal dak ta’ osservatur. Dan ir-rwol jippermettilha tibbenefika mill-istandards minimi komuni tal-Korp fir-riflessjoni dwar ir-regoli etiċi tagħha stess. |
|
(6) |
Il-kompiti tal-Korp jenħtieġ li jkunu li jiżviluppa standards minimi komuni għall-imġiba tal-membri tal-Partijiet f’għadd definit ta’ oqsma skont il-Ftehim (l-“istandards minimi komuni”), li jiskambja fehmiet dwar l-awtovalutazzjoni magħmula minn istituzzjoni jew korp konsultattiv dwar l-allinjament tar-regoli interni tiegħu mal-istandards minimi komuni, u li jrawwem il-kooperazzjoni interistituzzjonali f’dan il-qasam. Il-korp jenħtieġ li jikkontribwixxi wkoll għas-sensibilizzazzjoni dwar l-importanza tal-imġiba etika u tal-istandards minimi komuni. Għal dak l-għan, l-esperti indipendenti jistgħu jikkontribwixxu għall-isforzi tal-Korp. |
|
(7) |
Il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni, minbarra l-Partijiet għal dan il-Ftehim, jistgħu jagħżlu li japplikaw is-sett kollu ta’ standards minimi komuni żviluppat jew li jkun se jiġi żviluppat mill-Korp għar-regoli applikabbli għall-persuni, minbarra l-persunal tagħhom, li jkollhom funzjoni simili għal dawk tal-membri tal-Partijiet għal dan il-Ftehim. |
|
(8) |
L-iskambju ta’ fehmiet abbażi ta’ awtovalutazzjoni jenħtieġ li japplika wkoll għall-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, minbarra l-Partijiet, li volontarjament jagħżlu li japplikaw is-sett kollu ta’ standards minimi komuni. Għal dak il-għan, kull wieħed minnhom jenħtieġ li jaħtar rappreżentant għall-finijiet tal-iskambju ta’ fehmiet. |
|
(9) |
Fl-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim jenħtieġ li jitqiesu bis-sħiħ il-karatteristiċi u l-istatus speċifiku ta’ kull Parti għal dan il-Ftehim u tal-membri tagħha. |
|
(10) |
L-ebda parti minn dan il-Ftehim ma jenħtieġ li tipprevjeni lil Parti għal dan il-Ftehim milli timponi rekwiżiti etiċi ogħla għall-membri tagħha, b’mod partikolari b’kunsiderazzjoni ta’ riskju speċifiku assoċjat mal-mandat u mal-kompiti tal-Parti għal dan il-Ftehim jew tal-membri tagħha. |
|
(11) |
L-ebda parti minn dan il-Ftehim, fi kwalunkwe ċirkostanza, ma jenħtieġ li jikkostitwixxi raġuni għat-tnaqqis tal-istandards tekniċi li diġà jkunu applikati minn Parti għal dan il-Ftehim fil-kwistjonijiet koperti minn dan il-Ftehim. |
|
(12) |
Id-dikjarazzjonijiet tal-interessi u dikjarazzjonijiet standardizzati oħra bil-miktub tal-membri jintużaw mill-istituzzjonijiet u l-kumitati konsultattivi tal-Unjoni Ewropea. Kull Parti għal dan il-Ftehim jenħtieġ li jkollha l-possibbiltà li tikkonsulta jew tissottometti mistoqsijiet lill-esperti indipendenti f’dak ir-rigward, jekk dik il-Parti tqis li dan ikun partikolarment rilevanti jew għal każijiet li jeħtieġu kunsiderazzjoni speċifika jew għall-fini tal-iżvilupp jew l-aġġornament ta’ standard etiku. Għal dan l-għan, l-esperti indipendenti jenħtieġ li jippreżentaw rapport lill-Korp kull sena, li jiġbor fil-qosor f’forma aggregata u anonimizzata l-konsultazzjonijiet u l-mistoqsijiet ippreżentati mill-Partijiet għal dan il-Ftehim kif ukoll is-segwitu tagħhom. Madankollu, jenħtieġ li tali konsultazzjoni u mistoqsijiet ma jintużawx fi proċeduri stabbiliti fit-Trattati għall-ħatra jew l-elezzjoni ta’ membri ta’ parti f’konformità mal-kriterji stabbiliti fit-Trattati. |
|
(13) |
Il-funzjonament tal-Korp jenħtieġ li ma jaffettwax il-kompetenzi ta’ kwalunkwe waħda mill-Partijiet kif stabbilit fit-Trattati jew jaffettwa s-setgħat rispettivi tagħhom ta’ organizzazzjoni interna jew is-sistema ta’ kontrokontrolli stabbilita mit-Trattati. Jenħtieġ ukoll li ma jaffettwax is-setgħat ta’ korpi oħra, inkluż dawk tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) u l-Ombudsman Ewropew. |
|
(14) |
Kull Parti għal dan il-Ftehim jenħtieġ li tagħmel ħilitha biex tiżgura l-bilanċ bejn il-ġeneri fil-ħatra tar-rappreżentanti u s-sostituti tagħha fil-Korp. Il-kompożizzjoni kumplessiva tal-Korp, li tinkludi l-membri (rappreżentanti u sostituti) tiegħu u l-President tiegħu, kif ukoll l-esperti indipendenti, jenħtieġ li jirsistu għall-bilanċ bejn il-ġeneri u d-diversità ġeografika. |
|
(15) |
Meta jeżerċitaw il-kompiti tagħhom skont dan il-Ftehim, il-Korp u l-esperti indipendenti jenħtieġ li jqisu l-funzjonijiet differenti li jiġu eżerċitati mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà skont it-Trattati. |
|
(16) |
Il-partijiet għal dan il-Ftehim jenħtieġ li dejjem jipprattikaw kooperazzjoni reċiproka sinċiera meta jimplimentaw dan il-Ftehim. |
|
(17) |
Il-persunal tal-istituzzjonijiet u l-korpi konsultattivi huwa soġġett għar-regoli dwar l-imġiba etika skont ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni, stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (1), kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-impjieg u r-regoli tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew. Il-Partijiet għal dan il-Ftehim jenħtieġ li jikkondividu l-aħjar prattiki f’fora ddedikati għall-implimentazzjoni tar-regoli tal-persunal u, sa fejn ikunu rilevanti, jibbażaw fuq l-istandards minimi komuni biex jinfurmawhom meta jirrieżaminaw ir-regoli interni tagħhom għall-applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli tal-persunal. |
|
(18) |
Dan il-Ftehim huwa ffirmat mill-Partijiet wara t-tlestija tal-proċeduri interni rispettivi tagħhom għal dak il-għan, |
JAQBLU KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (“il-Partijiet”) jistabbilixxu, permezz ta’ dan il-Ftehim, qafas interistituzzjonali għall-kooperazzjoni fuq l-istandards etiċi li joħloq korp interistituzzjonali għall-istandards etiċi (“il-Korp”) għall-membri tal-Partijiet.
Dan il-Ftehim jistabbilixxi l-qafas u l-prinċipji operatorji tal-Korp.
2. Ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest ta’ dan il-Ftehim għandu jkun limitat għal dak ta’ osservatur. F’dik il-kapaċità, għandha tattendi l-laqgħat tal-Korp, mingħajr ma tipparteċipa fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u għandha tirċievi l-informazzjoni disponibbli għall-membri tal-Korp, sa fejn dawk il-laqgħat u dik l-informazzjoni jkunu relatati mal-applikazzjoni tal-Artikolu 8.
3. L-istandards minimi żviluppati mill-Korp f’konformità ma’ dan il-Ftehim għall-imġiba tal-membri tal-Partijiet (l-“istandards minimi komuni”) għandhom iqisu l-istatus tal-membri tal-Partijiet u ma għandhomx jidħlu f’kunflitt mal-mandat tagħhom tal-Unjoni Ewropea.
4. Fil-każ ta’ membri tal-partiti li jeżerċitaw il-mandat tagħhom tal-Unjoni Ewropea abbażi ta’, jew b’żieda ma’, mandat nazzjonali, reġjonali jew lokali jew funzjoni jew attività oħra soġġetta għal regoli nazzjonali speċifiċi, l-istandards minimi komuni għandhom ikunu rilevanti biss għall-eżerċitar tal-mandat tal-Unjoni Ewropea.
5. Fuq talba tiegħu, il-Bank Ewropew tal-Investiment għandu jsir parti sħiħa għal dan il-Ftehim. Il-parteċipazzjoni tiegħu fil-Korp għandha tidħol fis-seħħ mid-data li jaħtar rappreżentant fil-Korp, f’konformità mal-Artikolu 3(1). Fir-rigward ta’ kwalunkwe standard minimu komuni żviluppat mill-Korp qabel il-parteċipazzjoni effettiva tal-Bank Ewropew tal-Investiment, għandu japplika l-Artikolu 23(2).
Artikolu 2
Definizzjoni ta’ “membri tal-Partijiet”
1. Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, “membri tal-Partijiet” tfisser:
|
(a) |
il-membri tal-Parlament Ewropew; |
|
(b) |
ir-rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, inkluż fil-funzjoni tiegħu/tagħha bħala President tal-Kunsill Affarijiet Barranin; |
|
(c) |
il-membri tal-Kummissjoni Ewropea; |
|
(d) |
il-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew kif ukoll il-Membri tal-Kunsill Regolatorju u tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew meta jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom; |
|
(e) |
il-membri tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri; |
|
(f) |
il-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fir-rigward tal-eżerċitar tal-mandat tagħhom tal-Unjoni Ewropea; |
|
(g) |
il-membri u s-sostituti tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, ħlief fir-rigward tal-eżerċitar tal-mandat lokali jew reġjonali tagħhom. |
2. F’każ li l-Bank Ewropew tal-Investiment isir Parti, f’konformità mal-Artikolu 1(5), id-definizzjoni fil-paragrafu 1 għandha tinkludi l-membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Bank Ewropew tal-Investiment kif ukoll il-Membri tal-Bord tad-Diretturi tal-Bank Ewropew tal-Investiment meta jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom.
Artikolu 3
Il-Korp
1. Kull Parti għandha tkun irrappreżentata fil-Korp minn membru wieħed (“il-membru tal-Korp”). Għal dak il-għan, kull Parti għandha taħtar rappreżentant u rappreżentant sostitut li għandu jkun preżenti bħala membru tal-Korp meta r-rappreżentant ikun assenti jew impedut. Ir-rappreżentanti u s-sostituti tagħhom għandhom jinħatru għal mhux aktar minn xahrejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim. Kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex tiżgura l-bilanċ bejn il-ġeneri fil-ħatra tar-rappreżentanti u tas-sostituti tagħhom.
2. Ir-rappreżentant tal-Partijiet għandu, fil-prinċipju, ikun fil-livell ta’ Viċi President jew f’livell ekwivalenti.
3. Kull Parti għandu jkollha d-diskrezzjoni sħiħa li tipproċedi bis-sostituzzjoni tar-rappreżentant jew is-sostitut tagħha, filwaqt li dejjem tagħmel ħilitha biex tiżgura l-bilanċ bejn il-ġeneri fost ir-rappreżentanti u s-sostituti. Fi kwalunkwe każ, il-mandat ta’ rappreżentant jew ta’ sostitut għandu jintemm awtomatikament meta dak ir-rappreżentant jew sostitut ma jibqax fil-kariga fil-Parti li jkun jirrappreżenta.
4. Il-korp għandu jaġixxi b’kunsens, sakemm ir-Regoli ta’ Proċedura li għandhom jiġu adottati skont l-Artikolu 14 ma jipprevedux espliċitament mod ieħor fir-rigward ta’ kwistjonijiet proċedurali u amministrattivi.
Artikolu 4
President tal-Korp
1. Ir-rappreżentant ta’ kull Parti għandu jippresjedi l-Korp fuq bażi ta’ rotazzjoni għal terminu ta’ sena waħda sakemm il-parti ma tagħżilx li tirrinunzja għad-dritt tagħha li tagħmel dan. Ir-rotazzjoni bejn il-Partijiet għandha ssegwi l-ordni tal-istituzzjonijiet fil-lista stabbilita fl-Artikolu 13(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Ladarba dik il-lista tkun ġiet eżawrita, ir-rotazzjoni għandha tkompli biż-żewġ korpi konsultattivi msemmija fl-Artikolu 13(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Imbagħad għandha tkompli bil-Bank Ewropew tal-Investiment jekk dan tal-aħħar isir parti f’konformità mal-Artikolu 1(5) ta’ dan il-Ftehim.
2. Il-President għandu jorganizza l-ħidma tal-Korp, filwaqt li jiżgura li jittieħdu l-miżuri organizzazzjonali u proċedurali xierqa u li l-informazzjoni u d-dokumenti kollha meħtieġa jinġiebu għall-attenzjoni tal-membri tal-Korp.
Artikolu 5
Esperti indipendenti
1. Il-Korp għandu jkun assistit minn ħames esperti indipendenti li għandhom jattendu l-laqgħat kollha tal-Korp bħala osservaturi u għandhom jagħtu pariri lill-membri tal-Korp dwar kwalunkwe kwistjoni etika relatata mal-mandat tal-Korp (l-“esperti indipendenti”). L-esperti indipendenti għandhom jaħtru kelliem minn fosthom. Huma għandhom josservaw l-ogħla standards etiċi, tal-anqas ekwivalenti għall-istandards minimi komuni.
2. L-esperti indipendenti għandhom jinħatru b’kunsiderazzjoni tal-kompetenza, l-esperjenza, l-indipendenza u l-kwalitajiet professjonali tagħhom. Għandu jkollhom rekord impekkabbli ta’ mġiba professjonali kif ukoll ta’ esperjenza f’pożizzjonijiet ta’ livell għoli f’organizzazzjonijiet pubbliċi Ewropej, nazzjonali jew internazzjonali. Għandhom jintgħażlu fuq proposta ta’ Parti waħda minnhom u bil-kunsens tal-Partijiet wara proċedura li tikkonsisti fit-tfittxija trasparenti tal-aħjar individwi disponibbli li jiksbu l-kunsens taż-żewġ Partijiet. Id-dettalji tal-proċedura għandhom jiġu stabbiliti mill-Korp.
3. L-esperti indipendenti għandhom jiddikjaraw lill-Korp kwalunkwe kunflitt ta’ interess li jista’ jfixkel l-indipendenza jew l-imparzjalità tagħhom. F’każijiet bħal dawn, il-Korp għandu jiddeċiedi jekk ikunx hemmx bżonn li jittieħdu xi miżuri u, jekk meħtieġ, dwar liema miżuri xierqa.
4. Meta jaħtru esperti indipendenti, il-partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jiżguraw bilanċ bejn il-ġeneri.
5. It-terminu tal-esperti indipendenti għandu jkun ta’ 3 snin, li jista’ jiġġedded darba. Jekk espert indipendenti jieqaf mill-kariga qabel ma jintemm il-mandat ta’ 3 snin jew jekk il-Partijiet jiddeċiedu b’kunsens li jirrevokaw il-ħatra ta’ espert indipendenti, il-Partijiet għandhom jaħtru espert indipendenti ġdid għal 3 snin b’kunsens.
6. L-esperti indipendenti għandhom jingħataw l-istatus ta’ Konsulent Speċjali mill-Kummissjoni u għandhom ikunu marbuta b’mod amministrattiv mal-Kummissjoni, u dan għal raġunijiet purament amministrattivi. Dawn għandhom jiġu rimborżati għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni li jġarrbu meta jwettqu dmirijiethom. Huma għandhom jirċievu gratifika għal kull jum tax-xogħol ikkalkolata abbażi tar-remunerazzjoni ta’ uffiċjal tal-Unjoni fil-grad AD12.
Artikolu 6
Mandat tal-Korp
1. Il-Korp għandu jikkontribwixxi għall-promozzjoni ta’ kultura komuni ta’ etika u trasparenza fost il-Partijiet, b’mod partikolari billi jiżviluppa standards minimi komuni u billi jrawwem l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar il-kwistjoni.
2. Il-kompiti tal-Korp għandhom ikunu kif ġej:
|
(a) |
li jiżviluppa standards għall-imġiba tal-membri tal-Partijiet, fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 8; |
|
(b) |
li jaġġorna l-istandards minimi komuni, f’konformità mal-Artikolu 9; |
|
(c) |
li jorganizza skambju ta’ fehmiet abbażi tal-awtovalutazzjoni jew l-awtovalutazzjoni ta’ Parti jew korp, kariga jew aġenzija tal-Unjoni involuti b’mod volontarju tal-allinjament tar-regoli interni tagħhom mal-istandards minimi komuni, f’konformità mal-Artikolu 10; |
|
(d) |
li jipprovdi lill-Partijiet b’interpretazzjoni astratta ta’ standards minimi komuni; |
|
(e) |
li jippromwovi l-kooperazzjoni fost il-Partijiet dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni relatati mar-regoli interni tagħhom dwar l-imġiba tal-membri tagħhom u jippromwovi skambji ma’ kwalunkwe organizzazzjoni Ewropea, nazzjonali jew internazzjonali oħra li l-ħidma tagħha tkun rilevanti biex jiġu żviluppati standards minimi komuni; |
|
(f) |
li joħroġ rapport annwali, f’konformità mal-Artikolu 18. |
3. Il-funzjonament tal-Korp la għandu jaffettwa l-kompetenzi tal-Partijiet u lanqas lis-setgħat rispettivi tagħhom ta’ organizzazzjoni interna. B’mod partikolari, il-Korp għandu, bla preġudizzju għall-Artikolu 7, ikun kompetenti fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli interni ta’ Parti għal każijiet individwali.
Artikolu 7
Konsultazzjoni tal-esperti indipendenti minn parti
1. Jekk Parti tqis li tkun partikolarment rilevanti, jew għal każijiet li jeħtieġu kunsiderazzjoni speċifika jew għall-fini tal-iżvilupp jew l-aġġornament ta’ standard etiku, il-Parti tista’ tikkonsulta u tissottometti mistoqsijiet lill-esperti indipendenti dwar il-konformità tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi jew kwalunkwe dikjarazzjoni standardizzata oħra bil-miktub, jew elementi jew abbozzi ta’ tali dikjarazzjonijiet, tal-membri tagħha stess mal-istandards minimi komuni żviluppati mill-Korp u riflessi mill-parti fir-regoli interni tagħha. Sakemm jintlaħaq ftehim dwar standards minimi komuni tali kwistjonijiet jistgħu jiġu riferuti lill-esperti indipendenti abbażi ta’ standards rilevanti oħra applikabbli għall-Parti.
2. Id-deċiżjoni tal-parti dwar il-konsultazzjoni u l-mistoqsijiet lill-esperti indipendenti għandha tittieħed skont ir-regoli tal-parti nnifisha.
3. L-esperti indipendenti għandhom jipprovdu lill-parti b’opinjoni kunfidenzjali u mhux vinkolanti bil-miktub bi tweġiba għall-konsultazzjoni jew il-mistoqsijiet. L-opinjoni għandha tingħata fi żmien raġonevoli miftiehem mal-parti. Meta l-opinjoni tal-esperti indipendenti ma tiġix adottata b’mod unanimu, l-opinjoni għandha tinkludi kwalunkwe perspettiva kuntrarja. Id-deliberazzjonijiet tal-esperti indipendenti għandhom ikunu kunfidenzjali.
4. Sabiex il-valutazzjoni tal-Korp tqis il-ħtieġa li l-istandards minimi komuni jiġu żviluppati jew aġġornati, l-esperti indipendenti għandhom jagħtu kont annwali anonimizzat u aggregat tal-konsultazzjonijiet u l-mistoqsijiet ippreżentati mill-Partijiet u s-segwitu tagħhom sabiex, fejn xieraq, jirrakkomandaw lill-Korp dwar l-iżviluppar jew l-aġġornament tal-istandards minimi komuni.
5. Dan l-Artikolu għandu jkun bla preġudizzju għall-mandat tal-Korp skont l-Artikolu 6.
Artikolu 8
Żvilupp ta’ standards minimi komuni
1. F’konformità mal-Artikolu 1(3) u (4), l-istandards minimi komuni għandhom jiġu żviluppati f’konformità mad-drittijiet u l-obbligi tal-membri tal-Partijiet kif jirriżultaw mit-Trattati u regoli oħra applikabbli għal dawk il-membri. L-istandards minimi komuni ma għandhomx jaffettwaw is-sistema ta’ kontrokontrolli stabbilita mit-Trattati.
2. L-istandards minimi komuni għandhom ikunu relatati mal-oqsma li ġejjin:
|
(a) |
l-interessi finanzjarji u mhux finanzjarji li għandhom jiġu ddikjarati mill-membri tal-Partijiet; |
|
(b) |
l-attivitajiet esterni tal-membri tal-Partijiet matul il-mandati tagħhom; |
|
(c) |
l-aċċettazzjoni ta’ rigali, ospitalità, vjaġġar offruti minn partijiet terzi lill-membri tal-partijiet matul il-mandat tagħhom; |
|
(d) |
l-aċċettazzjoni ta’ għotjiet, dekorazzjonijiet, premjijiet u unuri mill-membri tal-Partijiet matul il-mandat tagħhom; |
|
(e) |
l-attivitajiet tal-membri tal-Partijiet wara t-tmiem tal-mandat tagħhom; |
|
(f) |
il-kundizzjonalità u l-miżuri ta’ trasparenza komplementari skont it-tifsira u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Interistituzzjonali tal-20 ta’ Mejju 2021 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar reġistru ta’ trasparenza obbligatorju (2), b’mod partikolari fir-rigward tal-laqgħat tal-membri tal-Partijiet b’rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (a), ta’ dak il-Ftehim. |
3. Il-Korp għandu jiżviluppa wkoll standards minimi komuni fir-rigward ta’:
|
(a) |
proċeduri ġenerali stabbiliti mill-Partijiet biex jiżguraw u jimmonitorjaw il-konformità mar-regoli etiċi interni tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwistjonijiet bħal azzjonijiet regolari ta’ sensibilizzazzjoni, il-kompożizzjoni u l-kompiti tal-korpi interni responsabbli għal kwistjonijiet etiċi, mekkaniżmi ta’ rapportar lill-Parti kkonċernata fil-każ ta’ suspett ta’ ksur tar-regoli etiċi — inkluż ir-rapportar dwar allegat fastidju li jinvolvi membri tal-Partijiet kif ukoll azzjoni ta’ segwitu dwar ir-rapport u l-protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw kontra r-ritaljazzjoni -, u proċeduri biex jinbdew jew jiġu adottati miżuri xierqa fil-każ ta’ ksur; |
|
(b) |
rekwiżiti ta’ pubbliċità tal-informazzjoni miġbura fl-oqsma msemmija fil-paragrafu 2. |
4. Il-Korp jista’ jiżviluppa aktar standards minimi komuni f’oqsma oħra minbarra dawk elenkati fil-paragrafi 2 u 3.
5. Il-korp għandu jaqbel dwar l-istandards minimi komuni fi żmien 6 xhur wara l-ħatra kemm tal-membri tiegħu kif ukoll tal-esperti indipendenti, f’konformità mal-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 5(2), rispettivament, u fi żmien 6 xhur wara d-deċiżjoni li jiġu żviluppati aktar standards minimi komuni skont il-paragrafu 4.
6. L-istandards minimi komuni għandhom jiġu formalizzati bil-miktub u, filwaqt li titqies l-awtonomija ta’ kull Parti, għandhom jiġu kkomunikati lill-Partijiet kollha. L-istandards minimi komuni għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-Korp.
Artikolu 9
Aġġornament tal-istandards minimi komuni
1. Il-Korp għandu jivvaluta l-ħtieġa ta’ aġġornament tal-istandards minimi komuni meta membru wieħed tal-Korp jew aktar iqisu li tali rieżami jkun meħtieġ.
2. Rieżami jista’ jitqies meħtieġ b’mod partikolari minħabba żviluppi fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, standards etiċi ġodda jew modifikati minn organizzazzjonijiet internazzjonali, żviluppi tekniċi ġodda jew minħabba l-ħtieġa għal kjarifika tal-istandards minimi komuni bħala riżultat ta’ kwistjonijiet rikorrenti.
3. L-Artikolu 8(5) u (6) għandu japplika għall-aġġornament tal-istandards minimi komuni.
Artikolu 10
Skambju ta’ fehmiet dwar l-awtovalutazzjonijiet tal-Partijiet
1. Kull parti għandha tagħmel awtovalutazzjoni bil-miktub tar-regoli interni tagħha u l-allinjament tagħhom mal-istandards minimi komuni, u ma’ kwalunkwe aġġornament tal-istandards minimi komuni.
2. Kull Parti għandha tikkonkludi l-awtovalutazzjoni fi żmien 4 xhur wara li l-Partijiet jikkomunikaw l-istandards minimi komuni.
3. L-awtovalutazzjoni għandha tiġi ppreżentata fil-laqgħa tal-Korp mir-rappreżentant tal-Parti kkonċernata.
4. L-esperti indipendenti għandhom jistabbilixxu opinjoni bil-miktub dwar kull awtovalutazzjoni, fi żmien xahrejn minn meta jiltaqa’ l-Korp. Meta l-opinjoni tal-esperti indipendenti ma tiġix adottata b’mod unanimu, l-opinjoni għandha tinkludi kwalunkwe perspettiva kuntrarja. Id-deliberazzjonijiet tal-esperti indipendenti għandhom ikunu kunfidenzjali.
5. Fi żmien xahrejn minn meta jirċievi l-opinjoni bil-miktub imsemmija fil-paragrafu 4, il-Korp għandu jkollu skambju ta’ fehmiet, abbażi tal-awtovalutazzjoni u tal-opinjoni bil-miktub.
6. Is-Segretarjat tal-Korp għandu jħejji rapport li jiġbor fil-qosor l-iskambju ta’ fehmiet imsemmi fil-paragrafu 5 u li jkun fih kummenti ta’ konklużjoni. Il-Korp jista’ jemenda r-rapport qabel l-approvazzjoni. Huwa għandu japprova r-rapport fi żmien ix-xahrejn imsemmija fil-paragrafu 5. L-opinjoni bil-miktub tal-esperti indipendenti għandha tifforma parti mir-rapport.
7. Kull Parti għandha tirrieżamina u, fejn tqis li jkun xieraq, taġġorna r-regoli interni tagħha mhux aktar tard minn 4 xhur wara li l-Korp japprova r-rapport.
8. L-awtovalutazzjoni u r-rapport annwali għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-Korp.
Artikolu 11
Skambju ta’ prattiki tajbin
1. Il-Korp għandu jkollu minn tal-anqas laqgħa kull sena ddedikata għal kwistjonijiet ta’ interess komuni fil-qasam tal-etika u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn il-Partijiet.
2. Il-Korp jista’ jistieden rappreżentanti ta’ kwalunkwe organizzazzjoni pubblika nazzjonali, Ewropea jew internazzjonali li x-xogħol tagħha jitqies rilevanti għall-istabbiliment tal-istandards.
Artikolu 12
Laqgħat tal-Korp
1. Il-laqgħat tal-Korp, inklużi l-esperti indipendenti, għandhom jissejħu mill-President.
2. Minbarra l-laqgħat li jiġu organizzati b’applikazzjoni tal-Artikoli 8 sa 11, il-President jista’, fuq inizjattiva tiegħu jew tagħha stess jew fuq talba ta’ kwalunkwe Parti u fi żmien xahar minn meta jirċievi dik it-talba, ilaqqa’ laqgħat addizzjonali biex jiġu diskussi kwistjonijiet ta’ interess komuni.
Artikolu 13
Kunflitti ta’ interess tal-membri tal-Korp
1. Il-membri tal-Korp għandhom jevitaw kwalunkwe sitwazzjoni li tista’ tfixkel l-indipendenza jew l-imparzjalità tagħhom fl-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom fil-Korp.
2. Il-membri tal-Korp għandhom jiddikjaraw minnufih lill-President kwalunkwe sitwazzjoni li tfixkel l-indipendenza jew l-imparzjalità tagħhom meta jwettqu l-kompiti tagħhom fil-Korp. F’sitwazzjoni bħal din, il-Korp għandu jissostitwixxi l-membru kkonċernat mis-sostitut tiegħu sakemm il-membru tal-Korp ma jkunx jista’ jipparteċipa fil-ħidma tal-Korp. Jekk is-sostitut ukoll jintlaqat minn sitwazzjoni bħal din, il-Parti kkonċernata għandha taħtar sostitut temporanju għal kemm iddum is-sitwazzjoni. Meta s-sitwazzjoni tikkonċerna lill-President, huwa għandu jiġi sostitwit temporanjament mill-membru tal-Korp li f’dak iż-żmien jirrappreżenta l-Parti li mbagħad għandu jkollha l-Presidenza skont ir-rotazzjoni prevista fl-Artikolu 4(1).
Artikolu 14
Regoli ta’ Proċedura
Il-korp għandu jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li għandhom ikunu pubbliċi, u jemendahom kif meħtieġ.
Artikolu 15
Rimborż tal-ispejjeż
Kwalunkwe spiża mġarrba minn membri tal-Korp b’rabta mad-dmirijietu fil-Korp għandha tkun koperta mill-Parti li jirrappreżentaw.
Artikolu 16
Segretarjat tal-Korp
1. Il-Korp għandu jkollu segretarjat. Is-Segretarjat għandu jkun struttura operazzjonali konġunta stabbilita għall-ġestjoni tal-funzjonament tal-Korp. Dan għandu jkun magħmul mill-uffiċjal responsabbli f’kull Parti għar-regoli etiċi għall-membri tagħha u l-persunal rispettiv tiegħu jew tagħha.
2. Is-Segretarjat għandu jkun ospitat formalment fil-Kummissjoni u jopera taħt il-koordinazzjoni tal-uffiċjal li, fil-Parti li tippresiedi l-Korp, ikun responsabbli għar-regoli tal-etika għall-membri ta’ dik il-Parti, jew uffiċjal maħtur speċifikament għal dak il-għan mill-Parti li tippresiedi l-Korp (il-“koordinatur”). Il-koordinatur għandu jirrappreżenta lis-Segretarjat u jissorvelja x-xogħol tiegħu ta’ kuljum, fl-interess komuni tal-Partijiet.
3. Is-Segretarjat għandu:
|
(a) |
jirrapporta lill-Korp, iħejji l-laqgħat tiegħu, jipprovdi assistenza operazzjonali fil-kompiti tiegħu u jħejji r-rapport imsemmi fl-Artikolu 10(6); |
|
(b) |
iħejji l-abbozz tar-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 18; |
|
(c) |
jidderieġi l-korrispondenza kollha mal-Korp li tasal u li tintbagħat lill-President tiegħu u lill-Parti kkonċernata mill-korrispondenza; |
|
(d) |
iwettaq kwalunkwe attività oħra meħtieġa għall-implimentazzjoni effettiva ta’ dan il-Ftehim, inkluż billi jassisti lill-esperti indipendenti fil-kompiti tagħhom kif previst f’dan il-Ftehim. |
Artikolu 17
Riżorsi
1. Il-Partijiet għandhom jimpenjaw ruħhom permezz ta’ memorandum ta’ qbil bejn is-Segretarji Ġenerali tagħhom, jew id-detenturi ta’ kariga ekwivalenti, li għandu jiġi miftiehem fi żmien 3 xhur wara l-ħatra tal-membri tal-Korp, biex jagħmlu disponibbli r-riżorsi umani, amministrattivi, tekniċi u finanzjarji meħtieġa, inkluż persunal adegwat għas-Segretarjat, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan il-Ftehim.
2. Il-partijiet għandhom jaqsmu l-kostijiet relatati mas-segretarjat tal-Korp u mal-esperti indipendenti fi proporzjon mad-daqs tal-baġits amministrattivi rispettivi tagħhom. Huma għandhom jipprovdu kumpens finanzjarju lill-Kummissjoni fil-bidu ta’ kull sena finanzjarja. Kwalunkwe kost li jirriżulta minn konsultazzjoni skont l-Artikolu 7 għandu jkun kopert mill-Parti li tikkonsulta. Id-dettalji għall-implimentazzjoni ta’ dan il-paragrafu, inkluż mekkaniżmu biex jitqies l-istatus ta’ osservatur tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ aġġustament’ l isfel tal-kontribuzzjoni tagħha b’50 %, għandhom jiġu stabbiliti fil-memorandum ta’ qbil imsemmi fil-paragrafu 1. Dak il-memorandum ta’ qbil għandu jiġi rivedut kull sena, jew qabel jekk jitqies meħtieġ minn Parti, u emendat fejn xieraq.
3. Kwalunkwe talba mill-Korp li teħtieġ nefqa amministrattiva addizzjonali ta’ natura eċċezzjonali għandha tiġi indirizzata lill-Partijiet li għandhom jirrieżaminaw u japprovaw it-talbiet baġitarji tal-Korp fuq bażi annwali f’konformità mar-regoli interni rispettivi tagħhom.
Artikolu 18
Rapport annwali
1. Il-Korp għandu jadotta rapport annwali dwar l-attivitajiet tiegħu matul is-sena preċedenti, wara diskussjoni fil-laqgħa msemmija fl-Artikolu 11(1).
2. Ir-rapport annwali għandu jiġi ppubblikat fuq is-sit web tal-Korp.
Artikolu 19
Sit web
1. Il-Korp għandu jopera sit web li fih l-informazzjoni rilevanti għall-attivitajiet tiegħu għandha tkun disponibbli għall-pubbliku.
2. Is-sit web għandu, b’mod partikolari, ikun fih dan li ġej:
|
(a) |
il-kompożizzjoni tal-Korp, il-kalendarju tal-laqgħat tiegħu u l-aġendi tal-laqgħat; |
|
(b) |
l-istandards minimi komuni; |
|
(c) |
l-awtovalutazzjonijiet u r-rapporti msemmija fl-Artikolu 10(1) u (6), rispettivament; |
|
(d) |
ir-regoli applikabbli kollha tal-Partijiet kollha fl-oqsma koperti mill-istandards minimi komuni. |
3. Is-sit web għandu jkun fih ukoll l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 relatata mal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni li jkunu involuti volontarjament skont l-Artikolu 20.
Artikolu 20
Involviment volontarju tal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, minbarra l-Partijiet
1. Il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni, minbarra l-Partijiet, jistgħu jinnotifikaw lill-Korp li jkunu jixtiequ volontarjament li japplikaw is-sett kollu ta’ standards minimi komuni żviluppat jew li jkun se jiġi żviluppat mill-Korp għar-regoli applikabbli għall-persuni, minbarra l-membri tal-persunal tagħhom, li għandhom funzjoni simili għal dawk tal-membri tal-Partijiet.
2. Il-Korp għandu jistieden lill-korp, lill-uffiċċju u lill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernati jwettqu awtovalutazzjoni bil-miktub tar-regoli interni tiegħu u l-allinjament tagħhom mal-istandards minimi komuni u jaħtru rappreżentant biex jieħu sehem fi skambju ta’ fehmiet mal-membri tal-Korp. L-Artikolu 10 (3) sa (8) u l-Artikolu 15 għandhom japplikaw kif xieraq.
3. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandu japplika mutatis mutandis meta l-Korp jiżviluppa aktar standards minimi komuni ġodda jew jaġġorna l-istandards minimi komuni.
4. Il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni li jinnotifikaw lill-Korp skont il-paragrafu 1 għandhom jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-Korp. Id-dettalji għandhom jiġu stabbiliti fil-memorandum ta’ qbil imsemmi fl-Artikolu 17(1).
Artikolu 21
Rieżami
Il-partijiet għandhom jirrieżaminaw dan il-Ftehim kull 3 snin jew meta jiġi rrakkomandat mill-Korp, bl-għan li jtejbu u jtejbu l-funzjonament ta’ dan il-Ftehim, u fejn xieraq, il-mandat u l-governanza tal-Korp kif ukoll il-mandat tal-esperti indipendenti.
Artikolu 22
Arranġamenti tranżitorji u oħrajn
1. B’deroga mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 5(2), it-tielet sentenza, fis-sena li fiha jiġi stabbilit il-Korp, l-esperti indipendenti għandhom jinħatru għal mandat sħiħ minn fost il-membri attwali jew preċedenti tal-korpi interni eżistenti responsabbli għall-kwistjonijiet etiċi tal-Partijiet, bl-esklużjoni tal-membri tal-Partijiet fis-servizz. L-esperti indipendenti għandhom jinħatru mhux aktar tard minn tliet xhur wara li jidħol fis-seħħ dan il-Ftehim. Sabiex jitqassam it-tiġdid ta’ esperti indipendenti, l-ewwel mandat ta’ tlieta mill-ħames esperti indipendenti, maħtura bix-xorti, għandu jkun limitat għal sentejn.
2. Il-limiti ta’ żmien imsemmija fil-paragrafu 1, kif ukoll fl-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 10(2) jistgħu jiġu estiżi għal raġunijiet oġġettivament ġustifikati, b’mod partikolari fejn dawk il-limiti ta’ żmien jaqgħu f’perjodu li fih il-Parti tkun għadha kif ġiet ikkostitwita.
Artikolu 23
Dispożizzjonijiet finali
1. Dan il-Ftehim għandu jkun ta’ natura vinkolanti għall-Partijiet.
2. Il-Partijiet jaqblu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 1(2), li jirriflettu l-istandards żviluppati mill-Korp fir-regoli interni tagħhom permezz ta’ deċiżjonijiet meħuda fuq il-bażi tas-setgħat tagħhom ta’ organizzazzjoni interna u li jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.
3. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Mejju 2024.
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Għall-Kummissjoni Ewropea
Għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
Għall-Bank Ċentrali Ewropew
Għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri
Għall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Għall-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
(1) ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1968/259(1)/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2024/1365/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)