Brussell, 9.9.2024

COM(2024) 395 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

skont l-Artikolu 278(a) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni dwar il-progress fl-iżvilupp tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi matul l-2023

{SWD(2024) 214 final}


Werrej

1.    Introduzzjoni    

2.    KONTENUT tar-Rapport    

3.    Metodoloġija tal-proġett għas-sistemi elettroniċi tal-KDU    

4.    Ħarsa globali lejn il-progress bis-sistemi elettroniċi tal-KDU    

4.1    Proġetti li tlestew qabel l-2023    

4.2    Proġetti għaddejjin    

4.2.1 Proġetti trans-Ewropej    

4.2.2 Proġetti nazzjonali    

4.3    Riskji għal dewmien fl-implimentazzjoni tal-IT tal-KDU    

4.4    Azzjonijiet ta’ mitigazzjoni    

4.5    Is-sitwazzjoni attwali għall-pajjiżi tat-tkabbir    

5.    Sinteżi amministrattiva u konklużjonijiet    



1.Introduzzjoni

Dan huwa l-ħames rapport annwali dwar il-progress fil-varar tas-sistemi elettroniċi pendenti, f’konformità mal-Artikolu 278(a) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU) 1 dwar il-progress fl-iżvilupp tas-sistemi elettroniċi previsti fil-KDU 2 . Dan ir-rapport jelabora dwar il-progress għaddej fl-iżvilupp tas-sistemi elettroniċi u jiddeskrivi l-iżviluppi lejn ambjent doganali kompletament diġitali minn meta daħal fis-seħħ il-KDU. Għal dan l-għan, huwa jibbaża fuq il-Programm ta’ Ħidma tal-KDU 3 (il-WP tal-KDU), stabbilit fl-2019, li jitqies bħala l-linja bażi għar-rapportar tal-progress.

Il-KDU daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2016 u wara l-emenda tiegħu fl-2019 4 , stabbilixxa l-iskadenzi tal-2020, tal-2022 u tal-2025 għat-tlestija progressiva tal-proġetti f’termini ta’ tranżizzjoni u implimentazzjoni tal-IT. Is-sistemi elettroniċi u bbażati fuq il-karta eżistenti jistgħu jkomplu jintużaw għat-twettiq tal-formalitajiet doganali (l-hekk imsejħa “miżuri tranżizzjonali”) sakemm is-sistemi elettroniċi l-ġodda jew dawk aġġornati previsti fil-KDU jkunu bdew joperaw. Dan l-istrument legali jintuża biex imexxi u jappoġġa l-proċess ta’ tranżizzjoni tridimensjonali gradwali u kumpless lejn ambjent doganali kompletament diġitali, filwaqt li jitqiesu l-interdipendenzi bejn is-sistemi. . 

Ta’ min jinnota li matul l-abbozzar ta’ dan ir-rapport, il-WP tal-KDU tal-2019 kien soġġett għal reviżjoni, fost l-oħrajn abbażi tal-kontribut tal-progress riċevut mill-Istati Membri bħala parti mit-tħejjija tar-rapport. Il-WP il-ġdid tal-KDU huwa l-istrument biex imexxi lill-Istati Membri lejn implimentazzjoni komuni u fattibbli tal-proġetti pendenti, filwaqt li jħalli aktar flessibbiltà biex jintlaħqu l-iskadenzi finali, madankollu jżomm il-pressjoni meħtieġa għal implimentazzjoni sħiħa tal-WP tal-KDU sal-31 ta’ Diċembru 2025. Għal din ir-raġuni, ir-rapport jinkludi approċċ li jħares ’il quddiem fir-rigward tat-tħejjija għad-dati fil-WP il-ġdid tal-KDU 5 , li ġie adottat mill-Kummissjoni fil-15 ta’ Diċembru 2023. 

2.KONTENUT tar-Rapport

Il-proġetti elenkati fil-WP tal-KDU jistgħu jinqasmu fi tliet kategoriji ta’ sistemi:

I)Sistemi ċentrali trans-Ewropej li jridu jiġu żviluppati jew aġġornati mill-Kummissjoni (li ħafna drabi jeħtieġu wkoll żviluppi jew aġġornamenti tas-sistemi nazzjonali mill-Istati Membri);

II)Sistemi deċentralizzati trans-Ewropej li jridu jiġu żviluppati jew aġġornati mill-Kummissjoni iżda li għandhom komponent nazzjonali ewlieni li jrid jiġi implimentat mill-Istati Membri u;

III)Sistemi nazzjonali li jridu jiġu żviluppati jew aġġornati esklużivament mill-Istati Membri.

Dan ir-rapport janalizza l-progress tanġibbli li sar għal dawn is-sistemi kollha, filwaqt li jispjega l-ambitu u l-ippjanar ta’ kull proġett (it-taqsima 3). Huwa jenfasizza wkoll id-dewmien potenzjali, meta jiġi identifikat, kif ukoll il-miżuri ta’ mitigazzjoni previsti (it-taqsima 4). Il-valutazzjoni ġenerali tal-progress tal-implimentazzjoni tal-WP tal-KDU hija miġbura fil-qosor fil-konklużjoni ta’ dan ir-rapport (it-taqsima 5 ).

Aktar dettalji dwar l-ippjanar u l-istatus ta’ kull proġett huma pprovduti fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni 6 , ippubblikat flimkien ma’ dan ir-rapport. Ir-rapport u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal huma mibnija abbażi tal-informazzjoni miġbura permezz tas-sorsi li ġejjin: 

(1) il-pjanijiet nazzjonali li l-Istati Membri huma meħtieġa jipprovdu darbtejn fis-sena (Jannar u Ġunju).

(2) stħarriġ iċċirkolat lill-Istati Membri u lis-servizzi proprji tal-Kummissjoni biex tinkiseb stampa tal-progress attwali meta mqabbel mal-pjanijiet.

Id-data miksuba hija kemm kwantitattiva, fil-forma ta’ skadenzi u stadji importanti li ntlaħqu jew li ma ntlaħqux, u kwalitattiva, fil-forma ta’ deskrizzjonijiet dettaljati rigward il-kumplessità stmata tal-proġetti, l-isfidi ffaċċjati, ir-riskji antiċipati, id-dewmien u r-raġunijiet għal kwalunkwe dewmien kif ukoll il-miżuri ta’ mitigazzjoni ppjanati u/jew meħuda.

Fl-eżerċizzju ta’ din is-sena, l-Istati Membri ntalbu wkoll jipprovdu informazzjoni dwar it-tagħlimiet meħuda matul l-iżvilupp tal-proġetti u dwar il-ħtiġijiet ta’ appoġġ addizzjonali possibbli.

(3) laqgħat bilaterali ta’ livell għoli bejn id-Direttorati tal-IT Doganali tal-Istati Membri u d-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali (DĠ TAXUD) tal-Kummissjoni.

L-eżitu tal-istħarriġ ipprovda lill-Kummissjoni stampa ċara dwar l-istatus ta’ kull sistema. Madankollu, il-Kummissjoni ddeterminat li huwa importanti li tikseb għarfien aġġornat għal fehim sħiħ u preċiż tal-istatus ta’ kull wieħed mill-proġetti tal-KDU min-naħa tal-Istati Membri, tifhem il-kwistjonijiet li kienu qed jiltaqgħu magħhom u tiġġenera ideat għat-titjib ta’ sitwazzjonijiet problematiċi.

(4) outputs mill-programmi trans-Ewropej ta’ koordinazzjoni u ta’ monitoraġġ.

Dan ir-rapport fih ukoll analiżi bbażata fuq informazzjoni aktar dettaljata rrappurtata mill-Istati Membri fil-qafas tal-Programmi ta’ Koordinazzjoni fis-seħħ mill-2020 għas-sistemi trans-Ewropej.

3.Metodoloġija tal-proġett għas-sistemi elettroniċi tal-KDU

Skont l-arkitettura tas-sistema maqbula mill-Istati Membri u l-Kummissjoni għal kull waħda mis-sistemi, hemm kondiviżjoni tar-rwol definita fir-rigward tar-responsabbiltajiet għall-iżvilupp, il-varar, it-tħaddim u l-manutenzjoni. Din hija stabbilita fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar l-Arranġamenti Tekniċi għas-sistemi elettroniċi (IRTA, Implementing Reguation on the Technical Arrangements), li jiddeskrivi minn liema komponenti għandhom jikkonsistu dawk is-sistemi, u x’inhi n-natura tagħhom — nazzjonali (żviluppati fil-livell nazzjonali) jew komuni (żviluppati fil-livell tal-UE).

F’konformità mal-Artikolu 103 tal-IRTA, il-komponenti komuni għandhom jiġu żviluppati, ittestjati, varati u ġestiti mill-Kummissjoni, u jistgħu jiġu ttestjati mill-Istati Membri. Il-komponenti nazzjonali għandhom jiġu żviluppati, ittestjati, użati u ġestiti mill-Istati Membri. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-komponenti nazzjonali jkunu interoperabbli mal-komponenti komuni. Il-Kummissjoni għandha tfassal u żżomm l-ispeċifikazzjonijiet komuni għas-sistemi deċentralizzati f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri. L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw, joperaw u jmantnu interfaċċi biex jipprovdu l-funzjonalità għas-sistemi deċentralizzati meħtieġa għall-iskambju tal-informazzjoni mal-operaturi ekonomiċi u ma’ persuni oħrajn permezz ta’ komponenti u interfaċċi nazzjonali, u ma’ Stati Membri oħrajn permezz ta’ komponenti komuni.

Mill-2022, il-metodoloġija tal-proġett għall-iżvilupp tas-sistemi ġiet ottimizzata aktar. Min-naħa tal-Kummissjoni, l-immudellar tal-proċess tan-negozju, l-immudellar tad-data u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ġew żviluppati aktar b’mod parallel u permezz ta’ kollaborazzjoni mill-qrib mill-bidu ma’ esperti legali, tan-negozju u tal-IT. Dan il-metodu tal-aħjar prattika ġie inkorporat ukoll mill-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Barra minn hekk, hemm evoluzzjoni lejn l-adozzjoni ta’ metodoloġiji aktar aġli għall-iżvilupp tas-sistemi elettroniċi tal-KDU, li jippermettu titjib gradwali fil-funzjonalità għall-utent permezz ta’ rilaxxi tas-software aktar rapidi u aktar maniġġabbli. Il-Kummissjoni adattat l-approċċ u d-dokumentazzjoni tagħha għas-sistemi trans-Ewropej biex tippermetti din l-aġilità bħala appoġġ lill-Istati Membri biex iħaffu l-progress. Dan huwa rifless ukoll fil-WP il-ġdid tal-KDU.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni komplew jiltaqgħu regolarment fil-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar id-Dwana Elettronika (ECCG, Electronic Customs Coordination Group) biex jiddefinixxu u jaqblu dwar id-dokumenti tal-proġett għal kull sistema trans-Ewropea. L-ECCG huwa wkoll il-forum għat-tmexxija u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet fost l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonsultat b’mod sistematiku lill-komunità kummerċjali permezz tal-Grupp ta’ Kuntatt dwar il-Kummerċ (TCG, Trade Contact Group). L-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà li jżommu kuntatt dirett mal-Operaturi Ekonomiċi tagħhom rigward il-pjanijiet nazzjonali u d-dokumentazzjoni għall-kummerċjanti. Ladarba sistema tkun lesta, huwa ta’ importanza kbira li l-Istati Membri jiżguraw tranżizzjoni bla xkiel mis-sistemi eżistenti għal dawk aġġornati. Dan huwa vitali biex jiġi evitat kwalunkwe impatt fuq l-operazzjonijiet kummerċjali u doganali.

4.Ħarsa globali lejn il-progress bis-sistemi elettroniċi tal-KDU

Il-WP tal-KDU fih 17-il proġett li jwasslu għall-varar tas-sistemi elettroniċi meħtieġa, inklużi 14-il proġett trans-Ewropew li għalihom huma responsabbli l-Kummissjoni u l-Istati Membri u tlieta li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà unika tal-Istati Membri.

4.1Proġetti li tlestew qabel l-2023

Il-Kummissjoni tirrapporta l-varar b’suċċess tad-disa’ sistemi ġodda jew aġġornamenti li ġejjin:

·Is-Sistema tal-Esportaturi Rreġistrati tal-KDU — REX (ġdida): Varata fl-2017;

·Id-Deċiżjonijiet Doganali tal-KDU — CDS (ġodda): Varati fl-2017;

·L-Aċċess Dirett min-Negozjanti għas-Sistemi tal-Informazzjoni Ewropej tal-KDU — UUM&DS (Ġestjoni Uniformi tal-Utenti u Firma Diġitali) (ġdida): Varat fl-2017;

·Is-Sistema ta’ Reġistrazzjoni u Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi tal-KDU 2 — EORI2 (aġġornament): Varata fl-2018;

·Is-Sorveljanza 3 tal-KDU — SURV3 (aġġornament): Varata fl-2018;

·L-Informazzjoni Tariffarja Vinkolanti tal-KDU — BTI (aġġornament): Varata fl-2019;

·L-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati tal-KDU — AEO (aġġornament): Varata fl-2019;

·L-Iskedi ta’ Informazzjoni għal Proċeduri Speċjali tal-KDU — INF (ġodda): Varati fl-2020;

·Is-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni tal-KDU 2 — Rilaxx 1 — ICS2 — Rilaxx 1 (aġġornament): Varata fl-2021.

4.2Proġetti għaddejjin

Dan ir-rapport għandu l-għan li jenfasizza l-kisbiet u l-isfidi ffaċċjati fl-implimentazzjoni tal-proġetti li kienu għaddejjin fl-2023.

It-Taqsima 4.2.1 tipprovdi ħarsa ġenerali lejn is-sitt proġetti trans-Ewropej skedati li jiġu varati bejn l-2023 u l-2025. Erbgħa minn dawn il-proġetti kellhom perjodi ta’ varar li ntemmu fl-2023 kif stabbilit fil-WP tal-KDU tal-2019 iżda peress li xi Stati Membri rrapportaw diffikultajiet, il-WP tal-KDU ġie rivedut fl-2023.

It-Taqsima 4.2.2 tiddeskrivi l-implimentazzjoni tat-tliet proġetti nazzjonali, jiġifieri n-Notifika tal-Wasla, in-Notifika tal-Preżentazzjoni u l-Ħżin Temporanju, il-Proċeduri Speċjali u s-Sistemi Nazzjonali tal-Importazzjoni. Dawn il-proġetti oriġinarjament kienu ppjanati li jkunu operazzjonali sal-31 ta’ Diċembru 2022, kif definit fil-KDU. Madankollu, minħabba n-nuqqas ta’ kapaċità li tintlaħaq din l-iskadenza u kif identifikat qabel fir-Rapporti Annwali dwar il-Progress tal-KDU, diversi Stati Membri talbu deroga skont l-Artikolu 6(4) tal-KDU. Fl-1 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni adottat Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni li jagħtu derogi lil ċerti Stati Membri, li jestendu l-iskadenza sal-31 ta’ Diċembru 2023.

4.2.1 Proġetti trans-Ewropej

Il-proġetti trans-Ewropej isegwu struttura partikolari, li tista’ tinvolvi taħlita ta’ elementi ċentrali u nazzjonali kif ukoll fażijiet multipli. Kif iddikjarat fl-Artikolu 278(3) tal-KDU, dawn huma meħtieġa li jitlestew sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2025. Deskrizzjoni u progress konċiżi għal kull proġett huma ppreżentati hawn taħt:

1)Il-Ġestjoni tal-Garanziji tal-KDU — GUM (ġdida): għandha l-għan li tiżgura l-allokazzjoni u l-ġestjoni f’ħin reali ta’ tipi differenti ta’ garanziji madwar l-UE, b’enfasi fuq it-titjib tal-veloċità tal-ipproċessar imtejba, it-traċċabbiltà u l-monitoraġġ tal-garanziji bejn l-uffiċċji doganali.

Progress: Fl-2023 saru disponibbli dokument ta’ gwida għan-negozju, modulu ta’ tagħlim elettroniku u sessjonijiet ta’ taħriġ fl-IT. Ġie assoċjat riskju baxx mal-użu f’waqtu tal-GUM — Komponent 1 li jrid jiġi implimentat b’mod ċentrali sal-11 ta’ Marzu 2024.

Fir-rigward tal-GUM — Komponent 2, l-Istati Membri huma mistennija jistabbilixxu konnessjonijiet operazzjonali mal-komponent ċentrali bejn Marzu 2024 u Ġunju 2025. L-Istati Membri indikaw b’mod predominanti livell ta’ riskju baxx għat-twettiq f’waqtu tal-proġett. Sat-tieni trimestru tal-2023, seba’ Stati Membri rrapportaw il-varar tal-komponent nazzjonali tagħhom bħala komplut, filwaqt li għal oħrajn il-ħidma għadha għaddejja. Żewġ każijiet ta’ dewmien antiċipati fil-kisba tal-istadju importanti.

2)Is-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni tal-KDU 2 — ICS2 (aġġornament): għandha l-għan li ssaħħaħ is-sikurezza u s-sigurtà tal-katina tal-provvista billi ttejjeb il-kwalità tad-data, l-arkivjar, id-disponibbiltà u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni avvanzata dwar il-merkanzija.

Progress: ICS2 — Rilaxx 2 jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema għall-merkanzija kollha (inklużi l-kunsinni express u postali) li tidħol fl-UE bl-ajru.

Is-sistema ċentrali ICS2 — Rilaxx 2 ġiet varata mill-Kummissjoni fl-1 ta’ Marzu 2023 f’konformità mal-iskadenza legali.

Fir-rigward tal-istat ta’ tħejjija tal-Istati Membri min-naħa tagħhom fl-implimentazzjoni, 12-il Stat Membru implimentaw l-ICS2 — Rilaxx 2 sal-1 ta’ Marzu 2023. Ingħataw derogi lil 12-il Stat Membru ieħor, li estendew l-iskadenza tal-varar sat-30 ta’ Ġunju 2023 7 minħabba riskju għoli ta’ dewmien. Sa tmiem l-2023, 26 Stat Membru kienu operattivi bir-Rilaxx 2. L-Istat Membru li jifdal ippreveda li jikkonnettja matul l-ewwel nofs tal-2024.

In-negozjanti għamlu tranżizzjoni gradwali sa Ottubru 2023, madankollu, sa tmiem is-sena, madwar 40 trasportatur tal-ajru kienu għadhom pendenti. L-Istati Membri huma responsabbli għall-konformità tal-operaturi ekonomiċi mal-ICS2. Il-Kummissjoni timmonitorja l-introduzzjoni gradwali tal-operaturi ekonomiċi flimkien mal-Istati Membri u l-assoċjazzjonijiet kummerċjali rilevanti. Il-Kummissjoni fakkret lill-Istati Membri biex jieħdu l-azzjonijiet kollha meħtieġa (inkluż possibbilment l-impożizzjoni ta’ penali) kontra n-nuqqas ta’ konformità kontinwu tal-operaturi ekonomiċi.

L-iżvilupp tal-ICS2 — Rilaxx 3 beda kif ippjanat. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri indikaw li l-proġett huwa b’riskju baxx u miexi kif mistenni assoċjat biex is-sistema tiġi varata bis-sħiħ sad-data speċifikata fil-WP tal-KDU.

3)Il-Prova ta’ Status tal-Unjoni tal-KDU — PoUS (ġdida): għandha l-għan li taħżen, tiġġestixxi u tikseb il-provi kollha li juru li n-negozjanti jipprovdu l-istatus tal-Unjoni tal-merkanzija tagħhom. Minħabba d-dipendenzi mal-Manifest Doganali tal-Merkanzija (CGM, Customs Goods Manifest) tal-KDU u mas-sistema ta’ Single Window Marittima Ewropea (EMSWe, European Maritime Single Window environment), il-proġett se jitlesta f’żewġ fażijiet differenti biex jiġu minimizzati r-riskji u l-inkonsistenzi.

Progress: PoUS – Fażi 1 hija mistennija li tkun operazzjonali sal-1 ta’ Marzu 2024, b’riskju baxx ta’ dewmien.

Fir-rigward tal-PoUS – Fażi 2, l-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi tlestew mill-Kummissjoni fit-tieni trimestru tat-2023, u l-attivitajiet tal-Ittestjar tal-Konformità huma skedati li jiġu konklużi fit-tielet trimestru tal-2025. Il-Kummissjoni qiegħda żżomm mal-iskeda għat-twettiq f’waqtu tal-proġett. Madankollu, ta’ min jinnota li fid-dawl tad-differenza fid-data tat-tnedija tal-Manifest Doganali tal-Merkanzija (CGM) tal-PoUS — Fażi 2 (it-2 ta’ Ġunju 2025) u tas-sistema ta’ Single Window Marittima Ewropea (EMSWe) (il-15 ta’ Awwissu 2025), intalab allinjament fil-WP il-ġdid tal-KDU. B’riżultat ta’ dan, il-varar ġie skedat mill-ġdid fil-WP il-ġdid tal-KDU għall-15 ta’ Awwissu 2025 8 . Ġie identifikat riskju medju fuq il-proġett fid-dawl ta’ kwistjonijiet bil-progress dwar l-implimentazzjoni tal-EMSWe.

4)L-Ikklerjar Ċentralizzat għall-Importazzjoni tal-KDU — CCI (ġdid): għandu l-għan li jippermetti lill-operaturi ekonomiċi jqiegħdu l-merkanzija taħt proċedura doganali billi jressqu fil-post tal-istabbiliment tagħhom dikjarazzjoni doganali għall-merkanzija li tiġi ppreżentata fi Stat Membru ieħor. Abbażi tas-Sistemi Nazzjonali tal-Importazzjoni l-ġodda, is-CCI se jawtomatizza l-ikklerjar ċentralizzat fil-livell Ewropew.

Progress: Għas-CCI — Fażi 1, il-Kummissjoni qed tmexxi skont l-iskeda u għaddejja bl-Ittestjar tal-Konformità li għaddej mal-Istati Membri. Ġie assenjat livell ta’ riskju medju sa għoli għall-proġett minħabba d-dipendenzi fuq l-istat ta’ tħejjija tal-Istati Membri bl-aġġornament tas-Sistema Nazzjonali tal-Importazzjoni (NIS), prerekwiżit għall-użu tas-CCI.

Fid-dawl tad-dewmien irrapportat fl-implimentazzjoni tas-CCI — Fażi 1 lil hinn mill-1 ta’ Diċembru 2023, il-Kummissjoni qed timplimenta approċċ iterattiv ġdid, filwaqt li tagħti prijorità lid-dikjarazzjonijiet standard u l-libertà li jintgħażel it-tip ta’ messaġġ, filwaqt li testendi l-iskadenza għas-CCI — Fażi 1 9 , bil-varar finali fl-1 ta’ Lulju 2024, rifless fil-WP il-ġdid tal-KDU.

Fir-rigward tas-CCI — Fażi 2, il-Kummissjoni ffinalizzat l-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi fl-2022, ferm qabel il-perjodu ta’ varar skedat għal bejn Ottubru 2023 u t-2 ta’ Ġunju 2025.

F’termini tal-valutazzjoni tal-livell ta’ kompletezza tas-sistema tas-CCI sħiħa, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri rrapportaw li l-iżviluppi mexjin ’il quddiem, b’livell medju ta’ riskju assoċjat mat-twettiq f’waqtu tal-proġett meta mqabbel mal-iskadenza għas-CCI — Fażi 2.

Xi Stati Membri esprimew l-intenzjoni tagħhom li jużaw is-CCI — Fażi 1 u s-CCI — Fażi 2 flimkien.

5)Is-Sistema ta’ Tranżitu Kompjuterizzata Ġdida tal-KDU – NCTS (aġġornament): għandha l-għan li tallinja s-sistema ta’ tranżitu eżistenti tal-Unjoni u komuni mad-dispożizzjonijiet legali l-ġodda tal-KDU, inklużi r-rekwiżiti l-ġodda tad-data tal-KDU u l-interfaċċi ma’ sistemi oħra.

Progress: B’mod ġenerali, għall-NCTS — Fażi 5, inkiseb progress sinifikanti. Madankollu, ġie allokat riskju għoli għall-proġett peress li l-iskadenza tal-varar tal-1 ta’ Diċembru 2023 ma setgħetx tintlaħaq minn għadd ta’ Stati Membri. Għalhekk, intlaħaq qbil dwar approċċ ġdid u dan ġie rifless fil-WP il-ġdid tal-KDU. Dan ifisser li l-NCTS — Fażi 5 tista’ tiġi implimentata f’żewġ stadji: il-funzjonalitajiet ewlenin sal-1 ta’ Diċembru 2023 b’kontinwità tan-negozju allinjata mal-KDU, u l-funzjonalitajiet mhux ewlenin sat-2 ta’ Diċembru 2024.

Kif muri fil- Figur a 1 , tliet Stati Membri bdew joperaw sa Frar 2023, filwaqt li erbgħa oħra ngħaqdu magħhom sa Settembru 2023. L-Istati Membri kollha ħlief sitta impenjaw ruħhom li jkunu operattivi bil-funzjonalitajiet ewlenin sal-1 ta’ Diċembru 2023 u l-biċċa l-kbira kkonfermaw li se jkunu kompletament operattivi, kemm għall-funzjonalitajiet ewlenin kif ukoll għal dawk mhux ewlenin sal-1 ta’ Diċembru 2024.

Figura 1 — NCTS — Fażi 5 bidu tal-operazzjoni tal-Amministrazzjonijiet Nazzjonali

Għall-NCTS — Fażi 6, l-iskeda ta’ żmien hija sinkronizzata ma’ dik tal-ICS2 — Rilaxx 3 10  fil-WP il-ġdid tal-KDU u l-perjodu l-ġdid tal-varar jistabbilixxi limitu ċar għall-NCTS — Fażi 5. Dawn il-bidliet għandhom jindirizzaw ir-riskju ta’ dewmien u jippermettu lill-Istati Membri u lin-negozjanti jiddefinixxu l-istrateġija u l-azzjonijiet tagħhom li jridu jkunu lesti sad-dati l-ġodda. Għalhekk, ir-riskju assoċjat ma’ dan il-proġett fid-dawl tal-finalizzazzjoni tiegħu sal-1 ta’ Settembru 2025 jitnaqqas għal wieħed baxx.

6)Is-Sistema Awtomatizzata tal-Esportazzjoni tal-KDU — AES (aġġornament): għandha l-għan li timplimenta r-rekwiżiti tal-KDU għall-esportazzjoni u għall-ħruġ tal-merkanzija.

Progress: Għall-AES l-Istati Membri rrappurtaw progress sinifikanti fl-użu tal-applikazzjonijiet nazzjonali tagħhom għall-esportazzjoni fl-2023. Madankollu, peress li l-iskadenza tal-varar tal-1 ta’ Diċembru 2023 ma setgħetx tintlaħaq minn għadd ta’ Stati Membri, u dan wassal għal pjan rivedut fil-WP tal-KDU, jiġi allokat riskju għoli għall-proġett. L-AES tista’ tiġi implimentata fi tliet stadji: l-ewwel nett, il-funzjonalitajiet ewlenin (l-1 ta’ Diċembru 2023), it-tieni għall-interfaċċar mas-Sisa (Frar 2024) u fl-aħħar nett, il-funzjonalitajiet mhux ewlenin (it-2 ta’ Diċembru 2024).

Dawn il-bidliet għandhom jindirizzaw ir-riskju ta’ dewmien u jippermettu lill-Istati Membri u lin-negozjanti jiddefinixxu l-istrateġija biex jissodisfaw l-iskadenzi l-ġodda, peress li n-nuqqas ta’ dan joħloq riskju medju sa għoli għal twassil f’waqtu sa tmiem l-2024.

Il- Figur a   2 turi li tmien Stati Membri bdew operazzjonijiet internazzjonali għall-AES sa Settembru 2023. Tmien Stati Membri oħra, flimkien mal-Kummissjoni, bħalissa qed iwettqu l-pjanijiet ta’ varar tagħhom biex jiżguraw il-bidu f’waqtu tal-operazzjonijiet tagħhom. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri kkonfermaw l-impenn tagħhom li jkunu operattivi bil-funzjonalitajiet ewlenin sal-1 ta’ Diċembru 2023, u għall-funzjonalitajiet ewlenin u mhux ewlenin sat-2 ta’ Diċembru 2024.

Figura 2 — bidu tal-operazzjoni tal-Istati Membri tal-AES

Biex jinġabar fil-qosor l-istatus tal-proġetti trans-Ewropej li fadal, il-Kummissjoni tinsab fit-triq it-tajba biex tissodisfa l-iskadenzi legali miftiehma fil-kuntest tal-KDU u tal-WP tal-KDU. Fir-rigward tal-varar mill-Istati Membri tal-komponenti nazzjonali ta’ dawn is-sistemi trans-Ewropej, ġew identifikati riskji serji għal dewmien, b’mod partikolari għas-CCI — Fażi wieħed, l-AES, u l-NCTS — Fażi ħamsa iżda dawn ġew indirizzati parzjalment bil-WP il-ġdid tal-KDU (ara t-taqsima 4.3 ).

4.2.2 Proġetti nazzjonali

L-Istati Membri kellhom ilestu l-aġġornament tat-tliet proġetti kompletament nazzjonali  11   tagħhom sal-31 ta’ Diċembru 2022, f’konformità mal-Artikolu 278(2) tal-KDU. Madankollu, 22 Stat Membru ma setgħux jilħqu din l-iskadenza u wara t-talba tagħhom, ingħataw deroga, li estendiet l-iskadenza tal-varar sal-31 ta’ Diċembru 2023 12 .

Il-progress għal kull proġett nazzjonali huwa ppreżentat hawn taħt u muri fil-Figura 3:

1)In-Notifika tal-Wasla, in-Notifika tal-Preżentazzjoni u l-Ħażna Temporanja tal-KDU (AN, PN u TS) (aġġornament): għandha l-għan li tawtomatizza l-proċessi nazzjonali tad-dħul.

Progress: It-twettiq f’waqtu tas-sistemi nazzjonali ġie identifikat li qiegħed f’riskju f’Rapporti Annwali dwar il-Progress tal-KDU preċedenti. Kif muri, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri lestew l-implimentazzjoni sa tmiem l-2023. Għal aktar dettalji, jekk jogħġbok irreferi għat-taqsima 3.1.2 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-rapport.

2)Is-Sistemi ta’ Importazzjoni Nazzjonali tal-KDU — NIS (aġġornament): għandhom l-għan li jimplimentaw ir-rekwiżiti kollha tal-proċess u tad-data li huma relatati mal-importazzjonijiet kif deskritt fil-KDU.

Progress: Diversi Stati Membri ilhom jirrapportaw riskji fit-twettiq fil-ħin tal-proġett mill-2022, li rriżultaw fl-għoti ta’ derogi. Sa tmiem l-2023, l-NIS ġiet varata minn 19-il Stat Membru. Xi Stati Membri jeħtieġu aġġornament ulterjuri biex il-proġett jitlesta kompletament; oħrajn mhumiex lesti għall-implimentazzjoni sa tmiem l-2023 (skadenza għad-deroga). Għal aktar dettalji, jekk jogħġbok irreferi għat-taqsima 3.2.2 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-rapport.

3)Il-Proċeduri Speċjali tal-KDU — SP (aġġornament): għandhom l-għan li jarmonizzaw il-proċeduri speċjali (jiġifieri, il-ħażna doganali, l-użu aħħari, id-dħul temporanju u l-ipproċessar attiv/passiv).

Progress: Meta jitqiesu l-interdipendenzi mas-Sistemi ta’ Importazzjoni Nazzjonali, 21 Stat Membru lestew SP IMP sa tmiem l-2023. Għal aktar dettalji, irreferi għat-taqsimiet 3.3.2 u 3.4.2. tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-rapport.

AN

PN

TS

NIS

SP IMP

Skadenza tal-WP tal-KDU

31.12.2022

b’estensjoni għal 31.12.2023 (1)

31.12.2022

b’estensjoni għal 31.12.2023 (1)

AT

Mhux applikabbli

21.06.2023

Mhux ipprovduta

Mhux ipprovduta

03.02.2025

BE

30.06.2023

05.07.2023

29.11.2023

6.12.2023

6.12.2023

BG

1.3.2023

23.10.2023

23.10.2023

23.10.2023

23.10.2023

CY

07.11.2023

07.11.2023

07.11.2023

07.11.2023

07.11.2023

CZ

01.03.2023

01.03.2023

31.12.2023

1.12.2024

1.12.2024

DE

01.03.2023

06.03.2021

06.03.2021

06.03.2021

06.03.2021

DK

31.10.2023

31.10.2023

15.10.2024

15.10.2024

15.10.2024

EE

01.10.2023

01.10.2023

01.10.2023

01.07.2021

01.07.2021

ES

Mhux applikabbli

01.03.2024

01.03.2024

30.09.2023

30.09.2022

Il-FI

31.03.2023

31.03.2021

31.12.2022

31.12.2019

30.12.2022

FR

01.07.2023

06.03.2024

06.03.2024

31.12.2024

30.9.2023

GR

31.12.2024

31.12.2024

31.12.2024

31.12.2022

31.12.2024

HR

01.07.2023

01.03.2023

01.12.2022

01.01.2023

01.01.2023

HU

31.12.2023

31.12.2023

31.12.2023

12.10.2023

12.10.2023

IE

Mhux applikabbli

23.11.2020

23.11.2020

24.06.2024

23.11.2020

IT

13.12.2022

13.12.2022

13.12.2022

01.07.2021

01.07.2021

LT

01.03.2023

28.02.2023

31.10.2023

31.12.2023

31.12.2023

LU

01.03.2023

10.01.2023

10.01.2023

02.05.2023

02.05.2023

LV

24.09.2017

24.09.2017

24.09.2017

03.06.2018

03.06.2018

MT

01.06.2024

01.06.2024

01.06.2024

01.02.2025

01.02.2025

NL

01.07.2023

01.12.2023

01.12.2023

01.04.2022

01.04.2022

PL

01.12.2023

31.12.2023

31.12.2023

31.12.2023

01.07.2021

PT

28.10.2024

28.10.2024

28.10.2024

28.10.2024

28.10.2024

RO

01.10.2023

01.10.2023

01.10.2023

01.10.2023

31.12.2023

SE

01.03.2023

27.09.2023

01.10.2024

15.03.2022

20.06.2023

SI

01.03.2023

01.03.2023

30.11.2023

01.01.2022

01.01.2022

SK

01.03.2023

01.10.2023

02.06.2025

01.01.2025

11.06.2016

Tifsira

 

F’konformità mal-WP tal-KDU, l-aġġornament ulterjuri sal-1 ta’ Lulju 2024, u/jew id-deroga mogħtija

 

Wara l-iskadenza fil-WP tal-KDU u/jew id-deroga mogħtija

 

Mhux ipprovduta

(1) Sal-31 ta’ Diċembru 2023 għall-Istati Membri li ngħataw deroga.

(2) Sal-31 ta’ Diċembru 2023 għall-Istati Membri li ngħataw deroga jew sal-1 ta’ Lulju 2024, fejn japplika l-Artikolu 2(4a) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446, li huwa l-każ pereżempju għall-Bulgarija, l-Irlanda u l-Polonja.

Figura 3 — Ippjanar tal-varar tas-sistemi nazzjonali ta’ dħul/importazzjoni

Fil-qosor, l-Istati Membri jinsabu fil-proċess li jlestu l-aġġornament tat-tliet proġetti kompletament nazzjonali tagħhom. Għalkemm il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jantiċipaw il-varar tas-sistemi tagħhom sa tmiem l-2023, f’konformità mal-iskadenza tad-deroga mogħtija, għadd sinifikanti ta’ Stati Membri xorta rrapportaw aktar dewmien, l-aktar għat-TS u l-NIS, li rriżulta f’varar li se jestendi lil hinn mill-2023 u li jħalli impatt fuq oqsma oħra.

Id-dewmien fil-varar tas-sistemi nazzjonali ta’ dħul (Notifika tal-Wasla/Notifika tal-Preżentazzjoni/Ħżin Temporanju) qed ifixkel iċ-ċiklu minn tarf sa tarf u l-proċessi ta’ appoġġ tal-ICS2, li jħalli impatt fuq il-ktajjen tal-provvista u jżid il-kostijiet għall-operaturi ekonomiċi għall-istabbiliment ta’ soluzzjoni interim.

Id-dewmien fl-aġġornament tal-NIS għandu wkoll impatt negattiv fuq l-operaturi ekonomiċi, u jipposponi l-użu tal-funzjonalitajiet kollha fl-importazzjoni, simplifikazzjonijiet fil-formalitajiet li l-operaturi ekonomiċi jistgħu jibbenefikaw minnhom bħad-Dħul fir-Rekords tad-Dikjarant (EIDR, Entry Into the Declarant’s Records). Barra minn hekk, huwa prerekwiżit importanti għall-varar tas-sistema elettronika relatata mas-CCI.

Aktar dettalji dwar id-dewmien huma riflessi fit-taqsima 3.2 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal.

4.3Riskji għal dewmien fl-implimentazzjoni tal-IT tal-KDU

Dan ir-rapport jiddistingwi l-progress li sar min-naħa tal-Kummissjoni minn dak tal-Istati Membri. L-iżviluppi tal-Kummissjoni qed jagħmlu progress kif ippjanat u ma ġie identifikat l-ebda dewmien lil hinn mill-iskadenza legali u l-ebda riskju li jista’ jirriżulta f’dewmien fil-varar. Id-dewmien esperjenzat mill-Istati Membri jħalli impatt fuq il-progress tas-sistemi trans-Ewropej bħall-ICS2, is-CCI, l-NCTS u l-AES fit-totalità tagħhom li, min-naħa tagħhom, għandhom impatt fuq l-attivitajiet fl-ambitu tal-azzjoni tal-Kummissjoni. Dan jirriżulta f’riżorsi ta’ investiment akbar iddedikati għall-attivitajiet tal-Ittestjar tal-Konformità u l-attivitajiet ta’ koordinazzjoni u appoġġ fil-proġetti trans-Ewropej. Barra minn hekk, dan jirriżulta wkoll f’aktar assistenza fi skemi nazzjonali alternattivi ta’ żvilupp u varar u f’monitoraġġ, u fiż-żamma tal-komponenti ċentrali għal żmien itwal matul il-perjodi ta’ tranżizzjoni.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri qed jagħmlu progress gradwali fl-iżviluppi taħt ir-responsabbiltà tagħhom, għalkemm xi wħud minnhom qed javvanzaw b’pass aktar bil-mod milli kien ippjanat oriġinarjament. B’riżultat ta’ dan, ġie rrappurtat dewmien lil hinn mill-iskadenzi legali jew tad-deroga f’xi proġetti nazzjonali u trans-Ewropej. 

L-Istati Membri pprovdew diversi raġunijiet għall-ġustifikazzjoni tad-dewmien, li l-biċċa l-kbira tiegħu huwa rikorrenti, li wassal għal dewmien fl-iżvilupp tas-sistemi tagħhom. Dawn jinkludu nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji u umani, prijoritajiet li jikkompetu ma’ xulxin u l-impatt tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna fuq id-dwana. Barra minn hekk, l-Istati Membri rrapportaw ukoll l-inabbiltà tal-infrastrutturi nazzjonali tal-IT li jlaħħqu mal-ħtiġijiet tekniċi tal-proġetti, il-kwistjonijiet ta’ kapaċità tal-kuntratturi u d-dipendenzi ma’ partijiet ikkonċernati oħra, it-tranżizzjoni u l-ittestjar mal-Operaturi Ekonomiċi, is-sejħiet għall-offerti mdewma jew mingħajr suċċess biex jesternalizzaw biċċiet tax-xogħol, proċeduri ta’ akkwist pubbliku ta’ piż, kwistjonijiet ta’ governanza u integrazzjonijiet kumplessi tas-sistema tal-proġetti tal-KDU.

Minkejja t-twettiq f’waqtu mill-Kummissjoni tal-Ispeċifikazzjonijiet Funzjonali u Tekniċi għas-sistemi trans-Ewropej skont il-WP tal-KDU, għad hemm ftit Stati Membri fejn l-offerti ma ġewx aġġudikati jew fejn għad hemm problemi sinifikanti fil-proċessi tal-akkwist nazzjonali, li għandhom impatt fuq it-twettiq f’waqtu tas-sistemi.

Saru laqgħat bilaterali bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jiġu diskussi u indirizzati kwistjonijiet u biex tiġi enfasizzata l-importanza li tingħata prijorità lill-proġetti tal-KDU. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni pprovdiet ukoll pariri dwar azzjonijiet u miżuri ta’ segwitu possibbli. 22 Stat Membru ppreżentaw talbiet formali għal derogi lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 6(4) tal-KDU dwar dewmien lil hinn mill-iskadenzi legali fil-proġetti nazzjonali tagħhom. Il-Kummissjoni rrieżaminat it-talbiet u l-ġustifikazzjonijiet ipprovduti fihom fid-dawl taċ-ċirkostanzi speċifiċi u ħarġet Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni li jagħtu derogi lill-Istati Membri rikjedenti. Id-derogi għan-Notifika tal-Wasla, in-Notifika tal-Preżentazzjoni, il-Ħżin Temporanju, is-Sistema ta’ Importazzjoni Nazzjonali, u l-Proċeduri Speċjali — Komponent 2 estendew l-iskadenza sal-31 ta’ Diċembru 2023 13 , filwaqt li d-deroga għall-ICS2 — Rilaxx 2 estendiet l-iskadenza sat-30 ta’ Ġunju 2023.

Ħarsa ġenerali lejn id-derogi mogħtija lill-Istati Membri hija pprovduta hawn taħt:

·Għall-implimentazzjoni tan-Notifika tal-Wasla, ingħatat deroga lill-Istati Membri li ġejjin: L-AT, il-BE, il-BG, CY, iċ-CZ, id-DK, l-EE, ES, FR, il-GR, l-HU, il-HR, il-LU, MT, in-NL, il-PL, il-PT, ir-RO, l-SE, l-SI, u s-SK. Fl-istess ħin, il-BG, CY, il-DE, l-EE, ES, il-FI, FR, il-HR, l-HU, il-LT, il-LU, in-NL, l-SE, u l-SI rrapportaw li kienu se jużaw l-AN integrat fl-ICS2 — Rilaxx 2 (varat mill-1 ta’ Marzu 2023 jew mit-30 ta’ Ġunju 2023 għall-Istati Membri li ngħataw deroga). Il-DE u l-IE indikaw li n-Notifika tal-Wasla mhix applikabbli.

·Għall-implimentazzjoni tan-Notifika tal-Preżentazzjoni, ingħatat deroga lill-Istati Membri li ġejjin: L-AT, il-BE, CY, iċ-CZ, id-DK, l-EE, ES, FR, il-GR, l-HU, il-HR, il-LU, MT, in-NL, il-PL, il-PT, ir-RO, l-SE, l-SI, u s-SK.

·Għall-implimentazzjoni tal-Ħżin Temporanju, ingħatat deroga lill-Istati Membri li ġejjin: L-AT, il-BE, CY, iċ-CZ, id-DK, l-EE, ES, FR, il-GR, l-HU, il-HR, il-LT, il-LU, MT, in-NL, il-PL, il-PT, ir-RO, l-SE, l-SI, u s-SK. Barra minn hekk, il-GR qasmet il-ħtieġa ta’ deroga estiża.

·Għall-implimentazzjoni tal-aġġornament tas-Sistemi ta’ Importazzjoni Nazzjonali, ingħatat deroga lill-Istati Membri li ġejjin: l-AT, il-BG, CY, iċ-CZ, id-DK, ES, FR, il-GR, l-HU, il-LT, il-LU, MT, in-NL, il-PT, ir-RO, u l-SE. Dan id-dewmien se jkollu impatt fuq il-proġett tas-CCI trans-Ewropea u l-Proċeduri Speċjali — Komponent 2, li jsegwi l-istess skeda ta’ żmien bħall-aġġornament tas-Sistema ta’ Importazzjoni Nazzjonali. Barra minn hekk, il-GR u s-SK ikkondividew il-ħtieġa ta’ deroga estiża.

·Għall-implimentazzjoni tal-Proċeduri Speċjali — Komponent 2, ingħatat deroga lill-Istati Membri li ġejjin: l-AT, il-BG, CY, iċ-CZ, id-DK, ES, FR, il-GR, l-HU, il-LT, il-LU, MT, in-NL, il-PT, ir-RO, u l-SE.

·Għall-implimentazzjoni tal-ICS2 — Rilaxx 2, ingħatat deroga lill-Istati Membri li ġejjin: l-AT, il-BE, id-DK, l-EE, FR, il-GR, il-HR, il-LU, in-NL, il-PL, ir-RO, u l-SE. Il-GR u r-RO ppreżentaw talba formali għal deroga sussegwenti. Barra minn hekk, il-GR u s-RO ikkondividew il-ħtieġa ta’ deroga estiża. Sa tmiem l-2023, ir-RO xorta se tiffaċċja problemi bil-varar ta’ dan ir-rilaxx.

Abbażi tal-informazzjoni li waslet mingħand l-Istati Membri, nistgħu nikkonkludu li 71 % tat-total ta’ skadenzi estiżi tal-2023 mogħtija skont id-derogi ġew issodisfati. Id-29 % l-oħra għadhom qed jiffaċċjaw problemi bil-varar.

Kif rifless fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjah, diversi Stati Membri infurmaw lill-Kummissjoni dwar dewmien fil-proġetti trans-Ewropej:

·Għall-implimentazzjoni tal-Proċeduri Speċjali — Komponent 1, l-Istati Membri li ġejjin indikaw data ppjanata tal-operazzjonijiet li hija aktar tard mill-iskadenza stabbilita fil-WP tal-KDU: il-FI, FR, il-GR, l-HU, il-LU, MT, il-PT, l-SE, u s-SK. Għal aktar dettalji, jekk jogħġbok irreferi għat-taqsima 3.3 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja dan ir-rapport.

·Għall-implimentazzjoni tal-ICS2 — Rilaxx 3, l-Istati Membri li ġejjin irrappurtaw dati ta’ skjerament li jaqbżu l-iskadenza definita fil-WP tal-KDU 14 : il-FI, FR, il-HR, l-IE, MT, il-PT, u s-SK. Għal aktar dettalji, jekk jogħġbok irreferi għat-taqsima 4.2 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja dan ir-rapport.

·Għall-implimentazzjoni tas-CCI — Fażi 1, l-Istati Membri li ġejjin indikaw data ppjanata tal-operazzjonijiet li hija aktar tard mill-iskadenza stabbilita fil-WP tal-KDU 15 : il-BE, iċ-CZ, il-DE, id-DK, ES, il-FI, il-HR, l-HU, l-IE, il-LT, il-LU, il-LV, MT, in-NL, il-PT, l-SI u s-SK. Għas-CCI — Fażi 2, il-BE, il-DE, l-EE, ES, il-FI, il-GR u n-NL indikaw data ppjanata tal-operazzjonijiet li hija aktar tard mill-iskadenza stabbilita fil-WP tal-KDU. Għal aktar dettalji, jekk jogħġbok irreferi għat-taqsimiet 3.6 u 4.4 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja dan ir-rapport.

·Għall-implimentazzjoni tal-NCTS — Fażi 5, l-AT, ES, il-FI, il-GR, l-HU, l-IE, il-LT, il-LV, MT, in-NL, il-PT, l-SE, u s-SK indikaw dewmien meta mqabbla mal-iskadenza tal-operazzjonijiet stabbilita fil-WP tal-KDU 16 . Għal aktar dettalji, jekk jogħġbok irreferi għat-taqsima 3.7 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja dan ir-rapport.

·Għall-implimentazzjoni tal-AES — Komponent 1, l-AT, il-BE, il-FI, FR, il-GR, l-HU, il-LU, MT, il-PT, l-SE u s-SK indikaw data ppjanata tal-operazzjonijiet aktar tard mill-iskadenza stabbilita fil-WP tal-KDU 17 . Għal aktar dettalji, jekk jogħġbok irreferi għat-taqsima 3.8 tad-dokument li jakkumpanja dan ir-rapport.

·Għall-implimentazzjoni tal-GUM — Komponent 2, l-Istati Membri li ġejjin indikaw data ppjanata tal-operazzjonijiet li hija aktar tard mill-iskadenza stabbilita fil-WP tal-KDU 18 : il-BE, il-DE, id-DK, il-GR, u l-HR. Għal aktar dettalji, jekk jogħġbok irreferi għat-taqsima 4.1 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja dan ir-rapport.

Il-Kummissjoni qed tanalizza u timmonitorja s-sitwazzjoni għall-proġetti msemmija hawn fuq mill-qrib ħafna u qed tieħu miżuri biex iżżid l-appoġġ tagħha — ara t-taqsima 4.4 ta’ hawn taħt.

Bħala konklużjoni, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri qed jimmiraw li jużaw il-proġetti nazzjonali fl-iskadenzi l-ġodda previsti fid-derogi. Madankollu, xi Stati Membri xorta rrappurtaw dewmien lil hinn mill-iskadenzi tad-deroga. Barra minn hekk, dan id-dewmien jista’ jkollu impatt negattiv fuq it-twettiq tal-komponenti nazzjonali tas-sistemi trans-Ewropej bid-data tal-implimentazzjoni fl-2023, peress li l-isforz addizzjonali huwa mqassar f’perjodu ta’ żmien iqsar. Fir-rigward tat-twettiq tal-komponenti nazzjonali tas-sistemi trans-Ewropej, xi Stati Membri rrapportaw dewmien f’ċerti proġetti.

4.4Azzjonijiet ta’ mitigazzjoni

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għamlu avvanzi sinifikanti fl-iżvilupp tas-sistemi trans-Ewropej u diversi kienu qed jagħmlu sforz biex is-sistemi tagħhom jiġu varati sa tmiem l-2023 f’konformità mal-iskadenzi inizjali u d-derogi pprovduti. Madankollu, xi wħud qed jesperjenzaw dewmien, li qiegħed jimbotta l-pjanijiet ta’ varar tagħhom lejn it-tmiem tal-perjodu ta’ varar jew lil hinn minnu. Il-Kummissjoni ħeġġet aderenza stretta mal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Proġetti tagħhom għal varar f’waqtu.

L-Istati Membri ddeskrivew id-diversi azzjonijiet ta’ mitigazzjoni li għandhom l-għan li jindirizzaw id-dewmien (potenzjali) u jiżguraw il-konformità mal-iskadenzi legali. Dawn l-azzjonijiet jinkludu l-allokazzjoni ta’ riżorsi addizzjonali, l-adozzjoni ta’ metodoloġiji aġli, il-qsim tal-proġetti fi stadji u r-riorganizzazzjoni tar-relazzjonijiet tal-fornituri biex tittejjeb l-effiċjenza u tissaħħaħ il-kollaborazzjoni. Stati Membri oħra qed jippjanaw li jtejbu l-istrutturi organizzattivi, jissimplifikaw il-proċessi u jirfinaw l-ippjanar biex itejbu l-ġestjoni tal-proġetti u t-teħid tad-deċiżjonijiet. Dawn il-miżuri ssemmew kemm għall-proġetti nazzjonali kif ukoll għal dawk trans-Ewropej.

Fid-dawl tad-dewmien min-naħa tal-Istati Membri, il-Kummissjoni qed iżżid l-appoġġ tagħha lill-Istati Membri permezz ta’ diversi azzjonijiet.

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tejbet is-superviżjoni u l-monitoraġġ fil-programm tal-IT tal-KDU billi żiedet il-frekwenza tar-rapporti ta’ progress u organizzat laqgħat bilaterali fil-livell ta’ Direttur ma’ kull Stat Membru. L-implimentazzjoni tal-WP tal-KDU ġiet indirizzata b’mod konsistenti f’missjonijiet imwettqa mid-Direttur Ġenerali u f’laqgħat plenarji mad-Diretturi Ġenerali tal-Istati Membri (fil-Grupp tal-Politika Doganali (CPG)). L-Istati Membri ġew imħeġġa jieħdu miżuri ta’ mitigazzjoni u jippreżentaw talbiet ta’ finanzjament taħt l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku sal-31 ta’ Ottubru 2023 biex jappoġġaw l-iżviluppi tal-IT doganali.

Il-Kummissjoni kompliet tuża dashboard tal-Pjan Strateġiku Pluriennali għad-Dwana (MASP-C, Multi-Annual Strategic Plan – Customs) ibbażat fuq ir-Reviżjoni tal-MASP-C tal-2019 u l-WP tal-KDU tal-2019 biex timmonitorja l-progress, l-istadji importanti ewlenin tal-proġett u tidentifika d-dewmien fi stadju bikri. Id-dashboard huwa ppreżentat fuq bażi trimestrali lill-Istati Membri fl-ECCG u lill-komunità kummerċjali fit-TCG. Barra minn hekk, il-WP tal-KDU u l-MASP-C huma riveduti fl-istess ħin f’konformità mal-objettivi strateġiċi.

Barra minn hekk, kif indikat fir-Reviżjoni tal-2019 tal-WP u tal-MASP-C tal-KDU, il-Kummissjoni tistabbilixxi stadji importanti interim speċifiċi biex tiżgura l-varar bla xkiel tas-sistemi trans-Ewropej deċentralizzati u biex jiġu evitati kostijiet addizzjonali.

It-tieni, il-Kummissjoni saħħet l-assistenza tagħha lill-Istati Membri għas-sistemi trans-Ewropej billi adottat approċċ aġli u iterattiv għall-iżvilupp u l-varar tas-sistemi elettroniċi tal-KDU. Dan il-metodu, li jinkludi l-prototipar, riżoluzzjoni rapida ta’ kwistjonijiet u ammont ta’ xogħol ibbilanċjat kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għall-Istati Membri, itejjeb il-kwalità tas-sistema u jiffaċilita progress tanġibbli. Implimentat b’suċċess fil-proġetti AES, NCTS — Fażi 5 u ICS2, dan l-approċċ ġie riċevut mill-Istati Membri u n-negozjanti.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni stabbiliet mekkaniżmu kollaborattiv fost il-partijiet ikkonċernati mill-bidu tal-proġetti biex ittejjeb l-attivitajiet preparatorji, tipprevjeni diffikultajiet fit-teħid tad-deċiżjonijiet u tiżgura t-trasparenza permezz ta’ aġġornamenti regolari tal-proġetti.

Il-Kummissjoni kompliet ukoll il-programmi ta’ koordinazzjoni u monitoraġġ għal kull waħda mis-sistemi trans-Ewropej li jeħtieġu ħidma sostanzjali min-naħa tal-Istati Membri.

Aktar dettalji dwar dawn il-miżuri ġew ipprovduti fir-rapport preċedenti tal-2022.

·Għas-sistema trans-Ewropea ICS2, il-Kummissjoni pprovdiet appoġġ lill-Istati Membri u lill-Operaturi Ekonomiċi fl-attivitajiet ta’ żvilupp tagħhom għall-ICS2 — Rilaxx 2 u l-ICS2 — Rilaxx 3 permezz ta’ diversi mezzi. Dan kien jinkludi l-organizzazzjoni ta’ webinars iddedikati, l-offerta ta’ assistenza permezz ta’ FAQs u l-koordinazzjoni tal-laqgħat plenarji. Ġiet ipprovduta gwida addizzjonali biex jiġi evitat tfixkil fil-fruntieri esterni minħabba dewmien fl-ICS2 — Rilaxx 2 (it-taqsima 4.3). Il-monitoraġġ mill-qrib żgura l-allinjament tal-pjanijiet tal-proġetti mal-istadji importanti ta’ twassil tal-IT tal-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, saru kampanji ta’ komunikazzjoni, sessjonijiet ta’ taħriġ online u ġew ipprovduti skedi informattivi mfassla apposta flimkien ma’ dokumentazzjoni aċċessibbli fil-librerija pubblika CIRCABC.

·Għas-sistemi trans-Ewropej NCTS — Fażi 5 u AES, il-Kummissjoni kompliet bil-“Programm ta’ Koordinazzjoni tal-Amministrazzjoni Nazzjonali” biex tappoġġa lill-Istati Membri fl-iżvilupp u l-varar tal-komponenti nazzjonali tagħhom. Fl-2023, il-Programm ta’ Koordinazzjoni ġie estiż biex jissorvelja l-bidu tal-operazzjoni tan-negozjanti, f’kollaborazzjoni mal-Istati Membri:

L-attivitajiet jinkludu helpdesk iddedikat, laqgħat virtwali biex jiġi mmitigat id-dewmien fl-iżvilupp tal-Istati Membri, it-tixrid ta’ informazzjoni aġġornata lill-komunità kummerċjali u r-rappurtar regolari lill-ECCG u lis-CPG. Sa mill-ewwel trimestru tal-2021, il-Kummissjoni ħarġet rapporti trimestrali ta’ progress konsolidati dwar it-tranżizzjoni lejn is-sistemi l-ġodda, li jipprovdu KPIs għad-detezzjoni bikrija tat-twissijiet.

·Għas-sistema trans-Ewropea CCI, il-Kummissjoni stabbiliet tim iddedikat biex jindirizza l-mistoqsijiet tal-Istati Membri u jikkoordina l-Ittestjar tal-Konformità.

It-tielet, il-Kummissjoni fittxet l-input tal-Istati Membri dwar ir-restrizzjonijiet tagħhom u l-appoġġ meħtieġ biex jiġu mmitigati r-riskji. L-Istati Membri esprimew, permezz ta’ stħarriġ, li l-laqgħat bilaterali fil-livell tad-diretturi u d-djalogu tekniku mad-DĠ TAXUD kienu ta’ benefiċċju kbir. Huma vvalutaw il-webinars tekniċi u l-attivitajiet ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni pprovduti mill-Kummissjoni bħala utli. Xi wħud issuġġerew linji gwida operazzjonali addizzjonali, assistenza lill-Operaturi Ekonomiċi, u taħriġ komprensiv lil hinn mill-kapaċitajiet attwali.

Ir-raba’, abbażi tal-eżitu tal-istħarriġ u tad-diskussjonijiet bilaterali mal-Istati Membri, in-nuqqas ta’ finanzjament xieraq spiss ġie żvelat bħala raġuni għad-dewmien. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni stabbiliet inizjattiva ewlenija ddedikata għat-TSI 2024 taħt l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (TSI, Technical Support Instrument) għad-diġitalizzazzjoni tad-dwana u tat-taxxa li jiffoka fuq l-implimentazzjoni tal-IT tal-KDU. Dan irriżulta f’sitt Stati Membri li ppreżentaw proposti għal appoġġ għas-sistemi tal-IT doganali. Il-valutazzjonijiet tal-proposti għadhom għaddejjin u se jiġu ffinalizzati kmieni fl-2024 bil-ħsieb li l-appoġġ ikun stabbilit fit-tieni trimestru tal-2024.

Il-ħames nett, biex tindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi li l-Istati Membri għandhom fil-ġestjoni tagħhom ta’ kuljum tal-proġetti tal-IT doganali tal-KDU, il-Kummissjoni stabbiliet kuntratt ma’ kumpanija ta’ konsulenza biex tipprovdi appoġġ dirett skont il-ħtiġijiet u l-kwistjonijiet biex jiġi indirizzat id-dewmien. L-ewwel proġett pilota, li jkopri tliet Stati Membri (FR, MT, il-GR) beda fir-raba’ trimestru tal-2023 u se jdum sat-tieni trimestru tal-2024. Skont l-eżitu, jistgħu jitnedew aktar attivitajiet fl-2024.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni bdiet ukoll eżerċizzju biex tiġbor it-tagħlimiet meħuda u l-aħjar prattiki għall-iżvilupp tal-proġetti tal-IT. Fl-2023 sar stħarriġ u r-riżultati ġew miżjuda mad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal. Għal aktar dettalji, jekk jogħġbok irreferi għall-paġna 6 tad-dokument li jakkumpanja dan ir-rapport.

Hekk kif qed nimxu lejn tmiem l-2025, l-Istati Membri ntalbu jissalvagwardjaw l-iskadenzi fil-WP il-ġdid tal-KDU. Baqa’ biss sentejn oħra għall-implimentazzjoni sħiħa tal-IT tal-KDU. Huma meħtieġa sforzi eċċezzjonali u azzjoni inmedjata biex jiġi evitat id-dewmien u biex tiġi żgurata l-kontinwità tan-negozju tagħhom għas-sistemi trans-Ewropej.

Filwaqt li l-Kummissjoni tappoġġa b’ħafna modi kif muri hawn fuq, bħal billi taġġusta d-dati fil-WP il-ġdid tal-KDU u tippermetti skadenzi li jistgħu jintlaħqu, ir-responsabbiltà għall-iżvilupp u l-varar ta’ komponenti u sistemi nazzjonali hija tal-Istati Membri. Il-kondiviżjoni tar-rwol ġiet definita u miftiehma mal-partijiet ikkonċernati kollha mill-bidu nett u għandha tiġi rrispettata matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-proġett.

4.5Is-sitwazzjoni attwali għall-pajjiżi tat-tkabbir

Fl-aħħar nett, fit-tranżizzjoni lejn is-sistemi elettroniċi aġġornati previsti mill-KDU u wkoll meta jitqiesu l-approċċi l-ġodda tal-IT stabbiliti mill-proposta ta’ riforma, it-tkabbir futur tal-UE se jkollu jiġi inkluż fl-istampa.

Għalissa l-Kummissjoni ma timmonitorjax b’mod sistematiku l-progress lejn sistemi elettroniċi sħaħ mill-pajjiżi kandidati u ma hemm l-ebda obbligu ta’ rapportar impost fuqhom skont l-Artikolu 278a tal-KDU. Madankollu, l-iżvilupp tas-sistemi tal-IT tagħhom li jappoġġaw l-allinjament tagħhom mal-leġiżlazzjoni doganali tal-UE huwa element ewlieni fil-valutazzjonijiet regolari mwettqa mill-UE li jkejlu l-progress tal-pajjiżi kandidati fit-triq tat-tkabbir u skont il-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni mal-UE.

Hemm żewġ sistemi tal-IT li xi wħud minn dawn il-pajjiżi diġà qed japplikaw u oħrajn qed iħejju biex jagħmlu dan:

(1)l-NCTS bħala s-sistema ta’ appoġġ tal-IT għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar Proċedura Komuni ta’ Tranżitu (CTC, Common Transit Convention)

(2)Sistemi tal-IT relatati għar-rikonoxximent reċiproku mal-programm AEO tal-UE.

Is-sitwazzjoni attwali tat-tħejjija tal-pajjiżi kandidati fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ sistemi tal-IT tvarja minn wieħed għal ieħor: il-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja, it-Turkija u l-Ukrajna diġà huma partijiet kontraenti tal-Konvenzjoni dwar Proċedura Komuni ta’ Tranżitu u għalhekk jużaw bis-sħiħ l-NCTS f’fażijiet differenti. Il-Moldova biss żviluppat rikonoxximent reċiproku tal-AEO mal-UE, għalkemm l-Ukrajna, il-Georgia u t-Turkija qed iħejju biex jagħmlu dan u għalhekk qed jiżviluppaw is-sistemi tal-IT nazzjonali tagħhom għal dan.

Il-pajjiżi kandidati se jkollhom jikkonnettjaw b’mod progressiv mas-sistemi tal-KDU jew jimplimentawhom fit-triq lejn is-sħubija mat-territorju doganali tal-UE, u skont id-data tal-adeżjoni ppjanata, dawn jistgħu jkunu meħtieġa wkoll jissodisfaw il-funzjonalitajiet tal-pjattaforma futura tad-data doganali proposta fil-pakkett tar-Riforma Doganali tas-17 ta’ Mejju 2023 u jissieħbu f’dan il-proġett komprensiv.

Fil-futur, fil-qafas tat-tħejjijiet tal-pajjiżi kandidati għat-tkabbir, rappurtar min-naħa tagħhom, ittestjar tal-konformità biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà bejn is-sistemi nazzjonali tagħhom u dawk tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni jew il-pjattaforma tad-data, u valutazzjoni mill-UE dwar il-prestazzjoni tagħhom se jkollhom isiru regolarment.

5.Sinteżi amministrattiva u konklużjonijiet

L-implimentazzjoni tal-IT tal-KDU kienet proġett komuni b’interess konġunt. Il-partijiet ikkonċernati kollha impenjaw ruħhom bis-sħiħ għalih mill-bidu fl-2014, meta ġie adottat l-ewwel WP tal-KDU.

Fil-kuntest tal-abbozzar ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni vvalutat bir-reqqa d-data pprovduta mill-partijiet ikkonċernati fl-ewwel nofs tal-2023. Dan żvela stampa mħallta tal-progress fl-implimentazzjoni tal-IT tal-KDU: filwaqt li l-Kummissjoni tinsab fit-triq it-tajba bl-attivitajiet kollha tagħha, min-naħa tal-Istati Membri l-progress kumplessiv mhuwiex daqshekk pożittiv u d-differenza bejn l-Istati Membri saret aktar evidenti milli fis-sena 2022.

Il-Progress tal-Istati Membri u l-Effett tad-Dewmien

Kien hemm effetti konsegwenzjali ċari mid-dewmien fis-sistemi nazzjonali fuq it-twassil tal-komponenti nazzjonali għas-sistemi trans-Ewropej, li minnhom infushom kellhom impatt dirett fuq Stati Membri u Operaturi Ekonomiċi oħra. Xi wħud minn dawn il-każijiet ta’ dewmien qed ipoġġu f’riskju l-iskadenzi stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-KDU u b’hekk potenzjalment iwasslu għal: (a) każijiet ta’ ksur u (b) nuqqas ta’ twettiq tal-awtomatizzazzjoni sħiħa tal-proċeduri doganali u l-faċilitazzjoni u għalhekk tal-benefiċċji stmati għas-settur privat u għall-Istati Membri l-oħra milquta, it-tnejn li huma għamlu investimenti enormi biex jissodisfaw l-iskadenzi.

Għal dan l-għan, dawn il-kwistjonijiet ġew ikkunsidrati fil-kuntest tar-reviżjoni tal-WP tal-KDU u ntlaħaq qbil dwar approċċ ġdid fil-WP il-ġdid tal-KDU, li jagħti prijorità lill-proċessi ewlenin u jipprovdi aktar żmien għall-finalizzazzjoni tal-implimentazzjoni sħiħa tal-proġett u tat-tranżizzjoni kumplessa mal-operaturi ekonomiċi kollha, li kienu enfasizzaw ukoll fit-TCG id-dewmien li ltaqgħu miegħu min-naħa tagħhom.

Filwaqt li l-maġġoranza tal-attivitajiet tal-proġett tal-Kummissjoni mhumiex dipendenti fuq il-progress nazzjonali, ċerti tipi ta’ attivitajiet jeħtieġu kollaborazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, bħall-Ittestjar tal-Konformità ta’ komponent nazzjonali ta’ sistema trans-Ewropea. Minħabba dan l-impatt kollaterali, jista’ jiġi osservat li d-dewmien fl-implimentazzjoni tal-komponenti nazzjonali minn Stati Membri speċifiċi għandu impatt fuq il-kisbiet kumplessivi fit-twettiq tal-proġetti trans-Ewropej u fuq it-twettiq tal-KDU fl-intier tiegħu.

F’konformità mal-Artikolu 6(4) tal-KDU, derogi għal ċerti Stati Membri jistgħu jingħataw biss jekk ma jaffettwawx l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istat Membru li lilu tkun indirizzata u Stati Membri oħra u lanqas l-iskambju u l-ħażna ta’ informazzjoni fi Stati Membri oħra għall-fini tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali. Id-dewmien ta’ ċerti Stati Membri biex jintroduċu xi wħud mis-sistemi meħtieġa għandu effett negattiv fuq il-kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi madwar l-Unjoni peress li dawn is-sistemi huma maħsuba biex joffru l-istess faċilitajiet lill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, minħabba n-natura tas-sistemi differenti, il-bidliet meħtieġa għall-allinjament mar-rekwiżiti tal-KDU għandhom riperkussjonijiet ukoll fuq sistemi tal-IT relatati jew dipendenti oħra u xi wħud għandhom sinifikat fil-protezzjoni tad-dħul u fil-ġlieda kontra l-kummerċ inġust u illeċitu.

Il-Kummissjoni evalwat it-talbiet għal deroga mill-Istati Membri u vvalutat id-dewmien fis-sistemi trans-Ewropej. Dan irriżulta f’ħames deċiżjonijiet ta’ deroga u r-reviżjoni tal-WP tal-KDU matul l-2023. B’mod parallel, il-Kummissjoni bdiet ukoll ir-reviżjoni tal-MASP-C. L-approvazzjoni tal-MASP-C il-ġdid tal-2023 mid-Diretturi Ġenerali fil-Grupp tal-Politika Doganali u l-adozzjoni tal-WP il-ġdid tal-KDU mill-Kummissjoni fil-15 ta’ Diċembru 2023 jipprevedu qafas legali u operazzjonali rivedut u linja bażi ġdida biex jitkejjel il-progress għall-proġetti li għaddejjin.

Il-WP il-ġdid tal-KDU huwa l-istrument biex imexxi lill-Istati Membri lejn implimentazzjoni komuni u fattibbli tal-proġetti pendenti, filwaqt li jħalli aktar flessibbiltà biex jintlaħqu l-iskadenzi finali, madankollu jżomm il-pressjoni meħtieġa għal implimentazzjoni sħiħa tal-WP tal-KDU sal-31 ta’ Diċembru 2025. Kif muri hawn taħt bl-aħdar, il-progress fl-implimentazzjoni għaddej u riesaq lejn l-2025.

Figura 4 — Ħarsa Ġenerali lejn l-Ippjanar

Biex jinġabar fil-qosor il-progress tal-Istati Membri, jista’ jiġi osservat li madwar 71 % tal-Istati Membri li ngħataw deroga għas-sistemi nazzjonali ta’ dħul/importazzjoni u għar-Rilaxx 2 tal-ICS2, huma mistennija li jissodisfaw l-iskadenza tal-31 ta’ Diċembru 2023. Ta’ min jinnota li l-varar pendenti jikkonċerna l-aktar il-Ħżin Temporanju u l-aġġornament tas-Sistema ta’ Importazzjoni Nazzjonali (NIS, National Import System). Dan id-dewmien mhux biss qed ikollu impatt fuq proġetti trans-Ewropej bħall-Ikklerjar Ċentralizzat għall-Importazzjoni iżda jestendi l-perjodu ta’ tranżizzjoni għall-operaturi ekonomiċi, u b’hekk ifixkel il-proċess u l-armonizzazzjoni tad-data.

Barra minn hekk, id-dewmien fin-NIS ifixkel il-preżentazzjoni tad-data lis-sistema Surveillance 3. Minħabba r-rwol kritiku tagħha fil-monitoraġġ tat-tranżazzjonijiet u tal-flussi kummerċjali, dan wassal għal effetti negattivi f’setturi speċifiċi, bħas-suq agrikolu. Barra minn hekk, l-istabbiliment tal-NIS huwa essenzjali biex tiġi żgurata implimentazzjoni uniformi tat-Tariffa Doganali Komuni tal-Unjoni. Dan ifisser l-appoġġ għall-valutazzjoni tar-riskju tal-Istati Membri fir-rigward tal-leġiżlazzjoni doganali u l-uniformità tal-kontrolli doganali, il-ġlieda kontra l-evażjoni tal-miżuri u tas-sanzjonijiet, il-protezzjoni tal-Unjoni minn kummerċ inġust u illegali (inklużi r-rekwiżiti relatati mal-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (CBAM, Carbon Border Adjustment Mechanism)).

Meta nħarsu lejn l-istampa totali kontra l-WP il-ġdid tal-KDU, nidentifikaw tliet kategoriji għall-iżvilupp futur:

Madwar 60 % tal-Istati Membri ħabbru li se jkunu jistgħu jvaraw is-sistemi kollha tagħhom fl-iskadenzi tal-proġett skedati fil-WP il-ġdid tal-KDU għas-sentejn li ġejjin. Huma onoraw l-impenji tagħhom u f’każ ta’ dewmien limitat għal ftit sistemi biss, jidher li għandhom l-għodod ta’ ġestjoni xierqa fis-seħħ biex jinnavigaw b’mod effettiv madwar ostakli potenzjali. L-iskadenza tal-2025 tinsab f’riskju baxx.

Madwar 25–30 % tal-Istati Membri indikaw li s-sitwazzjonijiet tagħhom marru għall-agħar mill-2022. Jidher li d-dewmien kompla jakkumula. Il-WP rivedut tal-KDU jħallihom b’aktar għażliet biex inaqqsu l-grad ta’ nuqqas ta’ konformità mal-iskadenzi, madankollu, jekk ma jkunux involuti f’azzjonijiet ta’ mitigazzjoni b’saħħithom, jirriskjaw li jonqsu milli jissodisfaw l-iskadenzi tal-proġett għal sistema waħda jew aktar. L-iskadenza tal-2025 tinsab f’riskju medju.

Madwar 10–15 % tal-Istati Membri għandhom dewmien serju għall-biċċa l-kbira tas-sistemi li fadal. Dawn l-Istati Membri qed isibuha diffiċli biex jegħlbu d-dewmien tagħhom u probabbilment se jitilfu għadd ta’ skadenzi tal-proġett, irrispettivament mill-interventi pprovduti. Dan huwa dovut għall-isfidi tal-akkwist, l-ebda ġestjoni aġli tal-proġetti, nuqqas ta’ ppjanar stabbli u affidabbli biex jitwettqu u l-persistenza ta’ kwistjonijiet strutturali fl-amministrazzjonijiet li jolqtu kważi l-proġetti kollha tal-KDU. Anke bil-WP il-ġdid tal-KDU, għad hemm sfida sinifikanti biex titwettaq l-implimentazzjoni sħiħa tal-IT tal-KDU. L-iskadenza tal-2025 tinsab f’riskju għoli.

Il-partijiet ikkonċernati kollha għandhom jikkonċentraw l-isforzi u l-investimenti tagħhom fuq l-iskedi ta’ żmien legali stabbiliti fil-Programm ta’ Ħidma l-ġdid tal-KDU. Il-monitoraġġ mill-qrib tal-Kummissjoni fil-livell tal-programm kif ukoll tal-proġett se jkompli matul is-sentejn li ġejjin u se jkun appoġġat b’laqgħat bilaterali u plenarji mal-Istati Membri. Għal xi Stati Membri l-kuntratt ta’ konsulenza mniedi reċentement biex jappoġġa l-implimentazzjoni tal-IT tal-KDU tal-Istati Membri jista’ jkollu xi impatt fl-iffaċilitar tal-proċess, jew parzjalment jgħin fit-tnaqqis tad-dewmien. L-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw ukoll mill-appoġġ ipprovdut taħt l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku tal-2024, mill-inqas għall-proġetti approvati. Il-Kummissjoni qed timxi ’l quddiem ma’ għadd ta’ Stati Membri fuq iż-żewġ perkorsi.

F’dan il-kuntest ta’ dewmien akkumulat fl-implimentazzjoni tal-KDU mill-Istati Membri, huwa importanti li l-Kummissjoni tesplora wkoll l-użu potenzjali ta’ strumenti oħra disponibbli biex jiġu indirizzati l-implikazzjonijiet għall-Istati Membri li jinsabu lura b’mod sinifikanti fl-iskedi ta’ żmien tal-varar tagħhom.

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1–101.

(2)

Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: 

2019: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/ALL/?uri=CELEX%3A52019SC0434 ;

2020: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52020SC0339 ;

2021: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52021SC0382 ;

2022:  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52023SC0029 .

(3)

 Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2151 tat-13 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-programm ta’ ħidma relatat mal-iżvilupp u t-tnedija tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, ĠU L 325, 16.12.2019, p. 168–182, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A32019D2151 .

(4)

 Ir-Regolament (UE) 2019/632 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 952/2013 biex jittawwal il-perjodu taż-żmien tal-użu tranżizzjonali ta’ mezzi oħrajn minbarra t-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-dejta previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 111, 25.4.2019, p. 54–58).

(5)

 Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2879 tal-15 ta’ Diċembru 2023 li tistabbilixxi Programm ta’ Ħidma relatat mal-iżvilupp u l-varar tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, ĠU L_202302879, 22.12.2023, p. 1–17, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=OJ:L_202302879 .

(6)

 Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja r-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 278a tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, dwar il-progress fl-iżvilupp tas-sistemi elettroniċi previsti fil-KodiċiSWD(2024) XX final.

(7)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/438 tal-24 ta’ Frar 2023 li tagħti deroga mitluba minn ċerti Stati Membri skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jintużaw mezzi oħrajn għajr it-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data għall-iskambju u l-ħażna tal-informazzjoni għar-Rilaxx 2 tas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2 (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 56–58).

(8)

Id-data ġiet aġġornata kif xieraq fir-Reviżjoni tal-WP tal-KDU tal-2023.

(9)

L-approċċ ippreżentat fl-2023 fil-kuntest tar-reviżjoni tal-WP tal-KDU u l-MASP-C. It-tmiem tal-perjodu ta’ varar għas-CCI — Fażi 1 huwa previst li jdum sa tmiem it-tieni trimestru tal-2024, bl-iskadenza finali tal-varar fl-1 ta’ Lulju 2024.

(10)

Kif previst fil-WP il-ġdid tal-KDU, l-NCTS — Fażi 5 se tiġi varata bis-sħiħ sal-21 ta’ Frar 2025. Il-perjodu ta’ tranżizzjoni mill-NCTS — Fażi 5 sal-NCTS — Fażi 6 huwa previst bejn l-1 ta’ Marzu 2025 u l-1 ta’ Settembru 2025, matul l-istess perjodu li l-ICS2 — Rilaxx 2 se jgħaddi għall-ICS2 — Rilaxx 3, li jippermetti s-sinkronizzazzjoni bejn iż-żewġ sistemi.

(11)

 Din l-iskeda ta’ żmien teskludi l-Komponent tal-Esportazzjoni tas-sistema tal-Proċeduri Speċjali nazzjonali, li għaliha l-attività u l-ippjanar huma interkonnessi mas-Sistema Awtomatizzata tal-Esportazzjoni (AES).

(12)

 Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/235 tal-1 ta’ Frar 2023 li tagħti deroga mitluba minn ċerti Stati Membri skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jintużaw mezzi oħrajn għajr it-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data għall-iskambju u l-ħażna tal-informazzjoni għan-notifika tal-wasla ta’ bastiment tal-baħar jew ta’ inġenju tal-ajru (ĠU L 32, 3.2.2023, p. 220–222).

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/234 tal-1 ta’ Frar 2023 li tagħti deroga mitluba minn ċerti Stati Membri skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jintużaw mezzi oħrajn għajr it-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data għall-iskambju u l-ħażna tal-informazzjoni għan-Notifika tal-Preżentazzjoni b’rabta ma’ merkanzija miġjuba fit-territorju doganali tal-Unjoni (ĠU L 32, 3.2.2023, p. 217–219).

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/236 tal-1 ta’ Frar 2023 li tagħti deroga mitluba minn ċerti Stati Membri skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jintużaw mezzi oħrajn għajr it-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data għall-iskambju u l-ħażna tal-informazzjoni għad-dikjarazzjoni għall-Ħażna Temporanja b’rabta mal-merkanzija mhux tal-Unjoni preżentata lid-dwana (ĠU L 32, 3.2.2023, p. 223–225).

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/237 tal-1 ta’ Frar 2023 li tagħti deroga mitluba minn ċerti Stati Membri biex jintużaw mezzi għajr tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data għall-iskambju u l-ħażna ta’ informazzjoni b’rabta mad-dikjarazzjoni doganali għal merkanzija miġjuba fit-territorju dagonali tal-Unjoni stabbilita fl-Artikoli 158, 162, 163, 166, 167, 170 u 174, 201, 240, 250, 254 u 256 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 32, 3.2.2023, p. 226–228).

(13)

 Għall-mezzi tat-trasport ħlief bl-ajru, id-derogi għan-Notifika tal-Wasla, in-Notifika tal-Preżentazzjoni u l-Ħżin Temporanju jdumu sad-29 ta’ Frar 2024.

(14)

Fir-reviżjoni tal-WP tal-KDU tal-2023, l-użu tal-ICS2 — Rilaxx 3 sħiħ mill-Istati Membri kollha huwa previst għat-3 ta’ Ġunju 2024. Il-varar tas-sistema ICS2 — Rilaxx 3 huwa ppjanat fi tliet passi: Il-Pass 1 dwar it-trasportaturi marittimi u tal-passaġġi fuq l-ilma interni (b’perjodu ta’ varar li jibda fit-3 ta’ Ġunju 2024 u jintemm fl-4 ta’ Diċembru 2024); Il-Pass 2 kien relatat mal-house filers fit-traffiku marittimu u fil-passaġġi fuq l-ilma interni (b’perjodu ta’ varar li jibda fl-4 ta’ Diċembru 2024 u jispiċċa fl-1 ta’ April 2025); u l-Pass 3 rigward it-trasportaturi bit-triq u bil-ferrovija (b’perjodu ta’ varar li jibda fl-1 ta’ April 2025 u jispiċċa fl-1 ta’ Settembru 2025).

(15)

Fir-reviżjoni tal-WP tal-KDU tal-2023, it-tmiem tal-perjodu tat-tnedija huwa previst għall-1 ta’ Lulju 2024.

(16)

Fir-reviżjoni tal-WP tal-KDU tal-2023, it-tmiem tal-perjodu ta’ varar għall-funzjonalitajiet ewlenin tas-sistema huwa previst għall-1 ta’ Diċembru 2023 u l-funzjonalitajiet li jifdal għat-2 ta’ Diċembru 2024. Sat-2 ta’ Diċembru 2024, l-Istati Membri u n-negozjanti kollha għandhom jużaw is-sistema NCTS — Fażi 5. It-tmiem tat-tranżizzjoni huwa previst għall-21 ta’ Jannar 2025.

(17)

Fir-Reviżjoni tal-WP tal-KDU tal-2023, it-tmiem tal-perjodu ta’ varar għall-funzjonalitajiet ewlenin tas-sistema huwa previst għall-1 ta’ Diċembru 2023, l-iżvilupp ta’ interfaċċa armonizzata mal-EMCS għat-13 ta’ Frar 2024, u l-funzjonalitajiet li jifdal għat-2 ta’ Diċembru 2024. Sat-2 ta’ Diċembru 2024, l-Istati Membri u n-negozjanti kollha għandhom jużaw is-sistema AES. It-tmiem tat-tranżizzjoni huwa previst għall-11 ta’ Frar 2025.

(18)

Fir-reviżjoni tal-WP tal-KDU tal-2023, għall-GUM — Komponent 1, id-data tat-tnedija hija prevista għall-11 ta’ Marzu 2024 u, għall-GUM — Komponent 2, il-bidu tal-perjodu ta’ varar għandu jiġi definit mill-Istati Membri, fejn l-aktar data bikrija possibbli ta’ varar tkun il-11 ta’ Marzu 2024.