SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
9 ta’ Novembru 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni fil-qasam tal-ażil u tal-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2011/95/UE – Artikolu 15 – Kundizzjonijiet għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja – Teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi li jaqgħu taħt l-istatus individwali u tas-sitwazzjoni personali tal-applikant kif ukoll tas-sitwazzjoni ġenerali fil-pajjiż ta’ oriġini – Sitwazzjoni umanitarja”
Fil-Kawża C‑125/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats ‘s-Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti fi Bois‑le‑Duc, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Frar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Frar 2022, fil-proċedura
X,
Y,
is-sitt itfal minuri tagħhom
vs
Staatsecretaris van Justitie en Veiligheid,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu-Matei, J.-C. Bonichot, S. Rodin u L. S. Rossi (Relatriċi), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,
Reġistratur: A. Lamote, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Marzu 2023,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Y, X u s-6 itfal minuri tagħhom, minn S. Rafi, P. J. Schüller u J. W. J. van den Broek, avukati, |
|
– |
għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman, H. S. Gijzen, kif ukoll minn A. Hanje u J. M. Hoogveld, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u M. Van Regemorter, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u A. Hoesch, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard, A.-L. Desjonquères u J. Illouz, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Azéma u F. Wilman, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Ġunju 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, X, Y u s-6 itfal minuri tagħhom, ċittadini Libjani, u, min-naħa l-oħra, l-iStaatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u s-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem, is-“Segretarju tal-Istat”), rigward iċ-ċħid minn dan tal-aħħar tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali tagħhom. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Il-premessi 12, 16 u 34 tad-Direttiva 2011/95 jipprovdu:
[…]
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi: “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
[…]” |
|
5 |
L-Artikolu 4 tad-direttiva msemmija, intitolat “Eżami ta’ fatti u ċirkostanzi”, li jinsab fil-Kapitolu II tagħha, dwar l-“Eżami ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali”, jipprovdi: “1. L-Istati Membri jistgħu jqisuh bħala d-dmir tal-applikant li jissottometti kemm jista’ jkun malajr l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi sostanzjata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. F’kooperazzjoni mal-applikant huwa d-dmir tal-Istat Membru li jeżamina l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni. […] 3. L-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali u tinkludi kunsiderazzjoni ta’:
[…] 4. Il-fatt li applikant diġà kien suġġett għal persekuzzjoni jew periklu serju jew għal theddid dirett għal din il-persekuzzjoni jew dan il-periklu, huwa indikazzjoni serja tal-biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni jew ir-riskju veru li jsofri dannu serju, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet tajbin li jista’ jitqies li din il-persekuzzjoni jew dan id-dannu serju ma jiġix ripetut. 5. Fejn Stati Membri japplikaw il-prinċipju skont liema huwa d-dmir tal-applikant li jissostanzja l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u fejn aspetti tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant mhumiex appoġġjati minn xhieda dokumentarja jew xhieda oħra, dawk l-aspetti m’għandhomx jeħtieġu konferma, meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
|
6 |
L-Artikolu 8(2) tal-istess direttiva, intitolat “Protezzjoni interna”, huwa fformulat kif ġej: Fl-eżami ta’ jekk applikant għandux biża’ ġustifikata li jkun ippersegwitat jew huwiex fir-riskju reali li jsofri dannu serju, jew għandux aċċess għal protezzjoni minn persekuzzjoni jew dannu serju f’parti mill-pajjiż ta’ oriġini bi qbil mal-Paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom fil-mument tat-teħid tad-deċiżjoni fuq l-applikazzjoni jqisu ċ-ċirkostanzi ġenerali fis-seħħ f’dik il-parti tal-pajjiż u ċ-ċirkostanzi personali tal-applikant bi qbil mal-Artikolu 4. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li informazzjoni preċiża u aġġoranta tinkiseb minn sorsi rilevanti, bħal eżempju l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ għall-Ażil.” |
|
7 |
Skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Dannu serju”, li jinsab fil-Kapitolu V tagħha, dwar il-“[k]walifika biex persuna tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja”: “Dannu serju jikkonsisti minn:
|
|
8 |
L-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva, intitolat “Għoti ta’ status ta’ protezzjoni sussidjara”, jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ protezzjoni sussidjarja lil ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja bi qbil mal-Kapitoli II u V.” |
Id‑dritt Olandiż
|
9 |
L-Artikolu 29 tal-Vreemdelingenwet 2000 (liġi dwar il-barranin tal-2000), tat-23 ta’ Novembru 2000 (Stb. 2000, Nru 495), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “1. Il-permess ta’ residenza għal żmien limitat […] jista’ jingħata liċ-ċittadin barrani li:
|
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
10 |
Fit-28 ta’ Jannar 2018, X u Y, żewġ konjuġi ta’ nazzjonalità Libjana, ippreżentaw, ukoll f’isem is-sitt ulied minuri tagħhom, applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali quddiem is-Segretarju tal-Istat, fejn sostnew li, fil-każ li huma jintbagħtu lura lejn il-Libja, huma jkunu esposti għal riskju reali li jsofru “dannu serju”, fis-sens tal-Artikolu 15(b) u/jew (c) tad-Direttiva 2011/95. |
|
11 |
Insostenn tal-applikazzjonijiet tagħhom għal protezzjoni internazzjonali, X u Y invokaw fatti relatati kemm mas-sitwazzjoni personali tagħhom kif ukoll mas-sitwazzjoni ġenerali tal-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, b’mod partikolari fil-livell ġenerali ta’ vjolenza fil-Libja u s-sitwazzjoni umanitarja li tirriżulta minn dan. |
|
12 |
B’mod iktar partikolari, X iddikjara li ħadem fi Tripli (il-Libja) mis-sena 2012 sax-xahar ta’ Ġunju 2017 bħala gwardja tas-sigurtà ta’ responsabbli politiċi ta’ kariga għolja, b’mod partikolari ta’ żewġ Prim Ministri, Viċi Prim Ministru u diversi ministri. Huwa jsostni li kien vittma ta’ sparar barra mill-ħin tax-xogħol tiegħu, li matulu huwa ġie milqut fir-ras u rċieva traċċi ta’ balal f’ħaddejh ix-xellugija, u li, sussegwentement, kien is-suġġett ta’ theddid ta’ mewt, waqt konverżazzjonijiet telefoniċi li seħħew rispettivament wara madwar ħames xhur u sentejn mid-data ta’ dan l-isparar. X għandha suspetti dwar l-identità tal-persuni responsabbli għal dawn l-atti, iżda madankollu ma jistax jipproduċi l-prova ta’ dan. Barra minn hekk, X invoka l-fatt li ħuh kien informah li milizzji kienu qegħdin jippruvaw jieħdu art li kien wiret mingħand missieru u kienu heddew li joqtlu lil kull persuna li topponi dan. Fl-aħħar nett, X iddikjara li t-tluq tiegħu mil-Libja kien dovut ukoll għall-kundizzjonijiet ta’ għajxien diffiċli fi Tripli, b’mod partikolari minħabba n-nuqqas ta’ karburant, ilma tax-xorb u elettriku. Min-naħa tagħha, Y ibbażat l-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali fuq il-biża’ li tirriżulta mill-esperjenza personali ta’ X, kif ukoll mis-sitwazzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ sigurtà fil-Libja, li wkoll ikkawżatilha problemi ta’ saħħa. |
|
13 |
Permezz ta’ deċiżjonijiet separati tal-24 ta’ Diċembru 2020, is-Segretarju tal-Istat ċaħad l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali mressqa minn X u minn Y bħala infondati. Minn naħa, huwa qies li l-applikanti ma kellhomx biża’ ta’ preġudizzju serju, fis-sens tal-Artikolu 15(b) tad-Direttiva 2011/95. Fil-fatt, huwa qies li ż-żewġ theddidiet allegati ma kinux kredibbli u li X ma kienx wera li l-isparar li kien vittma tiegħu kien indirizzat speċifikament kontrih, u lanqas li kien hemm rabta bejn din il-vjolenza u l-attività professjonali tiegħu bħala gwardja tas-sigurtà ta’ responsabbli politiċi ta’ kariga għolja. Min-naħa l-oħra, is-Segretarju tal-Istat qies li huwa kellu jidentifika l-gruppi f’riskju u jiddetermina jekk teżistix sitwazzjoni ta’ riskju bħal dik prevista fl-Artikolu 15(c) ta’ din id-direttiva. Issa, peress li qies li ma kienx neċessarju li tiġi evalwata s-sitwazzjoni ġenerali tas-sigurtà fil-Libja, huwa kkonkluda li r-rikorrenti lanqas ma kellhom biża’ ta’ preġudizzju serju, fis-sens ta’ din it-tieni dispożizzjoni. |
|
14 |
X u Y appellaw minn dawn id-deċiżjonijiet quddiem ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats ‘s-Hertogenbosch (il-Qorti ta’ Den Haag, sedenti f’Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi). |
|
15 |
Qabel kollox, din il-qorti tenfasizza li l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma sostnuti kemm minn ċirkustanzi individwali u personali tar-rikorrenti kif ukoll mir-riferiment għas-sitwazzjoni ġenerali ta’ vjolenza u għas-sitwazzjoni umanitarja li tirriżulta minn din il-vjolenza fil-pajjiż ta’ oriġini. Madankollu, hija tosserva li ma jidhirx li tali elementi, ikkunsidrati separatament, jilħqu l-livell ta’ individwalizzazzjoni tal-preġudizzju serju u l-livell ta’ gravità tal-vjolenza indiskriminata meħtieġ sabiex wieħed jibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja mogħtija, rispettivament, fl-Artikolu 15(b) u fl-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95. |
|
16 |
Skont l-imsemmija qorti, tqum, għalhekk, il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li l-manifestazzjonijiet ta’ dannu serju msemmija f’dan l-Artikolu 15 għandhom jiġu evalwati b’mod strettament separat, bil-konsegwenza li l-fatti u ċ-ċirkustanzi allegati mill-applikant ikunu rilevanti biss sabiex isostnu l-biża’ ta’ wieħed minn dawn il-perikli serji, jew, min-naħa l-oħra, li għandha ssir evalwazzjoni sħiħa u konġunta tal-elementi rilevanti kollha, relatati kemm mal-istatus individwali u mas-sitwazzjoni personali tal-applikant kif ukoll mas-sitwazzjoni ġenerali fil-pajjiż ta’ oriġini, qabel ma jiġi ddeterminat liema manifestazzjoni ta’ danni serji ta’ tali fatti u ta’ tali ċirkustanzi jippermettu li jiġu ssostanzjati. |
|
17 |
Il-qorti tar-rinviju tqis, f’dan ir-rigward, li l-punt tat-tluq tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ riskju reali ta’ dannu serju huwa l-ħtieġa ta’ protezzjoni tal-applikant u li l-ewwel interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95, miġbur fil-qosor fil-punt preċedenti, twassal għal lakuna fil-protezzjoni offruta minn din id-dispożizzjoni, li jċaħħad is-sistema ta’ protezzjoni sussidjarja li hija tipprevedi mill-effett utli tagħha. It-tieni interpretazzjoni ta’ dan l-Artikolu 15, miġbura fil-qosor fil-punt preċedenti, hija, min-naħa tagħha, konformi mal-istruttura ta’ din id-direttiva u mal-għanijiet imfittxija minnha, kif ukoll mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tal-Karta, skont l-Artikolu 52(3) tagħha. |
|
18 |
Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-mod kif ir-raġunijiet speċifiċi għas-sitwazzjoni personali tal-applikant, kif identifikati fis-sentenza tas-17 ta’ Frar 2009, Elgafaji (C‑465/07, EU:C:2009:94), għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni magħmula fid-dawl tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95. F’dan il-kuntest, din il-qorti tixtieq, b’mod partikolari, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara jekk it-teħid inkunsiderazzjoni tal-istatus individwali u tas-sitwazzjoni personali ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali jmurx lil hinn mill-kundizzjoni ta’ individwalizzazzjoni, kif tirriżulta mis-sentenza tal-Qorti EDB tas-17 ta’ Lulju 2008, NA. vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2008:0717JUD002590407, punt 115), jiġifieri jekk ċirkustanzi individwali minbarra s-sempliċi fatt li joriġinaw minn żona ta’ pajjiż partikolari fejn iseħħu l-“iktar każijiet estremi ta’ vjolenza ġenerali”, fis-sens ta’ din l-aħħar sentenza, jistgħux isostnu biża’ ta’ preġudizzju serju ddefinit f’din id-dispożizzjoni. |
|
19 |
Fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tindika jekk, minn naħa, il-fatturi personali jew ir-riskju li tkun vittma ta’ “vjolenza kriminali” minħabba sitwazzjoni ta’ vjolenza indiskriminata u, min-naħa l-oħra, ċirkustanzi individwali mhux personali, bħalma huma l-eżerċizzju ta’ ċerti professjonijiet u/jew il-postijiet ta’ eżerċizzju tagħhom, jew il-fatt li wieħed ikollu jmur f’postijiet sabiex jibbenefika minn servizzi bażiċi għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni. |
|
20 |
Din il-qorti tixtieq tkun taf ukoll kif il-livell ta’ vjolenza indiskriminata fil-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant, kif imsemmi fl-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu serju, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 15(a) u (b). B’mod partikolari, hija tixtieq tkun taf jekk il-korrelazzjoni inversa bejn il-kapaċità tal-applikant li juri li huwa affettwat speċifikament minħabba elementi partikolari għas-sitwazzjoni personali tiegħu u l-grad ta’ vjolenza indiskriminata meħtieġ sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja, li tirriżulta mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas-17 ta’ Frar 2009, Elgafaji (C‑465/07, EU:C:2009:94, punt 39), tapplikax ukoll għall-evalwazzjoni dwar il-perikoli serji msemmija fl-imsemmi Artikolu 15(b), meta jeżisti livell għoli ta’ vjolenza ġenerali fil-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant, iżda li dan ma huwiex biżżejjed, waħdu, sabiex jiġġustifika l-għoti ta’ protezzjoni sussidjarja. |
|
21 |
Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk u f’liema kundizzjonijiet sitwazzjoni umanitarja, li, kuntrarjament għal dik tal-kawża li tat lok għas-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, M’Bodj (C‑542/13, EU:C:2014:2452), hija l-konsegwenza diretta jew indiretta tal-atti ta’ vjolenza mwettqa minn attur ta’ dannu serju imposti fil-kuntest ta’ kunflitt armat internazzjonali jew intern, u li tista’ twassal għal ksur tal-Artikoli 1, 4 u 19(2) tal-Karta, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata talba għal protezzjoni sussidjarja. Din il-qorti tippreċiża, f’dan ir-rigward, li hija tirreferi kemm għas-sitwazzjoni umanitarja maħluqa deliberatament minn attur ta’ dannu serju kif ukoll għal dik ikkawżata mill-attitudni indifferenti ta’ tali attur fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ kunflitt armat għall-popolazzjoni ċivili. |
|
22 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li r-rechtbank Den Haag zittingsplaats ‘s-Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’ Bois‑le‑Duc) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
23 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ April 2022, il-proċedura f’din il-kawża ġiet sospiża, skont l-Artikolu 55(1)(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, sad-deċiżjoni li ttemm l-istanza fil-Kawża C‑579/20, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Kunċett ta’ theddid serju u individwali) (C‑579/20). |
|
24 |
Wara l-irtirar tat-talba għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża u t-tħassir tagħha permezz ta’ digriet tat-18 ta’ Mejju 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Kunċett ta’ theddid serju u individwali) (C‑579/20, EU:C:2022:416), il-proċedura f’din il-kawża tkompliet konsegwentement fl-20 ta’ Mejju 2022. |
Fuq it‑talba għal proċedura mħaffa
|
25 |
Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għal proċedura mħaffa, konformement mal-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
26 |
Insostenn tat-talba tagħha, din il-qorti sostniet, essenzjalment, li, minkejja li r-rikorrenti jinsabu f’residenza regolari sakemm hija tiddeċiedi definittivament dwar it-tilwima fil-kawża prinċipali, l-ulied minuri ta’ X u ta’ Y kienu jinsabu f’sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ sigurtà. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti indikat li ħamsa mis-sitt ulied minuri ta’ X u ta’ Y kienu s-suġġett ta’ assistenza edukattiva mit-22 ta’ April 2020 u li dawn it-tfal kienu serjament mhedda fl-iżvilupp tagħhom u kienu qegħdin jikbru f’kuntest edukattiv perikoluż u instabbli, li fih kienu xhieda u vittmi ta’ aggressjoni u kienu jsofru minn sentiment ta’ abbandun emozzjonali u fiżiku. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju enfasizzat li, skont X u Y, il-kuntest ta’ nuqqas ta’ sigurtà inkwistjoni kien jirriżulta wkoll mit-tul tal-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll mill-inċertezza dwar l-eżitu tagħha. |
|
27 |
L-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, meta n-natura tal-kawża tkun teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien, u wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għal proċedura mħaffa li tidderoga mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regoli. |
|
28 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-20 ta’ Mejju 2022, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, li ma jilqax it-talba msemmija fil-punt 25 ta’ din is-sentenza. |
|
29 |
Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-proċedura mħaffa tikkostitwixxi strument proċedurali intiż biex jirrispondi għal sitwazzjoni ta’ urġenza straordinarja (sentenza tat-13 ta’ Lulju 2023, Azienda Ospedale-Università di Padova, C‑765/21, EU:C:2023:566, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
30 |
Issa, il-qorti tar-rinviju ma pprovdietx l-elementi kollha li jippermettu li tiġi evalwata l-eżistenza ta’ tali sitwazzjoni ta’ emerġenza straordinarja u, b’mod partikolari, ir-riskji involuti jekk dan ir-rinviju jsegwi l-proċedura ordinarja. Għalkemm din il-qorti semmiet riskji għall-iżvilupp tal-ulied minuri ta’ X u ta’ Y li jirriżultaw mill-kuntest familjari, soċjali u edukattiv li fih jinsabu, hija madankollu ma wrietx li teżisti rabta bejn it-tul tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-estensjoni tas-sitwazzjoni ta’ inċertezza li jinsabu fiha dawn l-ulied. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti lanqas ma esponiet ir-raġunijiet għalfejn l-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa għal din il-kawża tippermetti li jiġu evitati tali riskji jew li tiġi solvuta tali sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ sigurtà, peress li l-inċertezza legali li taffettwa lill-imsemmija wlied fir-rigward tat-tmiem tal-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax, waħedha, tiġġustifika l-użu ta’ proċedura mħaffa (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Ġunju 2016, S., C‑283/16, EU:C:2016:482, punt 11 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
31 |
Barra minn hekk, mingħajr ma huwa deċiżiv fih innifsu, il-perijodu sinjifikattiv ta’ żmien li għadda bejn, minn naħa, il-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali tar-rikorrenti u d-deċiżjonijiet tas-Segretarju tal-Istat ta’ ċaħda ta’ dawn l-applikazzjonijiet, u, min-naħa l-oħra, l-introduzzjoni ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, ma jimmilitax favur l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tissuġġetta dan ir-rinviju għal proċedura mħaffa (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Ġunju 2016, S., C‑283/16, EU:C:2016:482, punt 12). |
Fuq id-domandi preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
|
32 |
Sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula, preliminarjament, għandu jitfakkar li, qabel kollox, id-Direttiva 2011/95, adottata abbażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 78(2)(b) TFUE, hija intiża, fost l-oħrajn, biex tistabbilixxi sistema uniformi ta’ protezzjoni sussidjarja. F’dan ir-rigward, mill-premessi 12 u 34 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-għan prinċipali tagħha huwa li jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni tal-persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, billi joffrulhom status xieraq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Mejju 2019, Bilali, C‑720/17, EU:C:2019:448, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-10 ta’ Ġunju 2021, Bundesrepublik Deutschland (Kunċett ta’ theddid serju u individwali), C‑901/19, EU:C:2021:472, punti 22 u 34). |
|
33 |
Sussegwentement, mill-Artikolu 18 tad-Direttiva 2011/95, moqri flimkien mad-definizzjoni tat-termini “persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja”, li tinsab fl-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva, u dawk tat-termini “status ta’ protezzjoni sussidjarja”, li tinsab fl-Artikolu 2(g) tagħha, jirriżulta li l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja msemmi f’din id-direttiva għandu, bħala regola, jingħata lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat li għandha, f’każ li tintbagħat lura fil-pajjiż tal-oriġini tagħha jew fil-pajjiż ta’ residenza abitwali tagħha, riskju reali li ssofri dannu serju, fis-sens tal-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva (sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2021, Bundesrepublik Deutschland (Kunċett ta’ theddid serju u individwali), C‑901/19, EU:C:2021:472, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
34 |
Finalment, id-Direttiva 2011/95 ħassret u ssostitwixxiet, b’effett mill-21 ta’ Diċembru 2013, id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96). Issa, peress li din il-bidla fl-istandard ma tatx lok għal modifika la tas-sistema legali tal-għoti tal-protezzjoni sussidjarja u lanqas tan-numerazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati, il-ġurisprudenza dwar id-Direttiva 2004/83 hija rilevanti għall-interpretazzjoni tad-Direttiva 2011/95. B’mod partikolari, peress li l-formulazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95 hija identika għal dik tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83, il-ġurisprudenza dwar din it-tieni dispożizzjoni tista’ tiġi trasposta għall-ewwel dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2021, Bundesrepublik Deutschland (Kunċett ta’ theddid serju u individwali), C‑901/19, EU:C:2021:472, punt 24). |
Fuq l-ewwel domanda
|
35 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk applikant għal protezzjoni internazzjonali jistax jibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha teżamina l-elementi rilevanti kollha, relatati kemm mal-istatus individwali u mas-sitwazzjoni personali tal-applikant kif ukoll mas-sitwazzjoni ġenerali fil-pajjiż ta’ oriġini, qabel ma tidentifika t-tip ta’ preġudizzju serju li dawn l-elementi eventwalment jippermettu li jiġu sostnuti. |
|
36 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li dan l-Artikolu 15 jipprevedi tliet tipi ta’ “dannu serju” ta’ natura li jiġġustifikaw l-għoti tal-protezzjoni sussidjarja għall-benefiċċju tal-persuna li, fil-każ li tintbagħat lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha jew fil-pajjiż li fih hija kellha r-residenza abitwali tagħha, tiffaċċja riskju reali li ssofri minnu. |
|
37 |
F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, ir-raġunijiet li jinsabu fil-punt (a) tal-imsemmi Artikolu 15, jiġifieri r-riskju ta’ “piena kapitali jew eżekuzzjoni”, u fil-punt (b) tiegħu, jiġifieri r-riskju ta’ “tortura jew trattament inuman jew degradanti jew kastig”, tali “dannu serju” jkopri sitwazzjonijiet li fihom l-applikant għall-protezzjoni sussidjarja huwa speċifikament espost għar-riskju ta’ dannu ta’ tip partikolari, li jippreżupponu livell ċar ta’ individwalizzazzjoni (sentenzi tas-17 ta’ Frar 2009, Elgafaji, C‑465/07, EU:C:2009:94, punti 32 u 38 kif ukoll tal-10 ta’ Ġunju 2021, Bundesrepublik Deutschland (Kunċett ta’ theddid serju u individwali), C‑901/19, EU:C:2021:472, punt 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
38 |
Minn dan isegwi li l-għoti ta’ protezzjoni sussidjarja skont l-Artikolu 15(a) u (b) tad-Direttiva 2011/95 jippreżupponi li jeżistu raġunijiet serji u pprovati sabiex jitwemmen li l-applikant, jekk jintbagħat lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew fil-pajjiż fejn kellu r-residenza abitwali tiegħu, ikun espost speċifikament u individwalment għal riskju reali li jkun is-suġġett tal-piena tal-mewt, ta’ eżekuzzjoni, ta’ atti ta’ tortura, jew ta’ trattamenti jew ta sanzjonijiet inumani jew degradanti. |
|
39 |
Madankollu, l-elementi relatati mas-sitwazzjoni ġenerali tal-pajjiż ikkonċernat, fosthom b’mod partikolari dawk relatati mal-livell ġenerali ta’ vjolenza u ta’ nuqqas ta’ sigurtà f’dan il-pajjiż, għandhom ukoll jiġu eżaminati waqt l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ tali riskju. Fil-fatt, tali kuntest ġenerali jippermetti li jiġi evalwat, b’mod iktar preċiż, sa fejn l-applikant huwa realment espost għal riskju li jsofri d-danni serji ddefiniti fl-Artikolu 15(a) jew (b) tad-Direttiva 2011/95. |
|
40 |
Fir-rigward, it-tieni nett, tal-preġudizzju ddefinit fl-Artikolu 15(c) ta’ din id-direttiva, ikkostitwit minn “theddida serja u individwali għal ħajja jew għall-persuna” tal-applikant, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni tkopri riskju ta’ dannu “iktar ġenerali” minn dak imsemmi fil-punti (a) u (b) tal-istess artikolu. Għalhekk jissemma b’mod iktar wiesa’ “theddid […] għall-ħajja jew għall-persuna” ta’ persuna ċivili, iktar milli vjolenzi speċifiċi. Barra minn hekk, dan it-theddid huwa inerenti għal sitwazzjoni ġenerali ta’ kunflitt armat li jagħti lok għal “vjolenza indiskriminata”, li jimplika li dan jista’ jiġi estiż għal persuni irrispettivament miċ-ċirkustanzi personali u mill-identità tagħhom, meta tali vjolenza tilħaq livell daqstant għoli li jkun hemm raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li persuna ċivili mibgħuta lura fil-pajjiż ikkonċernat jew, jekk ikun il-każ, fir-reġjun ikkonċernat, ikollha, minħabba s-sempliċi preżenza tagħha fit-territorju tiegħu, riskju reali li ssofri l-imsemmi theddid (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2021, Bundesrepublik Deutschland (Kunċett ta’ theddid serju u individwali), C‑901/19, EU:C:2021:472, punti 26 u 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
41 |
Minn dan isegwi li, fil-kuntest ta’ sitwazzjoni eċċezzjonali, bħal dik deskritta fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ riskju ta’ “theddid serju u individwali”, fis-sens tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95 ma hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li l-applikant jipproduċi l-prova li huwa affettwat speċifikament minħabba elementi speċifiċi għas-sitwazzjoni personali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Frar 2009, Elgafaji, C‑465/07, EU:C:2009:94, punt 43 kif ukoll tal-10 ta’ Ġunju 2021, Bundesrepublik Deutschland (Kunċett ta’ theddid serju u individwali), C‑901/19, EU:C:2021:472, punt 27). |
|
42 |
Madankollu, f’sitwazzjonijiet oħra inqas eċċezzjonali, l-elementi relatati mal-istatus individwali u maċ-ċirkostanzi personali tal-applikant huma rilevanti. B’hekk, iktar ma l-applikant ikun kapaċi juri li huwa speċifikament affettwat minħabba elementi speċifiċi għall-istatus individwali tiegħu jew għas-sitwazzjoni personali tiegħu, inqas ikun għoli l-grad ta’ vjolenza indiskriminata meħtieġ sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja, skont l-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Frar 2009, Elgafaji, C‑465/07, EU:C:2009:94, punt 39, u tat-30 ta’ Jannar 2014, Diakité, C‑285/12, EU:C:2014:39, punt 31). |
|
43 |
Minn dan isegwi li l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li kemm iċ-ċirkustanzi relatati mas-sitwazzjoni ġenerali fil-pajjiż ta’ oriġini, b’mod partikolari l-livell ġenerali ta’ vjolenza u ta’ nuqqas ta’ sigurtà f’dan il-pajjiż, kif ukoll dawk relatati mal-istatus individwali u mas-sitwazzjoni personali tal-applikant jistgħu jikkostitwixxu elementi rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ kull applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja mill-awtorità nazzjonali kompetenti, indipendentement mit-tip speċifiku ta’ dannu serju, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 15, li huwa s-suġġett ta’ tali evalwazzjoni. |
|
44 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat ukoll li, għalkemm kull tip ta’ dannu serju msemmi fil-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95 jikkostitwixxi raġuni awtonoma ta’ rikonoxximent tal-protezzjoni sussidjarja, li l-kundizzjonijiet tagħha għandhom jiġu ssodisfatti b’mod sħiħ sabiex tingħata din il-protezzjoni, xorta jibqa’ l-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 30, 40 u 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, li dan l-artikolu ma jistabbilixxix ordni ġerarkika bejn dawn it-tipi differenti ta’ dannu serju u ma jimponi ebda ordni fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ riskju reali li jsofri wieħed minn dawn id-danni serji. Fil-fatt, minn naħa, l-istess applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tista’ turi l-eżistenza ta’ riskju li l-applikant ikun espost għal diversi tipi ta’ danni serji fil-każ ta’ ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew fil-pajjiż li fih huwa kellu r-residenza abitwali tiegħu. Min-naħa l-oħra, l-istess element jista’ jservi sabiex tiġi ssostanzjata l-eżistenza ta’ riskju reali li wieħed isofri diversi minn dawn id-danni serji. |
|
45 |
Fit-tieni lok, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95, imsemmija fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, hija kkorroborata mill-kuntest normattiv li jifforma parti minnu dan l-Artikolu 15. |
|
46 |
F’dan ir-rigward, jirriżulta, qabel kollox, mill-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, li jinsab fil-Kapitolu II tagħha, dwar l-“eżami ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali”, u għaldaqstant applikabbli kemm għall-applikazzjonijiet intiżi għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat kif ukoll għal dawk intiżi għall-kisba ta’ protezzjoni sussidjarja, fis-sens tal-imsemmija direttiva, li l-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li fuqhom tkun ibbażata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali sseħħ f’żewġ stadji distinti. L-ewwel stadju jikkonċerna l-istabbiliment ta’ ċirkustanzi fattwali li jistgħu jikkostitwixxu l-provi insostenn tal-applikazzjoni, filwaqt li t-tieni stadju jikkonċerna l-evalwazzjoni ġuridika ta’ dawn il-provi u tikkonsisti f’li jiġi deċiż jekk, fid-dawl tal-fatti li jikkaratterizzaw każ speċifiku, il-kundizzjonijiet bażiċi stabbiliti fl-Artikolu 15 tal-istess direttiva għall-għoti ta’ protezzjoni sussidjarja jkunux issodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2022, Secretary of State for the Home Department (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana), C‑349/20, EU:C:2022:151, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
47 |
Għalkemm, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/95, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-applikant jippreżenta, matul l-ewwel stadju, kemm jista’ jkun malajr, l-elementi kollha neċessarji sabiex jissostanzja l-applikazzjoni għal protezzjoni tiegħu, xorta jibqa’ l-fatt li l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom, jekk ikun meħtieġ, jikkooperaw b’mod attiv miegħu sabiex jiddeterminaw u jikkompletaw l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni, peress li dawn l-awtoritajiet huma, barra minn hekk, ta’ spiss f’pożizzjoni aħjar mill-applikant sabiex ikollhom aċċess għal ċerti tipi ta’ dokumenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2022, Secretary of State for the Home Department (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana), C‑349/20, EU:C:2022:151, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata), peress li, meta ċerti aspetti tad-dikjarazzjonijiet ta’ applikant ma humiex sostnuti minn provi dokumentali jew oħrajn, dawn l-aspetti ma jeħtiġux konferma, sakemm il-kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti fl-Artikolu 4(5)(a) sa (e) ta’ din id-direttiva jkunu ssodisfatti (sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, A et, C‑148/13 sa C‑150/13, EU:C:2014:2406, punt 58). |
|
48 |
Konsegwentement, kif qies l-Avukat Ġenerali fil-punti 34 u 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-awtorità nazzjonali kompetenti għall-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija obbligata teżamina, matul l-ewwel stadju ta’ din l-evalwazzjoni, iċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni li jistgħu jikkostitwixxu provi, qabel ma tiddetermina, matul it-tieni stadju tal-imsemmija evalwazzjoni, liema tip ta’ dannu serju, iddefinit fl-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, dawn il-provi jippermettu eventwalment li jiġu ssostanzjati, mingħajr ma jkunu jistgħu jiġu injorati elementi potenzjalment rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ din l-applikazzjoni għas-sempliċi raġuni li l-applikant ikun ressaq insostenn ta’ tip wieħed ta’ dannu serju ddefinit f’dan l-Artikolu 15. |
|
49 |
Sussegwentement, mill-Artikolu 4(3) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li, fost l-elementi rilevanti li din l-awtorità għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta twettaq l-evalwazzjoni ta’ kull applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, hemm, b’mod partikolari, kemm “il-fatti kollha rilevanti kif jirrelataw mal-pajjiż ta’ oriġini ”, fis-sens tal-punt (a) ta’ din id-dispożizzjoni, kif ukoll “il-pożizzjoni individwali u ċ-ċirkostanzi personali tal-applikant ”, fis-sens tal-punt (c) tagħha. |
|
50 |
Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, anki jekk applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata skont l-Artikolu 15(c) tal-istess direttiva ma tinvokax elementi speċifiċi għas-sitwazzjoni tal-applikant, mill-Artikolu 4(3) tagħha jirriżulta li tali applikazzjoni għandha tkun suġġetta għal evalwazzjoni individwali, li għall-finijiet tagħha għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sensiela sħiħa ta’ elementi elenkati f’din id-dispożizzjoni, fil-kuntest ta’ teħid inkunsiderazzjoni globali taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2021, Bundesrepublik Deutschland (Kunċett ta’ theddid serju u individwali), C‑901/19, EU:C:2021:472, punti 40 u 41). |
|
51 |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2011/95, il-fatt li applikant diġà ġie ppersegwitat jew diġà sofra danni serji jew diġà kien is-suġġett ta’ theddid dirett ta’ tali persekuzzjoni jew ta’ tali dannu jista’, bħala prinċipju, jikkostitwixxi ħjiel serju tar-riskju reali tal-applikant li jsofri dannu serju, b’tali mod li dawn iċ-ċirkustanzi relatati mas-sitwazzjoni personali tal-applikant għandhom dejjem jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ riskju reali li jsofri wieħed mill-perikli serji ddefiniti fl-Artikolu 15 tal-istess direttiva, tkun xi tkun. |
|
52 |
Fl-aħħar nett, ir-rekwiżit li titwettaq l-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha, fosthom dawk imfakkra fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, u ta’ kooperazzjoni attiva mal-applikant għal dan l-għan, huwa kkonfermat fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 67), peress li tobbliga lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, meta jeżaminaw jekk applikant għal protezzjoni internazzjonali għandux aċċess għal protezzjoni kontra, b’mod partikolari, kull tip ta’ dannu serju f’parti mill-pajjiż ta’ oriġini, konformement mal-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni, li jieħdu inkunsiderazzjoni kemm il-kundizzjonijiet ġenerali f’din il-parti tal-pajjiż kif ukoll is-sitwazzjoni personali tal-applikant. |
|
53 |
Fit-tielet u l-aħħar lok, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95 mogħtija fil-punti 43 u 48 ta’ din is-sentenza hija konformi mal-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva, kif imfakkra fil-punt 32 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali li ma jiħux inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni u, b’mod partikolari, tal-elementi kollha elenkati fl-Artikolu 4(3) ta’ din id-direttiva, qabel ma jiġi identifikat it-tip ta’ dannu serju ddefinit fl-Artikolu 15 tagħha li dawn l-elementi jistgħu eventwalment jissostanzjaw, iwassal għal ksur tal-obbligu li l-imsemmija direttiva timponi fuq l-Istati Membri li jidentifikaw il-persuni li għandhom verament bżonn ta’ din il-protezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2021, Bundesrepublik Deutschland (Kunċett ta’ theddid serju u individwali), C‑901/19, EU:C:2021:472, punt 44). |
|
54 |
Tali interpretazzjoni hija, barra minn hekk, konformi mal-Artikolu 4 u mal-Artikolu 19(2) tal-Karta, li jirrigwardaw, rispettivament, il-projbizzjoni tat-tortura u tal-pieni jew trattamenti inumani jew degradanti kif ukoll il-protezzjoni f’każ ta’ tneħħija, tkeċċija jew estradizzjoni, invokati mill-qorti tar-rinviju. F’dan ir-rigward, għandu, madankollu, jiġi osservat li, għalkemm id-drittijiet fundamentali ggarantiti minn dawn id-dispożizzjonijiet għandhom ċertament jiġu rrispettati waqt l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/95 u għalhekk ukoll waqt l-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni sussidjarja fid-dawl tal-Artikolu 15 tagħha, l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jipprovdux, fil-kuntest tar-risposta għal din id-domanda preliminari, tagħlim speċifiku supplimentari fir-rigward tal-portata tar-rekwiżit li jitwettaq sistematikament l-eżami tal-elementi rilevanti kollha, relatati kemm mal-istatus individwali u mas-sitwazzjoni personali tal-applikant kif ukoll mas-sitwazzjoni ġenerali fil-pajjiż ta’ oriġini, matul tali evalwazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 129 u tal-4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova, C‑652/16, EU:C:2018:801, punt 64). |
|
55 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk applikant għal protezzjoni internazzjonali jistax jibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha teżamina l-elementi rilevanti kollha, relatati kemm mal-istatus individwali u mas-sitwazzjoni personali tal-applikant kif ukoll mas-sitwazzjoni ġenerali fil-pajjiż ta’ oriġini, qabel ma tidentifika t-tip ta’ dannu serju li dawn l-elementi jistgħu eventwalment jissostanzjaw. |
Fuq it-tieni domanda
|
56 |
It-tieni domanda hija magħmula fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda. Madankollu, għalkemm ir-risposta għat-tieni parti tat-tieni domanda tirriżulta, fil-fatt, mir-risposta fl-affermattiv mogħtija għall-ewwel domanda, fis-sens li ċ-ċirkustanzi relatati mal-istatus individwali u mas-sitwazzjoni personali tal-applikant jistgħu jirriżultaw rilevanti fl-eżami tal-fondatezza ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali kemm fir-rigward tal-Artikolu 15(b) kif ukoll tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95, xorta jibqa’ l-fatt li l-ewwel parti tat-tieni domanda tibqa’ rilevanti. |
|
57 |
Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ riskju reali li persuna ssofri “theddida serja u individwali għall-ħajja jew għall-persuna”, fis-sens tal-Artikolu 15(c) ta’ din id-direttiva, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni, fost id-diversi elementi rilevanti relatati mal-istatus individwali u mas-sitwazzjoni personali tal-applikant, elementi addizzjonali meta mqabbla mas-sempliċi fatt li l-applikant ikun ġej minn żona ta’ pajjiż partikolari fejn iseħħu l-“iktar każijiet estremi ta’ vjolenza ġenerali”, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, b’mod partikolari s-sentenza tagħha tas-17 ta’ Lulju 2008, NA. vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2008:0717JUD002590407, punt 115), jiġifieri taż-żona fejn il-livell ta’ vjolenza jilħaq livell tali li t-tkeċċija ta’ persuna lejn dan il-pajjiż tikkostitwixxi ksur tal-projbizzjoni tat-tortura u tat-trattamenti inumani jew degradanti ggarantita mill-Artikolu 3 tal-KEDB. |
|
58 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ riskju reali li persuna ssofri dannu serju kif iddefinit f’din id-dispożizzjoni, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni elementi relatati mal-istatus individwali u mas-sitwazzjoni personali tal-applikant minbarra s-sempliċi fatt li jkun ġej minn żona ta’ pajjiż partikolari fejn iseħħu l-“iktar każijiet estremi ta’ vjolenza ġenerali”, fis-sens tas-sentenza tal-Qorti EDB tas-17 ta’ Lulju 2008, NA. vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2008:0717JUD002590407, punt 115). |
|
59 |
F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem hija, bħala prinċipju, rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95. Fil-fatt, minn naħa, mill-Artikolu 6(3) TUE jirriżulta li d-dritt fundamentali ggarantit fl-Artikolu 3 tal-KEDB jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura l-osservanza tagħhom. Il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għandha għalhekk tittieħed inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tal-portata ta’ dan id-dritt fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Frar 2009, Elgafaji, C‑465/07, EU:C:2009:94, punt 28). |
|
60 |
Min-naħa l-oħra, mill-premessa 16 tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha għandha ssir bl-osservanza tad-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mill-Karta, fosthom b’mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ April 2018, MP (Protezzjoni sussidjarja ta’ persuna li fil-passat kienet vittma ta’ tortura), C‑353/16, EU:C:2018:276, punt 36). Issa, konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, peress li d-drittijiet iggarantiti fl-Artikolu 4 tagħha jikkorrispondu ma’ dawk iggarantiti fl-Artikolu 3 tal-KEDB, is-sens u l-portata tal-imsemmija drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk mogħtija mill-imsemmi Artikolu 3 [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tkeċċija – Cannabis terapewtika), C‑69/21, EU:C:2022:913, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata), li madankollu ma jipprekludix li d-dritt tal-Unjoni jagħti protezzjoni iktar estiża lill-imsemmija drittijiet. Fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tal-Karta għandu għalhekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 3 tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, bħala livell ta’ protezzjoni minima (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2023, K.B. u F.S. (Tneħħija ex officio fil-qasam kriminali), C‑660/21, EU:C:2023:498, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
61 |
Barra minn hekk, mill-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), jirriżulta li d-dritt li jinsab fl-Artikolu 19(2) tagħha, li jipprovdi li ħadd ma jista’ jitneħħa, jitkeċċa jew ikun estradit lejn Stat fejn hemm riskju serju li jkun suġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti, jinkorpora l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 3 tal-KEDB, li għalih dan l-Artikolu 19(2) jikkorrispondi essenzjalment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2014, M’Bodj, C‑542/13, EU:C:2014:2452, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata kif ukoll tat-18 ta’ Diċembru 2014, Abdida, C‑562/13, EU:C:2014:2453, punt 47). Għaldaqstant, din il-ġurisprudenza hija rilevanti wkoll għall-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt. |
|
62 |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li huwa l-Artikolu 15(b) tad-Direttiva 2011/95 li jikkorrispondi, essenzjalment, għall-Artikolu 3 tal-KEDB. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 15(c) ta’ din id-direttiva huwa dispożizzjoni li l-kontenut tagħha huwa distint minn dak tal-Artikolu 3 tal-KEDB u li l-interpretazzjoni tagħha għandha għalhekk issir b’mod awtonomu, sabiex, b’mod partikolari, jiġi żgurat kamp ta’ applikazzjoni speċifiku għal din id-dispożizzjoni, filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta u mill-KEDB (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Frar 2009, Elgafaji, C‑465/07, EU:C:2009:94, punti 28 u 36). |
|
63 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95 ikopri, ċertament, is-sitwazzjoni eċċezzjonali li fiha l-grad ta’ vjolenza indiskriminata li tirriżulta minn kunflitt armat intern jew internazzjonali huwa tali li jkun hemm raġunijiet serji u sostanzjali sabiex wieħed jemmen li pajżan mibgħut lura fil-pajjiż jew fir-reġjun ikkonċernat, minħabba s-sempliċi preżenza tiegħu fit-territorju ta’ dan il-pajjiż jew ta’ dan ir-reġjun, jgħaddi minn riskju reali li jsofri theddid serju u individwali kontra ħajtu jew il-persuna tiegħu. |
|
64 |
Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, din id-dispożizzjoni tista’ tkopri wkoll sitwazzjonijiet oħra, li fihom il-kombinazzjoni, minn naħa, ta’ livell inqas għoli ta’ vjolenza indiskriminata minn dak li jikkaratterizza tali sitwazzjoni eċċezzjonali u, min-naħa l-oħra, ta’ elementi speċifiċi għas-sitwazzjoni personali tal-applikant hija ta’ natura li tikkonkretizza r-riskju reali li jkun suġġett għal theddid serju u individwali, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. |
|
65 |
Minn dan isegwi li, f’dawn is-sitwazzjonijiet l-oħra, l-elementi relatati mal-istatus individwali u mas-sitwazzjoni personali tal-applikant li l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni jmorru neċessarjament lil hinn mill-fatt li joriġinaw minn żona ta’ pajjiż partikolari fejn iseħħu l-“iktar każijiet estremi ta’ vjolenza ġenerali”, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, b’mod partikolari tas-sentenza tagħha tas-17 ta’ Lulju 2008, NA. vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2008:0717JUD 002590407, punt 115). |
|
66 |
Għalhekk, filwaqt li huwa kompletament kompatibbli mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 3 tal-KEDB (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Frar 2009, Elgafaji, C‑465/07, EU:C:2009:94, punt 44), l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95, mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, tagħti lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali protezzjoni iktar estiża minn dik offruta minn l-imsemmi Artikolu 3. |
|
67 |
Fid-dawl tad-dubji mqajma mill-qorti tar-rinviju u mfakkra fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi ppreċiżat ukoll li l-lista ta’ elementi rilevanti relatati mal-istatus individwali u mas-sitwazzjoni personali tal-applikant li tinsab fl-Artikolu 4(3)(c) ta’ din id-direttiva ma hijiex ta’ natura eżawrjenti, b’tali mod li, fis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, l-awtorità nazzjonali kompetenti għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja għandha twettaq evalwazzjoni każ b’każ, billi tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, kull element ieħor relatat mal-istatus individwali u mas-sitwazzjoni personali tal-applikant li jista’ jikkontribwixxi sabiex jiġi kkonkretizzat ir-riskju reali li jsofri dannu serju kif iddefinit fl-Artikolu 15(c) tad-direttiva msemmija, fid-dawl tal-livell ta’ vjolenza indiskriminata fil-pajjiż jew fir-reġjun ikkonċernat. F’dan il-kuntest, jistgħu b’mod partikolari jitqiesu li huma rilevanti elementi speċifiċi għall-ħajja privata, tal-familja jew professjonali tal-applikant li fir-rigward tagħhom jista’ jiġi raġonevolment preżunt li ser iżidu r-riskju li dan tal-aħħar isofri tali preġudizzju serju, fil-każ li jirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew fil-pajjiż li fih kellu r-residenza abitwali tiegħu. |
|
68 |
Barra minn hekk, hija l-awtorità nazzjonali kompetenti, kif tfakkar fil-punt 51 ta’ din is-sentenza u konformement mal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2011/95, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li l-applikant diġà ġarrab dannu serju jew diġà kien is-suġġett ta’ theddid dirett f’dan is-sens, ħlief jekk ikun hemm raġunijiet tajbin li wieħed jaħseb li dan il-periklu serju ma huwiex ser jerġa’ jseħħ. |
|
69 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ riskju reali li jiġi sofrut dannu serju kif iddefinit f’din id-dispożizzjoni, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni elementi relatati mal-istatus individwali u mas-sitwazzjoni personali tal-applikant minbarra s-sempliċi fatt li joriġina minn żona ta’ pajjiż partikolari fejn iseħħu l-“iktar każijiet estremi ta’ vjolenza ġenerali”, fis-sens tas-sentenza tal-Qorti EDB tas-17 ta’ Lulju 2008, NA. vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2008:0717JUD002590407, punt 115). |
Fuq it-tielet domanda
|
70 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(b) tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-intensità tal-vjolenza indiskriminata li teżisti fil-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant tistax iddgħajjef ir-rekwiżit ta’ individwalizzazzjoni tal-perikli serji ddefiniti f’din id-dispożizzjoni. |
|
71 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif ġie rrilevat fil-punti 37 sa 42 ta’ din is-sentenza, il-perikoli serji ddefiniti fl-Artikolu 15(b) tad-Direttiva 2011/95 jippreżupponu livell ċar ta’ individwalizzazzjoni. |
|
72 |
Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, il-preġudizzju relatat mar-riskju ta’ “piena kapitali jew eżekuzzjoni” u ta’ “tortura jew trattament inuman jew degradanti jew kastig”, imsemmija fl-Artikolu 15(a) u (b) tal-imsemmija direttiva, ikopru sitwazzjonijiet li fihom l-applikant għall-protezzjoni sussidjarja jkun espost speċifikament u individwalment għar-riskju ta’ periklu ta’ tip partikolari. |
|
73 |
Għalkemm, kif ġie enfasizzat fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, l-elementi rilevanti relatati mas-sitwazzjoni ġenerali tal-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant, fosthom b’mod partikolari dawk relatati mal-livell ġenerali ta’ vjolenza u ta’ nuqqas ta’ sigurtà f’dan il-pajjiż, għandhom ukoll jiġu eżaminati f’tali ipoteżi, xorta jibqa’ l-fatt li l-eżistenza, fl-imsemmi pajjiż, ta’ livell ta’ vjolenza u ta’ nuqqas ta’ sigurtà, ikun kemm ikun kbir, ma tistax iddgħajjef il-portata tal-kundizzjoni li tgħid li, sabiex jeżisti riskju reali ta’ dannu serju, fis-sens tal-Artikolu 15(a) u (b) tad-Direttiva 2011/95, għandu jiġi pprovat, billi jittieħed inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, tali livell ta’ vjolenza, li l-applikant jirriskja realment li jiġi espost speċifikament u individwalment għal tali ksur fil-każ ta’ ritorn fl-istess pajjiż. |
|
74 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 15(b) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-intensità tal-vjolenza indiskriminata li teżisti fil-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant ma tistax iddgħajjef ir-rekwiżit ta’ individwalizzazzjoni tal-perikoli serji ddefiniti f’din id-dispożizzjoni. |
Fuq ir-raba’ domanda
|
75 |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95, moqri flimkien mal-Artikoli 1, u 4 kif ukoll mal-Artikolu 19(2) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li sitwazzjoni umanitarja li hija l-konsegwenza diretta jew indiretta tal-atti u/jew tal-ommissjonijiet ta’ awtur ta’ dannu serju impost fil-kuntest ta’ kunflitt armat internazzjonali jew intern, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 15(c). |
|
76 |
Il-Kummissjoni Ewropea ssostni li din id-domanda hija inammissibbli, billi ssostni, essenzjalment, li, fid-dawl tal-elementi li jsostnu l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-risposta għall-imsemmija domanda ma hijiex neċessarja sabiex tiġi riżolta t-tilwima fil-kawża prinċipali u li, fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix l-informazzjoni u l-preċiżazzjonijiet neċessarji għal dan l-għan. |
|
77 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza, xorta jibqa’ l-fatt li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE tikkostitwixxi strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jiddeċiedu. Il-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi fuq kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-bżonn inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima. Kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 267 TFUE, id-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “meħtieġa” sabiex tippermetti li l-qrati tar-rinviju “ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza” fil-kawża li jkunu adita biha (sentenza tal-14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 167 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
78 |
Għalhekk, huwa b’mod partikolari indispensabbli, kif jistabbilixxi l-Artikolu 94(a) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li d-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi espożizzjoni fil-qosor tal-fatti rilevanti kif ġew ikkonstatati mill-qorti tar-rinviju jew, tal-inqas, espożizzjoni tal-informazzjoni fattwali li fuqha huma bbażati d-domandi (sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2019, Iccrea Banca, C‑414/18, EU:C:2019:1036, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
79 |
F’dan il-każ, kif ġie rrilevat fil-punti 11, 12 u 15 ta’ din is-sentenza, jinsabu fost l-elementi li jsostnu l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif tressqu mir-rikorrenti u kkonstatati mill-awtorità nazzjonali kompetenti kif ukoll mill-qorti tar-rinviju, fatti relatati mal-livell ġenerali ta’ vjolenza u ta’ nuqqas ta’ sigurtà fil-Libja, mal-kundizzjonijiet tal-ħajja diffiċli fi Tripli, kif ukoll mas-“sitwazzjoni umanitarja” li tirriżulta minn dan. |
|
80 |
Madankollu, mill-imsemmija elementi bl-ebda mod ma jirriżulta, kif esposti fit-talba għal deċiżjoni preliminari, li tali sitwazzjoni umanitarja hija l-konsegwenza diretta jew indiretta tal-atti u/jew tal-ommissjonijiet ta’ awtur ta’ dannu serju impost fil-kuntest ta’ kunflitt armat intern jew internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95. |
|
81 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju baqgħet ma indikatx min huwa l-attur tal-atti u/jew tal-ommissjonijiet inkwistjoni u fiex jikkonsistu dawn l-atti u/jew tal-ommissjonijiet. |
|
82 |
Minn dan isegwi li l-qorti tar-rinviju ma wrietx biżżejjed kif risposta għar-raba’ domanda hija neċessarja sabiex tkun tista’ ssolvi t-tilwima fil-kawża prinċipali u li hija lanqas ma esponiet b’mod suffiċjenti l-informazzjoni fattwali li fuqha hija bbażata din id-domanda. |
|
83 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raba’ domanda għandha tiġi ddikjarata inammissibbli. |
Fuq l-ispejjeż
|
84 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.