|
9.8.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 214/56 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
ta' l-24 Lulju 2008
dwar linji gwida li jgħinu lill-Istati Membri jħejju r-rapport annwali dwar il-pjan waħdieni integrat multi-annwali nazzjonali ta’ kontroll previst fir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 3756)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2008/654/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifika tal-konformità mal-liġi ta' l-għalf u l-ikel, mar-regoli tas-saħħa u l-benesseri ta' l-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 44(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistipula regoli ġenerali għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali mill-Komunità jew l-awtorità kompetenti ta’ l-Istati Membri biex tiġi vverifikata l-konformità mar-regoli dwar il-liġi ta' l-għalf u l-ikel, ir-regoli dwar is-saħħa u l-benesseri ta' l-annimali. |
|
(2) |
Skond l-Artikolu 1(3) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 dak ir-Regolament għandu jkun bla ħsara għal dispożizzjonijiet tal-Komunità dwar kontrolli uffiċjali. |
|
(3) |
L-Artikolu 41 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 jipprevedi li kull Stat Membru għandu jħejji pjan waħdieni integrat multi-annwali nazzjonali ta’ kontroll biex jiżgura l-implimentazzjoni effettiva ta’ l-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistipula l-prinċipji u r-rekwiżiti ġenerali tal-liġi ta' l-ikel, li tistabbilixxi l-Awtorità Ewropea tas-Sigurtà ta' l-Ikel u li tistipula proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà ta' l-ikel (2), ta' regoli ta' saħħa ta' l-annimali u l-benesseri ta' l-annimali u ta' l-Artikolu 45 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 (“il-pjan ta’ kontroll nazzjonali”). |
|
(4) |
L-għan tal-pjanijiet nazzjonali ta' kontroll huwa wkoll li tiġi stabbilita bażi solida għal kontrolli tal-Komunità fl-Istati Membri. |
|
(5) |
L-Artikolu 27a tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għal pjanti jew għal prodotti ta’ pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (3) jipprevedi li l-Artikoli 41 u 46 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 dwar pjanijiet nazzjonali ta' kontroll, rapporti annwali, u kontrolli Komunitarji fl-Istati Membri u pajjiżi terzi għandhom japplikaw, kif xieraq, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta’ dik id-Direttiva. |
|
(6) |
L-Artikolu 43(1)(e) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tfassal linjigwida li jħeġġu l-adozzjoni ta' l-aqwa prassi fil-livelli kollha tas-sistemi ta' kontroll. |
|
(7) |
L-Artikolu 43(1)(j) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tfassal il-linjigwida li jistipulaw l-istruttura tar-rapporti annwali, u l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fihom previsti fl-Artikolu 44 ta' dak ir-Regolament. |
|
(8) |
L-Artikolu 44(1) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-pjan nazzjonali ta' kontroll. Dak ir-rapport irid jiġi ppreżentat kull sena u jibda sena wara li tibda l-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali ta' kontroll. Barra minn hekk, l-Artikolu 44(1) jistipula l-informazzjoni li għandha tingħata fir-rapport annwali. |
|
(9) |
L-Artikolu 44(2) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 jipprevedi li l-informazzjoni li għandha titressaq fir-rapport annwali għandha tqis il-linjigwida, li għandhom jitfasslu mill-Kummissjoni sabiex tippromwovi preżentazzjoni konsistenti ta' rapporti bħal dawn. Il-linjigwida ma jorbtux iżda jservu biex jipprovdu parir utli għall-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta' dak ir-Regolament. |
|
(10) |
L-Artikolu 45 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistipula li l-verifiki finanzjarji Komunitarji fl-Istati Membri għandhom jitwettqu fuq bażi regolari prinċipalment biex jiġi verifikat l-kontrolli uffiċjali jitwettqu skond il-pjanijiet nazzjonali ta' kontroll u skond il-liġi Komunitarja. |
|
(11) |
Il-Kummissjoni għandha żżomm il-linjigwida stipulati f'din id-Deċiżjoni taħt reviżjoni u taġġornahom, kif meħtieġ, wara l-wasla u l-valutazzjoni tar-rapporti annwali ta' l-Istati Membri, filwaqt li jitqiesu l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-rapport annwali li għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 44(4) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 u fid-dawl ta' l-esperjenza ta' l-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta' dak ir-Regolament. |
|
(12) |
Għall-iskopijiet tal-linjigwida stipulati f'din id-Deċiżjoni, ix-xogħol għaddej bħalissa ta' l-Eurostat fil-kuntest tal-Programm ta' l-Istatistika tal-Komunità fl-iżvilupp ta' database ta' “Attivitajiet ta' Kontroll u Monitoraġġ” li tinkludi skemi varji ta' klassifikazzjoni, inklużi termini armonizzati u definizzjonijiet għall-ġestjoni tad-dejta ta' l-għalf u l-ikel għandu jittieħed f'kunsiderazzjoni. |
|
(13) |
Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-linjigwida previsti fl-Artikolu 44(1) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 li għandhom jitqiesu fir-rapporti annwali nazzjonali previsti fl-Artikolu 44(1) ta' dak ir-Regolament (“ir-rapport annwali”) huma stipulati fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmula fi Brussell, 24 ta’ Lulju 2008.
Għall-Kummissjoni
Androulla VASSILIOU
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 301/2008 (ĠU L 97, 9.4.2008, p. 85).
(2) ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 202/2008 (ĠU L 60, 5.3.2008, p. 17).
(3) ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/64/KE (ĠU L 168, 28.6.2008, p. 31).
ANNESS
Linji gwida għar-rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali ta' kontroll ta' l-Istati Membri
1. L-GĦAN TAL-LINJI GWIDA
L-għan ta' dawn il-linigwida huwa li tiġi promossa u assistita l-preżentazzjoni konsistenti mill-Istati Membri tar-rapporti annwali tagħhom dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali tagħhom ta' kontroll u b'mod partikolari r-riżultati tal-kontrolli uffiċjali tagħhom.
2. L-GĦAN TAR-RAPPORT ANNWALI
L-għan tar-rapport annwali ta' l-Istati Membri huwa li:
|
(a) |
jilħaq l-obbligi legali għar-rappurtar stipulat fl-Artikolu 44(1) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, |
|
(b) |
jiddeskrivi fil-qosor il-progress dwar l-implimentazzjoni tal-pjan nazzjonali ta' kontroll u jagħmel valutazzjoni ta' l-effettività ta' l-arranġamenti ta' kontroll u s-sistemi ta' kontroll skond ir-riżultati u l-effetti ta' kontrolli uffiċjali fl-Istat Membru. |
Il-proċess ta' kumpilazzjoni u analiżi tad-dejta ta' kontroll għall-għan tar-rapport annwali jista' jiffaċilita lill-Istati Membri biex jirrevedu l-effettività tagħhom tas-sistemi tagħhom ta' kontroll u jikkontribwixxi għall-iżvilupp u t-titjib issuktat tas-sistemi tagħhom ta' kontroll.
L-informazzjoni mogħtija fir-rapport annwali għandha tiġi utilizzata wkoll mill-Kummissjoni fi:
|
(a) |
l-iżvilupp tal-programmi annwali tagħha ta' kontroll (analiżi tad-dokumenti, verifiki finanzjarji, spezzjonijiet), u |
|
(b) |
it-tħejjija tar-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill skond l-Artikoli 44(4) u (6) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004. |
3. IL-BAŻI LEGALI
L-Artikolu 44 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 jipprevedi:
“1. Sena wara li jibdew l-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali multi-annwali ta' kontroll, u sussegwement kull sena, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport li jindika:
|
(a) |
kwalunkwe emendi li saru għall-pjanijiet nazzjonali multi-annwali ta' kontroll biex iqisu l-fatturi msemmija fl-Artikolu 42(3); |
|
(b) |
ir-riżultati tal-kontrolli uffiċjali u l-verifiki finanzjarji mwettqa s-sena ta' qabel li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tal-pjan multi-annwali ta' kontroll; |
|
(c) |
it-tip u n-numru ta' każijiet identifikati ta' nuqqas ta' konformità; |
|
(d) |
azzjonijiet li jiżguraw l-operat effettiv tal-pjanijiet nazzjonali multi-annwali ta' kontroll, inkluża l-azzjoni ta' infurzar u r-riżultati tagħha. |
2. Sabiex tippromwovi l-preżentazzjoni konsistenti ta' dan ir-rapport u b'mod partikolari r-riżultati tal-kontrolli uffiċjali, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tieħu f'kunsiderazzjoni l-linji gwida li għandhom jitfasslu mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 62(2).
3. L-Istati Membri għandhom jiffinalizzaw ir-rapporti tagħhom u jittrażmettuhom lill-Kummissjoni, fi żmien sitt xhur mill-aħħar tas-sena li għaliha jirrelataw ir-rapporti.”
4. ID-DEFINIZZJONIJIET
Għall-iskop ta' dawn il-linji gwida d-definizzjonijiet stipulati fil-leġislazzjoni rilevanti tal-Komunità u, b'mod partikolari, id-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, l-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/29/KE, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/677/KE tad-29 ta' Novembru 2006 li tistipula l-linji gwida li jfasslu l-kriterji għall-kondotta tal-vrifiki finanzjarji skond ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kontrolli uffiċjali għall-verifika tal-konformità mal-liġi ta' l-għalf u l-ikel, ir-regoli dwar is-saħħa ta' l-annimali u l-benesseri ta' l-annimali (1), u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/363/KE tal-21 ta' Marzu 2007 dwar linj gwida li jgħinu lill-Istati Membri jħejju l-pjan ta’ kontroll waħdieni integrat multiannwali nazzjonali previst fir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill (2) għandhom japplikaw.
Barra dan id-definizzjonijiet li ġejjin japplikaw għall-iskopijiet ta' dawn il-linji gwida:
|
(a) |
“programm annwali ta' kontroll” tfisser il-programm annwali għall-kontrolli tal-Komunità msemmija fl-Artikolu 45(4) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004; |
|
(b) |
“strateġija ta' kontroll” tfisser l-istrateġija meħuda biex tiddetermina n-natura, il-frekwenza, iż-żmien, il-punt/l-istadju tal-katina tal-produzzjoni, il-metodu u t-tekniki tal-kontrolli uffiċjali (irreferi għat-Taqsima 3.7.2 ta' l-Anness għad-Deċiżjoni 2007/363/KE); |
|
(c) |
“pjan nazzjonali ta' kontroll” tfisser il-pjan uniku integrat nazzjonali multi-annwali ta' kontroll kif previst fl-Artikolu 41 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004. |
5. L-AMBITU TAR-RAPPORT ANNWALI
Ir-rapport annwali għandu jkopri l-ambitu tal-pjan nazzjonali tal-kontroll, inkluża s-saħħa tal-pjanti, sa tali punt li l-Artikolu 27a tad-Direttiva 2000/29/KE tipprevedi kwistjonijiet tas-saħħa tal-pjanti li għandhom jiġu inklużi f'dak il-pjan.
6. IL-PERJODU TA' RAPPURTAR U L-PREŻENTAZZJONI TAR-RAPPORTI ANNWALI
Skond l-Artikolu 42(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 l-ħħar data għall-implimentazzjoni tal-pjan nazzjonali ta' kontroll għall-ewwel darba hija l-1 ta' Jannar 2007. Skond l-Artikolu 44(3) ta' dak ir-Regolament l-Istati Membri għandhom jiffinalizzaw ir-rapporti tagħhom u jittrażmettuhom lill-Kummissjoni, fi żmien sitt xhur mill-aħħar tas-sena li għaliha jirrelataw ir-rapporti. Għalhekk l-ewwel rapporti annwali għandhom jiġu trażmessi lill-Kummissjoni mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2008, u għas-snin sussegwenti dawk ir-rapporti għandhom jiġu trażmessi aktar tard mit-30 ta' Ġunju.
7. IR-RELAZZJONI MA' RAPPORTI SPEĊIFIĊI OĦRA
Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 huwa bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Komunità li għandhom x'jaqsmu mal-kontrolli uffiċjali. Għalhekk, ir-rapporti annwali ma jissostitwuwx ir-rapporti annwali jew rapport oħra dwar pjanijiet speċifiċi ta' kontroll jew kontrolli oħra uffiċjali previsti f'leġislazzjoni oħra tal-Komunità. Minkejja dan minħabba li l-prestazzjoni tal-kontrolli uffiċjali li jaqgħu taħt dawk il-pjanijiet speċifiċi ta' kontroll tifforma parti essenzjali ta' l-implimentazzjoni globali tal-pjanijiet nazzjonali ta' kontroll, ir-riżultati ta' dawk il-kontrolli uffiċjali huma rilevanti għall-iskopijiet tar-rapporti annwali.
Waqt ir-rappurtar ta' kontrolli uffiċjali relatati ma' dawk il-pjanijiet speċifiċi ta' kontroll fir-rapporti annwali, mhuwiex meħtieġ li tiġi ripetuta l-informazzjoni li tinsab fir-rapporti speċifiċi dwarhom; annotazzjoni għar-rapport speċifiku l-aktar riċenti li ġie ppreżentat hija biżżejjed. Minkejja dan, ir-riżultat tal-kontrolli uffiċjali mwettqa fl-implimentazzjoni ta' dawk il-pjanijiet speċifiċi ta' kontroll għandu jiġi integrat fl-analiżi tar-riżultati f'termini ġenerali, fil-kuntest tar-reviżjoni tar-riżultat globali tal-kontrolli uffiċjali fis-settur rilevanti.
Id-dati speċifikati għall-preżentazzjoni ta' rapporti speċifiċi bħal dawn fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Komunità mhumiex emendati la permezz ta' l-Artikolu 44 tar-Regolament (KE) Nru 882/2204 u lanqas permezz ta' dawn il-linji gwida.
8. IL-PARIRI ĠENERALI
Ir-Regolamenti (KE) 178/2002 u 882/2004 jipprevedu strateġija bbażata fuq is-sistemi għall-kontrolli uffiċjali. Parti essenzjali ta' strateġija bħal din hija l-kompilazzjoni u l-analiżi tar-riżultati tal-kontrolli uffiċjali u t-tiswir ta' konklużjonijiet dwarhom, bil-ħsieb għal deteminazzjoni ta' azzjonijiet korrettivi xierqa bbażati fuq sistemi u aġġustament jew emendar ta' pjanijiet nazzjonali ta' kontroll fejn meħtieġ. Iur-rapport annwali għandu għalhekk ikun sinteżi ta' dik l-attività kif ukoll jieħu f'kunsiderazzjoni l-konklużjonijiet tal-verifiki finanzjarji mwettqa skond l-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004.
Rendikont statistiku sempliċi tan-numru ta' kontrolli uffiċjali u verifiki finanzjarji ma jissodisfax dak ir-rekwiżit. Għall-iskop ta' kompilazzjoni tar-rapport annwali l-Istati Membri għandhom jipprovdu sinteżi tar-riżultati nazzjonali ġenerali jew kollettivi li fuqu hija bbażata l-analiżi tar-riżultati tal-kontrolli uffiċjali, ippreżentata fuq il-bażi ta' setturi u stadji fil-katina tal-produzzjoni. L-għażla tas-setturi u l-istadji ta' produzzjoni li għandhom jiġu rrappurtati hija kwistjoni li jiddeċiedi dwarha l-Istat Membri individwali. L-ambitu ta' kull settur u ta' kull stadju ta' produzzjoni għandu jiġi ddefinit b'mod ċar u jkun konsistenti ma' l-istruttura tad-deskrizzjoni tas-sistemi ta' kontroll fil-pjan nazzjonali ta' kontroll. Sabiex ir-riżultati u l-analiżi jitqiegħdu f'kuntest, l-istrateġiji uffiċjali rilevanti ta' kontroll (inkluż it-teħid ta' kampjuni), il-programmi ta' verifika u l-indikaturi ta' prestazzjoni, stipulati fil-pjan nazzjonali ta' kontroll għandhom jissemmew permezz ta' annotazzjonijiet, u fejn informazzjoni bħal din mhijiex inkluża fil-pjan nazzjonali ta' kontroll, għandha tingħata deskrizzjoni fil-qosor ta' dawk l-istrateġiji fir-rapport annwali.
Il-kwistjonijiet li għandhom jiġu koperti fis-sinteżi u l-analiżi tar-riżultati tal-kontrolli uffiċjali huma deskritti fil-qosor fit-Taqsima 9 ta' dawn il-linji gwida. L-analiżi ta' dawk ir-riżultati għandhom jidentifikaw xejriet u jikkummentaw dwar is-sinifikat u l-konsegwenzi futuri possibbli għall-kontrolli uffiċjali. L-identifikazzjoni tax-xejriet tista' tirrikjedi r-reviżjoni ta' dejta dwar riżultati ta' kontrolli uffiċjali li jkopru numru ta' snin u għall-iskop ta' analiżi bħal din għandha ssir referenza għad-dejta rrelatata ma' kontrolli uffiċjali preċedenti fejn xieraq. Filwaqt li jqisu l-Artikolu 43 (1)(e) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 dawn il-linjigwida jagħtu parir dwar il-mod kif għandha titwettaq dik l-analiżi.
Għall-iskop ta' kompilazzjoni tad-dejta mhux ipproċessata ta' kontroll, fejn il-leġiżlazzjoni tal-Komunità tippreskrivi d-dejta li trid tinġabar għall-iskop ta' rapporti speċifiċi, fir-rigward tal-liġi ta' l-għalf u l-ikel, is-saħħa ta' l-annimali, il-benesseri ta' l-annimali jew is-saħħa tal-pjanti, dawn id-dejta għandhom jifformaw il-bażi ta' l-analiżi tar-riżultati tal-kontrolli uffiċjali għas-settur imsemmi. Fejn dispożizzjonijiet bħal dawn ma jeżistux l-Istati Membri huma ħielsa li jiddeċiedu l-mezz xieraq għall-ġbir u l-kompilazzjoni tad-dejta li jkunu xierqa għas-sistemi nazzjonali tagħhom u jistgħu jiddeċiedu jkomplu b'arranġamenti preċedenti għall-kompilazzjoni tad-dejta dwar kontrolli uffiċjali fir-rigward ta' dawk l-attivitajiet.
Għall-iskopijiet ta' klassifikazzjoni ta' nuqqasijiet ta' konformità, fejn il-leġislazzjoni tal-Komunità tipprevedi għall-klassifikazzjoni bħal din, din il-klassifikazzjoni għandha tissegwa għall-iskopijiet tar-rapporti annwali. Jekk ma teżisti l-ebda dispożizzjoni speċifika l-Istati Membri huma ħielsa li jiddeċiedu sistema ta' klassifikazzjoni xierqa għar-rekwiżiti tagħhom u għandhom jiddeskrivu fil-qosor is-sistema użata fir-rapporti annwali tagħhom.
L-Istati Membri li jixtieq jiżviluppaw is-sistemi tagħhom għall-klassifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tad-dejta ta' kontroll jistgħu jieħdu f'kunsiderazzjoni l-ħidma għaddejja ta' l-Eurostat dwar “L-istatistiċi tas-sikurezza ta' l-ikel” u b'mod partikolari, id-database ta' “L-Attivitajiet ta' Kontroll u Monitoraġġ” (3). Sabiex jiżguraw koerenza u jevitaw id-duplikazzjoni tax-xogħol, l-Istati Membri mħeġġa jikkooperaw mill-qrib ma' l-Eurostat fl-iżvilupp ta' dawk l-iskemi ta' klassifikazzjoni. Ir-riżultati ta' kooperazzjoni bħal din tista' tiġi riflessa fl-emendi futuri ta' dawn il-linji gwida, kif xieraq.
Id-dejta ta' l-isfond li tappoġġja r-riżultati u l-analiżi ta' kontrolli uffiċjali forniti fir-rapport annwali tista' tintalab mill-kummissjoni għall-iskopijiet tal-kontrolli tal-Komunità previsti fl-Artikolu 45 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 u għalhekk għandha tiżamm u tingħata lill-Kummissjoni meta tintalab.
9. IL-PARIR DWAR IL-KONTENUT U L-FORMAT TAR-RAPPORT ANNWALI
Ir-rapport annwali għandu jkopri l-oqsma li ġejjin:
|
(a) |
Il-kontrolli uffiċjali mwettqa mill-Istat Membru kif previst fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 u l-pjanijiet nazzjonali ta' kontroll - it-Taqsima 9.1; |
|
(b) |
Il-konformità ġenerali mal-liġi ta' l-għalf u l-ikel, ir-regoli tas-saħħa ta' l-annimali u l-benesseri ta' l-annimali - it-Taqsima 9.2; |
|
(c) |
Verifiki finanzjarji mwettqa kif previst fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 inkluż, fejn xieraq, ir-riżultati tal-verifiki finanzjarji jew spezzjonijiet ta' korpi ta' kontroll kif previst fl-Artikolu 5(3) ta' dak ir-Regolament - it-Taqsima 9.3; |
|
(d) |
Azzjonijiet li jiżguraw l-effettività fit-tħaddim tal-pjanijiet nazzjonali ta' kontroll - it-Taqsima 9.4; |
|
(e) |
Dikjarazzjoni fuq il-prestazzjoni ġenerali tas-sistema ta' kontroll fit-tħaddim tal-pjanijiet nazzjonali ta' kontroll - it-Taqsima 9.5; |
|
(f) |
Emendi għall-pjanijiet nazzjonali ta' kontroll - it-Taqsima 9.6. |
Ir-rapport annwali għandu jkun fih ir-riżultati ġenerali tal-prestazzjoni tal-kontolli uffiċjali fl-oqsma rilevanti, analiżi ta' dawk ir-riżultati u konklużjonijiet fil-livell nazzjonali, li jistgħu jiġu ppreżentati fuq il-bażi ta' setturi u stadji ta' produzzjoni u/jew fuq il-bażi ta' l-istruttura stabbilita fil-pjan nazzjonali ta' kontroll ta' l-Istat Membru, kif xieraq. Sommarju tad-dejta li jsostni dik l-analiżi u dawk il-konklużjonijiet tista' tingħata bħala Anness separat, jekk meħtieġ, u l-livell tad-dettall ta' dejta bħal din jitħalla f'idejn l-Istat Membru biex jiddeċiedih filwaqt li jitqies li d-dejta ta' l-isfond għandha tinżamm kif indikat fil-paragrafu tat-Taqsima 8 L-azzjonijiet korrettivi jew l-emendi għall-pjan nazzjonali ta' kontroll li jitfaċċaw minn dawk il-konklużjonijiet għandhom jiġu inklużi kif xieraq.
9.1. Il-Kontrolli Uffiċjali
Ir-rapport annwali għandu jindika sa liema punt intlaħqu l-miri operattivi annwali (meta l-Istati Membri stabbilew miri operattivi bħal dawn), u l-għanijiet strateġiċi stipulati fil-pjan nazzjonali ta' kontroll. Deskrizzjoni qasira ta' indikaturi rilevanti tal-prestazzjoni u/jew ta' miri operattivi applikati għandha tiġi inkluża hawnhekk, sakemm ma tkunx ingħatat fil-pjan nazzjonali ta' kontroll, li f'dak il-każ għandhom jiġu indikati permezz ta' annotazzjonijiet. Din għandha tiġi ppreżentata fuq bażi settorjali skond il-pjan nazzjonali ta' kontroll.
Ir-rapport annwali għandu jinkludi kemm il-kontrolli ppjanati kif u dawk għaddejjin kif ukoll, fejn japplika, attivitajiet speċifiċi ta' kontroll iffukati fuq kwistjoni partikolari. Għall-kontrolli uffiċjali ppjanati għandu jiġi indirizzat sa liema punt inkisbet il-frekwenza jew l-intensità u n-natura tal-kontrolli uffiċjali stipulati fil-pjan nazzjonali ta' kontroll. F'każ li l-miri operattivi għall-kontrolli uffiċjali ppjanati ma nkisbux, għandha tingħata analiżi tal-fatturi mitiganti u/jew kontibutorji. Kontrolli uffiċjali mhux ippjanati (4) għandhom jiġu rrappurtati wkoll - partikolarment meta bidlu d-direzzjoni ta' riżorsi minn kontrolli uffiċjali ppjanati - u għandha tingħata spegazzjoni fil-qosor tar-raġuni tal-kontrolli uffiċjali mhux ippjanati.
F'dak li għandu x'jaqsam ma' kontrolli uffiċjali għas-saħħa ta' l-annimali u s-saħħa tal-pjanti, din it-taqsima tar-rapport annwali għandha tinkludi r-riżultati tal-kontrolli uffiċjali mwettqa għall-iskop ta' monitoraġġ tal-mard, is-sorveljanza, l-eradikazzjoni jew il-kontroll, inklużi kontrolli uffiċjali biex jivverifikaw jew jiddeterminaw l-istatus tas-saħħa fir-rigward ta' marda partikolari.
9.2. Il-konformità ġenerali mill-operaturi u l-prodotti
Ir-rapport annwali għandu jagħti deskrizzjoni dwar il-mod kif il-konformità ġenerali mal-liġi ta' l-għalf u l-ikel, ir-regoli tas-saħħa ta' l-annimali u l-benesseri ta' l-annimali u l-liġi tas-saħħa tal-pjanti (mill-operaturi tan-negozju ta' l-ikel u ta' l-għalf u produtturi u operaturi kummerċjali rilevanti oħra jew tal-prodotti) tkejlet matul il-perjodu ta' rappurtar kif ukoll sinteżi tar-riżultati. Dikjarazzjoni jew konklużjoni dwar il-livell ġenerali ta' konformità għandha tagħti sinteżi tar-riżultati fuq il-bażi ta' setturi, stadji ta' produzzjoni u awtoritajiet kompetenti. Dik id-dikjarazzjoni jew il-konklużjoni għandha tkun ibbażata fuq l-informazzjoni mogħtija fit-Taqsimiet 9.2.1-9.2.2 u sostnuta minnha.
9.2.1. Il-frekwenza u t-tip ta' nuqqas ta' konformità
Ir-rapport annwali għandu jiddeskrivi l-okkorrenzi osservati ta' nuqqas ta' konformità. Ir-rapport annwali għandu, fejn xieraq:
|
(a) |
jiddeskrivi jew jiddefinixxi l-klassifikazzjoni użata; |
|
(b) |
jikklassifika n-nuqqas ta' konformità żvelata skond it-tip; |
|
(c) |
jiddeskrivi t-tip u n-numru ta' okkorrenzi identifikati ta' nuqqas ta' konformità. |
Ir-rapport annwali għandu jagħmel kumpilazzjoni ta' l-okkorrenzi ta' nuqqas ta' konformità fuq bażi nazzjonali u settorjali u dawn id-dejta kkumpilati għandhom isostnu l-analiżi deskritta fil-qosor fit-Taqsima 9.2.2.
9.2.2. L-analiżi tan-nuqqas ta’ konformità
L-analiżi tan-nuqqas ta' konformità hija parti integrali tad-determinazzjoni tal-miżuri korrettivi xierqa li għandhom jittieħdu biex jiżguraw it-tħaddim effettiv tas-sistemi ta' kontroll. Din it-Taqsima tinkludi eżempji ta' fatturi li jistgħu jitqiesu fil-prestazzjoni ta' analiżi bħal din u li jistgħu jikkontribwixxu għad-determinazzjoni ta' l-azzjonijiet sussegwenti li jridu jittieħdu biex jiżguraw l-effettività tal-pjanijiet nazzjonali ta' kontroll, (ara t-Taqsima 9.4).
Dik l-analiżi ta' nuqqas ta' konformità, skond l-aqwa prassi, tista' tqis għal kull settur, ir-riskju li jitfaċċa u fejn rilevanti s-sorsi tan-nuqqas ta' konformità. Il-konklużjonijiet jistgħu jingħataw fuq il-bażi ta' l-analiżi li ġejja, u jistgħu jivvalutaw il-konsegwenzi sinifikanti potenzjali ta' l-okkorrenzi tan-nuqqas ta' konformità f'termini ta' riskji għall-bnedmin, l-annimali jew il-pjanti, u fejn rilevanti s-sorsi ta' dawn l-okkorrenzi tan-nuqqas ta' konformità. Sabiex titwettaq din it-tip ta' analiżi jista' jkun meħtieġ li titqies id-dejta miġbura matul perjodu ta' snin, u jekk xieraq, tista' ssir referenza għall-kontrolli uffiċjali preċedenti.
9.2.2.1. L-okkorrenza tan-nuqqas ta’ konformità
L-iskop ta' din it-taqsima huwa li jingħata parir dwar kif tista' titwettaq analiżi tal-frekwenza u t-tip ta' l-okkorrenzi ta' nuqqas ta' konformità. L-analiżi tista' tinqasam f'setturi u/jew f'awtoritajiet kompetenti, kif xieraq. L-analiżi tista', meta xieraq, tagħti tweġibiet għal mistoqsijiet bħalma huma:
|
(a) |
X'kienet il-frekwenza ta' l-okkorrenzi ta' nuqqas ta' konformità fis-setturi varji? Din hija partikolarment rilevanti fil-każijiet fejn devjazzjonijiet sinifikanti mill-konformità ġenerali jkunu evidenti f'uħud mis-setturi jew f'kontrolli uffiċjali mwettqa minn ċerti awtoritajiet kompetenti. |
|
(b) |
L-okkorrenzi tan-nuqqas ta' konformità kienu mqassmin sporadikament fiż-żmien u l-ispazju jew kien hemm xi raggruppament f'punti partikolari jew fi stadji partikolari u kien hemm indikaturi ta' xejriet emerġenti? |
|
(c) |
It-tip ta' nuqqas ta' konformità, jiġifieri jekk kinux irrelatati ma' rekwiżiti strutturali, operattivi jew irrelatati mal-prodott finali. Tipi oħra jistgħu jinkludu okkorrenzi ta' nuqqas ta' konformità relatati ma' awtokontrolli, aspetti amministrattivi jew dokumentazzjoni (per eżempju traċċabilità). Okkorrenzi ta' nuqqas ta' konformità jistgħu jiġu kkategorizzati wkoll bħala maġġuri/minuri, sistematiċi/sporadiċi, eċċ. |
|
(d) |
L-okkorrenzi ta' nuqqas ta' konformita kienu mferrxin madwar il-katina sħiħa ta' l-għalf u l-ikel jew kienu kkonċentrati partikolarment fuq il-produzzjoni primarja jew aktar ‘il quddiem fil-katina? |
|
(e) |
Kien hemm possibilment raggruppamenti multipli ta' okkorrenzi ta' nuqqas ta' konformita tul ċerti ktajjen? |
|
(f) |
Ix-xejra ta' okkorrenzi ta' nuqqas ta' konformità tindika li hemm stadji kritiċi ta' kontroll fil-katina/ktajjen ta' produzzjoni? |
|
(g) |
Jeżistu xi xejriet li jindikaw li ċerti (tipi ta') operaturi tan-negozju ta' l-ikel u l-għalf u produtturi u operaturi tan-negozju u ktajjen tal-produzzjoni oħra rilevanti kienu aktar konformi minn oħrajn? |
9.2.2.2. In-natura tar-riskju kkawżat min-nuqaas ta' konformità
Din it-Taqsima għandha l-iskop li tagħti parir dwar l-analiżi mitluba biex tagħti informazzjoni dwar il-konsegwenzi potenzjali ta' l-okkorrenzi ta' nuqqas ta' konformita. L-analiżi tista' tinkludi dan li ġej:
|
(a) |
l-identifikazzjoni ta' l-okkorrenzi ta' nuqqas ta' konformità li għandhom potenzjalment impatt sinifikanti fuq il-bnedmin, l-annimali jew il-pjanti; |
|
(b) |
id-deskrizzjoni tal-konsegwenzi potenzjali serji jew “riskju” ta' dawk l-okkorrenzi ta' nuqqas ta' konformità; |
|
(c) |
id-deskrizzjoni li għandha x'taqsam ma' jekk ir-riskju huwiex irrelatat ma' periklu speċifiku biss jew ma' żieda ġenerali fir-riskju li ġejja mill-inċidenza ta' perikli multipli jew gruppi multipli ta' periklu. |
9.2.2.3. Is-sors(i) tan-nuqqas ta' konformità
Fejn rilevanti, u partikolarment, fejn jiġu żvelati xejriet ta' okkorrenzi sinifikanti ta' nuqqas ta' konformita jew ksur ripetut, tista' titwettaq analiżi tal-kawżi fundamentali. Analiżi bħal din tista' tikkontribwixxi għall-iżvilupp u t-titjib kontinwu tas-sistemi ta' kontroll fl-Istat Membru. Matul it-twettiq ta' dik l-analiżi, tista' tingħata konsiderazzjoni għall-fatturi li ġejjin:
|
(a) |
in-nuqqas ta' għarfien mill-operaturi tan-negozju ta' l-ikel u l-għalf u minn produtturi u operaturi tan-negozju oħra rilevanti u r-raġunijiet għalih; |
|
(b) |
in-nuqqas ta' kompetenza mill-operaturi tan-negozju ta' l-ikel u l-għalf u minn produtturi u operaturi tan-negozju oħra rilevanti u r-raġunijiet għalih; |
|
(c) |
l-ispiża tal-konformità; |
|
(d) |
l-għodod u/jew ir-riżorsi insufffiċenti għall-infurzar tar-rekwiżiti; |
|
(e) |
in-nuqqas ta' sanzjonijiet effettivi u/jew proporzjonati u/jew diswassivi. |
9.3. Il-verifiki finanzjarji
9.3.1. Il-verifiki finanzjarji mwettqa kif previst fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004
Dan il-parir jirreferi esklussivament għall-verifiki finanzjarji previsti fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004. Ir-riżultati ta' verifiki finanzjarji bħal dawn għandhom jiġu ppreżentati fuq bażi nazzjonali, skond is-settur jekk xieraq, skond l-arranġamenti għal verifiki finanzjarji bħal dawn fil-pjan nazzjonali ta' kontroll.
Filwaqt li jieħu f'konsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2006/677/KE r-rapport annwali għandu jagħmel sommarju ta' dan li ġej:
|
(a) |
sa liema livell inkiseb il-programm ta' verifika finanzjarja, żviluppat mill-awtorità kompetenti, għall-perjodu tar-rappurtar; |
|
(b) |
sa liema livell inkisbet il-konformità ġenerali ma' l-arranġamenti ppjanati għall-kontrolli uffiċjali mill-awtoritajiet kompetenti; |
|
(c) |
il-konklużjonijiet f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-effettività ġenerali tal-kontrolli uffiċjali applikati mill-awtoritajiet kompetenti; |
|
(d) |
il-konklużjonijiet f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-adegwatezza ġenerali tas-sistemi tal-kontrolli mħaddma mill-awtoritajiet kompetenti; |
Jekk id-deskrizzjoni ta' l-arranġmenti tal-verifika finanzjarja stipulata fil-pjan nazzjonali ta' kontroll, ma tindikax il-metodi jew l-indikaturi ta' prestazzjoni użati għall-kejl tal-konformità, l-effettività u l-adegwatezza tal-kontrolli uffiċjali għandha tiġi inkluża deskrizzjoni qasira fir-rapport annwali.
9.3.2. Il-verifiki finanzjarji u l-ispezzjonijiet tal-korpi ta' kontroll - l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004
Jiġi deskritt sa liema livell inkiseb il-programm għall-verifiki finanzjarji jew l-ispezzjonijiet tal-korpi ta' kontroll, u jingħata sommarju tal-konklużjonijiet ta' dawn il-verifiki finanzjarji jew l-ispezzjonijiet.
9.4. L-azzjonijiet għall-iżgurar ta' l-effettività
Dan għandu jkun rendikont ta' l-azzjonijiet meħuda biex jiġi żgurat it-tħaddim effettiv tal-pjan nazzjonali ta' kontroll. Ir-rapport annwali għandu jindirizza azzjonijiet meħuda fl-oqsma li ġejjin. Din l-informazzjoni tista' tiġi ppreżentata fuq il-bażi ta' setturi jew stadji ta' produzzjoni.
|
(a) |
L-azzjonijiet magħmula sabiex jiżguraw konformità mill-operaturi tan-negozju ta' l-ikel u l-għalf u minn produtturi u operaturi tan-negozju oħra rilevanti kif previst fl-Artikolu 31(2)(e), l-Artikolu 54(2) u l-Artikolu 55 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004. |
|
(b) |
L-azzjonijiet magħmula sabiex jiżguraw l-operat effettiv tas-servizzi ta' kontroll uffiċjali kif previst fl-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, inklużi l-azzjonijiet li saru b'reazzjoni għall-verifiki finanzjarji skond l-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, u verifiki finanzjarji jew spezzjonijiet imwettqa skond l-Artikolu 5(3) ta' dak ir-Regolament, fejn xieraq. Fil-każ ta' azzjonijiet li saru b'reazzjoni għall-konklużjonijiet tal-verifika finanzjarja din tista' tinkludi azzjonijiet korrettivi u preventivi, jew azzjonijiet ta' titjib ibbażati fuq l-identifikazzjoni ta' l-aqwa prassi. |
9.4.1. L-azzjonijiet għall-iżgurar ta' konformità mill-operaturi tan-negozju ta' l-ikelu u l-għalf u minn produtturi u operaturi tan-negozju oħra rilevanti
Ir-rapport annwali għandu jinkludi sinteżi ta' l-azzjonijiet meħuda. Dawn jistgħu jinkludu:
|
(a) |
restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq, l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew l-użu ta' għalf, ikel jew annimali; |
|
(b) |
irtirar jew sospensjoni ta' approvazzjoni jew reġistrazzjoni għall-operat ta' negozju ta' l-għalf jew ta' l-ikel; |
|
(c) |
multi amministrattivi u sanzjonijiet amministrattivi oħra; |
|
(d) |
prosekuzzjoni ta' operaturi tan-negozju ta' l-ikel u l-għalf u minn produtturi u operaturi tan-negozju oħra rilevanti minħabba nuqqas ta' konformità (sanzjonijiet tal-kriminal). |
9.4.2. L-azzjonijiet meħuda għall-iżgurar ta' l-operat effettiv ta' servizzi ta' kontroll uffiċjali
Azzjonijiet sostanzjali meħuda sabiex jiżguraw l-operat effettiv ta' servizzi ta' kontroll uffiċjali jistgħu jirrikjedu emendar tal-pjan nazzjonali ta' kontroll u f'każ bħal dan għandhom jiġu inklużi fit-Taqsima 9.6. Minkejja dan, uħud mill-azzjonijiet sinifikanti jistgħu ma jirrikjedux emendi tal-pjan nazzjonali ta' kontroll u f'każijiet bħal dawn għandhom jiġu inklużi f'dan il-punt fir-rapport annwali, sabiex jindikaw azzjonijiet pożittivi li ttieħdu mill-Istat Membru. Din l-informazzjoni tista' tiġi ppreżentata fuq il-bażi ta' setturi jew stadji ta' produzzjoni u għandha tkopri azzjonijiet mhux inklużi bħala emendi għall-pjanijiet nazzjonali ta' kontroll, bħalma huma:
|
(a) |
proċeduri ġodda, aġġornati jew riveduti ta' kontroll; |
|
(b) |
inizjattivi ta' taħriġ; |
|
(c) |
forniment ta' riżorsi addizzjonali, |
|
(d) |
allokazzjoni mill-ġdid tar-riżorsi attwali wara reviżjoni tal-prijoritajiet; |
|
(e) |
inizjattivi speċjali ta' kontroll; |
|
(f) |
bidliet għall-organizzazzjoni jew il-ġestjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti; |
|
(g) |
provvista ta' pariri jew informazzjoni lill-operaturi tan-negozju ta' l-għalf u l-ikel; |
|
(h) |
leġislazzjoni ġdida; |
|
(i) |
sospensjoni jew irtirar ta' delegazzjoni fil-każ ta' korpi ta' kontroll. |
9.5. Id-dikjarazzjoni tal-prestazzjoni ġenerali
Tivvaluta fit-totalità:
|
(a) |
il-progress li jsir lejn il-kisba ta' għanijiet strateġiċi kif deskritt fil-pjan nazzjonali ta' kontroll; |
|
(b) |
l-effettività tal-kontrolli uffiċjali mwettqa li jaqgħu taħt il-pjan nazzjonali ta' kontroll u l-adegwatezza tagħhom biex jiksbu l-għanijiet ta' l-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, ir-Regolament (KE) Nru 882/2004, is-saħħa ta' l-annimali, il-benesseri ta' l-annimali u, kif applikabbli, ir-regoli tas-saħħa tal-pjanti. |
Dik l-awtovalutazzjoni għandha tindirizza wkoll kwistjonijiet bħalma huma l-effettività ġenerali, il-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u fi ħdanhom, l-adozzjoni ta' strateġija li “tibda mill-għalqa u tispiċċa fil-platt” u l-mira bbażata fuq ir-riskji ta' kontrolli uffiċjali. Id-dikjarazzjoni dwar il-prestazzjoni ġenerali għandha tkun ibbażata fuq analiżi u sinteżi ta' riżultati tat-Taqsimiet preċedenti u għandha tagħti deskrizzjonijiet ta':
|
(a) |
l-indikaturi tal-prestazzjoni applikati għall-dawk l-għanijiet, fejn xieraq u |
|
(b) |
ir-riżultati għal kull għan, fejn xieraq. |
9.6. L-emendi għall-pjan nazzjonali ta' kontroll
Ir-rapport annwali għandu jiddeskrivi fil-qosor l-emendi li jsiru għall-pjan nazzjonali ta' kontroll matul is-sena li jirrelata għaliha r-rapport. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-ħtieġa li jiġi żgurat li l-emendi li saru b'reazzjoni għall-fatturi msemmija fl-Artikolu 42(3), l-Artikolu 44(5) u l-Artikolu 45(5)(a) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 jiġu indirizzati u spjegati. B'mod partikolari għandhom jiġu deskritti l-bidliet rilevanti għas-sistemi uffiċjali ta' kontroll kif deskritt fil-pjan nazzjonali ta' kontroll u bidliet rilevanti għall-kategorizzazzjoni tar-riskju ta' attivitajiet (ara t-Taqsima 3.4 ta' l-Anness għad-Deċiżjoni 2007/363/KE).
Ir-rapport annwali għandu jiddeskrivi n-natura u r-raġunijiet għal emendi bħal dawn. Per eżempju, u fejn huwa applikabbli:
|
(a) |
leġislazzjoni ġdida; |
|
(b) |
meta jitfaċċa mard ġdid jew riskji oħra għas-saħħa; |
|
(c) |
bdiliet sinifikanti fl-istruttura, il-ġestjoni jew l-operat ta' l-awtoritajiet kompetenti; |
|
(d) |
bidliet sinifikanti għas-settur tal-produzzjoni ta' l-agroalimentazzjoni |
|
(e) |
ir-riżultati tal-kontrolli uffiċjali ta' l-Istati Membri; |
|
(f) |
kwalunkwe emenda tal-linji gwida msemmija fl-Artikolu 43 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 |
|
(g) |
sejbiet xjentifiċi; |
|
(h) |
ir-riżultat ta' verifiki finanzjarji mwettqa skond l-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004; |
|
(i) |
ir-riżultat ta' kontrolli tal-Komunità mwettqa skond l-Artikolu 45 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 (5); |
|
(j) |
ir-riżultat ta' verifiki finanzjarji mwettqa minn pajjiż terz fi Stat Membru; |
|
(k) |
ir-riżultat ta' l-analiżi tas-sors. |
L-emendi għandhom ikunu konsistenti ma' l-analiżi u l-konklużjonijiet previsti fit-taqsimiet 9.3-9.5 ta' dawn il-linji gwida u jinkludu annotazzjonijiet għat-taqsima/taqsimiet rilevanti, kif xieraq.
(1) ĠU L 278, 10.10.2006, p. 15.
(2) ĠU L 138, 30.5.2007, p. 24.
(3) Din il-ħidma, issuktata fi ħdan il-kuntest tal-Programm ta' l-Istatistika tal-Komunità u l-programmi annwali ta' ħidma tiegħu, tinkludi skemi varji ta' klassifikazzjoni bħal klassifikazzjoni ta' attivitajiet ta' kontroll u monitoraġġ, id-dizzjunarji tad-dejta ta' prodotti u attivitajiet ta' l-istabbilimenti, glossarju komuni, id-definizzjoni ta' strateġiji ta' teħid ta' kampjuni u indikaturi ta' kontroll u attivitajiet ta' monitoraġġ.
(4) Kontrolli uffiċjali li jinvolvu tluq sinifikanti temporanju mill-pjan nazzjonali ta' kontroll minħabba ċirkustanzi mhux prevedibbli.
(5) Il-kontrolli tal-Komunità fl-Istati Membri jistgħi jidentifikaw kwistjonijiet li l-azzjonijiet korrettivi jew preventivi li saru għalihom bħala reazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni jirrikjedu l-emendar tal-pjan nazzjonali ta' kontroll. Emendi bħal dawn għandhom jiġu inklużi fir-rapport annwali, minkejja li jistgħu jiġu koperti wkoll mir-reazzjoni ta' l-Istati Membri għar-rakkomandazzjonijiet.