European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/898

22.4.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/898

tal-21 ta’ April 2026

li jimplimenta r-Regolament (UE) 2023/888 dwar miżuri restrittivi fid-dawl ta’ azzjonijiet li jiddestabbilizzaw ir-Repubblika tal-Moldova

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/888 tat-28 ta’ April 2023 dwar miżuri restrittivi fid-dawl ta’ azzjonijiet li jiddestabilizzaw ir-Repubblika tal-Moldova (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-28 ta’ April 2023, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2023/888.

(2)

Il-Kunsill irrieżamina l-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi li jinsabu fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/888. Abbażi ta’ dak ir-rieżami, jenħtieġ li tiġi emendata l-informazzjoni dwar l-entrati għal seba’persuni.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2023/888 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/888 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ April 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)   ĠU L 114, 2.5.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/888/oj.


ANNESS

Fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/888, taħt l-intestatura “A. Persuni fiżiċi”, l-entrati 1, 5, 8, 10, 12, 15 u 21 huma sostitwiti bl-entrati korrispondenti li ġejjin:

 

Isem

Informazzjoni għall-identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“1.

Ilan Mironovich SHOR

magħruf ukoll bħala

Ilan Mironovici ȘOR

Funzjoni: negozjant, president tal-partit politiku ‘SHOR’ (‘ȘOR’)

Data tat-twelid: 6.3.1987

Post tat-twelid: Tel. Aviv, Israel

Sess: raġel

Nazzjonalità: Ir-Repubblika tal-Moldova, Iżraeljana

Numru ta’ Identifikazzjoni tal-Istat (IDNP): 0971007884125 (Ir-Repubblika tal-Moldova)

Ilan Shor huwa politiku Moldovan (Kap tal-partit politiku ȘOR) u negozjant mir-Repubblika tal-Moldova li huwa involut fil-finanzjament illegali tal-partiti politiċi fir-Repubblika tal-Moldova u fl-inċitament għall-vjolenza kontra l-oppożizzjoni politika. Qabel ma l-Partit ȘOR, immexxi minn Ilan Shor, ġie ddikjarat bħala wieħed mhux kostituzzjonali f’Ġunju 2023, Shor kien involut fil-ħlas u t-taħriġ ta’ persuni biex jipprovokaw diżordni u inkwiet waqt il-protesti fir-Repubblika tal-Moldova.

Permezz ta’ deċiżjoni datata t-13 ta’ April 2023, il-Qorti tal-Appell ta’ Chisinau kkundannat lil Ilan Shor ħati ta’ frodi u ħasil tal-flus fil-każ ta’ ‘Frodi Bankarja’ għal 15-il sena ħabs u l-konfiska ta’ assi għal valur ta’ EUR 254 miljun. Fondi minn din il-frodi bankarja fuq skala kbira u l-konnessjonijiet ma’ oligarki korrotti u entitajiet ibbażati f’Moska kienu u għadhom qegħdin jintużaw, skont l-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova, biex joħolqu b’mod artifiċjali inkwiet politiku fil-pajjiż.

L-azzjonijiet tiegħu diretti lejn l-imminar tad-demokrazija tar-Repubblika tal-Moldova jinkludu l-għoti ta’ finanzjament illegali biex tiġi appoġġata l-attività politika favur il-Kremlin fir-Repubblika tal-Moldova. Eżempju tal-użu ta’ tali fondi huwa l-organizzazzjoni ta’ protesti u manifestazzjonijiet vjolenti, primarjament fil-belt kapitali Chisinau, bl-għajnuna ta’ dimostranti mħallsa mill-Partit ȘOR, matul l-2022 u l-2023. Wara li l-Partit ȘOR ġie ddikjarat mhux kostituzzjonali, Ilan Shor kompla jiffaċilita l-influwenza Russa fix-xena politika tar-Repubblika tal-Moldova billi ffinanzja illegalment partiti oħra u pprova jxaħħam lill-politiċi. Permezz tal-finanzjament tax-xiri tal-voti u l-kampanji ta’ diżinformazzjoni, huwa interferixxa wkoll fl-elezzjonijiet presidenzjali, r-referendum kostituzzjonali tal-2024 dwar l-adeżjoni mal-Unjoni u l-elezzjonijiet parlamentari tal-2025 fir-Repubblika tal-Moldova.

Permezz tal-assoċjazzjoni mhux governattiva bbażata fir-Russja Evrazia u l-Blokk Politiku Victory/Pobeda, Ilan Shor jippromwovi narrattivi ta’ propaganda Russi u jikkoordina attivitajiet ta’ finanzjament bl-għan li jinfluwenzaw is-sitwazzjoni politika fir-Repubblika tal-Moldova.

Billi dderieġa u ppjana dimostrazzjonijiet vjolenti u permezz tal-imġiba finanzjarja ħażina serja tiegħu b’rabta ma’ fondi pubbliċi u l-esportazzjoni mhux awtorizzata ta’ kapital, u billi pprova jwaqqa’ l-ordni kostituzzjonali, Ilan Shor huwa responsabbli għal azzjonijiet li jdgħajfu u jheddu s-sovranità u l-indipendenza tar-Repubblika tal-Moldova, u d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà u s-sigurtà fir-Repubblika tal-Moldova. Barra minn hekk, huwa assoċjat ma’ Evrazia.

30.5.2023

5.

Vladimir Gheorghe PLAHOTNIUC

magħruf ukoll bħala Vladimir ULINICI

magħruf ukoll bħala Vladimir PLAKHOTNYUK

magħruf ukoll bħala Vladislav Vladimir NOVAK

magħruf ukoll bħala Mihail TAUȘANOV / Mikhail TAUSHANOV

(Владимир (Влад) Георгиевич ПЛАХОТНЮК)

Funzjoni: negozjant, politiku

Data tat-twelid: 1.1.1966 jew 25.12.1965

Post tat-twelid: Pitușca, Călărași, eks USSR (issa Republic of Moldova)

Sess: raġel

Nazzjonalità: Ir-Repubblika tal-Moldova, Rumena, Russa

Numru ta’ Identifikazzjoni tal-Istat (IDNP): 0962706018030 (Ir-Repubblika tal-Moldova)

Nru tal-Passaport: AB 0671328; AA 1203658 (Ir-Repubblika tal-Moldova)

Vladimir Plahotniuc huwa soġġett għal diversi proċedimenti kriminali fir-Repubblika tal-Moldova relatati ma’ reati b’rabta mal-approprjazzjoni indebita ta’ fondi tal-Istat tar-Repubblika tal-Moldova u t-trasferiment illegali tagħhom barra mir-Repubblika tal-Moldova. Huwa ġie akkużat fir-Repubblika tal-Moldova fil-kawża ‘Bank Fraud’, li l-effetti ekonomiċi tagħha għadhom qed jaffettwaw il-pajjiż. Qed jiġi investigat ukoll talli xaħħam lill-eks President tal-Moldova b’ammont ta’ flus kontanti bi skambju għal favuri politiċi. Barra minn hekk, kellu laqgħat mal-Kremlin biex jikseb appoġġ għall-indħil tiegħu fl-elezzjonijiet parlamentari tal-2025 fir-Repubblika tal-Moldova.

Permezz tal-imġiba finanzjarja ħażina serja tiegħu b’rabta ma’ fondi pubbliċi u l-esportazzjoni mhux awtorizzata ta’ kapital u billi jdgħajjef il-proċess politiku demokratiku fir-Repubblika tal-Moldova, Vladimir Plahotniuc huwa responsabbli għall-azzjonijiet u l-implimentazzjoni ta’ politiki li jdgħajfu u jheddu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà jew is-sigurtà fir-Repubblika tal-Moldova.

30.5.2023

8.

Arina Evgheni CORȘICOVA

Data tat-twelid: 28.12.1974

Sess: mara

Nazzjonalità: Ir-Repubblika tal-Moldova

Numru ta’ Identifikazzjoni tal-Istat (IDNP): 0962011898118

Arina Corșicova mexxiet diversi trusts tal-media tal-komunikazzjoni fir-Repubblika tal-Moldova, li waħda minnhom għandha s-sjieda ta’ żewġ stazzjonijiet televiżivi, ‘Accent TV’ u ‘Primul în Moldova’, li l-liċenzji għax-xandir tagħhom ġew sospiżi mir-Repubblika tal-Moldova minħabba li xerrdu informazzjoni mhux korretta dwar il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u avvenimenti politiċi attwali fir-Repubblika tal-Moldova. Minkejja li tilef il-liċenzja tax-xandir tat-televiżjoni tiegħu, ‘Primul în Moldova’ jkompli jxerred dikjarazzjonijiet foloz immirati lejn id-destabbilizzazzjoni tal-ordni kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Moldova.

F’dan il-kuntest, Arina Corșicova hi responsabbli għad-dgħajfien tal-proċess politiku demokratiku fir-Repubblika tal-Moldova billi tmexxi kampanja ta’ diżinformazzjoni u peress li hija appoġġata politikament mill-persuna elenkata Ilan Shor.

Barra minn hekk, ilha assoċjata ma’ Ilan Shor għal żmien twil, peress li fil-passat iffinanzjat il-kampanji elettorali tiegħu u peress li hija azzjonista indiretta tal-‘Banca Socială’, li hija involuta fil-każ ‘Frodi Bankarja’.

Billi ddgħajjef il-proċess politiku demokratiku u tiddestabbillizza l-ordni konstituzzjonali, Arina Corșicova hija responsabbli għal, u qed tappoġġa, azzjonijiet u politiki li jdgħajfu u jheddu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-istabbiltà fir-Repubblika tal-Moldova. Barra minn hekk, hija assoċjata ma’ Ilan Shor.

22.2.2024

10.

Maria ALBOT

Konsulent tar-relazzjonijiet esterni ta’ Bashkan ta’ Gagauzia

Amministratur tal-Fondazzjoni ‘Miron Shor’

Azzjonista ta’ ‘Banca Socială’

Data tat-twelid: 21.1.1986

Sess: mara

Nazzjonalità: Ir-Repubblika tal-Moldova

Numru ta’ Identifikazzjoni tal-Istat (IDNP): 2000088038487

Maria Albot ilha assoċjata fdata għal żmien twil tal-persuna elenkata Ilan Shor. Għandha rwol ewlieni f’waħda mill-fondazzjonijiet tiegħu, il-Fondazzjoni ‘Miron Shor’, u hija involuta fil-każ ‘Bank Fraud’ li affettwa l-istabbiltà finanzjarja tar-Repubblika tal-Moldova. Preċedentement, hija kellha pożizzjonijiet f’kumpaniji jew f’fondazzjonijiet oħra li kienu proprjetà ta’ Ilan Shor jew li kienu assoċjati miegħu. Attwalment, hija involuta f’operazzjonijiet immexxija minn Ilan Shor biex tiffinanzja propaganda, mobilizzazzjoni u protesti kkordinati mmirati lejn id-destabbilizzazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova.

Għaldaqstant, hija assoċjata ma’ Ilan Shor.

22.2.2024

12.

Evghenia GUȚUL

Funzjoni: eks Gvernatur tal-Unità Territorjali Awtonoma ta’ Gagauzia

Data tat-twelid: 5.9.1986

Post tat-twelid: Etulia, Vulcănești, SSR Moldova (issa Republic of Moldova)

Sess: mara

Nazzjonalità: Ir-Repubblika tal-Moldova

Evghenia Guțul hija l-eks Gvernatur (Bashkan) tal-Unità Territorjali Awtonoma (ATU) ta’ Gagauzia fir-Repubblika tal-Moldova. Qabel kienet taħdem għall-partit politiku ‘SHOR’ (‘ȘOR’) ta’ Ilan Shor, li issa huwa pprojbit, u kienet involuta fil-finanzjament illegali tiegħu. Hija pproponiet diversi assoċjati ta’ Shor biex jimlew pożizzjonijiet fil-Kumitat Eżekuttiv ta’ Gagauzia, minkejja l-fatt li dawk l-individwi ma għandhomx rabtiet ma’ Gagauzia.

Minkejja li ma kellhiex il-kompetenza kostituzzjonali biex tagħmel dan, bħala Gvernatur involviet ruħha fi żjara formali fil-Federazzjoni Russa u ltaqgħet mal-President Russu Vladimir Putin. Hija talbet lil Putin għal assigurazzjoni tal-appoġġ tar-Russja għad-drittijiet, l-awtorità u l-pożizzjonijiet ta’ Gagauzia u rċevithom.

Mid-detenzjoni tagħha f’Marzu 2025 ’il hawn, id-deputat tagħha, Ilia Uzun hija l-aġent Bashkan tal-ATU ta’ Gagauzia, u ddikjarat pubblikament li l-kwistjonijiet kollha relatati mal-funzjonament tal-Kumitat Eżekuttiv kienu qed jiġu kkoordinati ma’ Evghenia Guțul permezz tal-avukati tagħha, minkejja l-fatt li d-dritt tar-Repubblika tal-Moldova ma jipprevedix proċeduri li jippermettu li kwistjonijiet jiġu kkordinati ma’ eks Bashkan ladarba ma tkunx għadha qed twettaq dmirijietha.

Bil-promozzjoni tas-separatiżmu fl-ATU ta’ Gagauzia u r-rabtiet mill-qrib mal-Federazzjoni Russa, Evghenia Guțul qed tipprova twaqqa’ l-ordni kostituzzjonali, u b’hekk qed thedded is-sovranità u l-indipendenza tar-Repubblika tal-Moldova, u d-demokrazija, l-istabbiltà u s-sigurtà fir-Repubblika tal-Moldova.

14.10.2024

15.

Ilia UZUN

Funzjoni: Viċi President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Unità Territorjali Awtonoma ta’ Gagauzia, membru tal-Assemblea tal-Poplu ta’ Gagauzia

Data tat-twelid: 16.5.1967

Post tat-twelid: Chioselia Rusă, Comrat, SSR Moldova (issa Republic of Moldova)

Sess: raġel

Nazzjonalità: Ir-Repubblika tal-Moldova

Numru ta’ Identifikazzjoni tal-Istat (IDNP): 0961607975268

Ilia Uzun huwa membru tal-Assemblea tal-Poplu ta’ Gagauzia u Viċi President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Unità Territorjali Awtonoma (ATU) ta’ Gagauzia. Huwa ltaqa’ ma’ Ilan Shor f’Iżrael biex jiddiskuti l-implimentazzjoni fil-Gagauzia tal-pjanijiet elettorali tal-Gvernatur (Bashkan) Evghenia Guțul. Mid-detenzjoni ta’ Evghenia Guțul f’Marzu 2025 ’il hawn, Ilia Uzun hija l-aġent Bashkan tal-ATU ta’ Gagauzia, u ddikjarat pubblikament li l-kwistjonijiet kollha relatati mal-funzjonament tal-Kumitat Eżekuttiv kienu qed jiġu kkoordinati ma’ Evghenia Guțul permezz tal-avukati tagħha, minkejja l-fatt li l-d-dritt tar-Repubblika tal-Moldova ma jipprevedix proċeduri li jippermettu li kwistjonijiet jiġu kkoordinati ma’ eks Bashkan ladarba ma tkunx għadha qed twettaq dmirijietha.

Ilia Uzun huwa involut fit-tixrid tal-propaganda Russa, imnedija mit-tim ta’ Ilan Shor. Huwa ppjana, attenda u mexxa dimostrazzjonijiet kontra l-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova organizzati minn Ilan Shor jew is-soċji tiegħu. Huwa appoġġa pubblikament lil Ilan Shor jew l-azzjonijiet tiegħu. Għaldaqstant huwa assoċjat ma’ Ilan Shor u Evghenia Guțul.

14.10.2024

21.

Alexei LUNGU

Funzjoni: Ġurnalist, President tal-Partit Politiku ‘Șansă’ (Chance)

Data tat-twelid: 19.11.1983

Post tat-twelid: Ir-Repubblika tal-Moldova

Sess: raġel

Nazzjonalità: Ir-Repubblika tal-Moldova

Alexei Lungu huwa l-mexxej tal-partit politiku ‘Șansă’, li huwa wieħed mis-suċċessuri tal-partit politiku illegali ȘOR, immexxi mill-persuna elenkata Ilan Shor. F’April 2024, Ilan Shor nieda f’Moska l-blokk politiku Victory/Pobeda, li jgħaqqad is-suċċessuri tal-partit tiegħu, inkluż Șansă.

Bħala l-mexxej ta’ Șansă, Alexei Lungu jirrappreżenta lill-partit u jikkoordina l-attivitajiet tiegħu. Għalhekk huwa assoċjat mal-Blokk Politiku Victory/Pobeda. Huwa assoċjat ukoll ma’ Ilan Shor.

15.7.2025.”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/898/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)