|
27.4.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 112/43 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/863
tas-26 ta’ April 2023
dwar l-istabbiliment tal-ammonti li jikkorrispondu għal 20 % tas-superament tal-objettiv globali ta’ ċerti Stati Membri fil-perjodu mill-2013 sal-2020 skont ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(5) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2018/842 jistabbilixxi miri tal-Unjoni u nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sal-2030 u jipprevedi l-istabbiliment ta’ riżerva ta’ sikurezza li tikkorrispondi għal massimu ta’ 105 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti għas-CO2, bil-kundizzjoni li tintlaħaq il-mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet globali tal-Unjoni. Ir-riżerva ta’ sikurezza se tkun disponibbli, taħt ċerti kundizzjonijiet, għall-Istati Membri li l-Prodott Domestiku Gross (PDG) per capita tal-2013 tagħhom kien taħt il-medja tal-Unjoni u li l-emissjonijiet kumulattivi tagħhom ta’ gassijiet serra mill-2013 sal-2020 fis-setturi koperti minn dak ir-Regolament huma taħt l-allokazzjonijiet annwali kumulattivi tal-emissjonijiet tagħhom għall-istess snin. Fl-ewwel ċiklu ta’ distribuzzjoni tar-Riżerva ta’ Sikurezza, kull Stat Membru kwalifikanti jista’ jirċievi biss l-ammont ta’ allokazzjonijiet ekwivalenti għal 20 % tas-superament tal-objettiv tiegħu għall-perjodu 2013-2020. |
|
(2) |
Skont ir-Regolament (UE) 2018/842, il-Kummissjoni għandha tippubblika, wara r-rieżami msemmi fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), għal kull Stat Membru li jissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(2), il-punti (a) u (b), ta’ dak ir-Regolament, l-ammonti li jikkorrispondu għal 20 % tas-superament tal-objettiv globali fil-perjodu mill-2013 sal-2020. |
|
(3) |
Il-Kummissjoni lestiet ir-rieżami, meħtieġ mill-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 525/2013, u stabbiliet l-inventarji tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Istati Membri għas-sena 2020 fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1953 (3). |
|
(4) |
Skont id-data ppubblikata mill-Eurostat f’April 2016 (4), fl-2013 il-Bulgarija, iċ-Ċekja, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja kellhom PDG taħt il-medja tal-Unjoni. |
|
(5) |
Il-valuri tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u tal-allokazzjonijiet tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Istati Membri f’kull sena tal-perjodu mill-2013 sal-2020 huma disponibbli fir-reġistru tat-tranżazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea stabbilit skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni (5). Bl-eċċezzjoni ta’ Malta, l-emissjonijiet kumulattivi tal-gassijiet serra ta’ kull wieħed mill-Istati Membri msemmija hawn fuq fis-snin mill-2013 sal-2020, fis-setturi koperti mir-Regolament (UE) 2018/842, kienu taħt l-allokazzjonijiet annwali kumulattivi tal-emissjonijiet tal-Istat Membru għas-snin fl-istess perjodu. |
|
(6) |
Peress li l-Bulgarija, iċ-Ċekja, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja jissodisfaw iż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(2), il-punti (a) u (b), tar-Regolament (UE) 2018/842, jenħtieġ li jiġu ppubblikati l-ammonti li jikkorrispondu għal 20 % tas-superament tal-objettiv globali għal dak il-perjodu għal kull wieħed minn dawk l-Istati Membri |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-ammonti li jikkorrispondu għal 20 % tas-superament tal-objettiv globali tal-Istati Membri li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(2), il-punti (a) u (b), tar-Regolament (UE) 2018/842 fil-perjodu mill-2013 sal-2020 huma stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ April 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u għar-rapportar ta’ informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 13).
(3) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1953 tas-7 ta’ Ottubru 2022 dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra koperti mid-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għal kull Stat Membru għall-2020 (ĠU L 269, 17.10.2022, p. 17).
(4) SWD(2016) 247 final, p. 143.
(5) Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).
ANNESS
|
L-Istati Membri li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(2), il-punti (a) u (b), tar-Regolament (UE) 2018/842 |
Ammonti, espressi f’tunnellati ta’ ekwivalenti għas-CO2, li jikkorrispondu għal 20 % tas-superament tal-objettiv globali tal-Istat Membru fil-perjodu mill-2013 sal-2020 |
|
Il-Bulgarija |
2 736 643 |
|
Iċ-Ċekja |
6 757 788 |
|
L-Estonja |
114 088 |
|
Il-Greċja |
23 884 476 |
|
Spanja |
35 041 457 |
|
Il-Kroazja |
5 755 207 |
|
L-Italja |
47 793 694 |
|
Ċipru |
1 390 308 |
|
Il-Latvja |
1 133 264 |
|
Il-Litwanja |
668 397 |
|
L-Ungerija |
15 708 173 |
|
Il-Polonja |
109 092 |
|
Il-Portugall |
14 484 447 |
|
Ir-Rumanija |
12 582 725 |
|
Is-Slovenja |
2 532 246 |
|
Is-Slovakkja |
7 649 775 |