Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
MEDINA
ippreżentati fid‑9 ta’ Lulju 2026 (1)
Kawża C‑323/25 [Vinkers](i),
KBC Verzekeringen NV
vs
HC,
Baloise Belgium NV
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van beroep te Antwerpen (il-Qorti tal-Appell, Antwerp, il-Belġju))
“Talba għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni tal-konsumaturi — Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi — Direttiva 93/13/KEE — Artikolu 1(2) — Klawżola li tirrifletti dispożizzjoni leġiżlattiva imperattiva — Mudell ta’ kuntratt stabbilit mil-liġi — Rekwiżiti ta’ intelliġibbiltà u ta’ trasparenza — Assigurazzjoni obbligatorja kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur — Nar f’karavan bil-mutur f’sit ta’ kampeġġ — Kopertura minima tal-assigurazzjoni — Obbligu li jiġi informat il-konsumatur”
I. Introduzzjoni
1. Din il-kawża hija opportunità għall-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tesplora r-rekwiżiti ta’ trasparenza previsti mid-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (2), fir-rigward ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur. Il-karatteristika partikolari tal-każ hija li l-vettura assigurata hija karavan bil-mutur li jista’ jintuża b’żewġ modi, bħala mezz ta’ trasport u bħala akkomodazzjoni. Il-klawżola kuntrattwali kkontestata pprovdiet kopertura tal-assigurazzjoni li tikkorrispondi għall-assigurazzjoni minima obbligatorja meħtieġa mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Il-kwistjoni li titqajjem hija jekk konsumatur, raġonevolment informat tajjeb u raġonevolment attent u għaqli setax jifhem li l-portata tal-kopertura tal-assigurazzjoni huwa limitat għal inċidenti tat-traffiku li jirriżultaw mill-użu tal-karavan bil-mutur bħala mezz ta’ trasport, bl-esklużjoni ta’ inċidenti li jirriżultaw mill-użu tiegħu bħala akkomodazzjoni.
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni Ewropea
1. Id-Direttiva 2009/103/KE
2. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (3), jipprovdi:
“Kull Stat Membru għandu, soġġett għall-Artikolu 5, jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu tkun koperta minn assigurazzjoni”.
2. Id‑Direttiva 93/13/KEE
3. L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 jipprovdi:
“Il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u d-disposizzjonijiet jew il-prinċipji ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom ikunu parti l-Istati Membri jew il-Komunità, b’mod partikolari fil-qasam tat-trasport, m’għandhomx ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva”.
4. L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jippreċiża:
“Fil-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar. Fejn ikun hemm dubju dwar it-tifsir ta’ klawżola, għandha tirbaħ l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli għall-konsumatur”.
B. Id‑dritt Belġjan
1. Il‑Liġi tal‑21 ta’ Novembru 1989
5. Skont l-Artikolu 2(1) tal-Wet van 21 november 1989 betreffende de verplichte aansprakelijkheidsverzekering inzake motorrijtuigen (il-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 1989 dwar l-assigurazzjoni obbligatorja kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur (4); iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑21 ta’ Novembru 1989”), il-vetturi bil-mutur huma awtorizzati li jiċċirkolaw biss jekk ir-responsabbiltà ċivili li jistgħu jagħtu lok għaliha tkun koperta.
2. Id‑Digriet Irjali tal‑1992 u d‑Digriet Irjali tal‑2018
6. Il-Koninklijk besluit van 14 december 1992 betreffende de modelovereenkomst voor de verplichte aansprakelijkheidsverzekering inzake motorrijtuigen (id-Digriet Irjali tal‑14 ta’ Diċembru 1992 dwar il-mudell standard ta’ kuntratt għal assigurazzjoni obbligatorja kontra responsabbiltà fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali tal‑1992” (5)), kif applikabbli fil-perijodu tal-konklużjoni tal-kuntratt, ipprovda għal format standard ta’ kuntratt għal assigurazzjoni obbligatorja kontra responsabbiltà fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur.
7. L-Artikolu 1 tad-Digriet Irjali tal‑1992 kien jipprovdi li l-kuntratti relatati mal-assigurazzjoni obbligatorja kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-vetturi bil-mutur kellhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-mudell tal-kuntratt anness mad-Digriet Irjali (iktar ’il quddiem il-“Kuntratt Standard”). Barra minn hekk, ipprovda li madankollu kien permess li wieħed jiddevja minn dawk id-dispożizzjonijiet favur id-detentur tal-polza, l-assigurat jew kwalunkwe terza persuna involuta fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt.
8. Il-Kuntratt Standard kien jiddefinixxi l-ħsara bħala kwalunkwe avveniment li kkawża danni u li jista’ jagħti lok għall-applikazzjoni tal-kuntratt.
9. Il-Kapitolu 1 tal-Kuntratt Standard kien intitolat “L-għan u l-portata tal-assigurazzjoni”. Skont l-Artikolu 1 tiegħu:
“Skont dan il-kuntratt, il-kumpannija tkopri, skont il-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 1989 u suġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin, ir-responsabbiltà ċivili tal-partijiet assigurati li tirriżulta minn dannu kkawżat fil-Belġju mill-vettura speċifikata […]
[…]
L-assigurazzjoni hija pprovduta fir-rigward ta’ dannu li jseħħ f’toroq pubbliċi jew f’postijiet pubbliċi jew privati”.
10. Id-Digriet Irjali tal‑1992 ġie ssostitwit bil-Koninklijk besluit van 16 april 2018 tot vaststelling van de voorwaarden van de verzekeringsovereenkomsten tot dekking van de verplichte aansprakelijkheid inzake motorrijtuigen (id-Digriet Irjali tas‑16 ta’ April 2011 li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratti tal-assigurazzjoni li jkopru r-responsabbiltà obbligatorja tal-vetturi bil-mutur, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali tal‑2018” (6)).
III. Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
11. Fl‑14 ta’ Settembru 2011, HC, konsumatur, ikkonkluda kuntratt ma’ Baloise Belgium NV (iktar ’il quddiem “Baloise”), il-konvenuta fil-kawża prinċipali, biex jassigura r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-karavan bil-mutur tiegħu (iktar ’il quddiem il-“kuntratt tal-assigurazzjoni tal‑2011”).
12. Fl‑1 ta’ Lulju 2021, HC ipparkja l-karavan bil-mutur f’sit ta’ kampeġġ fil-Belġju. Matul il-lejl bejn l‑1 u t‑2 ta’ Lulju 2021, il-karavan bil-mutur ħa n-nar. Il-kawża tan-nar kienet l-iċċarġjar tal-iscooter ta’ mobbiltà li taħdem bl-elettriku ta’ HC f’sokit tal-elettriku ta’ 230 volt fil-karavan bil-mutur (7). In-nar infirex għal karavans bil-mutur oħra u kkawża wkoll ħsara lill-infrastruttura tas-sit ta’ kampeġġ.
13. Baloise irrifjutat li tipprovdi kopertura tal-assigurazzjoni għall-inċident lil HC, billi argumentat li fil-ħin tal-inċident, il-karavan bil-mutur kien qiegħed jintuża bħala akkomodazzjoni u mhux bħala mezz ta’ trasport. Ir-riskju mġarrab għalhekk ma kienx relatat b’mod kawżali mal-użu tal-vettura u għalhekk ma kienx kopert mill-polza tal-assigurazzjoni.
14. HC ippreżenta rikors kontra Baloise quddiem ir-rechtbank van eerste aanleg Antwerpen, afdeling Antwerpen (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, diviżjoni ta’ Antwerpen, Antwerpen, il-Belġju).
15. KBC Verzekeringen NV (iktar ’il quddiem “KBC”), l-assiguratur tas-sit ta’ kampeġġ u ta’ partijiet oħra li sofrew ħsara, ressaq talba għal kumpens kontra HC u Baloise, fejn talab ir-rimbors tal-kumpens li kien diġà ħallas lill-persuni assigurati.
16. Ir-rechtbank van eerste aanleg Antwerpen, afdeling Antwerpen (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, id-diviżjoni ta’ Antwerpen, Antwerpen) ċaħdet kemm it-talba ta’ HC kif ukoll dik ta’ KBC. F’dan ir-rigward, hija bbażat ruħha fuq l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103. Hija assumiet, għall-inqas impliċitament, li l-firxa tal-kopertura minima tal-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili, kif iddeterminata, fost l-oħrajn, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” (sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade (C‑514/16, EU:C:2017:908; iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Rodrigues de Andrade”), kienet kwistjoni ta’ fatti magħrufa, inkluż min-naħa tal-konsumaturi.
17. Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, b’riferiment għall-ġurisprudenza li żviluppat wara l-konklużjoni tal-kuntratt tal-assigurazzjoni, il-qorti tal-ewwel istanza biddlet b’mod retroattiv il-portata tal-kuntratt tal-assigurazzjoni.
18. KBC ippreżenta appell quddiem il-hof van beroep Antwerpen (il-Qorti tal-Appell, Antwerpen, il-Belġju), li hija l-qorti tar-rinviju.
19. Baloise targumenta quddiem il-qorti tar-rinviju li l-kuntratt tal-assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur tal‑2011 jirriproduċi, kelma b’kelma, il-Kuntratt Standard. Skont l-Artikolu 1 tal-Kuntratt Standard, il-polza tal-assigurazzjoni għandha tkopri r-responsabbiltà ċivili mġarrba skont il-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 1989. Dan ir-riferiment għal-liġi huwa ċar biżżejjed. It-termini tal-polza tal-assigurazzjoni għandhom jiġu preżunti bħala ipso facto ċari u li jinftiehmu.
20. HC isostni li, abbażi tal-kliem tal-polza, huwa seta’ jassumi li kien assigurat b’mod sħiħ kontra r-responsabbiltà ċivili relatata mal-karavan bil-mutur. Din il-polza mkien ma tgħid li huma koperti biss ir-riskji relatati mal-użu tal-vetturi (bħala mezz ta’ trasport).
21. KBC isostni li l-polza tal-assigurazzjoni maħruġa minn Baloise ma hijiex ċara fir-rigward tal-portata tal-kopertura tal-assigurazzjoni.
22. Il-qorti tar-rinviju tiddikjara li mill-ġurisprudenza tal-Hof van Cassatie (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju) jirriżulta li l-Artikoli 2 u 3 tal-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 1989 jirregolaw mhux biss l-obbligu legali li tiġi assigurata vettura bil-mutur iżda wkoll il-firxa tal-kopertura tal-assigurazzjoni. Skont dik il-ġurisprudenza, ir-responsabbiltà ċivili obbligatorja tal-assigurazzjoni tkopri biss ir-riskji relatati mal-użu ta’ vettura. Għalhekk, skont id-dritt Belġjan, il-portata tal-kopertura tal-assigurazzjoni huwa ekwivalenti għall-obbligu tal-assigurazzjoni, iżda dan il-prinċipju ma huwiex rifless fil-liġi jew fil-mudell tal-polza tal-assigurazzjoni.
23. Huwa f’dawk iċ-ċirkustanzi li l-hof van beroep Antwerpen (il-Qorti tal-Appell ta’ Antwerpen, il-Belġju) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“(1) Ir-rekwiżit tan-natura ċara u li tinftiehem intiż li jippermetti lill-konsumatur jipprevedi l-konsegwenzi ekonomiċi u legali tal-konklużjoni ta’ kuntratt jirrikjedi li l-impriża tindika lill-konsumatur li l-kopertura mogħtija ma tmurx lil hinn mill-kopertura minima neċessarja għas-sewqan, b’tali mod li r-riskji sinjifikattivi assoċjati ma’ karavan bil-mutur, u li jistgħu jseħħu f’sit ta’ kampeġġ, ma jkunux koperti, u li, kieku l-konsumatur kien jaf dwar dan, huwa seta’ jagħżel li jidħol f’kuntratt differenti billi jissosttoskrivi għal polza addizzjonali jew bħala parti kontraenti ma’ assiguratur li joffri kopertura usa’?
(2) Il-fatt li kuntratt ta’ assigurazzjoni jikkorrispondi għal mudell ta’ kuntratt redatt mill-awtoritajiet pubbliċi jfisser li l-kundizzjonijiet dwar in-natura ċara u li tinftiehem fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 93/31/KEE huma awtomatikament issodisfatti, b’tali mod li l-konsumatur għandu jitqies li huwa kapaċi jevalwa l-konsegwenzi ekonomiċi u legali tal-klawżoli kuntrattwali relatati mas-suġġett u mal-portata tal-kopertura?
(3) Il-fatt li l-polza ta’ assigurazzjoni standard hija imperattiva u li assiguratur jista’ joffri kopertura usa’ għandu effet f’dan ir-rigward?
(4) F’dan ir-rigward, huwa importanti li jsir magħruf jekk il-konsumatur għandux ħtiġijiet speċifiċi (f’termini ta’ assigurazzjoni kontra n-nar, assigurazzjoni tar-responsabbiltà eċċ.) fid-dawl tal-oġġett li għandu jiġi assigurat u jekk l-assiguratur kellux għarfien qabel ma l-konsumatur issottoskriva għall-polza ta’ assigurazzjoni?
(5) Huwa rilevanti li la l-[Liġi tal-21 ta’ Novembru 1989] u lanqas il-kuntratt standard ma jiddefinixxu b’mod ċar in-natura tar-riskju u/jew il-portata tal-kopertura u, b’mod partikolari, li huma koperti biss ir-riskji assoċjati mas-sewqan, b’tali mod li, anki jekk jinqraw bir-reqqa l-[Liġi tal-21 ta’ Novembru 1989] u l-polza ta’ assigurazzjoni standard, ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat taħt liema ċirkustanzi n-nar li ġarraf il-karavann bil-mutur fis-sit ta’ kampeġġ huwa kopert mill-polza?
(6) Għandha tingħata importanza għall-fatt li l-kuntratt ta’ assigurazzjoni huwa mmodifikat ipso jure skont l-iżviluppi leġiżlattivi, b’tali mod li l-portata tal-kopertura legali minima li minnha l-konsumatur inizjalment ħaseb li kien ser igawdi tista’ titnaqqas ulterjorment, li jista’ jkollu bħala konsegwenza li ċerti riskji li fir-rigward tagħhom il-konsumatur ħaseb li kien kopert meta kkonkluda l-kuntratt jistgħu ma jkunux koperti?”
24. HC, Baloise, il-Gvern Belġjan u dak Pollakk, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni ppreżentaw l-argumenti tagħhom u wieġbu għall-mistoqsijiet bil-miktub u orali tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-seduta li nżammet fil‑15 ta’ April 2026.
IV. Evalwazzjoni
A. Kwistjoni preliminari: il‑klassifikazzjoni tal‑inċident bħala marbut mal‑“użu ta’ vetturi”
25. Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, din tal-aħħar għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha bżonn tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha (8).
26. Barra minn hekk, il-fatt li qorti nazzjonali fformulat, fuq livell formali, it-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil dik il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk dik il-qorti rreferiet għalihom meta ressqet id-domandi tagħha u kemm jekk le. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (9).
27. F’din il-kawża, id-domandi kollha għal deċiżjoni preliminari jikkonċernaw id-Direttiva 93/13, u b’mod partikolari, it-trasparenza ta’ klawżola fil-kuntratt tal-assigurazzjoni tal‑2011. Din il-klawżola tistabbilixxi l-portata tal-kopertura tal-assigurazzjoni, b’riferiment għal-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 1989, li tittrasponi parzjalment l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103.
28. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, kull Stat Membru għandu, suġġett għall-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jiżgura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu tkun koperta minn assigurazzjoni.
29. Għalkemm il-qorti tar-rinviju ma staqsietx formalment lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-inċident inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-karavan bil-mutur li ħa n-nar, kienx marbut mal-“użu ta’ vetturi”, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, il-Gvern Belġjan u dak Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni, qiesu li din kienet kwistjoni preliminari li kellha tiġi indirizzata.
30. Naqbel ma’ dawn il-partijiet interessati li din hija kwistjoni ċentrali li trid tiġi eżaminata sabiex il-qorti nazzjonali tkun tista’ tiddeċiedi l-każ quddiemha.
31. Tabilħaqq, jekk l-inċident fil-kawża prinċipali huwa marbut mal-“użu ta’ vetturi” fis-sens tad-Direttiva 2009/103, ir-responsabbiltà li tirriżulta jkollha tiġi koperta u ma jkun ta’ ebda rilevanza li tiġi eżaminata l-klawżola kuntrattwali rilevanti tal-kopertura tal-assigurazzjoni skont id-Direttiva 93/13. Huwa biss jekk l-inċident ma jkunx marbut mal-“użu ta’ vetturi” li l-klawżola rilevanti tal-kuntratt tal-assigurazzjoni għandha tiġi eżaminata skont id-Direttiva 93/13.
32. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” ma jistax jitħalla fid-diskrezzjoni ta’ kull Stat Membru iżda jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni (10), u hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tinterpretah.
33. Fid-dawl tat-tħassib li jista’ jiġi dedott mid-digriet tar-rinviju dwar il-kunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinħoloq wara l-konklużjoni ta’ kuntratt, huwa importanti li jiġi ċċarat li l-kunsiderazzjoni ta’ tali ġurisprudenza ma tirriżultax f’bidla “retroattiva” tal-portata tal-polza tal-assigurazzjoni miftiehma bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali (11).
34. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil regola tad-dritt tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tiċċara u tippreċiża t-tifsira u l-portata ta’ dik ir-regola, kif din għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument li tkun daħlet fis-seħħ. Dan ifisser li r-regola hekk interpretata tista’ u għandha tiġi applikata mill-qorti għal relazzjonijiet ġuridiċi li jkunu nħolqu u ġew stabbiliti qabel l-għoti tas-sentenza li tiddeċiedi t-talba għal interpretazzjoni, kemm‑il darba jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet sabiex titressaq tilwima dwar l-applikazzjoni tal-imsemmija regola quddiem il-qrati kompetenti (12).
35. Wara li ġie ċċarat dan il-punt, u sabiex tingħata risposta utli għad-domandi magħmula, huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni preliminari dwar jekk is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali tistax tiġi kklassifikata bħala inċident marbut mal-“użu ta’ vetturi”, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103.
36. L-ewwel, għandu jingħad li karavan bil-mutur, bħal dak fil-kawża prinċipali, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “vettura”, imsemmi fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2009/103, li huwa definit bħala “kull vettura bil-mutur intiża għal vjaġġi fuq l-art u mmexxija minn qawwa mekkanika, imma li ma timxix fuq il-linji, u kull karru, kemm jekk agganċjat u kemm jekk le”.
37. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li din id-definizzjoni ma għandhiex x’taqsam mal-użu li jsir jew li jista’ jsir mill-vettura inkwistjoni. Konsegwentement, il-fatt li karavan bil-mutur jista’ jintuża b’żewġ modi, bħala mezz ta’ trasport u bħala akkomodazzjoni, ma għandu l-ebda effett fuq il-konstatazzjoni li tali vettura tikkorrispondi għall-kunċett ta’ “vettura” fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2009/103 (13).
38. Barra minn hekk, mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod ċar li l-karavan bil-mutur inkwistjoni normalment huwa bbażat fit-territorju ta’ Stat Membru u ma huwiex kopert minn deroga adottata skont l-Artikolu 5 ta’ dik id-direttiva.
39. It-tieni, fir-rigward tal-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, li kif ġie rrilevat iktar ’il fuq huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, dan għandu jiġi interpretat fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u tal-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (14).
40. L-iżvilupp fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi, inkluża d-Direttiva 2009/103, juri li l-għan ta’ protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn dawn il-vetturi ġie segwit u msaħħaħ b’mod kostanti mil-leġiżlatur tal-Unjoni (15).
41. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” li jinsab fih ma huwiex limitat għas-sitwazzjonijiet ta’ użu ta’ vetturi fit-triq, jiġifieri l-użu fit-toroq pubbliċi, u li dan il-kunċett ikopri kull użu ta’ vettura li huwa konformi mal-funzjoni normali ta’ dik il-vettura (16).
42. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll li, peress li l-vetturi bil-mutur imsemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2009/103, irrispettivament mill-karatteristiċi tagħhom, huma normalment maħsuba biex iservu bħala mezz ta’ trasport, dan il-kunċett ikopri kull użu ta’ vettura bħala mezz ta’ trasport (17).
43. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-fatt li l-vettura involuta fl-inċident kienet wieqfa fil-mument meta seħħ dan l-inċident ma jeskludix, minnu nnifsu, l-użu ta’ din il-vettura f’dak il-mument milli jaqa’ taħt il-funzjoni tagħha bħala mezz ta’ trasport u, għaldaqstant, taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/103 (18).
44. Il-kwistjoni ta’ jekk il-magna tal-vettura kkonċernata kinitx mixgħula jew le fil-mument meta seħħ l-inċident lanqas ma hija determinanti (19).
45. Bl-istess mod il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” ma jiddependix mill-karatteristiċi tal-art li fuqha tintuża din il-vettura u, b’mod partikolari, mill-fatt li l-vettura kkonċernata tkun, fil-mument tal-inċident, wieqfa u tkun tinsab f’parkeġġ (20).
46. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza fil-kawża Línea Directa Aseguradora li sitwazzjoni fejn vettura pparkjata f’garaxx privat ta’ bini, li tintuża konformement mal-funzjoni tagħha ta’ mezz ta’ trasport, tieħu n-nar, ikkawżat miċ-ċirkwit elettriku ta’ dik il-vettura, li jikkawża ħsara lil dak il-bini, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 (21).
47. Madankollu, fis-sentenza fil-kawża Rodrigues de Andrade, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni bejn is-sitwazzjoni ta’ vetturi li huma intiżi li, minbarra l-użu normali tagħhom bħala mezzi ta’ trasport, jintużaw, f’ċerti ċirkustanzi, bħala magni tax-xogħol (22). Fir-rigward ta’ dawn il-vetturi, għandu jiġi ddeterminat jekk, meta seħħ l-inċident li fih kienet involuta tali vettura, din il-vettura kinitx qiegħda tintuża prinċipalment bħala mezz ta’ trasport, f’liema każ dan l-użu jista’ jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/103, jew bħala magna tax-xogħol, f’liema każ l-użu inkwistjoni ma jkunx ta’ natura li jaqa’ taħt dan l-istess kunċett (23).
48. F’dak il-każ, trattur kien qiegħed jintuża bħala ġeneratur tas-saħħa motriċi meħtieġa sabiex titħaddem il-pompa tal-bexxiexa ta’ erbiċida li biha kien mgħammar għall-finijiet tal-bexx ta’ dan l-erbiċida fuq ix-xtieli ta’ dwieli ta’ azjenda agrikola. Tali użu deher li kien marbut prinċipalment mal-funzjoni ta’ dan it-trattur bħala magna tax-xogħol, u mhux bħala mezz ta’ trasport (24).
49. Il-Gvern Belġjan u dak Pollakk jargumentaw li l-inċident fil-kawża prinċipali huwa marbut mal-“użu ta’ vetturi” u li s-sitwazzjoni hija simili għal dik tas-sentenza fil-kawża LíneaDirectaAseguradora. Il-Kummissjoni esprimiet il-fehma kuntrarja fis-seduta u sostniet li l-preċedent rilevanti kien, pjuttost, is-sentenza fil-kawża Rodrigues de Andrade.
50. F’dan ir-rigward, kif imsemmi iktar ’il fuq (25), għandu jiġi rrilevat li karavan bil-mutur bħal dak fil-kawża prinċipali jista’ jintuża b’żewġ modi: għat-trasport u għall-akkomodazzjoni. Sabiex jiġi ddeterminat jekk inċident huwiex marbut mal-“użu ta’ vetturi”, huwa importanti li jiġi ddeterminat jekk, fil-ħin tal-inċident, l-użu tal-karavan bil-mutur kienx konsistenti mal-funzjoni ta’ dik il-vettura bħala mezz ta’ trasport jew pjuttost bħala akkomodazzjoni.
51. Naqbel mal-Kummissjoni li s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali tixbah lil dik tas-sentenza f il-kawża Rodrigues de Andrade, u li fil-ħin tal-inċident il-karavan bil-mutur ma kienx qiegħed jintuża bħala mezz ta’ trasport.
52. Mill-informazzjoni pprovduta fid-digriet tar-rinviju jidher li n-nar kien ikkawżat minn scooter ta’ mobbiltà li taħdem bl-elettriku li kien imdaħħal f’sokit tal-elettriku (difettuż) tal-karavan bil-mutur. Għalhekk, jidher li fil-ħin tal-inċident il-vettura kienet qegħda tintuża bħala sors ta’ enerġija elettrika għal apparat li ma huwiex konness mal-użu tal-vettura bħala mezz ta’ trasport. B’analoġija mal-każ tas-sentenza fil-kawża Rodrigues de Andrade, fejn il-vettura kienet qiegħda tintuża bħala magna, l-użu li kien qiegħed isir f’dan il-każ ma huwiex konsistenti mal-funzjoni tal-vettura bħala mezz ta’ trasport. Pjuttost, jidher li huwa relatat mal-funzjoni l-oħra ta’ dik il-vettura: bħala akkomodazzjoni.
53. Għalhekk, din is-sitwazzjoni trid tiġi distinta minn dik tas-sentenza fil-kawża Línea Directa Aseguradora fejn il-karozza ħadet in-nar minħabba ċ-ċirkwit elettriku tal-vettura, li kienet qiegħda tintuża skont il-funzjoni tagħha bħala mezz ta’ trasport.
54. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali, fejn karavan bil-mutur ħa n-nar wara li apparat ġie mqabbad fis-sokit tiegħu, ma hijiex konsistenti mal-funzjoni ta’ din il-vettura bħala mezz ta’ trasport u għalhekk ma tistax tiġi kklassifikata bħala inċident marbut mal-“użu ta’ vetturi”, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103. Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni, huwa neċessarju li jiġi eżaminat sussegwentement jekk id-Direttiva 93/13 hijiex applikabbli għall-klawżoli kuntrattwali li jirregolaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-polza tal-assigurazzjoni inkwistjoni.
B. It‑tieni domanda (dwar il‑kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 93/13)
55. Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-assigurazzjoni fir-rigward tal-vetturi bil-mutur hija obbligatorja skont il-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 1989 u li l-kuntratt tal-assigurazzjoni tal‑2011 jirriproduċi l-Kuntratt Standard stabbilit bid-Digriet Irjali tal-1992 (26). Skont dak id-digriet, il-kuntratti tal-assigurazzjoni fir-rigward tal-vetturi bil-mutur għandhom jikkonformaw mal-klawżoli tal-Kuntratt Standard, anki jekk jistgħu jiġu permessi derogi favur id-detentur tal-polza, l-assigurat jew kwalunkwe parti oħra kkonċernata mill-applikazzjoni ta’ dan il-kuntratt.
56. Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar jekk il-klawżola kkontestata tal-kuntratt tal-assigurazzjoni tal‑2011 li tirregola l-portata tal-kopertura tal-assigurazzjoni tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ trasparenza skont id-Direttiva 93/13, sa fejn tirriproduċi l-klawżola stabbilita fil-Kuntratt Standard.
57. Peress li din id-domanda tirrigwarda l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni li jikkorrispondi għal mudell ta’ polza ta’ assigurazzjoni stabbilit mil-liġi, huwa xieraq, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li d-domanda tiġi fformulata mill-ġdid sabiex jiġi eżaminat jekk il-klawżola kkontestata taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, fid-dawl tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva. Din l-aħħar dispożizzjoni teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv tagħha kwalunkwe klawżola kuntrattwali li tirrifletti “dispożizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji”.
58. Konsegwentement, permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata l-ewwel, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva tapplika għal klawżola f’kuntratt ta’ assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili ta’ vetturi bil-mutur li tikkonċerna l-portata tal-assigurazzjoni, sa fejn tali kuntratt jirrifletti mudell ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni obbligatorja stabbilit mil-liġi, li assiguratur jista’ jidderoga mid-dispożizzjonijiet tiegħu sabiex joffri kopertura iktar komprensiva.
59. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kliem “dispożizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji” fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, fid-dawl tat-tlettax-il premessa ta’ din id-direttiva, jinkludi kemm id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li japplikaw bejn il-partijiet kontraenti indipendentement mill-għażla tagħhom u dawk li huma ta’ natura supplenti, jiġifieri li japplikaw awtomatikament, fl-assenza ta’ arranġament differenti, bejn il-partijiet (27).
60. L-esklużjoni ta’ klawżoli li jirriflettu “dispożizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji” mill-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv tal-iskema tad-Direttiva 93/13 hija ġġustifikata mill-fatt li, bħala prinċipju, huwa leġittimu li jiġi preżunt li l-leġiżlatur nazzjonali ħoloq bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-partijiet f’ċerti kuntratti, bilanċ li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried espliċitament iżomm (28).
61. Għaldaqstant, il-fatt li l-leġiżlatur nazzjonali ħoloq bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-partijiet f’ċerti kuntratti ma jikkostitwixxix kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-esklużjoni fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, iżda l-ġustifikazzjoni ta’ tali esklużjoni (29).
62. Hija l-qorti nazzjonali adita bil-kawża li għandha tivverifika jekk il-klawżola kkonċernata taqax taħt l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 fid-dawl tal-kriterji li ġew iddefiniti mill-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li żżomm f’moħħha li, minħabba l-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi previst minn din id-direttiva, l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 1(2) għandha tiġi interpretata b’mod strett (30).
63. F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tirrimarka li skont id-Digriet Irjali tal‑1992, il-kuntratti tal-assigurazzjoni għandhom jirriproduċu l-klawżoli tal-Kuntratt Standard anness ma’ dak id-digriet u li l-mudell tal-polza tal-assigurazzjoni huwa mandatarju. Għalhekk jidher li l-Kuntratt Standard japplika irrispettivament mill-għażla tal-partijiet, u dan jirriżulta fil-klassifikazzjoni tiegħu bħala dispożizzjoni “mandatarj[a]” skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13.
64. Madankollu, id-dubji tal-qorti tar-rinviju dwar din il-klassifikazzjoni jidhru li huma relatati mal-possibbiltà li ssir deroga mill-klawżoli tal-Kuntratt Standard sabiex tiġi pprovduta protezzjoni iktar estensiva.
65. Il-Kummissjoni sostniet li l-possibbiltà ta’ deroga mill-klawżoli tal-Kuntratt Standard timplika li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni ma humiex “mandatarji [obbligatorji]” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13. Fil-fehma tal-Kummissjoni, peress li d-Digriet Irjali tal‑1992 ma jidhirx li jirrikjedi li kuntratt ta’ assigurazzjoni jkopri biss inċidenti relatati mal-“użu ta’ vettura” u assiguratur jista’ jidderoga sabiex jipprovdi kopertura iktar estensiva, il-klawżola inkwistjoni li tipprevedi kopertura ta’ assigurazzjoni ma taqax taħt l-eċċezzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13.
66. Ma nistax naqbel ma’ din il-pożizzjoni. Il-kopertura minima tal-assigurazzjoni stabbilita fil-kuntratt standard hija obbligatorja. Il-fatt li assiguratur jista’ jmur lil hinn minn din il-portata u jipprovdi kopertura iktar estensiva ma jbiddilx in-natura obbligatorja tal-portata minima tal-assigurazzjoni.
67. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li tista’ ssir deroga minn dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali supplenti huwa irrilevanti għad-determinazzjoni ta’ jekk klawżola kuntrattwali li tirrifletti tali dispożizzjoni hijiex eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 skont l-Artikolu 1(2) tagħha (31).
68. Bl-istess mod, il-fatt li huwa possibbli li ssir deroga, favur il-konsumatur, minn dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tapplika bejn il-partijiet f’kuntratt irrispettivament mill-għażla tagħhom, bħall-klawżoli tal-Kuntratt Standard, ma għandu jkollu ebda effett fuq jekk klawżola li tirrifletti tali dispożizzjoni hijiex eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13.
69. Għalhekk, jekk il-klawżola tal-polza tal-assigurazzjoni inkwistjoni tipprovdi biss il-kopertura minima li tikkorrispondi eżattament mal-kopertura obbligatorja stabbilita fil-mudell tal-polza (kif stabbilit fil-Kuntratt Standard), ma jistax jitqies li dik il-klawżola ma tirriflettix dispożizzjoni “mandatarj[a] statutorj[a] jew regolatorj[a]” sempliċement għax il-kumpannija tal-assigurazzjoni setgħet, ipotetikament, tipprovdi iktar protezzjoni (li, f’dan il-każ, ma għamlitx).
70. Ma tistax tinstilet konklużjoni differenti mis-sentenza f’Všeobecná úverová banka (32). Dan il-każ kien jikkonċerna l-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju ta’ klawżola ta’ aċċelerazzjoni prevista f’kuntratt ta’ kreditu, li ppermettiet lill-kreditur jitlob il-ħlas lura tas-somma rimanenti kollha li tkun għadha dovuta skont dak il-ftehim, fil-każ ta’ nuqqas mid-debituri li jwettqu l-obbligi kuntrattwali tagħhom. Din il-klawżola rriproduċiet dispożizzjonijiet ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li ppermettew lill-kredituri jitolbu l-ħlas tas-somma rimanenti kollha li tkun għadha dovuta jekk il-partijiet ikunu qablu dwar dan. Il-qorti tar-rinviju kienet iċċarat f’dak il-każ li d-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti ma kinux japplikaw awtomatikament peress li kienu jeħtieġu ftehim mill-partijiet. Barra minn hekk, anki f’każ ta’ ftehim mill-partijiet, il-kreditur ma kienx meħtieġ jeżerċita d-dritt inkwistjoni.
71. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija differenti minn dik eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża msemmija fil-punt preċedenti. Għall-kuntrarju tal-mekkaniżmu ta’ aċċelerazzjoni, li l-partijiet iridu jaqblu dwaru sabiex japplika (u, anki jekk jaqblu, ma hemm l-ebda obbligu li jużaw dan il-mekkaniżmu), il-partijiet f’kuntratt ta’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur skont id-dritt Belġjan ma għandhomx għażla ħlief li jirriflettu f’dak il-kuntratt il-klawżoli tal-kopertura minima tal-assigurazzjoni stabbilita fil-Kuntratt Standard.
72. Il-Gvern Belġjan ressaq linja argumentattiva oħra sabiex isostni l-pożizzjoni tiegħu li l-klawżola kkontestata ma hijiex eskluża mill-iskema tad-Direttiva 93/13. L-argument tiegħu jirrelata mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kuntratt Standard bħala tali. Skont dan il-gvern, il-Kuntratt Standard kien imfassal biss għal vetturi ordinarji u mhux għal vetturi li għandhom karattru “kumpless”, jew li għandhom użi varji, bħal karavan bil-mutur. Għalhekk, fejn kuntratt tal-assigurazzjoni ta’ vettura bil-mutur jirriproduċi l-Kuntratt Standard fir-rigward ta’ vettura li għaliha ma kienx intiż biex japplika l-istess Kuntratt Standard, il-klawżoli kuntrattwali inkwistjoni ma jaqgħux fil-portata tal-esklużjoni prevista fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13. Il-Gvern Belġjan għamel riferiment, f’dan ir-rigward, għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’RWE Vertrieb (33).
73. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva tapplika għall-klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali integrati f’kuntratti tal-konsumatur, li jadottaw regola tad-dritt nazzjonali applikabbli għal kategorija oħra ta’ kuntratt li ma humiex suġġetti għal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni (34). Kieku kien permess li tiġi eskluża l-applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 għal klawżoli kuntrattwali mill-fatt biss li dawn jadottaw dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji nazzjonali li ma humiex applikabbli għall-kuntratt konkluż mill-partijiet, jew li jirreferu għal tali dispożizzjonijiet, dan joħloq dubji rigward is-sistema tal-protezzjoni tal-konsumaturi stabbilita minn din id-direttiva (35).
74. Hija l-qorti tar-rinviju, li waħidha għandha ġurisdizzjoni biex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħha, li għandha tivverifika l-validità tal-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti ssuġġerita mill-Gvern Belġjan.
75. Jekk il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li l-Kuntratt Standard ma kienx intiż biex japplika għal vetturi li għandhom użi varji, bħal karavan bil-mutur, li jistgħu jintużaw bħala mezz ta’ trasport u bħala akkomodazzjoni, allura l-klawżola kkontestata dwar il-portata tal-assigurazzjoni kontra responsabbiltà hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13.
76. Madankollu, jekk il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li l-Kuntratt Standard japplika għat-tipi kollha ta’ vetturi, inklużi karavans bil-mutur bħal dak fil-kawża prinċipali, allura l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat bħala li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-direttiva klawżola li tirrifletti l-klawżoli tal-Kuntratt Standard.
77. Għalhekk, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva ma tapplikax għal klawżola f’kuntratt ta’ assigurazzjoni ta’ responsabbiltà ċivili ta’ vetturi bil-mutur li tikkonċerna l-portata tal-assigurazzjoni, sa fejn tali kuntratt jirrifletti mudell ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni obbligatorja stabbilit mil-liġi, anki jekk assiguratur jista’ jidderoga mill-klawżoli ta’ dak il-kuntratt standard biex joffri kopertura iktar estensiva. Madankollu, din id-direttiva hija applikabbli jekk il-qorti nazzjonali kellha tikkunsidra li l-klawżola inkwistjoni tirriproduċi regola tad-dritt nazzjonali li tistabbilixxi kuntratt standard li ma kienx intiż biex japplika għall-kategorija ta’ vetturi kkonċernati mill-kuntratt ta’ assigurazzjoni.
C. L‑ewwel, it‑tielet, ir‑raba’ u l‑ħames domanda (dwar ir‑rekwiżit ta’ trasparenza)
78. Ir-rekwiżit ta’ trasparenza fir-rigward tal-klawżoli inġusti huwa espress fir-regola stabbilita fl-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, li jirrikjedu li l-klawżoli kuntrattwali għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar.
79. Skont l-Artikolu 4(2) ta’ dik id-direttiva, it-trasparenza tal-klawżoli kuntrattwali hija prerekwiżit għall-esklużjoni tal-klawżoli ewlenin tal-kuntratt mill-istħarriġ tan-natura inġusta tal-klawżoli. Tabilħaqq, skont dik id-dispożizzjoni, l-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u tar-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, sa fejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.
80. Il-preambolu tad-Direttiva 93/13 jagħti xi indikazzjonijiet dwar liema klawżoli jistgħu jitqiesu bħala l-klawżoli ewlenin ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni. Id-dsatax-il premessa tiddikjara li, fil-kuntratti ta’ assigurazzjoni, il-klawżoli li b’mod ċar jistabbilixxu jew jiċċirkoskrivu r-riskju assigurat u r-responsabbiltà ta’ assiguratur ma għandhomx ikunu suġġetti għal evalwazzjoni ta’ karattru inġust ta’ klawżoli peress li dawn jiġu kkunsidrati waqt li jkun qiegħed jiġi kkalkulat il-primjum li għandu jitħallas mill-konsumatur.
81. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, operazzjoni ta’ assigurazzjoni hija kkaratterizzata mill-fatt li l-assiguratur jintrabat, għal ħlas minn qabel ta’ primjum, li jipprovdi lill-assigurat, fil-każ tar-realizzazzjoni tar-riskju kopert, il-benefiċċju miftiehem fiż-żmien meta jkun ġie konkluż il-kuntratt (36).
82. Fil-kawża preżenti, il-klawżola kuntrattwali inkwistjoni tikkonċerna l-portata tal-assigurazzjoni sottoskritta. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li tali klawżola tiċċirkoskrivi r-riskju assigurat kif ukoll l-impenn tal-assiguratur, u tistabbilixxi l-prestazzjoni essenzjali tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni inkwistjoni, li, madankollu hija kwistjoni li għandha tivverifika l-qorti tar-rinviju (37).
83. F’każ li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra li din il-klawżola tifforma parti mis-suġġett prinċipali tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, dik il-qorti għandha tivverifika wkoll jekk l-istess klawżola ġietx abbozzata mill-kummerċjant “b’lingwaġġ sempliċi u ċar”.
84. Dan premess, l-istess rekwiżit ta’ trasparenza bħal dak imsemmi fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 huwa inkluż ukoll fl-Artikolu 5 ta’ dik id-direttiva, li jipprevedi li t-termini kuntrattwali bil-miktub għandhom “[dejjem] ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar”. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li r-rekwiżit ta’ trasparenza li jinsab fl-ewwel waħda minn dawk id-dispożizzjonijiet għandu l-istess portata bħal dak li jinsab fit-tieni waħda minnhom (38).
85. Konsegwentement, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 25 iktar ’il fuq, permezz tal-ewwel u t-tielet sal-ħames domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fl-evalwazzjoni ta’ jekk klawżola li tirregola l-portata tal-assigurazzjoni f’kuntratt ta’ assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ karavan bil-mutur hijiex ifformulata b’mod ċar u intelliġibbli, il-qorti nazzjonali għandha teżamina jekk l-assiguratur informax lill-konsumatur li l-assigurazzjoni tkopri l-użu ta’ dik il-vettura fil-funzjoni tagħha bħala mezz ta’ trasport, bl-esklużjoni tar-riskji marbuta mal-użu ta’ dik il-vettura bħala akkomodazzjoni, li għalihom tkun meħtieġa assigurazzjoni addizzjonali (39).
86. Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat kunċett wiesa’ tar-rekwiżit ta’ trasparenza, filwaqt li kkunsidrat li s-sistema ta’ protezzjoni introdotta mid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-kummerċjant għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-livell ta’ għarfien tiegħu (40).
87. Għalhekk, ir-rekwiżit ta’ trasparenza jinvolvi mhux biss kriterji formali iżda wkoll kriterji sostantivi (41). Għalhekk, dan ir-rekwiżit mhux biss jeżiġi li l-klawżola kkonċernata tkun tinftiehem mill-konsumatur ikkonċernat kemm formalment u kif ukoll grammatikalment, iżda wkoll li konsumatur medju, raġonevolment informat tajjeb u raġonevolment attent u għaqli, jitqiegħed f’pożizzjoni li jifhem il-funzjoni konkreta ta’ din il-klawżola u li b’hekk jevalwa, abbażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi, potenzjalment sinjifikattivi, ta’ tali klawżola fuq l-obbligi finanzjarji tiegħu (42).
88. L-informazzjoni, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, fuq il-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-konsegwenzi ta’ din il-konklużjoni hija, għal konsumatur, ta’ importanza fundamentali. Huwa, b’mod partikolari, fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni li dan tal-aħħar jiddeċiedi jekk jixtieqx jintrabat mill-kundizzjonijiet ifformulati mill-kummerċjant (43).
89. Kif jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita, in-natura ċara u li tinftiehem ta’ klawżola partikolari għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-punti ta’ fatt rilevanti kollha, li jinkludu r-reklamar u l-informazzjoni pprovduta mill-kummerċjant fil-kuntest tan-negozjati tal-kuntratt rilevanti, u billi tieħu inkunsiderazzjoni l-livell ta’ attenzjoni li jista’ jkun mistenni minn konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat (44).
90. F’din il-kawża, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-klawżola kuntrattwali inkwistjoni, li tirriproduċi l-Kuntratt Standard, tistipula li l-kuntratt tal-assigurazzjoni jkopri r-responsabbiltà ċivili li tirriżulta minn “ħsara” kkawżata mill-vettura “skont il-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 1989”. It-terminu “ħsara” huwa definit bħala “kwalunkwe inċident li jikkawża ħsara u jista’ jagħti lok għall-applikazzjoni tal-kuntratt”.
91. Il-kwistjoni mqajma hawnhekk hija jekk, fir-rigward ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni ta’ karavan bil-mutur, is-sempliċi riferiment għal-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 1989 huwiex biżżejjed biex konsumatur medju jifhem il-kopertura preċiża tal-polza tal-assigurazzjoni u, b’mod iktar partikolari, li hija koperta biss il-ħsara li tirriżulta mill-użu tal-vettura bħala mezz ta’ trasport, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe riskju relatat mal-użu tal-vettura bħala akkomodazzjoni (bħall-inċident fil-kawża prinċipali, li rriżulta mill-iċċarġjar ta’ scooter ta’ mobbiltà f’sokit tal-elettriku tal-karavan bil-mutur).
92. Fil-ġurisprudenza tagħha, fl-eżami tat-trasparenza tal-klawżoli f’kuntratti ta’ self ipotekarju li stipulaw rata ta’ interessi varjabbli stabbilita abbażi ta’ indiċi uffiċjali (ippubblikat fil-gazzetta uffiċjali tal-Istat), il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li r-rekwiżit ta’ trasparenza għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-fatti rilevanti kollha, inkluż jekk l-elementi prinċipali relatati mal-kalkolu tal-indiċi humiex faċilment aċċessibbli minħabba l-pubblikazzjoni tagħhom (45).
93. Fil-kuntest tal-proċeduri prinċipali, kif imsemmi hawn fuq, il-klawżola kuntrattwali inkwistjoni tagħmel riferiment għal-liġi applikabbli għad-determinazzjoni tal-kopertura tal-kuntratt tal-assigurazzjoni, li naturalment hija disponibbli pubblikament għall-konsumaturi.
94. Madankollu, mid-digriet tar-rinviju u mill-ħames domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, li hija esklużivament responsabbli għall-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali (46), jirriżulta li ma huwiex possibbli, mill-qari ta’ dik il-liġi u tal-polza tal-assigurazzjoni, għal konsumatur medju li jifhem il-portata tal-kopertura tal-assigurazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward ta’ karavan bil-mutur. Il-qorti tar-rinviju ddikjarat ukoll li, għalkemm il-ġurisprudenza nazzjonali stabbilixxiet li l-portata tal-assigurazzjoni ċivili tkopri biss riskji relatati mal-użu ta’ vettura, din l-informazzjoni ma hijiex riprodotta fil-liġi jew fil-polza tal-assigurazzjoni (47).
95. Barra minn hekk, kif intqal iktar ’il fuq fil-kuntest tal-evalwazzjoni tat-tieni domanda, il-Gvern Belġjan spjega li l-Kuntratt Standard, li jiddetermina l-portata tal-kopertura tal-assigurazzjoni b’riferiment għal-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 1989, kien imfassal biex jiġi inkorporat fil-kuntratti tal-assigurazzjoni għal vetturi ordinarji, mingħajr ħtiġijiet speċifiċi dwar ir-riskju li għandu jiġi assigurat. Madankollu, dan ma huwiex il-każ għall-karavans bil-mutur, li minnhom infushom jiffunzjonaw bħala mezz ta’ trasport u bħala akkomodazzjoni, li jirriżulta f’riskji li ma humiex relatati mal-funzjoni tagħhom bħala mezz ta’ trasport.
96. Kif essenzjalment sostnew dak il-gvern u l-Kummissjoni, għal karavans bil-mutur li għandhom funzjoni doppja, jiġifieri bħala mezz ta’ trasport u bħala akkomodazzjoni, il-fatturi ta’ riskju huma ta’ natura u firxa differenti meta mqabbla ma’ vettura ordinarja. Il-konsumatur, għalhekk, għandu jirċievi informazzjoni speċifika fir-rigward tal-fatturi ta’ riskju rilevanti meta jikkonkludi l-kuntratt. B’mod partikolari, il-konsumatur għandu jiġi informat li l-kopertura minima tal-assigurazzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali (li tittrasponi d-Direttiva 2009/103) tirrigwarda l-użu tal-karavan bil-mutur li huwa konsistenti mal-funzjoni tiegħu bħala mezz ta’ trasport u mhux bħala akkomodazzjoni.
97. Din l-informazzjoni hija essenzjali biex il-konsumatur ikun jista’ jevalwa l-konsegwenzi ekonomiċi potenzjalment sinjifikanti għalih, li jirriżultaw mil-limitazzjoni tal-kopertura tal-assigurazzjoni għall-minimu meħtieġ mil-liġi (48). Wara li jkun ġie informat b’mod sħiħ, il-konsumatur jista’ jiddeċiedi jekk il-kopertura minima, li tkopri biss l-użu tal-motorhome bħala mezz ta’ trasport, hijiex biżżejjed, jew jekk huwiex neċessarju li jissottoskrivi assigurazzjoni addizzjonali biex tkopri r-riskji addizzjonali relatati ma’ dak it-tip ta’ vettura, abbażi tal-karatteristiċi u r-riskji speċifiċi relatati mat-tip ta’ vettura li għandha tiġi assigurata.
98. Tali informazzjoni dwar il-varjetà u l-livell ogħla ta’ riskju hija meħtieġa sabiex konsumatur li ma huwiex espert fis-settur tal-assigurazzjoni jkun jista’ jifhem il-klawżola rilevanti li tiddetermina l-portata tar-responsabbiltà. Għalhekk, ma jistax ikun mistenni mill-konsumaturi li juru livell ogħla ta’ viġilanza u għarfien meta jikkonkludu kuntratt ta’ assigurazzjoni għal karavan bil-mutur milli meta jagħmlu dan fir-rigward ta’ vettura ordinarja (49).
99. Fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 88 iktar ’il fuq, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex ċara u li tinftiehem fid-dawl tal-fatti rilevanti. Hija għandha teżamina jekk il-konsumatur kienx informat waqt in-negozjati tal-kuntratt tal-assigurazzjoni dwar x’inhu kopert mill-assigurazzjoni obbligatorja kontra responsabbiltà ċivili u, b’mod partikolari, jekk il-kumpannija tal-assigurazzjoni spjegatx li kien possibbli li tittieħed assigurazzjoni addizzjonali biex tkopri r-riskji relatati mal-użu tal-karavan bil-mutur fil-funzjoni tiegħu bħala akkomodazzjoni.
100. Fid-dawl ta’ dan kollu, l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fl-evalwazzjoni ta’ jekk klawżola li tirregola l-portata ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili għal karavan bil-mutur hijiex ifformulata b’mod ċar u li tinftiehem, il-qorti nazzjonali għandha teżamina jekk l-assiguratur informax lill-konsumatur li l-polza tal-assigurazzjoni tkopri r-riskji relatati mal-użu ta’ dik il-vettura bħala mezz ta’ trasport, bl-esklużjoni tar-riskji mill-użu ta’ dik il-vettura bħala akkomodazzjoni, li jistgħu jkunu koperti minn assigurazzjoni addizzjonali. Din l-interpretazzjoni tapplika biss jekk il-qorti nazzjonali tikkonstata li l-klawżola inkwistjoni ma għandhiex tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva skont l-Artikolu 1(2) tagħha.
D. Is‑sitt domanda
101. Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija għandha r-responsabbiltà tiddefinixxi, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha (50).
102. Permezz tal-aħħar domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rilevanza, għall-evalwazzjoni tar-rekwiżit ta’ trasparenza tal-klawżola kkontestata fil-kawża prinċipali, tal-emenda awtomatika tal-kuntratt tal-assigurazzjoni skont bidliet fil-liġi, li sussegwentement jistgħu jillimitaw il-firxa tal-portata minima statutorja tal-kopertura tal-assigurazzjoni. L-effett ta’ tali limitazzjoni jista’ jkun, skont il-qorti tar-rinviju, li ċerti riskji, li fil-fehma tal-konsumatur kienu koperti meta ġie konkluż il-kuntratt, jistgħu ma jibqgħux assigurati.
103. Madankollu, id-digriet tar-rinviju ma fihx informazzjoni dwar il-“bidliet fil-liġi” inkwistjoni u ma jispjegax kif dawn il-bidliet naqqsu l-portata statutorja minima tal-kopertura tal-assigurazzjoni.
104. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-elementi fattwali u legali meħtieġa biex tagħti risposta utli għal din id-domanda.
105. Għal din ir-raġuni, nipproponi li s-sitt domanda tiġi ddikjarata inammissibbli.
E. It‑talba ta’ Baloise biex jiġu llimitati l‑effetti tas‑sentenza
106. Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, Baloise talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tillimita l-effetti tas-sentenza jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, kuntrarjament għall-argumenti ta’ Baloise, kellha teħtieġ, fil-kuntest tal-obbligu li kuntratt ta’ assigurazzjoni jiġi abbozzat b’lingwaġġ sempliċi u ċar, li l-kuntratt jiddikjara espressament il-garanzija legali minima u xi jmur lil hinn minn tali garanzija; liema ħsara speċifika hija koperta mill-assigurazzjoni u liema ma hijiex hekk koperta; u x’inhu kopert mil-liġi li tiddetermina l-portata tal-kopertura tal-assigurazzjoni u x’ma huwiex.
107. Din it-talba hija bbażata fuq il-premessa li ma huwiex biżżejjed għall-assiguraturi li jinkorporaw il-Kuntratt Standard fit-termini u l-kundizzjonijiet tal-poloz tagħhom u li s-sentenza eventwali tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirriżulta f’obbligu għall-assiguraturi li jkopru l-ħsara kollha li tirriżulta minn vettura li ma tkunx qiegħda tintuża fil-funzjoni normali tagħha bħala mezz ta’ trasport.
108. Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi l-evalwazzjoni tiegħi fl-osservazzjonijiet preliminari u fir-rigward tad-domandi preliminari, it-talba magħmula minn Baloise tkun bla skop.
109. Għalhekk, ma nqisx li huwa neċessarju li nipprovdi tweġiba għat-talba ta’ Baloise.
V. Konklużjoni
110. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari tal-Hof van beroep te Antwerpen (il-Qorti tal-Appell, Antwerp, il-Belġju) kif ġej:
(1) L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13
għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva ma tapplikax għal klawżola f’kuntratt ta’ assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili ta’ vetturi bil-mutur li tikkonċerna l-portata tar-responsabbiltà tal-assigurazzjoni, sa fejn tali kuntratt jirrifletti mudell ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni mandatarju stabbilit mil-liġi, anki jekk assiguratur jista’ jidderoga mill-klawżoli ta’ dak il-kuntratt standard biex joffri kopertura iktar estensiva. Madankollu, din id-direttiva hija applikabbli jekk il-qorti nazzjonali kellha tikkunsidra li l-klawżola inkwistjoni tirriproduċi regola tad-dritt nazzjonali li tistabbilixxi kuntratt standard li ma kienx intiż biex japplika għall-kategorija ta’ vetturi kkonċernati mill-kuntratt ta’ assigurazzjoni.
2) L-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/1
għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fl-evalwazzjoni ta’ jekk il-klawżola li tirregola l-portata tal-assigurazzjoni f’kuntratt ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili għal karavan bil-mutur, hijiex ifformulata b’mod ċar u li tinftiehem, il-qorti nazzjonali għandha teżamina jekk l-assiguratur informax lill-konsumatur li l-polza tal-assigurazzjoni tkopri riskji relatati mal-użu ta’ dik il-vettura bħala mezz ta’ trasport, bl-esklużjoni tar-riskji mill-użu ta’ dik il-vettura bħala akkomodazzjoni, li jistgħu jkunu koperti minn assigurazzjoni addizzjonali. Din l-interpretazzjoni tapplika biss jekk il-qorti nazzjonali tikkonstata li l-klawżola inkwistjoni ma għandhiex tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva skont l-Artikolu 1(2) tagħha.
3) Is-sitt domanda hija inammissibbli.
1 Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
i L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.
2 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100.
3 ĠU 2009, L 263, p. 11.
4 Belgisch Staatsblad tat‑8 ta’ Diċembru 1989.
5 Belgisch Staatsblad tat‑3 ta’ Frar 1993.
6 Belgisch Staatsblad tat‑2 ta’ Mejju 2018.
7 B’mod iktar preċiż, mill-fajl tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jidher li s-sokit tal-elettriku tal-karavan bil-mutur kien difettuż.
8 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2026, Prokuratura na Republika Bulgaria (C‑312/24, EU:C:2026:449, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).
9 Sentenza tas‑16 ta’ April 2026, Nitrogénművek (C‑519/24, EU:C:2026:297, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).
10 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza fil-kawża Rodrigues de Andrade punt 31.
11 Ara l-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
12 Sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2026, AVR-Afvalverwerking (C‑692/23, EU:C:2026:4, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).
13 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza fil-kawża Rodrigues de Andrade punt 29.
14 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza fil-kawża Rodrigues de Andrade, punt 31.
15 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza fil-kawża Rodrigues de Andrade punt 33.
16 Sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2019, Línea Directa Aseguradora (C‑100/18, EU:C:2019:517, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
17 Sentenza fil-kawża Rodrigues de Andrade, punt 38.
18 Sentenza fil-kawża Rodrigues de Andrade, punt 39.
19 Sentenza fil-kawża Línea Directa Aseguradora, punt 38.
20 Sentenza fil-kawża Línea Directa Aseguradora, punt 40.
21 Sentenza fil-kawża Línea Directa Aseguradora, punti 45 u 48.
22 Sentenza fil-kawża Rodrigues de Andrade, punt 40.
23 Sentenza fil-kawża Rodrigues de Andrade, punt 40.
24 Sentenza fil-kawża Rodrigues de Andrade, punt 41.
25 Ara l-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
26 Il-qorti tar-rinviju ddikjarat li d-Digriet Irjali tal‑1992, li kien applikabbli fil-ħin tal-konklużjoni tal-kuntratt, sadanittant ġie mħassar bid-Digriet Irjali tal‑2018, li fih ukoll mudell ta’ kuntratt. Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, kemm HC kif ukoll Baloise jagħmlu riferiment għad-Digriet Irjali tal‑2018, u b’mod iktar partikolari għall-Artikolu 38 tiegħu, li jistabbilixxi l-għan tal-assigurazzjoni. Bi tweġiba għal mistoqsija mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-Gvern Belġjan dwar l-impatt tad-dħul fis-seħħ tad-Digriet Irjali tal‑2018 fuq ir-relazzjoni kuntrattwali tal-partijiet fil-kawża prinċipali, huwa ddikjara li, abbażi tad-dispożizzjoni tranżitorja ta’ dan id-digriet irjali, l-assiguraturi kellhom jimmodifikaw il-kuntratti tagħhom sa mhux iktar tard mill‑1 ta’ Novembru 2019. Madankollu, huwa kkonferma wkoll li l-konsegwenzi ta’ din il-bidla fir-rigward tal-każ fil-kawża prinċipali kienu minimi għaliex id-Digriet Irjali tal‑2018 ma mmodifikax il-portata u l-għan tal-kopertura tal-assigurazzjoni.
27 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2026, PKO BP (parametri referenzjarji ta’ importanza kritika) (C‑471/24, EU:C:2026:85, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).
28 Sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Zagrebačka banka (C‑567/20, EU:C:2022:352, punt 57u l-ġurisprudenza ċċitata).
29 Sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Banca Transilvania (C‑81/19, EU:C:2020:532, punt 27).
30 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Trapeza Peiraios (C‑243/20, EU:C:2021:1045, punt 37).
31 Sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Banca Transilvania (C‑81/19, EU:C:2020:532, punt 35).
32 Sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2023 (C‑598/21, EU:C:2023:845).
33 Sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2013 (C‑92/11, EU:C:2013:180).
34 Ibid., punt 39.
35 Ibid., punt 30.
36 Sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Van Hove (C‑96/14, EU:C:2015:262, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
37 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Van Hove (C‑96/14, EU:C:2015:262, punt 36).
38 Sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Caixabank (kummissjoni għall-ftuħ tas-self) (C‑565/21, EU:C:2023:212, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).
39 Ir-risposta għal dawn id-domandi hija rilevanti biss jekk il-qorti tar-rinviju tikkunsidra, abbażi tal-kriterji żviluppati fil-kuntest tal-analiżi tiegħi tat-tieni domanda, li l-klawżola kuntrattwali dwar il-portata tar-responsabbiltà tal-assigurazzjoni sottoskritta ma tirriflettix disposizzjoni obbligatorja statutorja jew regolatorja u għalhekk ma hijiex koperta mill-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13.
40 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2026, PKO BP (parametru referenzjarju ta’ importanza kritika), C‑471/24, EU:C:2026:85, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).
41 Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Caixabank et (Stħarriġ tat-trasparenza fil-kuntest ta’ azzjoni kollettiva) (C‑450/22, EU:C:2024:64, punti 41 sa 43).
42 Sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2024, Caixabank et (Stħarriġ tat-trasparenza fil-kuntest ta’ azzjoni kollettiva) (C‑450/22, EU:C:2024:577, punt 37).
43 Sentenza tat‑12 ta’ Frar 2026, PKO BP (Parametru referenzjarju ta’ importanza kritika) (C‑471/24, EU:C:2026:85, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).
44 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Caixabank (Kummissjoni għall-ftuħ tas-self) (C‑565/21, EU:C:2023:212, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
45 Sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch (C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 53), sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Banco Santander (Riferiment għal indiċi uffiċjali) (C‑265/22, EU:C:2023:578, punt 56).
46 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2026, BNP Paribas Bank Polska (C‑246/25, EU:C:2026:362, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).
47 Ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
48 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Van Hove (C‑96/14, EU:C:2015:262, punt 47).
49 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ April 2023, Ocidental – Companhia Portuguesa de Seguros de Vida (C‑263/22, EU:C:2023:311, punt 28).
50 Sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2025, Tenergie (Talba għal maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni) (C‑259/24, EU:C:2025:1013, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).