13.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 124/32


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/724

tal-10 ta' Mejju 2019

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 686/2012 fir-rigward tan-nominazzjoni ta' Stati Membri relaturi u Stati Membri korelaturi għas-sustanzi attivi glifosfat, lambda ċjalotrina, imażamoks u pendimetalina u jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012 fir-rigward tal-possibbiltà li grupp ta' Stati Membri jassumu b'mod konġunt ir-rwol ta' Stat Membru relatur

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 686/2012 (2) jalloka l-evalwazzjoni ta' sustanza attiva lil Stat Membru relatur u lil Stat Membru korelatur, għall-finijiet tal-proċedura tat-tiġdid. Huwa xieraq li wieħed jipproċedi b'din l-allokazzjoni, minħabba li l-evalwazzjonijiet tas-sustanzi attivi glifosat, imażamoks u pendimetalina għadhom ma ġewx allokati lil Stat Membru relatur jew lil Stat Membru korelatur, u minħabba li l-approvazzjoni tagħhom tiskadi bejn l-1 ta' Jannar 2022 u l-31 ta' Diċembru 2024.

(2)

Jenħtieġ li dik l-allokazzjoni ssir b'tali mod li jinkiseb bilanċ fir-rigward tad-distribuzzjoni tar-responsabbiltajiet u tax-xogħol bejn l-Istati Membri.

(3)

F'każijiet eċċezzjonali, l-ammont ta' xogħol mistenni u l-kumplessità relatata mal-evalwazzjoni ta' sustanza attiva speċifika jistgħu jaqbżu l-kapaċitajiet ta' Stat Membru wieħed bħala relatur appoġġat minn Stat Membru korelatur wieħed. F'dawn il-każijiet, jista' jkun meħtieġ tqassim usa' tal-ammont ta' xogħol u tal-ġbir tal-għarfien espert ta' diversi Stati Membri billi jiġi nnominat grupp ta' Stati Membri li jaġixxu b'mod konġunt bħala Stat Membru relatur. Għalhekk jenħtieġ li tiġi ċċarata li l-possibbiltà li r-rwol ta' Stat Membru relatur jista' jiġi preżunt b'mod konġunt minn grupp ta' Stati Membri. F'dan il-każ, m'hemmx bżonn li jinħatar Stat Membru korelatur. Bl-istess mod, meta diversi Stati Membri jwettqu b'mod konġunt ir-rwol ta' Stat Membru relatur, jenħtieġ li dawn jaqblu dwar il-modalitajiet tal-organizzazzjoni tax-xogħol. F'dan l-isfond, l-evalwazzjoni tas-sustanza attiva glifosat jenħtieġ li tiġi allokata lil grupp ta' Stati Membri li jaġixxu b'mod konġunt bħala Stat Membru relatur.

(4)

Għall-imażamoks, l-evalwazzjoni jenħtieġ li tiġi allokata lill-Greċja bħala Stat Membru relatur u lill-Italja bħala Stat Membru korelatur.

(5)

Għall-pendimetalina, l-evalwazzjoni jenħtieġ li tiġi allokata lill-Iżvezja bħala Stat Membru relatur u lin-Netherlands bħala Stat Membru korelatur.

(6)

Bi qbil mal-Istati Membri kkonċernati jitqies li hu neċessarju wkoll li l-Istat Membru relatur għas-sustanza attiva lambda ċjalotrina jinbidel, filwaqt li jinżamm il-bilanċ fir-rigward tad-distribuzzjoni tar-responsabbiltajiet u tax-xogħol fost l-Istati Membri. L-evalwazzjoni għall-finijiet tal-proċedura tat-tiġdid għal-lambda - ċjalotrina jenħtieġ li tiġi allokata lill-Greċja bħala Stat Membru relatur, filwaqt li l-allokazzjoni lil Franza bħala korelatur tibqa' l-istess.

(7)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 (3) jipprevedi l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' tiġdid għas-sustanzi attivi kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(8)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012 jipprevedi l-ġestjoni tal-applikazzjonijiet u sussegwentement id-dossiers supplimentari ppreżentati u l-valutazzjoni tagħhom minn Stat Membru wieħed bħala Stat Membru relatur, megħjun minn Stat Membru wieħed li jaġixxi bħala Stat Membru korelatur. Madankollu, il-modalitajiet proċedurali jenħtieġ li jiġu ċċarati għall-każijiet eċċezzjonali msemmija hawn fuq, fejn l-evalwazzjoni tiġi allokata lil grupp ta' Stati Membri li jaġixxu b'mod konġunt bħala Stat Membru relatur skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 686/2012. Jenħtieġ li dan il-grupp jassumi b'mod konġunt ir-rwol mogħti lill-Istat Membru relatur permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012.

(9)

Il-possibbiltajiet li jintalbu imposti u ħlasijiet skont l-Artikolu 74 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 jenħtieġ li jiġu ċċarati għall-proċedura ta' tiġdid.

(10)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 686/2012 u (UE) Nru 844/2012 jiġu emendati skont dan.

(11)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 686/2012

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 686/2012 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 1

Għall-finijiet tal-proċedura ta' tiġdid, l-evalwazzjoni ta' kull sustanza attiva stabbilita fl-ewwel kolonna tal-Anness hija allokata jew lil Stat Membru relatur, kif stabbilit fit-tieni kolonna ta' dak l-Anness, u lil Stat Membru korelatur, kif stabbilit fit-tielet kolonna ta' dak l-Anness, jew inkella lil grupp ta' Stati Membri li jaġixxu b'mod konġunt bħala Stat Membru relatur, kif stabbilit fir-raba' kolonna ta' dak l-Anness, fejn applikabbli. F'dan l-aħħar każ, ma jinħatar l-ebda korelatur.”

(2)

L-Anness huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1(1) huwa emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Mingħajr preġudizzju għar-raba' subparagrafu, l-applikazzjoni għat-tiġdid ta' approvazzjoni ta' sustanza attiva għandha titressaq minn produttur tas-sustanza attiva lill-Istat Membru relatur, kif stabbilit fit-tieni kolonna tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 686/2012 (*1) u lill-Istat Membru korelatur kif stabbilit fit-tielet kolonna ta' dak l-Anness, jew lil kull wieħed mill-Istati Membri fil-grupp ta' Stati Membri li jaġixxu b'mod konġunt bħala Stat Membru relatur kif stabbilit fir-raba' kolonna ta' dak l-Anness, mhux aktar tard minn tliet snin qabel l-iskadenza tal-approvazzjoni.

(*1)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 686/2012 tas-26 ta' Lulju 2012 li jalloka lill-Istati Membri, għall-finijiet tal-proċedura ta' tiġdid, l-evalwazzjoni tas-sustanzi attivi (ĠU L 200, 27.7.2012, p. 5).”;"

(b)

jiżdiedu r-raba', il-ħames u s-sitt subparagrafi li ġejjin:

“Meta grupp ta' Stati Membri jassumu b'mod konġunt ir-rwol ta' Stat Membru relatur kif stabbilit fir-raba' kolonna tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 686/2012, ma għandu jinħatar l-ebda Stat Membru korelatur. F'dan il-każ, ir-referenzi kollha għall-“Istat Membru relatur” f'dan ir-Regolament għandhom jitqiesu li huma referenzi għall-“grupp ta' Stati Membri li jaġixxu b'mod konġunt bħala Stat Membru relatur”.

Qabel l-iskadenza għat-tressiq tal-applikazzjoni, l-Istati Membri li jaġixxu b'mod konġunt bħala Stat Membru relatur għandhom jaqblu dwar it-tqassim tal-kompiti u l-ammont ta' xogħol kollu.

L-Istati Membri li jiffurmaw parti mill-grupp ta' Stati Membri li jaġixxu b'mod konġunt bħala Stat Membru relatur għandhom jagħmlu ħilithom biex jilħqu kunsens matul l-evalwazzjoni.”;

(2)

fl-Artikolu 11(2), il-punt (h) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(h)

il-punti li dwarhom l-Istat Membru korelatur ma qabilx mal-valutazzjoni tal-Istat Membru relatur, fejn rilevanti, jew, fejn applikabbli, il-punti li dwarhom m'hemm l-ebda qbil bejn l-Istati Membri li jiffurmaw parti mill-grupp ta' Stati Membri li jaġixxu b'mod konġunt bħala Stat Membru relatur.”;

(3)

jiddaħħal l-Artikolu 13a li ġej:

“Artikolu 13a

Imposti u ħlasijiet

L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu l-ħlas ta' imposti u ħlasijiet skont l-Artikolu 74 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 biex jirkupraw il-kostijiet assoċjati ma' kwalunkwe xogħol li jwettqu fl-ambitu ta' dan ir-Regolament.”

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Mejju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 686/2012 tas-26 ta' Lulju 2012 li jalloka lill-Istati Membri, għall-finijiet tal-proċedura ta' tiġdid, l-evalwazzjoni tas-sustanzi attivi (ĠU L 200, 27.7.2012, p. 5).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 tat-18 ta' Settembru 2012 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta' tiġdid għas-sustanzi attivi, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 252, 19.9.2012, p. 26).


ANNESS

L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 686/2012 huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-Parti B, tiżdied ir-raba' kolonna li ġejja bl-intestatura:

“Grupp ta' Stati Membri li jaġixxu b'mod konġunt bħala Stat Membru relatur (f'ordni alfabetika fil-lingwa nazzjonali)”;

(2)

Il-Parti C hija emendata kif ġej:

(a)

tiżdied ir-raba' kolonna li ġejja bl-intestatura: “Grupp ta' Stati Membri li jaġixxu b'mod konġunt bħala Stat Membru relatur (f'ordni alfabetika fil-lingwa nazzjonali)”;

(b)

tiddaħħal l-entrata li ġejja wara l-entrata għall-Ġeranjol:

Sustanza attiva

Stat Membru relatur

Stat Membru korelatur

Grupp ta' Stati Membri li jaġixxu b'mod konġunt bħala Stat Membru relatur (f'ordni alfabetika fil-lingwa nazzjonali)

“Glifosat

 

 

FR, HU, NL, SE”

(c)

tiddaħħal l-entrata li ġejja wara l-entrata għall-Helicoverpa armigera nucleopolyhedrovirus (HearNPV):

Sustanza attiva

Stat Membru relatur

Stat Membru korelatur

Grupp ta' Stati Membri li jaġixxu b'mod konġunt bħala Stat Membru relatur (f'ordni alfabetika fil-lingwa nazzjonali)

“Imażamoks

EL

IT”

 

(d)

l-entrata għas-sustanza attiva lambda ċjalotrina hija sostitwita b'dan li ġej:

Sustanza attiva

Stat Membru relatur

Stat Membru korelatur

Grupp ta' Stati Membri li jaġixxu b'mod konġunt bħala Stat Membru relatur (f'ordni alfabetika fil-lingwa nazzjonali)

“lambda-cjalotrina

EL

FR”

 

(e)

tiddaħħal l-entrata li ġejja wara l-entrata għall-Paecilomyces fumosoroseus tar-razza Fe9901:

Sustanza attiva

Stat Membru relatur

Stat Membru korelatur

Grupp ta' Stati Membri li jaġixxu b'mod konġunt bħala Stat Membru relatur (f'ordni alfabetika fil-lingwa nazzjonali)

“Pendimetalina

SE

NL”