IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 15.7.2026
COM(2026) 387 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Valutazzjoni skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2323
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Valutazzjoni skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2323
I.Introduzzjoni
Ir-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil (SEKA) introdotta mill-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil (minn hawn ’il quddiem “il-Patt”) tikkostitwixxi pass fundamentali lejn l-istabbiliment ta’ qafas Ewropew ta’ ġestjoni tal-migrazzjoni aktar sostenibbli, effiċjenti u reżiljenti.
Objettiv ċentrali tal-Patt huwa li jistabbilixxi sistema bbilanċjata u integrata li fiha r-responsabbiltà u s-solidarjetà jkunu marbuta u jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku. Filwaqt li r-riforma żżid ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri, b’mod partikolari fil-fruntieri esterni, tintroduċi wkoll mekkaniżmu ta’ solidarjetà permanenti, obbligatorju u flessibbli biex jappoġġa lill-Istati Membri taħt pressjoni.
Il-funzjonament effettiv tas-sistema l-ġdida għalhekk jiddependi miż-żamma ta’ dan il-bilanċ. In-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-Patt jirriskjaw li jimminaw l-obbligi ta’ solidarjetà u l-fiduċja reċiproka meħtieġa, b’mod partikolari fir-rigward tar-regoli dwar ir-responsabbiltà. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 60(3), ir-raba’ subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2024/1351 (minn hawn ’il quddiem l- “AMMR”) jipprevedi li l-Istati Membri kontribwenti ma għandhomx ikunu meħtieġa jimplimentaw il-wegħdiet tagħhom jew japplikaw kumpensi tar-responsabbiltà lejn Stat Membru benefiċjarju, meta l-Kummissjoni tkun identifikat nuqqasijiet sistemiċi fir-rigward tar-regoli dwar ir-responsabbiltà li jistgħu jirriżultaw f’konsegwenzi negattivi serji għall-funzjonament ta’ dak ir-Regolament. Id-dispożizzjoni tirrifletti l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-qafas ta’ solidarjetà jopera b’mod parallel mal-implimentazzjoni effettiva tal-obbligi marbuta mad-determinazzjoni u t-trasferimenti tar-responsabbiltà.
Fl-istess ħin, għandna niftakru li l-Patt jintroduċi riforma usa’ u aktar komprensiva tal-qafas tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-ażil, li huwa mistenni li jnaqqas gradwalment il-pressjoni fil-fruntieri esterni tal-Unjoni, u jsaħħaħ il-miżuri kontra movimenti sekondarji mhux awtorizzati fl-Unjoni. Is-sistema l-ġdida tistabbilixxi proċeduri aktar integrati fl-istadji kollha tal-ġestjoni tal-migrazzjoni, inklużi skrinjar, proċeduri fuq il-fruntiera għat-twettiq ta’ ritorn u r-ritorn rapidu ta’ dawk li ma jeħtiġux protezzjoni internazzjonali. Dan jinkludi wkoll miżuri mmirati biex iżidu l-effiċjenza tal-proċeduri tal-ażil u tar-ritorn, b’mod partikolari permezz tal-kunċetti riveduti ta’ pajjiż ta’ oriġini sikur u pajjiż terz sikur, kif ukoll l-implimentazzjoni tal-qafas ta’ ritorn tal-UE li għadu kif ġie riformat. Flimkien, dawn il-miżuri jfittxu li jistabbilixxu sistema Ewropea ta’ ġestjoni tal-migrazzjoni aktar effettiva u reżiljenti.
Fl-ewwel Ċiklu Annwali tal-Ġestjoni tal-Migrazzjoni, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2323 identifikat erba’ Stati Membri bħala Stati Membri taħt pressjoni migratorja: Ċipru, il-Greċja, Spanja u l-Italja. Dawk l-Istati Membri huma intitolati jużaw ir-Riżerva Annwali ta’ Solidarjetà stabbilita bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2025/2642. L-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi fi kwalunkwe wieħed minn dawk l-erba’ Stati Membri li jistgħu jirriżultaw f’konsegwenzi negattivi serji għall-funzjonament tal-AMMR tattiva r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 60(3) ta’ dak ir-Regolament.
F’dan l-isfond, l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2323 jirrikjedi li l-Kummissjoni tivvaluta jekk il-prattiki msemmija f’dik id-Deċiżjoni fir-rigward tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 (ir-Regolament Dublin III) ġewx rimedjati u b’hekk jikkostitwixxux nuqqasijiet sistemiċi li jistgħu jirriżultaw f’konsegwenzi negattivi serji għall-funzjonament tar-Regolament (UE) 2024/1351, f’liema każ għandu japplika r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 60(3) tal-AMMR. Id-Deċiżjoni tirrikjedi li l-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni sat-12 ta’ Lulju 2026 u għal darb’oħra sal-15 ta’ Ottubru 2026.
Il-valutazzjonijiet li għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni għandhom jiffukaw primarjament fuq jekk il-prattiki msemmija fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2323 rigward ir-Regolament Dublin III ġewx rimedjati u jekk sarx progress biex jiġi żgurat it-tħaddim effettiv tar-regoli l-ġodda dwar ir-responsabbiltà kif previst skont l-AMMR. F’dan il-kuntest sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni sostenibbli mis-sistema attwali ta’ responsabbiltà taħt Regolament ta’ Dublin III lejn ir-regoli l-ġodda stabbiliti fl-AMMR, għandha tingħata attenzjoni partikolari lil-livell ta’ koperazzjoni operattiva fost l-Istati Membri, inkluż l-impenn attiv biex jiġu ffaċilitati t-trasferimenti u l-kooperazzjoni progressiva dwar kwistjonijiet prattiċi u loġistiċi.
Fid-dawl ta’ dan, il-koperazzjoni operattiva rigward l-applikazzjoni tar-regoli ta’ responsabbiltà bejn Ċipru u l-Istati Membri l-oħra ma tqajjem l-ebda tħassib partikolari. Bl-istess mod, il-kooperazzjoni operattiva rigward l-applikazzjoni tar-regoli ta’ responsabbiltà bejn Spanja u l-Istati Membri l-oħra ma tqajjem l-ebda tħassib partikolari. Għal din ir-raġuni, ma huwa meħtieġ l-ebda monitoraġġ speċifiku skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2323.
Fl-4 ta’ April 2025, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-istatus tal-ġestjoni tal-migrazzjoni fil-Greċja kontinentali kkonkludiet li t-trasferimenti lejn il-Greċja għandhom isiru bl-istess mod bħal fil-każ tal-Istati Membri l-oħra u f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rigward l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013.
F’Diċembru 2022, l-Italja ssospendiet ir-riċeviment ta’ trasferimenti, bl-eċċezzjoni ta’ każijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja ta’ minorenni mhux akkumpanjati. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabet fis-sentenza tagħha tad-19 ta’ Diċembru 2024 dwar il-kawżi konġunti C-185/24 u C-189/24 li l-Istat Membru maħtur bħala responsabbli skont il-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 ma jistax jeħles lilu nnifsu b’mod unilaterali minn dik ir-responsabbiltà.
Peress li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prattiki diġà osservati fil-pajjiżi tagħhom fir-rigward tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 ma jibqgħux jippersistu, il-koperazzjoni operattiva bejn il-Greċja u l-Istati Membri l-oħra, kif ukoll bejn l-Italja u l-Istati Membri l-oħra rigward l-applikazzjoni tar-regoli dwar ir-responsabbiltà teħtieġ analiżi aktar fil-fond.
II.Valutazzjoni tas-sitwazzjoni fil-Greċja
Il-Greċja wriet impenn sostnut u sforzi konsiderevoli bi tħejjija għall-implimentazzjoni tal-Patt kif indikat fit-tielet Rapport tal-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-Patt, inkluż għadd ta’ miżuri li għandhom l-għan li jiżguraw l-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda dwar ir-responsabbiltà tal-AMMR, kif ukoll innovazzjonijiet ewlenin tal-Patt bħall-iskrinjar u l-proċeduri fuq il-fruntiera u l-Eurodac.
Il-Greċja għamlet progress sinifikanti fl-istabbiliment tal-qafas legali u istituzzjonali meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-Patt. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tadatta l-qafas legali Grieg ġiet adottata fid-9 ta’ Ġunju 2026. L-awtoritajiet wettqu wkoll sforzi estensivi ta’ koordinazzjoni u komunikazzjoni, inkluż it-tħejjija ta’ gwida operazzjonali u workshops dedikati għas-servizzi involuti fl-implimentazzjoni tal-proċeduri l-ġodda.
Tlestew ukoll tħejjijiet operazzjonali importanti għall-proċedura fuq il-fruntiera. Il-Greċja ddeżinjat il-faċilitajiet rilevanti, wettqet eżerċizzji pilota f’diversi postijiet u stabbiliet mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni bejn diversi aġenziji li jinvolvi l-awtoritajiet nazzjonali ewlenin kollha, l-EUAA u l-Frontex. L-awtoritajiet introduċew ukoll arranġamenti operazzjonali mmirati biex jiffaċilitaw il-konformità mal-iskadenzi l-ġodda, inklużi proċeduri ta’ riferiment simplifikati, kapaċità ta’ akkoljenza addizzjonali fi Kreta u soluzzjonijiet ta’ trasport iddedikati għat-trasferiment rapidu tal-applikanti barra minn Kreta. L-Awtorità Nazzjonali għat-Trasparenza nħatret bħala l-mekkaniżmu indipendenti għall-monitoraġġ tad-drittijiet fundamentali fl-iskrinjar u fil-proċeduri fuq il-fruntiera.
F’April 2026, f’konformità mal-Artikolu 23 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2055, il-Greċja infurmat lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA) dwar il-postijiet ta’ trasferiment li għandhom jintużaw għall-fini tal-AMMR, inklużi l-postijiet tal-ajru, tal-baħar u tal-art, il-postijiet għal trasferimenti volontarji u ajruport prestabbilit.
Il-kapaċità operazzjonali tal-Unità Nazzjonali ta’ Dublin (NDU) issaħħet b’mod sinifikanti bi tħejjija għall-implimentazzjoni tal-AMMR. Fit-2 ta’ Ġunju 2026, 15-il membru tal-istaff interim addizzjonali ngħaqdu mal-Unità taħt il-Pjan Operazzjonali tal-EUAA, biex b’hekk il-livell totali tal-istaff tela’ għal 69 impjegat (34 membru tal-istaff interim, 21 membru tal-istaff b’terminu fiss u 14-il membru tal-istaff permanenti), appoġġati minn ħames mexxejja tat-timijiet. L-istaff minn unitajiet oħra jista’ jiġi skjerat ukoll biex jappoġġa l-NDU matul perjodi ta’ żieda fl-ammont ta’ xogħol. Barra minn hekk, tnediet proċedura ta’ reklutaġġ għal 116-il impjegat ieħor b’terminu fiss, li għandha tkompli ssaħħaħ il-kapaċità tal-NDU li timmaniġġja l-każijiet li jidħlu u tikkonforma mal-iskadenzi l-ġodda tal-AMMR. Il-NDU żviluppat proċeduri operattivi standard iddedikati għal talbiet u trasferimenti li jidħlu taħt l-AMMR. Il-flussi tax-xogħol il-ġodda jipprevedu verifika sistematika tar-responsabbiltà, involviment bikri tal-awtoritajiet tal-akkoljenza u tal-protezzjoni tat-tfal, u tħejjija strutturata tat-trasferimenti li jidħlu.
L-organizzazzjoni meħtieġa hija stabbilita biex tiżgura li s-Servizz ta’ Akkoljenza u Identifikazzjoni (RIS) jiġi infurmat madwar ġimgħa qabel it-trasferiment, li jippermetti li l-kapaċità ta’ akkoljenza u l-arranġamenti prattiċi jiġu organizzati minn qabel. L-iskambji ta’ informazzjoni ta’ kull ġimgħa dwar il-wasliet ippjanati jkomplu jappoġġaw it-tħejjija operazzjonali u l-ġestjoni effiċjenti tat-trasferimenti li jidħlu. L-awtoritajiet stabbilew ukoll l-arranġamenti meħtieġa biex japplikaw, fejn xieraq, restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-moviment skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Akkoljenza.
Il-kapaċità operazzjonali hija msaħħa aktar permezz tal-appoġġ tal-EUAA. L-awtoritajiet beħsiebhom jallokaw madwar terz tal-istaff interim appoġġat mill-EUAA (13-14-il impjegat) għal talbiet u trasferimenti li jidħlu, u qed jippjanaw attivitajiet ta’ taħriġ addizzjonali għall-istaff reklutat ġdid. Dan jikkomplementa t-taħriġ diġà pprovdut minn trainers speċjalizzati tal-NDU dwar l-AMMR, u speċifikament dwar il-kriterji ta’ responsabbiltà.
Il-Greċja implimentat b’suċċess ir-rekwiżiti tekniċi biex tgħaqqad is-sistemi nazzjonali tagħha mas-sistema ċentrali tal-Eurodac u hija kapaċi tittrażmetti d-data meħtieġa biex tissodisfa r-responsabbiltajiet tagħha kif stabbilit mir-Regolament (UE) 2024/1358.
Id-DubliNet ġie aġġornat b’suċċess u huwa kompletament operattiv f’konformità mar-rekwiżiti l-ġodda. Qed tiġi esplorata aktar awtomatizzazzjoni tal-proċessi tar-reġistrazzjoni, tal-klassifikazzjoni u tal-ġestjoni tal-każijiet biex jitnaqqas l-ammont ta’ xogħol amministrattiv u tiġi appoġġata l-konformità mal-iskadenzi tal-AMMR.
Is-sistema nazzjonali ta’ ġestjoni tal-każijiet Alkyoni II ġiet aġġornata biex tappoġġa l-implimentazzjoni tal-AMMR permezz tal-kalkolu awtomatizzat tal-iskadenza, il-ġestjoni tal-fluss tax-xogħol, il-monitoraġġ tal-każijiet, it-twissijiet, ir-rappurtar u l-funzjonijiet statistiċi, kif ukoll l-integrazzjoni mal-Eurodac. Huma ppjanati aktar konnessjonijiet mad-DubliNet, is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen u l-ETIAS, bl-objettiv li l-assistenti soċjali jkunu jistgħu jwettqu kompiti proċedurali ewlenin permezz ta’ pjattaforma unika. Dawn l-iżviluppi għandhom itejbu l-effiċjenza, isaħħu l-monitoraġġ tal-ammont ta’ xogħol u tal-każijiet pendenti, u jiffaċilitaw il-konformità mar-rekwiżiti proċedurali l-ġodda introdotti mill-AMMR.
Matul l-ewwel ġimgħat tal-applikazzjoni tal-AMMR (bejn it-12 ta’ Ġunju u s-7 ta’ Lulju 2026), 8 Stati Membri rrapportaw lill-Kummissjoni li ppreżentaw talbiet biex tittieħed responsabbiltà u notifiki għat-teħid lura lill-Greċja. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, il-Greċja waqqfet il-prattika li ma taċċettax ir-responsabbiltà u ma ngħatat l-ebda tweġiba negattiva għal raġunijiet barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-AMMR matul dan il-perjodu. L-iskadenza legali għat-tweġiba għal xi wħud minn dawk it-talbiet u n-notifiki kif stabbilit fl-Artikolu 39(1) tal-AMMR u fl-Artikolu 41 tal-AMMR għadha ma skadietx. Bejn t-12 ta’ Ġunju u s-7 ta’ Lulju u minħabba l-bidla li għadha reċenti fil-prattika marbuta mal-aċċettazzjoni tar-responsabbiltà, għadha ma ġiet ippreżentata l-ebda talba għal trasferiment lill-Greċja.
III.Valutazzjoni tas-sitwazzjoni fl-Italja
L-Italja wriet impenn sostnut u sforzi konsiderevoli bi tħejjija għall-implimentazzjoni tal-Patt kif indikat fit-tielet Rapport tal-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-Patt, inkluż għadd ta’ miżuri li għandhom l-għan li jiżguraw l-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda dwar ir-responsabbiltà tal-AMMR, kif ukoll innovazzjonijiet ewlenin tal-Patt bħall-proċedura fuq il-fruntiera jew l-Eurodac.
F’Ġunju 2026, il-Kunsill tal-Ministri Taljan adotta digriet amministrattiv li jintroduċi miżuri urġenti biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni f’waqtha tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-Patt. Dan jintroduċi emendi għall-qafas nazzjonali dwar il-migrazzjoni u l-ażil, inkluż dispożizzjonijiet relatati mal-proċedura tal-ażil fuq il-fruntiera, l-iskrinjar, l-Eurodac, il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza u l-proċeduri ta’ ritorn. Barra minn hekk, id-digriet amministrattiv jsaħħaħ il-kapaċità amministrattiva u ġudizzjarja meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-qafas il-ġdid, b’mod partikolari billi jiżgura staff addizzjonali għall-proċeduri tal-ażil u miżuri mmirati lejn it-tnaqqis tax-xogħol b’lura tal-każijiet tal-ażil. Id-digriet amministrattiv jeħtieġ li jiġi kkonvertit f’liġi mil-leġiżlatur Taljan fi żmien 60 jum mill-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali Taljan; dan il-proċess jinsab għaddej.
F’April 2026, f’konformità mal-Artikolu 23 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2055, l-Italja infurmat lill-EUAA dwar il-postijiet ta’ trasferiment li għandhom jintużaw għall-finijiet tal-AMMR, inklużi l-postijiet tal-ajru, tal-osservazzjoni u tal-art, il-postijiet għal trasferimenti volontarji u ajruport prestabbilit.
Il-kapaċità operazzjonali tal-Unità nazzjonali tal-AMMR issaħħet b’mod sinifikanti bi tħejjija għall-implimentazzjoni tal-AMMR. L-Unità qed tissaħħaħ permezz tar-reklutaġġ ta’ 15-il membru tal-istaff addizzjonali fit-tul, li minnhom mill-inqas 10 se jiġu assenjati għall-proċeduri ta’ trasferiment li deħlin, li kważi jirduppjaw ir-riżorsi disponibbli għat-trattament tal-kawżi li jidħlu. Inkisbu wkoll spazju addizzjonali għall-uffiċċji u faċilitajiet ta’ vidjokonferenzi. L-Unità hija organizzata f’setturi speċjalizzati li jkopru l-proċeduri li jkunu deħlin, il-proċeduri ħerġin, ir-rilokazzjoni, l-appelli u r-riunifikazzjoni tal-familja, b’dawk li jittrattaw il-każijiet responsabbli għaċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja tal-proċeduri fis-setturi rispettivi tagħhom.
Bħalissa għaddejja valutazzjoni tal-impatt mistenni tal-qafas legali l-ġdid biex jiġi stmat l-ammont ta’ xogħol futur u l-ħtiġijiet ta’ kapaċità fit-tul li jirriżultaw mill-proċeduri u l-iskadenzi riveduti tal-AMMR. B’mod parallel, riorganizzazzjoni ppjanata se tippermetti li r-riżorsi jiġu allokati b’mod aktar flessibbli skont l-ammont ta’ xogħol, filwaqt li jitqiesu kemm il-volum ta’ talbiet u notifiki, kif ukoll l-iskadenzi proċedurali applikabbli.
Il-flussi tax-xogħol qed jiġu adattati abbażi tal-ittestjar tal-applikazzjoni l-ġdida tad-DubliNet u tfasslet għodda nazzjonali ta’ ġestjoni tal-każijiet biex tiffaċilita t-trattament ta’ talbiet biex tittieħed responsabbiltà u notifiki ta’ teħid lura. Ġew stabbiliti proċeduri operazzjonali biex jikkoordinaw l-attivitajiet tal-awtoritajiet involuti fl-implimentazzjoni tal-Patt (b’mod partikolari fir-rigward tat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, inkluż mill-ġudikatura), filwaqt li jiżguraw ipproċessar simplifikat tal-każijiet, allokazzjoni ċara tar-responsabbiltajiet u konformità mar-rekwiżiti proċedurali l-ġodda.
It-tisħiħ tal-kapaċitajiet huwa appoġġat aktar permezz ta’ taħriġ kontinwu, parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ koordinazzjoni, moduli ta’ taħriġ tal-EUAA u mekkaniżmi interni ta’ kondiviżjoni tal-għarfien. L-istaff anzjan iċċertifikat bħala trainers tal-EUAA jipprovdi taħriġ, li jikkontribwixxi għal livell għoli ta’ għarfien espert u konsistenza operazzjonali fl-Unità kollha.
L-organizzazzjoni tas-sistema nazzjonali ta’ akkoljenza tidher suffiċjenti biex takkomoda persuni trasferiti skont l-AMMR fin-network nazzjonali eżistenti ta’ faċilitajiet ta’ akkoljenza, li jinkludi ċentri xierqa biex jakkomodaw familji bi tfal u applikanti vulnerabbli. Il-kapaċità ta’ akkoljenza qed tiżdied bl-appoġġ ta’ finanzjament addizzjonali tal-AMIF. Barra minn hekk, fil-każ ta’ żieda fit-trasferimenti, il-pjan ta’ kontinġenza żviluppat mill-awtoritajiet Taljani skont id-Direttiva (UE) 2024/1346 jippermetti espansjoni rapida tal-kapaċità ta’ akkoljenza permezz ta’ postijiet ta’ akkomodazzjoni addizzjonali, ikkoordinati mill-Ministeru tal-Intern u l-Prefetturi.
B’mod parallel, l-EUAA tkompli tipprovdi appoġġ operazzjonali fl-oqsma tal-proċeduri, l-appelli u r-rilokazzjoni li ħerġin, bil-ħtieġa għal aktar appoġġ li għandu jiġi vvalutat wara l-fażi ta’ implimentazzjoni inizjali tal-Patt.
L-Italja implimentat b’suċċess ir-rekwiżiti tekniċi biex tikkonnettja s-sistemi nazzjonali tagħha mas-sistema ċentrali tal-Eurodac u hija kapaċi tittrażmetti d-data meħtieġa biex tissodisfa r-responsabbiltajiet tagħha kif stabbilit mir-Regolament (UE) 2024/1358.
Id-DubliNet ġie aġġornat b’suċċess u huwa kompletament operattiv f’konformità mar-rekwiżiti l-ġodda. L-awtoritajiet Taljani pparteċipaw b’mod attiv fl-attivitajiet ta’ ttestjar tal-eu-LISA, inkluż b’mod bilaterali ma’ Stati Membri oħra, u ttestjaw b’suċċess funzjonalitajiet ewlenin bħall-ħolqien, it-trażmissjoni u l-wasla ta’ formoli standard. L-istaff tal-Unità tal-AMMR temm ukoll taħriġ iddedikat.
B’mod parallel, l-awtoritajiet qed jadattaw is-sistema nazzjonali ta’ ġestjoni tal-każijiet (CMS) biex jinkorporaw ir-rekwiżiti l-ġodda introdotti mill-Patt. L-aġġornamenti ppjanati għandhom l-għan li jtejbu l-interoperabbiltà mal-bażijiet tad-data tal-pulizija u mal-Eurodac, jiffaċilitaw l-iskambju ta’ informazzjoni fil-proċeduri kollha, u jintroduċu awtomatizzazzjoni akbar tal-flussi tax-xogħol.
Matul l-ewwel ġimgħat tal-applikazzjoni tal-AMMR (bejn it-12 ta’ Ġunju u s-7 ta’ Lulju 2026), 8 Stati Membri rrapportaw lill-Kummissjoni informazzjoni dwar is-sottomissjoni ta’ talbiet biex tittieħed responsabbiltà, notifiki għat-teħid lura u/jew formoli standard għat-trasferimenti. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, l-Italja tkompli taċċetta t-talbiet u n-notifiki b’mod taċitu. Madankollu, it-trasferimenti għadhom ma reġgħux bdew. Matul il-perjodu msemmi hawn fuq, intalbu 12-il trasferiment u l-Italja rrifjutathom. Skont l-AMMR, Stat Membru riċeventi ma jistax jirrifjuta trasferiment u għandu, f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2055, jipproponi data alternattiva għat-trasferiment.
IV.Konklużjonijiet
Sar progress konsiderevoli fl-implimentazzjoni tar-regoli tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil. L-Istati Membri jinsabu fit-triq it-tajba biex jadattaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, biex jistabbilixxu u jorganizzaw l-iskrinjar obbligatorju u l-proċeduri fuq il-fruntiera, biex jilħqu kapaċità ta’ akkoljenza suffiċjenti, kif ukoll biex inaqqsu x-xogħol b’lura u d-dewmien fil-proċeduri tal-ażil. L-Istati Membri avvanzaw ukoll fit-tisħiħ tal-kapaċità tagħhom li jipproċessaw it-trasferimenti tar-responsabbiltà u jimplimentaw wegħdiet ta’ solidarjetà. Fl-istess ħin, huma meħtieġa sforzi biex jiġu indirizzati l-isfidi li fadal, inkluż fir-rigward tar-regoli l-ġodda dwar ir-responsabbiltà skont l-AMMR.
L-applikazzjoni attwali tar-regoli ta’ responsabbiltà minn Ċipru u Spanja u l-koperazzjoni operattiva li qed isseħħ bħalissa ma’ dawn l-Istati Membri ma jqajmu l-ebda tħassib partikolari u huma meqjusa adegwati biex jiżguraw l-implimentazzjoni korretta tal-Parti III tar-Regolament (UE) 2024/1351. Għaldaqstant, ma huwa meqjus meħtieġ l-ebda monitoraġġ ulterjuri skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2323.
Il-miżuri meħuda mill-Greċja sal-lum, flimkien mal-involviment attiv u l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali ma’ Stati Membri oħra, huma indikazzjonijiet pożittivi li l-Greċja bdiet tirrimedja l-prattiki osservati fl-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Dublin III u qed turi r-rieda tagħha li tiżgura l-implimentazzjoni effettiva u korretta tal-Parti III tal-AMMR. Minħabba li r-regoli l-ġodda dwar ir-responsabbiltà tal-AMMR ilhom japplikaw għal inqas minn xahar u l-limiti ta’ żmien relatati mar-regoli l-ġodda dwar ir-responsabbiltà għad iridu jidħlu fis-seħħ, għadu mhuwiex possibbli li jiġi konkluż jekk il-prattiki tal-passat ġewx rimedjati bis-sħiħ.
Il-miżuri meħuda mill-Italja s’issa juru sforzi sinifikanti fit-tħejjija għall-implimentazzjoni tal-Parti III tal-AMMR. Madankollu, f’dan l-istadju, ma setgħet tiġi osservata l-ebda indikazzjoni konkreta li l-prattiki skont ir-Regolament Dublin III, u b’mod partikolari fir-rigward tas-sospensjoni tal-akkoljenza tat-trasferimenti, ħlief għal każijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja ta’ minorenni mhux akkumpanjati, ma għadhomx jippersistu. Barra minn hekk, bħalissa ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-awtoritajiet Taljani impenjaw ruħhom b’mod attiv ma’ Stati Membri oħra dwar il-passi prattiċi u loġistiċi biex jerġgħu jibdew it-trasferimenti. L-Italja jeħtieġ li tneħħi l-impedimenti kollha li fadal bħala kwistjoni ta’ prijorità, inkluż billi twaqqaf il-prattiki li s’issa żammew it-trasferimenti milli jseħħu, u tiżgura l-involviment u l-koperazzjoni operattiva meħtieġa ma’ Stati Membri oħra dwar l-arranġamenti prattiċi u loġistiċi kollha, sabiex it-trasferimenti jitwettqu b’mod effettiv f’konformità mal-AMMR.
Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja s-sitwazzjoni abbażi tal-informazzjoni u d-data rilevanti li għandhom jiġu pprovduti mill-Istati Membri fid-dawl tal-valutazzjoni li għandha titwettaq sal-15 ta’ Ottubru 2026 f’konformità mal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2323. Meta jsir hekk, se tingħata attenzjoni partikolari għal-livell ta’ koperazzjoni operattiva fost l-Istati Membri, inkluż l-involviment attiv biex jiġu ffaċilitati t-trasferimenti u l-kooperazzjoni mill-qrib dwar kwistjonijiet prattiċi u loġistiċi.