European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1293

14.5.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/1293

tad-29 ta’ April 2024

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar emendi għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport ta’ merkanzija bit-triq

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91(1) flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport ta’ merkanzija bit-triq (1),

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Jenħtieġ li jinfetħu negozjati biex jiġi konkluż ftehim li jemenda l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (“il-Ftehim”), inkluż id-durata tiegħu.

(2)

Fid-dawl taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali u uniċi li kienu jeħtieġu n-negozjar tal-Ftehim u f’konformità mat-Trattati, il-Kunsill qies li kien xieraq li l-Unjoni teżerċita b’mod temporanju l-kompetenza kondiviża rilevanti mogħtija lilha mit-Trattati. Tali kunsiderazzjoni tapplika wkoll għall-emend tal-Ftehim. Madankollu, jenħtieġ li kwalunkwe effett ta’ din id-Deċiżjoni dwar id-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri jkun strettament limitat fiż-żmien. Għalhekk jenħtieġ li l-kompetenza eżerċitata mill-Unjoni abbażi ta’ din id-Deċiżjoni u tal-Ftehim, inkluż l-emendi li għandhom jiġu nnegozjati skont din id-Deċiżjoni, tiġi eżerċitata biss matul il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-Ftehim. Għaldaqstant, il-kompetenza kondiviża hekk eżerċitata ser tieqaf tkun eżerċitata mill-Unjoni hekk kif jieqaf japplika l-Ftehim. Mingħajr preġudizzju għal miżuri oħra tal-Unjoni, u soġġett għall-konformità ma’ dawk il-miżuri tal-Unjoni, dik il-kompetenza, f’konformità mal-Artikolu 2(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), ser terġa’ tiġi eżerċitata mill-Istati Membri wara dan. Barra minn hekk, huwa mfakkar li, kif stabbilit fil-Protokoll Nru 25 dwar l-eżerċizzju ta’ kompetenzi kondiviżi, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TEU) u t-TFUE, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni f’din id-Deċiżjoni jkopri biss dawk l-elementi regolati minn din id-Deċiżjoni u ma jkoprix il-qasam kollu. L-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni b’din id-Deċiżjoni huwa mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Unjoni u tal-Istati Membri fir-rigward ta’ kwalunkwe negozjati li għaddejjin jew futuri għal, jew l-iffirmar jew il-konklużjoni ta’, ftehimiet internazzjonali ma’ kwalunkwe pajjiż terz ieħor f’dak il-qasam.

(3)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tinħatar bħala negozjatur tal-Unjoni.

(4)

In-negozjati jenħtieġ li tmexxihom il-Kummissjoni b’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport fuq l-Art tal-Kunsill u f’konformità mar-rwoli rispettivi tal-istituzzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(2) tat-TUE u fl-Artikolu 218 tat-TFUE, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tiftaħ negozjati’ dwar emendi tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport ta’ merkanzija bit-triq (“il-“Ftehim”), inkluż fir-rigward tad-durata tal-Ftehim.

2.   In-negozjati għandhom jitwettqu abbażi tad-direttivi ta’ negozjati tal-Kunsill stipulati fl-addendum għal din id-Deċiżjoni. Dawk id-direttivi ta’ negozjati jistgħu jiġu riveduti u żviluppati aktar kif xieraq skont l-evoluzzjoni tan-negozjati.

Artikolu 2

1.   L-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni skont din id-Deċiżjoni u l-Ftehim, inkluż l-emendi li għandhom isiru għalih, għandu jkun limitat għall-perjodu ta’ applikazzjoni tal-Ftehim. Mingħajr preġudizzju għal miżuri oħra tal-Unjoni, u soġġett għall-konformità ma’ dawk il-miżuri tal-Unjoni, wara tmiem dak il-perjodu ta’ applikazzjoni, l-Unjoni għandha tieqaf minnufih milli teżerċita dik il-kompetenza, u l-Istati Membri għandhom jerġgħu jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom f’konformità mal-Artikolu 2(2) TFUE.

2.   L-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni skont din id-Deċiżjoni għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri fir-rigward ta’ kwalunkwe negozjati li għaddejjin jew futuri għal, jew l-iffirmar jew il-konklużjoni ta’, ftehimiet internazzjonali relatati mat-trasport tal-merkanzija bit-triq ma’ kwalunkwe pajjiż terz ieħor, u mal-Ukrajna, fir-rigward tal-perjodu wara li dan il-Ftehim ma jibqax japplika.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1158 (2) u l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2435 (3), l-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 ikopri biss l-elementi rregolati minn din id-Deċiżjoni u d-direttivi ta’ negozjati, u din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Unjoni u tal-Istati Membri fil-qasam tat-trasport ta’ merkanzija bit-triq fir-rigward ta’ elementi għajr dawk regolati minn din id-Deċiżjoni u d-direttivi ta’ negozjati.

Artikolu 3

Il-Kummissjoni hija b’dan innominata bħala n-negozjatur tal-Unjoni.

Artikolu 4

In-negozjati għandhom jitwettqu f’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport fuq l-Art tal-Kunsill, li huwa b’dan maħtur bħala l-kumitat speċjali previstfl-Artikolu 218(4) TFUE.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fil-Lussemburgu, id-29 ta’ April 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

D. CLARINVAL


(1)   ĠU L 179, 6.7.2022, p. 4.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1158 tas-27 ta’ Ġunju 2022 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (ĠU L 179, 6.7.2022, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2435 tal-5 ta’ Diċembru 2022 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (ĠU L 319, 13.12.2022, p. 5).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1293/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)