|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/3918 |
1.9.2026 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tal-10 ta’ Lulju 2026
dwar il-politika ekonomika, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarja tal-Ġermanja
(C/2026/3918)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2024/1263 jispeċifika l-objettivi tal-qafas ta' governanza ekonomika, li għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, tkabbir sostenibbli u inklużiv u reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, kif ukoll li jevita defiċits eċċessivi tal-gvern. Ir-Regolament jistipula li l-Kunsill u l-Kummissjoni jwettqu sorveljanza multilaterali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew f'konformità mal-objettivi u r-rekwiżiti stipulati fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Is-Semestru Ewropew jinkludi, b'mod partikolari, il-formulazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tagħhom. |
|
(2) |
Fil-25 ta' Novembru 2025, il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju tal-2026 tal-Ġermanja. Fl-istess data, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija tal-2026, li fih ma identifikatx lill-Ġermanja bħala wieħed mill-Istati Membri li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kapital uman fl-Unjoni Ewropea, u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2026, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (2) fil-21 ta' April 2026 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi, u r-Rakkomandazzjoni dwar il-kapital uman, fid-9 ta' Marzu 2026. |
|
(3) |
Fid-29 ta' Jannar 2025, il-Kummissjoni ppubblikat il-Boxxla għall-Kompetittività, qafas strateġiku li għandu l-għan li jagħti spinta lill-kompetittività dinjija tal-Unjoni matul il-ħames snin li ġejjin. Dan jidentifika t-tliet imperattivi trasformattivi tal-innovazzjoni, id-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività, u s-sigurtà bħala pilastri kritiċi għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli. Minn mindu ġiet ippubblikata, il-Boxxla għall-Kompetittività informat il-ħidma tas-Semestru Ewropew, li jiżgura li l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri jkunu konsistenti mal-objettivi strateġiċi tal-UE, u li jinħoloq approċċ unifikat għall-governanza ekonomika li jrawwem it-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u r-reżiljenza madwar l-Unjoni. |
|
(4) |
Fl-2026, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jiżviluppa flimkien mal-istadju finali tal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) (3). Il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza (RRPs), flimkien mal-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni, kienu essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta' politika taħt is-Semestru Ewropew, peress li l-pjanijiet kienu meħtieġa biex jiġu indirizzati b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti maħruġa f'ċikli reċenti, u l-programmi ffinanzjati mill-politika ta' koeżjoni Ewropea kienu meħtieġa jqisu r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Hekk kif l-RRF toqrob lejn tmiem il-ħajja tagħha, għadu essenzjali li jiġu sostnuti u żviluppati r-riformi u l-investimenti appoġġati u implimentati taħt l-RRF, b'mod partikolari dawk li jikkontribwixxu biex jindirizzaw l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. |
|
(5) |
Fit-3 ta' Ġunju 2026, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2026 għall-Ġermanja. Ivvalutat il-progress tal-Ġermanja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2025 u qieset l-implimentazzjoni tal-RRP tal-Ġermanja. Abbażi ta' din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika l-aktar sfidi urġenti li qed tiffaċċa l-Ġermanja. Ivvalutat ukoll il-progress tal-Ġermanja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni fl-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali, kif ukoll il-progress biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. |
|
(6) |
Il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u r-riperkussjonijiet tagħha jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni stiednet lil Stati Membri jitolbu l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir b'mod ikkoordinat biex jiġu appoġġati l-isforzi tal-UE biex tinkiseb żieda rapida u sinifikanti fin-nefqa fid-difiża (4) u din il-proposta ntlaqgħet mill-Kunsill Ewropew fis-6 ta' Marzu 2025. Fl-10 ta' Ottubru 2025, il-Kunsill, wara l-valutazzjoni u r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan nazzjonali fuq terminu medju tal-Ġermanja u li tippermetti lill-Ġermanja tiddevja mir-rati massimi ta' tkabbir fin-nefqa netta kif stabbiliti mill-Kunsill skont ir-Regolament (UE) 2024/1263 (Attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali) (5). Il-pjan ikopri l-perjodu mill-2025 sal-2029 u jippreżenta aġġustament fiskali mifrux fuq 7 snin. Il-Kunsill irrakkomanda r-rati massimi ta' tkabbir li ġejjin tan-nefqa netta: 4,4 % fl-2025, 4,5 % fl-2026, 2,3 % fl-2027, 1,7 % fl-2028 u 1,6 % fl-2029, li jikkorrispondu għar-rati ta' tkabbir kumulattivi massimi kkalkulati b'referenza għas-sena ta' referenza l-2024 ta' 4,4 % fl-2025, 9,0 % fl-2026, 11,5 % fl-2027, 13,3 % fl-2028 u 15,2 % fl-2029. Fl-istess waqt, wara talba tal-Ġermanja, fl-10 ta' Ottubru 2025 il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni li tippermetti lill-Ġermanja li tiddevja mir-rati massimi ta' tkabbir rakkomandati tan-nefqa netta. Il-perjodu meta tiġi attivata l-klawżola liberatorja nazzjonali (2025–2028) jippermetti lill-Ġermanja tipprijoritizza mill-ġdid in-nefqa tal-gvern jew iżżid id-dħul tal-gvern sabiex in-nefqa fid-difiża, li tkun ogħla b'mod dejjiemi, ma tipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju. |
|
(7) |
Fit-30 ta' April 2026, il-Ġermanja ppreżentat ir-Rapport ta' Progress Annwali tagħha għall-2026 (6) dwar l-aderenza mar-rati massimi ta' tkabbir rakkomandati tan-nefqa netta, l-implimentazzjoni tas-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament u l-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Ir-Rapport ta' Progress Annwali jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Ġermanja dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha f'konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241. |
|
(8) |
It-tkabbir tal-PDG reali fl-2025 kien ta' 0,2 % u l-inflazzjoni tal-HICP kienet ta' 2,3 %. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali jikber b'0,6 % fl-2026 u 0,9 % fl-2027, u li l-inflazzjoni tal-HICP tkun 2,9 % fl-2026 u 2,7 % fl-2027. |
|
(9) |
Abbażi ta' data pprovduta mill-Eurostat (7), id-defiċit tal-gvern estiż tal-Ġermanja baqa' kostanti bejn l-2024 u l-2025 fil-livell ta' 2,7 % tal-PDG. Abbażi ta' miżuri ta' politika magħrufa sad-data limitu tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit ta' 3,7 % tal-PDG fl-2026 u 4,1 % tal-PDG fl-2027. Iż-żieda fl-2026 u fl-2027 tirrifletti prinċipalment żieda fl-infiq fuq l-infrastruttura u dak relatat mad-difiża u miżuri ta' ħelsien mit-taxxa li jnaqqsu d-dħul. |
|
(10) |
Abbażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali (8), li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, kienet ġeneralment newtrali fl-2025. Hija pprojettat li tkun espansjonarja kemm fl-2026 kif ukoll fl-2027, b'1,3 % u 0,5 % tal-PDG, rispettivament. |
|
(11) |
Abbażi tad-data pprovduta mill-Eurostat (9), id-dejn tal-gvern estiż tal-Ġermanja żdied minn 62,2 % tal-PDG fi tmiem l-2024 għal 63,5 % tal-PDG fi tmiem l-2025. Iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn fl-2025 tirrifletti prinċipalment aġġustament ogħla bejn l-istokk u l-flussi fl-2025. Abbażi ta' miżuri ta' politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG jiżdied għal 65,8 % sa tmiem l-2026 u jkompli jiżdied għal 68,0 % sa tmiem l-2027. Iż-żidiet fl-2026 u fl-2027 jirriflettu prinċipalment iż-żidiet fid-defiċit primarju. |
|
(12) |
Abbażi tad-data tal-Eurostat (10), in-nefqa totali fid-difiża tal-gvern estiż fil-Ġermanja ammontat għal 1,5 % tal-PDG fl-2025, li tikkorrispondi għal żieda ta' 0,4 punti perċentwali tal-PDG meta mqabbla mas-sena ta' referenza 2021. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni, hija pprojettata għal 1,9 % tal-PDG fl-2026, li tikkorrispondi għal żieda ta' 0,8 punti perċentwali tal-PDG meta mqabbla mal-2021 (11). |
|
(13) |
L-Unjoni tkompli tiffaċċa riskji ta' interruzzjonijiet fil-provvista tal-enerġija u volatilità għolja tal-prezzijiet, aggravati minn tensjonijiet ġeopolitiċi li jaffettwaw is-swieq dinjija taż-żejt u tal-gass. L-esperjenza mill-kriżi tal-enerġija tal-2022-2023 uriet li miżuri wiesgħa u mhux immirati jinvolvu kostijiet fiskali kbar u huma soċjalment u ekonomikament ineffiċjenti. Minn mindu faqqgħet il-gwerra fil-Lvant Nofsani fi Frar 2026, il-Ġermanja adottat miżuri ta' politika fiskali biex ittaffi l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija fuq l-unitajiet domestiċi u d-ditti (12). Dawn jinkludu tnaqqis mhux immirat fit-taxxa fuq l-enerġija fuq id-diżil u l-petrol għal Mejju-Ġunju 2026. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni, il-kost fiskali ta' dawn il-miżuri huwa pprojettat li jammonta għal madwar 0,1 % tal-PDG fl-2026. Skont l-istimi tal-Kummissjoni, kieku l-miżuri kellhom jibqgħu fis-seħħ sa tmiem l-2026, il-kost fiskali tal-miżuri jammonta għal 0,2 % tal-PDG fl-2026. |
|
(14) |
Abbażi tal-kalkoli tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fil-Ġermanja kibret bi 3,8 % fl-2025. It-tkabbir fin-nefqa netta fl-2025 huwa taħt ir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata. |
|
(15) |
Abbażi tal-kalkoli tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fil-Ġermanja hija pprojettata li tikber b'5,6 % fl-2026, u b'9,7 % b'mod kumulattiv matul l-2025 u l-2026. It-tkabbir ipprojettat fin-nefqa netta fl-2026 huwa ogħla mir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata, li tikkorrispondi għal devjazzjoni ta' 0,5 % tal-PDG f'termini annwali. Meta jitqiesu l-2025 u l-2026 flimkien, ir-rata ta' tkabbir kumulattiv tan-nefqa netta pprojettata hija wkoll ogħla mir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata, li tikkorrispondi għal devjazzjoni ta' 0,3 % tal-PDG f'termini kumulattivi. Madankollu, id-devjazzjoni pprojettata hija fi ħdan il-flessibbiltà tal-klawżola liberatorja nazzjonali bbażata fuq il-projezzjonijiet attwali għall-infiq fid-difiża. |
|
(16) |
Ir-rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan fuq terminu medju tal-Ġermanja tispeċifika s-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament, flimkien ma' skeda ta' żmien għall-implimentazzjoni tagħhom. Filwaqt li tqis l-informazzjoni pprovduta mill-Ġermanja fir-Rapport ta' Progress Annwali tagħha, il-Kummissjoni ssib li l-implimentazzjoni tal-passi ewlenin ta' dawn ir-riformi u l-investimenti li kienu dovuti sat-30 ta' April 2026 tidher li tinsab ġeneralment fit-triq it-tajba. Il-Kummissjoni tqis li, b'mod ġenerali, il-Ġermanja kkonformat mal-impenji tagħha b'mod sodisfaċenti (13). |
|
(17) |
Fit-3 ta' Ġunju 2026, il-Kummissjoni adottat rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE (14). Dak ir-rapport ivvaluta s-sitwazzjoni tal-Ġermanja fir-rigward tal-kriterju tad-defiċit, billi d-defiċit ippjanat tal-gvern estiż tagħha fl-2026 jaqbeż il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG. Ir-rapport ikkonkluda li l-kriterju tad-defiċit mhuwiex issodisfat mill-Ġermanja. Madankollu, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li ma hemm l-ebda każ biex tinfetaħ proċedura ta' defiċit eċċessiv għall-Ġermanja, peress li l-Kunsill attiva l-klawżola liberatorja nazzjonali għall-Ġermanja u d-defiċit ipprojettat li jaqbeż il-valur referenzjarju fl-2026 huwa spjegat bis-sħiħ miż-żieda fin-nefqa fid-difiża mill-2021, abbażi tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni. Fid-dawl ta' dan u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju kif stabbilit skont l-Artikolu 126(4) TFUE, il-Kummissjoni ma pproponietx li tiftaħ proċedura ta' defiċit eċċessiv. |
|
(18) |
Wara żewġ deċennji ta' nuqqas ta' investiment, l-investiment pubbliku bħala sehem tal-PDG żdied, minn 2,2 % fl-2005 għal 2,9 % fl-2023 għal 3,3 % fl-2025. Madankollu, l-investiment pubbliku nett, jiġifieri, l-investiment wara d-deprezzament, għadu fost l-aktar baxxi fl-UE, fil-livell ta' 0,4 % tal-PDG. Dan juri l-ħtieġa li jissaħħaħ aktar l-investiment pubbliku biex jissaħħu t-tkabbir u l-kompetittività. Barra minn hekk, għadhom importanti aktar sforzi biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri tal-ippjanar u tal-approvazzjoni u biex jiġu indirizzati l-konġestjonijiet fil-kapaċità amministrattiva. Il-prijoritajiet tipiċi ta' redditu għoli għall-investiment jinkludu l-iskejjel u l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, l-infrastruttura ferrovjarja kif ukoll is-sistema ta' innovazzjoni. Il-kumplessità tal-istrutturi federali, ir-responsabbiltajiet frammentati u l-kapaċitajiet finanzjarji limitati fil-livell muniċipali jistgħu jfixklu l-implimentazzjoni f'waqtha u effiċjenti tal-proġetti. |
|
(19) |
Is-sehem relattivament baxx tal-investiment pubbliku fil-PDG jappartjeni għall-kwalità tal-finanzi pubbliċi, li tista' tittejjeb konsiderevolment. L-implimentazzjoni tal-Fond Speċjali għall-Infrastruttura u n-Newtralità Klimatika hija mistennija li tkompli tiffinanzja l-investimenti pubbliċi. Madankollu, għad hemm lok biex tingħata spinta lill-addizzjonalità u lill-kwalità tal-infiq taħt il-fond speċjali. Enfasi aktar qawwija fuq il-formazzjoni tal-kapital f'oqsma li jżidu l-kapaċità produttiva u l-kompetittività tal-ekonomija – inkluż l-infrastruttura għall-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet – minflok skopijiet ta' konsum tista' tgħin biex jiġi massimizzat l-impatt pożittiv fuq it-tkabbir fit-tul. Sfida oħra għall-kwalità tal-finanzi pubbliċi hija t-trasferiment mill-baġit federali għas-sistema tal-pensjonijiet, li kien EUR 122 biljun fl-2025, u baqa' madwar 25 % tan-nefqa tal-gvern federali, li jnaqqas l-ambitu għal infiq aktar produttiv. L-impenji li saru fl-2025 biex jiżdiedu l-pensjonijiet tal-ommijiet u biex jinżamm proporzjon statutorju ta' sostituzzjoni tal-pensjonijiet ta' 48 % sal-2031 mistennija li jkomplu jżidu n-nefqa tal-pensjonijiet. L-għażliet ta' riforma tal-pensjonijiet enfasizzati fil-Premessa (22) jistgħu jtaffu l-ħtieġa għal trasferimenti baġitarji u żidiet fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, u b'hekk jippromwovu l-ġustizzja interġenerazzjonali. Opportunitajiet oħra biex tissaħħaħ l-effiċjenza ġenerali tal-infiq pubbliku jistgħu jirriżultaw minn aktar rieżamijiet tal-infiq u s-segwitu tagħhom b'azzjoni ta' politika speċifika, pereżempju dwar ir-razzjonalizzazzjoni jew l-eliminazzjoni ta' sussidji mhux essenzjali. |
|
(20) |
It-tixjiħ demografiku qed jeżerċita pressjoni fuq il-proporzjon ta' dipendenza tax-xjuħija, u b'hekk jisfida s-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet u l-adegwatezza tal-pensjonijiet statutorji. Bejn l-2025 u l-2035, il-popolazzjoni fl-età tax-xogħol (minn 20 sa 64 sena) hija pprojettata li tonqos minn 49 miljun għal 45 miljun. Is-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet qed issib ukoll sfida minn għażliet attraenti ta' rtirar bikri, u n-nuqqas ta' kunsiderazzjoni tal-pressjonijiet demografiċi permezz tal-fattur ta' sostenibbiltà jew l-aġġustament tal-età tal-irtirar biex jirrifletti ż-żidiet fl-istennija tal-għomor. Ir-reviżjoni tal-indiċjar tal-pensjonijiet u l-aġġustament tal-limiti massimi tal-kontribuzzjonijiet jistgħu jgħinu biex is-sistema tal-pensjonijiet issir aktar sostenibbli. Ir-rapport tal-kummissjoni tal-pensjonijiet jippreżenta opportunità propizja għal riformi ambizzjużi u estensivi. Is-sistema tal-pensjonijiet kollha trid tiżgura introjtu adegwat fix-xjuħija; bi skemi tal-pensjonijiet okkupazzjonali u individwali li jikkomplementaw il-pilastru statutorju tal-pensjonijiet. Huwa rakkomandabbli li jsir użu aħjar mis-soluzzjonijiet tal-pensjoni ggarantiti b'kapital. Ir-riforma tal-2026 tal-pensjonijiet tax-xogħol hija pass pożittiv, iżda l-iskemi tal-pensjonijiet tax-xogħol, flimkien mal-iskemi tal-pensjonijiet statutorji għall-professjonijiet regolati, għadhom frammentati. Għal xi skemi s-superviżjoni hija deċentralizzata għal-livell tal-Länder; għal oħrajn, il-benefiċċji jibqgħu mhux iffinanzjati peress li ma hemm l-ebda ġabra ddedikata ta' assi li jsostnu l-wegħda tal-pensjoni. Barra minn hekk, in-nuqqas ta' bażi tal-assi profonda, u l-ġestjoni u s-sorveljanza inadegwati f'xi skemi, joħolqu ostaklu għal swieq ta' kapital ta' riskju aktar profondi fl-UE. Barra minn hekk, il-pensjonijiet tax-xogħol ikopru biss madwar 51 % tal-impjegati soġġetti għall-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni soċjali, u dan is-sehem qed jonqos, peress li l-impjiegi qed jaqilbu għal setturi b'kopertura tal-pensjoni tax-xogħol aktar baxxa. Ir-reġistrazzjoni awtomatika tal-impjegati fi skema tal-pensjoni ggarantita b'assi tista' tibbenefika b'mod partikolari lil dawk li jaqilgħu inqas u li bħalissa huma inqas koperti, u b'hekk tittejjeb l-adegwatezza tal-pensjonijiet. Minħabba r-rata għolja ta' tfaddil tal-Ġermanja, ir-riformi għandhom jagħtu prijorità lil gruppi b'introjtu baxx li bħalissa ftit li xejn ifaddlu għall-irtirar; barra minn hekk, tkun mixtieqa riallokazzjoni tat-tfaddil biex jiġi pprovdut aktar kapital lill-kumpaniji, inkluż il-kapital ta' riskju, aktar milli tiżdied ir-rata ġenerali tat-tfaddil. Għal pensjonijiet individwali, ir-riforma leġiżlata ta' kont ta' tfaddil għall-irtirar (Altersvorsorgedepot) mingħajr garanziji obbligatorji twitti t-triq għall-possibbiltà ta' redditi ogħla. Madankollu, l-iżgurar li l-kostijiet tal-ġestjoni ta' kontijiet bħal dawn jitrażżnu ser jkun sfida ewlenija għall-implimentazzjoni. Meta titqies ir-rata ta' kopertura relattivament limitata (30 %) attwali tal-pensjonijiet individwali, jista' jiġi previst fond b'mandat mill-gvern, li dawk li jfaddlu għall-irtirar jużaw b'mod awtomatiku (jiġifieri jekk ma jkunux iridu jagħżlu l-fondi tagħhom stess), b'kost operatorju baxx. Dan jista' jiggwida wkoll lis-suq f'termini ta' kostijiet u prattiki. |
|
(21) |
Struttura tat-taxxa favur ix-xogħol hija kruċjali għat-tisħiħ tal-inċentivi biex jiżdiedu s-sigħat maħduma. Il-ħaddiema fil-Ġermanja jiffaċċaw wieħed mill-ogħla porzjonijiet ta' taxxa (inkluż it-taxxi fuq il-qligħ mill-kontribuzzjonijiet tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali) fl-UE. B'mod partikolari, taxxi għoljin flimkien ma' regoli stretti dwar l-irtirar tal-benefiċċji (bħal benefiċċji mnaqqsa hekk kif jiżdied l-introjtu) inaqqsu l-inċentivi biex jiżdied l-għadd ta' sigħat maħduma, b'mod partikolari għal ħaddiema b'paga baxxa. Ir-regoli tat-tassazzjoni konġunta tal-koppji miżżewġin (Ehegattensplitting) jipprovdu diżinċentivi biex jiżdiedu s-sigħat maħduma għat-tieni sors ta' dħul, spiss nisa. It-titjib potenzjali li jikkonċerna s-simplifikazzjoni tal-irtirar tal-benefiċċji u d-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni soċjali ġie identifikat reċentement mill-Kummissjoni dwar l-Istat Soċjali, li pproponiet ukoll li tittejjeb l-effettività tas-sistema ta' protezzjoni soċjali u b'hekk jitnaqqsu r-riskji tal-faqar, permezz tas-simplifikazzjoni u t-titjib tal-aċċess għall-benefiċċji. Riformi li jakkumpanjaw il-benefiċċji soċjali bi tnaqqis tat-taxxa fuq l-introjtu speċjalment għall-introjti baxxi u medji – kif imħabbar fil-ftehim ta' koalizzjoni – u regoli aġġustati ta' tassazzjoni konġunta kif ukoll ta' kopertura tal-assigurazzjoni tas-saħħa tal-konjuġi, jistgħu jżidu l-inċentivi tal-provvista tax-xogħol b'mod konsiderevoli. Minflok, iċ-ċaqliq tat-taħlita tat-taxxa lejn taxxi li joħolqu inqas distorsjoni jista' jżid potenzjal alternattiv ta' dħul, anke fil-livell reġjonali, kif ukoll inaqqas is-sussidji tat-taxxa li jagħmlu ħsara lill-ambjent, minflok ma jżidhom. |
|
(22) |
L-involviment sistematiku, sinifikanti u f'waqtu tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa' essenzjali sabiex tiġi żgurata sjieda wiesgħa għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-istrumenti ta' finanzjament tal-Unjoni, kif ukoll fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. |
|
(23) |
L-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni, li tinkludi appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) u mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) fil-Ġermanja, għadha taħt il-medja tal-UE, kemm f'termini tal-għażla tal-proġetti kif ukoll tal-pagamenti. Huwa importanti li jiżdiedu u jiġu aċċellerati l-isforzi biex jiġi żgurat it-twassil rapidu tal-investimenti, filwaqt li jiġi massimizzat l-impatt tagħhom fil-prattika. Il-Ġermanja diġà qed tieħu azzjoni taħt il-programmi tal-politika ta' koeżjoni tagħha biex tagħti spinta lill-kompetittività u t-tkabbir. Fl-istess ħin, il-Ġermanja għadha qed tiffaċċa sfidi fl-implimentazzjoni, inkluż dawk relatati mal-ilħuq tal-miri ta' nfiq fi tmiem l-2026. Huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-investimenti l-ġodda identifikati mill-Ġermanja fir-rieżami ta' nofs it-terminu tagħha tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni, b'mod partikolari dawk marbuta mal-ħames prijoritajiet identifikati fir-Regolament dwar ir-Rieżami ta' Nofs it-Terminu (15), jintużaw malajr u b'mod effettiv. |
|
(24) |
Il-Ġermanja qed tiffaċċa wkoll diversi sfidi relatati mal-innovazzjoni, id-diversifikazzjoni tal-ekonomija, id-dinamiżmu tan-negozju u l-investiment privat, id-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, l-infrastruttura diġitali, l-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni, id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili, l-investiment fis-sistemi tal-enerġija u d-dekarbonizzazzjoni tal-bini, it-trasport u l-industrija, il-provvista tax-xogħol, il-ħiliet, l-attrazzjoni u ż-żamma tat-talent minn pajjiżi mhux tal-UE, l-eżiti edukattivi kif ukoll id-disponibbiltà tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal u l-iskejjel ta' ġurnata sħiħa. |
|
(25) |
L-innovazzjoni tas-settur privat hija kkonċentrata f'kumpaniji kbar, reġjuni speċifiċi u setturi tat-teknoloġija medja. In-nefqa fuq ir-riċerka u l-iżvilupp minn intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) għadha baxxa (0,18 % fl-2023 meta mqabbla mal-medja tal-UE ta' 0,47 %). L-attività tal-innovazzjoni hija kkonċentrata fis-setturi tat-teknoloġija medja. L-ambjent tal-innovazzjoni jista' jibbenefika minn aktar finanzjament pubbliku għat-teknoloġija profonda u l-innovazzjoni trasformattiva. L-output tar-R&Ż naqas meta mkejjel bħala sehem tal-aktar pubblikazzjonijiet u applikazzjonijiet għal privattivi kkwotati. Il-Ġermanja tbati fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni tar-riċerka akkademika. Approċċ aktar sistematiku għat-trasferiment tal-għarfien, inkluż permezz tal-prijoritizzazzjoni tal-finanzjament pubbliku għal innovazzjoni fixkiela, jista' jtejjeb il-konverżjoni ta' riċerka akkademika ta' kwalità għolja fi prodotti kummerċjalment vijabbli. Bħalissa, il-proċess spiss jiġi mfixkel minn limitazzjonijiet strutturali bħal sistemi ta' finanzjament u ta' inċentivi għall-karriera li ma jipprijoritizzawx b'mod adegwat il-kummerċjalizzazzjoni kif ukoll negozjati fit-tul u burokratiċi dwar il-proprjetà intellettwali, li jdewmu jew jiskoraġġixxu t-traduzzjoni tar-riċerka f'innovazzjonijiet lesti għas-suq. Għall-innovazzjoni avvanzata, huwa importanti li jissaħħu r-raggruppamenti bi prestazzjoni għolja (eż. permezz ta' inizjattivi ta' eċċellenza) filwaqt li jitrawmu ekosistemi tar-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) imfassla apposta u tiġi żgurata infrastruttura tar-riċerka u tat-trasferiment tat-teknoloġija għan-negozji. |
|
(26) |
It-trasformazzjoni ekonomika fil-Ġermanja qed tintensifika, u l-insolvenzi tan-negozji (Personen- und Kapitalgesellschaften) laħqu l-ogħla livell tagħhom f'20 sena. L-għadd ta' kumpaniji f'diffikultà qed jiżdied u l-isfidi strutturali qed jiżdiedu, b'mod partikolari fir-reġjuni ta' trasformazzjoni industrijali. Għalhekk, isir saħansitra aktar kruċjali li jiġu ffaċilitati d-dħul u t-tkabbir sodi u li titħaffef ir-riallokazzjoni tar-riżorsi minn kumpaniji mhux vijabbli għal ditti produttivi u innovattivi, inkluż start-ups u scale-ups. L-għadd ta' start-ups li għadhom kif twaqqfu żdied fl-2025 mis-sena ta' qabel, iżda l-attività ta' start-ups għadha taħt il-livell tagħha tal-2018, u l-propensità ġenerali li jinbeda negozju fil-Ġermanja għadha relattivament baxxa. Id-dipendenza tal-Ġermanja fuq l-industriji tat-teknoloġija medja u rata aktar dgħajfa tal-output tal-innovazzjoni jissuġġerixxu li l-pajjiż jista' jkun qed jesperjenza effetti ta' intrappolament fejn jipprevalu industriji u teknoloġiji stabbiliti, filwaqt li parteċipanti ġodda jiffaċċaw sfidi biex jippromwovu teknoloġiji emerġenti u jġibu innovazzjonijiet fil-bażi industrijali. Il-finanzjament jibqa' sfida ewlenija għall-imprendituri żgħażagħ, b'mod partikolari għal scale-ups. It-tisħiħ tar-rwol tal-investituri istituzzjonali bħala fornituri tal-kapital jista' jgħin biex jiġu approfonditi s-swieq kapitali u jittejbu l-effiċjenza u t-tkabbir tal-investiment. Filwaqt li firxa ta' programmi tal-gvern, primarjament permezz tal-bank tal-iżvilupp KfW, jappoġġaw is-sistema tal-kapital ta' riskju, it-tnaqqis tal-inċertezza tat-taxxa fir-rigward tal-istrutturi tas-sħubija jista' jagħmel il-ġestjoni tal-kapital ta' riskju u tal-fondi ta' ekwità privata fil-Ġermanja aktar attraenti għall-maniġers privati. B'mod aktar ġenerali, il-finanzjament korporattiv jista' jittejjeb permezz ta' suq bankarju aktar effiċjenti, li jipprovdi self b'kostijiet aktar baxxi u prodotti aktar flessibbli. Dan huwa mxekkel minn ineffiċjenzi operazzjonali: il-proporzjon tal-kost mal-introjtu tal-banek Ġermaniżi kien ta' 58,3 % f'Marzu 2025 meta mqabbel mal-medja tal-UE ta' 54 %. Il-konsolidazzjoni, il-fużjonijiet, inkluż ma' banek minn Stati Membri oħra tal-UE, iċ-ċentralizzazzjoni tal-operazzjonijiet jistgħu jnaqqsu b'mod konsiderevoli tali ineffiċjenzi. |
|
(27) |
Il-gvern qed jippjana li jnaqqas il-kostijiet amministrattivi għan-negozji b'25 % matul il-perjodu leġiżlattiv attwali. Madankollu, l-għanijiet ambizzjużi ma jidhrux li huma akkumpanjati minn strumenti fundamentalment ġodda jew konsolidazzjoni tal-kompetenzi li jippromwovu tnaqqis effettiv tal-piż. Dan huwa kritiku peress li ħafna negozji jirrapportaw dewmien (62 %) u żieda fil-kostijiet operazzjonali (44 %) minħabba interazzjonijiet amministrattivi. Għodod effettivi jistgħu jinkludu regoli simplifikati dwar l-evidenza dokumentarja, l-użu usa' ta' approvazzjoni amministrattiva b'mod awtomatiku u approċċi b'rata fissa aktar milli verifika preċiża każ b'każ. Valutazzjoni bir-reqqa tal-kostijiet u l-benefiċċji tista' tgħin biex jiġi żgurat li l-isforz assoċjat mar-regolamentazzjoni l-ġdida jkun proporzjonat mal-benefiċċji li jipprovdu. Minħabba ċ-ċentralità tal-Ġermanja fis-suq uniku, hemm ħtieġa partikolari li jitnaqqsu l-ostakli nazzjonali u reġjonali għall-kummerċ fi ħdan iż-ŻEE ta' oġġetti u servizzi, anke billi tiġi evitata implimentazzjoni nazzjonali oneruża tal-leġiżlazzjoni tal-UE u billi jitnaqqas il-piż tal-konformità tal-imballaġġ u tal-ġestjoni tal-iskart. |
|
(28) |
Il-Ġermanja qed tagħmel sforzi biex ittejjeb id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi tagħha, iżda dawn għadhom ma wasslux għal ħafna progress li jista' jitkejjel. Il-prestazzjoni tal-Ġermanja fil-miri ewlenin tad-Deċennju Diġitali rigward il-forniment ta' servizzi pubbliċi diġitali għaċ-ċittadini u għan-negozji għadha taħt il-medja tal-UE. Il-kundizzjonijiet abilitanti ewlenin għal amministrazzjoni diġitali, identifikazzjoni elettronika u reġistri tad-data konnessi mingħajr xkiel, mhumiex żviluppati biżżejjed. Il-pajjiż għadu lura f'soluzzjonijiet diġitali biex jibda u jsegwi l-proċedimenti f'kawżi tal-qorti ċivili/kummerċjali u amministrattiva. Barra minn hekk, is-servizzi diġitali li għadhom kif ġew żviluppati ma jiġux introdotti b'mod konsistenti fir-reġjuni u l-muniċipalitajiet kollha, u dan jillimita l-kopertura territorjali u l-iskalabbiltà tagħhom. Fejn jeżistu servizzi diġitali, dawn spiss ma jkunux faċli biżżejjed għall-utent peress li ċ-ċittadini u n-negozji għadhom jiffaċċaw proċeduri kumplessi, parzjalment diġitalizzati biss u interazzjonijiet ripetuti ma' diversi awtoritajiet. Dan jindika ħtieġa usa' li tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika, b'koordinazzjoni mtejba jew responsabbiltajiet aġġustati bejn il-livelli tal-gvern. Il-gvernijiet federali u reġjonali u lokali jistgħu jespandu l-użu tagħhom ta' elementi kostitwenti u standards diġitali komuni u jikkonsolidaw proċeduri amministrattivi li jikkoinċidu. Tali modernizzazzjoni hija wkoll dejjem aktar meħtieġa biex tiġi ppreservata l-kapaċità amministrattiva fid-dawl tan-nuqqas dejjem jikber ta' persunal, li jagħmel id-diġitalizzazzjoni, l-awtomatizzazzjoni u proċeduri aktar sempliċi bħala faċilitaturi ewlenin ta' amministrazzjoni pubblika effettiva u reżiljenti. |
|
(29) |
Il-Ġermanja qed tkompli tagħmel progress fl-espansjoni tal-infrastruttura tal-konnettività tagħha, billi tilleġiżla biex tiffaċilita l-ħruġ ta' permessi għall-fibra ottika u għan-networks tal-komunikazzjoni mobbli. Madankollu, il-kopertura tal-fibra sal-bini (FTTP, fibre-to-the-premises) tal-pajjiż baqgħet it-tieni l-aktar baxxa fl-UE. Lakuni persistenti fil-kopertura, flimkien ma' disparitajiet reġjonali sinifikanti, jirriskjaw li jillimitaw il-kompetittività, jillimitaw it-tkabbir tal-produttività, u jnaqqsu r-ritmu tal-adozzjoni ta' teknoloġiji diġitali intensivi fid-data. L-irkupru jeħtieġ implimentazzjoni effettiva tal-impenji mill-awtoritajiet federali u reġjonali biex jippermettu investiment kontinwu mis-settur privat fejn possibbli u jipprovdu appoġġ pubbliku fejn meħtieġ. |
|
(30) |
L-investiment fl-akkomodazzjoni fil-Ġermanja naqas fl-2025 għall-ħames sena konsekuttiva, wara li naqas b'20 % mill-2020, u dan ikkontribwixxa għal sfidi ta' affordabbiltà tal-akkomodazzjoni u staġnar ekonomiku usa'. Distakk dejjem jikber bejn il-prezzijiet tal-kiri f'kuntratti eżistenti u ġodda jwassal għal suq tal-akkomodazzjoni ffriżat, li jillimita l-mobbiltà tal-forza tax-xogħol. Il-miżuri ta' regolamentazzjoni tal-kera ma jindirizzawx il-kawżi sottostanti tan-nuqqas ta' akkomodazzjoni u jistgħu jdgħajfu l-inċentivi għall-investiment privat u jfixklu l-użu effiċjenti tal-akkomodazzjoni disponibbli. L-ippjanar kumpless u twil tal-użu tal-art jista' jxekkel aktar riallokazzjoni tal-art għal skopijiet ta' akkomodazzjoni jew densifikazzjoni. It-“turbo tal-kostruzzjoni” adottat għandu l-għan li jaċċellera l-proċeduri tal-ippjanar u tal-ħruġ ta' permessi, iżda l-adozzjoni tiegħu għadha irregolari fil-muniċipalitajiet kollha. It-tnaqqis tal-kostijiet tal-kostruzzjoni, li huma l-ogħla fl-UE, huwa kruċjali biex tiġi pprovduta aktar akkomodazzjoni. L-implimentazzjoni tal-“akkomodazzjoni tat-tip E” mħabbra, standard fil-kostruzzjoni aktar sempliċi u bbażat fuq il-ħtiġijiet, ser ikollha tipprovdi ċertezza legali meta jiġu applikati standards aktar sempliċi. L-indirizzar tal-isfida tal-investiment fl-akkomodazzjoni jirrikjedi innovazzjoni fil-kostruzzjoni, regolamenti aktar simplifikati u razzjonalizzati, proċessi diġitalizzati, ippjanar aħjar tal-użu tal-art, konnessjonijiet aħjar tat-trasport kif ukoll żieda fl-istokk tal-akkomodazzjoni soċjali u użu aktar immirat soċjalment tal-unitajiet eżistenti. |
|
(31) |
Il-Ġermanja kompliet tagħmel progress fit-tranżizzjoni tal-enerġija, partikolarment billi żiedet il-produzzjoni tal-elettriku rinnovabbli. Madankollu, il-fjuwils fossili għadhom jirrappreżentaw sehem sostanzjali mit-taħlita tal-enerġija. Biex tilħaq l-għanijiet klimatiċi tagħha, il-Ġermanja għandha tkompli taċċellera l-eliminazzjoni gradwali tal-fjuwils fossili fis-setturi kollha, b'mod partikolari fl-akkomodazzjoni u t-trasport, filwaqt li tappoġġa l-introduzzjoni kosteffettiva tal-enerġija rinnovabbli u l-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tal-grilja. |
|
(32) |
Minkejja l-progress li sar, għad fadal sfidi strutturali fl-integrazzjoni effiċjenti ta' volumi varjabbli u li qed jikbru ta' ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fis-sistema tal-elettriku. Il-konġestjoni tal-grilja minħabba l-ispariġġ ġeografiku bejn il-ġenerazzjoni rinnovabbli u ċ-ċentri tad-domanda tillimita l-użu sħiħ tal-enerġija rinnovabbli, iżżid il-kostijiet tas-sistema, u tnaqqas il-kapaċità ta' trażmissjoni disponibbli għall-kummerċ transfruntier. Il-Ġermanja qed taħdem biex tespandi l-grilja ta' trażmissjoni iżda l-progress ser ikollu bżonn jaċċellera biex jiġi żgurat minimu ta' 70 % tal-kapaċità teknika transfruntiera disponibbli għall-kummerċ. Minkejja l-isforzi reċenti għal dan l-għan, tariffi ogħla tal-grilja f'reġjuni rikki fl-enerġija rinnovabbli jibqgħu diżinċentiv biex l-industrija tiġi lokalizzata qrib is-siti ta' ġenerazzjoni. Riforma lejn tariffi tan-network dinamiċi u reġjonalizzati tista' tgħaqqad it-tariffi mat-tagħbija reali tal-grilja, u b'hekk toħloq sinjali tal-prezzijiet tal-lokalità. Filwaqt li l-Ġermanja ħadet passi skont l-RRP u l-miżuri nazzjonali biex taċċellera l-ħruġ ta' permessi u tappoġġa soluzzjonijiet ta' flessibbiltà, għad hemm sfidi biex tiżdied il-flessibbiltà tas-sistema u tiġi żgurata integrazzjoni aktar effiċjenti tal-enerġija rinnovabbli fis-sistema tal-elettriku. L-għażliet ta' flessibbiltà bħall-ħżin u r-rispons għad-domanda għadhom ma jintużawx fuq skala suffiċjenti, u dan jillimita l-kapaċità tas-sistema li takkomoda ġenerazzjoni rinnovabbli varjabbli mingħajr interventi għaljin. Barra minn hekk, id-diġitalizzazzjoni tan-networks tal-elettriku, b'mod partikolari fil-livell tad-distribuzzjoni, għadha lura, bi progress partikolarment kajman fl-introduzzjoni tal-miters intelliġenti, disponibbiltà limitata tad-data u nuqqas ta' standardizzazzjoni fost l-operaturi tal-grilja. |
|
(33) |
L-emissjonijiet mis-setturi tal-akkomodazzjoni u tat-trasport, li jaqgħu taħt ir-Regolament tal-UE dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi, ikomplu jaqbżu konsiderevolment il-miri ta' tnaqqis nazzjonali u Ewropej, u l-emissjonijiet industrijali għadhom għoljin. Il-Ġermanja ser ikollha bżonn taċċellera l-azzjoni għad-dekarbonizzazzjoni ta' dawn is-setturi sabiex tilħaq il-miri klimatiċi tagħha u ttejjeb l-effiċjenza enerġetika. Fis-settur tal-bini, il-Ġermanja espandiet il-miżuri ta' appoġġ finanzjarju eżistenti taħt l-RRP, iżda huma meħtieġa aktar sforzi trasversali dwar l-effiċjenza enerġetika, inkluż it-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija primarja, biex jintlaħqu l-miri tagħha għall-2030. Fis-settur tat-trasport, l-adozzjoni tal-vetturi elettriċi bil-batterija qed tiżdied, appoġġata minn sussidji u inċentivi fiskali. Madankollu, il-progress għadu insuffiċjenti biex jintlaħqu l-miri tal-2030, partikolarment fir-rigward tal-espansjoni tal-infrastruttura tal-iċċarġjar għal vetturi tqal. Huwa meħtieġ ukoll investiment akbar biex in-network ferrovjarju jiġi aġġornat, estiż u diġitalizzat biex tiġi appoġġata bidla modali mit-triq għall-ferrovija, b'mod partikolari għat-trasport tal-merkanzija, fejn it-trasport tal-merkanzija bit-triq jibqa' predominanti. Minkejja l-miżuri li għaddejjin iffinanzjati taħt l-RRP u inizjattivi nazzjonali oħra, il-proġetti ferrovjarji ewlenin għadhom qed jiffaċċaw dewmien, filwaqt li l-varar kajman tas-sistemi ta' sinjalar diġitali, b'mod partikolari s-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS, European Rail Traffic Management System), qed ikompli jillimita l-kapaċità, l-affidabbiltà u l-interoperabbiltà transfruntiera. Fl-istess ħin, is-sigurtà ekonomika u l-kompetittività industrijali tal-Ġermanja jiddependu fuq iċ-ċaqliq rapidu tal-produzzjoni tal-manifattura, inkluż l-industriji intensivi fl-enerġija, lil hinn mill-fjuwils fossili. Madankollu, proċeduri kumplessi ta' ħruġ ta' permessi kkaratterizzati minn ġuriżdizzjonijiet li jikkoinċidu u diviżjoni mhux ċara tar-responsabbiltajiet ikomplu jdewmu l-investimenti kritiċi f'teknoloġiji ta' produzzjoni industrijali mhux fossili b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u b'emissjonijiet żero netti. Biex tindirizza dawn il-konġestjonijiet, il-Ġermanja għandha tissimplifika l-approvazzjonijiet għall-infrastruttura u l-faċilitajiet li jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni lejn industrija nadifa. |
|
(34) |
Fid-dawl tar-rwol kruċjali tal-kapital uman fit-tisħiħ tal-kompetittività u l-awtonomija strateġika tal-Unjoni, fl-2026 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu azzjoni biex jindirizzaw b'mod urġenti l-isfidi strutturali relatati mal-kapital uman fil-qasam tal-ħiliet, l-edukazzjoni u t-taħriġ, li jfixklu l-kompetittività. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2026 indirizzati lill-Ġermanja jistgħu jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kapital uman fl-Unjoni. |
|
(35) |
In-nuqqas ta' ħaddiema tas-sengħa naqas, iżda għadu ostaklu sinifikanti għat-tkabbir, il-produttività u t-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi. Tard fl-2025, qrib 30 % tal-kumpaniji rrapportaw li kienu affettwati minn nuqqas ta' ħaddiema u r-rata ta' pożizzjonijiet vakanti għadha ogħla mill-medja tal-UE. Għalkemm ir-rata ta' impjieg hija għolja, is-sigħat medji maħduma għal kull ħaddiem huma fost l-aktar baxxi fl-UE u qed ikomplu jonqsu. Nofs l-impjegati nisa kollha jaħdmu part-time, li parzjalment jispjega dan. In-nuqqas ta' ħaddiema huwa aggravat minn diskrepanzi fil-ħiliet u spariġġi fil-ħiliet. Il-ħiliet diġitali qed jitjiebu gradwalment iżda għadhom irregolari. In-nuqqas ta' ħaddiema huwa partikolarment akut fis-setturi tal-kura u tal-ICT, fis-settur tal-kostruzzjoni, u fil-professjonijiet xjentifiċi u tekniċi, li jirrikjedu ħiliet fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM, science, technology, engineering and mathematics). In-nuqqas ta' ħaddiema jaffettwa wkoll setturi li huma kruċjali għat-tranżizzjoni ekoloġika, bħall-provvista tal-ilma, id-drenaġġ, il-ġestjoni tal-iskart u l-enerġija. In-nuqqasijiet jirriflettu parzjalment l-ispariġġ territorjali u fil-ħiliet. B'riflessjoni wkoll tat-tnaqqis fil-manifattura, bosta reġjuni għaddejjin minn bidliet strutturali qawwija, b'kapaċità limitata li jassorbu l-ħaddiema li tilfu x-xogħol. Biex tiġi akkomodata l-bidla strutturali, l-għodod ta' politika li jappoġġaw it-tranżizzjonijiet minn impjieg għal ieħor jeħtieġ li jiksbu rilevanza, u jeħtieġ li jkun hemm enfasi fuq il-promozzjoni tal-bidliet tax-xogħol u l-mobbiltà reġjonali tal-ħaddiema, li bħalissa hija limitata minn provvista baxxa ta' akkomodazzjoni f'oqsma bi ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, fost fatturi oħra. Minbarra dawn il-miżuri preventivi, appoġġ komprensiv għal dawk b'livell baxx ta' ħiliet ta' kull età, speċjalment dawk li ma għandhomx diploma vokazzjonali, jista' jgħin lill-Ġermanja tiġġieled in-nuqqas ta' ħiliet. Fl-aħħar nett, hemm potenzjal mhux sfruttat biex jiġi attirat u jinżamm it-talent, pereżempju billi jitħaffu, jiġu diġitalizzati u ċċentralizzati l-proċeduri amministrattivi għall-migrazzjoni tal-ħaddiema u jiġi ffaċilitat aktar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki, bi proċess aktar rapidu u aktar trasparenti. |
|
(36) |
L-eżiti baxxi u li sejrin għall-agħar tal-edukazzjoni, speċjalment għal gruppi żvantaġġati, u għadd sinifikanti ta' persuni li jitilqu kmieni mill-edukazzjoni u t-taħriġ ikomplu jaggravaw in-nuqqas ta' ħaddiema tas-sengħa. Bejn kwart u terz ta' dawk li għandhom 15-il sena għandhom prestazzjoni insuffiċjenti fil-matematika, fil-qari u fix-xjenza, u s-sehem ta' dawk bl-aqwa prestazzjoni qed jonqos ukoll b'mod qawwi. L-impatt tal-ambjent soċjoekonomiku tal-istudenti fuq l-eżiti tal-edukazzjoni huwa evidenti ħafna. Fl-2022, 46,6 % tal-istudenti minn sfondi żvantaġġati naqsu milli jilħqu l-profiċjenza minima fil-matematika, żieda notevoli minn 29,8 % fl-2015. Barra minn hekk, żewġ terzi (64 %) tal-istudenti mwielda barra mill-pajjiż ma jiksbux riżultati suffiċjenti fil-matematika, meta mqabbla ma' 21,9 % tal-istudenti mhux immigranti, u dan ikompli jikkontribwixxi għad-distakk soċjoekonomiku li qed jikber fl-edukazzjoni. Kważi wieħed minn kull sebgħa miż-żgħażagħ tal-Ġermanja (18-24 sena) ma għandhom l-ebda kwalifika jew għandhom biss kwalifiki baxxi ħafna u huma kkunsidrati bħala persuni li jitilqu kmieni mill-edukazzjoni u t-taħriġ. Ir-rata tat-tluq bikri mill-edukazzjoni u mit-taħriġ fil-Ġermanja hija fost l-ogħla fl-UE (13,1 % fl-2025) u żdiedet mill-2021. Miżuri preventivi u ta' rimedju, filwaqt li jitqiesu d-differenzi reġjonali, jistgħu jgħinu biex jitnaqqas it-tluq bikri mill-edukazzjoni u mit-taħriġ u jittejbu l-eżiti tal-edukazzjoni. Il-ġbir imtejjeb tad-data u l-interoperabbiltà tad-data bejn l-iskejjel, is-servizzi soċjali, u l-Länder jippermettu monitoraġġ aħjar tat-trajettorji edukattivi. Dan jgħin fit-tfassil tal-appoġġ għal studenti bi prestazzjoni baxxa minn età bikrija, fit-tisħiħ tal-edukazzjoni jew it-taħriġ obbligatorju sal-età ta' 18-il sena u fl-għoti ta' perkorsi ta' apprendiment flessibbli. Hekk kif id-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija taċċellera, l-investimenti fl-edukazzjoni jeħtieġ ukoll li jżommu l-pass. L-edukazzjoni mfassla apposta hija kruċjali għal eżiti effettivi, u dan jagħmel in-nuqqas ta' għalliema partikolarment inkwetanti – bħalissa, il-Konferenza Permanenti tal-Ministri għall-Edukazzjoni u l-Affarijiet Kulturali (KMK) tbassar nuqqas ta' 49 000 għalliem sal-2035. |
|
(37) |
It-tisħiħ tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal (ECEC, early childhood education and care) ta' kwalità u l-iskejjel ta' ġurnata sħiħa jista' jippermetti aktar l-impjieg full-time tal-persuni li jindukraw, spiss in-nisa, kif ukoll jippromwovi opportunitajiet indaqs għat-tfal. Nofs l-impjegati nisa kollha jaħdmu part-time, wieħed mill-ogħla livelli fl-UE. Il-kura tat-tfal u l-qraba anzjani hija raġuni frekwenti għax-xogħol part-time, parzjalment xprunata minn distakk fil-provvista ta' ECEC ta' kwalità u flessibbli u skejjel ta' ġurnata sħiħa. Huwa stmat li 300 000 post għall-indukrar tat-tfal u l-kindergarten bħalissa huma neqsin u 150 000 post tal-iskola ta' ġurnata sħiħa għad iridu jinħolqu sal-2029, b'disparitajiet reġjonali fi ħtiġijiet mhux issodisfati. L-aċċess għal ECEC ta' kwalità u għal skejjel ta' ġurnata sħiħa jista' jgħin ukoll biex jittaffew l-iżvantaġġi minħabba l-isfond soċjoekonomiku u l-profiċjenza fil-lingwa Ġermaniża. L-introduzzjoni ta' appoġġ lingwistiku standardizzat fil-pajjiż kollu fl-ECEC tista' tgħin biex jinbnew pedamenti b'saħħithom għall-akkwist ta' ħiliet bażiċi fl-iskola primarja, u b'hekk tittejjeb l-ekwità tas-sistema edukattiva Ġermaniża kkaratterizzata minn traċċar bikri ħafna tal-istudenti f'perkorsi differenti. Bħalissa, it-tfal minn unitajiet domestiċi aktar sinjuri huma rreġistrati fl-ECEC bi kważi d-doppju tar-rata tal-pari inqas għonja tagħhom. L-espansjoni tal-kura fit-tul kosteffiċjenti, speċjalment is-servizzi bbażati fid-djar u fl-outpatients, tista' tipprovdi wkoll solliev mir-responsabbiltajiet ta' kura u tippromwovi l-ġustizzja interġenerazzjonali. |
|
(38) |
Fid-dawl tar-rabtiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribut kollettiv tagħhom għall-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, fl-2026 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, fosthom permezz tal-RRPs tagħhom, biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-2026 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Għall-Ġermanja, ir-rakkomandazzjoni (1) tgħin fl-implimentazzjoni tal-ewwel, it-tieni, it-tielet, il-ħames u s-seba' rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro, ir-rakkomandazzjoni (2) tgħin fl-implimentazzjoni tar-raba' rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro, ir-rakkomandazzjoni (3) tgħin fl-implimentazzjoni tal-ħames, is-seba' u d-disa' rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro, ir-rakkomandazzjoni (4) tgħin fl-implimentazzjoni tas-seba' rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro u r-rakkomandazzjoni (5) tgħin fl-implimentazzjoni tal-ħames rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro. |
B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Ġermanja tieħu azzjoni fl-2026 u l-2027 biex:
|
1. |
Tkompli taderixxi mar-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta rrakkomandati mill-Kunsill fl-10 ta' Ottubru 2025, filwaqt li tuża l-flessibbiltà skont il-klawżola liberatorja nazzjonali attivata mill-Kunsill. Issaħħaħ l-infiq u l-prontezza ġenerali fid-difiża u s-sigurtà, filwaqt li tiżgura s-sostenibbiltà tad-dejn u l-effiċjenza fl-infiq, kif ukoll l-adattament gradwali tal-baġit biex isostni nfiq strutturalment ogħla fid-difiża. Tiżgura li l-miżuri li jittieħdu biex jitnaqqas l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu temporanji, immirati lejn il-ħarsien tal-unitajiet domestiċi vulnerabbli jew lejn l-indirizzar tal-ħtiġijiet tal-kumpaniji b'użu intensiv tal-enerġija, jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija u li l-kost fiskali tagħhom ikun kompatibbli mal-impenji skont il-qafas fiskali tal-UE. Tkompli timplimenta s-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-perjodu ta' aġġustament estiż kif irrakkomandat mill-Kunsill fl-10 ta' Ottubru 2025. Tappoġġa l-introduzzjoni ta' investimenti pubbliċi billi tespandi l-miżuri biex taċċellera l-proċeduri tal-ħruġ ta' permessi u tal-eżekuzzjoni. Ittejjeb il-kwalità tal-finanzi pubbliċi billi tiżgura li l-Fond Speċjali l-ġdid għall-Infrastruttura u n-Newtralità Klimatika (Sondervermögen) iżid l-istokk kapitali produttiv u billi tillimita s-sussidji u t-trasferimenti mill-baġit federali għas-sistema tal-pensjonijiet. Ittejjeb is-sostenibbiltà tal-pensjonijiet statutorji filwaqt li żżomm l-adegwatezza tal-pensjoni, inkluż billi tippromwovi ħajja tax-xogħol itwal u ssaħħaħ l-iskemi tal-pensjonijiet tax-xogħol u individwali. Ittejjeb it-taħlita tat-taxxa u l-effettività u l-effiċjenza tas-sistema ta' protezzjoni soċjali biex issaħħaħ l-inċentivi biex jiżdiedu s-sigħat maħduma, inkluż mill-ħaddiema li huma t-tieni sors ta' dħul. |
|
2. |
Tiżgura l-kontinwità tar-riformi u l-investimenti implimentati taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Taċċellera l-isforzi għall-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni filwaqt li tibni, fejn xieraq, fuq ir-riallokazzjoni għal prijoritajiet strateġiċi u flessibbiltajiet maqbula fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-qafas tal-politika ta' koeżjoni. |
|
3. |
Tagħti spinta lill-innovazzjoni trasformattiva inkluż billi tiffaċilita l-kummerċjalizzazzjoni tar-riċerka. Tiffaċilita d-diversifikazzjoni tal-ekonomija u d-dinamiżmu tan-negozji u tagħti spinta lill-investiment privat billi tappoġġa l-intraprenditorija, ittejjeb l-aċċess għall-finanzjament għal start-ups u għal scale-ups, tissimplifika r-regolamentazzjoni, u tnaqqas il-piż amministrattiv. Taċċellera l-modernizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, inkluż billi tnaqqas il-kumplessità bejn il-livelli tal-gvern, iżżid l-użu ta' standards komuni u tfassal mill-ġdid is-servizzi pubbliċi biex tagħmilhom faċli għall-utent u disponibbli b'mod konsistenti madwar il-pajjiż. Taċċellera l-introduzzjoni ta' networks ta' komunikazzjoni diġitali b'kapaċità għolja ħafna. Ittejjeb il-kundizzjonijiet għall-investimenti fl-akkomodazzjoni sabiex l-akkomodazzjoni ssir aktar affordabbli billi tkompli tissimplifika r-regolamentazzjoni u l-proċeduri, tirrieżamina l-liġi tal-kiri, timmobilizza art għall-bini addizzjonali u ssaħħaħ l-akkomodazzjoni soċjali. |
|
4. |
Tkompli tnaqqas il-grad ġenerali ta' dipendenza fuq il-fjuwils fossili u tiffaċilita l-espansjoni tal-enerġija rinnovabbli, inkluż billi tavvanza sistemi flessibbli bħal soluzzjonijiet ta' ħżin biex jitnaqqsu l-prezzijiet fid-domanda massima. Tidderieġi l-investiment lejn sistema tal-elettriku kosteffiċjenti u newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju, inkluż billi tinkoraġġixxi ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli favur il-grilja u xejriet ta' konsum flessibbli, filwaqt li ssaħħaħ l-integrazzjoni reġjonali billi tespandi l-kurituri ta' trażmissjoni u tappoġġa l-integrazzjoni transfruntiera tas-swieq u l-grilji tal-elettriku. Tippromwovi d-diġitalizzazzjoni tal-grilji tal-elettriku, b'mod partikolari fil-livell tad-distribuzzjoni u tavvanza l-introduzzjoni ta' miters intelliġenti. Taċċellera l-proċess tad-dekarbonizzazzjoni tas-setturi tal-bini, tal-industrija u tat-trasport, inkluż billi tirrinnova u tiddiġitalizza n-network ferrovjarju, u billi tnaqqas il-konġestjonijiet fil-ħruġ ta' permessi għall-infrastruttura u l-faċilitajiet li jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni lejn industrija nadifa. |
|
5. |
Iżżid il-provvista ta' ħaddiema u tindirizza n-nuqqas ta' ħaddiema tas-sengħa, b'mod partikolari billi żżid is-sigħat maħduma, issaħħaħ il-ħiliet, tiffaċilita t-tranżizzjonijiet lejn u bejn l-impjiegi permezz ta' politiki attivi tas-suq tax-xogħol, u tattira u żżomm aħjar it-talent minn pajjiżi mhux tal-UE. Ittejjeb l-eżiti tal-edukazzjoni, inkluż billi tippromwovi l-eċċellenza, tipprevjeni t-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ, u tipprovdi appoġġ immirat lil gruppi żvantaġġati. Ittejjeb id-disponibbiltà u l-kwalità tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal u tal-iskejjel ta' ġurnata sħiħa, kif ukoll id-disponibbiltà ta' servizzi ta' kura fit-tul kosteffiċjenti. |
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Lulju 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
S. HARRIS
(1) Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj).
(2) ĠU C, C/2026/2434, 28.4.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/2434/oj.
(3) Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).
(4) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “‘Nakkomodaw żieda fin-nefqa fid-difiża fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir’”, Brussell, id-19 ta' Marzu 2025, C(2025) 2000 final.
(5) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Ottubru 2025 li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Ġermanja u li tippermetti lill-Ġermanja tiddevja mir-rati massimi ta' tkabbir fin-nefqa netta kif stabbiliti mill-Kunsill skont ir-Regolament (UE) 2024/1263 (Attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali) (ĠU C, C/2025/5635, 22.10.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/5635/oj).
(6) Ir-Rapporti ta' Progress Annwali 2026 huma disponibbli hawn: https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/stability-and-growth-pact/preventive-arm/annual-progress-reports_en.
(7) L-Indikaturi tal-Euro tal-Eurostat, 22 ta' April 2026.
(8) Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq terminu medju u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta minn miżuri tad-dħul diskrezzjonali u bl-inklużjoni tan-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni.
(9) L-Indikaturi tal-Euro tal-Eurostat, 22 ta' Mejju 2026.
(10) Eurostat, nefqa tal-gvern skont il-klassifikazzjoni tal-funzjonijiet tal-gvern (COFOG).
(11) Id-definizzjoni tal-infiq fid-difiża tan-NATO hija differenti mid-definizzjoni tad-difiża tal-COFOG. Barra minn hekk, jista' jkun hemm differenzi minħabba ż-żmien tar-reġistrazzjoni tan-nefqa, b'mod partikolari t-tagħmir militari, peress li r-rappurtar tan-NATO ma jsegwix ir-regoli tal-kontijiet nazzjonali għaż-żmien tar-reġistrazzjoni.
(12) Dan jirrifletti s-sitwazzjoni fid-data limitu tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni (l-4 ta' Mejju 2026).
(13) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment, is-Semestru Ewropew 2026 – il-Pakkett tar-Rebbiegħa, COM(2026) 200 final.
(14) Ir-Rapport tal-Kummissjoni, imħejji f'konformità mal-Artikolu 126(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, 3.6.2026, COM(2026) 302 final.
(15) Ir-Regolament (UE) 2025/1914 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Settembru 2025 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1058 u (UE) 2021/1056 fir-rigward ta' miżuri speċifiċi sabiex jiġu indirizzati sfidi strateġiċi fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3918/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)